EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0443

Is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 87–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 99/87


Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
Is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent

P7_TA(2010)0443

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent

2012/C 99 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Saħara tal-Punent,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1920 (2010) li estendiet il-mandat eżistenti tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO),

wara li kkunsidra l-aħħar rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU magħmula lill-Kunsill ta’ Sigurtà dwar is-Saħara al-Punent tal-14 ta’ April tal-2008, tat-13 ta’ April 2009 u tas-6 ta’ April tal-2010,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ratifikat mill-Marokk fit-3 ta’ Mejju 1979,

wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, b'mod speċjali l-Artikolu 2 ta’ dak il-ftehim,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tas-7 ta’ Diċembru 2009 dwar it-8 Sessjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Marokk u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fl-ewwel Samit UE-Marokk tas-7 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidra b'mod partikolari l-konklużjonijiet misluta mid-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament għas-Saħara tal-Punent f'Settembru 2006 u f'Jannar 2009, li talbu li l-mandat tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO) jiġi estiż, soġġett għal qbil min-naħa tal-partijiet kollha kkonċernati, sabiex tingħatalha l-kompetenza li tissorvelja r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent, u li talbu lill-Kummissjoni, anke u jekk xieraq permezz tad-Delegazzjoni tagħha f'Rabat, biex tissorvelja d-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent u tibgħat missjonijiet hemmhekk b'mod regolari,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Saħara tal-Punent, b'mod partikolari dik tas-27 ta’ Ottubru 2005 (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar is-Saħara tal-Punent, tal-10 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi bosta eluf ta’ Saħarawin abbandunaw ibliethom u armaw it-tined 'il barra minn El Aaiun, u waqqfu l-akkampament Gdaim Izyk bħala protesta paċifika għall-qagħda soċjali, politika u ekonomika u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom,

B.

billi wara bosta ġimgħat dawn kienu jammontaw għal madwar 15 000 persuna, skont l-osservaturi tan-Nazzjonijiet Uniti, u billi ġie stabbilit djalogu mal-awtoritajiet,

C.

billi nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru 2010, Nayem El-Garhi, adoloxxenti Saħarawi ta’ erbatax-il sena, inqatel u ħamsa oħra sfaw midruba mill-forzi militari Marokkini waqt li kienu qed jippruvaw jaslu sal-akkampament ftit 'il barra minn El Aaiun,

D.

billi nhar it-8 ta’ Novembru 2010, għadd mhux magħruf ta’ persuni, inklużi uffiċjali tal-pulizija u tas-sigurtà, inqatlu matul l-azzjoni tal-forzi tas-sigurtà Marokkini bl-għan li jiġi żmantellat l-akkampament ta’ protesta ta’ Gdaim Izyk; billi kien hemm ukoll rapporti dwar għadd sinifikanti ta’ ċivili midruba meta l-forzi tas-sigurtà użaw gass tad-dmugħ u lembubi biex jiżgumbraw l-akkampament,

E.

billi dawn l-inċidenti seħħew fl-istess jum meta infetaħ it-tielet ċiklu ta’ taħdidiet informali dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent fi New York, bil-parteċipazzjoni tal-Marokk, tal-Front Polisario u tal-pajjiżi osservaturi, l-Alġerija u l-Mawritanja,

F.

billi l-ġurnalisti, il-membri parlamentari nazzjonali u reġjonali tal-UE u Ewrodeputati ma tħallewx jidħlu f'El Aaiun u fl-akkampament Gdaim Izyk, u xi wħud minnhom saħansitra sfaw espulsi minn El Aaiun,

G.

billi titqies il-mewta vjolenti taċ-ċittadin Spanjol Babi Hamday Buyema f'ċirkostanzi li għadhom ma ġewx stabbiliti,

H.

billi wara aktar minn 30 sena, il-proċess tad-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent għadu mhux mitmum,

I.

billi l-UE għadha mħassba dwar il-kunflitt fis-Saħara tal-Punent u dwar il-konsegwenzi u l-implikazzjonijiet reġjonali tiegħu, inkluża s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent, u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-r-Rappreżentant Personali tiegħu biex tinstab soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli li tippermetti l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, kif previst fir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti,

J.

billi bosta rapporti wrew li r-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent qed jiġu sfrutatti mingħajr ma jħallu l-ebda benefiċċju għall-popolazzjoni lokali,

1.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent u jikkundanna bis-saħħa l-inċidenti vjolenti li seħħew fl-akkampament ta’ Gdaim Izyk meta kien qed jiġi żmantellat, u fil-belt ta’ Laâyoune;

2.

Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jibqgħu kalmi u joqogħdu lura minn aktar vjolenza;

3.

Jiddeplora t-telf ta’ ħajjiet umani u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi, tal-midruba u tal-persuni li għebu;

4.

Jinnota t-twaqqif mill-Parlament Marokkin ta’ kumitat ta’ inkjesta biex jistħarreġ l-avvenimenti li wasslu għall-intervent mill-awtoritajiet Marokkini, iżda jqis li n-Nazzjonijiet Uniti jkunu l-aktar korp adegwat biex iwettaq inkjesta internazzjonali indipendenti biex jiġu ċċarati l-avvenimenti, l-imwiet u l-għajbien;

5.

Jiddispjaċih mill-attakki fuq il-libertà tal-istampa u tal-informazzjoni li għaddew minnhom ħafna ġurnalisti Ewropej u jitlob lir-Renju tal-Marokk jippermetti l-aċċess liberu u l-moviment liberu fis-Saħara tal-Punent għall-istampa, l-osservaturi indipendenti u l-organizzazzjonijiet umanitarji; jiddeplora l-projbizzjoni imposta mill-awtoritajiet Marokkini fuq id-dħul fis-Saħara tal-Punent għall-membri parlamentari, il-ġurnalisti, il-mezzi tax-xandir u l-osservaturi indipendenti;

6.

Jinsisti dwar il-bżonn li l-korpi tan-NU jiġu mistiedna jipproponu t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent;

7.

Jilqa' t-tkomplija tal-laqgħat informali bejn il-Marokk u l-Front Polisario taħt l-awspiċi tal-r-Rappreżentant Personali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ukoll f'dawn iċ-ċirkostanzi ta’ tensjoni, u jitlob lill-protagonisti reġjonali jiżvolġu rwol aktar kostruttiv;

8.

Jisħaq dwar l-appoġġ tiegħu għall-issoktar tat-taħdidiet informali bejn il-partijiet fil-kunflitt, bl-għan li tinstab soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tingħata l-għajnuna umanitarja neċessarja, b'żieda fil-finanzjament allokat, lil numru ta’ persuni stmat bejn id-90 000 u l-165 000, li jgħixu fir-reġjun ta’ Tindouf, biex dawn jiġu megħjuna jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom għall-ikel, l-ilma, id-djar u l-kura medika u biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom;

10.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arrest u l-allegazzjonijiet b'rabta ma’ turment tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Saħarawi fit-territorju tas-Saħara tal-Punent; jitlob li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma f'ħabsijiet fit-territorju jew fil-Marokk jiġu trattati bi qbil mal-istandards internazzjonali u biex jinġiebu quddiem il-ġustizzja malajr u b'mod ġust;

11.

Jistieden lill-UE titlob li r-Renju tal-Marokk jirrispetta d-Dritt internazzjonali fir-rigward tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, lid-Delegazzjoni tal-PE għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Maghreb, lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Marokk, lill-Front Polisario u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Alġerija u tal-Mawritanja.


(1)  ĠU C 272 E, 9.11.2006, p. 582.


Top