Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IG0624(01)

    Inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju tal-Isvezja għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali

    ĠU C 165, 24.6.2010, p. 22–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 165/22


    Inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju tal-Isvezja għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali

    2010/C 165/02

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(1)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju tal-Isvezja,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta’ att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet għaliha nnifisha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    (2)

    F'konformità mal-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji, li, mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 s'issa, huwa spiss imsejjaħ bażi importanti tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fi ħdan l-Unjoni.

    (3)

    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-eżekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (1), indirizzat il-ħtieġa ta’ rikonoxximent reċiproku immedjat ta’ mandati għall-prevenzjoni tal-qerda, it-trasformazzjoni, iċ-ċaqliq, it-trasferiment jew ir-rimi ta’ provi. Madankollu, minħabba l-fatt li l-istrument hu ristrett għall-fażi tal-iffriżar, il-mandat tal-iffriżar jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn talba separata għat-trasferiment tal-provi lill-istat emittenti f'konformità mar-regoli li japplikaw għall-assistenza reċiproka f'materji kriminali. Dan jirriżulta fi proċedura b'żewġ stadji detrimentali għall-effiċjenza tagħha. Barra minn hekk, dan ir-reġim jikkoeżisti mal-istrumenti tradizzjonali ta’ kooperazzjoni u għalhekk rari jintuża fil-prattika mill-awtoritajiet kompetenti.

    (4)

    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (2). Madankollu, il-mandat Ewropew għall-provi japplika biss għal provi li diġà jeżistu u għalhekk ikopri spettru limitat ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fir-rigward tal-provi. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti huma liberi li jużaw ir-reġim il-ġdid jew li jużaw il-proċeduri ta’ assistenza legali reċiproka li f'kull każ jibqgħu japplikaw għall-provi li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat Ewropew għall-provi.

    (5)

    Mill-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas 2003/577/ĠAI u 2008/978/ĠAI 'l hawn, jidher ċar li l-qafas eżistenti għall-ġbir ta’ provi huwa wisq frammentat u kkumplikat. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ ġdid.

    (6)

    Fil-Programm ta’ Stokkolma, li ġie adottat fil-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li l-istabbiliment ta’ sistema komprensiva għall-kisba ta’ provi f'każijiet b'dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. Il-Kunsill Ewropew indika li l-istrumenti eżistenti f'dan il-qasam jikkostitwixxu reġim frammentarju u li huwa meħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li madankollu jżomm kont ukoll tal-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta’ assistenza legali reċiproka. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew appella għal sistema komprensiva li tissostitwixxi l-istrumenti kollha eżistenti f'dan il-qasam, inkluża d-Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat Ewropew għall-provi, li tkopri kemm jista’ jkun it-tipi kollha ta’ provi u li fiha skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

    (7)

    Dan l-approċċ il-ġdid hu bbażat fuq strument uniku msejjaħ l-Ordni Ewropew ta’ Investigazzjoni (OIE). L-OIE għandu jinħareġ għall-fini li jkun hemm miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed li titwettaq fl-Istat ta’ eżekuzzjoni bil-ħsieb li jinġabru l-provi. Dan jinkludi l-kisba ta’ provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

    (8)

    L-OIE għandu kamp ta’ applikazzjoni orizzontali u għalhekk japplika għall-miżuri investigattivi kważi kollha. Madankollu, xi miżuri jeħtieġu regoli speċifiċi li l-aħjar li jiġu ttrattati separatament, bħall-istabbiliment ta’ tim konġunt ta’ investigazzjoni u l-ġbir ta’ provi fi ħdan tali tim kif ukoll xi forom speċifiċi ta’ interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, pereżempju, l-interċettazzjoni bi trasmissjoni immedjata u l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet satellitari. L-istrumenti eżistenti għandhom ikomplu japplikaw għal dawn it-tipi ta’ miżuri.

    (9)

    Din id-Direttiva ma tapplikax għal osservazzjonijiet transkonfinali kif imsemmi fl-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (3).

    (10)

    L-OIE għandu jiffoka fuq il-miżura investigattiva li għandha titwettaq. L-awtorità emittenti qiegħda fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżura għandha tintuża. Madankollu, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tuża tip ta’ miżura oħra, sew minħabba li l-miżura rikjesta ma tkunx teżisti jew ma tkunx disponibbli skont il-liġi nazzjonali tagħha jew minħabba li t-tip ta’ miżura l-oħra ser tikseb l-istess riżultat bħall-miżura prevista fl-OIE permezz ta’ mezzi b'anqas koerċizzjoni.

    (11)

    L-eżekuzzjoni ta’ OIE għandha, sa fejn hu l-aktar possibbli, u mingħajr preġudizzju għall-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, titwettaq f'konformità mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-Istat emittenti. L-awtorità emittenti tista’ titlob li awtorità waħda jew aktar tal-Istat emittenti jassistu fl-eżekuzzjoni tal-OIE b'appoġġ għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Din il-possibbiltà ma timplika l-ebda setgħat ta’ infurzar tal-liġi għall-awtoritajiet tal-Istat emittenti fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    (12)

    Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-possibbiltà li jiġi miċħud r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE, kif ukoll ir-raġunijiet għall-posponiment tal-eżekuzzjoni tagħha, għandha tkun limitata.

    (13)

    Huma meħtieġa restrizzjonijiet taż-żmien biex tiġi żgurata kooperazzjoni rapida, effettiva u konsistenti bejn l-Istati Membri f'materji kriminali. Id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni, kif ukoll l-eżekuzzjoni proprja tal-miżura investigattiva, għandhom jitwettqu bl-istess rapidità u prijorità bħal fil-każ ta’ każ nazzjonali simili. Għandhom ikunu previsti skadenzi biex jiġi żgurat li d-deċiżjoni jew l-eżekuzzjoni jsiru fi żmien raġonevoli jew sabiex jiġu rispettati l-limitazzjonijiet proċedurali fl-Istat emittenti.

    (14)

    L-OIE jipprevedi reġim uniku għall-kisba ta’ provi. Madankollu, meħtieġa regoli addizzjonali għal xi tipi ta’ miżuri investigattivi li għandhom jiġu inklużi fl-OIE, bħat-trasferiment temporanju ta’ persuni miżmuma f'kustodja, is-seduti permezz ta’ vidjokonferenza jew konferenza telefonika, il-kisba ta’ informazzjoni relatata ma’ kontijiet bankarji jew transazzjonijiet bankarji jew kunsinni kkontrollati. Il-miżuri investigattivi li jimplikaw ġbir ta’ provi fi żmien reali, kontinwament u matul ċertu perijodu ta’ żmien huma koperti mill-OIE, iżda għandha tingħata flessibbiltà lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni għal dawn il-miżuri minħabba d-differenzi li jeżistu fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

    (15)

    Din id-Direttiva tissostitwixxi d-Deċiżjonijiet Qafas 2003/577/ĠAI u 2008/978/ĠAI kif ukoll id-diversi strumenti dwar l-assistenza legali reċiproka f'materji kriminali safejn dawn jittrattaw il-kisba ta’ provi għall-użu ta’ proċedimenti f'materji kriminali.

    (16)

    Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet meħuda biex jinkisbu provi, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

    (17)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment it-Titolu VI tagħha. Ma hemm xejn f’din id-Direttiva li jista’ jiġi interpretat li jipprojbixxi ċ-ċaħda tal-eżekuzzjoni ta’ OIE meta jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen, abbażi ta’ elementi objettivi, li l-OIE nħareġ bil-għan li persuna tiġi proċessata kriminalment jew punita minħabba s-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, iċ-ċittadinanza, il-lingwa jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi preġudikata għal kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet.

    (18)

    [F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.]

    (19)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    L-ORDNI TA’ INVESTIGAZZJONI EWROPEW

    Artikolu 1

    Definizzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit

    1.   L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) għandu jkun deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru (“l-Istat emittenti”) sabiex waħda jew aktar minn miżuri investigattivi speċifiċi jitwettqu fi Stat Membru ieħor (“l-Istat ta’ eżekuzzjoni”) bil-ħsieb li jinġabru provi fil-qafas tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4.

    2.   L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    3.   Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u għall-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat. Bl-istess mod, din id-Direttiva m'għandhiex ikollha l-effett li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kwalunkwe miżura li hija f'kunflitt mar-regoli kostituzzjonali tagħhom relatati mal-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f'mezzi oħrajn tal-media.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)

    “awtorità emittenti” tfisser:

    (i)

    imħallef, qorti, maġistrat tal-investigazzjoni jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

    (ii)

    kwalunkwe awtorità ġudizzjarja oħra kif definit mill-Istat emittenti u, fil-każ speċifiku, filwaqt li taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir provi f'konformità mal-liġi nazzjonali,

    (b)

    “awtorità ta’ eżekuzzjoni” għandha tfisser awtorità b'kompetenza li tirrikonoxxi jew teżegwixxi OIE f'konformità ma’ din id-Direttiva. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tkun awtorità kompetenti li twettaq il-miżura investigattiva msemmija fl-OIE f'każ nazzjonali simili.

    Artikolu 3

    Kamp ta’ applikazzjoni tal-OIE

    1.   L-OIE għandu jkopri kwalunkwe miżura investigattiva bl-eċċezzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2.

    2.   Il-miżuri li ġejjin m'għandhomx ikunu koperti mill-OIE:

    (a)

    l-istabbiliment ta’ tim konġunt ta’ investigazzjoni u l-ġbir ta’ provi fi ħdan tali tim kif previst fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”) u fid-Deċiżjoni Qafas 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar timijiet konġunti ta’ investigazzjoni (5);

    (b)

    l-interċettazzjoni u t-trażmissjoni immedjata ta’ telekomunikazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(a) tal-Konvenzjoni; u

    (c)

    l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b) tal-Konvenzjoni safejn dawn huma relatati ma’ sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(2)(a) u (c) u l-Artikolu 20 ta’ dik il-Konvenzjoni.

    Artikolu 4

    Tipi ta’ proċedura li għalihom jista’ jinħareġ l-OIE

    L-OIE jista’ jinħareġ:

    (a)

    fir-rigward ta’ proċedimenti kriminali mressqa minn, jew li jistgħu jitressqu quddiem, awtorità ġudizzjarja fir-rigward ta’ reat kriminali skont il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti;

    (b)

    fi proċedimenti mressqa minn awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta’ atti li huma punibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti billi huma jikkostitwixxu ksur tal-liġi u fejn id-deċiżjoni tista’ twassal għal proċedimenti quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

    (c)

    fi proċedimenti mressqa minn awtoritajiet ġudizzjarji fir-rigward ta’ atti li huma punibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti billi huma jikkostitwixxu ksur tal-liġi u fejn id-deċiżjoni tista’ twassal għal proċedimenti quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, f’materji kriminali; u

    (d)

    b’rabta ma’ proċedimenti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) li huma relatati ma’ reati jew infrazzjonijiet li għalihom persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli jew punibbli fl-Istat emittenti.

    Artikolu 5

    Kontenut u għamla tal-OIE

    1.   L-OIE stabbilit fl-għamla prevista fl-Anness A għandu jiġi kkompletat, iffirmat, u l-kontenut tiegħu ċċertifikat bħala preċiż mill-awtorità emittenti.

    2.   Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa/i li, fost il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u flimkien mal-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat, jistgħu jintużaw sabiex jiġi kompletat jew tradott l-OIE meta l-Istat inkwistjoni jkun l-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    KAPITOLU II

    PROĊEDURI U SALVAGWARDJI GĦALL-ISTAT EMITTENTI

    Artikolu 6

    Trażmissjoni tal-OIE

    1.   L-OIE għandu jkun trażmess mill-awtorità emittenti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni bi kwalunkwe mezz li jista’ jipproduċi rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ eżekuzzjoni li jistabbilixxi l-awtentiċità. Kull komunikazzjoni uffiċjali ulterjuri għandha ssir direttament bejn l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(b), kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu tkun tipprevedi dan, aktar minn awtorità ċentrali waħda, sabiex jassistu lill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji. Stat Membru jista’, jekk meħtieġ bħala riżultat tal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jirrendi lill-awtorità(ajiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni u r-riċezzjoni amministrattivi tal-OIE, kif ukoll għal korrispondenza uffiċjali oħra relatata magħhom.

    3.   Jekk l-awtorità emittenti tkun tixtieq dan, it-trażmissjoni tista' ssir permezz tas-sistema sikura ta’ telekomunikazzjoni tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

    4.   Jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tkunx magħrufa, l-awtorità emittenti għandha tagħmel l-istħarriġ kollu meħtieġ, inkluż permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, sabiex tikseb l-informazzjoni mill-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    5.   Meta l-awtorità fl-Istat ta’ eżekuzzjoni li tirċievi l-OIE ma jkollha l-ebda ġurisdizzjoni biex tirrikonoxxih u biex tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tiegħu, hija għandha, ex officio, tittrasmetti l-OIE lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni u għandha tinforma lill-awtorità emittenti b’dan.

    6.   Id-diffikultajiet kollha marbutin mat-trasmissjoni jew l-awtentiċità ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-OIE għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ kuntatti diretti bejn l-awtorità emittenti u dik tal-eżekuzzjoni involuti, jew, fejn adatt, bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri.

    Artikolu 7

    OIE relatat ma’ OIE preċedenti

    1.   Meta l-awtorità emittenti toħroġ OIE li jissupplimenta OIE preċedenti, hi għandha tindika dan il-fatt fl-OIE f'konformità mal-formola prevista fl-Anness A.

    2.   Meta, f'konformità mal-Artikolu 8(3), l-awtorità emittenti tassisti fl-eżekuzzjoni tal-OIE fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, hija tista’ mingħajr preġudizzju għan-notifiki magħmula skont l-Artikolu 28(1)(c), tindirizza OIE li jissupplimenta l-OIE preċedenti direttament lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, waqt li tkun preżenti f’dak l-Istat.

    KAPITOLU III

    PROĊEDURI U SALVAGWARDJI GĦALL-ISTAT TA’ EŻEKUZZJONI

    Artikolu 8

    Rikonoxximent u eżekuzzjoni

    1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, trażmess f'konformità mal-Artikolu 6, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u għandha minnufih tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u skont l-istess modalitajiet bħal meta l-miżura investigattiva in kwistjoni tkun ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, dment li dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent jew għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikolu 10 jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti fl-Artikolu 14.

    2.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti dment li ma jkunx previst mod ieħor f'din id-Direttiva u dment li dawn il-formalitajiet u l-proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    3.   L-awtorità emittenti tista' titlob li awtorità waħda jew aktar tal-Istat emittenti jassistu fl-eżekuzzjoni tal-OIE b'appoġġ għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma ma’ din it-talba dment li din il-parteċipazzjoni ma tmurx kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    4.   L-awtorità emittenti u dik ta’ eżekuzzjoni jistgħu jikkonsultaw lil xulxin, permezz ta’ kwalunkwe mezz adatt, bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-applikazzjoni effiċjenti ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 9

    Rikors għal tip differenti ta’ miżura investigattiva

    1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista' tiddeċiedi li tirrikorri għal miżura investigattiva differenti minn dik prevista fl-OIE meta:

    (a)

    il-miżura investigattiva indikata fl-OIE ma tkunx teżisti skont il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni;

    (b)

    il-miżura investigattiva indikata fl-OIE teżisti fil-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni iżda l-użu tagħha hu ristrett għal lista jew kategorija ta’ reati li ma jinkludux ir-reat kopert mill-OIE, jew

    (c)

    il-miżura investigattiva magħżula mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni ser ikollha l-istess riżultat bħall-miżura prevista fl-OIE permezz ta’ mezzi b'anqas koerċizzjoni.

    2.   Meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li tagħmel użu mill-possibbiltà msemmija fil- paragrafu 1, hi għandha l-ewwel nett tinforma lill-awtorità emittenti, li tista' tiddeċiedi li tirtira l-OIE.

    Artikolu 10

    Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni

    1.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tal-OIE jistgħu jiġu miċħuda fl-Istat ta’ eżekuzzjoni meta:

    (a)

    ikun hemm xi immunità jew privileġġ skont il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li permezz tagħha ma jkunx possibbli li l-OIE jiġi eżegwit;

    (b)

    f'każ speċifiku, l-eżekuzzjoni tiegħu tagħmel ħsara lill-interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali, tipperikola s-sors tal-informazzjoni jew tinvolvi l-użu ta’ informazzjoni klassifikata relatata ma’ attivitajiet speċifiċi ta’ intelligence;

    (c)

    fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(a) u (b), ma jkun hemm l-ebda miżura investigattiva oħra disponibbli li tippermetti li jinkiseb riżultat simili, jew

    (d)

    l-OIE jkun inħareġ fi proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4(b) u (c) u l-miżura ma tkunx awtorizzata f'każ nazzjonali simili.

    2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) u (c), qabel ma jiġi deċiż li OIE ma jiġix rikonoxxut jew eżegwit, kompletament jew inkella parzjalment, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonsulta lill-awtorità emittenti, bi kwalunkwe mezz adatt, u għandha, fejn adatt, titlobha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.

    Artikolu 11

    Skadenzi għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni

    1.   Id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni għandha tittieħed u l-miżura investigattiva għandha titwettaq bl-istess rapidità u prijorità bħal f'każ nazzjonali simili u, fi kwalunkwe każ, fl-iskadenzi previsti f'dan l-Artikolu.

    2.   Meta awtorità emittenti tkun indikat fl-OIE li, minħabba skadenzi proċedurali, il-gravità tar-reat jew ċirkostanzi oħrajn partikolarment urġenti, jkunu meħtieġa skadenzi iqsar minn dawk previsti f'dan l-Artikolu, jew meta l-awtorità emittenti tkun iddikjarat fl-OIE li l-miżura investigattiva għandha titwettaq f'data speċifika, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha kemm jista' jkun tieħu kont sħiħ ta’ dan ir-rekwiżit.

    3.   Id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni għandha tittieħed malajr kemm jista' jkun u, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, mhux iktar tard minn 30 jum wara r-riċezzjoni tal-OIE mill-awtorità kompetenti ta’ eżekuzzjoni.

    4.   Dment li ma tkun teżisti l-ebda raġuni għal postponiment skont l-Artikolu 14 jew li l-provi msemmija fil-miżura investigattiva koperta mill-OIE ma jkunux diġà fil-pussess tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq il-miżura investigattiva mingħajr dewmien u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, mhux aktar tard minn 90 jum wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3.

    5.   Meta ma jkunx prattikabbli f’każ speċifiku għall-awtorità kompetenti ta’ eżekuzzjoni li tissodisfa l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 3, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti mingħajr dewmien u bi kwalunkwe mezz, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-dewmien u stima taż-żmien meħtieġ għat-teħid tad-deċiżjoni. F'dan il-każ, il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 3 jista' jiġi estiz b'mhux aktar minn 30 jum.

    6.   Meta ma jkunx prattikabbli f’każ speċifiku għall-awtorità kompetenti ta’ eżekuzzjoni li tissodisfa l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 4, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti mingħajr dewmien u bi kwalunkwe mezz, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-dewmien, u għandha tikkonsulta mal-awtorità emittenti dwar l-aħjar mument biex twettaq din il-miżura.

    Artikolu 12

    Trasferiment ta’ provi

    1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha mingħajr dewmien żejjed tittrasferixxi l-provi miksuba bħala riżultat tal-eżekuzzjoni tal-OIE lill-Istat emittenti. Fejn jintalab fl-OIE u jekk ikun possibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, il-provi għandhom ikunu trasferiti immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti li jkunu qegħdin jassistu fl-eżekuzzjoni tal-OIE f'konformità mal-Artikolu 8(3).

    2.   Fit-trasferiment tal-provi miksuba, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tindika jekk teħtieġx li dawn jitreġġgħu lura lill-Istat ta’ eżekuzzjoni hekk kif ma jibqgħux meħtieġa fl-Istat emittenti.

    Artikolu 13

    Rimedji legali

    Ir-rimedji legali għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet interessati f'konformità mal-liġi nazzjonali. Ir-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ tal-OIE jistgħu jiġu sindikati biss permezz ta’ azzjoni miġjuba quddiem qorti tal-Istat emittenti.

    Artikolu 14

    Raġunijiet għal posponiment ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni

    1.   Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tal-OIE jistgħu jiġu posposti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni meta:

    (a)

    l-eżekuzzjoni tiegħu tista' tkun ta’ preġudizzju għal investigazzjoni kriminali jew għall-prosekuzzjoni pendenti, sa meta l-Istat ta’ eżekuzzjoni jikkunsidra li jkun raġonevoli; jew

    (b)

    l-oġġetti, id-dokumenti jew id-data kkonċernati jkunu diġà qegħdin jintużaw fi proċedimenti oħrajn sa meta dawn ma jkunux aktar meħtieġa għal dan il-fini.

    2.   Hekk kif ir-raġuni għal posponiment ma tibqax teżisti, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha minnufih tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-OIE u tinforma b’dan lill-awtorità emittenti bi kwalunkwe mezz li jista’ jipproduċi rekord bil-miktub.

    Artikolu 15

    Obbligu li tingħata informazzjoni

    1.   L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni li tirċievi l-OIE għandha, mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien ġimgħa mir-riċezzjoni tal-OIE, tirrikonoxxi din ir-riċezzjoni billi timla u tibgħat il-formola prevista fl-Anness B. Meta awtorità ċentrali tkun ġiet maħtura f'konformità mal-Artikolu 6(2), dan l-obbligu japplika kemm għall-awtorità ċentrali kif ukoll għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirċievi l-OIE permezz tal-awtorità ċentrali. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(5), dan l-obbligu japplika kemm għall-awtorità kompetenti li inizjalment tkun irċeviet l-OIE kif ukoll għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li finalment tkun ġiet trażmessa lilha l-OIE.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tinforma lill-awtorità emittenti:

    (a)

    immedjatament bi kwalunkwe mezz meta:

    (i)

    ma jkunx possibbli għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tieħu deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni minħabba l-fatt li l-formola prevista fl-Anness ma tkunx kompluta jew tkun manifestament skorretta;

    (ii)

    matul l-eżekuzzjoni tal-OIE, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tikkunsidra mingħajr stħarriġ ulterjuri li jista’ jkun adatt li jitwettqu miżuri investigattivi li ma kinux previsti inizjalment, jew li ma setgħux jiġu speċifikati meta nħareġ l-OIE, sabiex l-awtorità emittenti tkun tista’ tieħu azzjoni ulterjuri fil-każ speċifiku;

    (iii)

    l-awtorità ta’ esekuzzjoni tistabbilixxi li, fil-każ speċifiku, hija ma tistax tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti skont l-Artikolu 8.

    Fuq talba tal-awtorità emittenti, l-informazzjoni għandha tiġi kkonfermata bla dewmien bi kwalunkwe mezz li jista’ jipproduċi rekord bil-miktub;

    (b)

    mingħajr dewmien bi kwalunkwe mezz li jista' jipproduċi rekord bil-miktub:

    (i)

    kwalunkwe deċiżjoni meħuda f'konformità mal-Artikolu 10(1);

    (ii)

    il-posponiment tal-eżekuzzjoni jew ir-rikonoxximent tal-OIE, ir-raġunijiet sottostanti u, jekk ikun possibbli, kemm mistenni jdum il-posponiment.

    Artikolu 16

    Responsabbiltà kriminali rigward l-uffiċjali

    Meta jkunu preżenti fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni fil-qafas tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-uffiċjali mill-Istat emittenti għandhom jitqiesu bħala uffiċjali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ reati mwettqin kontrihom jew minnhom.

    Artikolu 17

    Responsabbiltà ċivili rigward l-uffiċjali

    1.   Meta, fil-qafas tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-uffiċjali tal-Istat emittenti jkunu preżenti fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-Istat emittenti għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara kkawżata minnhom matul l-operazzjonijiet tagħhom, f'konformità mal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    2.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet ikkawżata l-ħsara msemmija fil-paragrafu 1 għandu jsewwi din il-ħsara taħt il-kundizzjonijiet applikabbli għal ħsara kkawżata mill-uffiċjali tiegħu stess.

    3.   L-Istat Membru li l-uffiċjali tiegħu jkunu kkawżaw ħsara lil kwalunkwe persuna fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jrodd lura bis-sħiħ lil dan tal-aħħar kwalunkwe somma li ħallas lill-vittmi jew lill-persuni intitolati f'isimhom.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu vis-à-vis partijiet terzi u bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 3, kull Stat Membru għandu jibqa' lura, fil-każ previst fil-paragrafu 1, milli jitlob radd lura tal-ħsara li jkun ġarrab minn Stat Membru ieħor.

    Artikolu 18

    Kunfidenzjalità

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-awtorità emittenti u dik ta’ eżekuzzjoni jieħdu kont dovut, fl-eżekuzzjoni tal-OIE, tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni.

    2.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha, tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-fatti u s-sustanza tal-OIE, bl-eċċezzjoni ta’ dak li jkun meħtieġ biex teżegwixxi l-miżura investigattiva. Jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tkunx tista' tikkonforma mar-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, hi għandha mingħajr dewmien tinnotifika lill-awtorità emittenti.

    3.   L-awtorità emittenti għandha, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha u dment li ma jkunx indikat mod ieħor mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, iżżomm kunfidenzjali kwalunkwe prova jew informazzjoni pprovduta mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, b'eċċezzjoni fejn l-iżvelar tagħha jkun meħtieġ għall-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti deskritti fl-OIE.

    4.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżura meħtieġa biex jiżgura li l-banek ma jiżvelawx lill-klijent tal-bank ikkonċernat jew lil terzi persuni oħrajn li tkun ġiet trażmessa informazzjoni lill-Istat emittenti f'konformità mal-Artikoli 23, 24 u 25 jew li tkun qiegħda titwettaq investigazzjoni.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAL ĊERTI MIŻURI INVESTIGATTIVI

    Artikolu 19

    Trasferiment temporanju lejn l-Istat emittenti ta’ persuni miżmuma f'kustodja għall-fini ta’ investigazzjoni

    1.   L-OIE jista' jinħareġ għat-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f'kustodja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex titwettaq miżura investigattiva li għaliha tkun meħtieġa l-preżenza tagħha fit-territorju tal-Istat emittenti, dment li hi terġa' tintbagħat lura fil-perijodu stipulat mill-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    2.   Flimkien mar-raġunijiet għaċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 10(1), l-eżekuzzjoni tal-OIE tista' wkoll tiġi miċħuda jekk:

    (a)

    il-persuna miżmuma f'kustodja ma tagħtix kunsens; jew

    (b)

    it-trasferiment jista' jtawwal id-detenzjoni tagħha.

    3.   F'każ li jaqa' taħt il-paragrafu 1, it-tranżitu tal-persuna miżmuma f'kustodja mit-territorju ta’ Stat Membru terz għandu jingħata b'applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti kollha meħtieġa.

    4.   L-arranġamenti prattiċi rigward it-trasferiment temporanju tal-persuna u d-data sa meta għandha titreġġa' lura fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandhom jiġu miftiehma bejn l-Istati Membri kkonċernati.

    5.   Il-persuna ttrasferita għandha tibqa' miżmuma f'kustodja fit-territorju tal-Istat emittenti u, skont il-każ, fit-territorju tal-Istat Membru li jkun meħtieġ tranżitu minnu, dment li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma japplikax għar-rilaxx tagħha.

    6.   Il-perijodu ta’ kustodja fit-territorju tal-Istat Membru emittenti għandu jitnaqqas mill-perijodu ta’ detenzjoni li l-persuna kkonċernata ser tkun obbligata tagħmel fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    7.   Il-persuna ttrasferita m'għandhiex tiġi proċessata kriminalment jew tinżamm f'detenzjoni jew tiġi soġġetta għal kwalunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà personali tagħha għal atti jew kundanni li saru qabel ma tkun telqet mit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u li mhumiex speċifikati fl-OIE.

    8.   L-immunità prevista fil-paragrafu 7 m'għandhiex tibqa' tapplika meta l-persuna ttrasferita, wara li għal perijodu ta’ ħmistax-il jum konsekuttiv mid-data meta l-preżenza tagħha ma tkunx għadha meħtieġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji, kellha l-opportunità li titlaq u madankollu tkun baqgħat fit-territorju, jew wara li tkun telqet minn hemm, tkun reġgħet lura.

    9.   L-ispejjeż li jirriżultaw mit-trasferiment għandhom ikunu koperti mill-Istat emittenti.

    Artikolu 20

    Trasferiment temporanju lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni ta’ persuni miżmuma f'kustodja għall-fini ta’ investigazzjoni

    1.   L-OIE jista' jinħareġ għat-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f'kustodja fl-Istat emittenti għat-twettiq ta’ miżura investigattiva li għaliha tkun meħtieġa l-preżenza tagħha fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    2.   Flimkien mar-raġunijiet għaċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 10(1), l-eżekuzzjoni tal-OIE tista' wkoll tiġi miċħuda jekk:

    (a)

    il-kunsens għat-trasferiment ikun meħtieġ mill-persuna kkonċernata u dan il-kunsens ma jkunx inkiseb; jew

    (b)

    l-awtorità emittenti u dik ta’ eżekuzzjoni ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti għat-trasferiment temporanju.

    3.   Meta l-kunsens għat-trasferiment ikun meħtieġ mill-persuna kkonċernata, għandha tiġi pprovduta dikjarazzjoni tal-kunsens jew kopja tagħha mingħajr dewmien lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

    4.   Kull Stat Membru jista' jindika li, qabel l-eżekuzzjoni tal-OIE, il-kunsens imsemmi fil-paragrafu 3 huwa meħtieġ taħt ċerti kondizzjonijiet indikati fin-notifika.

    5.   Il-paragrafi 3 sa 8 tal-Artikolu 19 japplikaw mutatis mutandis għat-trasferiment temporanju taħt dan l-Artikolu.

    6.   L-ispejjeż li jirriżultaw mit-trasferiment għandhom ikunu koperti mill-Istat emittenti. Dan ma jinkludix l-ispejjeż li jirriżultaw mid-detenzjoni tal-persuna fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    Artikolu 21

    Seduti permezz ta’ vidjokonferenzi

    1.   Jekk persuna tkun fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u tkun trid tinstema' bħala xhieda jew esperta mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti, l-awtorità emittenti tista', fejn ma jkunx mixtieq jew possibbli għall-persuna li għandha tinstema' li tidher fiżikament fit-territorju tiegħu, toħroġ OIE sabiex tinstema' x-xhieda jew l-espert permezz ta’ vidjokonferenza, kif previst fil-paragrafi 2 sa 9.

    2.   Flimkien mar-raġunijiet għaċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 10(1), l-eżekuzzjoni tal-OIE tista' wkoll tiġi miċħuda jekk:

    (a)

    l-użu ta’ vidjokonferenzi jmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni;

    (b)

    l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jkollux il-mezzi tekniċi għall-vidjokonferenzi.

    3.   Jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jkollux aċċess għall-mezzi tekniċi għall-vidjokonferenzi, dawn il-mezzi jistgħu jitpoġġew għad-disponibbiltà tiegħu mill-Istat emittenti permezz ta’ ftehim reċiproku.

    4.   L-Artikolu 10(2) japplika mutatis mutandis għal każijiet imsemmija fil-paragrafu 2(b).

    5.   L-OIE maħruġa għall-fini ta’ seduta permezz ta’ vidjokonferenza għandu jkun fih ir-raġuni għaliex mhuwiex mixtieq jew possibbli għax-xhieda jew għall-espert li jattendu fiżikament, l-isem tal-awtorità ġudizzjarja u tal-persuni li ser imexxu s-seduta.

    6.   F'każ ta’ seduti permezz ta’ vidjokonferenzi, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

    (a)

    l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tkun preżenti matul is-seduta, fejn meħtieġ assistita minn interpretu, u għandha wkoll tkun responsabbli biex tiżgura kemm l-identifikazzjoni tal-persuna li għandha tinstema' kif ukoll ir-rispett għall-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tkun tal-fehma li matul is-seduta l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jkunu qegħdin jiġu miksura, hi għandha minnufih tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li s-seduta tkompli f'konformità ma’ dawn il-prinċipji;

    (b)

    fejn meħtieġ, għandu jkun hemm qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti u dak ta’ eżekuzzjoni dwar il-miżuri għall-protezzjoni tal-persuna li għandha tinstema';

    (c)

    is-seduta għandha titmexxa direttament mill-awtorità emittenti jew taħt id-direzzjoni tagħha f'konformità mal-liġijiet tagħha stess;

    (d)

    fuq it-talba tal-Istat emittenti jew tal-persuna li għandha tinstema', l-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-persuna li għandha tinstema' tkun assistita minn interpretu, jekk meħtieġ;

    (e)

    il-persuna li għandha tinstema' tista' titlob id-dritt li ma tixhidx, li jkun id-dritt tagħha skont il-liġi jew tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jew ta’ dak emittenti.

    7.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura maqbula għall-protezzjoni tal-persuni, meta s-seduta tkun ġiet konkluża, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tfassal il-minuti filwaqt li tindika d-data u l-post tas-seduta, l-identità tal-persuna mismugħa, l-identitajiet u l-funzjonijiet tal-persuni l-oħra kollha fl-Istat ta’ eżekuzzjoni li jkunu qegħdin jipparteċipaw fis-seduta, kwalunkwe ġurament li jkun ittieħed u l-kondizzjonijiet tekniċi li taħthom tkun saret is-seduta. Id-dokument għandu jintbagħat mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni lill-awtorità emittenti.

    8.   L-ispiża relatata mal-istabbiliment tal-vidjokollegament, l-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni tal-vidjokollegament fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, ir-remunerazzjoni tal-interpreti pprovduti minnu u l-allowances għax-xhieda u l-esperti u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għandhom jintraddu lura mill-Istat emittenti lill-Istat ta’ eżekuzzjoni, dment li dan tal-aħħar ma jirrinunzjax għar-radd lura tal-ispejjeż kollha jew ta’ xi wħud minnhom.

    9.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li, meta x-xhieda jew l-esperti jkunu qegħdin jinstemgħu fit-territorju tiegħu f'konformità ma’ dan l-Artikolu u jirrifjutaw li jixhdu meta jkunu taħt l-obbligu li jixhdu jew jekk ma jixhdux il-verità, il-liġi nazzjonali tiegħu tapplika bl-istess mod bħal li kieku s-seduta tkun saret fi proċedura nazzjonali.

    10.   L-OIE jista' jinħareġ ukoll għall-fini tas-seduta ta’ persuna akkużata permezz ta’ vidjokonferenza. Il-paragrafi 1 sa 9 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Flimkien mar-raġunijiet għaċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 10(1), l-eżekuzzjoni tal-OIE tista' wkoll tiġi miċħuda jekk:

    (a)

    il-persuna akkużata ma tagħtix kunsens; jew

    (b)

    l-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura tmur kontra l-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    Artikolu 22

    Seduti permezz ta’ konferenzi telefoniċi

    1.   Jekk persuna tkun fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u tkun trid tinstema' bħala xhieda jew esperta mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor, l-awtorità emittenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru tista' toħroġ OIE sabiex tisma' xhud jew espert permezz ta’ konferenza telefonika, kif previst fil-paragrafi 2 sa 4.

    2.   Flimkien mar-raġunijiet għaċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 10(1), l-eżekuzzjoni tal-OIE tista' wkoll tiġi miċħuda jekk:

    (a)

    l-użu ta’ konferenza telefonika jmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni; jew

    (b)

    ix-xhud jew l-espert ma jaqblux li s-seduta għandha ssir permezz ta’ dak il-metodu.

    3.   L-OIE maħruġ għal seduta permezz ta’ konferenza telefonika għandu jkun fih l-isem tal-awtorità ġudizzjarja u tal-persuni li ser ikunu qegħdin imexxu s-seduta u indikazzjoni li x-xhud jew l-espert ikunu lesti li jieħdu sehem fis-seduta permezz ta’ konferenza telefonika.

    4.   L-arranġamenti prattiċi rigward is-seduta għandhom jinqablu bejn l-awtorità emittenti u dik ta’ eżekuzzjoni. Meta tkun qiegħda taqbel dwar dawn l-arranġamenti, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha timpenja ruħha li:

    (a)

    tinnotifika lix-xhud jew lill-espert ikkonċernat bil-ħin u l-post tas-seduta;

    (b)

    tiżgura l-identifikazzjoni tax-xhud jew l-espert; u

    (c)

    tivverifika li x-xhud jew l-espert jaqblu li s-seduta ssir permezz ta’ konferenza telefonika.

    L-Istat ta’ eżekuzzjoni jista' jissoġġetta l-ftehim tiegħu, bis-sħiħ jew parzjalment, għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 21(6) u (9). Dment li ma jkunx hemm qbil mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(8) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 23

    Informazzjoni dwar kontijiet bankarji

    1.   L-OIE jista' jinħareġ sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna fiżika jew ġuridika li hi s-suġġett tal-investigazzjoni kriminali żżommx jew tikkontrollax kont wieħed jew aktar, hi x'inhi n-natura tiegħu, fi kwalunkwe bank li jinstab fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    2.   Kull Stat Membru għandu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, jieħu l-miżuri meħtieġa li jkunu jippermettuh jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha wkoll, jekk jintalab fl-OIE u safejn ikun jista' jiġi pprovdut fi żmien raġonevoli, tinkludi l-kontijiet li għalihom il-persuna li hija s-suġġett tal-proċedimenti jkollha prokura.

    4.   L-obbligu stabbilit f'dan l-Artikolu għandu japplika biss safejn l-informazzjoni tkun fil-pussess tal-bank li jkun qiegħed iżomm il-kont.

    5.   Flimkien mar-raġunijiet għaċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 10(1), l-eżekuzzjoni tal-OIE msemmi fil-paragrafu 1 tista' wkoll tiġi miċħuda jekk ir-reat ikkonċernat ma jkunx:

    (a)

    reat punibbli b'piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni ta’ perijodu massimu taż-żmien ta’ mill-inqas erba' snin fl-Istat emittenti u ta’ mill-inqas sentejn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni;

    (b)

    reat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi l-Uffiċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni dwar l-Europol”) (6); jew

    (c)

    safejn ma jkunx jista' jkun kopert mid-Deċiżjoni dwar l-Europol, reat imsemmi fil-Konvenzjoni tal-1995 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (7), il-Protokoll tiegħu tal-1996 (8), jew it-Tieni Protokoll tiegħu tal-1997 (9).

    6.   Fl-OIE l-awtorità emittenti għandha tiddikjara għaliex tqis li l-informazzjoni mitluba x’aktarx li hi ta’ valur sostanzjali għall-fini tal-investigazzjoni tar-reat u għal liema raġunijiet hija tippreżumi li l-banek fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jżommu l-kont u, safejn ikun disponibbli, liema banek jistgħu jkunu involuti. Fl-OIE, għandha tinkludi ukoll kwalunkwe informazzjoni li tkun disponibbli li tista’ tiffaċilita l-eżekuzzjoni tiegħu.

    Artikolu 24

    Informazzjoni dwar it-transazzjonijiet bankarji

    1.   L-OIE jista' jinħareġ sabiex jinkisbu d-dettalji tal-kontijiet bankarji speċifikati u tal-operazzjonijiet bankarji li jkunu twettqu matul perijodu speċifikat permezz ta’ kont wieħed jew aktar speċifikati fih, inklużi d-dettalji ta’ kwalunkwe kont li jibgħat jew jirċievi l-flus.

    2.   Kull Stat Membru għandu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, jieħu l-miżuri meħtieġa biex ikun jista' jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   L-obbligu stabbilit f'dan l-Artikolu għandu japplika biss safejn l-informazzjoni tkun fil-pussess tal-bank li jkun qiegħed iżomm il-kont.

    4.   L-Istat emittenti għandu jindika fl-OIE għaliex jikkunsidra l-informazzjoni mitluba rilevanti għall-fini tal-investigazzjoni tar-reat.

    Artikolu 25

    Il-monitoraġġ tat-transazzjonijiet bankarji

    1.   L-OIE jista' jinħareġ sabiex isir monitoraġġ, matul perijodu speċifikat, tal-operazzjonijiet bankarji li jkunu qegħdin jitwettqu permezz ta’ kont wieħed jew aktar speċifikati fih.

    2.   Kull Stat Membru għandu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu, jieħu l-miżuri meħtieġa li jkunu jippermettuh jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   L-Istat emittenti għandu jindika fl-OIE għaliex jikkunsidra l-informazzjoni mitluba rilevanti għall-fini tal-investigazzjoni tar-reat.

    4.   Id-dettalji prattiċi rigward il-monitoraġġ għandhom ikunu maqbula bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti u dak ta’ eżekuzzjoni.

    Artikolu 26

    Kunsinni kkontrollati

    1.   L-OIE jista' jinħareġ biex titwettaq kunsinna kkontrollata fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    2.   Id-dritt ta’ azzjoni u dak ta’ direzzjoni u kontroll tal-operazzjonijiet relatati mal-eżekuzzjoni tal-OIE msemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    Artikolu 27

    Miżuri investigattivi li jimplikaw il-ġbir ta’ provi f'ħin reali, kontinwament u matul ċertu perijodu ta’ żmien

    1.   Meta l-OIE jinħareġ għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ miżura, inkluża dik imsemmija fl-Artikoli 25 u 26, li jimplika l-ġbir ta’ provi f'ħin reali, kontinwament jew matul ċertu perijodu ta’ żmien, l-eżekuzzjoni tagħha tista' tiġi miċħuda ukoll, b'żieda mar-raġunijiet għaċ-ċaħda msemmija fl-Artikolu 10(1), jekk l-eżekuzzjoni tal-miżura kkonċernata ma tkunx awtorizzata f'każ nazzjonali simili.

    2.   L-Artikolu 10(2) japplika mutatis mutandis għal każijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    3.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista' tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ OIE msemmija fil-paragrafu 1 għal ftehim dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 28

    Notifiki

    1.   Sa … (10) kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:

    (a)

    l-awtorità jew l-awtoritajiet li, f'konformità mal-ordinament ġuridiku intern tiegħu, huma kompetenti skont l-Artikolu 2(a) u (b) meta dan l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ eżekuzzjoni;

    (b)

    il-lingwi aċċettati għall-OIE, kif imsemmi fl-Artikolu 5(2);

    (c)

    l-informazzjoni rigward l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali maħtura jekk l-Istat Membru jkun jixtieq jagħmel użu mill-possibbiltà skont l-Artikolu 6(2). Din l-informazzjoni għandha tkun vinkolanti għall-awtoritajiet tal-Istat emittenti;

    (d)

    ir-rekwiżit tal-kunsens għat-trasferiment mill-persuna kkonċernata fil-każ fejn l-Istat Membru jkun jixtieq jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 20(4).

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-informazzjoni li tkun irċeviet fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għad-disponibbiltà ta’ kull Stat Membru u tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE). Il-NĠE għandu jirrendi l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-internet imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (11).

    Artikolu 29

    Relazzjonijiet ma’ ftehimiet u arranġamenti oħrajn

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri u Stati terzi u l-applikazzjoni temporanja tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 30, din id-Direttiva tissostitwixxi, sa minn …, (10) id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin li japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri marbutin b'din id-Direttiva:

    Il-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f'materji kriminali tal-20 ta’ April 1959 kif ukoll iż-żewġ protokolli addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978 u t-8 ta’ Novembru 2001 u l-ftehimiet bilaterali konklużi skont l-Artikolu 26 ta’ dik il-Konvenzjoni;

    Il-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985;

    Il-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 rigward assistenza legali reċiproka f'materji kriminali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-protokoll tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2001.

    2.   Id-Deċiżjoni Qafas 2008/978/ĠAI hija revokata. Din id-Direttiva tapplika bejn l-Istati Membri għall-iffriżar ta’ oġġetti ta’ provi b'sostituzzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni Qafas 2003/577/ĠAI.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw il-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ wara … (10) dment li dawn jippermettu li wieħed imur lil hinn minn din id-Direttiva u li jikkontribwixxu għas-simplifikazzjoni jew l-iffaċilitar ulterjuri tal-proċeduri għall-ġbir ta’ provi.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara … (12) dment li dawn jippermettu li wieħed imur lil hinn minn jew jestendi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u li jikkontribwixxu għas-simplifikazzjoni jew l-iffaċilitar ulterjuri tal-proċeduri għall-ġbir ta’ provi.

    5.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa … (13) dwar il-ftehimiet u l-arranġamenti eżistenti msemmija fil-paragrafu 3 li huma jixtiequ jkomplu japplikaw. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-iffirmar ta’ kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid imsemmi fil-paragrafu 4.

    6.   Jekk il-Kummissjoni tkun tal-fehma li ftehim jew arranġament bilaterali jew multilaterali nnotifikat lilha ma jikkonformax mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4, hi għandha tistieden lill-Istati Membri kkonċernati biex jitterminaw, jimmodifikaw jew jibqgħu lura milli jikkonkludu l-ftehim jew l-arranġament in kwistjoni.

    Artikolu 30

    Arranġamenti tranżitorji

    1.   It-talbiet għal assistenza reċiproka li jaslu qabel … (14) għandhom ikomplu jkunu regolati minn strumenti eżistenti relatati ma’ assistenza reċiproka f’materji kriminali. Id-deċiżjonijiet dwar l-iffriżar tal-provi bis-saħħa tad-Deċiżjoni Qafas 2003/577/ĠAI u li jaslu qabel … (14) għandhom ukoll ikunu rregolati minn din li tissemma' l-aħħar.

    2.   L-Artikolu 7(1) japplika mutatis mutandis għall-OIE wara deċiżjoni għall-iffriżar meħuda bis-saħħa tad-Deċiżjoni Qafas 2003/577/ĠAI.

    Artikolu 31

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa … (14)

    2.   Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza ghħal din id-Direttiva jew għandhom jkunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir tali referenza għandha titħalla f'idejn l-Istat Membru.

    3.   Sa … (14), l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skont din id-Direttiva.

    4.   Il-Kummisjoni għandha, sa … (15), tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, jekk meħtieġ, flimkien ma’ proposti leġislattivi.

    Artikolu 32

    Rapport dwar l-applikazzjoni

    Sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, abbażi kemm ta’ informazzjoni kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti għal emendi għal din id-Direttiva.

    Artikolu 33

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 34

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri konformement mat-Trattati.

    Magħmul fi …

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45.

    (2)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 72.

    (3)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

    (4)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.

    (5)  ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1.

    (6)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

    (7)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.

    (8)  ĠU C 313, 23.10.1996, p. 2.

    (9)  ĠU C 221, 19.7.1997, p. 12.

    (10)  Sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (11)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130

    (12)  Tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (13)  Tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (14)  Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (15)  Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.


    ANNESS A

    ORDNI TA' INVESTIGAZZJONI EWROPEW (OIE)

    Dan l-OIE inħareġ minn awtorità ġudizzjarja kompetenti. Jiena nitlob li l-miżura jew miżuri investigattivi speċifikati hawn taħt jitwettqu u li l-provi li jinkisbu sussegwentement b'riżultat tal-eżekuzzjoni tal-OIE jiġu ttrasferiti.

    Image

    Image

    Image

    Image


    ANNESS B

    KONFERMA TAR-RIĊEZZJONI TA' OIE

    Din il-formola għandha timtela' mill-awtorità tal-Istat ta' eżekuzzjoni li tkun irċeviet l-OIE msemmi hawn taħt.

    Image

    Image


    Top