Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0439

    L-10 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, l-paċi u s-sigurtà Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

    ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 56–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 99/56


    Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
    L-10 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, l-paċi u s-sigurtà

    P7_TA(2010)0439

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

    2012/C 99 E/12

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà u r-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati, li tenfasizza r-responsabbiltà tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u biex jipprosegwixxu kontra dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, fosthom dawk marbuta ma’ vjolenza sesswali u vjolenza oħra fuq in-nisa u l-bniet,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 54/134 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-7 ta’ Frar 2000, li stabbiliet il-25 ta’ Novembru bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, li għandu jiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-UE ma’ pajjiżi sħab fil-livelli kollha,

    wara li kkunsidra l-ħatra f'Marzu 2010 ta’ Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali f'Kunflitti Armati,

    wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu “Approċċ Komprensiv għall-Implimentazzjoni tal-UE tal-UNSCR 1325 u 1820” u d-dokument ta’ ħidma dwar “l-Implimentazzjoni tal-UNSCR 1325 kif imsaħħa mill-UNSCR 1820 fil-kuntest tal-ESDP”, adottati t-tnejn f'Diċembru 2008, u d-dokument tal-Kunsill dwar “L-Integrazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-ESDP” ta’ Settembru 2006,

    wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u l-Linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar in-nisa f'kunflitti armati u dwar ir-rwol tagħhom fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar in-nisa fil-politika internazzjonali (3),

    wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni 2007 dwar l-integrazzjoni tas-sessi tas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar in-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (4),

    wara li kkunsidra l-Entità l-ġdida tan-NU dwar il-ġeneru (UN Women),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-vjolenza fuq in-nisa f'żoni ta’ kunflitti bosta drabi hija estensjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru diġà eżistenti fi żmien il-paċi; billi din is-sena l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa jikkoinċidi mal-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li kienet l-ewwel riżoluzzjoni li tindirizza l-impatt sproporzjonat u uniku li jkollu kunflitt armat fuq in-nisa u jorbot l-esperjenzi ta’ kunflitt tan-nisa maż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, li tkopri l-oqsma tematiċi interkonnessi tal-parteċipazzjoni, il-protezzjoni, il-prevenzjoni, l-għajnuna u l-irkupru,

    B.

    wara li kkunsidra l-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa li jitfakkar fil-25 ta’ Novembru,

    C.

    billi r-Riżoluzzjonijiet 1820, 1888 u 1889 tal-Kunsill tas-Sigurtà saħħew u kkumplementaw ir-Riżoluzzjoni 1325, u billi l-erba' riżoluzzjonijiet jridu jitqiesu bħala s-sett ta’ impenji tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

    D.

    billi l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji hija preokkupazzjoni u responsabilità komuni ta’ kull Stat Membru tan-NU, kemm jekk ikun milqut minn kunflitt, kif ukoll jekk ikun donatur jew xorta oħra; wara li kkunsidra l-adozzjoni f'Diċembru 2008 tal-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-Linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom, li jirrappreżentaw sinjal politiku b'saħħtu li dawn huma prijoritajiet għall-Unjoni,

    E.

    billi l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU għandhom jingħataw prijorità fir-rigward tal-użu tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE biex jingħata appoġġ xieraq lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'kunflitti armati u f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kunflitti,

    F.

    billi l-Parlament Ewropew għandu josserva l-approċċ wiesa' adottat u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni prospettiv dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u u t-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fl-Azzjoni Esterna tal-UE, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar il-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal,

    G.

    billi l-preżenza ta’ perspettiva dwar il-ġeneru f'missjonijiet ċivili jew militari żżid ħafna l-effikaċja operazzjonali, li fir-rigward tagħha l-UE tista' tikkontribwixxi valur miżjud konsiderevoli billi tinvolvi ruħha attivament fil-qasam tan-nisa u l-kunflitti armati,

    H.

    billi l-UE għandha tagħmilha possibbli għan-nisa li jipparteċipaw fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fl-immaniġġjar tal-kriżijiet, fit-taħditiet dwar il-paċi u fil-fażijiet ta’ wara l-kunflitti bħall-ippjanar tar-rikostruzzjoni wara t-tiġrif tal-gwerra,

    I.

    billi, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tikkunsidra l-istupru u l-iskjavitù sesswali, meta dawn jiffurmaw parti minn prattika sistematika u ġenerali, bħala delitti kontra l-umanità u bħala delitti tal-gwerra; billi l-istupru issa huwa rikonoxxut ukoll bħala element tad-delitt tal-ġenoċidju meta jitwettaq bil-ħsieb li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp partikulari; billi l-UE għandha tappoġġja sforzi biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal,

    J.

    billi l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-implimentazzjoni ulterjuri tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU fir-rigward kemm tal-istruttura interna tiegħu kif ukoll tal-azzjonijiet u l-politiki esterni tiegħu,

    K.

    billi l-UE adottat għadd ta’ dokumenti importanti dwar kif għandhom jiġu implimentati r-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU,

    L.

    billi l-2010 hija wkoll is-sena tar-rieżami tal-“MDG plus 10”,

    M.

    billi hija biss minoranza tal-Istati Membri tal-UE li fasslu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU; billi l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isveżja u r-Renju Unit adottaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali,

    1.

    Jenfasizza li l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU għandu jindika l-bidu ta’ aġenda msaħħa għall-implimentazzjoni ta’ dik ir-riżoluzzjoni, li ma jista' jsir l-ebda progress dwarha jekk ma jkunx hemm tmexxija politika fl-ogħla livelli u riżorsi addizzjonali; jirrakkomanda bil-qawwa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata kif dovut fir-rieżami li qed isir tal-politika għad-drittijiet tal-bniedem tal-UE meta din tasal għall-elaborazzjoni ta’ Strateġija għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Pajjiżi u għall-evalwazzjoni tal-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-Linji gwida tal UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra kull għamla ta’ diskriminazzjoni kontrihom;

    2.

    Jappella għall-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, umani u organizzattivi speċifiċi u sinifikanti għall-parteċipazjoni tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà; jappella sabiex jintbagħtu aktar nisa fil-missjonijiet tal-pulizija, militari, ġudizzjarji u favur l-istat tad-dritt, u f'operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu attivament il-parteċipazzjoni tan-nisa fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħhom ma’ stati u organizzazzjonijiet barra l-UE;

    3.

    Iħeġġeġ lir-RGħ/VP Ashton, f'rieżami ta’ nofs il-perjodu wara ħames snin, biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-impenji u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki;

    4.

    Iħeġġeġ bil-qawwa lir-RGħ/VP sabiex issaħħaħ ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tal-UE dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà u jittama li jagħmel evalwazzjoni bejn il-pari tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar ir-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU, iwettaq analiżi sistematika rigward ġeneru ta’ missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u jimmoniterja u jagħti pariri lid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kunflitti;

    5.

    Iqis it-twaqqif ta’ Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħala opportunità unika għat-tisħiħ tar-rwol tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU;

    6.

    Iħeġġeġ għalhekk lir-RGħ/VP sabiex tirrinforza u ssaħħaħ il-prattika tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tieħu impenji sostanzjali u viżibbli ħafna rigward persunal, riżorsi finanzjarji u ġerarkija organizzattiva; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex issawwar, fi ħdan is-SEAE, unità organizzattiva dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, fid-dipartiment tematiku rilevanti, u biex tassigura li f'kull dipartiment ġeografiku u delegazzjoni tal-UE tal-anqas kariga waħda full-time tiġi ddedikata lin-nisa, il-paċi u s-sigurtà u li dawn il-persuni jkunu jiffurmaw parti mill-Grupp ta’ Ħidma tal-UE, jew ikunu marbuta mill-qrib miegħu;

    7.

    Jilqa' bi pjaċir is-serje ta’ avvenimenti pubbliċi bħall-jiem miftuħa implimentati tal-anqas mit-tliet missjonijiet tal-PSDK, EUPM, EULEX u EUMM sabiex jiċċelebraw l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU; jilqa' l-input tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) tal-UE f'dan ir-rigward; ifakkar li missjonijiet tal-PSDK huma fost l-aktar għodda importanti tal-EU sabiex juru l-impenn tagħha favur l-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kriżijiet;

    8.

    Iħeġġeġ lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri tal-UE sabiex jinkludu referenzi għar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill u fil-mandati ta’ missjonijiet li jirrigwardaw il-PSDK u sabiex jiżguraw li l-missjonijiet kollha tal-PSDK ikollhom tal-anqas Konsulent wieħed dwar il-Ġeneru u Pjan ta’ Azzjoni dwar kif għandhom jintlaħqu l-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820; iħeġġeġ lir-RGħ/VP, lill-Istati Membri u lill-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE sabiex jagħmlu l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni ma’ organizzazzjonijiet lokali tan-nisa element standard ta’ kull missjoni;

    9.

    Jitlob li jitwaqqfu proċeduri ta’ lment pubbliċi xierqa fil-kuntest tal-missjonijiet tal-PSDK, li b'mod partikolari jiffavorixxu r-rappurtar ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess u l-ġeneru; jistieden lir-RGħ/VP sabiex tinkludi rapport dettaljat dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fl-evalazzjoni ta’ kull sitt xhur tal-missjonijiet tal-PSDK;

    10.

    Ifakkar fl-istupri tal-massa minn gruppi li seħħew mit-30 ta’ Lulju sal-4 ta’ Awwissu 2010 fid-distrett tal-minjieri fil-Lvant tal-Kongo, li tal-anqas 8 300 stupru ġew irrappurtati s-sena li għaddiet fil-Lvant tal-Kongo u li tal-anqas 1 244 mara rrappurtaw li ġew stuprati fl-ewwel tliet xhur tal-2010, li hija medja ta’ 14-il stupru kuljum; iħeġġeġ liż-żewġ missjonijiet tal-UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – EUPOL RD Kongo u EUSEC RD Kongo – sabiex jagħmlu l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-parteċipazzjoni tan-nisa l-prijoritajiet ewlenin fil-kuntest tal-isforzi favur ir-riforma tas-settur tas-sigurtà Kongoliż;

    11.

    Jenfasizza li huwa importanti li l-UE taħtar iktar uffiċjali tal-pulizija u suldati nisa għall-missjonijiet tal-PSDK, li b'rabta magħhom il-kontinġent tal-uffiċjali tal-pulizija nisa fil-forza għaż-żamma tal-paċi tan-NU fil-Liberja jista' jintuża bħala mudell;

    12.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi stabbilit kodiċi tal-kondotta għall-persunal tal-UE li jservi f'missjonijiet militari u ċivili li jagħmilha ċara li l-isfruttament sesswali jikkostitwixxi mġiba mhux ġustifikabbli u kriminali;

    13.

    Jitlob l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-KSNU fid-dokumenti ta’ strateġija għall-pajjiżi tal-UE u l-mobilizzazzjoni ta’ aktar appoġġ finanzjajrju għall-parteċipazzjoni ta’ nisa minn pajjiżi milquta mill-kunflitti fi proċessi Ewropej; jistieden lir-RGħ/VP u lill-Kummissarji għall-Iżvilupp, it-Tkabbir u l-Għajnuna Umanitarja sabiex jagħmlu l-aspetti tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà parti integrali mill-ippjanar u l-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni bħall-EIDHR, l-ICI, IPA u speċjalment id-DCI u l-IfS;

    14.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-aċċess tal-NGOs żgħar għas-sussidji mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); ifakkar li attwalment bosta organizzazzjonijiet żgħar tan-nisa ma jirnexxilhomx jaqbżu l-ostakoli burokratiċi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet;

    15.

    Jistieden lill-Kummissarju għall-Iżvilupp sabiex jagħti prijorità lill-appoġġ tal-ħidma minn organizzazjonijiet tan-nisa f'żoni milquta minn kunflitti; jistieden lir-RGħ/VP biex tuża l-komponent għal perjodu twil ta’ żmien tal-Istrument għall-Istabbiltà (IfS) biex talloka fondi ta’ appoġġ għall-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi rigward paċi, sigurtà u rikonċiljazzjoni u sabiex tiddetermina sistematikament allokazzjonijiet għan-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-miżuri kollha għal perjodu qasir ta’ żmien skont l-Artikolu 3 tal-Istrument għall-Istabbiltà;

    16.

    Huwa tal-fehma li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jinfurmaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħalma huma l-organizzazzjonijiet lokali tan-nisa, dwar l-impenn tagħhom f'reġjuni fejn hemm kunflitti u sabiex jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-ippjanar tal-politiki;

    17.

    Jitlob li tiżdied b'mod sostanzjali l-parteċipazzjoni tan-nisa f'kull qasam tal-operazzjonijiet, inklużi l-ħidma ta’ rikonċiljazzjoni, in-negozjati għall-paċi, il-ħolqien tal-paċi, l-infurzar tal-paċi, iż-żamma tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti;

    18.

    Jitlob żieda immedjata fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-inizjattivi kollha li l-għan tagħhom hu li jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti, anke bħala medjaturi u negozjaturi u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ soluzzjoni għall-kunflitti;

    19.

    Jistieden lir-RGħ/VP biex tagħti bidu għal ġimgħa annwali li fiha mexxejja nisa jiġu kkonsultati u li tista' tkun kumplimentari għall-Jum Miftuħ Globali tan-NU għan-Nisa u l-Paċi, segwita minn rapporti u attivitajiet ta’ segwitu ta’ delegazzjonijiet tal-UE;

    20.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, li għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-perjodu ta’ żmien tal-istrateġija nazzjonali, jistabbilixxu objettivi realistiċi, jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ superviżjoni u jikonkoraġġixxu parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ superviżjoni;

    21.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali f'kunflitti armati u lill-Kap tal-Entità tan-NU dwar il-Ġeneru (UN Women) li għadha kemm inħatret.


    (1)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 32.

    (2)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 287.

    (3)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 347.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0350.


    Top