EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0030

Ftehim Kwadru għall-prevenzjoni kontra korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fl-isptarijiet u fis-settur tal-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Frar 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim Kwadru għall-prevenzjoni kontra korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fl-isptarijiet u fis-settur tal-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU (COM(2009)0577)

ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 67–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 341/67


Il-Ħamis, 11 ta' Frar 2010
Ftehim Kwadru għall-prevenzjoni kontra korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fl-isptarijiet u fis-settur tal-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU

P7_TA(2010)0030

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim Kwadru għall-prevenzjoni kontra korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fl-isptarijiet u fis-settur tal-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU (COM(2009)0577)

2010/C 341 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim Kwadru għall-prevenzjoni kontra korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fl-isptarijiet u fis-settur tal-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU (COM(2009)0577),

wara li kkunsidra l-Artikoli 153(1)(a) u 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE tat-30 ta' Novembru 1989 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa għall-użu ta' tagħmir ta' protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (4),

wara li kkunsidra l-Ftehim Kwadru għall-prevenzjoni kontra korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fl-isptarijiet u fis-settur tal-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU,

wara li kkunsidra l-fatt li l-Ftehim Kwadru kien jinkludi talba konġunta lill-Kummissjoni biex din timplimenta l-Ftehim b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 155(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Frar 2005 dwar il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa Ewropej minn infezzjonijiet ġejjin mid-demm minħabba korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 84(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi jistgħu jwasslu għat-tixrid ta' iktar minn 20 tip ta' vajrus li jistgħu jwasslu għall-mewt, inklużi l-Epatite B, l-Epatite Ċ, u l-HIV/Aids, u għalhekk jippreżentaw problema serja tas-saħħa,

B.

billi l-korrimenti bil-labar tas-siringi u korrimenti oħra kkawżati minn strumenti mediċi li jaqtgħu jirrappreżentaw wieħed mill-aktar riskji komuni u serji għall-ħaddiema tas-saħħa fl-Ewropa kollha kemm hi; meta wieħed iqis li l-persunal tal-isptar u l-professjonisti tas-saħħa spiss jirriskjaw il-possibilità ta' infezzjonijiet ikkawżati minn korrimenti bil-labar tas-siringi jew strumenti oħra li jaqtgħu,

C.

billi studji indipendenti wrew li l-biċċa l-kbira tal-korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi jistgħu jiġu evitati b’taħriġ aħjar, kondizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol, u l-użu ġenerali ta' strumenti mediċi aktar sikuri bl-inkorporazzjoni ta' mekkaniżmi għall-protezzjoni mill-oġġetti li jaqtgħu,

D.

billi l-esperti jikkalkulaw li kull sena, fl-Unjoni Ewropea, ikun hemm iktar minn miljun korriment li jirriżultaw minn labar tas-siringi,

E.

billi l-impatt psikoloġiku u emozzjonali wara korriment b'labar tas-siringi jew korrimenti oħra b’oġġetti li jaqtgħu jista' jkun enormi, saħansitra meta ma tirriżulta l-ebda infezzjoni, minħabba li l-ħaddiema u l-familji tagħhom jistgħu jistennew għal xhur fl-inċertezza rigward l-eżitu tas-saħħa wara l-korriment,

F.

billi l-inizjattiva li tiġi pprovduta soluzzjoni leġiżlattiva biex il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa Ewropej jiġu protetti b’mod xieraq minn infezzjonijiet li jinxterdu bid-demm li jistgħu ikunu fatali kkawżati minn korrimenti bil-labar tas-siringi u strumenti oħra li jaqtgħu nbdiet fir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Lulju 2006 msemmija hawn fuq,

G.

billi hemm nuqqas kbir ta' persunal tal-kura tas-saħħa, u l-istudji jindikaw li r-riskji serji għas-saħħa li wieħed jiffaċja ta' kuljum huma waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-fatt li karriera fis-settur tal-kura tas-saħħa ma titqiesx bħala waħda attraenti; billi r-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea tal-2004 jagħraf dan in-nuqqas dejjem jikber ta' ħaddiema fis-settur tas-saħħa bħala kwistjoni ta' tħassib partikolari għall-Unjoni Ewropea,

H.

billi d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Kwadru se jkun ta' kontribut importanti għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema attivi fl-isptarijiet u s-settur tal-kura tas-saħħa,

I.

billi jeħtieġ jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' sikurezza tal-ambjent tax-xogħol fl-isptarijiet u kull fejn isiru attivitajiet ta' kura tas-saħħa,

J.

billi l-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet soċjali għandha tevita li timponi limitazzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali li jistgħu ixekklu l-iżvilupp tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju,

1.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni talbet l-opinjoni tal-Parlament, partikolarment minħabba li din hija kwistjoni li ngħatat attenzjoni konsiderevoli mill-Parlament fuq perjodu ta' bosta snin;

2.

Jirrikonoxxi li d-direttiva proposta mill-Kunsill tinkorpora l-aktar riżultati sinjifikanti tar-riżoluzzjoni tiegħu imsemmija hawn fuq, tas-6 ta' Lulju 2006;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Ftehim Kwadru ġie żviluppat fuq bażi indaqs b'koperazzjoni mal-Assoċjazzjoni għall-Impjegati Ewropej fl-Isptarijiet u fil-Kura tas-Saħħa (HOSPEEM) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Unjins tas-Servizz Pubbliku (EPSU), li huma rikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala msieħba soċjali Ewropej fis-sistema tal-isptarijiet u tal-kura tas-saħħa;

4.

Jilqa' l-fatt li l-Ftehim Kwadru jinkludi klawżola dwar “standards minimi” bla ħsara għad-dispożizzjonijiet eżistenti u ġejjiena, kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarji, li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema. Ifakkar li l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom ikunu liberi u jiġu mħeġġa biex jadottaw miżuri addizzjonali li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema fil-qasam ikkonċernat;

5.

Jirrakkomanda li l-miżuri definiti fid-direttiva proposta jiġu adottati u implimentati b’urġenza, minħabba li l-ħaddiema kkonċernati diġà ilhom jistennew iktar minn ħames snin minn meta l-attenzjoni tal-Kummissjoni nġibdet għal din il-kwistjoni serja;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal u toħroġ linji gwida biex jakkumpanjaw il-ftehim u b'dan il-mod jgħinu fl-implimentazzjoni mingħajr problemi fl-Istati Membri kollha;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-proċess ta' applikazzjoni tal-Ftehim u biex tinforma, b'mod regolari, lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-imsieħba soċjali li huma involuti fil-Ftehim Kwadru.


(1)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(2)  ĠU L 393, 30.12.1989, p. 13.

(3)  ĠU L 393, 30.12.1989, p. 18.

(4)  ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.

(5)  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 400.

(6)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 754.

(7)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 14.


Top