Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0020

    Il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fi kwistjonijiet fiskali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali (2009/2174(INI))

    ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 29–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 341/29


    L-Erbgħa, 10 ta' Frar 2010
    Il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fi kwistjonijiet fiskali

    P7_TA(2010)0020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali (2009/2174(INI))

    2010/C 341 E/07

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fi Kwistjonijiet Fiskali (COM(2009)0201),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2006 dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (COM(2006)0254),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Settembru 2008 dwar il-ħtieġa ta' strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (1),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2005 dwar il-Kontribut ta' Politiki ta' Tassazzjoni u Dwana għall-istrateġija ta' Liżbona (COM(2005)0532),

    wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża C-255/02 tal-21 ta' Frar 2006 (Halifax et al. v. Commissioners of Customs & Excise) li fiha l-Qorti ddeċidiet li l-Sitt Direttiva tal-VAT (Direttiva 77/388/KEE) tipprekludi d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas l-input VAT imħallsa meta t-tranżazzjonijiet li jagħtu lok għal dan id-dritt jikkostitwixxu prattika abbużiva,

    wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża C-524/04 tat-13 ta' Marzu 2007 (Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation v. Commissioners of Inland Revenue), li fiha l-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 43 tat-Trattat KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirristrinġi d-dritt ta' ħolqien ta' skema korporattiva purament artifiċjali għal raġunijiet ta' tassazzjoni biss,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li fihom il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2008 dwar kwistjonijiet fiskali marbuta ma' ftehimiet li għandhom jiġu ffirmati mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi terzi,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal direttiva tal-Kunsill biex temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil taħt forma ta' pagamenti ta' mgħax (COM(2008)0727),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2009 għal Direttiva tal-Kunsill dwar koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2009)0029),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2009 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (COM(2009)0028),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2009 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/…/KE (COM(2009)0207),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati għal Ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Prinċipat ta' Andorra, il-Prinċipat ta' Monaco u r-Repubblika ta' San Marino, fuq in-naħa l-oħra, sabiex jaffrontaw il-frodi u attività oħra illegali li huma ta' dannu għall-interessi finanzjarji tagħhom u sabiex tiġi żgurata koperazzjoni amministrattiva permezz ta' skambju ta' informazzjoni rigward kwistjonijiet fiskali u sabiex il-Kummissjoni tkun awtorizzata biex tibda neguzjati għal Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq in-naħa l-oħra, sabiex jaffrontaw frodi fiskali diretta u evażjoni diretta ta' taxxa u sabiex tkun żgurata koperazzjoni amministrattiva permezz ta' skambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet fiskali (SEC(2009)0899),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-G-20 maħruġa wara s-Samit dwar is-Swieq Finanzjarji u l-Ekonomika Dinjija li sar f'Washington fil-15 ta' Novembru 2008,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza li nħarġu wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tad-19 u tal-20 ta' Marzu 2009,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-G-20 wara s-Samit li għamlu dwar il-Pjan Globali għall-Irkupru u r-Riforma li sar f'Londra fit-2 ta' April 2009,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill li nħarġu wara l-laqgħat tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2009 u tal-20 ta' Ottubru 2009,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza li nħarġu wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18 u tad-19 ta' Ġunju 2009,

    wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa mill-Ministri tal-Finanzi tal-G8 f'Lecce, l-Italja, fit-13 ta' Lulju 2009,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G-20 maħruġa wara l-laqgħa f’Pittsburgh fil-24 u l-25 ta' Settembru 2009,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-US Government Accountability Office (2007), ir-rapport tal-British National Audit Office (2008) u r-rapport tal-the Conseil des Prélèvements Obligatoires (2009) li jinnutaw, inter alia, li madwar terz minn fost l-akbar korporazzjonijiet tar-Renju Unit ma ħallsu ebda taxxa fl-2005 u fl-2006, li madwar 25 % ta' dawk il-kumpanji tal-Istati Uniti b'assi li jiswew aktar minn 250 miljun USD, jew dħul ta' aktar minn 50 miljun USD fis-sena, naqsu wkoll milli jħallsu ebda taxxa bejn 1998 u l-2005, u li l-akbar korporazzjonijiet Franċiżi attwalment iħallsu taxxa ta' 8 % fuq benefiċju reali medji, filwaqt li r-rata tat-taxxa uffiċjali hija ta' 33 %,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0007/2010),

    A.

    billi hemm kunsens globali fl-UE u fil-livell internazzjonali li governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni tfisser trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni,

    B.

    billi nuqqas ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali jinkuraġġixxi l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxi u għandu konsegwenzi serji għall-baġits nazzjonali u s-sistemi ta' riżorsi tal-Unjoni Ewropea, li huwa stmat li jiswa lill-UE sa 2.5 % tal-PDG kull sena; billi negozji onesti jinsabu fi żvantaġġ kompettittiv minħabba l-frodi fiskali; billi l-governanza tajba fi kwistjonijiet ta' taxxi għandha tirriżulta filli jkun hemm aktar riżorsi disponibbli għall-Istati Membri tal-UE u għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

    C.

    billi l-globalizzazzjoni qed tagħmel aktar diffiċli l-ġlieda kontra l-frodi fiskali fil-livell internazzjonali, u s-27 Stati Membri tal-UE bid-differenzi maġġuri tagħhom huma affettwati b'mod partikulari; billi dawn il-fatturi jeżiġu b'mod qawwi koperazzjoni internazzjonali mtejba fi ħdan l-UE u fil-livell internazzjonali sabiex ikun żgurat li din tkun effettiva,

    D.

    billi l-evitar tat-taxxi u l-evażjoni tat-taxxi fil-livell internazzjonali jikkostitwixxu ostaklu serju sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

    E.

    billi għadd sinifikattiv ta' kumpaniji multinazzjonali ġew strutturati b'mod li jiksbu vantaġġ mill-evitar tat-taxxi fil-ġurisdizzjonijiet differenti li fihom joperaw; billi trattament differenzjali fil-ġurisdizzjonijiet differenti jiffavorixxi intrapriżi li huma kbar, internazzjonali jew stabbiliti sew, aktar milli lil dawk li huma żgħar, domestiċi jew li huma ġodda (għadhom jibdew),

    F.

    billi l-abilità ta' kumpaniji multinazzjonali li jagħmlu użu estensiv ta' rifuġji fiskali u ċentri offshore bħala parti mill-istrateġiji ta' evitar ta' taxxi hija f'kunflitt mal-prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta u responsabbiltà korporazzjonali,

    G.

    billi r-rifuġji fiskali huma f'kunflitt mal-prinċipji ta' solidarjetà, ġustizzja u ridistribuzzjoni; billi f'ekonomija globalizzata, numru sinifikattiv ta' kumpaniji multinazzjonali jużaw is-setgħa tagħhom sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet, b'mod partikulari fuq gvernijiet ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, sabiex inaqqsu r-rati tat-taxxi u jipprovdu inċentivi fiskali biex jattiraw l-investiment; billi fil-prattika dan għadda l-piż tat-taxxi għal fuq il-ħaddiema u l-familji bi dħul baxx u sforza tnaqqis fis-servizzi pubbliċi li huwa ta' ħsara għalihom,

    H.

    billi attwalment il-Kunsill qiegħed jittratta għadd ta' proposti leġiżlattivi importanti dwar it-tassazzjoni fuq it-tfaddil, il-koperazzjoni amministrattiva u dwar assistenza reċiproka għall-irkupru tat-taxxi; billi t-tisħiħ ta' governanza tajba rigward taxxi fi ħdan l-UE tipprovdi bażi politika u morali li minn fuqha tista' tintalab governanza tajba rigward taxxi minn pajjiżi terzi,

    I.

    billi l-adozzjoni tal-General Anti-Avoidance Principles (GAAP) jagħtu lill-awtoritajiet fiskali l-poter li jikkunsidraw jekk l-iskop prinċipali ta' transazzjoni partikulari jkunx l-evitar jew it-tnaqqis tal-piż tat-taxxi, u jekk dan ikun il-każ, li jiġu imposti taxxi addizzjonali sabiex ipattu għal dan l-evitar jew tnaqqis,

    J.

    billi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ta' spiss m'għandhomx il-leġittimità jew l-awtorità li jintaxxaw iċ-ċittadini tagħhom stess, preċiżament minħabba governanza dgħajfa ta' taxxi; billi fil-formulazzjoni tal-politika tagħha għall-governanza tat-taxxi, l-UE trid tikkunsidra l-problemi speċifiċi li pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jiffaċċjaw, u trid tipprovdi appoġġ biex dawn jingħelbu,

    K.

    billi l-isforzi konġunti tal-G-20 u tan-NU, flimkien mal-isforzi fi ħdan il-qafas tal-inizjattivi mmexxija mill-OECD, ipproduċew xi riżultati promettenti fil-qasam tal-governanza tat-taxxi; billi dawk ir-riżultati għad m'humiex suffiċjenti biex jeħduha mal-isfidi li jippreżentaw ir-rifuġji fiskali u ċ-ċentri offshore u jeħtieġ li jkunu segwiti b'azzjoni deċiżiva, effettiva u konsistenti,

    L.

    billi l-OECD attwalment tevalwa li kapital privat akkumulat f'rifuġji fiskali jammonta għal kważi USD 1 000 000 000 000 (biljun), ċifra li hija ħames darbiet akbar milli kienet għoxrin sena ilu; billi aktar minn miljun kumpanija, b'mod partikulari fl-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-UE, għandhom l-uffiċċju ta' reġistrazzjoni tagħhom f'pajjiżi fejn jinsabu rifuġji fiskali bħal dawn,

    M.

    billi hemm evidenza li l-kriżi finanzjarja ġiet determinata sa ċertu punt minn tipi ġodda ta' strumenti finanzjarji kumplessi u derivattivi mqiegħda, fil-parti l-kbira tagħhom, f’fondi li jinsabu f'ġurisdizzjonijiet ta' segretezza; billi r-rifuġji tat-taxxa jinkludu prodotti finanzjarji kumplessi li jikkawżaw instabilità finanzjarja u ħafna istituzzjonijiet finanzjarji kellhom responsabilitajiet li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ, li jinsabu f’rifuġji tat-taxxa; billi l-kriżi finanzjarja ġenerali xeħtet dawl ġdid fuq il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' governanza tajba tat-taxxi u enfasizzat ir-riskji assoċjati ma' ġurisdizzjonijiet xejn ċari,

    N.

    billi 5 % biss ta' klejms ta' taxxi transkonfinali huma rkuprati fl-Unjoni Ewropea,

    Oppuntunità li trid tinħataf

    1.

    Jikkundanna bil-qawwa r-rwol li għandhom ir-rifuġji fiskali fl-inkoraġġiment u l-esplojtazzjoni tal-evitar tat-taxxa, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-ħruġ ta' kapital mill-pajjiżi; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jagħmlu l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħruġ illegali ta' kapital prijorità ewlenija; jitlob lill-UE sabiex iżżid l-azzjoni tagħha u sabiex tieħu miżuri immedjati konkreti - bħalma huma sanzjonijiet - kontra rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħruġ illegali ta' kapital;

    2.

    Iqis li governanza tajba tat-taxxi, mifhuma li tfisser trasparenza, skambju ta' informazzjoni fil-livelli kollha, koperazzjoni transkonfinali effettiva u kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni, hija element kruċjali fir-rikostruzzjoni tal-ekonomija globali wara l-kollass finanzjarju tal-2008;

    3.

    Ifakkar, f’dan il-kuntest, li huwa ta' importanza ewlenija li jintemm l-użu ta' persuni ġuridiċi artifiċjali bħala mod kif tiġi evitata t-tassazzjoni; isostni wkoll li minflok segretezza bankarja, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għandha tkun il-prassi prevalenti fiċ-ċirkustanzi kollha u fil-pajjiżi kollha tal-UE u t-territorji dipendenti; jilqa’ b’sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, għaliex, inter alia, testendi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri biex tkopri t-taxxi ta' kwalunkwe tip, tabolixxi s-segretezza bankarja, u tistabbilixxi l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bħala regola ġenerali;

    Fil-livell tal-UE

    4.

    Ifakkar li l-Parlament ta l-pożizzjioni tiegħu lill-Kunsill dwar emendi għad-Direttiva 2003/48/KE fejn talab, fost affarijiet oħra, li l-Kunsill itemm id-deroga temporanja li tippermetti li l-Awstrija, il-Belġju u l-Lussemburgu jevitaw l-iskambju ta' informazzjoni billi japplikaw taxxa minn ras il-għajn; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jadotta id-direttiva li temenda d-Direttiva 2003/48/KE bi qbil mal-pożizzjoni tal-Parlament;

    5.

    Rigward it-tassazzjoni fuq it-tfaddil tal-UE, jilqa' b'sodisfazzjon, bħala l-ewwel pass, l-irtirar tar-riżervi mill-Awstrija, il-Beġju, il-Lussemburgu u l-Iżvizzera għall-Artikolu 26 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, kif ukoll l-approvazzjoni tal-istandards tal-OECD minn Andorra, Monako, Liechtenstein u San Marino; jilqa' d-deċiżjoni tal-Belġju li mill-1 ta' Jannar 2010 jibdel minn sistema ta' ġbir ta' taxxi minn ras il-għajn għal sistema ta' skambju ta' informazzjoni;

    6.

    Jenfasizza t-talba magħmula mill-Parlament, fil-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009, li jiġi estiż b'mod sostanzjali l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/48/KE, b'mod partikolari biex tkopri l-entitajiet legali (speċjalment kumpaniji privati u trusts) u forom varji ta' dħul minn investiment; ifakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/48/KE għandhom jiġu estiżi għal Singapore, Hong Kong, Makao jew ġurisdizzjonijiet oħra bħal Dubai, New Zealand, il-Gana, u ċerti Stati tal-Istati Uniti tal-Amerika li mhumiex marbuta mid-Direttiva 2003/48/KE u li huma għalhekk post favorit għal dawk li jevadu t-taxxa;

    7.

    Iqis li l-kummerċjalizzazzjoni fl-UE ta' fondi alternattivi domiċiljati f'pajjiż terz trid tkun marbuta mar-rispett minn dak il-pajjiż terz ta' standards ta' governanza fiskali tajba, inkluża l-implimentazzjoni effettiva, abbażi ta' regoli legali vinkolanti, tal-prinċipju ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-progress li sar dwar standards ta' governanza tat-taxxa fi ħdan fora internazzjonali bħall-OECD u l-G-20 m'għandux iżomm lura lill-Unjoni Ewropea milli tapplika standards ogħla;

    8.

    Jenfasizza li l-irkupru aħjar tat-taxxi se jkun possibbli permezz ta' implimentazzjoni aktar effiċjenti tal- leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali eżistenti; jenfasizza wkoll madankollu l-bżonn urġenti li jkun hemm aktar sforzi u miżuri li jkollhom l-iskop li jtejbu l-governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali;

    9.

    Ifakkar li l-frodi fiskali marbuta mal-VAT hija kwistjoni ta' tħassib partikulari għall-funzjonament tas-suq intern peress li għandha impatt transkonfinali dirett, tinvolvi ammonti sostanzjali ta' telf ta' dħul u taffettwa direttament il-baġit tal-UE; iħeġġeġ liIl-Kummissjoni sabiex tadotta direttiva ġdida dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u sabiex tiġġieled kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT, waqt li tittieħed kunsiderazzjoni xierqa tal-pożizzjoni tal-Parlament;

    Fil-livell internazzjonali

    10.

    Iħeġġeġ lill-partijiet kollha konċernati sabiex iħaffu l-konklużjoni tal-ftehima kontra l-frodi ma' Liechtenstien; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jaqbel ma' mandat għall-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehimiet simili ma' Andorra, Monako, San Marino u l-Iżvizzera; jistieden, rigward dan, lill-Istati Membri sabiex jirrevedu l-ftehimiet fiskali bilaterali konklużi ma' pajjiżi terzi;

    11.

    Jitlob għal koperazzjoni ikbar, bħall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi, sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru ta' flussi ta' kapital barra l-pajjiż permezz ta' attività illegali għad-detriment tas-suq intern;

    12.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta malajr ir-rapport dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2008 li tiġi inkluża klawżola ta' governanza fiskali tajba fil-ftehimiet relevanti konklużi ma' pajjiżi terzi mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha; b'mod partikolari, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu negozjati dispożizzjonijiet dwar governanza tajba kemm fil-kuntest ta' ftehimiet ġenerali jew speċifiċi ma' pajjiżi terzi, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat proċess effettiv ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni tagħhom;

    13.

    Ifakkar, fir-rigward tal-ħidma fuq kompetizzjoni fiskali dannuża skont il-Kodiċi ta' Kondotta għat-Tassazzjoni Kummerċjali, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi jimplimentaw il-Kodiċi b'mod li jkun konsistenti mal-isforzi tagħhom sabiex jippromwovu t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali;

    14.

    Jilqa' bi pjaċir, bħala l-ewwel pass, il-progress li sar fil-qasam tal-governanza fiskali tajba b'riżultat ta' inizjattivi f'fora internazzjonali oħrajn bħalma huma l-G-20, il-G-8, in-NU u b'mod partikolari fl-OECD; iqis, madankollu, li l-impenji meħuda mill-G-20 sal-lum mhumiex biżżejjed biex jiffaċċjaw l-isfidi ppreżentati mill-evażjoni tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali u ċ-ċentri offshore;

    15.

    Ifakkar li l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali u l-evażjoni tat-taxxa jkollha suċċess biss jekk l-istess regoli japplikaw għal kulħadd, sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' aktar lakuni legali li permezz tagħhom iseħħ l-abbuż; f'dan il-kuntest, huwa tal-fehma li d-Direttiva 2003/48/KE, li stabbiliet il-prinċipju ta' skambju awtomatiku multilaterali ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi, hija pass tajjeb lejn il-ħolqien ta' qafas globali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni; jilqa' b’sodisfazzjon, għaldaqstant, il-proposta tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-qafas tad-Direttiva 2003/48/KE;

    16.

    Jitlob li l-OECD u l-Istati Membri jinvolvu lill-Kummissjoni b'mod sħiħ max-xogħol tal-eżerċizzju ta' reviżjoni bejn il-pari tal-Forum Globali, b'mod partikulari fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx, tal-iżvilupp ta' proċess għall-evalwazzjoni ta' konformità u tal-implimentazzjoni ta' kontromiżuri dissważivi sabiex jippromwovu konformità mal-istandards in kwistjoni; iqis, barra minn hekk, li l-qafas tal-OECD għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali mhux sodisfaċenti; jenfasizza l-bżonn li jittejjeb l-indikatur sabiex jinkiseb l-istejtus ta' ġurisdizzjoni koperattiva billi, pereżempju, jingħatalu valur kwalitattiv; jikkritika l-fatt li dan l-indikatur jeżiġi sempliċement li jkunu konklużi 12-il trattat ta' skambju ta' informazzjoni dwar taxxi; f'dan il-kuntest jiddispjaċih li l-iskambju ta' informazzjoni jsir biss meta jintalab, aktar milli jkun rekwiżit obbligatorju u vinkolanti, u barra minn hekk, l-OECD jippermetti lill-gvernijiet li jaħarbu mil-lista s-sewda tagħha sempliċement billi jwiegħdu li se jikkonformaw mal-prinċipji ta' skambju ta' informazzjoni, mingħajr ma jiżguraw li dawn il-prinċipji effettivament jitpoġġew fil-prattika;

    Lejn politika ġenwina tal-UE għal governanza fiskali tajba

    17.

    Iqis li hemm bżonn ta' konsistenza u ta' politika ġenwina tal-UE għal governanza fiskali tajba; jemmen li l-kredibiklità tal-Unjoni Ewropea tiddependi, inter alia, mir-rieda tagħha li l-ewwel tagħmel pressjoni fuq ir-rifuġji fiskali fit-territorji tagħha stess bħala eżempju ta' governanza tajba; jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja bir-reqqa, f'dan il-kuntest, l-implimentazzjoni integrali u ta' malajr tal-azzjonijiet stipulati fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali;

    18.

    Iqis, mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-Istati Membri, li l-Kummissjoni għandha tkun inkarigata mit-tfassil u l-formulazzjoni ta' approċċ tal-UE bħal dan u li tingħata r-riżorsi meħtieġa;

    19.

    Jirrakkomanda l-ħolqien ta' sistema xierqa ta' inċentivi għall-irkupru ta' talbiet transkonfinali għall-ħlas tat-taxxa sabiex jiżdied il-livell baxx attwali ta' rkupru ta' 5 % billi l-amministrazzjonijiet li jirkupraw talbiet fiskali għan-nom ta' Stat Membru fuq naħa waħda, u l-amministrazzjonijiet rikjedenti fuq in-naħa l-oħra, jiġu remunerati b'mod ġust mid-dħul li jirriżulta mill-ġbir ta' taxxi mhux imħallsa;

    20.

    Rigward l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet ta' taxxi, dazji u miżuri oħrajn, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel stima tan-numru ta' talbiet transkonfinali minn Stati Membri li jridu jiġu rkuprati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u sabiex jiddaħħlu indikaturi kwantitativi sabiex jitkejjel tul iż-żmien il-proġress tal-irkupru transkonfinali;

    21.

    Iqis li l-UE għandha tippromwovi b'mod attiv it-titjib tal-istandards tal-OECD bl-iskop li tagħmel l-iskambju multilaterali awtomatiku ta' informazzjoni bħala r-regola globali; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-UE sabiex tadotta miżuri li jipprevjenju l-abbuż tal-“prinċipju ta' residenza” permezz ta' domiċilju artifiċjali u skemi ta' akkwist li jippermettu li kumpaniji “holding” mingħajr attività jew li kumpaniji “shell” jipproteġu s-sidien benefiċarji milli jħallsu taxxi fil-pajjiż ta' residenza tagħhom; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-UE sabiex tadotta approċċ komuni għall-applikazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż, li għandu jkun effettiv, ġust u allinjat mal-kunċett ta' skemi purament artifiċjali kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja;

    22.

    Iħeġġeġ lill-UE sabiex timplimenta approċċ konsistenti għal governanza fiskali tajba fil-kuntest tal-Politika Ewropea għall-Viċinat, il-politika għat-tkabbir u l-politika għall-koperazzjoni fl-iżvilupp; jenfasizza li l-politika ta' governanza fiskali għandha tikkontribwixxi b'mod attiv għall-bini ta' sistemi tat-taxxa sostenibbli u trasparenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari bil-ħsieb li tinqered il-frodi fiskali, li twassal għal telf annwali ta' dħul mit-taxxa li jikkorrispondi għal 10 darbiet l-ammont ta' għajnuna għall-iżvilupp injettat mill-pajjiżi żviluppati; iqis li livell adegwat ta' riżorsi jeħtieġ li jiġi allokat sabiex jiġi sodisfatt dan l-obbligu; ifakkar li governanza fiskali fl-aħħar mill-aħħar tattira l-investiment għaliex tikkontribwixxi għal ċertezza fiskali legali, trasparenza u stabbilità;

    23.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' reviżjoni tal-istandards ta' kontabilità internazzjonaoli attwali bl-iskop li tiżdied it-trasparenza; jitlob f'dan ir-rigward li jkun hemm l-obbligu li tinkixef fil-kontijiet annwali tal-kumpaniji, fuq bażi individwali għal kull pajjiż, l-informazzjoni ta' kontabilità li tirrigwarda r-rifuġji fiskali, u jissuġġerixxi li jkun hemm reġistru pubbliku tal-UE li jelenka l-ismijiet tal-individwi u l-intrapriżi li stabbilew kumpaniji u kontijiet f'rifuġji fiskali, bl-iskop li jinkixfu l-benefiċjarji vera li jinħbew wara l-kumpaniji offshore;

    24.

    Jemfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki tagħhom sabiex iseddqu l-implimentazzjoni ta' regoli kontra l-evitar tat-taxxi;

    25.

    Ifakkar li l-introduzzjoni ta' bażi ta' taxxa komuni u konsolidata għal korporazzjonijiet tgħin biex tittakilja fl-UE t-tassazzjoni doppja u kwistjonijiet rigward prezzijiet ta' trasferiment fi ħdan gruppi konsolidati; rigward dan, jistenna bil-ħerqa li jirċievi l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tmiem din is-sena;

    26.

    Jissuġġerixxi li sabiex jiġu identifikati aħjar transazzjionijiet ta' pprezzar mhux preċiżi u t-tekniki ta' evażjoni li l-aktar jintużaw frekwentament, il-Kummissjoni għandha tipprijoratizza l-applikazzjoni aktar wiesgħa tal-metodu ta' profitti komparabbli, u b'hekk tneħħi l-ambitu tal-ispezzjoni ta' pprezzar ta' trasferiment mill-livell tat-transazzjoni għal dak tal-kumpanija; jinnota li l-metodu ta' profitti komparabbli jiffoka fuq it-tqabbil tad-dħul fost kumpaniji f'kull settur industrijali individwali u li tnaqqis fil-profitti ta' sussidjarja ta' kumpanija multinazzjonali li jkun akbar baxx b'mod sinifikattiv minn dak tal-medja tas-settur in ġenerali, tul iż-żmien jista' jkun xhieda ta' trasferiment ta' pprezzar massiv;

    27.

    Iħeġġeġ lill-UE sabiex teżamina għad ta' possibiltajiet ta' sanzjonijiet u inċentivi biex jippromwovu governanza fiskali tajba, bħal pereżempju imposta speċjali fuq il-movimenti minn u lejn ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx, in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-istejtus legali ta' kumpaniji stabbiliti f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, u projbizzjoni li istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE jistabbilixxu jew ikollhom sussidjarji u fergħat f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx;

    28.

    Iqis li l-UE għandha wkoll tiżgura konsistenza fl-implimentazzjoni ta' standards fil-livell tal-UE u l-livell internazzjonali fl-oqsma ta' superviżjoni prudenti, tat-tassazzjoni u l-ħasil ta' flus u tal-kontraterroriżmu;

    29.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirraporta lill-Parlament kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-politika għall-governanza fiskali, u li dan għandu jibda f'Ottubru 2010;

    *

    * *

    30.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 13.


    Top