EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0425

Il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-2009 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta’ Novembru 2010 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-2009 (2010/2236(INI))

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 99/15


It-Tlieta 23 ta’ Novembru 2010
Il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-2009

P7_TA(2010)0425

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-2009 (2010/2236(INI))

2012/C 99 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehim ta’ Sħubija tal-Kotonù) (1),

wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, adottati fit-3 ta’ April 2003 (2), hekk kif ġew immodifikati l-aħħar f'Port Moresby ((Papua-New Guinea) fit-28 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-iżvilupp, iffirmat fl-20 ta’ Diċembru 2005 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (4),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Kigali (Rwanda) li ġiet adottata mill-JPA fit-22 ta’ Novembru 2007 għall-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika Favur l-Iżvilupp (EPA) (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Luwanda dwar it-Tieni Reviżjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-EU (il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Kotonù) adottata mill-JPA fit-3 ta’ Diċembru 2009 f'Luwanda (Angola) (6),

wara li kkunsidra l-Georgetown Communiqué adottata fis-26 ta’ Frar 2009 f'Georgetown (Guyana) matul il-laqgħa reġjonali tal-Karibew tal-JPA (7),

wara li kkunsidra l-Ouagadougou Communiqué adottata fit-30 ta’ Ottubru 2009 f'Ouagadougou (Burkina Faso) matul il-laqgħa reġjonali tal-Punent tal-Afrika tal-JPA (8),

wara li kkunsidra l-Kunses Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ffirmat fit-18 ta’ Diċembru 2007 (9),

wara li kkunsidra r-risoluzzjonijiet adottati mill-JPA fl-2009:

dwar sfidi għall-akkomodazzjoni demokratika tad-diversitajiet etniċi, kulturali u reliġjużi fil-pajjiżi tal-AKP u l-UE (10),

dwar il-ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u l-impatti tagħhom fuq l-Istati AKP (11),

dwar il-konsegwenzi soċjali u ambjentali tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi tal-AKP (12),

dwar l-irwol tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Kotonù sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi alimentari u finanzjarja fil-pajjiżi tal-AKP (13),

dwar l-istabbiliment u l-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà, l-istabilità u l-governanza fis-Somalja (14),

dwar il-Governanza globali u r-riforma tal-istituzzjonijiet internazzjonali (15),

dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-Istati AKP (16),

dwar l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni soċjali u kulturali taż-żgħażagħ (17),

dwar it-tibdil fil-klima (18),

dwar is-sitwazzjoni fil-Madagascar (19),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0315/2010),

A.

billi l-membri tal-JPA esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-aħħar żviluppi tan-negozjati tal-EPA matul l-aħħar sessjonijiet ta’ dibattiti regolari tagħhom f'April 2009 fi Praga (ir-Repubblika Ċeka) u f'Diċembru 2009 f'Luwanda (Angola),

B.

billi r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 msemmi hawn fuq, li jipprovdi programmi tematiċi applikabbli wkoll għall-pajjiżi tal-AKP, kif ukoll programm ta’ miżuri ta’ akkumpanjament għall-pajjiżi li huma firmatarji tal-protokoll dwar iz-zokkor, ġie adottat,

C.

billi l-Kummissarju għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja ħa impenn, fis-sessjoni tal-JPA li saret f'Ġunju 2007 f'Wiesbaden (il-Ġermanja), sabiex jissottometti d-Dokumenti Strateġiċi Nazzjonali u Reġjonali għall-Pajjiżi tal-AKP (2008-2013) għall-iskrutinju demokratiku tal-Parlamenti, filwaqt li jilqa' l-fatt li l-implimentazzjoni ġiet imwettqa,

D.

billi r-reviżjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-Kotonù fl-2010 tipprovdi opportunità ta’ valur għat-tisħiħ fl-irwol tal-JPA u d-dimensjoni reġjonali kif ukoll fl-iżvilupp tal-iskrutinju parlamentari fir-reġjuni tal-AKP,

E.

billi ż-żewġ laqgħat reġjonali tal-JPA fl-2009 f'Guyana and Burkina Faso fl-2009 kellhom suċċess konsiderevoli u wasslu għall-adozzjoni tal-communiqués ta’ Georgetown and Ouagadougou msemmija hawn fuq,

F.

billi s-sitwazzjoni fin-Niġerja, il-Guinea u l-Madagascar iddeterjorat fl-2009, li waslet għat-tneħħija tad-demokrazija parlamentari fit-tliet pajjiżi kif ukoll id-degradar tal-istatus tar-rappreżentanti tagħhom bħala osservaturi fit-18-il sessjoni tal-JPA f'Luwanda,

G.

filwaqt li l-kunflitt kontinwu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) irriżulta fi vjolazzjonijiet gravi u rrepetuta tad-drittijiet tal-bniedem; billi hemm ħtieġa ta’ għajnuna umanitarja effettiva u impenn akbar mill-komunità internazzjonali,

H.

billi kkunsidra x-xogħol magħmul mill-Parlament Pan-Afrikan (PAP) u t-twaqqif ta’ relazzjonijiet formali bejn il-Parlament Ewropew u l-PAP, kif ukoll li tiġi stabbilita delegazzjoni interparlamentari tal-Parlament Ewropew għal relazzjonijiet mal-PAP,

1.

Jilqa' l-fatt li fl-2009 l-JPA kompliet toffri qafas għal djalogu miftuħ, demokratiku u fil-fond dwar in-negozjati tal-EPA bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP, u jitlob djalogu politiku mtejjeb;

2.

Jilqa' t-tweġiba pożittiva tal-Kummissarju l-ġdid għall-Kummerċ għat-talba minn bosta pajjiżi u reġjuni tal-AKP sabiex jerġgħu jiġu studjati l-kwistjonijiet kontroversjali mressqa matul in-negozjati tal-EPAs, b'konformità mal-istqarrijiet magħmula mill-President tal-Kummissjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ monitoraġġ parlamentari mill-qrib tan-negozjati u l-implimentazzjoni tal-EPAs;

3.

Jenfasizza, b'mod partikolari, l-irwol kruċjali tal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tal-AKP, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u l-korpi mhux statali, fil-monitoraġġ u l-ġestjoni tad-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u r-Reġjun u fl-implimentazzjoni tal-EDF u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-involviment tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ skrutinju parlamentari mill-qrib matul in-negozjati tal-EPAs;

4.

Jistieden lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-AKP sabiex jeżiġu li l-gvernijiet tagħhom kif ukoll il-Kummissjoni jinvolvuhom fil-proċess ta’ preparazzjoni u ta’ implimentazzjoni tad-Dokumenti Strateġiċi Nazzjonali u Reġjonali li jirrigwardaw il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħhom (2008-2003), u jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fin-negozzjati tal-EPA;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha li hemm disponibbli lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-AKP u sabiex tgħinhom f'dan ix-xogħol ta’ skrutinju demokratiku, b'mod partikulari permezz ta’ appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet tagħhom;

6.

Jiġbed l-attenzjoni dwar it-tħassib tal-JPA u r-riperkussjonijiet tal-kriżi finanzjarja attwali u l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni f'Luwanda dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq il-pajjiżi tal-AKP; iħeġġeġ lill-JPA sabiex tkompli taħdem f'dan il-qasam u biex tiskopri sorsi addizzjonali u innovattivi għall-iffinanzjar tal-iżvilupp, bħalma hija t-taxxa internazzjonali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji; barra minn hekk jistieden lill-JPA sabiex tindirizza l-kwistjoni dwar l-eradikazzjoni tar-rifuġji fiskali;

7.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissarju preċedenti għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja fis-sessjoni tal-JPA f'Kigali msemmija hawn fuq, li saret sabiex id-Dokumenti Strateġiċi Nazzjonali u Reġjonali għall-Pajjiżi tal-AKP (2008-2013) ikunu soġġetti għall-iskrutinju demokratiku mill-Parlamenti, ukoll, jilqa' l-ħidma li saret diġà minn ċerti parlamenti tal-AKP għall-eżami ta’ tali dokumenti, kif ukoll l-iskrutinju tal-JPA fuq l-RSPs qabel l-eżami ta’ nofs it-terminu, u jitlob sabiex dan l-input jiġi kkunsidrat kif xieraq;

8.

Ifakkar f'dan ir-rigward, fil-ħtieġa li l-parlamenti jiġu involuti aktar mill-qrib fil-proċess demokratiku u fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp; jenfasizza l-irwol fundamentali li għandhom fl-implimentazzjoni, is-segwitu u monitoraġġ tal-politiki għall-iżvilupp;

9.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) għandu jkun inkorporat mal-baġit tal-Unjoni bl-għan tiżdied il-konsistenza, it-trasparenza u l-effikaċja tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, u li jiżgura l-iskrutinju demokratiku tiegħu; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-EDF mal-baġit tal-Unjoni wkoll tagħmel parti minn risposta relevanti għad-diffikultajiet fl-eżekuzzjoni u fir-ratifika tal-EDFs suċċessivi;

10.

Jitlob lill-parlamenti sabiex jeżerċitaw skrutinju parlamentari strett rigward dak li jolqot il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jenfasizza l-pożizzjoni ewlenija tal-JPA f'dan id-dibattitu u jistieden lill-JPA, kif ukoll lill-parlamenti tal-AKP, biex jipparteċipaw attivament, partikularment fir-rigward tar-ratifikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija rivedut ta’ Kotonù;

11.

Jinnota b'sodisfazzjon in-natura dejjem aktar parlamentari – u għalhekk, aktar politika – tal-JPA, kif ukoll l-intensifikazzjoni tal-impenn tal-Membri tagħha u tal-kwalità tad-dibattiti tagħha, fatturi li jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għas-sħubija bejn l-AKP u l-UE;

12.

Jikkunsidra li d-dikjarazzjoni ddepositata, fit-2 ta’ Diċembru 2009 f'Luwanda, mill-kopresidenti tal-JPA msemmija hawn fuq dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja u r-riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni f'Madagascar sabiex ikunu sinifikattivi ta’ dan id-djalogu msaħħaħ;

13.

Jistieden lill-JPA sabiex ikompju jimmonitoraw is-sitwazzjoni fis-Sudan, il-Madagascar, in-Niġerja u l-Guinea Conakry;

14.

Jistieden lill-JPA sabiex tkompli tindirizza s-sitwazzjoni fis-Somalja, li qiegħda tipperikola l-ħajja tal-poplu Somalu u li hi ta’ theddida għas-sigurtà fir-reġjun u jistieden lill-UE sabiex iżżomm l-impenji tagħha rigward il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, filwaqt li tiġi rrestawrata l-istabbiltà fir-reġjun u tiġi miġġielda l-piraterija;

15.

Jistieden lill-JPA sabiex tkompli tikkontribwixxi fl-isforz ta’ sensibilizzzazzjoni tal-komunità internazzjonali dwar il-konflitti li qed jolqtu l-lvant tal-Repubblika Demokratika tal-Kongo, sabiex tiġi promossa soluzzjoni politika negozjata għall-kriżi u sabiex tappoġġja kull azzjoni li tista' titressaq bħala parti mis-soluzzjoni negozjata;

16.

Jistieden lill-JPA sabiex tkompli u twessa' d-djalogu mal-PAP u mal-parlamenti ta’ organizzazzjonijiet reġjonali, minħabba l-importanza li għandha l-integrazzjoni tar-reġjun għall-paċi u għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-AKP;

17.

Jiddeplora li l-JPA ma ġietx ikkonsultata biżżejjed waqt il-preparazzjoni tal-istrateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika u jittama li l-JPA tkun involuta attivament fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija;

18.

Jilqa' l-fatt li aktar laqgħat reġjunali, previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Kotonù u r-Regoli ta’ Proċedura tal-JPA, saru fl-2009; iqis li dawn il-laqgħat jippermettu li jkun hemm diskussjonijiet reali dwar il-kwistjonijiet reġjonali, inklużi l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, il-koeżjoni reġjonali, id-drittijiet tal-bniedem, il-kwistjonijiet ambjentali u n-negozjati tal-EPA; ifaħħar lill-organizzaturi taż-żewġ laqgħat f'Guyana u Burkina Faso li tassew kellhom suċċess;

19.

Jitlob lill-JPA sabiex tiżgura monitoraġġ b'saħħtu tan-negozjati matul il-laqgħat reġjonali tagħha;

20.

Jiddispjaċih li l-Kunsill injora t-talbiet repetuta li saru mill-Parlament Ewropew partikularment matul il-JPA f'Luwanda, sabiex jinkludi klawżola aktar b'saħħitha dwar in-non-diskriminazzjoni fir-reviżjoni tal-Ftehim ta’ Kotonù;

21.

Itenni l-prinċipju tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u n-non-diskriminazzjoni bħala l-bażi li fuqha tiġi mtejba l-governanza leġittima demokratika u d-djalogu politiku matul il-JPA;

22.

Iħeġġeġ lill-JPA sabiex isaħħaħ l-irwol tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi tagħha biex l-Assemblea ssir tabilħaqq forum ġenwin għad-dibattitu fi ħdan is-sħubija bejn l-AKP u l-UE dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokratizzazzjoni tas-soċjetà, u l-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kunflitti;

23.

Jilqa', barra minn dan, il-Kumitat tal-JPA dwar ir-rapport tal-Affarijiet Politiċi dwar il-governanza globali, adottat f'Luwanda, li talab għal riformi ewlenin fl-istituzzjonijiet finanzjarji dinjija;

24.

Jinnota l-intenzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Ekonomiku, Finanzjarju u l-Kummerċ tal-JPA sabiex ikompli jaħdem fuq l-EPAs u fuq modi li bihom noħorġu mill-kriżi;

25.

Jenfasizza r-rwol tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u l-Ambjent tal-JPA fir-rigward tar-rapport tiegħu dwar ix-xogħol magħmul mit-tfal u l-intenzjoni tiegħu li jagħmel analiżi u jorganizza dibattiti dwar is-sitwazzjoni soċjali u ambjentali tal-pajjiżi tal-AKP;

26.

Jilqa', barra minn dan, ir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima adottati fl-2009 li taw vuċi lill-JPA matul is-Samit ta’ Kopenħagen;

27.

Jilqa' l-involviment dejjem jikber ta’ atturi mhux statali fis-sessjonijiet tal-JPA, kif muri fid-diskussjonijiet li rriżultaw fl-adozzjoni msemmija hawn fuq tad-Dikjarazzjoni ta’ Port Moresby dwar il-kriżi internazzjonali attwali, kif ukoll mir-rapport dwar l-EPA tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali ppreżentat fis-sessjoni tal-JPA f'Ljubljana.

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-AKP, lill-Bureau tal-JPA, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika Ċeka u l-Angola.


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU C 231, 26.9.2003, p. 68.

(3)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41 (emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 960/2009 tal-14.10.2009, ĠU L 270, 15.10.2009, p. 8).

(5)  ĠU C 58, 1.3.2008, p. 44.

(6)  ĠU C 68, 18.3.2010, p. 43.

(7)  AP/100.509.

(8)  AP/100.607.

(9)  Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, bl-isem: “Il-Kunses Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1).

(10)  ĠU C 221, 14.9.2009, p. 19.

(11)  ĠU C 221, 14.9.2009, p. 24.

(12)  ĠU C 221, 14.9.2009, p. 31.

(13)  ĠU C 221, 14.9.2009, p. 38.

(14)  ĠU C 221, 14.9.2009, p. 43.

(15)  ĠU C 68, 18.3.2010, p. 20.

(16)  ĠU C 68, 18.3.2010, p. 24.

(17)  ĠU C 68, 18.3.2010, p. 29.

(18)  ĠU C 68, 18.3.2010, p. 36.

(19)  ĠU C 68, 18.3.2010, p. 40.


Top