Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0440

    Is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura

    ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 60–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 99/60


    Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
    Is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura

    P7_TA(2010)0440

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura

    2012/C 99 E/13

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2003 dwar id-diffikultajiet li jiffaċċja s-settur tal-apikultura Ewropew (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-22 ta’ April 2004 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet fil-qasam tal-apikultura (3),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (4), li jistipula dispożizzjonijiet speċjali għas-settur tal-apikultura fl-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura (5),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/21/UE tat-12 ta’ Marzu 2010 li temenda l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ clothianidin, thiamethoxam, fipronil u imidacloprid (6),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2010/270/UE tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2010 li temenda l-Partijiet 1 u 2 tal-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE fir-rigward taċ-ċertifikati mudelli tas-saħħa tal-annimali minn stabbilimenti u għan-naħal u n-naħal bagħli (7),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 105 u dawk ta’ warajh tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-apikultura (COM (2010)0267),

    wara li kkunsidra r-rapport xjentifiku tal-EFSA tal-11 ta’ Awwissu 2008 (8), kif ukoll ir-rapport xjentifiku kkummissjonat u adottat mill-EFSA fit-3 ta’ Diċembru 2009 (9), it-tnejn li huma dwar il-Mortalità tan-Naħal u s-Sorveljanza tan-Naħal fl-Ewropa,

    wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali (O-0119/2010 – B7-0564/2010) tal-1 ta’ Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura Ewropew, imfassla mill-Istati Membri għal perjodu ta’ tliet snin, intużaw minn kull wieħed mis-27 Stat Membru, b'rata medja ta’ użu ta’ 90 %; billi l-Kummissjoni ddikjarat fir-rapport imsemmi hawn fuq tat-28 ta’ Mejju 2010, li l-programmi tal-apikultura nazzjonali kienu ta’ benefiċċju matul dawn l-aħħar snin,

    B.

    billi fl-2010, li hija s-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità, is-settur tal-apikultura madwar id-dinja jinsab mhedded, ġaladarba t-telf irreġistrat għaddej b'rata bejn 100 u 1 000 darba aktar mgħaġġla min-normal; billi s-settur tal-apikultura, fid-dawl tal-kontributi pubbliċi u ekoloġiċi li dawk li jrabbu n-naħal jagħmlu lis-soċjetà, għandu rwol strateġiku, u billi li l-attività tal-apikulturi hija eżempju lampanti ta’ xogħol ekoloġiku (titjib u żamma tal-bijodiversità, bilanċ ekoloġiku u żamma tal-flora) u mudell għall-produzzjoni sostenibbli fiż-żoni rurali,

    C.

    billi l-programmi attwali jaslu fi tmiemhom fl-2013; billi l-appoġġ attwali tal-UE għas-settur tal-apikultura jiddependi fuq modalitajiet eżistenti tal-PAK; billi l-operaturi għandhom bżonn jippjanaw għaż-żmien ta’ wara l-2013; billi l-Kummissjoni bi ħsiebha tippubblika l-Komunikazzjoni tagħha dwar il-PAK futura sa Novembru 2010,

    D.

    billi l-agrikoltura għandha interess ewlieni fiż-żamma tan-naħal bħala dakkara; billi l-FAO wissa lill-komunità internazzjonali dwar it-tnaqqis allarmanti fl-għadd ta’ insetti dakkara, inkluż in-naħal tal-għasel; billi 84 % tal-ispeċijiet ta’ pjanti u 76 % tal-produzzjoni tal-ikel fl-Ewropa huma dipendenti fuq il-fertilizzazzjoni mill-polline tan-naħal, li l-importanza ekonomika tiegħu hija ferm ikbar mill-valur tal-għasel prodott,

    E.

    billi l-mortalità tan-naħal hija problema li kull ma jmur qed tikber f'ħafna reġjuni minħabba sinerġija ta’ fatturi, inklużi mard tan-naħal, immunità mdgħajfa tan-naħal għall-patoġeni u l-parassiti, bidliet fil-klima u bidliet parzjali fl-użu tal-art, b'perjodi fejn ikun hemm nuqqas ta’ ikel u għalf għan-naħal, kif ukoll minħabba l-eradikazzjoni progressiva tal-ispeċijiet tal-pjanti li jipproduċu l-għasel u l-użu ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti u ta’ tekniki ta’ biedja mhux sostenibbli,

    F.

    billi l-għadd dejjem jonqos ta’ kolonji f'ċerti Stati Membri ma jistax jiġi marbut b'ċertezza mal-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (GMO), peress li l-kultivazzjoni tagħhom hija irrilevanti għalissa, u billi ż-żieda fl-għadd ta’ monokulturi qed iwassal biex il-flora li tipproduċi l-għasel qed tisparixxi,

    G.

    billi għadd kbir globali ta’ mard tan-naħal qed jiżdied b'mod kostanti b'tali mod li l-Apis mellifera qed tirriskja li ssir speċi mhedda, partikolarment minħabba l-preżenza dejjem iktar distruttiva tad-dudu Varroa, li jipperikola s-sistema immunitarja tan-naħal, joħloq kull tip ta’ mard relatat u huwa għalhekk problemi maġġuri li taffettwa l-popolazzjoni Ewropea tan-naħal,

    H.

    billi hemm bżonn ta’ aktar riċerka għall-interessi biex tinqaleb ix-xejra ta’ tnaqqis fl-ispeċi tad-dakkara, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn bħal f'partijiet oħra tad-dinja, fejn rati baxxi ta’ dakkara naturali jfissru li l-produzzjoni ta’ frott, ħxejjex u xi produzzjoni ta’ ħrit jeħtieġu tidkir imqabbda mill-bniedem bi spejjeż addizzjonali kbar għall-bdiewa,

    I.

    billi 40 % tas-suq tal-għasel Ewropew jiddependi mill-importazzjonijiet; billi n-nuqqas ta’ indipendenza tal-UE b'rabta mal-provvista tal-għasel iwassal għal instabilità sinifikanti fil-prezzijiet, li tirriżulta wkoll mill-adulterazzjoni tas-suq dinji, peress li l-ftuħ fil-passat tas-suq tal-UE għal għasel minn pajjiżi terzi qiegħed lill-apikulturi madwar l-UE fi żvantaġġ kompetittiv,

    J.

    billi kemm l-Istati Membri kif ukoll l-operaturi mis-settur esprimew bżonnijiet konkreti fir-rigward tat-titjib għar-regoli implimentattivi u l-kontinwazzjoni tal-appoġġ fuq tul ta’ żmien twil,

    K.

    billi għandu jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri kollha u l-organizzazzjonijiet tal-apikultura fit-tfassil tal-programmi, b'tali mod li kull Stat Membru jkun jista' jitlob l-informazzjoni, u jekk ikun il-każ jiskambja t-tagħrif mal-organizzazzjonijiet Ewropej li jkun qed jaħdem magħhom,

    L.

    billi r-rapport xjentifiku tal-EFSA msemmi hawn fuq tal-11 ta’ Awwissu 2008 saħaq fuq in-nuqqas u l-varjabilità tas-sistemi ta’ monitoraġġ fost l-Istati Membri u n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jew ta’ indikaturi tar-rendiment komuni,

    M.

    billi, bi qbil mad-Direttiva 2010/21/UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li, mill-1 ta’ Novembru 2010 'l quddiem, jidħlu fis-seħħ ċerti rekwiżiti ta’ tikkettar għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jiġu inklużi fl-awtorizzazzjoni tal-prodott miżuri għat-tnaqqis tar-riskji, u jsiru programmi ta’ mmonitorjar biex tiġi vverifikata l-espożizzjoni diretta u indiretta tan-naħal tal-għasel għal ċerti sustanzi attivi,

    1.

    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq tat-28 ta’ Mejju 2010; jinnota madankollu li l-programmi attwali se jaslu fi tmiemhom fl-2013 u jinsab imħasseb dwar l-isfidi u l-problemi numerużi li għadu jiffaċċja s-settur tal-apikultura Ewropea, fosthom kwistjonijiet ta’ kkummerċjar, il-volatilità tal-prezzijiet, il-ġbid ta’ ġenerazzjonijiet ġodda lejn it-trobbija tan-naħal, ix-xjuħija tal-apikulturi fl-Unjoni Ewropea, it-tnaqqis fil-popolazzjoni tan-naħal u d-diffikultajiet ġenerali li joħorġu mill-ġlieda kontra l-mortalità multifattorjali tan-naħal;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex twieġeb b'mod pożittiv għat-talbiet kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-operaturi, pereżempju permezz ta’ data statistika fir-rigward tal-previżjonijiet tal-produzzjoni, inkluża l-applikazzjoni tal-istess rekwiżiti ta’ kwalità għall-għasel, u t-titjib tal-armonizzazzjoni tal-programmi ta’ monitoraġġ u riċerka għall-apikultura;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-proposta legali dwar il-politika tal-kwalità agrikulturali, tqis it-tibdil fir-regoli dwar it-tikkettjar tal-oriġini tal-għasel sabiex tiġi evitata informazzjoni qarrieqa lill-konsumaturi, partikolarment f'każ ta’ taħlit tal-għasel li joriġina minn pajjiżi tal-UE u minn oħrajn lilhinn minnha;

    4.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-kundizzjonijiet sanitarji tal-prodott jittejbu permezz ta’ armonizzazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri, speċjalment għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, minħabba li prodotti tal-għasel ta’ kwalità baxxa u sostituti tal-għasel jgħawġu s-suq u jagħmlu pressjoni kostanti fuq il-prezzijiet u l-kwalità aħħarija tal-prodott fis-suq intern tal-UE; iqis li l-isem ta’ kwalunkwe prodott ipproċessat li jkun fih l-għasel bħala ingredjent jew kwalunkwe grafika jew element viżiv ieħor fuq it-tikketta jew fuq il-pakkeġġar ta’ dak il-prodott ipproċessat għandu jitħalla jagħmel referenza għall-għasel fit-tismija tal-prodott biss jekk tal-anqas 50 % tal-kontenut taz-zokkor joriġina mill-għasel;

    5.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex matul l-elaborazzjoni tal-programmi għat-trobbija tan-naħal u ta’ leġiżlazzjoni relatata tqis il-konsultazzjoni ta’ dawk li jrabbu n-naħal min-naħa tal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali bħala obbligatorja sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn il-programmi u l-implimentazzjoni fil-ħin tagħhom;

    6.

    Jitlob lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jimplimentaw sistema affidabbli tar-reġistrazzjoni annwali tal-istokk tan-naħal aktar milli jibbażaw programmi tat-trobbija tan-naħal fuq ċifri ta’ stima;

    7.

    Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta’ trattamenti innovattivi u effettivi kontra d-dud Varroa, li f'xi reġjuni jikkawża telf annwali konsiderevoli, huwa ta’ importanza kbira; huwa tal-fehma li jeħtieġ li t-trattament veterinarju effettiv kontra d-dud Varroa u kontra kull tip ta’ mard relatat isir disponibbli b'mod iktar mifrux madwar l-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida komuni rigward it-trattament veterinarju fis-settur u f'dan huwa essenzjali li tikkoopera mal-organizzazzjonijiet tal-apikulturi;

    8.

    Jitlob lill-Kummissjoni tadatta l-politika veterinarja Ewropea f'dak li jirrigwarda l-ambitu u l-finanzjament tagħha, biex tqis in-natura speċifika tan-naħal u tal-apikultura bil-għan li tiżgura ġlieda aktar effikaċi kontra l-mard tan-naħal u disponibilità ta’ mediċini veterinarji effettivi u standardizzati madwar l-Unjoni, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-apikulturi;

    9.

    Jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar id-diversi programmi ta’ riċerka mwettqa fl-Istati Membri biex tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni il-mortalità tan-naħal tiġi indirizzata b'mod organizzat u determinat; jirrimarka li dan għandu jinkludi l-integrazzjoni ta’ prattiki ta’ biedja sostenibbli u favur il-fertilizzazzjoni bil-polline, billi jiġu evitati l-monokulturi mingħajr rotazzjoni;

    10.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport xjentifiku msemmi hawn fuq, adottat mill-EFSA fit-3 ta’ Diċembru 2009, b'mod partikolari l-iffinanzjar ta’ “studji speċifiċi li jibnu fuq ix-xogħol eżistenti li għaddej bħalissa biex jitjiebu l-għarfien u l-fehim ta’ fatturi li jaffettwaw is-saħħa tan-naħal”;

    11.

    Jitlob li ssir riċerka indipendenti u f'waqtha dwar il-mortalità tan-naħal, u li l-Kummissjoni tiżgura li d-data dwar l-effetti tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti (bħal żerriegħa mgħottija), tal-kultivazzjonijiet ġenetikament immodifikati u tat-tifrix tat-tossini permezz tal-polline fuq l-ambjent u fuq speċijiet speċifiċi jsiru magħrufa pubblikament, u li kwalunkwe inizjattiva ġdida tkun ibbażata fuq provi xjentifiċi u statistika soda; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju dwar dawn il-kwestjonijiet u tippreżenta r-riżultati ta’ dan fi skadenza raġonevoli;

    12.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-appoġġ eżistenti tas-settur tal-apikultura u l-futur ta’ din il-politika jinżammu u jissaħħu fil-PAK wara l-2013 b'tali mod li jiġu ggarantiti l-kontinwazzjoni u t-titjib ta’ dan is-settur; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2010 biex jiżdied il-baġit għall-programmi tal-apikultura; jirrikonoxxi li dan huwa metodu li jappoġġa l-iżvilupp futur tal-apikultura Ewropea, billi jikkontribwixxi biex tiġi ppreservata l-bijodiversità; jirrikonoxxi madankollu li n-naħal għandhom rwol importanti għaż-żamma tal-livell ta’ produzzjoni fl-agrikoltura u fl-ortikoltura, u jqisu importanti li l-offerta ta’ dan il-beni ambjentali tkun ikkompensata;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm appoġġ finanzjarju għall-edukazzjoni, il-kampanji ta’ informazzjoni u t-taħriġ ta’ apikulturi ġodda u professjonisti, b'enfasi partikolari fuq it-tħeġġiġ ta’ apikulturi ġodda biex dawn jistabbilixxu ruħhom fis-settur, inkluża l-possibilità ta’ skambji ta’ esperjenza ma’ apikulturi f'pajjiżi oħra;

    14.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja, bi ftehim mal-Istati Membri u b'koordinazzjoni bejn is-servizzi veterinarji u l-organizzazzjonijiet tal-apikulturi, kif diġà previst f'ċerti Stati Membri, l-opportunitajiet għall-istabbiliment ta’ pjan tal-UE fil-qasam veterinarju dwar is-saħħa tan-naħal li jkollu l-għan li, f'każ ta’ bżonn, jiżgura l-aċċess għall-mediċinali veterinarji, u li għandu jkun iffinanzjat fil-qafas tal-politika veterinarja Ewropea;

    15.

    Isaqsi lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien bejn ir-riċerka xjentifika, l-apikultura u l-agrikultura applikati;

    16.

    Huwa tal-fehma li, minħabba l-influwenza possibbli tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti fuq l-iżvilupp tal-kolonji flimkien mal-effetti fuq in-naħal adult, għandhom jitqiesu wkoll l-effetti tal-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti fuq il-ġarra tan-naħal kollha kemm hi; ifakkar f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni ddikjarat fil-plenarja, fi żmien l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru. 1107/2009, li meta jkun hemm reviżjoni tar-rekwiżiti tad-data għal sustanzi attivi u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) (b) u (c) tiegħu, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali biex issegwi l-eżamijiet u biex tistudja l-protokolli li jippermettu valutazzjoni tar-riskju li tqis l-espożizzjoni diretta u indiretta tan-naħal għal dawn il-prodotti, b'mod partikolari permezz tan-nettarina, l-għabra tad-dakra u l-ilma, li jista' jkun fih residwi ta’ pestiċidi li jistgħu jinġabru min-naħal;

    17.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex issegwi approċċ komprensiv u sostenibbli fl-iżvilupp futur tagħha tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-għajnuna Komunitarja fil-qasam tat-trobbija tan-naħal, li b'mod partikolari tkopri l-iżvilupp rurali, it-tibdil tal-klima u l-bijodiversità, partikolarment permezz tal-appoġġ ta’ miżuri għaż-żamma u t-tkabbir ta’ meded fjuriti;

    18.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġa s-settur tal-apikultura Ewropea b'mod usa' u aktar koerenti billi tuża strumenti addizzjonali fil-PAK futura, inklużi miżuri favur it-tisħiħ tal-bijodiversità, it-taffija tal-effetti tat-tibdil fil-klima, iż-żamma ta’ wirt tradizzjonali u kulturali nazzjonali li jagħti impjieg lil bosta familji fl-Ewropa, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità u l-operat tajjeb tas-suq għall-prodotti tal-apikultura;

    19.

    Jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina programmi nazzjonali ta’ monitoraġġ għar-rekwiżiti tat-tikkettar u għal-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji li għandhom jiġu inklużi fl-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll programmi ta’ monitoraġġ tal-espożizzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

    20.

    Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-bejgħ dirett tal-prodotti tal-apikultura lill-konsumaturi fis-swieq lokali;

    21.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 81 E, 31.3.2004, p. 107.

    (2)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

    (3)  ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 941.

    (4)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (5)  ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 65.

    (6)  ĠU L 65, 13.3.2010, p. 27.

    (7)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 56.

    (8)  http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/154r.pdf

    (9)  http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/scdoc/27e.htm


    Top