Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0111

Proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-kunsill li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex japplikaw miżuri ta' deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

/* KUMM/2010/0111 finali - NLE 2010/0070 */

52010PC0111

Proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-kunsill li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex japplikaw miżuri ta' deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2010/0111 finali - NLE 2010/0070 */


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 6.4.2010

KUMM(2010)111 finali

2010/0070 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex japplikaw miżuri ta' deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem: 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew biex iwaqqaf milli jseħħu ċerti forom ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittri rreġistrati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fil-15 ta' Ottubru u t-18 ta' Novembru 2009 rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu talbu awtorizzazzjoni biex japplikaw miżura li tagħti deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-VAT. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b'ittra fil-25 ta' Frar 2010 bit-talbiet magħmula minn dawn l-Istati Membri. B’ittra bid-data tat-2 ta’ Marzu, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talbiet.

Kuntest ġenerali

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, sabiex jiffaċilitaw it-trasport bit-triq u t-transitu bejn it-territorji tagħhom, iddeċidew li jadottaw ftehim biex jikkollegaw it-triq Bundesstrasse B 419 fil-Ġermanja mat-triq N1 tal-Lussemburgu bejn Wellen u Grevenmacher u, għal dan il-għan, biex jiġi rinnovat pont eżistenti fuq il-Mosel fuq in-naħa Ġermaniża u Lussemburgiża. Dan il-punt bejn il-fruntieri jestendi mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sat-territorju esklużiv tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu minn fuq il-Mosel li jgħaddi mit-territorju ta' ġestjoni konġunta (condominium).

Skont il-ftehim, is-sit tal-bini tal-pont fil-fruntiera u l-pont innifsu jkunu kkunsidrati bħala territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-iskopijiet ta' VAT fir-rigward il-provvista ta' oġġetti u servizzi u akkwisti intra-Komunitarji ta' oġġetti fir-rigward tar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni sussegwenti ta' dan il-pont fil-fruntiera.

Skont ir-regoli normali, il-prinċipju ta' territorjalità stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-VAT jirrekjedi li l-VAT tal-Ġermanja titħallas fuq ir-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni li jkunu saru fil-Ġermanja. Bl-istess mod, ir-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni li jkunu saru fit-territorju tal-Lussemburgu jkunu suġġetti għall-VAT tal-Lussemburgu. Meta wieħed japplika ir-regoli normali, dawn jimplikaw li jrid jiġi stabbilit il-post eżatt tat-tranżazzjonijiet taxxabbli skont it-territorju li fih tkun saret kull parti tax-xogħlijiet. B'żieda ma' dan, ix-xogħlijiet li jkunu saru fir-rigward tat-territorju b'ġestjoni konġunta ma jistax jiġi ntaxxat minn naħa waħda biss.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkunsidraw li l-applikazzjoni tar-regoli normali joħolqu kumplikazzjonijiet ta' taxxa għall-intrapriżi responsabbli għax-xogħol in kwistjoni u li d-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fil-ftehim huma ġġustifikati sabiex jiġu simplifikati r-responsabbiltajiet ta' taxxa tal-impriża kkonċernata. Il-Kummissjoni taċċetta li f’dawn il-każijiet, taxxa uniformi fuq ix-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni u manutenzjoni tippreżenta simplifikazzjoni li għandha tippermetti li l-intrapriżi kkonċernati japplikaw ir-regoli tat-taxxa b'mod aktar faċli milli kieku japplikaw ir-regoli normali tat-taxxa.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

F’bosta okkażjonijiet, il-Kunsill awtorizza Stati Membri biex jidderogaw mill-prinċipju ta’ territorjalità fir-rigward ta’ proġetti f’żoni fuq il-fruntiera.

IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Mhux rilevanti. |

Ġbir u użu tal-kompetenza |

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna. |

Valutazzjoni tal-impatt Id-Deċiżjoni proposta timmira li tissimplifika l-proċedura tal-ħlas tal-VAT fir-rigward tar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni ta’ pont fuq il-fruntiera u għalhekk għandha impatt ekonomiku potenzjalment pożittiv. Madankollu, minħabba l-ambitu ristrett tad-deroga, l-impatt se jkun f'kwalunkwe każ limitat. |

L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

L-awtorizzazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex jidderogaw mill-applikazzjoni territorjali tal-VAT fir-rigward tar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni ta’ pontijiet fuq il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.

Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT, Stat Membru li jixtieq idaħħal miżuri ta' deroga mill-imsemmja Direttiva għandu jikseb awtorizzazzjoni mill-Kunsill, li tieħu l-forma ta' Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in.

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stati Membri fuq it-talba tagħhom stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-ambitu ristrett ħafna tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq.

Għażla ta’ strumenti

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. B’żieda ma' dan, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-iktar strument adattat ladarba tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta m’għandhiex implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-Komunità.

2010/0070 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex japplikaw miżuri ta' deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Permezz ta’ ittri rreġistrati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fil-15 ta' Ottubru u t-18 ta' Novembru 2009 rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu talbu awtorizzazzjoni biex japplikaw miżura li tagħti deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni ta' pont bejn il-fruntieri.

2. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, b'ittra bid-data tal-25 ta' Frar 2010, għarrfet lill-Istati Membri l-oħra dwar it-talbiet magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu. B’ittra bid-data tat-2 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talbiet.

3. L-għan tal-miżuri hi, għall-provvista ta' oġġetti u servizzi u akkwisti intra-Komunitarji ta' oġġetti maħsuba għar-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni sussegwenti ta' pont bejn il-fruntieri fuq il-Mosel, sabiex il-pont u s-sit ta' kostruzzjoni jiġu meqjusa, bħala interament fuq it-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu skont ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi.

4. Fin-nuqqas ta' miżura speċjali, ikun neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-post ta' tassazzjoni kienx ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew il-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Xogħol li jsir fuq pont tal-fruntiera fuq territorju Ġermaniż għandu jkun suġġett għal taxxa fuq il-valur miżjud fil-Ġermanja waqt dak ix-xogħol li jsir fuq territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jkun suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud fil-Lussemburgu. B'żieda ma' dan, il-pont jaqsam territorju ta' ġestjoni konġunta (condominium) u x-xogħol f'din iż-żona ma jistax jiġi attribwit esklussivament għat-territorju ta' wieħed miż-żewġ Stati Membri fir-rigward ta' determinazzjoni ta' post uniku ta' provvista.

5. Għalhekk, l-għan ta' din id-deroga huwa li jissimplifika l-proċedura għall-ħlas tat-taxxa fuq ir-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni tal-pont ikkonċernat.

6. Din id-deroga mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea pprovduti mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu huma b'dan awtorizzati, fir-rigward tal-pont eżistenti bejn il-fruntieri fuq ix-xmara Mosel li jorbot it-toroq B 419 fil-Ġermanja u l-N1 fil-Lussemburgu bejn Wellen u Grevenmacher, iqisu dan il-pont u s-sit ta' kostruzzjoni tiegħu bħala interament fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-iskopijiet ta' provvista ta' oġġetti u servizzi u l-akkwisti intra-Komunitarji ta' oġġetti maħsuba għar-rinnovazzjoni jew manutenzjoni sussegwenti ta' dan il-pont.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 347, 11.12.2006, p.1

Top