EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0809

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda minn Malta b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 bil-ħsieb li tinġieb fi tmiemha l-qagħda ta' defiċit eċċessiv tal-gvern

/* KUMM/2010/0509 finali */

52010DC0809

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda minn Malta b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 bil-ħsieb li tinġieb fi tmiemha l-qagħda ta' defiċit eċċessiv tal-gvern /* KUMM/2010/0509 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 6.1.2011

KUMM(2010) 809 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Valutazzjoni tal-azzjoni meħudaminn Maltab'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 bil-ħsieb li tinġieb fi tmiemha l-qagħda ta' defiċit eċċessiv tal-gvern

SEG(2010) 1630 finali

PROċEDURA TA' żBILANċ EċċESSIV U R-RAKKOMANDAZZJONIJIET L-AKTAR RIċENTI

L-impatt tal-kriżi ekonomika u ċerti żidiet fin-nefqa diskrezjonarja fl-2008 wasslu għal żieda fid-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika f’Malta sa 4,8 % tal-PDG fl-2008 u ta’ 3,8 % fl-2009 meta mqabbel ma’ 2,3 % fl-2007. F’dan l-isfond, fis-7 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda li kien hemm defiċit eċċessiv u indirizza rakkomandazzjonijiet lil Malta f’konformità mal-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE bil-għan li sal-2010 din il-qagħda tinġieb fi timiemha[1]. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tas-7 ta' Jannar 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva.

Fis-16 ta' Frar 2010, il-Kunsill ikkonkluda li kienet ittieħdet azzjoni effettiva f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet imsemmijin iżda tqies ukoll li f’Malta seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b'konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern. B’riżultat ta’ dan, il-Kunsill irrakkomanda li tiġi estiża b’sena, sal-2011, l-iskadenza għall-awtoritajiet Maltin biex iġibu fi tmiemu d-defiċit eċċessiv, f’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li l-awtoritajiet Maltin (a) jilħqu l-mira tad-defiċit tal-2010 stipulata fil-baġit, jekk hemm bżonn billi jadottaw miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni, u li jiżguraw li fl-2011 l-isforz fiskali jkun ta' ¾ ta’ punt perċentwal tal-PDG. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll biex il-proporzjon tad-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika jitreġġa’ lura lejn xejra ta’ tnaqqis li toqrob lejn il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG b'pass sodisfaċenti bis-saħħa tar-restawr ta' livell xieraq tas-surplus primarju; u (b) jispeċifikaw il-miżuri neċessarji għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2011, jekk il-kundizzjonijiet ċikliċi jippermettu, u jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar minn dawk mistennija bħalissa. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Maltin għandhom jaħtfu kull opportunità lil hinn mill-isforz fiskali, inkluż permezz ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi mtejba, biex iħaffu t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn gross lura lejn il-valur referenzjarju ta' 60 % tal-PDG. Biex jillimitaw ir-riskji għall-aġġustament, il-Kunsill irrakkomanda lill-awtoritajiet Maltin isaħħu n-natura vinkolanti tal-qafas baġitarju tagħhom għaż-żmien medju u jtejbu s-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tal-baġit matul is-sena.

Il-Kunsill stabbilixxa għall-Gvern Malti d-data tal-iskadenza tas-16 ta’ Awwissu 2010 biex jieħu azzjoni effettiva għall-ksib tal-mira tad-defiċit tal-2010 u biex jispeċifika l-miżuri neċessarji għall-progess lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill stieden lill-awtoritajiet Maltin jintroduċu riformi għat-titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi, jiġifieri permezz tal-effiċjenza mtejba fl-infiq tal-gvern, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni.

Il-Kummissjoni tagħmel il-valutazzjoni tagħha tal-azzjoni meħuda, fil-25 ta’ Ottubru, wara li l-baġit tal-2011 ikun ġie adottat mill-gvern, u fuq il-bażi tal-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-ħarifa tal-2010, li tinkorpora l-miżuri baġitarji.

VALUTAZZJONI TAL-AZZJONI MEħUDA

Wara li ntlaħaq 3,8 % tal-PDG fl-2009, l-awtoritajiet jipprevedu li fl-2010 l-proporzjon tad-defiċit se jiżdied xi ftit għal 3,9 % tal-PDG, f’konformità mal-mira stabbilita fil-baġit tal-2010 li tifforma l-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Din il-previżjoni bbażata fuq xenarju ta’ tkabbir reali fil-PDG ogħla minn tal-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-ħarifa tal-2009, u li sejset ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta Frar 2010. Barra minn hekk, tinkludi partiti ta’ darba għat-tnaqqis tad-defiċit li jirriżultaw minn amnestija tat-taxxa (0,2 % tal-PDG) u mill-bejgħ ta’ tagħmir tat-tarzna b’0,3 % tal-PDG, filwaqt li tinkorpora nfiq lil hinn min-nefqa primarja kurrenti u inqas dħul mit-taxxi kurrent meta mqabbla mal-pjanijiet stipulati fil-baġit tal-2010. Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2010 tipproġetta proporzjon tad-dejn ogħla fl-2010, jiġifieri 4,2 % tal-PDG, l-aktar minħabba inqas dħul mistenni mill-ġbir tat-taxxi li huwa ta’ ammont akbar milli ġa kien meqjus mill-awtoritajiet. Il-previżjoni tar-ħarifa tal-2010 tindika xejra għall-agħar fl-2010 fil-bilanċ strutturali b’madwar 1 % tal-PDG.

Għaldaqstant il-Kummissjoni turi li teżisti ċerta devjazzjoni mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ksib tal-mira tad-defiċit tal-2010 ta’ 3,9 % tal-PDG li kienet ġiet stabbilita fil-baġit tal-2010. Barra minn hekk, għalkemm il-kundizzjonijiet ekonomiċi qed jirriżultaw aħjar milli kien mistenni meta nħarġu r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, ma tħaffifx il-pass għat-tnaqqis tad-defiċit.

Għall-2011, l-awtoritajiet qed jimmiraw għal proporzjon ta’ defiċit għal PDG ta’ 2,8 %, li beħsiebhom jiksbu permezz ta’ tħaffif fil-ġbir tat-taxxi relatat mal-irkupru ekonomiku li għaddej bħalissa kif ukoll permezz ta’ miżuri għaż-żieda fid-dħul, it-tnaqqis gradwali ppjanat tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ stimolu li ddaħħlu fl-2010 u tal-effiċjenza mtejba fl-infiq. Madankollu, l-iffrankar fin-nefqa baġitarja mistenni li jiġi parzjalment ikkumpensat b’għadd ta' miżuri għaż-żieda fl-infiq. Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-rebbiegħha tal-2010 tipproġetta defiċit pjuttost ogħla, ta’ 3 % tal-PGD għall-2011, li jista’ jiġi spjegat l-aktar minħabba d-defiċit ogħla mistenni għall-2010. Il-previżjoni tat-tnaqqis fid-defiċit annwali ta’ 1,2 punti perċentwali tal-PGD għas-sena 2011 hija bbażata fuq il-presunzjoni ta’ implimentazzjoni rigoruża tal-baġit tal-2011, inklużi l-gwadanni fl-effiċjenza ppjanati li mistennija jrażżnu t-tkabbir fin-nefqa primarja attwali. Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tindika titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 1¼ % tal-PDG fl-2011.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonkludi li Malta żgurat sforz fiskali ta’ ¾ ta’ punt perċentwali tal-PDG u ħadet azzjoni effettiva biex sal-2011 ittemm il-qagħda preżenti ta’ defiċit eċċessiv.

L-awtoritajiet Maltin jipprevedu li fl-2010 d-dejn pubbliku se jiżdied għal 69 % tal-PGD, minn 68,6 % fl-2009, l-aktar minħabba aġġustament bejn il-fondi u l-flussi li jkabbar id-dejn, marbut parzjalment mal-appoġġ finanzjaru lill-Greċja. Għall-2011, l-awtoritajiet jipproġettaw xi ftit tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn, għal 68,7 %, minħabba l-ksib ta’ surplus primarju żgħir u tkabbir nominali dinamiku fil-PDG li jikkumpensa għall-aġġustament bejn il-fondi u l-flussi li jkabbar id-dejn marbut l-aktar mal-appoġġ finanzjarju lill-Greċja. Fil-previżjoni tal-ħarifa tal-2010, is-servizzi tal-Kummissjoni stmaw li sal-2011 il-proporzjon ta' Malta tad-dejn gross mal-PDG se jiżdied għal 70,8 %, u dan kien dovut ukoll minħabba l-inkorporazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji relatati mas-self ta' salvataġġ lill-Air Malta, adottata wara l-preżentazzjoni tal-baġit tal-2011.

Fid-dawl tal-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni, Malta mhix mistennija treġġa’ lura l-proporzjon tad-dejn gross fil-finanzi pubbliċi għal tnaqqis fil-perjodu tal-previżjoni.

Fl-aħħar nett, ma ġie rrappurtat ebda progress fil-qasam tal-governanza fiskali, għalkemm ittieħdu xi inizjattivi għat-titjib fl-effiċjenza tal-infiq u qed jiġu diskussi pjanijiet għal aktar riformi fis-sistema tal-pensjonijiet.

KONKLUżJONIJIET

Mill-informazzjoni li hemm bħalissa, jidher li Malta ħadet azzjoni li tirrappreżenta progress xieraq lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-limiti taż-żmien stabbiliti mill-Kunsill. B’mod partikolari, Malta ħadet miżuri biex sal-2011 tikkoreġi d-defiċit eċċessiv, filwaqt li tiżgura sforz fiskali adegwat fl-2011, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Madankollu, il-mira tad-defiċit għall-2010 ta’ 3,9 % tal-PGD kif stabbilita fil-baġit tal-2010 x’aktarx li ma tintlaħaqx, minkejja perspettiva ekonomika aktar favorevoli għal Malta minn dik prevista fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Ir-riskji għall-ksib tal-mira tad-defiċit tal-2011 huma marbuta l-aktar mas-self ta' salvataġġ lill-Air Malta u l-pjan tar-ristrutturar li ġej. L-ispiża għall-pagi tas-settur pubbliku tista' wkoll tiġi effettwata minn ftehim kollettiv ġdid li għandu jidħol fis-seħħ f’Jannar 2011, u li d-dettalji tiegħu għadhom mhumiex magħrufa. Fid-dawl ta’ dawn ir-riskji, l-awtoritajiet Maltin għandhom jissorveljaw l-iżviluppi baġitarji mill-qrib u għandhom ikunu ppreparati jieħdu miżuri korrettivi fil-każ li dawn ir-riskji jimmaterjalizzaw.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li Malta teħtieġ tkun aktar effettiva fit-tisħiħ tan-natura vinkolanti tal-qafas baġitarja tagħha għaż-żmien medju u fl-introduzzjoni ta' miżuri mmirati biex jindirizzaw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi ta’ Malta, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet tal-Kunsill.

Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tqis li bħalissa m'huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv ta’ Malta. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi baġitarji f’Malta skont it-Trattat u l-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir.

Tabella: Tqabbil tal-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlenin

[1] Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE jinsabu fis-sit li ġej:http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/deficit/countries/malta_en.htm

Top