This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IP0021
Equality between women and men in the European Union — 2009 European Parliament resolution of 10 February 2010 on equality between women and men in the European Union – 2009 (2009/2101(INI))
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 (2009/2101(INI))
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 (2009/2101(INI))
ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 35–42
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 341/35 |
L-Erbgħa, 10 ta' Frar 2010
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009
P7_TA(2010)0021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 (2009/2101(INI))
2010/C 341 E/08
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2009 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2009 (COM(2009)0077),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2000 bl-isem ta’ “Lejn Strateġija ta' Qafas Komunitarja dwar l-ugwaljanza bejn l-irġeil u n-nisa (2001-2005)” (COM(2000)0335) u r-rapporti annwali tal-Kumitat dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-Unjoni Ewropea 2000, 2001, 2002, 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008 (rispettivament, COM(2001)0179, COM(2002)0258, COM(2003)0098, COM(2004)0115, COM(2005)0044, COM(2006)0071, COM(2007)0049 u COM(2008)0010),
wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjieg u xogħol (tfassil mill-ġdid) (1),
wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-ekonomija soċjali (2),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bl-isem “Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja” (COM(2008)0635),
wara li kkunsidra l-proposta ghal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE (COM(2008)0636), imressqa mill-Kummissjoni fit-3 ta' Ottubru 2008,
wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (COM(2008)0637), imressqa mill-Kummissjoni fit-3 ta' Ottubru 2008,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bl-isem “Implimentazzjoni tal-għanijiet ta' Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola” (COM(2008)0638),
wara li kkunsidra l-istat tar-ratifiki tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS Nru 197),
wara li kkunsidra l-qafas ta' azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel adottat mill-imsieħba soċjali Ewropej fit-22 ta’ Marzu 2005,
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa (CEDAW),
wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2006,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (3),
wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-immigrazzjoni tan-nisa: l-irwol u l-post tal-immigranti nisa fl-UE (4),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini - Il-Programm ta' Stokkolma (5),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (6),
wara li kkunsidra l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel u l-opinjoni tiegħu dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi, adottata fit-22 ta' Marzu 2007,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2008 (7),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa (8),
wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0004/2010),
A. |
billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxut fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi wkoll, minkejja l-progress raġonevoli li sar f'dan il-qasam, għad hemm inugwaljanzi sostanzjali bejn in-nisa u l-irġiel, |
B. |
billi l-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejja minn kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali kbira ħafna, b'konsegwenzi b'mod partikolari fuq is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, |
C. |
billi l-maternità u l-paternità għandhom jitqiesu bħala drittijiet fundamentali, essenzjali għall-bilanċ soċjali, u billi fil-livell tal-Unjoni Ewropea hemm direttiva dwar il-lif tal-maternità (9) kif ukoll direttiva dwar il-lif tal-ġenituri (10), iżda għad m'hemmx leġiżlazzjoni fil-qasam tal-lif tal-paternità, |
D. |
billi, minħabba s-segregazzjoni professjonali u settorjali u skont id-data disponibbli, b'mod ġenerali l-irġiel ġew affettwati iktar min-nisa fil-parti inizjali tal-kriżi, iżda billi s-sitwazzjoni hija differenti f'ċerti pajjiżi u f'ċerti setturi, partikolarment fl-industriji tradizzjonali, fejn in-nisa impjegati jinsabu f'maġġoranza, fejn hemm bosta intrapriżi li għalqu u kumpaniji multinazzjonali li ċċaqalqu; billi 31.1 % tal-impjegati nisa jaħdmu part-time, meta mqabbla ma' 7.9 % tal-impjegati rġiel; billi hemm iktar nisa jaħdmu f’ċerti servizzi pubbliċi milli rġiel, u billi skont l-Istati Membri, dawn jikkostitwixxu sa żewġ terzi tal-impjegati fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-għajnuna soċjali; billi għalhekk hemm riskju li l-kriżi taffettwa l-iktar lin-nisa f'każ li, ikun hemm restrizzjonijiet baġitarji f’dawn is-setturi, |
E. |
billi n-nisa tradizzjonalment huma iktar mhedda mill-faqar u minn livell limitat ta' pensjoni, partikolarment l-ommijiet iżolati u n-nisa ta' 'l fuq minn 65 sena; billi dawn tal-aħħar spiss jirċievu pensjoni qrib l-ammont minimu għall-għajxien għal diversi raġunijiet, bħall-fatt li jwaqqfu jew jinterrompu l-attività professjonali tagħhom biex jiddedikaw ruħhom għad-dmirijiet tal-familja jew il-fatt li jkunu ħadmu fl-intrapriża tal-konjuġi tagħhom, b'mod partikolari fis-setturi tal-kummerċ u tal-agrikoltura, mingħajr ħlas u mingħajr ma jidħlu f'sistema ta' sigurtà soċjali, u billi l-maġġoranza tal-politiki huma maħsuba biex jgħinu lill-familja bit-tfal, minkejja l-fatt li 35 % tal-unitajiet domestiċi huma magħmula minn persuna waħda li, fil-maġġoranza tal-każijiet, tkun mara, |
F. |
billi r-rata tan-nisa impjegati żdiedet bħala medja għal 59.1 %, b’firxa kbira ta' varjazzjonijiet minn 37.4 % għal 74.3 %, billi din iż-żieda kostanti sa mill-2000 ma ġabitx magħha titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa u billi dawn għadhom vittmi ta' segregazzjoni professjonali u settorjali, |
G. |
billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma eżempju ta' impjegabilità tan-nisa b'suċċess, billi huma jtejbu l-istatus soċjali tan-nisa, jiżviluppaw l-indipendenza finanzjarja tagħhom u jippermettu konċiljazzjoni aħjar tal-ħajja professjonali u dik tal-familja, partikolarment permezz tas-servizzi ta' żamma tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilità li jipproponu dawn l-intrapriżi, |
H. |
billi d-differenzi medji fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa jinsabu staġnati f'livell għoli (bejn 14 % u 17.4 %) sa mill-2000, minkejja l-bosta miżuri li applikati mill-Kummissjoni u l-impenji tal-Istati Membri, |
I. |
billi l-Artikolu 157 TFUE jgħid li “Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jkun applikat” u billi dan il-prinċipju ġie kkonfermat fil-każistika kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, |
J. |
billi ir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-18 ta' Novembru 2008 titlob lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Parlament Ewropew proposta leġiżlattiva dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa qabel il-31 ta' Diċembru 2009, |
K. |
billi l-irġiel, għalkemm b'mod inqas kiefer, ukoll ibatu minħabba s-segregazzjoni professjonali u settorjali u mill-istereotipi sessisti, |
L. |
billi t-tqassim tar-responsabilitajiet familjari u domestiċi bejn in-nisa u l-irġiel, speċifikament permezz tal-valorizzazzjoni tal-użu tal-lif għall-ġenituri u għall-paternità, jikkostitwixxi kundizzjoni indispendabbli biex tiġi promossa u tintlaħaq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u filwaqt li jiddeplora madankollu l-fatt li l-ftehim qafas tal-imsieħba soċjali dwar il-lif tal-ġenituri (Lulju 2009) ma jittrattax il-kwistjoni tal-lif bi ħlas, li jista’ jkollha impatt deċiżiv fuq kemm l-irġiel jibbenefikaw minn dan il-lif u fuq it-tqassim indaqs tar-responsabilitajiet professjonali u familjari bejn in-nisa u l-irġiel, |
M. |
billi l-aċċess għal servizzi ta' żamma tat-tfal, tal-anzjani u ta' persuni oħra dipendenti huwa essenzjali biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, |
N. |
billi, matul il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona fil-15 u s-16 ta' Marzu 2002, l-Istati Membri ġew mistiedna jagħmlu sforz sabiex sal-2010, iwaqqfu strutturi li jilqgħu tal-anqas 90 % tat-tfal ta' bejn it-3 snin u l-età meta jibdew l-iskola obbligatorja, u tal-anqas 33 % tat-tfal ta' inqas minn 3 snin (età preskolastika), iżda billi f'iktar minn nofs l-Istati Membri, għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħqu dawn l-objettivi, |
O. |
billi n-nisa kisbu 58.9 % tad-diplomi tal-universitajiet tal-Unjoni fl-2008, u huma jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-istudenti tal-kummerċ, tal-ġestjoni (management) u tal-liġi, iżda għadhom jikkostitwixxu minoranza fil-postijiet ta' responsabilità tal-intrapriżi u tal-amministrazzjoni u fl-organi politiċi; billi hemm numru baxx ta' nisa gradwati fit-teknoloġija tal-informatika, fl-inġinerija u fil-fiżika, u billi, b'konsegwenza ta' dan, hemm rappreżentanza baxxa tan-nisa fis-settur privat, fatt determinanti għall-irkupru ekonomiku; billi d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa fis-settur tal-informatika pjuttost kellha t-tendenza li tiżdied biż-żmien, |
P. |
billi l-perċentwali ta' Membri nisa tal-Parlament Ewropew minn 32.1 % matul il-leġiżlatura 2004-2009, laħaq il-35 % wara l-elezzjonijiet Ewropej fis-7 ta' Ġunju 2009, u billi l-perċentwali ta’ presidenti nisa tal-kumitati parlamentari minn 25 % laħaq il-41 %, u l-perċentwali ta' viċi presidenti nisa tal-Parlament Ewropew minn 28.5 % tela’ għal 42.8 %, iżda n-numru ta' kwesturi nisa niżel minn 3 għal 2, |
Q. |
billi s-sitwazzjoni ta' ċerti gruppi ta' nisa, li ta' spiss iridu jiffaċċjaw diffikultajiet u riskji multipli kif ukoll diskriminazzjoni doppja – b'mod partikolari n-nisa b'diżabilità, in-nisa li għandhom nies dipendenti fuqhom, in-nisa anzjani, in-nisa li huma parti minn minoranzi u l-immigranti nisa – tidher li qed tmur għall-agħar, |
R. |
billi l-migranti nisa jbatu minn diskriminazzjoni doppja fis-suq tax-xogħol minħabba l-ġeneru tagħhom u minħabba l-istatus tagħhom ta' migranti; billi waħda minn kull ħames migranti nisa bi kwalifiki għolja tokkupa impjieg li ma jeħtieġx wisq kwalifiki, u billi l-migranti nisa li jaħdmu fis-setturi domestiċi, fis-CHR/Horeca u fl-agrikoltura huma partikolarment vulnerabbli, |
S. |
billi, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, ir-rati tal-impjieg huma iktar baxxi fiż-żoni rurali u billi, barra minn hekk, hemm numru ta' nisa li qatt ma kienu attivi fis-suq tax-xogħol b'mod uffiċjali u għalhekk la huma mniżżla bħala qiegħda li qed jitolbu x-xogħol u lanqas mhuma meqjusa fl-istatistiċi tal-qgħad, fatt li jwassal għal problemi finanzjarji u ġuridiċi partikolari f'dak li jikkonċerna l-aċċess għal-lif tal-maternità u tal-mard, il-kisba tal-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll għal problemi f'każ ta' divorzju; billi ż-żoni rurali jbatu serjament min-nuqqas ta' offerti ta' impjieg ta' kwalità, |
T. |
billi n-nisa li jappartjenu għal minoranza, b'mod partikolari n-nisa Roma, ibatu regolarment minn bosta forom ta' diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-ġeneru; billi l-entitajiet nazzjonali inkarigati mill-kwistjonijiet ta' ugwaljanza għandhom jagħtu importanza b’mod xieraq lill-fenomenu tad-diskriminazzjoni multipla jew kombinata, |
U. |
billi t-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi forma moderna ta' skjavitù, u billi n-nisa u l-bniet huma dejjem il-maġġoranza tal-vittmi, |
V. |
billi r-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tat-3 ta' Settembru 2008 stiednet lill-Istati Membri biex jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li tirrappreżenta l-istrument ġuridiku Ewropew l-iktar b'saħħtu fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, peress li dan it-traffikar jikkostitwixxi reat kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jipperikola d-dinjità u l-integrità tal-bnedmin; billi sal-lum, 16-il Stat Membru biss tal-Unjoni rratifikaw din il-Konvenzjoni, |
W. |
billi l-vjolenza fuq in-nisa, fil-forom kollha tagħha, tikkostitiwxxi ostaklu ewlieni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll wieħed mill-iktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem mifrux, indipendentement mill-ostakli ġeografiċi, ekonomiċi, kulturali jew soċjali; billi din tikkostitwixxi problema kritika fl-Unjoni, fejn bejn wieħed u ieħor minn 20 % sa 25 % tan-nisa jġarrbu vjolenza fiżika matul il-ħajja adulta tagħhom u fejn iktar minn 10 % huma vittmi tal-vjolenza sesswali; billi l-Presidenza Spanjola tal-Kunsill inkludiet il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fost il-prijoritajiet ewlenin tagħha, |
X. |
billi bit-termini “saħħa sesswali u riproduttiva” wieħed għandu jifhem il-benessri ġenerali, kemm fiżiku kif ukoll mentali u soċjali, tal-persuna umana, f’dak kollu li jikkonċerna l-parti ġenitali tagħha, il-funzjonijiet u t-tħaddim ta' din il-parti, u mhux biss in-nuqqas ta' mard jew ta' diżabilità, u billi r-rikonoxximent tal-awtonomija fiżika u sesswali totali tan-nisa jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet sine qua non ta' kwalunkwe politika tajba fil-qasam tad-drittijiet dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, kif ukoll tal-politiki dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, |
Y. |
billi fl-2006, inħoloq uffiċjalment l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa, li normalment kellu jniedi l-attività tiegħu mhux iktar tard mid-19 ta' Jannar 2008, iżda billi dan għadu mhux qed jaħdem bis-sħiħ, |
Z. |
billi l-istrateġija ta' Lisbona għandha l-għan li tintegra 60 % tan-nisa li jistgħu jaħdmu fis-suq tax-xogħol, filwaqt li l-isforzi relatati mal-isfidi demografiċi għandhom l-għan li jippromwovu rata ogħla ta' twelid biex jiġu ffaċċjati l-esiġenzi tal-ġejjieni; billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja għadhom jikkostitwixxu l-qofol tad-dibattitu dwar it-tibdil demografiku, |
1. |
Jifraħ lill-Kummissjoni talli, fir-rapport tagħha msemmi hawn fuq dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2009, saħqet fuq l-importanza li jissaħħu l-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'kuntest ekonomiku li dejjem qed jinbidel, iżda jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm iktar azzjonijiet konkreti u politiki ġodda; |
2. |
Jiddeplora l-fatt li l-proġetti ta' rkupru ekonomiku jikkonċernaw prinċipalment l-impjiegi fejn l-irġiel impjegati jikkostitwixxu maġġoranza; jenfasizza li l-fatt li jingħata appoġġ lill-ġejjieni tal-irġiel u mhux lil dak tan-nisa jibqa' jżid l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri minflok inaqqashom, u jinsisti dwar il-bżonn li, fil-pjanijiet ta' rkupru Ewropej, nazzjonali u internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-kriżi, jiddaħħlu l-politiki ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; |
3. |
Jistieden minnufih lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiddefendu d-drittijiet soċjali u biex jiżguraw li l-kriżi ekonomika u finanzjarja ma ġġibx magħha restrizzjonijiet fil-prestazzjonijiet soċjali u fis-servizzi soċjali, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna ż-żamma tat-tfal u l-għajnuna lill-anzjani; josserva li l-politiki ta' għajnuna u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' servizzi ta' għajnuna u ta' żamma huma marbuta mill-qrib mal-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; |
4. |
Josserva li l-kriżi ekonomika, soċjali u finanzjarja tista' tirrappreżenta opportunità sabiex l-Unjoni ssir ekonomija iktar produttiva u innovattiva u soċjetà li tqis iktar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, jekk jiġu adottati l-politiki u l-miżuri adegwati; |
5. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi statistiċi preċiżi rigward l-impatt tal-kriżi fuq in-nisa u l-irġiel, billi jitqiesu r-rati tal-qgħad, l-evoluzzjoni fl-impjiegi part-time u l-kuntratti għal perjodu determinat u indeterminat, kif ukoll il-konsegwenzi tal-politiki dwar il-ġlieda kontra l-kriżi fuq is-servizzi pubbliċi; |
6. |
Jenfasizza li huwa indispensabbli li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jivvalorizzaw, jappoġġaw u jsaħħu l-irwol tan-nisa fl-ekonomija soċjali, meta jitqiesu r-rata għolja ta' impjegati nisa f'dan is-settur u l-importanza tas-servizzi li huma joffru għall-promozzjoni tal-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata; |
7. |
Jitlob lill-Istati Membri li għandhom jimplimentaw politika stabilizzazzjoni baġitarja li tevita li n-nisa jiġu affettwati b'mod sproporzjonat, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, , ifasslu politiċi ta' rkupru li jqisu l-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet speċifiċi tan-nisa u tal-irġiel, partikolarment permezz ta' politiki ta' approċċ integrat tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (“gender mainstreaming”) u ta' analiżi baġitarja f'termini ta' ġeneru u ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri (“gender budgeting”); |
8. |
Jiddeplora l-fatt li l-integrazzjoni tad-dimensjoni nisa-rġiel hija kważi assenti fl-istrateġija attwali ta' Lisbona u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex idaħħlu kapitolu dwar din id-dimensjoni fl-istrateġija futura tagħhom ta' wara Lisbona “UE 2020”; |
9. |
Jistieden lill-entitajiet nazzjonali inkarigati mill-kwistjonijiet ta' ugwaljanza sabiex jimplimentaw approċċi integrati sabiex itejbu r-reazzjoni li huma jkollhom fil-każijiet ta' diskriminazzjoni multipla kif ukoll it-trattament għal din id-diskriminazzjoni; jinsisti, barra minn hekk, biex l-entitajiet nazzjonali inkarigati minn kwistjonijiet ta' ugwaljanza jistabbilixxu taħriġ għall-imħallfin, għall-ġuristi u għall-persunal sabiex dawn jitgħallmu jidentifikaw u jipprevjenu każijiet ta' diskriminazzjoni multipla u jirreaġixxu għalihom; |
10. |
Jilqa' l-fatt li l-objettiv li tintlaħaq rata ta' impjieg tan-nisa ta' 60 % sal-2010, kif definit mill-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u tal-24 ta' Marzu 2000, dalwaqt jintlaħaq, jenfasizza madankollu li, sfortunatament, parti sinifikanti minn dawn l-impjiegi hija prekarja u b'paga baxxa; jiddeplora wkoll id-differenzi kbar li jeżistu bejn l-Istati Membri, li jvarjaw bejn 37.4 % u 74.3 %; jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni effikaċi tad-Direttiva 2006/54/KE; |
11. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jittrattaw is-sitwazzjoni tal-konjuġi li jgħinu fl-artiġjanat, fil-kummerċ, fl-agrikoltura, fis-sajd u fl-intrapriżi żgħar tal-familja, mill-aspett tal-ugwaljanza bejn is-sessi u billi jitqies il-fatt li n-nisa jinsabu f'pożizzjoni iktar vulnerabbli meta mqabbla mal-irġiel; jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-mudell ġuridiku tal-qsim tal-proprjetà, sabiex jiżguraw rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet tan-nisa fis-settur agrikolu, il-protezzjoni adegwata tagħhom fil-qasam tas-sigurtà soċjali u r-rikonoxximent tal-ħidma tagħhom; |
12. |
Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri u jistabbilixxu azzjoni pożittiva favur l-integrazzjoni tan-nisa fi proġetti u programmi relatati mat-trasformazzjoni ekoloġika, pereżempju fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u fl-impjiegi xjentifiċi u fit-teknoloġija avvanzata; |
13. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-intraprenditorija femminili fis-settur industrijali u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju, strutturi ta' konsulenza professjonali lin-nisa li joħolqu intrapriżi kif ukoll taħriġ adegwat; |
14. |
Jenfasizza li d-dħul u l-impjieg bi ħlas tan-nisa jibqa' element ewlieni tal-awtonomija ekonomika tagħhom u ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fis-soċjetà b'mod ġenerali; jenfasizza li, partikolarment fir-rigward tas-soċjetà li dejjem qed tixjieħ, kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa huma indispensabbli għall-prevenzjoni tan-nuqqas tal-forza tax-xogħol; |
15. |
Jinnota li n-nisa huma iktar esposti għar-riskju tal-faqar minħabba d-distakk medju fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadhom jeżistu f'livell għoli, u li għad hemm bosta differenzi bejn l-Istati Membri u s-setturi; jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex japplikaw minnufih id-Direttiva 2006/54/KE u biex jippromwovu b'mod partikolari l-prinċipju “għall-istess xogħol, l-istess paga” jew dak ta' “xogħol tal-istess valur”; |
16. |
Iqis li huwa neċessarju li wieħed jaġixxi wkoll favur tnaqqis fl-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fil-qasam tal-pensjonijiet, peress li n-nisa għadhom sal-ġurnata tal-lum l-parti l-kbira tar-responsabilitajiet familjari, u dan iwassal għal waqfien fil-karrieri tagħhom u, b'mod iktar ġenerali, għal investiment professjonali inferjuri għal dak tal-irġiel; |
17. |
Jiddispjaċih li l-Kummissjoni, b'segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Novembru 2008 msemmija hawn fuq, għadha ma ppreżentatx proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tressaq din il-proposta leġiżlattiva mill-aktar fis; |
18. |
Jappoġġa lill-Kummissjoni fl-azzjonijiet ta' proċedura tagħha għal nuqqas ta' traspożizzjoni tad-direttivi fis-seħħ; iqis li l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan għandhom jittrasponu mingħajr dewmien fid-dritt nazzjonali tagħhom id-direttivi fir-rigward tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u, fuq kollox, jaraw li dawn jiġu applikati korrettament; |
19. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-midja għall-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-għażliet professjonali, speċjalment tat-tfajliet, għall-ġlieda kontra l-istereotipi sessisti persistenti u kontra l-immaġini degradanti, b'mod partikolari kampanji li jenfasizzaw ir-rwol tal-irġiel fit-tqassim indaqs tar-responsabilitajiet familjari u fil-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata; |
20. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-intrapriżi li jieħdu miżuri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jiffaċilitaw il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata, sabiex iżidu t-tixrid tal-prattika tajba f'dan il-qasam; |
21. |
Jisħaq l-importanza ta' strutturi li jilqgħu it-tfal f'età preskolastika, tas-servizzi ta' żamma tat-tfal u ta' għajnuna lill-anzjani u lil persuni dipendenti oħra, sabiex ikun jista' jintlaħaq bilanċ ikbar bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata; japprova l-miżura li ħadet il-Kummissjoni għall-elaborazzjoni ta' statistiċi kumparabbli, disponibbli fi żmien utli u ta' kwalità, u biex jiġu proposti rakkomandazzjonijiet speċifiċi lil kull Stat Membru; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu kull ma huwa possibbli biex jilħqu l-objettivi msemmija hawn fuq tal-Kunsill Ewropew f'Barċellona fir-rigward ta' strutturi li jilqgħu it-tfal f'età preskolastika; |
22. |
Jenfasizza l-importanza ta' ċerti azzjonijiet li ħadet il-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE dwar il-liv tal-maternità u tad-Direttiva 86/613/KEE dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u dwar il-konjuġi li jgħinu f'intrapriżi familjari; iqis madankollu li l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE għadha mhix ambizzjuża biżżejjed f'dak li jikkonċerna l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik familjari u privata tal-irġiel u tan-nisa; |
23. |
Jenfasizza l-bżonn li tiġi trattata l-kwistjoni tal-liv tal-paternità u jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġa kull miżura bil-għan li jiġi stabbilit liv tal-paternità fil-livell Ewropew; iqis li l-liv tal-maternità għandu jiġi assoċjat mal-liv tal-paternità sabiex il-mara tkun iktar protetta fis-suq tax-xogħol u biex jiġu miġġielda wkoll l-istereotipi eżistenti fis-soċjetà f'dak li jikkonċerna l-użu ta' dan il-liv; |
24. |
Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi, partikolarment b'mezzi leġiżlattivi, li jiffavorixxu preżenza ekwilibrata tan-nisa u tal-irġiel fil-postijiet ta' responsabilità tal-intrapriżi, tal-amministrazzjoni u tal-organi politiċi u jitlob għalhekk li jiġu ffissati objettivi vinkolanti biex tiġi żgurata rappreżentanza ndaqs tan-nisa u l-irġiel; jindika f'dan ir-rigward li l-użu tal-kwoti elettorali għandu effett pożittiv fuq ir-rappreżentanza tan-nisa; |
25. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-gvern Norveġiż li jżid in-numru ta' nisa fil-kunsilli amministrattivi tal-kumpaniji privati u tal-intrapriżi pubbliċi biex dan jilħaq minimu ta' 40 % tal-membri, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-inizjattiva Norveġiża bħala eżempju pożittiv u biex jimxu fl-istess direzzjoni; |
26. |
Jistieden lill-Istati Membri biex iniedu kampanji indirizzati lin-nisa li għandhom diploma ta' studji sekondarji biex iħeġġuhom jagħżlu karriera fl-inġinerija, biex tiżdied il-preżenza tagħhom fil-professjonijiet tekniċi li tradizzjonalment jappartjenu lill-irġiel; |
27. |
Jilqa' ż-żieda qawwija fin-numru ta' presidenti nisa tal-kumitati parlamentari, u fin-numru ta' viċi presidenti nisa tal-Parlament Ewropew, kif ukoll iż-żieda, inqas qawwija iżda reali, fin-numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew nisa wara l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009; |
28. |
iqis f'dan ir-rigward li l-proporzjon ta' nisa Kummissarji nominati (33 % tal-kulleġġ), li ntlaħaq b'diffikultà kbira, jirrappreżenta l-ammont strettament minimu; huwa tal-fehma li l-għamla tal-Kummissjoni għandha tkun tirrifletti aħjar id-diversità tal-popolazzjoni Ewropea, inkluż l-aspett irġiel-nisa; jistieden lill-Istati Membri biex, matul il-ħatriet tagħhom li jmiss, jipproponu żewġ kandidati, wieħed ta' kull sess, sabiex tiġi faċilitata l-għamla ta' Kummissjoni iktar rappreżentattiva; |
29. |
Jitlob lill-Istati Membri biex jeżaminaw bir-reqqa l-politiki migratorji tagħhom bil-għan li jibbenefikaw mill-aħjar li jista' mill-kompetenzi tal-migranti nisa bi kwalifiki għolja, u biex jiżguraw sigurtà soċjali lill-ħaddiema nisa fis-setturi domestiċi u f'setturi oħra fejn din hija nieqsa, sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni tal-migranti nisa billi jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, b'mod partikolari għat-taħriġ professjonali u għat-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti; |
30. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu l-prijorità u attenzjoni partikolari lill-iktar gruppi ta' nisa vulnerabbli: in-nisa b'diżabilità, in-nisa b'persuni dipendenti fuqhom, in-nisa anzjani, in-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi u l-immigranti nisa, kif ukoll in-nisa ħabsin, u biex iwaqqfu miżuri speċifiċi biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tagħhom; |
31. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw miżuri meħtieġa biex jgħinu lin-nisa b'diżabilità ħalli jimxu 'l quddiem fl-oqsma tal-ħajja soċjali, tal-ħajja professjonali, tal-ħajja kultutrali u tal-ħajja politika fejn dawn dejjem huma rappreżentati ftit wisq; |
32. |
Jitlob lir-Repubblika Ċeka, lill-Ġermanja, lill-Estonja, lill-Irlanda, lill-Greċja, lill-Italja, lil-Litwanja, lill-Ungerija, lill-Pajjiżi l-Baxxi, lill-Finlandja u lill-Isvezja sabiex jirratifikaw minnufih il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; |
33. |
Ifakkar li l-vjolenza fuq in-nisa għadha tikkostitwixxi problema maġġuri, li għandha tiġi eliminata b'kull mezz possibbli fil-livell Komunitarju u nazzjonali, u jitlob mill-ġdid lill-Kummissjoni biex, fil-ħames snin li ġejjin, toħloq Sena Ewropea kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa; jifraħ lill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill talli inkludiet il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fost il-prijoritajiet tagħha, u jistieden lill-Presidenzi sussegwenti biex jagħmlu l-istess; |
34. |
Jappoġġa l-proposti tal-Presidenza Spanjola għat-tnedija ta' mandat Ewropew għall-protezzjoni tal-vittmi u għat-twaqqif ta' numru telefoniku għall-għajnuna tal-vittmi li jkun l-istess wieħed madwar l-Unjoni Ewropea; |
35. |
Jinsisti dwar il-fatt li l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa hija importanti biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda bit-tħejjija ta' proposta għal direttiva globali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta' vjolenza fuq in-nisa, partikolarment it-traffikar tan-nisa; |
36. |
Jinsisti dwar il-fatt li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, partikolarment permezz ta' aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u għall-abort; jinsisti dwar il-fatt li n-nisa għandu jkollhom aċċess mingħajr ħlas għal konsulti dwar l-abort; jappoġġa għalhekk, hekk kif għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 msemmija hawn fuq, il-miżuri u l-azzjonijiet li jtejbu l-aċċess tan-nisa għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u li jżidu l-għarfien tan-nisa dwar drittijiethom u dwar is-servizzi disponibbli; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw miżuri u azzjonijiet għas-sensibilizzazzjoni tal-irġiel fir-rigward tar-responsabilitajiet tagħhom fi kwistjonijiet sesswali u riproduttivi; |
37. |
Jinnota li l-proċess ta' ħolqien tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa għadu għaddej, u jistenna li l-Istitut ikun kompletament operattiv mill-aktar fis; |
38. |
Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli bl-istrateġija ġdida tagħha “Lil hinn mill-PDG” u biex tinkludi f'ħidmitha strateġiji bl-għan li jitkejjel il-kontribut lill-PDG tal-Istati Membri mill-attivitajiet tan-nisa u tal-irġiel fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; |
39. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(2) Testi adottati, P6_TA(2009)0062.
(3) Testi adottati, P7_TA(2009)0098.
(4) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 118.
(5) Testi adottati, P7_TA(2009)0090.
(6) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 56.
(7) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 35.
(8) ĠU C 16 E, 22.12.2010, p. 21.
(9) Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).
(10) Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta' ETUC (ĠU L 145, 19.6.1996, p. 4).