EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0436

Ir-rapport speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fl-Ilment 676/2008RT (Skont l-Artikolu 205(2), l-ewwel parti) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fl-Ilment 676/2008RT (2010/2086(INI))

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 43–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 99/43


Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
Ir-rapport speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fl-Ilment 676/2008RT (Skont l-Artikolu 205(2), l-ewwel parti)

P7_TA(2010)0436

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fl-Ilment 676/2008RT (2010/2086(INI))

2012/C 99 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali indirizzat mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew li ġie ppreżentat fl-24 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidra l-Artikolu 228(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-ex Artikolu 195 TKE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 41(1), 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1), kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2008/587/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2008 (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward ksur tal-liġi Komunitarja (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0293/2010),

A.

billi l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jirċievi lmenti minn kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni rigward sitwazzjonijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni,

B.

billi l-ilmenti li jitressqu miċ-ċittadini tal-UE jikkostitwixxu sors importanti ta’ informazzjoni dwar il-possibilità ta’ ksur tal-liġi tal-UE,

C.

billi, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, “Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”,

D.

billi, fl-1 ta’ Marzu 2007, organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali talbet lill-Kummissjoni aċċess għal informazzjoni u dokumenti miżmuma mid-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija u mill-ex Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Intrapriża u l-Industrija, relatati ma’ laqgħat li saru bejn il-Kummissjoni u rappreżentanti tal-manifatturi tal-karozzi fejn ġiet diskussa l-kwistjoni tal-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-karozzi,

E.

billi l-Kummissjoni tat aċċess għal 15 mit-18-il ittra mibgħuta lil Günter Verheugen li dak iż-żmien kien Kummissarju, iżda rrifjutat l-aċċess għal tliet ittri mibgħuta mill-manifattur tal-karozzi Ġermaniż Porsche minħabba r-raġuni li l-iżvelar ta’ dawn l-ittri jdgħajjef il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-kumpanija,

F.

billi l-Artikolu 1(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (4) jipprovdi li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jiżgura l-usa’ aċċess possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni, u billi, skont il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kwalunkwe eċċezzjoni għal dan il-prinċipju għandha tiġi interpretata b’mod strett,

G.

billi l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess lill-kwerelant għall-ittri relevanti mill-Porsche AG abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li jipprovdi li “L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta’ interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali …”,

H.

billi l-ittri inkwistjoni ntbagħtu mill-Porsche AG fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni mal-partijiet interessati ewlenin rigward ir-reviżjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-karozzi tal-passiġġieri, billi konsegwentement x'aktarx li t-tliet ittri kien fihom informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Porsche AG, u billi l-Kummissjoni għaldaqstant setgħet tikkunsidrahom li jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 4(2), l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

I.

billi s-servizzi tal-Ombudsman spezzjonaw kemm it-tliet ittri mibgħuta mill-Porsche AG kif ukoll skambju ta’ emails bejn il-Kummissjoni u l-Porsche fejn il-Kummissjoni infurmat lill-Porsche li kellha l-ħsieb li ma tiżvelax it-tliet ittri, u billi l-Ombudsman, abbażi tal-ispezzjoni, ikkonkluda li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat aċċess sħiħ għall-ittri mibgħuta mill-Porsche AG skont l-Artikolu 4(2), l-ewwel paragrafu, u aċċess parzjali skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (5), u billi dan kien każ ta’ amministrazzjoni ħażina,

J.

billi, fis-27 ta’ Ottubru 2008, l-Ombudsman għamel abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni fejn spjega d-dettalji tal-analiżi fattwali u legali tiegħu, u fejn iddikkjara li l-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għat-tliet ittri mibgħuta mill-Porsche AG lill-ex Viċi President, Günter Verheugen, fl-intier tagħhom jew tikkunsidra li tiżvelahom parzjalment,

K.

billi l-Ombudsman, abbażi tal-Artikolu 195 KE (issa l-Artikolu 228 TFUE), talab lill-Kummissjoni tagħti opinjoni dettaljata fi żmien tliet xhur, jiġifieri, sal-31 ta’ Jannar 2009,

L.

billi l-Kummissjoni ma tatx l-opinjoni tagħha fi żmien l-iskadenza ta’ tliet xhur ipprovduta fl-Artikolu 228 TFUE, iżda minflok talbet sitt estensjonijiet tal-iskadenza biex tippreżenta l-opinjoni dettaljata tagħha dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, u billi, f’Lulju u għal darba oħra f’Settembru 2009, l-Ombudsman informa lis-Segretarjat tal-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jippreżenta Rapport Speċjali lill-Parlament jekk ma jirċevix tweġiba għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tiegħu,

M.

billi l-Kummissjoni l-ġdida, meta ħadet il-kariga, fil-fatt tat aċċess għall-ittri, iżda billi dan seħħ iktar minn 15-il xahar wara li nħareġ l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni minflok it-tliet xhur stipulati fl-Istatut tal-Ombudsman u fl-Artikolu 228 TFUE,

N.

billi l-Kummissjoni, minħabba li dawmet it-tweġiba tagħha għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni bi 15-il xahar, kisret l-obbligu tagħha li tikkoopera mal-Ombudsman b’sinċerità u b’intenzjoni tajba matul l-inkjesta tiegħu fil-każ 676/2008/RT, u billi dan huwa ta’ detriment mhux biss għad-djalogu interistituzzjonali, iżda wkoll għall-immaġni pubblika tal-UE,

O.

billi l-Ombudsman identifika dewmien min-naħa tal-Kummissjoni f’każ ieħor li jinvolvi l-aċċess għal dokumenti (355/2007(TN)FOR), fejn il-Kummissjoni kellha tippreżenta l-opinjoni dettaljata tagħha għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Ombudsman sal-31 ta’ Ottubru 2009, iżda sal-ġurnata tal-lum għadha ma ppreżentathiex,

P.

billi l-Kummissjoni rrispettat l-iskadenzi oriġinali biex twieġeb għal ilmenti f’erba’ każijiet biss mit-22 li jirrigwardaw l-aċċess għal dokumenti li ġew indirizzati mill-Ombudsman fl-2009; billi f’14 minn dawn it-22 każ hija ppreżentat it-tweġiba tagħha iktar minn 30 ġurnata tard, u f’sitt każijiet ippreżentat it-tweġiba tagħha tal-inqas 80 ġurnata tard,

Q.

billi r-responsabilità tal-Parlament bħala l-uniku korp elett tal-UE hija li jissalvagwardja u jipproteġi l-indipendenza tal-Ombudsman Ewropew fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu lejn iċ-ċittadini tal-UE u li jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu,

1.

Japprova l-kummenti kritiċi tal-Ombudsman Ewropew u r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ilment 676/2008/RT;

2.

Jirrikonoxxi li d-dewmien eċċessiv biex tingħata tweġiba lill-Ombudsman f’dan il-każ jikkostitwixxi ksur tal-obbligu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ kooperazzjoni leali kif previst fit-Trattat;

3.

Huwa mħasseb ħafna fir-rigward tal-prattika ġenerali ta’ dewmien u ostakolazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-inkjesti tal-Ombudsman f’każijiet li jinvolvu aċċess għal dokumenti;

4.

Ifakkar li, fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) 1049/2001, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skadenza għall-awtur parti terza ta’ dokument biex iwieġeb, u jenfasizza li l-Kummissjoni għandha teżerċità din is-setgħa b’tali mod li jippermetti li tirrispetta l-iskadenzi tagħha stess (6);

5.

Ifakkar fil-każistika relevanti li tikkonċerna l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE), li skontha l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom obbligu li jikkooperaw in bona fide fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom, u jinnota li dan l-obbligu huwa stipulat b’mod ċar fl-Artikolu 13(2) TUE ġdid;

6.

Iqis li l-atteġġament ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ u f’oħrajn jaf inaqqas il-fiduċja taċ-ċittadini fil-Kummissjoni u jdgħajjef il-kapaċità tal-Ombudsman Ewropew u tal-Parlament Ewropew li jissorveljaw lill-Kummissjoni b’mod adegwat u effikaċi, u li, għaldaqstant, dan imur kontra l-prinċipju proprju tal-istat ta’ dritt li fuqu hija msejsa l-Unjoni Ewropea;

7.

Jesiġi li l-Kummissjoni tagħti l-impenn tagħha lill-Parlament Ewropew li se tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-Ombudsman Ewropew fil-ġejjieni;

8.

Iqis li, fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tagħti tali impenn u/jew tippersisti fil-prattiki mhux kooperattivi tagħha fir-rigward tal-Ombudsman, il-Parlament jista’ jissanzjona lill-Kummissjoni, u li tali sanzjonijiet jistgħu jinkludu inter alia t-tqegħid fir-riżerva ta’ parti mill-baġit tal-Kummissjoni għan-nefqa amministrattiva;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew.


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)  ĠU L 189, 17.7.2008, p. 25.

(3)  ĠU C 244, 10.10.2002, p. 5.

(4)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(5)  L-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jgħid hekk: “Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

(6)  L-Artikolu 5(5) tar-Regoli Dettaljati għall-Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, anness mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, jipprovdi li: “L-awtur parti terza konsultat għandu jkollu limitu ta’ żmien biex iwieġeb li m'għandux ikun iqsar minn ħamest ijiem tax-xogħol iżda huwa għandu jippermetti lill-Kummissjoni li timxi mal-limiti ta’ żmien tagħha għat-tweġiba …”.


Top