Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0104

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 339, 14.12.2010, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 339/7


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2010/C 339/02)

    Relatur: is-Sur BUFFETAUT

    Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

    L-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Ottubru 2009.

    Matul l-459 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet bejn l-20 u l-21 ta’ Jannar 2010 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’138 voti favur u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jenfasizza li l-136 000 km ta’ kosta tal-UE huma ta’ valur konsiderevoli, iżda l-pressjoni demografika, u dik marbuta mal-art, l-agrikoltura, l-iżvilupp ekonomiku u t-turiżmu f’dawn iż-żoni tista’ tkun theddida għall-attrazzjoni tagħhom stess kif ukoll għall-futur tagħhom. Huma biss dawk il-politiki li huma bbażati fuq il-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli, mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali, li jistgħu jiżguraw futur tajjeb għar-reġjuni tal-kosta.

    Għal dan il-għan il-KESE fassal ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

    1.2.1   Mil-lat tal-protezzjoni ambjentali:

    it-twaqqif ta’ netwerk li jlaqqa’ lil dawk responsabbli għall-ġestjoni taż-żoni marittimi protetti u l-ħolqien ta’ tikketta Ewropea għal dawn iż-żoni,

    b’kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-ħolqien ta’ bażi tad-data Ewropea tal-aħjar prattiki leġiżlattivi u regolatorji dwar il-protezzjoni tal-wirt tal-kosti,

    attenzjoni mill-qrib għall-kwistjoni li ta’ spiss tiġi injorata dwar l-istat artifiċjali tal-kosta (apparti l-istrutturi li jħarsu l-wirt naturali, storiku u kulturali u l-popolazzjonijiet li jgħixu fiż-żoni) u t-twaqqif ta’ netwerk Ewropew għall-osservazzjoni tal-impatt tal-istrutturi mibnija fuq il-baħar, ibbażat fuq laboratorji ta’ riċerka marittima,

    il-ħolqien ta’ kumitat xjentifiku u tekniku tar-reġjuni marittimi sabiex jiġu antiċipati u ssuġġeriti soluzzjonijiet għall-konsegwenzi tal-livelli li qed jogħlew tal-baħar u, fir-reġjuni polari, tal-fatt li qed jinħall is-silġ tal-Artiku,

    it-tixrid ta’ informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent marittimu.

    1.2.2   Trasport

    Il-KESE jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-Programm tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport; l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm tkun mezz ta’ appoġġ għall-ekonomija Ewropea. Huwa jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-proġetti li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta: l-awtostradi tal-baħar (il-Baħar Baltiku, l-Arka tal-Atlantiku, l-Ewropa tax-Xlokk u l-Mediterran tal-Punent), ir-rotta ferrovjarja Baltika, ir-rotta ferrovjarja tal-kuritur intermodali tal-Baħar Jonju u l-Baħar Adrijatiku. It-tniġġis li jirriżulta miż-żieda utli fl-użu tat-trasport marittimu u ferrovjarju għandu jiġi mmaniġġjat tajjeb.

    1.2.3   Attivitajiet ekonomiċi tal-kosta f’diffikultà

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm azzjoni mmirata b’mod effettiv mill-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Fond Ewropew għas-Sajd biex jibbenefikaw minnha r-reġjuni tal-kosta li qed jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari u biex tkun faċilitata t-transizzjoni tagħhom lejn attivitajiet ekonomiċi ġodda.

    Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ispejjeż tal-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea ser ikollhom ikopru l-investimenti u x-xogħol ta’ preparazzjoni għaż-żieda mistennija fil-livell tal-baħar li ser ikunu piż kbir fuq il-baġit.

    Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq iż-żoni tal-kosta x’aktarx ser iwasslu għal movimenti fil-popolazzjoni li ser ikollhom konsegwenzi soċjali u ser jolqtu l-impjiegi u jeħtieġ li minn qabel isiru l-preparamenti meħtieġa għal dan.

    1.2.4   It-turiżmu

    Il-KESE huwa tal-fehma li għandha ssir konferenza Ewropea regolari dwar turiżmu responsabbli ta’ ħdejn il-baħar, pereżempju bl-appoġġ konġunt tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE; din tkun opportunità biex jiġu diskussi l-aħjar prattiki fl-UE.

    Hija tista’ tgħin ukoll biex jiġu definiti kriterji ta’ kwalità ambjentali għal-lokalitajiet ħdejn il-baħar, il-portijiet u l-marinas.

    1.2.5   It-tibdil fil-klima

    Il-KESE jirrakkomanda t-tnedija ta’ programm li jippromovi l-kooperazzjoni Ewropea fir-riċerka dwar il-mezzi kif jista’ jsir adattament għal-livelli li qed jogħlew tal-baħar, il-ħolqien ta’ netwerk għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ riċerka, kif ukoll il-ħolqien ta’ kumitat xjentifiku u tekniku Ewropew li jagħmel previżjonijiet u jbassar rispons konkret possibbli għall-isfida tal-livelli li qed jogħlew tal-baħar.

    1.2.6   Sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent marittimu

    Il-Kumitat jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent marittimu u dwar l-implikazzjonijiet li dan jirrappreżenta għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet attwali u tal-futur. Fuq kollox dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu mmirati lejn l-iskejjel u l-pubbliku u jistgħu jiġu organizzati waqt il-vaganzi fiż-żoni tal-kosta.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-popolazzjonijiet tas-seklu wieħed u għoxrin miġbuda lejn il-baħar. Din tendenza ġenerali fejn għandek bliet kbar, bħal Shangai, Tokjo, Osaka u Ħong Kong li qed jiżviluppaw fuq ix-xtut tal-oċean, b’mod speċjali fejn il-livell tal-ilma huwa baxx. It-tbassir juri li din it-tendenza se tkompli tiżdied fil-kontinenti kollha.

    2.2   L-UE mhux ser tkun eskluża minn dan il-fenomenu u ma tistax ma turix interess, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li hija tikkonsisti f’136 000 km ta’ kosti u li r-reġjuni marittimi tal-UE jikkontribwixxu għal madwar 40 % tal-prodott gross domestiku u jiġbru flimkien 40 % tal-popolazzjoni.

    2.3   Iż-żoni tal-kosta għalhekk huma sors ta’ prosperità ekonomika u anke ta’ kwalità ta’ ħajja u ta’ benesseri soċjali. Minkejja li l-kosti huma attraenti, dawn jispiċċaw jikkonċentraw bosta attivitajiet tagħhom fi spazji limitati: turiżmu, sajd, agrikoltura, portijiet, ajruporti, bliet li qed jikbru, attivitajiet ekonomiċi, infrastrutturi tat-trasport, eċċ. Dawn l-attivitajiet kollha għandhom impatt, li ħafna drabi jkun ta’ piż, fuq l-ekosistemi. Iż-żoni tal-kosta huma lokalitajiet ta’ kunflitti bejn l-użi differenti marbuta mal-attivitajiet umani. Fost l-ekosistemi tal-baħar, dawk li jinsabu f’ilmijiet baxxi huma verament fost l-iktar ekosistemi rikki mil-lat ta’ bijodiversità.

    2.4   L-attivitajiet tal-bniedem huma kkonċentrati fuq xtut tal-kosta, li min-natura tagħhom huma limitati u ta’ spiss ikun hemm it-theddida ta’ livelli elevati tal-baħar u erożjoni. Dawn huma theddida għall-kwalità tal-ħajja, għaż-żoni natural u għall-ekosistemi fuq l-art u tal-baħar.

    L-UE ma tistax tibqa’ indifferenti għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawn il-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

    2.5   Fl-2000 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali fl-Ewropa (ĠIŻK) li ġiet segwita mir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2002 dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġija fil-qasam tal-ĠIŻK fl-Ewropa. F’Ġunju 2007, il-Kummissjoni ppreżentat evalwazzjoni tal-ĠIŻK li kkonkludiet li r-rakkomandazzjoni tal-UE kellha effett benefiku iżda hemm il-ħtieġa li tingħata spinta ġdida lil din l-istrateġija.

    2.6   Iżda l-azzjoni tal-UE ma waqfitx hemm, u f’Ottubru 2007 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”.

    2.7   Fl-aħħar nett f’Ġunju 2008 ġiet adottata d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima. Dan it-test jimpenja lil kull Stat Membru biex, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri l-oħra u l-pajjiżi l-oħra fil-viċinat li mhumiex imsieħba fl-UE, jiżviluppaw strateġiji għall-ilma baħar tagħhom. L-għan hu “il-kontinwazzjoni tal-protezzjoni u tal-preservazzjoni” tal-ambjent marittimu u għall-“prevenzjoni tad-deterjorament” sabiex jinkiseb “status ambjentali tajjeb fl-ambjent marittimu” mhux aktar tard mill-2021.

    2.8   Bl-istess mod, f’Novembru 2008, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni speċifika dwar il-kwistjonijiet ta’ żvilupp reġjonali tal-impatt tat-turiżmu fir-reġjuni tal-kosta.

    2.9   Kif nistgħu naraw, kien hemm bosta dokumenti u inizjattivi tal-UE b’risposta għall-għadd ta’ kwistjonijiet marbuta maż-żoni tal-kosta u l-implimentazzjoni ta’ dawn hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali kkonċernati.

    2.10   F’dan il-kuntest għandna nsemmu wkoll l-impatt tal-Politika Komuni tas-Sajd fuq il-ħajja ekonomika u soċjali taż-żoni tal-kosta.

    2.11   Għalhekk, il-politiki kollha tal-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta għandhom jintegraw politiki (bħal pereżempju l-Politika Agrikola Komuni) u approċċi settorjali koordinati u kompatibbli bejniethom, li huwa kompitu xejn faċli peress li l-interessi u l-preokkupazzjonijiet jistgħu jkunu kontradittorji fiż-żoni tal-kosta fuq l-art u fil-baħar.

    2.12   Għalhekk, il-politika tal-UE fil-qasam taż-żoni tal-kosta hija bbażata fuq ħames strumenti:

    1)

    il-ĠIŻK huwa strument Komunitarju bbażat fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament (2002). Huwa jippromovi l-iżvilupp sostenibbli u jħeġġeġ lill-Istati Membri jniedu strateġiji nazzjonali. Huwa jirregola u jħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ proġetti;

    2)

    il-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea: Din hija aktar preċiża u tiddefinixxi għadd ta’ oqsma bħala partikolarment importanti:

    żona tat-trasport marittimu mingħajr konfini;

    l-istrateġija Ewropea għar-riċerka marittima;

    il-politiki marittimi integrati tal-Istati Membri;

    netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima;

    pjan ta’ direzzjoni għall-ippjanar tal-ispazju marittimu;

    l-istrateġija sabiex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq iż-żoni tal-kosta;

    it-tnaqqis tat-tniġġis ikkawżat mit-tbaħħir;

    il-ġlieda kontra s-sajd illegali u l-qerda tar-riżorsi tas-sajd;

    in-netwerk Ewropew tar-raggruppamenti marittimi;

    il-leġiżlazzjoni Ewropea tax-xogħol fis-settur tas-sajd u tat-trasport marittimu.

    3)

    il-politika Ewropea tas-sajd, li għandha impatt evidenti fuq il-ħajja ekonomika u soċjali f’ċerti żoni tal-kosta.

    4)

    Id-Direttiva dwar il-Ħabitats (Natura 2000) kif applikata għall-qasam marittimu.

    5)

    id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima.

    2.13   Fi kwalunkwe każ, għandna nżommu f’rasna li kull żona tal-kosta għandha l-problemi partikolari tagħha u li l-karatteristiċi ġeografiċi u fiżiċi jirrikjedu politiki differenti: ibħra fondi jew ibħra baxxi, ibħra bil-marea jew mingħajr, kosti bi klima moderata jew polari, xtut għoljin, ċatti, bil-ġebel jew bir-ramel, eċċ. Minħabba dan, filwaqt li huwa possibbli li jiġu stabbiliti objettivi komuni, li ma nistgħux nagħmlu hu li nfasslu politika uniformi li tkopri l-kosti kollha fiċ-ċirkostanzi kollha fejn tiġi implimentata.

    3.   Il-preservazzjoni tal-ħabitats naturali, fuq l-art u fil-baħar

    3.1   Il-kwistjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli fiż-żoni tal-kosta jirrigwardaw numru ta’ suġġetti partikolarment sensittivi:

    3.2   Minħabba l-pressjoni tal-iskarsezza tal-art, ċerti Stati Membri appoġġjaw jew ħadu inizjattivi sabiex jippreservaw l-artijiet mal-kosta, bħalma huma n-National Trust fil-Gran Brittanja u l-Conservatoire du Littoral (il-preservazzjoni tal-kosta) fi Franza, jew inkella l-ħolqien ta’ parks naturali li jinkludu żoni tal-kosta. Għandna nikkunsidraw użu usa’ ta’ dawn l-inizjattivi sabiex tkun żgurata l-ġestjoni taż-żoni naturali l-aktar fraġli, l-aktar mhedda jew l-aktar partikolari, filwaqt li l-gvern ikollu l-possibbiltà li jixtri dawn l-artijiet mingħand proprjetarji privati jekk dan ikun fl-interess tal-pubbliku. Sa ċertu punt, l-għan hu li tinħoloq kategorija li tinkludi dawn iż-żoni bħala parti mill-wirt nazzjonali, bl-istess mod li l-monumenti storiċi u x-xogħlijiet tal-arti fil-mużewijiet jagħmlu parti mill-patrimonju tagħna.

    3.3   Id-Direttiva 92/43 KEE, magħrufa aktar bħala d-Direttiva dwar il-ħabitats, il-fawna u l-flora (jew sempliċiment id-Direttiva dwar il-Ħabitats), tikkonċerna l-konservazzjoni tal-ħabitats naturali kif ukoll tal-ispeċijiet ta’ fawna u flora selvaġġa. Din id-direttiva wasslet biex ċerti pajjiżi jestendu ż-żoni ta’ Natura 2000 għall-baħar. Irridu nistaqsu jekk hux qed isir użu tajjeb minn din l-għodda għall-preservazzjoni (b’mod speċjali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għall-estensjoni taż-żona ta’ konservazzjoni għal żoni kbar ta’ baħar fond fejn għad m’hemmx biżżejjed tagħrif dwar il-bijodiversità tagħhom u l-fatturi ta’ riskju).

    3.4   Il-ħtieġa għall-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar fiż-żoni tal-kosta u l-manutenzjoni tar-riżorsi tas-sajd mal-kosta ħeġġet lil ċerti pajjiżi biex jiżviluppaw netwerks ta’ żoni marittimi protetti (MPAs: Marine Protected Areas). Dawn l-inizjattivi jkollhom impatt ħafna aktar favorevoli jekk l-Istati Membri kollha li għandhom żoni tal-kosta jipparteċipaw fihom. Għalhekk jeħtieġ li dawn l-MPAs jiġu raggruppati, armonizzati u promossi. F’dan il-kuntest ikun utli netwerk Ewropew li jlaqqa li dawk li huma responsabbli għall-ġestjoni ta’ dawn iż-żoni ta’ protezzjoni kif ukoll tikketta Ewropea.

    3.5   L-iżvilupp rapidu taż-żoni urbani fiż-żoni tal-kosta flimkien mal-isfruttament eċċessiv tal-art agrikola u l-ilma mielaħ li jippenetra l-ilma ta’ taħt l-art fiż-żoni tal-kosta huma kollha fatturi li jirrikjedu attenzjoni partikolari sabiex il-popolazzjonijiet tal-kosta jkun jista’ jkollhom aċċess dewwiemi għal ilma frisk ta’ kwalità tajba.

    4.   Il-prevenzjoni u t-trattament tat-tniġġis

    4.1   Ovvjament il-kwistjoni klassika tat-trattament tal-iskart mormi direttament fil-baħar u t-tniġġis tal-ilmijiet tax-xmajjar u tan-nixxigħat hija importanti hawnhekk, mingħajr ma ninsew it-tniġġis li ġej speċifikament miż-żoni tal-ilma fil-portijiet u mit-trasport tal-baħar.

    4.2   Il-leġiżlazzjoni Ewropea tikkonċerna parti minn dawn il-kwistjonijiet, b’mod speċjali permezz tad-direttiva qafas dwar l-ilma u d-direttivi li ġejjin minnha. Fl-2007, il-Kummissjoni kienet iddeplorat it-traspożizzjoni medjokri ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali fjakka. Kien hemm ukoll dewmien fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. Fl-2010, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jfasslu pjani ta’ ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar li għandhom jinkludu b’mod speċjali miżuri biex jipproteġu u possibbilment itejbu l-kwalità tal-ilmijiet. Fil-każ tal-ilmijiet maqsuma ma’ pajjiżi mhux Ewropej ser ikun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni tal-isforzi. Il-ħsara li jagħmlu t-tipi differenti tat-tniġġis fl-ilma għandha tiġi ċċarata, filwaqt li jiġu identifikati, minn naħa, dawk affettwati (il-bnedmin – is-saħħa, l-ekonomija u l-benesseri tagħhom – u l-ispeċijiet tal-baħar) u min-naħa l-oħra ż-żmien meħtieġ biex tissewwa l-ħsara – sakemm din ma tkunx irreversibbli – li saret fuq il-ħabitat jew l-ispeċijiet.

    4.3   Id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima tindirizza speċifikament il-ħtieġa li l-ilmijiet tal-baħar jiġu ppreservati u mtejba billi jiġu ddefiniti r-reġjuni u s-sottoreġjuni marittimi u billi l-Istati Membri jintalbu jikkooperaw flimkien biex ifasslu strateġiji marittimi u jiddefinixxu l-objettivi ambjentali.

    4.4   Il-kwistjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-bastimenti hija fil-mira tal-programmi differenti tal-Erika.

    4.5   Hemm tip ta’ ħsara ambjentali li ta’ spiss qed tiġi injorata, li hija l-qerda irreversibbli tal-ħabitats u l-ekosistemi tal-ilmijiet baxxi minħabba l-istat eċċessiv ta’ artifiċjalizzazzjoni tax-xtut li m’għandha x’taqsam la mas-sigurtà tal-popolazzjonijiet tal-kosta u l-anqas mal-protezzjoni tal-patrimonju. Il-kosta Ewropea qed issir aktar u aktar artifiċjali minħabba l-proliferazzjoni tal-kostruzzjoni fil-kosta – marinas, portijiet, u żviluppi varji, kif ukoll, fuq medda medja ta’ żmien, l-għadd ta’ strutturi meħtieġa sabiex il-kosta tiġi mħarsa mil-livelli tal-baħar li qed jogħlew; din hija sitwazzjoni li teħtieġ rispons fil-livell Komunitarju (pereżempju bħall-osservatorju MEDAM li jkopri l-iżviluppi kollha tul il-kosta Mediterranja Franċiża (1)). Minħabba l-kobor tagħha, l-artifiċjalizzazzjoni tal-kosta tmur kontra l-iżvilupp sostenibbli, u l-preservazzjoni tad-dehra naturali tax-xtut u l-ilmijiet baxxi hija kwistjoni importanti li għandha tiġi kkunsidrata. Sa ċertu punt, iċ-ċittadini tal-UE huma konxji ta’ din il-problema. Pereżempju, fil-Camargue l-adattament għal-livelli li qed jogħlew tal-baħar jinvolvi, fejn ikun possibbli, li l-baħar jitħalla jmur lura fiż-żoni minn fejn ikun telaq. Fl-Italja għaddejjin diskussjonijiet f’Maremma (il-kosta tat-Toscana) dwar il-marini sabiex tiġi limitata l-espansjoni tal-postijiet għall-ħżin tad-dgħajjes matul ix-xitwa u jkun hemm ġestjoni preċiża tal-postijiet disponibbli fil-port.

    5.   It-trasport fiż-żoni tal-kosta

    5.1   Ħafna drabi jkun hemm konġestjoni fin-netwerks tat-toroq tal-kosta. Din is-sitwazzjoni toħloq periklu fit-toroq, emissjonijiet ta’ CO2 u tniġġis ieħor, u telf ekonomiku. L-UE ilha żmien tisħaq biex parti minn dan it-traffiku tat-triq jiġi trasferit għall-ferroviji jew “għall-awtostradi tal-baħar”, iżda ma nkisbux riżultati tanġibbli. Ta’ min insemmu, hawnhekk, ċerti punti:

    l-attivisti għall-protezzjoni tan-natura u l-ambjent mhumiex dejjem konsistenti u ħafna drabi jopponu infrastrutturi ġodda li jistgħu jgħinu biex jitnaqqas it-traffiku fit-toroq permezz tal-iżvilupp ta’ modi alternattivi tat-trasport (pereżempju l-imblukkar tal-linja ferrovjarja użata għat-trasport bit-triq u l-ferrovija bejn Lyon u Turin, l-oppożizzjoni tradizzjonali għal kwalunkwe espansjoni tal-portijiet, bħal-Le Havre fl-2000 jew Rotterdam u l-oppożizzjoni għall-bini tal-kanal bejn ir-Rhine u r-Rhône);

    ftit li xejn kien hemm implimentazzjoni tal-politika tal-UE għall-iżvilupp tal-merkanzija ferrovjarja minkejja l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni (il-Komunikazzjoni “Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija” fl-2007, ir-Regolament dwar “In-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva” fl-2009), kemm minħabba raġunijiet “kulturali”, b’mod speċjali l-enfasi tradizzjonali fuq il-ferroviji tal-passiġġieri, kif ukoll, bla dubju, minħabba n-nuqqas ta’ kultura kummerċjali.

    5.2   Minkejja d-diffikultajiet, huwa biss permezz tal-bidla parzjali tat-traffiku minn fuq it-toroq għar-rotot bil-ferrovija jew bil-baħar li jista’ jittaffa l-piż tan-netwerk tat-toroq tal-kosta. Dan jiddependi minn kif ser nibbilanċjaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali mal-ħarsien tal-ambjent.

    6.   Lejn turiżmu tal-kosta sostenibbli

    6.1   It-turiżmu ħafna drabi huwa kkunsidrat bħala s-soluzzjoni għaż-żoni tal-kosta li jinsabu fdiffikultà. Madanakollu, it-tul tal-istaġun turistiku ħafna drabi huwa wisq limitat biex joffri alternattiva reali għal attività ekonomika li qed tbatti. It-turiżmu, li ħafna drabi huwa kkunsidrat is-soluzzjoni mirakoluża, jista’ jirriżulta fl-isfruttament eċċessiv taż-żoni tal-kosta u jikkawża danni ambjentali irreversibbli mingħajr ma jipprovdi soluzzjoni fit-tul għall-problemi ekonomiċi. Barra minn hekk, turiżmu intensiv wisq jista’ jispiċċa billi “jdardar l-għajn li jixrob minnha” minħabba d-degradazzjoni tas-siti turistiċi. Żgur li jeħtieġ li jiġi żviluppat turiżmu aktar sostenibbli u ċerti inizjattivi diġà ġew żviluppati kemm mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mill-NGOs.

    6.2   Fi Franza, il-liġi tal-1986 dwar l-iżvilupp, il-protezzjoni u l-isfruttament tal-kosta kienet ġiet adottata bħala reazzjoni għal dak li kien magħruf bħala “l-kisi tal-kosti bil-konkrit”. Din għandha l-għan li tipproteġi l-bilanċ bijoloġiku u ambjentali, tippreserva s-siti u l-pajsaġġi, u fl-istess ħin tippreserva u tiżviluppa l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-ilma (is-sajd, il-kulturi tal-baħar, l-attivitajiet tal-portijiet, eċċ…). Din il-liġi tkopri l-muniċipalitajiet tal-kosta u d-dispożizzjonijiet ewlenin tagħha jikkonċernaw l-obbligi ta’ dawk involuti fl-ippjanar urban għall-ħarsien ta’ żoni naturali partikolari u għall-projbizzjoni tal-bini mill-inqas sa mitt metru mix-xatt barra miż-żoni urbani. Wara aktar minn għoxrin sena mill-applikazzjoni tal-liġi, ir-riżultati huma pjuttost pożittivi. Filwaqt li l-UE m’għandha l-ebda kompetenza fl-oqsma tal-ippjanar urban jew l-iżvilupp tal-kosta, tista’ għallinqas tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki leġiżlattivi u regolatorji bejn l-Istati Membri.

    6.3   Fl-1985, il-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali ħolqot it-tikketta ekoloġika Bandiera Blu. Minn dak iż-żmien ’l hawn, inħolqot Bandiera Blu tal-Ewropa. Din it-tikketta ekoloġika tikkonċerna l-muniċipalitajiet tal-kosta u l-portijiet. It-tikketta tingħata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji tal-edukazzjoni ambjentali, is-sikurezza, l-indafa, id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet viċin tal-bajjiet, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, il-kwalità tal-ilma għall-għawm u l-ħidma favur it-tindif tat-tniġġis. Jeżistu kriterji speċifiċi għall-marini. Għalkemm din l-inizjattiva hija mmirata lejn l-iżvilupp tat-turiżmu, din tinkludi ċerti vantaġġi wkoll.

    6.4   L-ekoturiżmu jew it-turiżmu responsabbli qed jiżviluppa madwar l-Ewropa kollha, ħafna drabi bl-appoġġ tal-awtoritajiet lokali. L-agroturiżmu joffri opportunità għall-bdiewa f’żoni tal-kosta biex jagħtu spinta ’l quddiem lid-dħul tagħhom.

    7.   Il-Politika Komuni tas-Sajd

    7.1   Il-ġestjoni tas-sajd hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Il-politika Ewropea tas-sajd sostenibbli ddgħajjef ċerti mudelli ekonomiċi f’dan is-settur, b’konsegwenzi serji fil-livell ekonomiku u soċjali. Jeħtieġ li nindirizzaw il-kwistjoni tas-sajd sostenibbli permezz ta’ għarfien xjentifiku għax dan biss jista’ jippermettilna ġestjoni tal-istokkijiet fuq perijodu twil. Għalhekk jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-sajd fl-ilmijiet internazzjonali u territorjali għal kull reġjun marittimu filwaqt li jsir użu tajjeb mis-sussidji li għandhom l-ewwel u qabel kollox jirrispettaw il-bżonn ta’ ġestjoni effettiva tal-istokkijiet tal-ħut.

    7.2   Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-sajd fuq skala żgħira u s-sajd fuq skala kbira. Għas-sajd fuq skala żgħira, it-twaqqif ta’ netwerk Ewropew għall-MPAs jippermetti ġestjoni aħjar tal-ispeċijiet tal-ħut tal-kosta billi jiggarantixxi konċentrazzjonijiet naturali għoljin fiż-żoni fejn ma jsirx sajd, bi proporzjon normali ta’ ħut skont is-sess biex jippermetti d-dispersjoni effettiva ta’ larva u ħut żgħir. Fl-istess waqt ikun utli li nħeġġu t-twaqqif ta’ “għaqdiet tas-sajd” (fid-dawl tal-għaqdiet li diġà jeżistu f’ċerti pajjiżi: koperattivi, assoċjazzjonijiet, tribunali tal-industrija tas-sajd, kunsilli konsultattivi reġjonali…) għas-sajjieda, bil-parteċipazzjoni attiva ta’ konsulenti xjentifiċi għal ġestjoni aħjar tas-sajd fiż-żoni tal-kosta li tkopri skala differenti minn dik koperta bħalissa (ilmijiet viċin ta’ port, mal-kosta ta’ muniċipalità jew żoni amministrattivi jew storiċi oħra) u li tiġbor fiha żoni omoġeni mil-lat ekoloġiku. Dawn l-“għaqdiet tas-sajd” jistgħu jiffurmaw netwerk bil-għan li jħeġġu l-iskambju tal-esperjenza u l-aqwa prattika.

    7.3   Is-sajd bħala passatemp (mhux professjonali) huwa kwistjoni oħra li għandha tiġi eżaminata minħabba l-fatt li din l-attività la hija ristretta (fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-passatemp tas-sajd fil-baħar mhuwiex regolat) u lanqas għandha limitazzjonijiet ekonomiċi (il-mezzi li żviluppaw ċertu sajjieda dilettanti jmorru lil hinn mill-valur tal-qabda tagħhom) u d-daqs tagħha għandu riperkussjonijiet serji fuq ċerti speċijiet.

    8.   L-attivitajiet ekonomiċi tal-kosta

    8.1   Fl-Ewropa, l-attivitajiet ekonomiċi tal-kosta – portijiet, tarzni, sajd – ilhom jiġu żviluppati għal sekli sħaħ. Għalkemm uħud mill-akbar portijiet dinjija jinsabu fl-UE, l-attivitajiet tat-tarzni u tas-sajd qed jiffaċċjaw diffikultajiet strutturali serji.

    8.2   Sa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, it-tarzni Ewropej sabu ruħhom f’kompetizzjoni mat-tarzni Asjatiċi. Din il-kompetizzjoni ġiegħlet lit-tarzni Ewropej jirristrutturaw ruħhom u jispeċjalizzaw. Madankollu ċerti tarzni qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji, pereżempju t-tarzni Pollakki ta’ Gdansk, Gdynia u Szczecin. Din is-sitwazzjoni titlob sforz kbir sabiex l-impjegati jiġu trasferiti f’postijiet tax-xogħol oħra u mħarrġa mill-ġdid, u mhux biss fil-Polonja.

    8.3   L-Ewropa rnexxielha tiżviluppa waħda mill-ikbar industriji globali tar-rikreazzjoni. Qabel il-kriżi kien hemm madwar 37 000 impriża f’dan is-settur li kien iħaddem aktar minn 270 000 ħaddiem. Din l-attività ntlaqtet sew. Hawnhekk ukoll il-ħaddiema jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli. Huwa importanti li l-ħaddiema jiġu trasferiti f’postijiet tax-xogħol oħra u jitħarrġu mill-ġdid filwaqt li s-settur jinżamm bħala s-sostenn prinċipali tal-industrija Ewropea.

    8.4   Kif diġà semmejna, it-tnaqqis kbir fl-istokkijiet tal-ħut, il-projbizzjoni ta’ ċerti metodi ta’ sajd fl-UE (iżda mhux neċessarjament fil-pajjiżi mhux Ewropej), u s-sajd żejjed irriżultaw f’politika Ewropea tas-sajd li għandha impatt serju fuq is-settur kollu, u s-settur stess qed jiffaċċja l-ħtieġa li l-ħaddiema tiegħu jitħarrġu mill-ġdid u jiġu trasferiti f’postijiet tax-xogħol oħra.

    8.5   L-akkwakultura hija attività ġdida bil-għan li tissodisfa d-domanda li qed tikber għall-konsum tal-ħut. M’għandniex ninjoraw il-fatt li dan ix-xogħol huwa differenti ħafna mis-sajd, u huwa aktar viċin għat-trobbija tal-bhejjem. Dan jinvolvi wkoll li jittieħdu prekawzjonijiet sanitarji u ambjentali.

    8.6   L-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta jeħtieġ iż-żamma tal-attivitajiet marbuta ma’ din is-sitwazzjoni ġeografika. Iż-żamma ta’ prattiki agrikoli li jirrispettaw l-ambjent f’dawn iż-żoni huwa fattur li jiffavorixxi din l-attività. Mill-banda l-oħra, it-turiżmu ma jistax isolvi l-problemi kollha marbuta mat-tfittxija ta’ impjiegi ġodda għal kulħadd, b’mod partikolari minħabba li ċerti proġetti ta’ infrastruttura turistika jistgħu jheddu ż-żoni ħodor tal-kosta li fadal. L-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-politiki tagħha f’dan l-ambjent ekonomiku speċifiku u fraġli.

    9.   Sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent marittimu

    9.1   40 % tal-popolazzjoni Ewropea hija kkonċentrata tul 136 000 km ta’ kosta, żona li tattira wkoll l-akbar numru ta’ turisti. Għandna bżonn insiru nafu iktar dwar l-ambjent marittimu li huwa tant rikk iżda fl-istess ħin mhedded minn din il-konċentrazzjoni ta’ attività umana. Jeħtieġ programm ta’ sensibilizzazzjoni fil-qasam tal-ambjent marittimu, li jikkunsidra ċ-ċirkostanzi differenti tar-reġjuni marittimi, pereżempju b’referenza għar-reġjuni jew is-sottoreġjuni definiti mill-applikazzjoni tal-istrateġija marittima – jew ta’ lanqas il-ħames ibħra jew oċeani madwar l-UE (il-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Atlantiku, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed). Dan il-programm jgħinna nfiehmu u niġġustifikaw aħjar il-miżuri ta’ protezzjoni għall-ambjent marittimu sabiex neqirdu t-tniġġis, is-sajd żejjed u d-degradazzjoni tax-xtut minħabba l-bini. Għalhekk huwa importanti ħafna li niżguraw li tasal iktar informazzjoni fl-iskejjel u l-awtoritajiet lokali responsabbli għall-ġestjoni taż-żoni tal-kosta.

    10.   It-tibdil dinji fil-klima u l-livelli li qed jogħlew tal-ilma

    10.1   It-tisħin globali ser iġib miegħu livelli ogħla tal-ilma u żieda fil-frekwenza ta’ fenomeni klimatiċi eċċezzjonali u vjolenti (tempesti, uragani, ċikluni…). L-effetti, li diġà huma evidenti f’ċerti pajjiżi, se jinvolvu l-erożjoni tal-kosta, l-għajbien tal-bajjiet, u t-tisħiħ tal-istrutturi ta’ protezzjoni tal-kosta. Din il-problema se taffettwa lill-pajjiżi u lir-reġjuni Ewropej b’modi differenti ħafna, b’impatt ġenerali fuq iż-żoni tal-kosta mibnija kollha, b’mod partikolari l-infrastrutturi turistiċi u tal-port. Ċerti Stati Membri diġà stabbilixxew operazzjonijiet fuq skala kbira, bħalma huma l-Pjan Delta li sar ftehim dwaru fil-Pajjiżi l-Baxxi wara l-għargħar katastrofiku tal-1953 jew il-proġett Mosè fl-Italja biex tiġi salvagwardjata Venezja. Għandhom jiġu kkunsidrati linji gwida Komunitarji sabiex jipprovdu l-aħjar appoġġ possibbli għall-ġestjoni ta’ dawn il-bidliet mistennija u rreversibbli, filwaqt li jiġu meqjusa l-interessi ekonomiċi u ambjentali.

    10.2   Sabiex tikkonfronta t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu, l-UE m’għandhiex tillimita ruħha għal miżuri ta’ prevenzjoni iżda għandha tniedi programm maġġuri ta’ riċerka u żvilupp mal-Istati Membri bbażat fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-istituti ta’ riċerka u l-iskambju tar-riżultati. Din l-inizjattiva tkun tista’ turi l-valur kif ukoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni Ewropea mill-viċin f’dan il-qasam.

    Brussell, 20 ta’ Jannar 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  http://www.medam.org.


    Top