Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0085

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-servizz Ewropew ta' azzjoni esterna

/* KUMM/2010/0085 finali - COD 2010/0054 */

52010PC0085

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-servizz Ewropew ta' azzjoni esterna /* KUMM/2010/0085 finali - COD 2010/0054 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell, 24.3.2010

COM (2010) 85 finali

2010/0054 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-servizz Ewropew ta' azzjoni esterna

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-proposta preżenti tal-Kummissjoni timmira li temenda r-Regolament Finanzjarju f'konformità mal-ħolqien tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna (minn hawn 'il quddiem l-EEAS) kif previst fit-Trattat ta' Liżbona. Ir-Regolament Finanzjarju (RF) jirregola r-regoli u proċeduri kollha applikabbli għall-użu tal-fondi tal-UE u għandu jiġi rispettat mill-istituzzjonijiet kollha. Huwa ssupplimentat mir-Regoli ta' Implimentazzjoni (RI) li għandhom ukoll jiġu emendati, fi proposta separata, biex jakkomodaw il-ħolqien tal-EEAS. Speċifiċitajiet għall-ġestjoni tal-Persunal tal-EEAS huma mressqa fi proposta separata tal-Kummissjoni għal emenda tar-Regolament tal-Persunal.

Il-bidliet proposti jibnu fuq il-linji gwida approvati mill-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 29-30, 2009 għall-ħolqien tal-EEAS futur bħala servizz sui generis .

Il-Kummissjoni se tippreżenta, kif previst fl-Artikolu 184 tar-Regolament Finanzjarju, il-proposta tagħha għar-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju fi tmiem l-ewwel semestru 2010. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li reviżjoni ad hoc tar-RF hi inevitabbli qabel u separatament mir-reviżjoni triennali sabiex l-EEAS ikun jista' jidħol fis-seħħ malajr. Aspetti oħra relatati mal-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona ġew koperti minn proposta separata adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta' Marzu 2010 (COM(2010)71).

1. It-tibdiliet prinċipali relatati mal-ħolqien tal-EEAS

L-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li l-EEAS jassisti r-Rappreżentant Għoli (HR) sabiex iwettaq il-mandat tiegħu u li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-servizz għandu jkun stabbilit b'deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u wara li jinkiseb il-kunsens tal-Kummissjoni.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew tad-29-30 ta' Ottubru, 2009 approva xi linji gwida għall-ħolqien tal-EEAS futur bħala servizz sui generis u stieden lir-Rappreżentant Għoli biex jistabbilixxi l-EEAS ' sa tmiem April 2010 '.

F'termini baġitarji, l-EEAS se jiġi trattat bħala istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Finanzjarju, sabiex ikollu awtonomija baġitarja, jiġifieri t-taqsima tiegħu fil-baġit tal-UE. Huwa se jimplimenta l-infiq amministrattiv tiegħu stess (bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha) u għalhekk se jirċievi r-rilaxx mill-Parlament Ewropew għal dan. Il-Parlament Ewropew għalhekk se jeżerċita l-poteri baġitarji u ta' kontroll sħaħ tiegħu fir-rigward tal-EEAS.

Barra minn hekk, id-Delegazzjonijiet attwali tal-Kummissjoni madwar id-dinja se jsiru Delegazzjonijiet tal-Unjoni u se jkunu parti mill-EEAS. Minħabba li dawn id-Delegazzjonijiet se jkomplu jimplimentaw l-għajnuna esterna, li bħalissa huwa għal bosta minnhom il-kompitu ewlieni tagħhom, għandhom jinstabu modi biex jippermettulhom li jimplimentaw l-infiq operattiv waqt li m'għadhomx parti mill-Kummissjoni, b'kont meħud li l-parti kkonċernata tal-persunal tagħhom, jiġifieri persunal operattiv u finanzjarju, jibqa' persunal tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qagħdet partikolarment attenta li l-proposta preżenti tippermetti lill-EEAS sabiex iwettaq din il-ħidma ta' azzjoni esterna unifikata, mingħajr ma twassal biex jiddgħajfu l-ġestjoni finanzjarja tajba, ir-responsabilità u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Naturalment, il-Parlament Ewropew se jkompli jagħti rilaxx lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-Baġit, inklużi l-approprjazzjonijiet operattivi implimentati mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li se jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni.

Biex jinkiseb dan il-għan, il-modifikazzjonijiet introdotti fir-Regolament Finanzjarju jimmiraw lejn l-integrazzjoni tal-EEAS fi ħdan il-qafas ta' treġija finanzjarja tal-Kummissjoni kulmeta huwa jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-baġit operattiv tagħha. F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-EEAS jibni fuq l-esperjenza, gwida, appoġġ u taħriġ għall-ġestjoni finanzjarja u kontroll intern fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni li ġew żviluppati mill-Kummissjoni għal ħafna snin.

L-approċċ propost huwa li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni b'sottodelega mid-Diretturi Ġenerali (DĠ) responsabbli tal-Kummissjoni. Dawn isiru uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega (AOSDs) tal-Kummissjoni u jkunu responsabbli lejn id-DĠ li jkun ta kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit b'sottodelega lilhom. Regoli speċifiċi huma għalhekk proposti sabiex il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, meta dawn jimplimentaw parti mit-taqsima tal-baġit tal-Kummissjoni japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit u jkunu sottomessi għall-istess dmirijiet u obbligi bħal kull uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan il-Kummissjoni tista' tagħtihom istruzzjonijiet fejn ikun meħtieġ u xieraq.Ir-regoli attwali dwar l-OLAF ser japplikaw ukoll għall-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-każijiet ta' irregolaritajiet finanzjarji marbuta mal-ġestjoni ta' approprjazzjonijiet mit-taqsima EEAS tal-Baġit u l-approprjazzjonijiet sottodelegati lilhom mit-taqsima tal-Kummissjoni tal-Baġit. Ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-OLAF ma hija meħtieġa fir-Regolament Finanzjarju. Madankollu, il-proposta preżenti tal-Kummissjoni tinkludi dispożizzjoni ġdida sabiex il-panel ta' irregolaritajiet tal-Kummissjoni ikun ukoll il-panel ta' irregolaritajiet għall-EEAS fil-każijiet fejn il-Kummissjoni tgħaddi b'sottodelega poteri tal-implimentazzjoni lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni.Dispożizzjonijiet ġodda huma proposti wkoll biex jiżguraw li l-HR tilgħab rwol ċentrali fil-koordinazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni xierqa bejn l-EEAS u l-Kummissjoni.

Fl-aħħarnett, sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni effiċjenti tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, huwa propost li l-ispiża amministrattiva u ta' appoġġ li tiffinanzja l-ispejjeż komuni fid-Delegazzjonijiet għandha tiġi eżegwita minn servizz ta' appoġġ wieħed, irrispettivament mit-taqsima tal-baġit li fiha l-approprjazzjonijiet rispettivi jkunu mdaħħla. Għal dak il-għan, il-possibbiltà ta' regoli dettaljati għandha tkun prevista fl-Artikolu 50 tar-RF, bi ftehim mal-Kummissjoni.

2. Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Regoli ta' Implimentazzjoni

Biex jikkomplementa l-proposta preżenti tal-Kummissjoni għal emenda tar-Regolament Finanzjarju, dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jippreżenta l-bidliet meħtieġa fir-Regoli ta' Implimentazzjoni. Dawn il-bidliet se jiġu adottati mill-Kummissjoni ladarba r-RF emendat jiġi adottat u se jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom japplikaw għall-Kapijiet tad-Delegazzjoni meta dawn jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni, b'mod partikolari:

- il-fatt li huma jridu jiffirmaw il-Karta għall-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega, li tistipula fid-dettall l-obbligi u d-dmirijiet tagħhom, qabel ma jibdew jimplimentaw il-Baġit tal-UE.;

- ir-Regoli Interni tal-Kummissjoni għall-esekuzzjoni tal-Baġit;

- il-kodiċi ta' standards professjonali addottat mill-Kummissjoni;

- il-panel ta' irregolaritajiet tal-Kummissjoni (dispożizzjonijiet komplementari ma' dawk diġà stabbiliti fir-RF huma mnaqqxa fir-Regoli ta' Implimentazzjoni).

2010/0054 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-servizz Ewropew ta' azzjoni esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri[1],

Filwaqt li mxew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[2] (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament Finanzjarju), jistabbilixxi l-prinċipji tal-baġit u r-regoli finanzjarji li għandhom jiġu rispettati fl-atti leġiżlattivi kollha. Huwa meħtieġ li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju sabiex jittieħed kont tal-emendi introdotti mit-Trattat ta' Liżbona.

4. It-Trattat ta' Liżbona jistabbilixxi Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna (minn hawn 'il quddiem l-"EEAS"). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 Ottubru 2009, l-EEAS huwa servizz ta' natura sui generis u għandu jiġi ttrattat bħala istituzzjoni għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju.

5. Minħabba li l-EEAS għandu jiġi trattat bħala istituzzjoni għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju, il-Parlament Ewropew għandu jagħti rilaxx lill-EEAS għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ivvutati fit-taqsima tal-EEAS tal-Baġit. Il-Parlament Ewropew ukoll għandu jkompli jagħti rilaxx lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-Baġit, inklużi l-approprjazzjonijiet operattivi implimentati mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet li huma uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni.

6. It-Trattat ta' Liżbona jipprevedi li d-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni jsiru parti mill-EEAS bħala Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti tagħhom, kull nefqa amministrattiva u ta' appoġġ tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li tiffinanzja l-ispejjeż komuni għandha tiġi eżegwita minn servizz ta' appoġġ uniku. Għal dak il-għan, ir-Regolament Finanzjarju għandu jipprevedi l-possibbiltà għal regoli dettaljati, li jridu jiġu miftiehma mal-Kummissjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet operattivi tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni mdaħħla fit-taqsimiet tal-EEAS u tal-Kunsill tal-Baġit.

7. Huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u b'mod partikolari l-kontinwità u l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-għajnuna esterna mid-Delegazzjonijiet. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex tgħaddi b'sottodelega s-setgħat tagħha ta' implimentazzjoni baġitarja tal-infiq operattiv lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jappartjenu għall-EEAS bħala istituzzjoni separata. Barra minn hekk, fejn il-Kummissjoni timplimenta l-baġit b'ġestjoni ċentralizzata diretta, għandu jkun permess lilha li tagħmel dan ukoll permezz ta' sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. L-uffiċjali awtorizzanti b'delega tal-Kummissjoni għandhom ikomplu jkunu responsabbli għad-definizzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni u kontroll interni, filwaqt li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-ħolqien u t-tħaddim ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll interni u għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet imwettqa fid-Delegazzjonijiet tagħhom u huma għandhom jirrapportaw dwar dan darbtejn fis-sena.

8. Sabiex ikunu konformi mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, meta jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni u għandhom ikunu suġġetti għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabbiltà bħal kull uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni. Għal dawk il-finijiet, huma għandhom jirreferu wkoll għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni tagħhom fejn meħtieġ.

9. Il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà sħiħa għall-proċedura tar-rilaxx f'dak li jikkonċerna t-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit implimentata mill-EEAS. Sabiex jippermettu lill-Kummissjoni biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jiffaċilita l-koperazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

10. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jibqa' responsabbli għat-taqsima tal-Kummissjoni tal-Baġit kollha kemm hi, inklużi l-operazzjonijiet ta' kontabilità li jirrigwardaw l-approprazzjonijiet mgħoddija b'sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li r-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontabilità tal-EEAS għandhom jikkonċernaw biss it-taqsima tal-baġit tal-EEAS biex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta' responsabbiltajiet.

11. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-ugwaljanza tat-trattament bejn l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega li huma persunal tal-EEAS u dawk li huma impjegati tal-Kummissjoni, kif ukoll l-infurmar xieraq tal-Kummissjoni, il-bord speċjali għall-irregolaritajiet finanzjarji tal-Kummissjoni għandu wkoll ikun responsabbli sabiex jieħu azzjoni dwar irregolaritajiet fi ħdan l-EEAS fejn il-Kummissjoni għaddiet poteri ta' implimentazzjoni b'sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, sabiex tinżamm ir-rabta bejn ir-responsabbiltà tal-ġestjoni finanzjarja u l-azzjoni dixxiplinari, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata titlob lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà sabiex jibda proċedimenti jekk il-bord isib irregolaritajiet li jikkonċernaw il-kompetenzi tal-Kummissjoni mgħoddija b'sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. F'dan il-każ ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-azzjoni xierqa skont ir-Regolament tal-Persunal.

12. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza, l-effiċjenza u l-effiċjenza ekonomika tal-kontroll finanzjarju, l-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jaġixxi bħala l-awditur intern tal-EEAS fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit tal-Kummissjoni u tal-EEAS.

13. Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 hu emendat kif ġej:

(1) Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2), il-kliem 'is-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna' jiddaħħlu quddiem 'il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali'.

(2) Fl-Artikolu 28(1), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi ssostwit b'dan li ġej:

"Kull proposta jew inizjattiva sottomessa lill-awtorità leġiżlattiva mill-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà jew Stat Membru, li jista' jkollha impatt fuq il-baġit, inkluż tibdil fin-numru ta' karigi, għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni finanzjarja u l-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 27(4) ta' dan ir-Regolament."

(3) Fl-Artikolu 30(3), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi ssostwit b'dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b'mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u skont l-Artikolu 53a, u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi kif ipprovduti mill-entitajiet li lilhom ikunu delegati l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit taħt modi oħrajn ta' ġestjoni."

(4) Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31, il-kliem 'is-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna' huma mdaħħla quddiem 'il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali'.

(5) Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 tiżdied is-sentenza li ġejja:

"Madankollu, regoli dettaljati jistgħu jiġu miftiehma mal-Kummissjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet operattivi tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni mdaħħla fit-taqsimiet tal-Baġit tal-EEAS u tal-Kunsill."

(6) Fl-Artikolu 51 għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"Madankollu, il-Kummissjoni tista' tiddelega l-poteri tagħha ta' implimentazzjoni tal-baġit għall-approprjazzjonijiet tat-taqsima tagħha stess lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Meta l-Kapijiet ta' Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni, huma għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit u għandhom ikunu sottomessi għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabbiltà bħal kull uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni.

Għall-finijiet tat-tieni paragrafu, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni."

(7) L-Artikolu 53a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 53a

Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti implimentattivi għandhom jitwettqu, jew direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, jew b'mod indirett, skont l-Artikoli 54 sa 57."

(8) Fl-Artikolu 59, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

'5. Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom jirreferu, meta d-dmirijiet tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti jeħtieġu hekk, għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni tagħhom."

(9) Fit-Taqsima 2 jiddaħħal l-Artikolu 60a li ġej:

'1. Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni xierqa tal-fondi, sabiex tiġi żgurata b'mod partikolari l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, ir-rispett tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba fil-ġestjoni tal-fondi u l-ħarsien effettiv tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tqiegħed fil-periklu r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit sottodelegat lilhom kif ukoll kwalunkwe kunflitt ta' interessi jew prijoritajiet li jkollhom impatt fuq l-implimentazzjoni tad-dmirijiet tal-ġestjoni finanzjarja ssottodelegati lilhom.

Meta jinqalgħu sitwazzjoni jew kunflitt kif imsemmija fit-tieni subparagrafu, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jgħarrfu b'dan mingħajr dewmien lid-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.

2. Meta Kap ta' Delegazzjoni tal-Unjoni jsib ruħu f'sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 60(6), huwa għandu jirreferi għall-bord tal-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf skont l-Artikolu 66(4). Fil-każ ta' kwalunkwe attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tippreġudika l-interessi tal-Komunità, huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet jew korpi maħtura mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

3. Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom jirrapportaw darbtejn fis-sena lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega tagħhom sabiex huma jkunu jistgħu jintegraw ir-rapporti tagħhom fir-rapport annwali ta' attivita tiegħu msemmi fl-Artikolu 60(7). Dak ir-rapport biennali sottomess mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandu jinkludi informazzjoni dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll interni stabbiliti fid-delegazzjoni tagħhom, kif ukoll il-ġestjoni ta' operazzjonijiet sottodelegata lilhom.

4. Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu ta' Artikolu 51 għandhom iwieġbu għal kwalunkwe talba mill-uffiċjal awtorizzanti b'delega tal-Kummissjoni.

(10) Fl-Artikolu 61(1), għandu jiġi miżjud is-subparagrafu li ġej:

"Ir-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontabilità tal-EEAS għandhom jikkonċernaw biss it-taqsima tal-EEAS tal-baġit kif implimentat mill-EEAS."

(11) L-Artikolu 66 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) jiżdied il-paragrafu 3a li ġej:

'3a. Fil-każ ta' sottodelegazzjoni lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, l-uffiċjali awtorizzanti b'delega għandhom ikunu responsabbli għad-definizzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll interni fis-seħħ, u l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom. Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-formazzjoni u l-funzjonament adegwati ta' dawk is-sistemi, skont l-istruzzjonijiet tal-uffiċjal awtorizzanti b'delega, u għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet li dawn jeżegwixxu fid-Delegazzjoni tal-Unjoni taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrapportaw dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu skont l-Artikolu 60a(3).

Kull sena, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jipprovdu lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega tal-Kummissjoni b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni fuq is-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll interni stabbiliti fid-Delegazzjoni tagħhom sabiex jippermettu lill-uffiċjal awtorizzanti biex jistabbilixxi d-dikjarazzjoni tiegħu ta' assigurazzjoni.'

(b) jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

5. Meta l-Kapijiet ta' Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-artikolu 51, il-bord speċjalizzat dwar l-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandu jkun kompetenti għall-każijiet imsemmija f'dak il-paragrafu.

Jekk il-bord isib problemi sistemiċi, huwa għandu jibgħat rapport bir-rakkomandazzjonijiet lill-uffiċjal awtorizzanti, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega tal-Kummissjoni, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx il-persuna involuta, u kif ukoll lill-awditur intern.

Fuq il-bażi tal-opinjoni tal-bord, il-Kummissjoni tista' titlob lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jibda, fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità li taħtar, proċedimenti li jwasslu għal azzjoni dixxiplinari jew għal ħlas ta' kumpens kontra l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega jekk l-irregolaritajiet jirrigwardaw il-kompetenzi tal-Kummissjoni mgħoddija lilhom b'sottodelega. F'każ bħal dan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu azzjoni xierqa skont ir-Regolament tal-Persunal."

(12) Fl-Artikolu 85 għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"Għall-iskopijiet tal-verifika interna tal-EEAS, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom ikunu suġġetti għas-setgħat ta' verifika tal-awditur intern tal-Kummissjoni għall-ġestjoni finanzjarja mgħoddija lilhom b'sottodelega.

Għal raġunijiet ta' koerenza, l-effiċjenza u l-effiċjenza ekonomika, l-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-awditur intern tal-EEAS fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsima tal-EEAS baġit."

(13) Fl-Artikolu 163, l-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"L-azzjonijiet imsemmijin f’dan it-Titolu jistgħu jiġu implimentati fuq bażi ċentralizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 53a, b'ġestjoni konġunta, fuq bażi deċentralizzata mill-pajjiż/i terz/i benefiċjarju/i, jew konġuntament ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 53 sa 57. ”

(14) fl-Artikolu 165, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"L-implimentazzjoni ta' azzjonijiet minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali benefiċjarji hija suġġetta għal skrutinju mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 53a."

(15) Fl-Artikolu 185, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'li ġej:

”3. L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess poteri fuq il-korpi msemmija fil-paragrafu 1 kif huwa jagħmel fir-rigward ta' dipartimenti tal-Kummissjoni jew Delegazzjonijiet tal-Unjoni."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f ' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President […] […]

[1] ĠU C […], […], p. […].

[2] ĠU L 248, 16.9.2002, p.1.

Top