EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0660

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Istrateġija ta' Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011

/* KUMM/2010/0660 finali */

52010DC0660




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell, 9.11.2010

KUMM(2010) 660 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Istrateġija ta' Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011

{SEG(2010) 1326}{SEG(2010) 1327}{SEG(2010) 1328}{SEG(2010) 1329}{SEG(2010) 1330}{SEG(2010) 1331}{SEG(2010) 1332}{SEG(2010) 1334}{SEG(2010) 1335}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Istrateġija ta' Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011

INTRODUZZJONI

Il-proċess għat-tkabbir tal-UE akkwista momentum ġdid minn meta l-Kummissjoni adottat l-aħħar rapporti ta' progress tagħha, minkejja l-ħafna sfidi oħra li qed tiffaċċja l-Unjoni. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jassigura li l-UE tista' ssegwi l-aġenda ta' tkabbir tagħha, filwaqt li żżomm il-momentum tal-integrazzjoni Ewropea.

In-negozjati mal-Kroazja daħlu fl-aħħar fażi tagħhom, u dan juri lill-pajjiżi kollha tat-tkabbir li l-adeżjoni tista' ssir realtà, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa. Is-Serbja applikat għas-sħubija. Il-Kummissjoni llum qed tippubblika l-opinjonijiet tagħha dwar l-applikazzjonijiet mill-Montenegro u l-Albanija. L-Islanda bdiet in-negozjati għall-adeżjoni f'Lulju. Infetħu kapitoli ġodda fin-negozjati mat-Turkija u l-pajjiż beda reviżjoni dettaljata tal-kostituzzjoni tiegħu, biex b'hekk joqrob lejn l-istandards Ewropej. Il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Balkani tal-Punent imxiet 'il quddiem. Kien hemm żblokki sinifikanti fid-differenzi bilaterali antiki bejn is-Slovenja u l-Kroazja u qed jitħejja djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo[1]. Ir-rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt bejn il-popli għamel avvanz u l-pajjiżi nfushom bdew jassumu responsabbiltà akbar fil-kooperazzjoni reġjonali.

Madankollu, għadhom jippersistu diversi sfidi. F'ċerti pajjiżi tat-tkabbir il-momentum tar-riforma naqas. Jeħtieġ li kollha jiffukaw fuq il-governanza tajba, isaħħu l-istat tad-dritt, iħaffu r-riforma ekonomika u jtejbu l-kapaċità tagħhom li jadottaw u jimplimentaw l- acquis . It-tħassib f'diversi pajjiżi huwa dwar il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni. Għad hemm diversi problemi kumplessi x'jissolvew, inkluża l-governanza tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-kwistjoni tal-isem rigward dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Għad hemm kwistjonijiet bilaterali miftuħa u d-differenzi dwar l-istatus tal-Kosovo ostakolaw il-kooperazzjoni reġjonali. Rigward il-kwistjoni ta' Ċipru, sar progress fin-negozjati għal ftehim komprensiv iżda għadhom ma ġewx konklużi.

L-impenn tal-UE favur il-proċess tat-tkabbir jirrifletti l-konvinzjoni tal-Istati Membri li huwa fl-interess reċiproku kemm tal-Unjoni kif ukol tal-pajjiżi aspiranti. Dan il-messaġġ dirett jeħtieġ ikun ippreżentat u spjegat lill-pubbliku b'mod ċar sabiex jissaħħaħ il-fehim u l-appoġġ għat-tkabbir. Il-proċess ta' tkabbir tal-UE jagħti kontribut għall-istabbiltà fl-Ewropa u għas-sigurtà u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha. Il-proċess jipprovdi inċentiv uniku għar-riforma politika u ekonomika fil-pajjiżi tat-tkabbir. Huwa fl-interess reċiproku tal-UE u tal-pajjiżi tat-tkabbir li jiftħu diskussjonijiet dwar kapitoli ta' negozjar diffiċli kmieni fil-proċess. Dan il-proċess għandu l-għan li jwassal lill-pajjiżi tat-tkabbir sal-istandards Ewropej fl-oqsma kollha koperti mit-Trattati tal-UE u għaldaqstant jgħin lill-UE tilħaq l-objettivi tagħha. Dawn l-objettivi illum jinkludu li nittrattaw il-kriżi ekonomika u l-governanza, nirrestawraw it-tkabbir għall-impjiegi permezz tal-aġenda ta' riforma tal-2020, nagħmlu l-UE post aktar sikur u nagħtu sehemna fix-xena dinjija. Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 jinkludi għadd ta' inizjattivi bil-ħsieb ta' dawn il-miri.

It-tkabbir jeħtieġ jibqa' kredibbli għal dawk kollha involuti. Il-pajjiżi aspiranti u ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu perspettiva ċara tal-adeżjoni, ladarba l-kundizzjonijiet jintlaħqu, u għandhom jaraw benefiċċji tanġibbli matul il-proċess. L-opinjoni pubblika fl-Istati Membri u fl-UE jeħtieġ tkun żgura li l-adeżjonijiet il-ġodda huma mħejjijin tajjeb permezz ta' kundizzjonalità rigoruża. Biex it-tkabbir ikun suċċess jeħtieġ li jkun hemm impenn politiku sod mill-partijiet interessati kollha. Il-kunsens imġedded dwar it-tkabbir. Maqbul mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006 għadu l-qafas biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Din il-politika hija bbażata fuq il-prinċipji ta' konsolidazzjoni tal-impenji, kundizzjonalità ġusta u rigoruża u komunikazzjoni tajba mal-pubbliku, flimkien mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda.

Il-proċess tat-tkabbir jipprovdi mekkaniżmi u inċentivi, li jwasslu għas-sħubija, li jinkoraġġixxu l-pajjiżi tat-tkabbir biex jaħdmu flimkien mal-UE biex jilħqu għanijiet komuni. Hekk kif il-governanza ekonomika fi ħdan l-UE tissaħħaħ, id-djalogu ekonomiku mal-pajjiżi tat-tkabbir jintensifika wkoll, u b'hekk jippermettielna li flimkien niffukaw biex negħlbu l-kriżi u noħolqu l-impjiegi. Il-kompetittività globali tal-UE għandha x'tirbaħ permezz ta' integrazzjoni eqreb mal-pajjiżi li komparattivament għandhom għadd ta' vantaġġi. Dan huwa wieħed mill-benefiċċji dejjiema tal-ħames tkabbir, li permezz tiegħu l-UE kibret minn 15 għal 27 membru bejn l-2004 u 2007. Il-kummerċ bejn l-Istati Membri l-'qodma' u l-ġodda' ittrippla minn madwar EUR 150 biljun għal EUR 450 biljun matul id-deċennju ta' qabel l-2008. Il-proċess tat-tkabbir ipprovda l-mezzi finanzjarji biex, fejn meħtieġ, l-UE flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, tidħol biex iżżomm l-istabbiltà ekonomika fi żminijiet ta' kriżi. Impriżi żgħar u ta' daqs medju, li jiġġeneraw tnejn minn kull tliet impjiegi fis-settur privat fl-UE u li huma stimulu importanti għall-innovazzjoni, jibbenefikaw minn suq intern imkabbar u huma punt fokali importanti għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni.

Integrazzjoni iktar mill-qrib permezz ta' proċess tat-tkabbir tgħin lill-UE tilħaq l-għanijiet tagħha f'għadd ta' oqsma li huma essenzjali għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir sostenibbli, inkluż l-enerġija, it-trasport, il-protezzjoni tal-ambjent u l-isforzi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma ċirkondati minn Stati Membri. It-Turkija hija magħquda mal-Unjoni Ewropea permezz tal-art u l-baħar. Il-kostruzzjoni tal-kuriduri tat-trasport trans-Ewropej, id-diversifikazzjoni tal-għejjun tal-enerġija, it-tnaqqis fit-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u t-tnaqqis tat-tniġġiż tal-ilma u tal-arja transkonfinali huma fost il-miri tal-UE li t-twettiq tagħhom jitlob l-impenn sħiħ tal-pajjiżi tat-tkabbir.

Anke huma jibbenefikaw jekk isir progress f'dawn l-oqsma; il-perspettiva ta' adeżjoni tagħtihom l-inċentivi biex jagħtu prijorità lill-miri li jaqsmu mal-UE. Għotjiet mill-Istrument għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni (IPA) u self mill-Bank Ewropew tal-Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, li l-IPA, jgħin fl-ingranaġġ, jipprovdu mezzi prattiċi ta' sostenn. L-iktar kandidat reċenti li beda n-negozjati għall-adeżjoni, l-Islanda, hija minn ta' quddiem nett fil-forom varji ta' enerġija rinnovabbli u għandha ħafna kontribut x'tagħti lill-isforzi tal-UE fl-innovazzjoni f'dan il-qasam u oqsma oħra avvanzati.

Fuq fl-aġenda tal-Programm ta' Stokkolma hemm li l-Ewropa ssir post iktar sikur. Il-pajjiżi tat-tkabbir huma meħtieġa jadottaw l- acquis tal-Unjoni u juru l-kapaċità tagħhom li jimplimentawh kollu. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni rduppjat l-isforzi tagħha biex issostni l-pajjiżi tat-tkabbir sabiex jipprevjenu u jindirizzaw il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u sabiex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom tal-infurzar tal-liġi. Il-prosekuturi, l-imħallfin u esperti oħra fl-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni tal-UE issa qed jassistu l-kontro-partijiet tagħhom fil-pajjiżi tat-tkabbir biex jaqsmu l-opinjonijiet esperti tagħhom u jsegwu l-progress. It-twettiq tal-punti ta' riferiment, li jiddetermina l-pass li bih pajjiż kandidat javvanza lejn is-sħubija fl-UE fin-negozjati tal-adeżjoni, jeħtieġ rekord konvinċenti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja b'manjiera indipendenti u effettiva.

L-esperjenza tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Balkani tal-Punent turi kemm jista' jinkiseb meta kundizzjonalità rigoruża tingħaqad mat-twassil ta' benefiċċji speċifiċi, marbutin mal-progress lejn is-sħubija fl-UE. Dan jenfasizza wkoll l-importanza ta' sforzi kontinwi mill-gvernijiet konċernati biex jiżguraw li l-limiti u l-kundizzjonijiet marbuta mal-moviment iktar ħieles tal-persuni jiġu rispettati.

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE tat lilha nfisha l-mezzi biex tagħti sehemha fix-xena globali. Ir-rwol tal-UE fl-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Kosovo hija eżempju ta' dan il-potenzjal. F'dinja fejn il-poteri emerġenti qed ikollhom rwol iktar importanti, it-tkabbir jagħti lill-UE iktar piż u jsaħħaħ il-vuċi tagħha fil-fora internazzjonali. Il-ħames tkabbir ta rankatura ġdida lir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien fil-Lvant u fin-Nofsinhar tagħha u wassalha biex tesplora toroq biex tiżviluppa inizjattivi fir-reġjuni tal-Baltiku u tal-Baħar l-Iswed. Il-proċess ta' adeżjoni ma' pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija, jkompli jagħti lill-UE iktar interess u influwenza fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed u fil-baċir tad-Danubju. Sakemm ir-rwol tat-Turkija fir-reġjun tagħha stess jiġi żviluppat biex jikkumplimenta l-proċess ta' adeżjoni tagħha u f'koordinazzjoni mal-UE, il-piż taż-żewġ partijiet fix-xena dinjija jista' jiżdied mhux l-inqas fil-Lvant Nofsani u l-Kawkasu tan-Nofsinhar. Billi jaġixxu flimkien, l-UE u t-Turkija jistgħu jsaħħu s-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, jindirizzaw il-kunflitti fir-reġjun, u ma jippermettux li jiżviluppaw differenzi fuq linji etniċi jew reliġjużi. L-Islanda u l-UE jistgħu flimkien ikollhom rwol importanti billi jindirizzaw kwistjonijiet marittimi kif ukoll ta' enerġija, ambjent u sigurtà fl-Artiku. .Żgur li l-potenzjal sħiħ ta' tali sinerġiji jista' jintlaħaq biss permezz ta' impenn reċiproku favur strateġija kredibbli għat-tkabbir.

Il-piż tal-UE fid-dinja jiddependi ħafna wkoll minn kemm hu attraenti l-mudell regolatorju. Il-vitalità tas-suq intern u l-adozzjoni tan-normi u standards tal-UE minn pajjiżi madwar id-dinja huma stimulu qawwi għall-kummerċ, l-investiment u t-tkabbir. L-Att dwar is-suq uniku li ppreżentat il-Kummissjoni għandu l-għan li jneħħi kull ostakolu li għad fadal u jirrilaxxa potenzjal ġdid għat-tkabbir. Permezz tal-proċess għat-tkabbir, il-pajjiżi tat-tkabbir progressivament se jadottaw l- acquis , u b'hekk iwessgħu l-ambitu fejn japplika sett wieħed ta' standards. Dan għandu jistimula investiment ġdid, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali kif ukoll isaħħaħ l-attrazzjoni tal-mudell regolatorju tal-UE fil-pajjiżi ġirien u fis-sistema internazzjonali usa'.

Fil-proċess tat-tkabbir hemm ħafna x'jintilef kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi aspiranti. Fl-istess ħin il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar l-importanza ta' din l-aġenda hija affettwata minn kwistjonijiet mondani li ħafna drabi jidhru iktar urġenti. Il-pakkett ta' rapporti ta' din is-sena, u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjawh, juru li l-proċess tat-tkabbir jifforma parti mis-soluzzjoni għal ħafna tħassib taċ-ċittadini, kemm f'dik li hi l-prevenzjoni u l-indirizzar tal-kriminalità organizzata u tal-korruzzjoni kif ukoll fil-ħolqien ta' tkabbir u impjiegi. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu jaħdmu id f'id sabiex isaħħu l-fehim u l-appoġġ għall-proċess tat-tkabbir u biex jispjegaw kif dan jista' jgħinna niksbu l-objettivi komuni tagħna. Jekk l-UE tagħmel suċċess minn tkabbir ulterjuri, tkun tista' tindirizza l-ħafna sfidi oħra li qed tiffaċċja.

SFIDI EWLENIN

Negħlbu l-kriżi ekonomika

Il-kriżi ekonomika kellha effett fuq il-pajjiżi kollha tat-tkabbir. L-impatt tagħha, madankollu, varja skont l-istruttura ekonomika ta' kull pajjiż. L-Albanija, il-Kosovo u Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kienu l-inqas affettwati, minħabba li jiddependu inqas fuq l-esportazzjoni u s-swieq domestiċi tagħhom kampaw sew. Il-Kroazja, is-Serbja u t-Turkija, li huma l-iktar integrati fis-suq globali, kienu affettwati bil-kbir. Il-Montenegro kienet affettwata ħafna, minħabba li tiddependi minn finanzjament estern u minn ftit setturi. Fil-Bosnja-Ħerzegovina l-impatt tal-kriżi ħrax minħabba l-politiki fiskali pro-ċikliċi b'ammont qawwi ta' sussidji u trasferimenti soċjali fil-baġit.

Fl-2010, hemm sinjali modesti ta' rkupru fil-Balkani tal-Punent. Id-domanda domestika għadha batuta, u tirrifletti kundizzjonijiet strinġenti ta' kreditu u qagħad persistenti. Fit-Turkija hemm irkupru b'rata ta' tkabbir b'saħħitha, minħabba li t-Turkija bbenefikat minn konsolidazzjoni fiskali u r-ristrutturar tas-settur bankarju tagħha fil-bidu ta' dawn l-għaxar snin. L-Islanda għadha qed issofri mill-effetti tat-taqlib finanzjarju globali u l-kollass tas-sistema bankarja tagħha.

Il-finanzi pubbliċi għadhom taħt pressjoni f'għadd ta' pajjiżi. Minkejja medja ta' dejn pubbliku relattivament baxxa l-espansjoni fiskali fi żmien il-prosperità żiedet il-vulnerabbiltà u l-esponiment tal-pajjiżi tat-tkabbir għall-kriżi finanzjarja globali, bl-eċċezzjoni tat-Turkija. Il-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma kellhomx marġini fiskali biżżejjed fejn jimmanuvraw u l-kapaċità meħtieġa biex jagħmlu prijoritajiet fl-infiq pubbliku favur stimulu fiskali bi tweġiba għall-kriżi. Miżuri fiskali strinġenti, li jinvolvu il-bilanċjament mill-ġdid tal-baġit, ġew implimentati fil-Balkani tal-Punent. Madankollu dan ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni twessigħ tad-defiċit fiskali. L-Islanda, is-Serbja, il-Kosovo u l-Bosnja-Ħerzegovina għamlu użu minn sostenn tal-FMI.

L-UE, flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, għinet biex ittaffi l-impatt tal-kriżi. L-assistenza IPA ġiet programmata mill-ġdid biex issostni l-investiment fl-infrastruttura u l-kompetittività. Is-sostenn baġitarju u l-assistenza makro-finanzjarja kienu disponibbli għal uħud mill-pajjiżi. Il-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent għandu rwol importanti fl-immobilizzar tal-fondi għal proġetti infrastrutturali kbar ( ara taqsima 3 hawn taħt ).

Il-ksib ta' rati ta' tkabbir sostenibbli u l-konverġenza reali se jeħtieġu riformi strutturali ulterjuri u politiki fiskali prudenti. Sorsi domestiċi ta' tkabbir jeħtieġ ikunu sfruttati b'mod iktar effiċjenti sabiex jitjiebu l-kapaċità tal-produzzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività. Volumi ogħla ta' investiment domestiku u barrani huma issa meħtieġa fi proġetti f'oqsma ħodor, partikolarment f'attivitajiet orjentati lejn l-esportazzjoni. Dan għandu jikkontribwixxi biex jiżdiedu r-riżultati u l-produttività, li min-naħa l-oħra jwasslu għal iktar impjiegi u bilanċi kummerċjali iktar sostenibbli. Dan għandu jgħin ukoll biex jindirizza l-problemi soċjali urġenti tar-reġjun.

Biex jiżdied l-investiment barrani u domestiku, il-gvernijiet jeħtieġ itejbu l-ambjent tan-negozju. Dan ifisser li trid tiżdied l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u l-indipendenza tal-ġudikatura, jitneħħew l-ostakoli informali għall-kummerċ u jissaħħaħ l-istat tad-dritt. Suq reġjonali li jiffunzjona fi ħdan il-Ftehim dwar Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u l-konverġenza kontinwata tal- acquis huma importanti biex ikun attirat l-investiment. Il-liberalizzazzjoni pjanata tal-kummerċ fi prodotti u servizzi agrikoli matul ir-reġjun u l-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku se jkomplu jżidu l-potenzjal tar-reġjun għat-tkabbir.

Huwa kruċjali li l-pajjiżi tat-tkabbir jiżguraw finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli. Din hija wkoll kwistjoni ewlenija fit-tħejjija għas-sħubija fl-UE. L-esperjenza reċenti wriet l-interdipendenza li teżisti bejn l-ekonomiji Ewropej u l-potenzjal ta' distabbilizzazzjoni li għandhom l-iżbilanċi kbar anke ta' ekonomiji żgħar.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni u s-sorveljanza ekonomika biex tagħmel monitoraġġ tal-prestazzjoni ekonomika u fiskali tal-pajjiżi tat-tkabbir. L-UE tmexxi djalogu regolari mal-pajjiżi kandidati, u b'hekk tintroduċihom għas-sistema ta' koordinazzjoni u sorveljanza tal-politika ekonomika fl-UE. Proċess simili ġie stabbilit fil-pajjiżi potenzjalment kandidati. Id-djalogi ekonomiċi bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi tat-tkabbir taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni qed jintużaw bl-istess mod għas-sorveljanza tal-politika ekonomika.

Bħalissa, qed jittieħdu passi biex titjieb il-governanza ekonomika fi ħdan l-UE. Ladarba din il-koordinazzjoni rinfurzata ta' riforma makroekonomika, baġitarja u strutturali tiġi definita u formalizzata, il-Kummissjoni se teżamina kif uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha jistgħu jiġu estiżi għall-pajjiżi tat-tkabbir.

Barra mid-djalogu u s-sorveljanza, l-UE attivament tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tat-tkabbir lejn l-irkupru ekonomiku, l-istabbilizzazzjoni makroekonomika u l-konsolidazzjoni fiskali. Assistenza sostanzjali mill-IPA qed tiġi mmirata biex titjieb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, titjieb il-kwalità tal-istatistiċi u tissaħħaħ is-superviżjoni tas-settur bankarju.

Il-proċess tat-tkabbir jikkontribwixxi għall-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jestendi l-ambitu tal-qafas regolatorju tal-UE u joħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda. Il-Kummissjoni tilqa' l-intenzjoni ta' ħafna pajjiżi tat-tkabbir li jirriflettu l-istrateġija Ewropa 2020 fil-prijoritajiet ta' riforma nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni se tassoċja l-pajjiżi tat-tkabbir ma' inizjattivi li jittieħdu fil-livell tal-UE biex dawn jilħqu l-miri ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussivi, li jwasslu għal livelli għoljin ta' impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali. Fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltajiet li tinkludi l-pajjiżi kollha tat-tkabbir fil-qafas "Edukazzjoni u Taħriġ 2020" u tinvolvihom fl-attivitajiet ta' tagħlim mill-pari[2].

Il-pajjiżi tat-tkabbir bdew jadottaw l-inizjattivi fi gruppi reġjonali, fejn ikunu jistgħu b'mod konġunt jevalwaw il-progress u jiffissaw miri speċifiċi għar-reġjun. Is-"Small Business Act" għall-Ewropa, sett ta' miżuri biex jitjieb l-ambjent tan-negozju għall-SMEs, huwa eżempju ta' tali inizjattiva. Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali biex iwaqqaf pjattaformi għal djalogu u reviżjoni mill-pari f'oqsma oħra skont il-prijoritajiet tal-Ewropa 2020. Meta tipprogramma l-assistenza IPA, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020.

L-inklużjoni soċjali

Il-kriżi ekonomika kellha impatt negattiv fuq il-benesseri soċjali fil-pajjiżi tat-tkabbir. Gruppi vulnerabbli, inklużi minoranzi, komunitajiet żvantaġġati u persuni b'diżabbiltà, ġew affettwati b'mod partikolari. Livelli għolja ta' qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, rati baxxi ta' parteċipazzjoni mill-ħaddiema u l-faqar huma mifruxa tul ir-reġjun. Ir-Roma jikkostitwixxu minorità partikolarment vulnerabbli; huma milqutin mill-faqar, mid-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u s-servizzi soċjali, inklużi s-servizzi tas-saħħa. Għadd kbir ta' Roma għad m'għandhomx reġistrazzjoni ċivili jew dokumenti personali. Ħafna minnhom għadhom jgħixu fil-kampijiet bħala Persuni Spustati Internament bħala konsegwenza tal-gwerer reċenti.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tgħin lill-pajjiżi tat-tkabbir biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-gruppi vulnerabbli, inkluż l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Roma. Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ sostanzjali mill-IPA għal gruppi vulnerabbli permezz tal-edukazzjoni u t-tisħiħ tas-servizzi soċjali u tal-impjiegi bil-għan li tintegra lil persuni żvantaġġati fis-suq tax-xogħol. Hija tiffinanzja wkoll it-titjib tal-infrastruttura fl-akkampamenti tar-Roma. Dan is-sostenn se jissaħħaħ, bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiżi l-iktar involuti, billi jgħinhom jiżviluppaw approċċ komprensiv għall-problemi tal-inklużjoni soċjali. Fil-każ tal-Kroazja, diġà ġie ffinalizzat Memorandum Konġunt dwar l-Inklużjoni, li jipprovdi qafas ta' politika f'dan il-qasam. Il-pajjiżi tat-tkabbir ħadu ċerti miżuri biex jindirizzaw l-isfidi spjegati hawn fuq iżda jeħtieġ isir iżjed. Il-Kummissjoni tinkoraġġihom jaħdmu biex inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, skont il-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020, u biex jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet li jippreżenta d-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma. Il-pajjiżi tat-tkabbir għandhom jikkunsidraw li jagħmlu miri espliċiti u ambizzjużi dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar fil-komunitajiet żvantaġġati, b'mod partikolari r-Roma.

It-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni pubblika

It-tisħiħ tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari il-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija sfida kruċjali għall-maġġoranza tal-pajjiżi fil-proċess tat-tkabbir. Riżultati tanġibbli, li jġibu titjib sostnut fl-istat tad-dritt, huma element importanti biex isir progress lejn l-istadji li jmiss fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE.

Il-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, maqbul fl-2006, isejjaħ għal kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt biex ikunu indirizzati fi stadju bikri tal-proċess tal-adeżjoni. Il-Kummissjoni tat prijorità għolja biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet bl-użu tal-istrumenti kollha disponibbli. L-użu tal-punti ta' riferiment fin-negozjati tal-adeżjoni iservi bħala katalista importanti għar-riformi u jagħti messaġġ ċar li kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt iridu jiġu indirizzati b'mod serju qabel l-adeżjoni. Il-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża wera l-effettività ta' approċċ li stabbilixxa ħtiġiet ta' riforma konkreti u speċifiċi u b'hekk il-pajjiżi setgħu jiffukaw aħjar fuq l-isforzi tagħhom. L-evalwazzjoni mill-pari u missjonijiet oħra ġew intensifikati, u poġġew f'kuntatt dirett lill-imħallfin, lill-prosekuturi u esperti oħra tal-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni mill-Istati Membri mal-kontroparti tagħom. Kooperazzjoni intensifikata ġudizzjarja u tal-pulizija fi ħdan ir-reġjun, mal-Istati Membri tal-UE kif ukoll mal-Europol u l-Frontex, tipprovdi l-mezz biex tiġi indirizzata l-kriminalità transnazzjonali matul il-perjodu tal-preadeżjoni.

Fid-dawl ta' din l-esperjenza, il-Kummissjoni se żżid x-xogħol tagħha u tintensifika d-djalogu dwar l-istat tad-dritt mal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali. Il-pajjiżi għandhom jaħdmu biex jiksbu riżultati konkreti u sostenibbli u jistabbilixxu rekord konvinċenti u kredibbli fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u fir-riforma tal-ġudikatura. Huwa essenzjali li jinkiseb qafas legali stabbli u li jiġi implimentat. L-użu tal-missjonijiet mill-pari u tal-punti ta' riferiment se jiġi estiż. L-Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija mill-Montenegro u l-Albanija jistabbilixxu prijoritajiet fil-qasam tal-istat tad-dritt.

Il-Kummissjoni qed tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-progress, b'mod partikolari permezz ta' korpi konġunti taħt il-Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u missjonijiet ta' evalwazzjoni. Ir-riżultati ta' dan id-djalogu huma riflessi fir-Rapporti ta' Progress. L-assistenza IPA tiffoka primarjament fuq l-istat tad-dritt. Kull sena t-TAIEX torganizza iktar minn 100 avveniment ta' taħriġ relatat mal-istat tad-dritt għall-pajjiżi tat-tkabbir.

Kien hemm żviluppi pożittivi dan l-aħħar dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'diversi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Ġew konklużi ftehimiet bilaterali ġodda dwar kooperazzjoni bejn il-pulizija, partikolarment bejn is-Serbja u l-Albanija, dwar assistenza reċiproka u infurzar reċiproku ta' sentenzi fi kwistjonijiet penali. Il-Kroazja u s-Serbja marru lilhinn billi ffirmaw ftehim li jippermettilhom jestradixxu ċ-ċittadini ta' xulxin għal proċedimenti kriminali jew l-infurzar ta' sentenzi ta' ħabs f'każijiet ta' kriminalità organizzata u korruzzjoni. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi pajjiżi oħra fir-reġjun biex jimxu fuq dan l-eżempju. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja titjieb iktar jekk titwessa' l-possibbiltà li ċittadini jintbagħtu lura fil-każijiet kollha ta' reati serji, inklużi każijiet ta' reati ta' gwerra. Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali jisħaq biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija, is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-ġudikatura.

Servizz ċivili professjonali u mhux politiċizzat huwa essenzjali għall-istat tad-dritt u biex titjieb il-governanza. L-amministrazzjoni pubblika hija prijorità fil-pajjizi tat-tkabbir li ħafna minnhom jinsabu fi stadji diversi ta' bini tal-istat. Sabiex ikunu sostenibbli, ir-riformi jeħtieġ isiru ħaġa waħda mill-istrutturi statali eżistenti u jikkunsidraw il-kuntest speċifiku soċjali u ta' governanza. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa r-riformi favur governanza pubblika fil-pajjiżi tat-tkabbir, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' SIGMA[3].

Il-libertà tal-espressjoni u l-midja

Il-libertà tal-espressjoni u l-midja, li huma parti integrali minn sistema demokratika, għadhom font ta' tħassib f'ħafna mill-pajjiżi tat-tkabbir. Fit-Turkija, l-qafas legali għadu ma jiggarantix b'mod suffiċjenti l-libertà tal-espressjoni. F'diversi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, komplew it-theddid u l-attakki fiżiċi kontra l-ġurnalisti. F'xi pajjiżi, id-defamazzjoni għadha reat jew suġġetta għal multi għoljin b'mod sproporzjonat. F'diversi pajjiżi l-indħil politiku mal-indipendenza tal-midja, inklużi x-xandara pubbliċi, huwa problema. L-indipendenza editorjali hija mminata minn pressjonijiet politiċi u ekonomiċi abbużivi. Dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ jiġu indirizzati mill-pajjiżi kkonċernati b'urġenza.

Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ mill-qrib f'dan il-qasam. L-attenzjoni ewlenija se tkun fuq oqsma bħall-qafas legali u l-osservanza tiegħu mal-istandards Ewropej, b'mod partikolari rigward id-defamazzjoni; ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet biex jissanzjonaw kif għandu jkun l-attakki kollha fuq il-ġurnalisti; it-twaqqif ta' korpi awtoregolatorji u l-kontribut tagħhom għal iktar professjonaliżmu; ir-rwol tax-xandara pubbliċi f'demokraziji pluralistiċi; netwerks transkonfinali għal rappurtaġġ aħjar matul ir-reġjun li jagħtu kontribut għal fehim reċiproku. Il-Kummissjoni se torganizza konferenza dwar il-libertà tal-espressjoni u l-midja fil-pajjiżi tat-tkabbir fir-rebbiegħa tal-2011 li se tipprovdi opportunità li jittieħed kont tal-progress f'dawn l-oqsma. Fejn xieraq se jingħata sostenn mill-IPA bħala segwitu għall-konferenza.

Rikonċiljazzjoni, kooperazzjoni reġjonali u kwistjonijiet bilaterali fil-Balkani tal-Punent

Tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Balkani tal-Punent għamlu progress sostanzjali lejn l-istabbiltà u l-koperazzjoni reġjonali. Madankollu, għadd ta' kwistjonijiet li jirriżultaw mill-kunflitti fir-reġjun għadhom miftuħa u jaffettwaw kemm il-funzjonament intern tal-istati kif ukoll ir-relazzjonijiet bejntiehom. L-UE qed taħdem mal-partijiet fir-reġjun biex tegħleb dan il-wirt mill-passat.

Il-progress lejn ir-rikonċiljazzjoni huwa element ewlieni għall-istabbiltà fil-Kosovo, fejn infetħet fażi ġdida wara l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, l-UE tinsab lesta biex tiffaċilita proċess ta' djalogu bejn Pristina u Belgrad bil-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni, jinkiseb progress fit-triq lejn l-UE u jitjieb l-għajxien tal-poplu. Il-progress lejn ir-rikonċiljazzjoni huwa essenzjali wkoll fil-Bosnja-Ħerzegovina, mhux l-inqas għall-funzjonament tal-istat. L-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim ta' Ohrid f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-rispett għall-minoranzi etniċi u l-protezzjoni tagħhom fir-reġjun kollu, ir-ritorn tar-refuġjati u kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks-Jugoslavja (ICTY) kif ukoll imġieba xierqa fil-ġurijiet tar-reati ta' gwerra domestiċi huma importanti għar-rikonċiljazzjoni.

Ir-rikonċiljazzjoni dejjiema teħtieġ sforzi f'kull livell – gvernijiet, il-ġudikatura u s-soċjetà ċivili. Hija marbuta wkoll biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan l-aħħar kien hemm numru ta' sinjali pożittivi. Il-parlament Serb adotta dikjarazzjoni li tikkundanna r-reat f'Srebrenica u tirreferi għal sentenza mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar Srebrenica. L-NGOs varaw inizjattiva biex titwaqqaf kummissjoni reġjonali għat-tiftix tal-verità u d-dikjarar tal-verità. Din l-hekk imsejħa inizjattiva RECOM għandha l-appoġġ tal-Presidenti tal-Kroazja u s-Serbja, tal-parlament tal-Montenegro u tal-komunitajiet reliġjużi. Appoġġ reġjonali iktar wiesa' jista' jagħti kontribut għar-rikonċiljazzjoni. Il-Presidenti tas-Serbja, tal-Bosnja-Ħerzegovina, tal-Kroazja u l-Montenegro attendew is-samit ta' Mejju 2010 tal-inizjattiva Igman f'Sarajevo; iktar minn 140 NGO kienu involuti bil-għan li jippromwovu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni lokali u reġjonali. Dawn l-isforzi varji jridu jiġu mirfuda mill-prosekuzzjoni ġudizzjarja tar-reati tal-gwerra permezz ta' kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY u trattar xieraq u mħaffef ta' każijiet ta' reati tal-gwerra fil-qrati domestiċi. Kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY, b'mod partikolari mis-Serbja u l-Kroazja, għadhom kruċjali.

Kien hemm żviluppi pożittivi dwar il-kwistjoni tar-ritorn tar-refuġjati mibdijin mill-Proċess ta' Sarajevo. Konferenza ministerjali, li saret f'Marzu f'Belgrad, fetħet mill-ġdid id-djalogu bejn il-gvernijiet konċernati. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tikkunsidra kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għal dan il-proċess u li tappoġġa konferenza għad-donaturi ladarba l-pajjiżi jkunu qablu fuq azzjonijiet konkreti biex jissolvew il-problemi li għad baqa'. Għad hemm 14,631 (sa Awwissu 2010) persuna nieqsa bħala riżultat tal-kunflitti bl-armi fir-reġjun u l-proċess biex ikunu riżolti l-każijiet li għad baqa' miexi bil-mod ħafna. Il-pajjiżi kkonċernati jeħtieġ iżidu l-isforzi tagħhom biex isolvu l-każijiet li fadal f'perjodu limitat.

Il-kooperazzjoni reġjonali tagħti kontribut għar-rikonċiljazzjoni, relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u klima li twassal biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bilaterali. Fil-Balkani tal-Punent din hija wkoll kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u biex jiġu indirizzati problemi komuni bħall-kriminalità organizzata, il-ġestjoni tal-fruntieri, it-tibdil fil-klima jew it-tniġġiż tal-ambjent. Il-kooperazzjoni reġjonali hija essenzjali biex isir progress fl-aġenda ta' integrazzjoni tal-UE f'oqsma bħas-sigurtà taċ-ċittadini, l-enerġija u t-trasport.

Ir-reġjun ħa passi biex isaħħaħ strutturi li huma tar-reġjun. Il-Kunsill għall-kooperazzjoni Reġjonali (RCC) għandu rwol ewlieni biex jiggwida u jissorvelja l-kooperazzjoni reġjonali. L-RCC adotta strateġija u programm ta' ħidma ambizzjużi għall-2011-2013 li issa jeħtieġ jiġu implimentati, bl-attenzjoni fuq attivitajiet orjentati lejn ir-riżultati fejn l-RCC jista' jżid il-valur reali. Il-Ftehim dwar Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) huwa essenzjali biex iż-żona reġjonali ta' kummerċ ħieles tkun kompluta. Il-Komunità tal-Enerġija qed taħdem biex jitwaqqaf suq tal-enerġija reġjonali u qed tħejji għall-integrazzjoni fis-suq tal-enerġija tal-UE. Il-Ftehim ta' Spazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni se jaġġorna l-istandards fl-oqsma tas-sigurtà, is-sikurezza u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u se jwassal għal kundizzjonijiet iktar kompetittivi għall-passiġġieri tal-ajru.

Il-Kummissjoni tipprovdi sostenn finanzjarju sostanzjali għall-kooperazzjoni reġjonali. Fl-2011, il-fondi tal-IPA se jiġu mobilizzati biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tar-reġjun fi ftehimiet internazzjonali ewlenin bħall-Ftehim dwar it-Trasport. L-Iskola Reġjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA) hija issa operattiva għal kollox u bħalissa qed tipproduċi madwar 2,500 jum ta' taħriġ kull sena. Il-Ftehim Internazzjonali li jistabbilixxi l-personalità ġuridika tagħha kien ratifikat f'Lulju 2010. Il-ftuħ uffiċjali tal-bini tagħha f'Danilovgrad (il-Montenegro) mistenni jsir fil-11 ta' Novembru 2010.

Il-Kummissjoni se tkompli ssostni ir-riabilitazzjoni tal-patrimonju kulturali, fil-kuntest tal-proċess ta' Lubljana. L-RCC se jwaqqaf Task Force dwar il-Kultura u s-Soċjetà, sostnut minn segretarjat permanenti li jibbenefika minn assistenza finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni mill-UE. Xogħolha se jkun li tamministra l-Proċess ta' Ljubljana, b'kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinalizza l-Istrateġija tad-Danubju, li ġġib flimkien l-Istati Membri, u l-pajjiżi tat-tkabbir u tal-partenarjat tal-Lvant. L-inklużjoni u l-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jikkondividu l-baċir tad-Danubju mal-ġirien tagħhom tal-UE huma essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija. L-istrateġija hija opportunità għal investimenti ta' benefiċċju reċiproku fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u l-ambjent u għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku.

Il-kooperazzjoni reġjonali inżammet lura minħabba differenzi dwar il-Kosovo. B'mod partikolari, kien hemm impatt fuq il-funzjonament taċ-CEFTA, l-estensjoni tas-sistema Pan-Euro-Med ta' kumulazzjoni djagonali u l-iffirmar tal-ftehim tal-Komunità tat-Trasport. Xi drabi kien impossibbli jsiru laqgħat bil-parteċipazzjoni tal-atturi reġjonali kollha. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi b'mod qawwi lill-partijiet kollha kkonċernati biex ifittxu soluzzjonijiet prattiċi u prammatiċi sabiex jiżguraw l-inklussività tal-kooperazzjoni reġjonali, mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet li jvarjaw dwar l-istatus tal-Kosovo.

Is-Slovenja u l-Kroazja ffirmaw u rratifikaw Ftehim ta' Arbitraġġ dwar il-Fruntieri li jħejji t-triq għal ftehim aħħari. Dan il-ftehim juri li kwistjonijiet bilaterali jistgħu jissolvew fi spirtu ta' viċinanza tajba. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kosovo temmew id-demarkazzjoni tal-fruntiera tagħhom. Madankollu, għadhom mhux riżolti għadd ta' kwistjonijiet oħra bilaterali, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-fruntieri, kif ukoll il-kwistjoni tal-isem bejn il-Greċja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Kwistjonijiet bilaterali miftuħa, inklużi disputi dwar il-fruntieri, jeħtieġ jiġu riżolti mill-partijiet konċernati, fi spirtu tajjeb ta' viċinat u jikkunsidraw l-interessi ġenerali tal-UE. Il-partijiet konċernati jeħtieġ iġeddu r-rieda politika tagħhom. Il-Kummissjoni tistenna minnhom li jagħmlu kull sforz sabiex isolvu disputi pendenti rigward il-fruntieri skont il-prinċipju ta' ftehim paċifiku dwar id-disputi b'osservanza tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż jekk meħtieġ il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Kwistjonijiet bilaterali m'għandhomx iżommu l-proċess tal-adeżjoni. L-UE tinsab lesta li tiffaċilita l-ħolqien tal-impetu politiku meħtieġ fit-tfittxija għal soluzzjonijiet u biex tagħti appoġġ lil inizjattivi relatati.

STRUMENTI TA' QABEL L-ADEżJONI LI JSERVU L-POLITIKA TA' TKABBIR

Għajnuna Finanzjarja – approċċ strateġiku

L-għajnuna finanzjarja taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni (IPA) huwa mfassal biex jgħin lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali fl-isforzi tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni, jirregolaw ruħhom mal-istandards u politiki tal-UE u biex jitkattar l-iżvilupp soċjo-ekonomiku. Tali assistenza permezz tal-baġit tal-UE tipprovdi valur miżjud ċar. L-assistenza lill-pajjiżi tat-tkabbir hija investiment fil-futur tal-UE; permezz tas-sostenn li tagħti lill-membri futuri tagħha biex jitħejjew għall-adeżjoni b'mod adegwat, l-UE innifisha tkun tista' tilħaq aħjar il-miri strateġiċi tagħha. EUR 11.6 biljun bħalissa huma disponibbli taħt l-IPA għall-2007-2013 biex jgħinu lill-pajjiżi tat-tkabbir iħejju għall-adeżjoni. Elenku indikattiv huwa mogħti fil-verżjoni riveduta tal-qafas finanzjarju indikattiv pluriennali għall-2011-2013.

L-IPA huwa mfassal biex jippermetti għal ippjanar strateġiku permezz ta' dokumenti ta' ppjanar indikattiv pluriennali (MIPDs). Dawn id-dokumenti jistabbilixxu l-prijoritajiet ewlenin għall-assistenza għas-snin li ġejjin u jiffurmaw il-bażi għall-ipprogrammar annwali jew pluriennali. L-MIPDs huma bbażati fuq il-ħtiġiet identifikati fir-rapporti tas-sħubija u tal-progress.

Il-Kummissjoni ħadet numru ta' passi biex issaħħaħ in-natura strateġika ta' dan il-proċess u r-rabta bejn il-prijoritajiet stabbiliti fil-Partenarjati Ewropej jew ta' Adeżjoni, fir-rapporti dwar il-progress u l-ipprogrammar tal-assistenza. Dan wassal għal iktar attenzjoni fuq oqsma fundamentali ewlenin bħall-governanza tajba u l-istat tad-dritt. Biex tagħti xhieda aħjar ta' din l-attenzjoni u biex issaħħaħ ir-responsabbilizzazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji, il-Kummissjoni se tuża progressivament iktar approċċ ibbażat fuq is-setturi fl-ippjanar tagħha tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni.

Il-pajjiżi tat-tkabbir għaldaqstant huma mħeġġa li jiżviluppaw programmi strateġiċi dettaljati fis-setturi ewlenin li ġew identifikati bħala essenzjali biex jagħmlu progress lejn l-UE. Il-prijoritajiet għall-adeżjoni għandhom ikunu integrati għal kollox f'dawn il-programmi li huma responsabbli għalihom il-pajjiżi. L-MIPDs li jkopru s-snin 2011-2013 se jistabbilixxu l-għanijiet għall-assitenza mill-IPA fi ħdan dawn is-setturi.

Oqsma oħra li se jkomplu jiġu inklużi fl-MIPDs bħala prijoritajiet se jkunu dawk marbutin mal-iżvilupp reġjonali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-iżvilupp rurali, partikolarment għall-pajjiżi kandidati. Billi jitgħallmu jamministraw l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni b'mod effettiv u skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda, il-gvernijiet tal-pajjiżi tat-tkabbir jistgħu jitħejjew għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE bħala Stati Membri futuri.

Madankollu, f'ċerti pajjiżi għadhom jeżistu sfidi fl-implimentazzjoni effettiva tal-programmi IPA. Pajjiżi benefiċjarji jeħtieġ iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw biżżejjed kapaċità amministrattiva u speċjalizzazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti sostenibbli u orjentati lejn ir-riżultati sabiex il-fondi disponibbli għal qabel l-adeżjoni jiġu utilizzati bl-aħjar mod possibbli. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-benefiċjarji biex itejbu l-kapaċità tagħhom u se tissorvelja ċ-ċiklu finanzjarju tal-IPA, filwaqt li tidentifika d-defiċjenzi minn stadju bikri.

Il-Kummissjoni se tkompli tipprogramma fuq bażi pluriennali li tippermetti biex miżuri ppjanati jiġu prijoratizzati u sekwenzjati aħjar, u jkun hemm ukoll previżjoni aħjar tal-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi benefiċjarji.

Approċċ settorjali se jiffaċilita l-kooperazzjoni fost id-donaturi u l-benefiċjarji, jelimina l-isforzi doppji u jwassal għal iktar effiċjenza u effettività. Dan min-naħa l-oħra għandu jippermetti lill-partjiet interessati kollha jiffukaw aktar fuq ir-riżultati mistennija u l-impatt tal-isforzi komuni tagħna.

Il-kobor tal-investiment meħtieġ fil-pajjiżi tat-tkabbir sabiex iħejju għas-sħubija u l-konverġenza vera jitlob kontribuzzjonijiet sinifikanti mill-baġits nazzjonali, sostenn minn donaturi oħra, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI), u l-mobilizzazzjoni tal-investituri privati. Is-sħubiji pubbliċi-privati huma partikolarment importanti biex ilaqqgħu għotjiet mill-baġits pubbliċi u self mill-banek privati. Il-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent (WBIF), il-Fond Ewropew għax-Xlokk tal-Ewropa (EFSW) u fl-Fond Green for Growth (GGF) huma eżempji tajba ta' kif jinġieb livell għoli ta' kapital b'riżorsi pubbliċi limitati.

Id-WBIF twaqqaf f'Diċembru 2009 bħala inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni u IFIs li huma sħab. Huwa qafas biex l-investimenti jiġu mgħoddi f'infrastruttura fir-reġjun. Dan jakkwista self sinifikanti mill-IFIs b'għojiet mill-IPA. EUR 137 miljun f'għotjiet ġew attribwiti li jistgħu jġibu investimenti stmati għall-valur ta' EUR 6.6 biljun. Id-WBIF se jiffoka biex iżid in-numru ta' proġetti rigward l-ilma u l-ilma mormi fir-reġjun, jistimula l-appoġġ għall-effiċjenza fl-enerġija, iħaffef l-investimenti fin-netwerk essenzjali ta' trasport, u jappoġġa l-iżvilupp tal-SMEs u l-mekkaniżmi biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku f'dan il-perjodu ta' wara l-kriżi finanzjarja. Proġetti taħt id-WBIF ikopru numru ta' pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali. Id-WBIF se jagħti preferenza lil investimenti ewlenin ta' importanza reġjonali bħan-netwerk ta' trasport reġjonali fix-Xlokk tal-Ewropa, li jista' jiġi kkunsidrat bħala l-prekursur tal-futur netwerk ta' trasport trans-Ewropew (TENT-T) fir-reġjun.

L-assistenza finanzjarja taħt l-IPA għall-kooperazzjoni fir-reġjun għandha l-għan li tiżgura l-istabbiltà reġjonali, iżżid il-flussi kummerċjali bejn ir-reġjuni, u ssostni inizjattivi u strutturi ta' kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent, inkluż il-Kunsill għall-Kooperazzjoni reġjonali u l-Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika. Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali għandu rwol importanti fil-monitoraġġ ta' jekk l-IPA u fondi minn donaturi oħra jirriflettux prijoritajiet ta' kooperazzjoni reġjonali.

Il-Parteċipazzjoni fi Programmi u Aġenziji tal-UE

Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tat-tkabbir fil-programmi u l-aġenziji tal-UE timmira li ttejjeb il-kooperazzjoni mal-Istati Membri u tiffamiljarizza lill-pajjiżi mal-politiki u l-metodi ta' kif taħdem l-UE. Il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali huma kapaċi jieħdu sehem fi programmi tal-UE fuq il-bażi ta' ftehimiet qafas u jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji tal-UE każ b'każ. Il-parteċipazzjoni tista' tiġi ffinanzjata parzjalment mill-għajnuna finazjarja tal-IPA. Il-pajjiżi huma mħeġġa li jiffukaw il-parteċipazzjoni tagħhom fuq programmi jew aġenziji fejn l-involviment isostni setturi essenzjali għar-riforma u fejn jistgħu jieħdu l-iktar benefiċċju.

Informazzjoni u komunikazzjoni

Biex politika ta' tkabbir tirnexxi teħtieġ appoġġ qawwi mill-pubbliku. L-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir għandhom rwol ċentrali fl-isforzi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li jistgħu jgħinu li jinżamm dan l-appoġġ pubbliku. Il-Kummissjoni ħadet l-impenn li ttejjeb il-fluss ta' informazzjoni oġġettiva dwar il-proċess tat-tkabbir, ippreżentata f'forma li tinftiehem, bil-mezzi ta' komunikazzjoni differenti li hawn illum. Huwa partikolarment importanti li din l-informazzjoni tilħaq liż-żgħażagħ li l-esperjenza li għandhom tal-ħajja tista' ma tagħtihomx sens ta' kemm hu importanti li s-sigurtà u l-istabbiltà fl-Ewropa jiġu msaħħa. Jiddependi mill-mexxejja politiċi tal-UE, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex jagħmlu użu minn din l-informazzjoni fil-modi li l-iktar jagħmlu sens għall-kostitwenti tagħhom.

L-esperjenza mill-ħames tkabbir uriet li lakuna fil-komunikazzjoni malajr timtela b'informazzjoni qarrieqa. Dan il-vojt irid jimtela b'informazzjoni disponibbli liberament u preċiża. Dan huwa essenzjali jekk il-pubbliku jrid jifhem għal kollox x'hemm x'jintilef. Fl-2010 l-Unjoni qed tiffaċċja sfidi ġodda marbuta mal-kriżi ekonomika, l-ambjent, l-impjiegi, is-sigurtà taċ-ċittadini, it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni. Dawn huma kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-pubbliku kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi tat-tkabbir. L-isfida għall-mexxejja hija li jispjegaw li jekk l-UE ssegwi aġenda għat-tkabbir tista' tilħaq l-għanijiet tagħha f'dawn l-oqsma kruċjali, u tista' tħaffef l-aġenda għar-riforma u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiżi tat-tkabbir. Ir-riżultati tanġibbli u reali tal-proċess huma l-aħjar reklami għat-tkabbir. Il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Balkani tal-Punent hija eżempju qawwi.

Is-soċjetà ċivili u l-iżvilupp

L-attivitajiet tas-soċjetà ċivili huma essenzjali għal demokrazija matura, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Tali attivitajiet itejbu r-responsabbiltà politika, jistimulaw u jwessgħu l-ispazju għad-diskors fuq l-għażliet li tagħmel is-soċjetà u jsaħħu l-kunsens għal soċjetà pluralistika. Permezz tal-kontribut favur demokrazija iktar miftuħa, parteċipattiva u dinamika, soċjetà ċivili vibranti twassal ukoll għat-tolleranza u r-rikonċiljazzjoni. L-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni jagħti kontribut lill-kwalità tar-riformi relatati mal-adeżjoni u l-appoġġ tal-pubbliku għalihom.

Kultura ta' aċċettazzjoni u apprezzament tar-rwol li għandha s-soċjetà ċivili hija rekwiżit sabiex tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jidħlu fi djalogu effettiv dwar il-politiki. Il-konsultazzjoni pubblika dwar inizjattivi ta' politiki u abbozzi tal-liġijiet għandhom ikunu l-prinċipju ġenerali. L-aċċess tas-soċjetà ċivili għall-appoġġ tal-gvern hija ħafna drabi mxekkla minn nuqaas ta' trasparenza u kriterji ta' allokazzjoni żviluppati ħażin.

Il-faċilità tas-soċjetà ċivili tgħin lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jsaħħu l-kapaċitajiet u l-professjonaliżmu tagħhom, li jippermettilhom jidħlu fi djalogu effettiv mal-atturi pubbliċi u privati u jissorveljaw l-iżviluppi f'oqsma bħall-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Il-faċilità tiffinanzja inizjattivi fil-livell lokali, netwerking reġjonali u żjajjar qosra fl-UE.

Il-Kummissjoni rrevediet il-faċilità biex tilħaq aħjar lill-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, filwaqt li tikkunsidra r-reazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni se timmira aħjar il-ħtiġiet f'kull pajjiż u tipprovdi għajnuna finanzjarja tal-bidu lill-NGOs, għal perjodu twil. Organizzazzjonijiet iktar b'saħħithom u stabbiliti tajjeb jistgħu jservu ta' gwidi u faċilitaturi għal organizzazzjoni iżgħar.

PROGRESS FIL-PAJJIżI TAT-TKABBIR U L-AġENDA GħALL-2010-2011

Il-Balkani tal-Punent fil-mixja lejn sħubija fl-UE

Fil-laqgħa ministerjali UE-Balkani tal-Punent li saret f'Sarajevo fit-2 ta' Ġunju 2010, l-UE tenniet l-impenn ċar tagħha għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Il-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea.

Tul din l-aħħar sena l-Balkani tal-Punent imxew eqreb lejn l-UE, hekk kif ir-reġjun għamel progress, minkejja li mhux mingħajr intoppi, fir-riformi u biex jissodisfa kriterji u kundizzjonijiet stabbiliti. Il-progress tal-Kroazja jikkonferma li l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-Balkani tal-Punent huwa politika li twassal għall-adeżjoni fl-UE. Il-progress fil-pajjiżi l-oħra fil-Balkani tal-Punent lejn is-sħubija fl-UE jiddependi bl-istess mod mill-pass tar-riformi politiċi u ekonomiċi tagħhom.

Sar progress sostanzjali lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża. Tul l-aħħar sena, l-UE neħħiet il-ħtieġa tal-viża għas-Serbja, il-Montenegro u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, meta dawn urew il-kapaċità tagħom li jilħqu l-punti ta' riferiment li kienu ġew stabbiliti f'oqsma bħas-sigurtà ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni, l-ażil, l-ordni pubblika u s-sigurtà, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-ħtiġiet tal-viża dalwaqt se jitneħħew għall-Bosnja-Ħerzegovina u għall-Albanija, fuq il-bażi ta' evidenza ċara li anke dawn laħqu dawn il-punti ta' riferiment. Huwa importanti li l-pajjiżi kkonċernati jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw liċ-ċittadini tagħhom dwar l-ambitu u l-limiti ta' proċedura ħielsa mill-viża. Il-Kosovo adotta liġi dwar ir-riammissjoni mill-ġdid u żied l-isforzi tiegħu biex jintegra mill-ġdid persuni rimpatrijati, u għaldaqstant ħejja t-triq għal djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Il-Kroazja

Minn meta bdew in-negozjati għall-adeżjoni f'Ottubru 2005 il-Kroazja għamlet progress kostanti biex tilħaq il-kriterji għas-sħubija. Il-Kroazja tissodisfa l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen. Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Kroazja hija ekonomija tas-suq li taħdem. Għandha tkun kapaċi tkampa mal-pressjoni kompetittiva u mal-qawwiet tas-suq fl-Unjoni, sakemm timplimenta l-programm komprensiv ta' riforma b'determinazzjoni sabiex jonqsu d-dgħufijiet strutturali.

Rigward il-kriterji tal- acquis , il-Kroazja għamlet progress tajjeb fin-negozjati dwar l-adeżjoni. Infetħu 33 kapitolu, u 25 ingħalqu proviżorjament. Il-Kroazja għamlet progress tajjeb biex tissodisfa l-kundizzjonijiet biex jingħalqu l-kapitoli ta' negozjar b'implikazzjonijiet finanzjarji (l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali; il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali; id-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji ). Il-Kroazja teħtieġ tkompli bl-isforzi tagħha biex tistabbilixxi għal kollox l-istrutturi amministrattivi meħtieġa għall-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi tal-UE.

Il-Kroazja teħtieġ tissodisfa l-kriterji pendenti fil- qasam tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali , b'mod partikolari biex tibni r-rekord neċessarju rigward l-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, inkluż ir-ritorn tar-refuġjati, il-ġurijiet dwar reati ta' gwerra u kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY inkluż is-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-aċċess tal-ICTY għad-dokumenti. Rigward il- kompetizzjoni , il-Kroazja teħtieġ tadotta pjani ta' ristrutturazzjoni għat-tarzni, skont l- acquis . Il-Kroazja mistennija jkompli jkollha parti attiva fil-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent u tappoġġa pajjiżi oħra tar-reġjun fi triqithom lejn sħubija fl-UE.

Meta wieħed iqis ir-rekord tal-Kroazja biex tissodisfa l-kriterji u biex timplimenta l-impenji li ħadet fin-negozjati għall-adeżjoni, il-Kroazja tinsab sew fi triqitha biex tissodisfa l-kriterji tal- acquis . Dan jidher fit-tabelli ta' monitoraġġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi għal kapitoli magħluqa proviżorjament.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-impenji sal-adeżjoni, billi tuża' l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż il-valutazzjoni mill-pari u strutturi taħt il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Ir-Rapporti ta' Monitoraġġ se jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni regolarment.

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed tkompli tissodisfa l-kriterji politiċi b'mod suffiċjenti. Wara riformi sostanzjali fl-2009, sar iktar progress, minkejja mhux b'pass regolari, rigward ir-riforma tal-parlament, il-pulizija, il-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom. Il-pajjiż jeħtieġ jagħmel iktar progress rigward id-djalogu fost l-atturi politiċi, il-ġudikatura u r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-libertà tal-espressjoni u t-titjib fl-ambjent tan-negozju. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni hija essenzjali.

Il-pajjiż kompla jissodisfa l-impenji tiegħu taħt il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni pproponiet li jsir progress lejn it-tieni stadju tal-assoċjazzjoni kif stabbilit fl-FSA.

Il-Kunsill għadu ma ħax pożizzjoni dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni minn Ottubru 2009 biex jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni.

Il-kwistjoni tal-isem mal-Greċja għadha ma ssolvietx. Iż-żewġ pajjiżi jinsabu involuti f'taħdidiet taħt il-patroċinju tan-NU biex tinstab soluzzjoni dwar dan u saru għadd ta' kuntatti bilaterali, inkluż fil-livell tal-prim ministri, minkejja li dan l-isforz għadu ma wassal għall-ebda riżultat konkret. Għandhom jiġu evitati azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jistgħu jolqtu b'mod negattiv ir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat. Iż-żamma ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inkluż soluzzjoni negozjata u aċettata miż-żewġ partijiet għall-kwistjoni tal-isem, taħt il-patroċinju tan-NU, huma essenzjali.

Il-Montenegro

B'mod parallel ma' dan id-Dokument dwar l-Istrateġija, il-Kummissjoni adottat l-Opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro għal sħubija fl-UE. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni huma spjegati fl-Anness ma' din il-Komunikazzjoni.

L-Albanija

B'mod parallel ma' dan id-Dokument dwar l-Istrateġija, il-Kommissjoni adottat l-Opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Albanija għal sħubija fl-UE. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni huma spjegati fl-Anness ma' din il-Komunikazzjoni.

Il-Bosnja-Ħerzegovina

Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat biex tindirizza r-riformi ewlenin. L-elezzjonijiet ta' Ottubru 2010 kienu ġeneralment skont l-istandards internazzjonali. Nuqqas ta' kompatibbiltajiet bejn il-Kostituzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma tneħħewx, minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-dritt għal trattament indaqs mingħajr diskriminazzjoni, kif inkorporat fil-KEDB, jikkostitwixxi element essenzjali tal-Ftehim Interim.

L-iżvilupp ta' viżjoni komuni bejn il-mexxejja dwar id-direzzjoni ġenerali tal-pajjiż dwar riformi ewlenin relatati mal-UE għadu essenzjali biex isir iktar progress lejn is-sħubija fl-UE. Il-pajjiż jeħtieġ iżid l-isforzi tiegħu biex jistabbilixxi rekord sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interim.

Il-Bosnja-Ħerzegovina għandha tieħu l-ewwel passi, b'mod urġenti, biex tikkonverġi l-Kostituzzjoni tagħha mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u ttejjeb l-effiċjenza u l-mod kif jiffunzjonaw l-istituzzjonijiet tagħha. Il-pajjiż jeħtieġ ikun f'qagħda li jadotta, jimplimenta u jinforza l-liġijiet u r-regoli tal-UE. Rigward l-obbligi internazzjonali, għadu essenzjali li jsir progress biex jintlaħqu l-għanijiet u l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti biex jingħalaq l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (URGħ). L-UE, permezz ta' preżenza rinfurzata, se tgħin lill-Bosnja-Ħerzegovina timplimenta l-għanijiet tal-aġenda tal-UE.

Is-Serbja

Is-Serbja applikat għal sħubija fl-UE f'Diċembru 2009 u wriet impenn imġedded biex tissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen. F'Ottubru 2010, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tissottometti l-Opinjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni. Fi Frar 2010 il-Ftehim Interim daħal fis-seħħ u f'Ġunju 2010 l-Istati Membri qablu li jippreżentaw il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lill-parlamenti tagħhom għar-ratifika.

Is-Serbja kompliet timplimenta l-aġenda tagħha ta' riforma politika. Fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kien hemm xi riżultati pożittivi. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi rigward ir-riforma fl-amministrazzjoni ġudizzjarja u pubblika kif ukoll fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Is-Serbja kompliet tibni rekord fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim u tinsab f'qagħda tajba biex tissodisfa l-ħtiġiet taħt l-FSA. Is-Serbja ħadet passi importanti lejn ir-rikonċiljazzjoni fir-reġjun, b'mod partikolari mal-Kroazja u l-Bosnja-Ħerzegovina. Is-Serbja kompliet tikkopera attivament mat-Tribunal Kriminali għal dik li kienet il-Jugoslavja. Madankollu, żewġ maħrubin mill-ICTY għadhom ħielsa. Kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal għadha kundizzjoni essenzjali għal sħubija fl-UE, kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 Ottubru 2010.

Is-Serbja teħtieġ turi attitudni iktar kostruttiva lejn il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-kummerċ u kooperazzjoni tar-reġjun. Għandha tirrikonoxxi t-timbri doganali tal-Kosovo li l-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) darbtejn iċċertifikat li huma skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1244. Il-kooperazzjoni mal-missjoni dwar l-istat tad-dritt il-EULEX rigward it-Tramuntana tal-Kosovo teħtieġ tissaħħaħ. B'segiwtu għar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, l-UE tinsab lesta li tiffaċilita proċess ta' djalogu bejn Belgrad u Pristina biex tippromwovi l-kooperazzjoni, tikseb progress fit-triq lejn l-UE u ttejjeb il-ħajja tal-poplu.

Il-Kosovo

Fil-Kosovo l-elezzjonijiet lokali fl-aħħar tal-2009 tmexxew b'ordni u bil-parteċipazzjoni tal-komunitajiet kollha. L-għadd ta' votanti fit-Tramuntana tal-Kosovo kien baxx ħafna. Il-proċess ta' deċentralizzazzjoni mexa ħafna 'l quddiem. Il-kooperazzjoni mal-EULEX żdiedet. Il-gvern saħħaħ il-kapaċità tiegħu biex jimplimenta l-aġenda u l-politika ta' riforma Ewropea tal-Kosovo. Madanakollu, għad hemm sfidi maġġuri rigward ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-istat tad-dritt, inkluża l-ġudikatura. Jeħtieġ isir iżjed biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus. Id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet u l-protezzjoni u l-integrazzjoni tal-minoranzi, partikolarment tas-Serbi fil-Kosovo, għadhom oqsma ta' tħassib. L-awtoritajiet jeħtieġ jiżguraw approċċ kostruttiv favur il-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'fora ta' kooperazzjoni reġjonali, sabiex iżommu l-pass mal-iżviluppi reġjonali.

F'Diċembru 2009, il-Kunsill laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Il-Kosovo – Twettiq tal-Perspettiva Ewropea tiegħu'[4]. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji biex issostni l-progress tal-Kosovo lejn l-UE, skont il-perspettiva Ewropea tar-reġjun biex tirrapporta lura dwar il-progrewss f'dan ir-rigward. Il-Kunsill enfasizza l-importanza tal-kummerċ u tal-viżi, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-istatus.

Fi Frar, il-Kummissjoni pproponiet l-estensjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi għall-Kosovo. F'Lulju wettqet missjoni minn esperti esperti biex jevalwaw it-tħejjija tal-Kosovo biex jilħaq il-ħtiġiet relevanti għal ftehim kummerċjali possibbli mal-UE. Jinħtieġu sforzi rigward ir-regolamentazzjoni teknika tal-prodotti, il-kontroll tal-oriġini, il-propjetà intellettwali, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi biex tgħin lill-Kosovo jindirizza n-nuqqas identifikat. Ladarba l-Kosovo jissodisfa l-ħtiġiet relevanti, il-Kummissjoni se tipproponi direttivi għan-negozjar għal ftehim kummerċjali.

Il-Kummissjoni se tmexxi 'l quddiem il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi relevanti tal-Unjoni. Flimkien mal-awtoritajiet tal-Kosovo, il-Kummissjoni varat id-djalogu dwar il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo f'Jannar. S'issa kien ikkompletat ċiklu sħiħ ta' laqgħat.

Il-Kummissjoni issostni l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali tal-IPA ma' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mal-Albanija. Mill-2011, is-sostenn se jinkludi wkoll programmi mal-Montenegro.

Il-Kummissjoni se tkompli tmexxi 'l quddiem inizjattivi li ppreżentat fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Kosovo, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill.

Jitmexxew 'il quddiem in-negozjati dwar l-adeżjoni mat-Turkija

It-Turkija kompliet il-proċess tagħha ta' riforma politika. It-Turkija emendat il-kostituzzjoni tagħha u fis-sistema ġudizzjarja u legali tagħha introduċiet riformi li jindirizzaw għadd ta' prijoritajiet fl-oqsma tal-ġudikatura u tad-drittijiet fundamentali. Ir-riformi jillimitaw il-kompetenza tal-qrati militari; jirristrutturaw mill-ġdid il-qorti kostituzzjonali; iwessgħu kif inhu kompost il-kunsill għoli tal-imħallfin u tal-prosekuturi pubbliċi, u jagħmluh iktar rappreżentattiv tal-ġudikatura fit-totalità tagħha; iwessgħu d-drittijiet tas-sindakati fis-settur pubbliku; jipprovdu l-bażi għall-addozzjoni ta' miżuri speċjali li jipproteġu d-drittijiet tan-nisa u tat-tfal; jiggarantixxu l-protezzjoni ta' dejta personali; u jagħtu d-dritt li wieħed japplika għand l-ombudsman, u għaldaqstant jipprovdu l-bażi legali għat-twaqqif tal-istituzzjoni tal-ombudsman.

L-emendi kostituzzjonali huma pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. Madanakollu, hemm bżonn li ssir konsultazzjoni pubblika wiesgħa li tinvolvi l-partiti politiċi kollha u s-soċjetà ċivili, bil-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom, biex jissaħħaħ l-appoġġ għar-riforma kostituzzjonali. Issa huwa importanti li dawn ir-riformi jiġu implimentati kif xieraq permezz ta' leġiżlazzjoni relevanti. Kostituzzjoni ċivili ġdida għandha tipprovdi bażi solida għal iktar tisħiħ tad-demokrazija fit-Turkija, skont l-istandards Ewropej u l-kriterji ta' adeżjoni tal-UE.

Rigward id-drittijiet fundamentali, il-libertà tal-espressjoni u tal-midja trid tissaħħaħ fit-Turkija kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika. Rigward it-tħaddim tal-libertà tar-reliġjon għadhom jeżistu għadd ta' nuqqasijiet. Għad jonqos li jsir progress ukoll rigward id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jkunu żgurati drittijiet sħaħ għas-sindakati. Il-'ftuħ demokratiku' immirat l-aktar biex jindirizza l-kwistjoni tal-Kurdi pproduċiet riżultati limitati. Is-sitwazzjoni dwar is-sigurtà fix-Xlokk marret għall-agħar, b'qawmien b'mewġa ġdida ta' attakki mill-organizzazzjoni terroristika PKK/Kongra-Gel. Sar xi progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

In-negozjati dwar l-adeżjoni għamlu progress, minkejja li bil-mod ħafna. Dawn laħqu stadju aktar impenjattiv li jirrekjedi li t-Turkija tagħti spinta lill-isforzi tagħha biex tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti. Bl-avvanz fit-twettiq tal-kriterji u tal-ħtiġiet speċifikati fil-Qafas ta' Negozjar, it-Turkija se tkun kapaċi tħaffef il-pass tan-negozjati. Matul ix-xhur li ġejjin, it-Turkija għandha tagħti prijorità partikolari lill-kapitoli dwar il- politika ta' kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku u l-politika soċjali u l-impjiegi.

Il-politika barranija tat-Turkija saret iktar attiva fil-viċinat aktar wiesa' tagħha. Dan huwa element pożittiv għall-Unjoni Ewropea, sakemm jiġi żviluppat biex jikkompleta l-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija u f'koordinazzjoni mal-UE. It-Turkija għamlet għadd ta' proposti għal kooperazzjoni fil-politika barranija iktar mill-qrib bejn it-Turkija u l-UE. Sar progress konsiderevoli fin-negozjati lejn ftehim ta' riammissjoni mat-Turkija.

It-Turkija tesprimi appoġġ pubbliku għan-negozjati taħt il-patroċinju tan-NU bejn il-mexxejja tal-komunità Ċiprijotta Griega u dik Ċiprijotta Torka biex tinstab soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru. Madanakolu, ma sar l-ebda progress dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. It-Turkija għadha ma implimentatx għal kollox il-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u għadha ma neħħietx l-ostakli kollha fuq il-moviment ħieles tal-prodotti, inkluż ir-restrizzjonijiet fuq it-trasport dirett fuq rotot li jwasslu lejn Ċipru. It-Turkija għandha mill-akar fis possibbli tissodisfa l-obbligi ta' implimentazzjoni sħiħa mingħajr diskriminazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali u tagħmel progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. L-UE ser tkompli ssegwi u teżamina l-progress fuq kwistjonijiet koperti mid-Dikjarazzjoni tal-21 ta' Settembru 2005, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, inklużi l-konklużjonijiet ta' Diċembru 2006 u Diċembru 2009. Fin-nuqqas ta' progress, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-UE żżomm il-miżuri tagħha fis-seħħ fl-2006, li jkollhom effett ta' kontinwità fuq il-progress ġenerali tan-negozjati.

It-Turkija teħtieġ tagħti spinta lill-isforzi tagħha biex issolvi kwistjonijiet bilaterali miftuħa, inklużi tilwim dwar il-fruntieri, mal-ġirien tagħha. Hemm impetu ġdid biex jitjiebu r-relazzjonijiet mal-Greċja. Il-Greċja ressqet għadd konsiderevoli ta' ilmenti formali dwar ksur kontinwu tal-ispazju tal-ajru tagħha mit-Turkija, inkluż titjiriet fuq gżejjer Griegi. Il-Greċja lmentat ukoll rigward vjolazzjonijiet fl-ibħra territorjali tagħha. Il-protokolli dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Armenja ffirmati fl-2009 ma ġewx ratifikati.

Jiġi varat il-proċess ta' adeżjoni mal-Islanda

Il-proċess ta' adeżjoni mal-Islanda ġie varat. Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fl-Opinjoni tagħha ta' Frar 2010 u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, in-negozjati dwar l-adeżjoni infetħu f'Lulju 2010 u l-eżami analitiku tal- acquis tal-UE mal-Islanda wasal biex jibda. L-Islanda issa għandha d-dritt għal assistenza mill-IPA li huwa disponibbli biex isostni l-isforzi tal-pajjiż sabiex ikun imħejji għal kollox għas-sħubija fl-UE.

Sar progress tajjeb biex jitjieb il-qafas legali rigward il-kunflitt ta' interessi u l-iffinanzjar tal-partiti politiċi. Ir-regoli dwar il-ħatriet tal-imħallfin ġew emendati bil-għan li tkompli tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura. Ittieħdu l-passi importanti tal-istabbilizzazzjoni ekonomika. Sar progress fil-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi u r-restawrazzjoni tas-sistema finanzjarja. Il-programm tal-IMF għaddej tajjeb. Madankollu, għad hemm inċertezzi u sfidi ekonomiċi. L-Islanda se jkollha tindirizza l-obbligi ta' bħalissa, bħal dawk identifikati mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (ASE) taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Hemm bżonn sforzi sostanzjali biex jiżguraw li ċ-ċittadini tal-Islanda jkunu infurmati kif suppost dwar x'titlob is-sħubija fl-UE.

KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Abbażi tal-analiżi annwali, il-Kummissjoni qiegħda tressaq dawn il- konklużjonijiet u r- rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

1. It-tkabbir isaħħaħ il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa. Huwa fl- interess strateġiku tal-UE li tieħu l-proċess ta' tkabbir 'il quddiem fuq il-bażi ta' prinċipji u kundizzjonijiet maqbula u l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006. Biex it-tkabbir ikun suċċess jeħtieġ li jkun hemm impenn politiku sod mill-partijiet interessati kollha. It-tkabbir jeħtieġ jibqa' kredibbli għal dawk kollha involuti. Pajjiżi aspiranti jeħtieġ ikunu mħejjija tajjeb permezz ta' kundizzjonalità rigoruża u jkollhom perspettiva Ewropea ċara u tanġibbli, ladarba l-kundizzjonijiet ikunu ntlaħqu.

2. Il-proċess ta' tkabbir jgħin lill-UE tikseb aħjar l-għanijiet tal-politiki tagħha f'għadd ta' oqsma, li huma essenzjali għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir sostenibbli, inkluża l-konverġenza regolatorja u s-suq intern, it-trasport, il-protezzjoni tal-ambjent u l-isforzi biex jitrażżan it-tibdil fil-klima kif ukoll biex l-UE issir post iktar sikur.

3. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-politiki makro-ekonomiċi fil-pajjiżi tat-tkabbir, filwaqt li tikkunsidra żviluppi ġodda fil-governanza ekonomika tal-UE. Il-Kummissjoni tistenna li l-pajjiżi tat-tkabbir isegwu riformi relatati mal-UE, u li jtejbu l-ambjent tan-negozju, b'hekk jgħinu biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u jinkiseb tkabbir sostenibbli. Il-Kummissjoni se tassoċja lill-pajjiżi tat-tkabbir ma' inizjattivi li jittieħdu fil-livell tal-UE sabiex jilħqu l-miri tal- istrateġija Ewropa 2020 . Hija tistieden lill-pajjiżi tat-tkabbir biex jirriflettu fuq il-miri 2020 fil-prijoritajiet nazzjonali tagħhom, biex jimpenjaw irwieħhom fi gruppi ta' politika reġjonali bil-għan li regolarment jirrevedu r-riżultati ta' dawn ir-riformi u fejn xieraq, jistabbilixxu miri speċifiċi għar-reġjun.

4. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi tat-tkabbir biex jaħdmu sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-gruppi vulnerabbli, inkluż l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Roma. Il-Kummissjoni tinsab impenjata li tappoġġjahom f'dan ir-rigward.

5. Il-Kummissjoni se tagħti prijorità kontinwa lir-riforma tal-ġudikatura u tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u tkompli tintensifika d- djalogu dwar l-istat tad-dritt mal-pajjiżi tat-tkabbir. Ħafna mill-pajjiżi tat-tkabbir jeħtieġ jagħmlu progress sostanzjali biex jikkonsolidaw l-istat tad-dritt u, b'mod partikolari, jistabbilixxu rekords kredibbli fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

6. Il-libertà tal-espressjoni u tal-midja għadha font ta' tħassib fil-maġġoranza tal-pajjiżi tat-tkabbir u l-problemi identifikati jeħtieġ jiġu indirizzati bħala prijorità. Il-progress f'dan il-qasan huwa essenzjali u l-Kummissjoni se ssegwih mill-qrib. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti sostenn lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tagħmel użu sħiħ tal-faċilità tagħha għas-soċjetà ċivili.

7. Il-kooperazzjoni reġjonali hija element essenzjali għall-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-Balkani tal-Punent għamlu progress importanti fil-kooperazzjoni reġjonali, li m'għandux jiġi mminat mid-diverġenzi dwar il-Kosovo. Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali jeħtieġ jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija tiegħu orjentata lejn ir-riżultati.

8. Sar progress sostanzjali rigward il- liberalizzazzjoni tal-viża . L-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro u tas-Serbja tneħħa. Obbligi tal-viża dalwaqt se jitneħħew għall-Bosnja-Ħerzegovina u għall-Albanija, fuq il-bażi ta' evidenza ċara li anke huma ssodisfaw il-kriterji. Hemm bżonn iktar sforzi mill-pajjiżi kkonċernati biex jinfurmaw liċ-ċittadini tagħhom dwar l-ambitu u l-limiti ta' reġim ħieles mill-viża, jagħmlu monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tiegħu u, fejn meħtieġ, jieħdu miżuri korrettivi adegwati.

9. Il- kwistjonijiet bilaterali jeħtieġ jiġu solvuti mill-partijiet konċernati, fi spirtu tajjeb ta' viċinanza u jikkunsidraw l-interessi ġenerali tal-UE. M'għandhomx iżommu lura il-proċess ta' adeżjoni. L-UE tinsab lesta li tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet u li ssostni inizjattivi relatati. Wasal iż-żmien għar-reġjun biex jegħleb il-kunflitti li wiret mill-passat, u jibni fuq momentum pożittiv reċenti ta' rikonċiljazzjoni. Ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat jibqgħu essenzjali.

10. Il-Kummissjoni tfakkar li l-kapitoli tan-negozjar li t-tħejjijiet tekniċi għalihom diġà tlestew għandhom jinfetħu proviżorjament jew jingħalqu proviżorjament fuq il-bażi tal- acquis konċernat, skont l-Oqfsa tan-Negozjar, u soġġett għal miżuri maqbula mill-Kunsill. Huwa fl-interess tal-UE li tiftaħ id-diskussjonijiet dwar kapitoli diffiċli kmieni fin-negozjati, inkluż il-kapitolu dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, li jeħtieġ jitwaqqfu rekords konvinċenti u kredibbli u għaldaqstant x'aktarx ikun fost l-aħħar kapitoli li jingħalqu.

11. L- assistenza ta' qabel l-adeżjoni tikkostitwixxi parti integrali mill-istrateġija tat-tkabbir u hija mfassla biex tgħin jintlaħqu l-prijoritajiet identifikati fir-rapporti ta' sħubija u progress. Pajjiżi benefiċjarji jridu jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jużaw il-fondi tal-UE b'mod effettiv.

12. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-istituzzjonijiet tal-UE biex isaħħu l-fehim u l-appoġġ għall-proċess tat-tkabbir u biex jispjegaw kif dan jista' jgħinna niksbu l-għanijiet komuni tagħna. Il-Kummissjoni tinsab impenjata li ttejjeb il-fluss ta' informazzjoni oġġettiva dwar il-proċess tat-tkabbir, ippreżentata f'forma li tikkomunika, permezz tal-midja ta' komunikazzjoni differenti li hawn illum.

13. Il-Kroazja għamlet progress tajjeb biex tilħaq il-kriterji tas-sħubija u n-negozjati dwar l-adeżjoni waslu fl-aħħar fażi. Kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks-Jugoslavja għadha rekwiżit għall-progress tal-Kroazja matul il-proċess tal-adeżjoni, skont il-Qafas tan-Negozjar. Il-Kummissjoni tikkunsidra li n-negozjati għandhom jiġu konklużi ladarba l-Kroazja tkun issodisfat kriterji għall-għeluq pendenti, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzjoni, u għaldaqstant twarrab il-ħtieġa li l-UE tikkunsidra mekkaniżmu ta' kooperazzjoni u verifika wara l-adeżjoni. Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-progress tal-Kroazja fil-qasam tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u tagħmel analiżi tas-sitwazzjoni fl-ewwel kwart tal-2011.

14. It-Turkija kompliet il-proċess ta' riforma politika, b'mod partikolari permezz tar-riforma fil-kostituzzjoni tagħha. Hemm bżonn ta' iktar riżultati rigward id-drittijiet fundamentali, il-'ftuħ demokratiku' u l-involviment tal-partijiet interessati kollha fil-proċess ta' riforma. Il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni fil-prattika tippreżenta sfida iebsa. In-negozjati dwar l-adeżjoni għamlu progress, minkejja li bil-mod ħafna. Bl-avvanz fit-twettiq tal-kriterji u tal-ħtiġiet speċifikati fil-Qafas ta' Negozjar, it-Turkija se tkun kapaċi tħaffef il-pass tan-negozjati. It-Turkija għandha mill-akar fis possibbli tissodisfa l-obbligu ta' implimentazzjoni sħiħa mingħajr diskriminazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tagħmel progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. L-UE ser tkompli ssegwi u teżamina l-progress fuq kwistjonijiet koperti mid-Dikjarazzjoni tal-21 ta' Settembru 2005, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, inklużi l-konklużjonijiet ta' Diċembru 2006 u Diċembru 2009. Fin-nuqqas ta' progress, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-UE żżomm il-miżuri tagħha fis-seħħ fl-2006, li jkollhom effett ta' kontinwità fuq il-progress ġenerali tan-negozjati.

15. Dwar il- kwistjoni ta’ Ċipru , il-mexxejja tal-komunità Griega Ċiprijotta u dik Torka Ċiprijotta qed ikomplu n-negozjati għal ftehim komprensiv taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni tgħin fl-isforzi tagħhom u tipprovdi pariri tekniċi dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE. Qiegħed isir appell liż-żewġ mexxejja biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex it-taħdidiet dwar soluzzjoni jiġu konklużi b'suċċess mill-aktar fis u ttenni s-sejħa tagħha lit-Turkija biex tikkontribwixxi f'termini konkreti għal soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni ta' Ċipru.

16. Il-proċess ta' adeżjoni mal- Islanda ġie varat. Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fl-Opinjoni tagħha ta' Frar 2010 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, in-negozjati dwar l-adeżjoni nfetħu f'Lulju 2010 u l-eżami analitiku tal- acquis tal-UE mal-Islanda wasal biex jibda. L-Islanda se jkollha tindirizza l-obbligi ta' bħalissa, bħal dawk identifikati mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (ASE) taħt il-Ftehim taż-ŻEE. Hemm bżonn sforzi sostanzjali sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini tal-Islanda jkunu infurmati kif suppost dwar x'titlob is-sħubija fl-UE.

17. Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed tkompli tissodisfa l-kriterji politiċi b'mod suffiċjenti. Sar iktar progress f'oqsma ewlenin ta' riforma, minkejja li mhux b'pass regolari. Hemm bżonn ta' sforzi b'mod partikolari rigward il-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni ttenni r-rakkomandazzjoni tagħha li għandhom jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea ma' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Iż-żamma ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inkluż soluzzjoni negozjata u aċettata miż-żewġ partijiet għall-kwistjoni tal-isem, taħt il-patroċinju tan-NU, hija essenzjali.

18. Fl-Opinjonijiet adottati llum il-Kummissjoni tirrakkomanda li għandhom jinfetħu negozjati dwar l-adeżjoni mal- Montenegro u mal- Albanija ladarba dawn il-pajjiżi jkunu kisbu l-grad meħtieġ ta' osservanza tal-kriterji għall-adeżjoni stipulati fil-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993. B'mod partikolari, il-Montenegro u l-Albanija jeħtieġ jissodisfaw prijoritajiet ewlenin stipulati f'kull Opinjoni. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jagħti lill-Montenegro l-istatus ta' pajjiż kandidat. Hija tħeġġeġ lill-Albanija biex tagħmel iktar sforzi sabiex tibni fuq il-progress li sar sal-lum. Ir-rapport dwar il-progress taż-żewġ pajjiżi fil-pakkett tat-tkabbir tal-2011 se jiffoka b'mod partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin li jeħtieġ jiġu indirizzati bil-għan li jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni.

19. Is-Serbja applikat għal sħubija mal-UE f'Diċembru 2009 u f'Ottubru 2010 l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq Opinjoni. Is-Serbja kompliet timplimenta l-aġenda ta' riforma politika tagħha u tibni rekord fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim. Tinsab f'qagħda tajba biex tissodisfa l-ħtiġiet taħt l-FSK. Is-Serbja ħadet passi importanti lejn ir-rikonċiljazzjoni fir-reġjun. Sforzi addizzjonali huma meħtieġa rigward riforma fl-amministrazzjoni ġudizzjarja u pubblika kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Is-Serbja kompliet tikkopera mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks-Jugoslavja. Madankollu, żewġ maħrubin mill-ICTY għadhom ħielsa. Kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal għadha kundizzjoni essenzjali għal sħubija fl-UE, kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 Ottubru 2010. Jeħtieġ li s-Serbja turi attitudni aktar kostruttiva fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-oqsma tal-kummerċ u l-kooperazzjoni reġjonali. Il-kooperazzjoni mal-missjoni dwar l-istat tad-dritt il-EULEX rigward it-Tramuntana tal-Kosovo teħtieġ tissaħħaħ

20. Wara l-addozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, l-UE tinsab lesta biex tiffaċilita proċess ta' djalogu bejn Pristina u Belgrad bil-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni, jinkiseb progress fit-triq lejn l-UE u jitjieb l-għajxien tal-poplu.

21. Il-proċess ta' deċentralizzazzjoni fil- Kosovo mexa ħafna 'l quddiem u l-kooperazzjoni mal-EULEX żdiedet. Il-gvern saħħaħ il-kapaċità tiegħu biex jimplimenta l-aġenda u l-politika ta' riforma Ewropea tal-Kosovo. Madanakollu, għad hemm sfidi kbar rigward ir-riforma fl-istat tad-dritt, inkluża r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-ġudikatura, kif ukoll biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus. Id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet u l-protezzjoni u l-integrazzjoni tal-minoranzi, partikolarment tas-Serbi fil-Kosovo, għadhom oqsma ta' tħassib. L-awtoritajiet jeħtieġ jiżguraw approċċ kostruttiv favur il-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'fora ta' kooperazzjoni reġjonali, sabiex iżommu l-pass mal-iżviluppi reġjonali.Il-Kummissjoni se tmexxi 'l quddiem l-inizjattivi spjegati fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ottubru 2009 dwar il-Kosovo, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2009. Il-Kummissjoni tilqa' l-progress li għamel reċentement il-Kosovo meta adotta l-leġiżlazzjoni dwar ir-riammissjoni mill-ġdid, meta fassal Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawk li jmorru lura mirfud minn riżorsi maħsuba minn qabel. Sakemm dan jibqa' jitwettaq, il-Kummissjoni qed tieħu l-impenn biex f'qasir żmien tniedi djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża . Il-Kummissjoni qed tassisti lill-Kosovo biex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa għal ftehim kummerċjali possibbli mal-UE. Ladarba l-Kosovo jissodisfa l-ħtiġiet relevanti, il-Kummissjoni se tipproponi direttivi għan-negozjar għal ftehim kummerċjali . Il-Kummissjoni se tipproponi li l-Kosovo jibda jipparteċipa fi programmi tal-Unjoni rilevanti, bħall-Ewropa għaċ-Ċittadini u l-Kultura. Għal dan il-għan il-Kummissjoni se tipproponi direttivi ta' negozjar għal ftehim qafas.

22. Il-Bosnja-Ħerzegovina teħtieġ tifforma gvern impenjat favur il-futur tal-pajjiż fl-UE u li jħaffef ir-riformi relevanti. Il-Bosnja-Ħerzegovina għandha tieħu l-ewwel passi, b'mod urġenti, biex tikkonverġi l-Kostituzzjoni tagħha mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u ttejjeb l-effiċjenza u l-mod kif jiffunzjonaw l-istituzzjonijiet tagħha. Jeħtieġ li l-pajjiż jkun f'pożizzjoni li jadotta, jimplimenta u jinforza l-liġijiet u r-regoli tal-UE. Rigward l-obbligi internazzjonali, għadu essenzjali li jsir progress biex jinkisbu l-għanijiet u l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti għall-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR). L-UE, permezz ta' preżenza rinfurzata, se tgħin lill-Bosnja-Ħerzegovina timplimenta l-għanijiet tal-aġenda tal-UE.

23. Kollox ma' kollox, ir-rapporti ta' progress għall-2010 jindikaw li l-proċess ta' tkabbir tal-UE miexi 'l quddiem b'pass li hu fil-parti l-kbira determinat mill-prova li l-pajjiżi aspiranti kapaċi jieħdu l-obbligi tas-sħubija. Dan jitlob riformi dejjiema kif ukoll adattamenti leġiżlattivi u istituzzjonali li huma kredibbli u konvinċenti. Hekk kif il-pajjiżi konċernati jissodisfaw l-istandards li ġew stipulati, inkluż b'mod partikolari dawk marbutin mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-UE tinsab impenjata li taħdem magħhom biex jimxu lejn l-istadji li jmiss fil-proċess.

ANNESS 1

Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija mill-Montenegro u l-Albanija

Montenegro

Il-Montenegro għamel progress biex jissodisfa l-kriterji relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiiet tal-bniedem u r-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, stipulati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-Proċess dwar l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni. Minkejja dan, jinħtieġu sforzi ulterjuri.

Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Montenegro kiseb ċertu livell ta' stabbiltà makroekonomika. Madanakollu, biex isir ekonomija tas-suq li tiffunzjona, kif stipulat fil-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993, il-Montenegro jeħtieġ jindirizza żbilanċi interni u esterni, kif ukoll dgħufijiet li jeżistu, b'mod partikolari fis-settur finanzjarju u fit-tħaddim tas-swieq tax-xogħol, u jsaħħaħ l-istat tad-dritt. Sabiex ilaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq terminu medju, il-Montenegro jeħtieġ isaħħaħ l-infrastruttura fiżika u l-kapital uman u jkompli bir-riformi strutturali.

Ir-rekord tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa kollox ma' kollox pożittiv.

Il-Montenegro għandu jkun f'qagħda li jieħu l-obbligi tas-sħubija fuq terminu medju, fil-parti l-kbira tal-oqsma tal- acquis , sakemm il-proċess ta' konverġenza jkompli u li jsiru sforzi ulterjuri konsiderevoli u sostenibbli biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-oqsma tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-liġi dwar il-propjetà intellettwali, l-iżvilupp agrikolu u rurali, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fito-sanitarja, is-sajd, l-istatistika, il-politika soċjali u l-impjiegi, il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali, il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u l-kontroll finanzjarju. Il-konformità sħiħa mal- acquis fil-qasam tal-ambjent tista' tinkiseb biss fuq medda twila ta' żmien u tkun titlob livelli ogħla ta' investiment; l-isforzi f’dan il-qasam jeħtieġ li jkunu aċċelerati.

L-adeżjoni tal-Montenegro għandu jkollha impatt ġenerali limitat fuq il-politiki tal-Unjoni Ewropea u mhux se jkollhom effett fuq il-kapaċità tal-Unjoni li żżomm u tapprofondixxi l-iżvilupp tagħha stess.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandhom jinfetħu mal-Montenegro ladarba l-pajjiż ikun kiseb il-livell neċessarju ta' osservanza tal-kriterji tas-sħubija u b'mod partikolari l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen li jeħtieġu l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li b'mod partikolari jiggarantixxu l-istat tad-dritt. F'dan ir-rigward il-Montenegro jeħtieġ li jissodisfa dawn il-prijoritajiet b'mod partikolari:

- Itejjeb il-qafas leġiżlattiv għall-elezzjonijiet skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE-ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja; isaħħaħ ir-rwol leġiżlattiv u ta' sorveljanza tal-Parlament.

- Itemm passi essenzjali fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika inklużi l-emendi għal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva ġenerali u l-liġi dwar l-impjegati taċ-ċivil u tal-istat u t-tisħiħ tal-Awtorità għall-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani u l-Istituzzjoni tal-Verifika tal-Istat, bil-għan li jitjieb il-professjonaliżmu u tiġi de-politiċizzata l-amministrazzjoni pubblika u jissaħħaħ approċċ lejn il-ħatriet u l-promozzjonijiet li hu trasparenti u bbażat fuq il-meritu.

- Isaħħaħ l-istat tad-dritt b'mod partikolari permezz ta' ħatriet de-politiċizzati u bbażati fuq il-meritu ta' membri tal-kunsilli ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni tal-prosekuturi statali kif ukoll permezz tat-tisħiħ tal-indipendenza, l-awtonomija, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-imħallfin u tal-prosekuturi.

- Itejjeb il-qafas legali kontra l-korruzzjoni u jimplimenta l-istrateġija tal-gvern u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni; jistabbilixxi rekord sod fl-investigazzjonijiet pro-attivi, prosekuzzjonijiet u kundanni f'każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli kollha.

- Isaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità orgnizzata ibbażat fuq l-analiżi tat-theddid u investigazzjonijiet pro-attivi, żieda fil-kooperazzjoni ma' sħab reġjonali fl-UE, l-ipproċessar effiċjenti ta' informazzjoni sigrieta rigward il-kriminalità u tisħiħ fil-kapaċitajiet u l-koordinazzjoni tal-infurzar tal-liġi. Jiżviluppa rekord sod f'dan il-qasam.

- Iżid il-libertà tal-midja b'mod partikolarli billi jikkonverġi mal-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-defamazzjoni u jsaħħaħ il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili.

- Jimplimenta qafas legali u ta' politika kontra d-diskriminazzjoni skont standards Ewropej u internazzjonali; iggarantixxi l-istatus legali ta' persuni spustati, b'mod partikolari r-Roma, l-Ashkali u l-Eġizzjani u jiżgura r-rispett għad-drittijiet tagħhom. Dan għandu jinkludi l-addozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija sostenibbli biex jingħalaq il-kamp ta' Konik.

Il-Montenegro huwa mħeġġeġ biex ikompli bl-involviment kostruttiv tiegħu fil-kooperazzjoni reġjonali u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien. Kwistjonijiet pendenti bilaterali jeħtieġ jiġu indirizzati. L-FSK jeħtieġ jibqa' jiġi implimentat mingħajr xkiel; f'dan il-kuntest, hija meħtieġa attenzjoni biex tindirizza lakuni li ġew identifikati f'oqsma bħal għajnuna mill-istat u traffiku ta' transitu. Barra minn hekk, il-pajjiż huwa mħeġġeġ ħafna biex ikompli jtejjeb il-kapaċità amministrattiva tiegħu f'kull aspett. Hemm bżonn ta' sforzi partikolari rigward l-effettività u l-imparzjalità tal-amministrazzjoni statali f'oqsma sensittivi bħall-protezzjoni tal-ambjent. Trid issir prosekuzzjoni sewwa f'każijiet ta' vjolenza u intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u attivisti fl-NGOs. Il-kwistjonijiet ta' vjolenza domestika, it-trattament ħażin u kundizzjonijiet sub-standard fil-ħabsijiet iridu jiġu indirizzati.

Fid-dawl tal-progress li sar s'issa, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill għandu jagħti lill-Montenegro l-istatus ta' pajjiż kandidat.

Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tar-riformi meħtieġa fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u se tkompli tappoġġa l-isforzi permezz tal-istrument finanzjarju tal-IPA. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-progress tal-Montenegro fil-pakkett ta' tkabbir tal-2011. Dan ir-rapport se jiffoka b'mod partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin li jeħtieġ jiġu indirizzati bil-għan li jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni.

L-Albanija

L-Albanija għamlet progress biex tissodisfa l-kriterji relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiiet tal-bniedem u r-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, stipulati mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-Proċess dwar l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni. Minkejja dan, jinħtieġu sforzi ulterjuri.

Rigward il-kriterji ekonomiċi, l-Albanija kisbet ċertu livell ta' stabbiltà makroekonomika. Madanakollu, biex issir ekonomija tas-suq li tiffunzjona, kif stipulat fil-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993, l-Albanija teħtieġ tkompli ssaħħaħ il-governanza, ittejjeb il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, tiggarantixxi r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-propjetà u ssaħħaħ l-istat tad-dritt. Sabiex tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq terminu medju, l-Albanija teħtieġ issaħħaħ l-infrastruttura fiżika u l-kapital uman u tkompli bir-riformi strutturali.

Ir-rekord tal-Albanija fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha taħt il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa kollox ma' kollox pożittiv.

L-Albanija għandha tkun f'qagħda li tieħu l-obbligi tas-sħubija fuq terminu medju, fil-parti l-kbira tal-oqsma tal- acquis , sakemm il-proċess ta' konverġenza jkompli u li jsiru sforzi ulterjuri konsiderevoli u sostenibbli biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Jeħtieġ tingħata attenzjoni partikolari lill-oqsma tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-liġi dwar il-propjetà intellettwali, l-iżvilupp agrikolu u rurali, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fito-sanitarja, is-sajd, il-politika tat-trasport, il-politika soċjali u l-impjiegi, il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali, il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u l-kontroll finanzjarju. Il-konformità sħiħa mal- acquis fil-qasam tal-ambjent tista' tinkiseb biss fuq medda twila ta' żmien u tkun titlob livelli sostanzjali ta' investiment; it-tħejjijiet f’dan il-qasam għandhom ikunu aċċelerati.

L-adeżjoni tal-Albanija għandu jkollha impatt ġenerali limitat fuq il-politiki tal-Unjoni Ewropea u mhux se jkollhom effett fuq il-kapaċità tal-Unjoni li żżomm u tapprofondixxi l-iżvilupp tagħha stess.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li n-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandhom jinfetħu mal-Albanija ladarba l-pajjiż ikun kiseb il-livell neċessarju ta' osservanza tal-kriterji tas-sħubija u b'mod partikolari l-kriterji politiċi ta' Kopernħagen li jeħtieġu l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li b'mod partikolari jiggarantixxu l-istat tad-dritt. F'dan ir-rigward l-Albanija teħtieġ li tissodisfa dawn il-prijoritajiet b'mod partikolari:

- Tiżgura t-tħaddim xieraq tal-Parlament fuq il-bażi ta' djalogu politiku kostruttiv u sostnut fost il-partiti politiċi kollha.

- Tadotta liġijiet pendenti li jeħtieġu maġġoranza b'saħħitha fil-Parlament.

- Taħtar l-Ombudsman, u tiżgura smigħ u proċess ta' votazzjoni bl-ordni fil-Parlament għal ħatriet kostituzzjonali u tal-qorti suprema.

- Timmodifika l-qafas leġiżlattiv għall-elezzjonijiet skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE-ODIHR

- Tiżgura li l-elezzjonijiet jitmexxew skont standards Ewropej u internazzjonali.

- Ittemm passi essenzjali fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika inklużi l-emendi għal-liġi dwar is-servizz ċivili u ssaħħaħ id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni Pubblika, bil-għan li jitjieb il-professjonaliżmu u tiġi de-politiċizzata l-amministrazzjoni pubblika u jissaħħaħ approċċ lejn il-ħatriet u l-promizzjonijiet li hu trasparenti u bbażat fuq il-meritu.

- Issaħħaħ l-istat tad-dritt permezz tal-addozzjoni u l-implimerntazzjoni ta' strateġija ta' riforma għall-ġudikatura, li tiżgura l-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji.

- Timplimenta b'mod effettiv l-istrateġija tal-gvern u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni, tneħħi ostakoli għall-investigazzjonijiet, b'mod partikolari tal-imħallfin, il-ministri u l-Membri Parlamentari; tiżviluppa rekord sod fl-investigazzjonijiet proattivi, prosekuzzjonijiet u kundanni f'każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli kollha.

- Issaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità orgnizzata ibbażata fuq l-analiżi tat-theddid u investigazzjonijiet proattivi, żieda fil-kooperazzjoni ma' sħab reġjonali fl-UE, u koordinazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Tiżviluppa rekord sod f'dan il-qasam.

- Tħejji, tadotta u timplimenta strateġija nazzjonali u pjan ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-propjetà wara li tagħmel konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati u tikkunsidra l-każistika tal-QEtDB; dan għandu jkopri l-proċessi ta' restituzzjoni, kumpens u legalizzazzjoni.

- Tieħu passi konkreti biex issaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment għan-nisa, t-tfal u r-Roma, u b'mod effettiv timplimenta politiki kontra d-diskriminazzjoni.

- Tieħu miżuri addizzjonali biex ittejjeb it-trattament ta' dawk miżmuma fl-għases tal-pulizija, dawk taħt arrest preventiv u fil-ħabsijiet. Issaħħaħ is-segwitu ġudizzjarju ta' każijiet ta' trattament ħażin u ttejjeb l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsaman f'dan il-qasam.

L-Albanija hija mħeġġa biex tkompli bl-involviment kostruttiv tagħha fil-kooperazzjoni reġjonali u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien. L-FSK jeħtieġ jibqa' jiġi implimentat mingħajr xkiel; f'dan il-kuntest, trid tingħata attenzjoni xierqa lill-iskadenzi għall-impenji tagħha. Barra minn hekk, il-pajjiż huwa mħeġġeġ ħafna biex ikompli jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tiegħu f'kull aspett. Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili trid tiġi aġġornata. L-Albanija teħtieġ talloka biżżejjed riżorsi biex tiggarantixxi l-funzjoni effettiva tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u taġġorna l-isforzi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tal-minoranzi. Teħtieġ ukoll issaħħaħ il-libertà tal-midja u l-indipendenza tagħha, u tindirizza l-prevalenza tal-influwenzi politiċi.

Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tar-riformi meħtieġa fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u se tkompli tappoġġa l-isforzi permezz tal-istrument finanzjarju tal-IPA. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-progress tal-Montenegro fil-pakkett ta' tkabbir tal-2011. Dan ir-rapport se jiffoka b'mod partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin li jeħtieġ jiġu indirizzati bil-għan li jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni.

ANNESS 2

Konklużjonijiet tar-Rapporti ta' Progress dwar il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Bosnja u Ħerzegovina, is-Serbja, il-Kosovo, it-Turkija u l-Islanda

Il-Kroazja

Il-Kroazja qed tkompli tissodisfa l-kriterji politiċi . Sar progress f'bosta oqsma, inkluż fil-qasam tal-istat tad-dritt. Madanakollu, jeħtieġ ikomplu u jiġu intensifikati l-isforzi b'mod partikolari fil-qasam tar-riforma amministrattiva, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, u r-ritorn tar-refuġjati.

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt komplew jiġu msaħħa. Il- gvern u l- parlament komplew jiffunzjonaw b'mod effettiv. Madanakollu, il-kapaċità tal-Parlament li jiskrutinizza l-proċess leġiżlattiv għandha bżonn tissaħħaħ. Ir-riforma fil-ġudikatura ssuktat iżda għad fadal sfidi sinifikanti, partikolarment b'rabta mal-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà ġudizzjarja.

Sar progress limitat fil-qasam tar-riforma tal- amministrazzjoni pubblika . Il-liġi dwar il-proċeduri amministrattivi ġenerali daħlu fis-seħħ u ġie adottat pjan ta' azzjoni u strateġija għall-iżvilupp tar-riżorsi umani fis-servizz ċivili. Madanakollu, l-amministrazzjoni pubblika għad fiha nuqqasijiet, inklużi proċeduri amministrattvi kumplessi, politiċizzazzjoni u ġestjoni dgħajfa tar-riżorsi umani. Sabiex tikseb riżultati tanġibbli, jeħtieġ li jkun hemm impenn politiku iktar qawwi u koordinazzjoni aħjar bejn il-partijiet interessati ewlenin fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali.

Ir-riforma ġudizzjarja kompliet. Ix-xogħol pendenti fil-każijiet tal-qrati naqas u l-indipendenza ġudizzjarja ssaħħet permezz ta' emendi kostituzzjonali. Madanakollu, wieħed għad irid jara r-riżultati ewlenin mistennija mill-proċess ta' riforma. Għad hemm sfidi b'mod partikolari rigward l-applikazzjoni ta' kriterji trasparenti għall-ħatriet ta' mħallfin u prosekuturi, ikompli t-tnaqqis tal-każijiet pendenti, tat-tul tal-proċedimenti u l-infurzar tad-deċiżjonijiet. Sar xi progress rigward il-każijiet tar-reati ta' gwerra, inkluża r-reviżjoni ta' verdetti dubbjużi mis-snin 1990. Madanakollu, għad hemm il-problema tal-impunità, partikolarment għal reati li saru kontra s-Serbi etniċi, li ħafna minnhom għadhom ma ġewx investigati tajjeb.

Inkiseb ċertu progress fil- ġlieda kontra l-korruzzjoni . L-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni ġenerali fl-isforzi kontra l-korruzzjoni tjiebu. L-uffiċċju għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata kompla jkun atttiv u ħareġ akkużi f'ċerti każijiet importanti. Żdied l-għadd ta' verdetti mill-qrati. Fil-kostituzzjoni ġie inkluż id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni mill-korpi pubbliċi. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'bosta oqsma. L-istrutturi legali u amministrattivi li ġew aġġornati dan l-aħħar għadhom ma ġewx ittestjati għal kollox fil-prattika, b'mod partikolari l-kapaċità tal-qrati li jittrattaw ma' każijiet dejjem jiżdiedu fin-numru u l-kumplessità. Għad irid jiġu stabbiliti rekord ta' investigazzjoni, prosekuzzjoni u deċiżjonijiet tal-qrati effettivi, speċjalment f'każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli. Ftit li xejn sar progress fil-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess. Il-progress li sar biex titjieb l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni hija limitata. Għad hemm nuqqasijiet rigward il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali.

Inkiseb element ta' progress fil-qasam tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi . Id-drittijiet tal-bniedem huma ġeneralment irrispettati iżda għad fadal ċerti sfidi importanti fir-rigward tal-implimentazzjoni. Rigward l- aċċess għall-ġustizzja , bdiet riforma sostanzjali tas-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Qed tingħata wkoll għajnuna legali b'xejn iffinanzjata mill-istat. Madanakollu, il-proċeduri huma kumplikati u l-livell ġenerali tal-għajnuna mogħtija huwa baxx. Rigward is- sistema tal-ħabs , ittieħdu miżuri leġiżlattivi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħabs permezz tal-introduzzjoni prevista tas-sistema tal-perjodu ta' prova. Il-ħabsijiet għadhom iffullati u ma jipprovdux protezzjoni għas-saħħa adegwata. Fir-rigward tat- trattament ħażin , l-Ombudsman baqa' jirċievi ilmenti dwar l-użu eċċessiv ta' forza mill-pulizija.

Il-libertà tal-espressjoni , inkluż il-libertà u l-pluraliżmu fil-midja, hija pprovduta mil-liġi u hija ġeneralment rispettata. Madanakollu, l-edituri u l-ġurnalisti għadhom jirrappurtaw dwar pressjoni politika. Għad fadal problemi rigward l-indipendenza tal-midja lokali.

Sar progress limitat rigward id- drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-qagħda tan-nisa fis-suq tax-xogħol ma nbidlitx b'mod sinifikanti u l-livell tal-qgħad fost in-nisa għadu għoli. L-Ombudsman għat-Tfal sar iktar attiv fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad- drittijiet tat-tfal . Madanakollu, din l-istituzzjoni għandha nuqqas ta' riżorsi xierqa sabiex twettaq il-mandat tagħha kif suppost.

Sar xi progress fir-rigward tal-persuni soċjalment vulnerabbli u l-persuni b'diżabbiltajiet. Il-kapaċità tal-Uffiċċju tal-Ombudsman għall-Persuni b'Diżabbiltà qed jissaħħaħ, partikolarment bil-għan li r-rappreżentazzjoni tiġi estiża għar-reġjuni. Madanakollu, hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar id-drittijiet u intitolamenti fil-qasam tal-għajnuna soċjali, il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet. Il-kriterji dwar kif jiġu stabbiliti l-intitolamenti mhumiex dejjem applikati l-istess u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw id-drittijiet speċifiċi huma frammentati. It-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal servizzi ta' kura bbażati fil-komunità imxiet bil-mod.

Ittieħdu xi passi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-liġi ġdida kontra d-diskriminazzjoni . Madanakollu, l-għarfien dwar l-ambitu tagħha fost l-awtoritajiet u ċ-ċittadini huwa limitat u fil-qrati jaslu biss ftit ilmenti ta' diskriminazzjoni. Sar xi progress rigward il-leġiżlazzjoni dwar reati relatati mal-omofobija, minkejja li l-implimentazzjoni għadha fi stadju bikri.

Sar xi progress rigward ir-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet kulturali . Wieħed jista' jirrapporta li hemm iktar attenzjoni fuq kwistjonijiet ta' minoranzi fil-kuntest ta' relazzjonijiet aħjar fir-reġjun, partikolarment bejn il-Kroazja u s-Serbja. Id-dispożizzjonijiet rigward il-minoranzi ġew imsaħħa. Il-minorità Roma kompliet tirċievi iktar attenzjoni, b’titjib partikolari fl-edukazzjoni ta’ qabel l-iskola formali. Il-livell ta' finanzjament disponibbli għall-organizzazzjonijiet tal-minoranzi tnaqqas marġinalment minkejja li ttieħdu miżuri ta' awsterità finanzjarja. Madanakollu, il-minoranzi għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ħafna problemi. Il-Kroazja teħtieġ tkompli tħeġġeġ spirtu ta' tolleranza lejn il-minorità Serba. Il-Kroazja teħtieġ ukoll tieħu l-miżuri xierqa biex tipproteġi lil dawk li jistgħu jkunu għadhom soġġetti għal theddid jew atti ta' diskriminazzjoni, ostilità jew vjolenza. Il-minoranza Roma taffaċċja kundizzjonijiet ta’ għajxien diffiċli u għad hemm sfidi fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-aċċess għal dokumenti personali. Il-minoranzi jkomplu jiffaċċjaw diffikultajiet fil-qasam tal-impjiegi, kemm f’termini ta’ nuqqas ta’ rappreżentanza fl-amministrazzjoni tal-istat, il-ġudikatura u l-pulizija kif ukoll fis-settur pubbliku iktar wiesa’.

Kien hemm progress rigward ir- refuġjati. Ir-refuġjati komplew jirritornaw lejn il-Kroazja. Kompliet il-problema tal-provvediment ta' akkomodazzjoni lil dawk li qabel kellhom drittijiet ta' pussess u kera. Ġie adottat pjan ta' azzjoni rivedut għall-implimentazzjoni aċċelerata tal-pjani tal-gvern tal-2009 dwar l-akkomodazzjonijiet li kienu ddewmu, bil-għan li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa fl-2011. Sar xi progress rigward il-kostruzzjoni mill-ġdid ta' djar li ġarrbu ħsarat. Tnaqqas l-ammont sostanzjali ta' każijiet li qed jistennew appell kontra applikazzjonijiet mhux milqugħa rigward għajnuna għar-rikostruzzjoni. L-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-validazzjonijiet tad-drittijiet għall-pensjoni kompliet. Madanakollu, il-progress biex jintlaħqu l-miri tal-akkomodazzjoni għall-2009 kien kajman. Diversi eluf ta' applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni soċjali għad iridu jiġu pproċessati u jingħataw unitajiet ta' akkomodazzjoni lil refuġjati li qed jiġu lura. Numru kbir ta' appelli rigward ir-rikostruzzjoni tad-djar għadhom pendenti. Għad iridu jsiru sforzi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għar-ritorn permanenti tar-rifuġjati.

Rigward kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , il-Kroazja qed tkompli tikkopera mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY). It-task force speċjali li twaqqfet mill-gvern trid tkompli bix-xogħol tagħha li ssib jew tiddetermina x'sar minn dokumenti mitlufin tal-artillerija li qed jitlob l-Uffiċċju tal-prosekutur tal-ICTY. Ingħata impetu ġdid lill-proċess tad-dikjarazzjoni ta' Sarajevo wara l-laqgħat Ministerjali li saru f'Belgrad f'Marzu 2010. Dan laqqa' flimkien lill-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja li qablu li jaħdmu flimkien biex jiċċaraw l-istatistiċi dwar ir-refuġjati. Il-pajjiżi impenjaw irwieħhom ukoll biex jaħdmu dwar soluzzjonijiet għal numru ta' kwistjonijiet pendenti sal-aħħar tas-sena

Il-Kroazja kompliet tipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Il-President tal-Kroazja assuma approċċ proattiv rigward il-kooperazzjoni reġjonali. Ir-relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi oħrajn involuti fil-proċess tat-tkabbir u ma' Stati tal-Unjoni Ewropea ġirien baqgħu jiżviluppaw, inkluż mas-Serbja. Ir-relazzjonijiet mas-Slovenja tjiebu bl-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Arbitraġġ internazzjonali rigward il-Fruntiera.

L- ekonomija tal-Kroazja ntlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. Il-pajjiż daħal f'riċessjoni fl-ewwel kwart tal-2009 u ma kienx hemm sinjali tajbin ta' rkupru sa nofs l-2010. Il-qgħad, l-iżbilanċ u d-dejn pubbliku żdiedu b'mod sinifikanti. Id-defiċit barrani kompla jiżdied u għadu vulnerabbiltà ewlenija fl-ekonomija. L-istabbiltà monetarja nżammet permezz tal-politiki tal-bank ċentrali u s-settur finanzjarju ffaċċja l-kriżi b'mod relattivament tajjeb.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , il-Kroazja hija ekonomija tas-suq funzjonanti. Il-Kroazja għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, dejjem jekk timplimenta l-programm tagħha ta' riforma komprensiva b'determinazzjoni sabiex tnaqqas id-dgħufijiet strutturali.

Inżamm kunsens politiku mifrux dwar il-fatturi fundamentali tal-ekonomija tas-suq. Il-Programm ta' Rkupru Ekonomiku ta lill-politika ekonomika orjentazzjoni għat-terminu medju. Il-benefiċċju tal-programm rigward it-tkabbir u l-kompetittività internazzjonali jiddependi mill-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Minħabba l-limiti li hemm bħalissa, il-politika makroekonomika, kollox ma' kollox, kienet biżżejjed biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. Il-politika monetarja irnexxielha tħares ir-rata tal-kambju u l-istabbiltà finanzjarja filwaqt li taffiet il-pressjoni tal-likwidità. Il-defiċit tal-kont kurrenti naqas bħala konsegwenza tar-riċessjoni u l-pressjonijiet inflazzjonarji komplew jonqsu. Is-settur bankarju baqa' resiljenti għax-xokkijiet.

Madanakollu, ir-riformi strutturali mxew 'il quddiem bil-mod ħafna, mhux l-inqas fil-privatizzazzjoni u fir-rigward tar-ristrutturar ta' impriżi li kienu qed jagħmlu telf. Is-suq tax-xogħol baqa' riġidu ħafna, b'ingaġġ u rati ta' parteċipazzjoni baxxi li komplew jiddeterjoraw matul ir-reċessjoni. Fil-qasam fiskali, l-awtoritajiet għamlu sforzi limitati biex jikkontjenu d-defiċit dejjem jiżdied u biex iżidu l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. It-trasferimenti soċjali baqgħu għoljin u mhux immirati tajjeb u għadd kbir ta' impriżi pubbliċi u tal-Istat baqgħu jirċievu sostenn mill-Istat permezz ta' sussidji u garanziji diretti u indiretti. Biex tinkiseb sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju, għad hemm l-isfida li jitjieb il-proċess baġitarju u d-dixxiplina biex titjieb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Il-klima tal-investimenti kompliet tbati minn piż regolatorju tqil u diversi taxxi parafiskali.

Il-Kroazja tejbet il- ħila tagħha li tassumi l-obbligi li ġġib magħha l-adeżjoni . It-tħejjijiet għall-issodisfar tar-rekwiżiti tal-UE komplew jimxu 'l quddiem sew, u hemm grad ta' konverġenza mar-regoli tal-UE f'bosta mis-setturi. F'ħafna mill-oqsma sar iktar progress inkluż f'dawk il-kapitli fejn il-livell tal-konverġenza kien diġà għoli. Jeħtieġ isiru sforzi addizzjonali f'ċerti oqsma biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva li hi neċessarja għall-implimentazzjoni xierqa tal- acquis .

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- moviment ħieles tal-merkanzija u l-konverġenza mal- acquis f'dan il-kapitolu tinsab fi stadju avvanzat. Madanakollu, jeħtieġ isiru iżjed sforzi, partikolarment dwar l-evalwazzjoni tal-konformità u s-sorveljanza tas-suq. Il-Kroazja teħtieġ tlesti l-konverġenza mal- acquis u ssaħħaħ il-kapaċità. Wieħed jista' jirrapporta li sar progress tajjeb fil-qasam tal- moviment ħieles tal-ħaddiema , u ntlaħaq livell sodisfaċenti ta' konverġenza legali. Jeħtieġ isiru iktar sforzi biex tissaħħaħ, b'mod partikolari, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

Sar progress fil-qasam tad- dritt ta' stabbiliment u l-libertà li tipprovdi servizz b'mod partikolari dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u dwar is-servizzi postali. Il-konverġenza globali mal- acquis hija sodisfaċenti. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi biex titlesta' l-konverġenza, b'mod partikolari fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u biex tiġi trasposta d-Direttiva dwar is-Servizzi. Hemm bżonn jitkompla x-xogħol biex titjieb il-kapaċità amministrattiva.

Kompla jsir progress fil-konverġenza mal-acquis fil-qasam tal- moviment ħieles tal-kapital. Hemm bżonn li jitkomplew l-isforzi biex titlesta l-liberalizzazzjoni tal-movimenti tal-kapital u biex jiġi kkonsolidat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus.

Jista' jiġi rrappurtat progress fl- akkwist pubbliku , b'mod patrikolari fit-titjib tal-kapaċità tal-partijiet interessati ewlenin biex jikkordinaw u jimplimentaw il-politika tal-akkwist pubbliku. Il-kapaċità tal-applikazzjoni effiċjenti tal-liġi għad trid tissaħħaħ iktar f'kull livell tas-sistema tal-akkwisti.

Sar xi progress fil-kapitolu tal- liġi tal-kumpaniji . Il-konverġenza mal- acquis tinsab fi stadju tajjeb. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi fil-qasam tal-verifika.

Jista' jiġi rrappurat progress fil-qasam tal- liġi dwar il-proprjetà intelletwali . Il-konverġenza mal-acquis waslet f'livell għoli ħafna u sar progress fl-infurzar. L-għarfien ġenerali dwar id-drittijiet tal-propjetà intellettwali għad irid jissaħħaħ.

Sar progress sinifikanti fil- politika tal-kompetizzjoni , b'mod partikolari lejn il-finalizzazzjoni tal-proċedura tal-offerti għar-ristrutturar tat-tarzni. B'mod ġenerali, intlaħaq livell tajjeb ta' konverġenza. Madanakollu, hemm bżonn ta' iżjed sforzi biex jiġu adottati l-pjani ta' ristrutturar skont l- acquis dwar l-għajnuna mill-Istat għal tarzni f'diffikultà, biex jitjieb ir-rekord tal-infurzar tal-Aġenzija Kroata għall-Kompetizzjoni kontra l-kartelli u biex tkompli titjieb il-kapaċità amministrattiva tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tal-antitrust. Il-konverġenza tal-Att dwar ix-Xandir Kroat għad trid titlesta. Il-Pjanijiet Nazzjonali għar-Ristrutturar tal-industrija tal-azzar jeħtieġ jiġu aġġornati.

Sar progress sostanzjali fil-qasam tas- servizzi finanzjarji , kemm fil-koverġenza tal-leġiżlazzjoni kif ukoll fit-tisħiħ tar-riżorsi amministrattivi. Madanakollu, huwa meħtieġ tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva tar-regolaturi.

Il-Kroazja għamlet progress sinifikanti fil-qasam tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-midja u laħqet livell għoli ta' konverġenza mal- acquis . Madanakollu, hemm bżonn ta' sforzi kontinwati biex tissaħħaħ il-kapaċità taż-żewġ regolaturi nazzjonali biex il-qafas legali jiġi applikat kif suppost. Il-liberalizzazzjoni tal-partijiet kollha tas-swieq tal-komunikazzjoni elettronika trid tiġi sostnuta.

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- agrikoltura u l-iżvilupp rurali , b'mod partikolari, fit-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-aġenzija li tħallas u tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll u fl-organizzazzjoni tas-suq komuni. Madanakollu, iridu jiġu sostnuti sforzi konsiderevoli f'dawn l-oqsma ewlenin tal-Politika Agrikola Komuni. Il-Kroazja teħtieġ ukoll tikkonverġi kompletament is-sistema ta' sostenn agrikolu mal-acquis u żżid il-kapaċità li tassorbi l-fondi għall-iżvilupp rurali.

Sar progress tajjeb b’rabta mas- sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja , partikolarment bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. It-traspożizzjoni tal- acquis tinsab fi stadju avvanzat fis-setturi kollha. Sar progress sinifikanti permezz tal-adozzjoni tal-programm nazzjonali għat-titjib tal-istabbilimenti tal-ikel li joriġina mill-annimali jew minn prodotti sekondarji tal-annimali. Rigward l-implimentazzjoni tal-programm huma meħtieġa sforzi kontinwi, bħalma huma meħtieġa wkoll fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u tal-kontroll, u fit-twaqqif tal-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera.

Il-Kroazja għamlet progress tajjeb fil-konverġenza mal-acquis fil-qasam tas- sajd . It-tħejjijiet biex tiġi applikata l-politika dwar is-sajd jinsabu avvanzati sew. Il-Kroazja teħtieġ ittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari, rigward il-ġestjoni tal-flotta, l-ispezzjoni u l-kontroll u l-politika strutturali.

Kompla jsir progress fil-qasam tat- trasport . Kollox ma' kollox, il-livell tal-konverġenza huwa tajjeb. Madanakollu jeħtieġ li l-konverġenza titlesta fis-settur tal-avjazzjoni. Sforzi addizzjonali għadhom meħtieġa biex jiġi implimentat u infurzat l- acquis .

Sar iktar progress fil-kapitolu tal- enerġija , fejn il-livell tal-konverġenza huwa għoli. Madanakollu, hemm bżonn isiru sforzi sinifikanti biex tiżdied il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji tas-settur tal-enerġija.

Sar progress fit- tassazzjoni , b'mod partikolari fil-kapaċità operattiva u l-komputerizzazzjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-Kroazja fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta hija ġeneralment skont l- acquis. Madanakollu, hija meħtieġa konverġenza akbar, l-iktar fl-oqsma tal-VAT u d-dazji tas-sisa. Għandhom jitkomplew l-isforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, fosthom fil-konnettività tal-IT.

Kien hemm iktar progress fil-qasam tal- politika ekonomika u monetarja fejn, kollox ma' kollox, il-konverġenza mal- acquis hija effettivament lesta.

Dwar l- istatistika , sar progress sostanzjali fl-immodernizzar tal-infrastruttura tal-istatistika. Intlaħaq livell tajjeb ta’ konverġenza. L-isforzi hemm bżonn jitkomplew sabiex l-istatistiċi tal-Kroazja jiġu għal kollox konformi mal-ħtiġiet tal-UE.

Sar progress tajjeb fir-rigward tal- politika soċjali u l-impjiegi . Jeżisti livell tajjeb ta' konverġenza mal- acquis . Madanakollu, għad hemm xi lakuni fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni, partikolarment dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi dwar il-liġi tax-xogħol, u fil-qasam tal-antidiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-kapaċità amministrattiva teħtieġ tissaħħaħ iżjed.

Il-Kroazja għamlet progress fil-politika dwar l- impriżi u l-industrija , partikolarment rigward il-prinċipji u l-istrumenti ta' politika. Il-konverġenza mal- acquis tinsab fi stadju avvanzat sew. Sforzi ulterjuri jeħtieġ jiffukaw fuq it-titjib tal-ambjent imprenditorjali. Iridu jiġu segwiti sforzi għar-ristrutturar tal-industriji tal-azzar u, b'mod partikolari, it-tarzni.

Il-Kroazja kompliet tagħmel progress bl-iżvilupp tan- netwerks trans-Ewropej. Il-konverġenza mal- acquis tlestiet.

Sar progress tajjeb taħt il- politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali , partikolarment fit-tħejjija ta' dokumenti strateġiċi u l-ħatra ta' istituzzjonijiet u mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, kif ukoll fir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' iktar pesunal. It-tħejjijiet tal-Kroazja fl-applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-UE jinsabu relattivament avvanzati. Il-Kroazja teħtieġ tlesti t-tħejjijiet tagħha billi tiffoka fuq it-twaqqif ta' sensiela ta' proġetti maturi u l-assorbiment tal-fondi.

Il-Kroazja għamlet progress tajjeb fir-rigward tal- ġudikatura u d-drittijiet fundamentali . Ir-riforma tal-ġudikatura kompliet bl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida li ssaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja u tkompli tnaqqas il-każijiet pendenti. Madanakollu, ir-riforma fil-ġudikatura għadha proġett importanti u għad fadal sfidi sinfikanti, partikolarment b'rabta mal-effiċjenza, l-indipendenza, u r-responsabbiltà ġudizzjarja. L-isforzi kontra l-korruzzjoni żdiedu b'xi riżultati pożittivi iżda l-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma. Għad irid jiġi stabbilit rekord ta' investigazzjoni, prosekuzzjoni u deċiżjonijiet tal-qrati effettivi, speċjalment f'każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli. Miżuri preventivi bħal iktar trasparenza fl-infiq pubbliku jeħtieġ jissaħħu. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali issaħħet iżda teħtieġ titjieb fil-prattika, speċjalment għall-minoritajiet u r-refuġjati.

Il-Kroazja għamlet progress sostanzjali fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà . Is-sistema tal-ażil tjiebet b'mod konsiderevoli, iżda jeħtieġ tingħata attenzjoni biex jiġu integrati persuni li jingħataw protezzjoni fil-Kroazja u biex il-minuri fost il-migranti irregolari jingħataw protezzjoni. Sar progress tajjeb fil-qasam tal-viżi. Madanakollu, il-konverġenza mal- acquis fil-viżi trid tkompli. Sar progress fil-qasam tal-fruntieri esterni. Madanakollu, diversi aspetti tal-pjan ta' azzjoni integrat dwar il-ġestjoni tal-fruntieri jridu jiġu emendati u l-aġġornar tal-apparat irid iżid il-pass. Sar progress sinifikanti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali. Kompla l-progress ukoll fil-politika kontra s-sustanzi narkotiċi.

Kompla l-progress fix- xjenza u r-riċerka , iżda dan tilef mill-momentum minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Jeħtieġ isiru sforzi biex tkompli tissaħħaħ il-kapaċità, jingħata t-taħriġ, u jiżdied l-investiment fir-riċerka mill-industrija u impriżi żgħar u ta' daqs medju. Sar progress ulterjuri rigward l- acquis fl-oqsma tal- edukazzjoni u l-kultura . Hemm livell tajjeb ta' konverġenza. Il-Kroazja teħtieġ tkompli bl-isforzi tagħha biex tħejji għall-ġestjoni tal-Programmi Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni.

Fil-kapitolu dwar l- ambjent sar progress tajjeb rigward kemm il-konverġenza kif ukoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-konverġenza leġiżlattiva fil-qasam tal-kwalità tal-ilma kif ukoll, sa ċertu punt, fit-tibdil tal-klima teħtieġ titlesta. L-implimentazzjoni tal- acquis orizzontali u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-qasam tal-ambjent jeħtieġ jitjiebu. Globalment, it-tħejjijiet tal-Kroazja mexjin lejn it-tmiem. Il-Kroazja teħtieġ issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħha, speċjalment fil-livell lokali.

Sar progress tajjeb fil-qasam tal-ħarsien tal- konsumatur u l-protezzjoni tas-saħħa . Intlaħaq livell tajjeb ta’ konveġenza. Huma meħtieġa sforzi kostanti għat-tisħiħ addizzjonali tal-kapaċità amministrattiva.

Sar progress tajjeb rigward l- unjoni doganali . Fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Kroazja hemm konverġenza mal- acquis fil-parti l-kbira. Il-Kroazja kompliet tagħmel progress fil-qasam tal-IT, partikolarment fl-interkonnettività. Jonqos iżjed progress biex jitneħħew l-aħħar diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni tal-Kroazja, biex tiġi implimentata l-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni u titħejja l-interkonnettività tal-IT.

Sar xi progress fil-qasam tar- relazzjonijiet esterni . Il-Kroazja laħqet livell avvanzat ta' konverġenza u qed tkompli tikkordina u tikkonverġi l-pożizzjonijiet tagħha fil- fora internazzjonali. Madanakollu, il-Kroazja teħtieġ tagħmel attenzjoni biex issir konformi għal kollox mal-obbligi internazzjonali meta tkun qed tfittex is-salvagwardji. Jeħtieġ jiġu allokati iżjed riżorsi għall-politika ta' żvilupp u l-għajnuna umanitarja.

Il-Kroazja kompliet tagħmel progress fil-qasam tal- politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża . Kompliet tipparteċipa f'diversi missjonijiet militari u ċivili tal-UE. Kollox ma’ kollox, il-Kroazja kisbet livell tajjeb ta’ konverġenza. Il-Kroazja teħtieġ tkompli ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontroll tal-armi inkluż it-trasparenza rigward informazzjoni relatata mal-armi.

Jista' jiġi rrappurat progress fil-qasam tal- kontroll finanzjarju . L-indipendenza tal-Uffiċċju ta' Verifika tal-Istat issaħħet. L-isforzi issa jeħtieġ jiffukaw fuq is-sostenibbiltà tar-riformi. Il-korpi involuti fl-Istruttura ta' Koordinazzjoni ta’ Kontra l-Frodi jeħtieġ iżidu l-isforzi tagħhom għal implimentazzjoni iktar effiċjenti tal-istrateġija ta' kontra l-frodi.

Sar iktar progress fil-qasam tad- dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji . Il-kapaċità istituzzjonali biex jiġu applikati r-regoli dwar ir-riżorsi proprji kompliet tiġi żviluppata. Il-Kroazja laħqet livell tajjeb ta' konverġenza mal- acquis u l-kapaċità li timplimentaha, ħlief fil-każ tad-dazji fuq iz-zokkor. Il-Kroazja teħtieġ ittejjeb iktar il-kapaċità tagħha ta' koordinazzjoni.

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed tkompli tissodisfa l- kriterji politiċi b'mod suffiċjenti. Wara r-riformi tal-2009 sar iktar progress minkejja li mhux b'pass regolari. Kollox ma' kollox, il-koalizzjoni tal-gvern hija stabbli u teżisti kooperazzjoni bejn il-forzi politiċi. Inkiseb xi progress rigward ir-riforma tal-parlament, il-pulizija, il-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom. Madanakollu, jeħtieġ isiru iżjed sforzi fil-maġġoranza tal-oqsma relatati mal-kriterji politiċi, b'mod partikolari oqsma importanti ta' tħassib rigward l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-libertà tal-espressjoni fil-midja. Id-djalogu politiku jeħtieġ jissaħħaħ.

Il-Ftehim Qafas ta' Ohrid jibqa' element essenzjali għad- demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż. Sar xi progress dwar l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-ilsna, dwar id-diċentralizzazzjoni u r-rappreżentanza ekwa. Sforzi kontinwi, permezz ta' djalogu, huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim u tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu.

Inkiseb iktar progress fir-riforma tal- parlament . Ġew adottati emendi fir-regoli ta' proċedura li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-oppożizzjoni. Il-parlament ħa miżuri biex isaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali, b'mod partikolari permezz tat-twaqqif ta' Istitut Parlamentari. Madanakollu, id-djalogu dwar ir-relazzjonijiet inter etniċi kien imxekkel mill-falliment tal-kumitat parlamentari relevanti li jiltaqa' regolarment.

Is-sħab fil-koalizzjoni tal- gvern qed iżommu kooperazzjoni kostruttiva. Huma ħadu l-impenn favur riformi li jħejju lill-pajjiż għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. Madanakollu, hemm bżonn ta' iktar djalogu dwar kwistjonijiet rigward relazzjonijiet inter-etniċi. Hemm bżonn ta' iktar sforzi biex il-proċess ta' deċentralizzazzjoni jittieħed iktar 'il quddiem b'konformità mal-Ftehim Qafas Ohrid. Il-qafas finanzjarju għall-gvern lokali jeħtieġ ikun iktar trasparenti u ekwu. Il-kooperazzjoni tal-gvern mal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea jeħtieġ jiġi żviluppat iktar.

Kien hemm xi progress rigward il-funzjonament tal- amministrazzjoni pubblika. Ġiet adottata liġi dwar il-ħaddiema tal-gvern. Il-Liġi dwar l-affarijiet interni rigward ir-riforma tal-pulizija daħlet fis-seħħ u ġiet adottata l-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni implimentattiva. Madanakollu, hemm bżonn ta' iktar sforzi sinifikanti biex jiżguraw it-trasparenza, il-professjonaliżmu u l-indipendenza tas-servizz ċivili. Kien hemm indħil politiku barra minn loku fl-ingaġġ u l-promozzjonijiet f'kull livell tal-amministrazzjoni pubblika. Il-qafas legali jeħtieġ jitjieb, b'mod partikolari rigward l-ingaġġ tal-persunal fuq il-bażi tal-mertu. Il-proċess li għadd kbir ta' postijiet temporanji jinbidlu f'permanenti f'ħafna każijiet ma pprovdiex spazju għal ingaġġ kompetittiv u bbażat fuq il-mertu.

Sar progress limitat fir- riforma ġudizzjarja . L-effiċjenza tal-qrati ġiet imsaħħa permezz ta' ġestjoni aħjar tal-baġit. Madankollu, għad hemm tħassib dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura: ma sarx iktar progress biex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet legali ta' bħalissa jiġu mħaddma fil-prattika. F'dan il-kuntest huwa importanti li gradwati mill-akkademja tat-Taħriġ għall-Imħallfin u l-Prosekuturi jingħataw prijorità f'ingaġġi ġodda.

Sar progress fil-qasam tal- politika kontra l-korruzzjoni. Saru operazzjonijiet tal-pulizija fuq skala kbira li għamlu użu minn miżuri speċjali investigattivi. Filwaqt li l-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali huwa ġeneralment fis-seħħ, ir-rekord tal-kundanni b'suċċess f'każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli jissaħħaħ. Dispożizzjonijiet eżistenti dwar dikjarazzjonijiet tal-assi, kunflitt ta' interess u l-finanzjament tal-partiti politiċi mhumiex implimentati b'mod effettiv. Il-bażi tar-riżorsi tal-Kummissjoni tal-Istat Kontra l-Korruzzjoni teħtieġ tkun żgurata. Il-korruzzjoni għadha prevalenti f’ħafna oqsma għadha problema partikolarment serja.

Il-qafas legali u istituzzjonali għad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi jinsab fis-seħħ u d- drittijiet ċivili u politiċi huma ġeneralment irrispettati. Madanakollu, il-garanziji kostituzzjonali u legali eżistenti għad iridu jiddaħħlu totalment fis-seħħ.

Is-sala 'semi-open' tal-ħabs Idrizovo, fejn il-kundizzjonijiet kienu degradanti u inumani, ingħalqet. Madanakollu, l-istrateġija biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji li għad fadal fil-ħabs qed tagħmel progress bil-mod. Is-sorveljanza tal-aġenziji tal-infurzar għadha mhix totali. Rigward il-libertà tal-espressjoni hemm tħassib dejjem jikber rigward l-interferenza politika fil-midja u pressjoni barra minn lokha fuq il-ġurnalisti. L-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' żvilupp tal-politiki għadu limitat.

L-Ombudsman baqa' l-punt fokali ewlieni għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. It-tagħbija tax-xogħol tiegħu żdiedet matul il-perjodu ta' rappurtar. Madanakollu, il-proporzjon ta' rakkomandazzjonijiet aċċettati mill-korpi pubbliċi naqas. L-awtorità u r-riżorsi tal-Ombudsman jeħtieġ jissaħħu.

Id-dispożizzjonijiet dwar id- drittijiet soċjali u ekonomiċi ġew ġeneralment stabbiliti. L-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar il-vjolenza domestika kompliet. Sar qbil dwar is-sħubija fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, li jiffaċilita d-djalogu soċjali. Ġiet adottata liġi qafas kontra d-diskriminizzazzjoni. Madanakollu, tħalliet barra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali. Jeħtieġ jiġi żviluppat approċċ strateġiku għall-opportunitajiet indaqs. Hemm bżonn ta' iktar sforzi biex tiġi implimentata l-liġi dwar il-ġustizzja tal-minorenni u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Sar progress fil-qasam tar- rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet kulturali. Kien hemm ftit progress fir-rappreżentazzjoni ekwa u l-gvern ħa passi biex imexxi 'l quddiem l-integrazzjoni inter-etnika fis-sistema edukattiva. Madanakollu, l-integrazzjoni tal-komunitajiet etniċi għadha limitata u hemm bżonn ta' iżjed djalogu biex tikber il-fiduċja fl-oqsma tal-kultura u l-lingwa. Rigward id-drittijiet tar-Roma in-numru ta' persuni li m'għandhomx dokumenti tnaqqas. Ġew adottati miżuri biex jiġi evitat l-ippustjar mhux meħtieġ ta' tfal fi skejjel speċjali. Madanakollu ir-Roma għadhom iħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli ħafna kif ukoll diskriminazzjoni.

Rigward il- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kompliet tikkoopera b’mod sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY). Is-sistema legali domestika qiegħda tipproċessa każijiet riferuti lura mill-ICTY lill-awtoritajiet nazzjonali.

Fir-rigward tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali dwar l-immunità mal-Istati Uniti m'huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u l-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-pajjiż jallinea ruħu mal-pożizzjoni tal-UE.

Il-pajjiż kompla jipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA).

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hija sieħeb attiv fir-reġjun u r-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-ġirien huma ġeneralment tajba. Meta titlesta d-dimarkazzjoni tal-fruntiera mal-Kosovo, Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ma jibqalhiex kwistjonijiet pendenti dwar il-fruntiera. Madanakollu, ir-relazzjoni mal-Greċja għadha milquta avversament mill-kwistjoni tal-isem li għadha pendenti. Il-pajjiż jinsab involut f'taħdidiet taħt il-patroċinju tan-NU biex tinstab soluzzjoni dwar dan. Għandhom jiġu evitati azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jolqtu b'mod negattiv ir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat ma' pajjiżi oħra. Il-laqgħat diretti fl-ogħla livelli politiċi huma passi pożittivi, minkejja li dan il-momentum għadu ma wassalx għal riżultati konkreti. Iż-żamma ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inkluż soluzzjoni negozjata u aċċettabbli miż-żewġ partijiet għall-kwistjoni tal-isem, taħt il-patroċinju tan-NU, tibqa' essenzjali.

L- ekonomija ta' Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ċkienet biss ftit minħabba li s-settur finanzjarju ma kienx wisq espost għal assi internazzjonali tossiċi, kellha flussi 'l ġewwa ta' kapital privat u settur pubbliku stabbli. Ir-riformi strutturali komplew. Madanakollu, ir-rata għolja tal-qgħad strutturali, partikolarment fost iż-żgħażagħ u fost il-persuni bi ftit edukazzjoni għadha tikkawża tħassib. Inkiseb xi titjib żgħir biex ikunu indirizzati d-dgħufijiet istituzzjonali, iżda d-defiċjenzi fl-istat tad-dritt għad qed ikollhom effet negattiv fuq il-klima tan-negozju.

Rigward il- kriterji ekonomiċi dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed tkompli tagħmel progress tajjeb. F'ċerti każi, għamlet iktar progress lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona, partikolarment billi baxxiet l-ostakoli għad-dħul u l-ħruġ mis-suq u tejbet il-kapaċità tal-qrati biex jittrattaw każijiet relatati mal-ekonomija. Hija għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq perjdou medju ta' żmien, dejjem jekk tkompli timplimenta b'mod vigoruż il-programm tagħha ta' riforma sabiex tnaqqas id-dgħufijiet strutturali.

Il-pajjiż żamm kunsens wiesa' dwar l-elementi essenzjali tal-politiki ekonomiċi. Il-politika monetarja, ibbażata fuq l-irbit de facto mal-euro, ikkontribwiet għall-istabbilità tal-makro-ekonomija. Wara l-approċċ espansjonarju tal-2008, il-politika fiskali saret iktar stabbli matul l-2009. Il-bilanċi esterni tjiebu, u jirriflettu rkupru ħafif fl-esportazzjonijiet, tnaqqis fl-importazzjonijiet minħabba domanda domestika dgħajfa, u flussi 'l ġewwa ta' kapital privat. Il-privatizzazzjoni tlestiet fil-parti l-kbira tagħha. Il-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet u tan-negozju tlestiet kważi għal kollox. Sar ftit iktar progress biex jitjieb id-dħul fis-suq u r-reġistrazzjoni u biex jiġi ssimplifikat il-qafas regolatorju. Il-perjodu għall-proċeduri ta' falliment komplew jitnaqqsu u r-reġistrazzjoni tal-propjetà kważi tlestiet. Is-settur finanzjarju ffaċċja l-kriżi sew u l-indipendenza ta' uħud mill-aġenziji superviżjorji u regolatorji tiegħu issaħħu.

Bħala riżultat tat-twessigħ tad-defiċit fiskali, id-dejn pubbliku żdied. Il-kwalità tal-infiq pubbliku iddeterjorat, f'parti minħabba tnaqqis tal-infiq kapitali fit-terminu medju. Il-qgħad għadu għoli ħafna. Il-flussi 'l ġewwa tal-Investiment Dirett Barrani (FDI inflows) komplew jonqsu minn livell li kien diġà baxx. It-tħaddim tal-ekonomija tas-suq baqa' mxekkel minn dgħufijiet istituzzjonali, nuqqas ta' stabbiltà fl-amministrazzjoni u dgħufijiet fl-istat tad-dritt. In-nuqqas ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati qabel jittieħdu deċiżjonijiet mill-gvern ixekkel il-prevedibbiltà tal-ambjent tan-negozju. Il-ġudikatura għadha fattur li jostakola u xi drabi l-aġenziji regolatorji u superviżorji jonqoshom l-indipendenza u r-riżorsi meħtieġa sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv. Il-livell ta' ċertezza legali għadu baxx, u għandu effett negattiv fuq l-attraenza tal-pajjiż għall-investiment barrani. Is-settur informali għadu jippreżenta sfida importanti.

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għamlet progress tajjeb fit-titjib tal- kapaċità tagħha li tassumi l-obbligi tas-sħubija , partikolarment fir-rigward tat-trasport, id-dwana u t-tassazzjoni u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Inkiseb inqas progress f'ċerti oqsma oħra bħall-akkwist pubbliku, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja kif ukoll fil-politika soċjali u l-impjiegi. B'mod ġenerali, sar aktar progress fl-issodisfar tal-prijoritajiet tas-Sħubija għall-Adeżjoni. Madanakollu, huma meħtieġa sforzi kostanti biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva u biex jissaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. L-impenji li ttieħdu taħt il-ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġew implimentati.

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- moviment ħieles tal-prodotti. Parti mill- acquis orizzontali u settorjali ġie traspost. Il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiwet tas-sorveljanza tas-suq mhix biżżejjed biex tiżgura l-infurzar tal-leġiżlazzjoni teknika. Ftit li xejn sar progress fil-qasam tal-libertà tal- moviment ħieles tal-ħaddiema . Sar progress fil-qasam tad- dritt ta' stabbiliment u fil-libertà tal-provvediment tas-servizzi b'mod partikolari dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u dwar is-servizzi postali. It-tħejjijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki huma fi stadju bikri. Kien hemm xi żviluppi fil-qasam tal- moviment ħieles tal-kapital . Għad hemm restrizzjonijiet rigward il-moviment tal-kapital fit-terminu qasir u ħlasijiet transkonfinali. Il-qafas leġiżlattiv, il-kapaċità amministrattiva u r-rekord ta' infurzar fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jinsabu moderatament avvanzati.

Sar progress fil-qasam tal- akkwist pubbliku . Il-Public Procurement Bureau adotta strateġija għall-iżvilupp tas-sistema tal-akkwist pubbliku. Il-leġiżlazzjoni dwar il-konċessjonijiet u s-sħubijiet pubbliċi-privati mhix allinjata mal-acquis. Il-kapaċità amministrattiva biex jiġu applikati r-regoli dwar l-akkwist fil-livell operazzjonali għadha mhix sodisfaċenti. Fil-qasam tal- liġi tal-kumpaniji sar progress tajjeb. Madanakollu, il-konverġenza mal- acquis għadha fi stadju bikri. Sar xi progress biex jitjieb il-qafas legali fil-qasam tal- propjetà intellettwali . L-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Propjetà Intellettwali qed tiġi implimentata. Madanakollu, jeħtieġ isiru sforzi ulterjuri rigward l-infurzar.

Sar xi progress fil-qasam tal- kompetizzjoni . Fil-qasam tal-għajuna mill-istat, l-għadd ta' deċiżjonijiet ex-ante żdied moderatament. Madanakollu r-riżorsi umani u finanzjarji tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni trid tissaħħaħ fis-settur tal-antitrust.

Sar progress ġenerali tajjeb fil-qasam tas- servizzi finanzjarji . Saru sforzi biex jiżguraw ir-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-settur tal-assigurazzjoni. Xi servizzi finanzjarji, bħall-kiri, għad iridu jiġu regolamentati u sorveljati.

Il-progress fil-qasam tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-midja ma kienx regolari. Il-konverġenza mal- acquis tal-UE u l-liberalizzazzjoni tas-suq sejrin għall-aħjar. Madanakollu, is-sostenibbiltà tas-servizz ta' xandir pubbliku għad trid tiġi żgurata. Għad m'hemmx konverġenza tal-leġiżlazzjoni dwar il-midja mad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżivi.

Sar progress fil-qasam tal- agrikoltura u l-iżvilupp rurali . Qed issir konverġenza gradwali tal-politika dwar l-iżvilupp rurali mal-ħtiġiet tal-UE. Filwaqt li l-istrutturi operazzjonali tal-AFSARD u l-IPARD issaħħew, il-kapaċità ta' korpi amministrattivi oħra fis-settur teħtieġ titjieb. Il-konverġenza mal- acquis teħtieġ iktar sforzi sostnuti. Inkiseb ċertu progress fil-qasam tas- sikurezza tal-ikel u dwar il-politika veterinarja u fitosanitarja , l-aktar dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni leġiżlattiva mill-operaturi fin-negozju tal-ikel. Il.-kapaċità amministrattiva teħtieġ tissaħħaħ, l-aktar rigward l-effettività tas-sistemi ta' monitoraġġ u kontroll.

Jista’ jiġi rrappurtat xi progress fil-qasam tal- politika dwar it-trasport . Il-proċess biex jiġi liberalizzat is-suq fit-trasport bil-ferrovija iffaċċja l-isfidi. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi biex jitjieb kif jiffunzjonaw l-awtoritajiet tas-sigurtà, l-aktar il-Kumitat għall-Investigazzjoni tal-Inċidenti tal-Ajru.

Sar xi progress fis-settur tal-enerġija. Ġew adottati strateġiji ġodda rigward l-enerġija. Madanakollu, il-liġi komprensiva ġdida dwar l-enerġija għad trid tgħaddi mill-parlament. It-tariffi tal-elettriku ma jirriflettux għal kollox il-kosti. Filwaqt li kien hemm progress tajjeb, għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar it-tilwima mal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni, li hu investitur ewlieni mill-UE. Jeħtieġ li r-regolatur tal-enerġija u r-regolatur tal-protezzjoni mir-radjazzjoni isiru funzjonalment indipendenti.

Ma sar ebda progress biex it- tassazzjoni diretta u indiretta jiġu armonizzati mal-acquis. Jista' jiġi rrappurtat xi progress fil-qasam tal-kapaċità operazzjonali fl-amministrazzjoni tat-taxxa rigward is-servizzi għal dawk li jħallsu t-taxxa u l-effiċjenza tal-verifika. Il-kapaċità tal-verifika u l-investigazzjoni tat-taxxa fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali għadha dgħajfa.

Kien hemm progress limitat fil-qasam tal- politika ekonomika u monetarja . Il-konverġenza mal- acquis għadha mhix kompluta u hemm diverġenzi kbar fil-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-politiki. Sar progress tajjeb fil-qasam tal- istatistika . Madanakollu, il-qagħda dwar ir-riżorsi fl-Uffiċċju Statali għall-Istatistika għadha dgħajfa u r-rappreżentazzjoni ekwitabbli trid tiġi żgurata. Huwa importanti li jiġu żgurati fondi għaċ-ċensiment demografiku u l-akkomodazzjoni għall-2011. Jeħtieġ li jkomplu l-isforzi biex jitjieb is-settur tal-istatistika, l-aktar fl-istatistika ekonomika.

Inkiseb ftit progress fil-konverġenza mal-acquis fil-qasam tal- politika soċjali u l-impjiegi . Ġiet adottata liġi qafas kontra d-diskriminazzjoni iżda b'lakuni sostanzjali u mingħajr l-appoġġ tal-gruppi relevanti tas-soċjetà ċivili. Id-djalogu soċjali bejn tliet partiti u bejn żewġ partiti għadu dgħajjef. L-inklużjoni ta' persuni b'diżabbiltà u oħrajn soċjalment esklużi qed timxi bil-mod.

Sar progress limitat fil-qasam tal- impriżi u l-politika industrijali . Sar progress tajjeb biex jonqsu l-ostakoli u l-kosti tal-operat tan-negozji. Twaqqfu korpi ġodda u ġew ivvutati riżorsi sinifikanti għat-tħaddim tagħhom. Madanakollu, l-istrateġiji għas-sostenn tal-impriżi u s-settur tal-IŻM jeħtieġu iktar sostenn finanzjarju.

Sar progress fil-qasam tan- netwerks trans-Ewropej . Il-pajjiż ikompli jipparteċipa attivament fl-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa u fil-Komunità tal-Enerġija. Madanakollu, il-progress fil-kuridur X inżamm lura ħafna.

Sar progress minkejja li mhux regolari fil-qasam tal- iżvilupp reġjonali u l-koordinazzjoni tal-fondi strutturali. L-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali għall-iżvilupp reġjonali inżamm lura ħafna. Il-kapaċità amministrattiva fil-ministeri, l-aktar fl-għarfien tekniku, teħtieġ tissaħħaħ. Huwa wkoll meħtieġ li tissaħħaħ it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti sabiex ikun żgurat li fil-futur il-fondi tal-IPA jiġu assorbiti. Il-konverġenza ġenerali mal- acquis fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali tinsab fi stadju bikri.

Sar progress limitat fir-riforma tal- ġudikatura u fis-salvagwardja tad- drittijiet fundamentali u xi progress biex tiġi indirizzata l- korruzzjoni . Il-Kunsill Ġudizzjarju u l-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi jeħtieġ jiżguraw livelli għoljin ta' indipendenza u imparzjalità tal-ġudikatura fil-prattika. Saru operazzjonijiet tal-pulizija fuq skala kbira li għamlu użu minn miżuri speċjali investigattivi Madanakollu, ir-rekord f'każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli jeħtieġ jissaħħaħ. Il-leġiżlazzjoni ġdida dwar il-kunflitt ta' interess u l-finanzjament tal-partiti politiċi trid tiġi implimentata b'mod effettiv. Rigward id-drittijiet fundamentali filwaqt li l-qafas legali u istituzzjonali jinsab stabbilit, il-garanziji legali li jeżistu jeħtieġ ikunu għal kollox infurzati.

Fil-qasam tal- ġustizzja, libertà u sigurtà , sar progress rigward l-ażil, il-politika dwar il-viża, il-fruntieri esterni u Schengen. Ġiet indirizzata ż-żieda fl-għadd ta' dawk li kienu qed ifittxu l-ażil fl-UE fl-ewwel perjodu tal-implimentazzjoni tas-sistema mingħajr il-ħtieġa tal-viża. Madanakollu ġiet irreġistrata żieda fl-applikazzjonijiet għall-ażil f'Awwissu u Settembru. L-awrtoritajiet jeħtieġ ikomplu jindirizzaw din il-kwistjoni u jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-ivvjaġġar ħieles mill-viża. L-implimentazzjoni tar-riforma fil-pulizija kompliet u l-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija tjiebet. Madanakollu, ir-rwol tal-Ministeru tal-Intern li jawtorizza l-ordnijiet ta' interċezzjoni teħtieġ tiġi indirizzata, kif ukoll l-effettività tal-mekkaniżmu ta' sorveljanza esterna.

Jista' jiġi rrapportat element ta' progress fil-qasam tax- xjenza u r-riċerka . Ir-rata ta' parteċipazzjoni fis-Seba' Programm Kwadru ta' Riċerka tal-UE żdiedet. Inkiseb ftit progress fil-konverġenza mal-acquis fil-qasam tal- edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u kultura . Madanakollu, il-ġestjoni tal-programmi Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni għadha fqira.

Kompla jsir progress rigward l- ambjent. Sar progress fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-aktar fis-setturi tal-kwalità tal-arja u l-iskart. Madanakollu, l-isforzi għall-konverġenza mal-acquis tal-UE fis-settur tal-ilma jeħtieġ jissaħħu b'mod sinifikanti. Il-kapaċità amministrattiva u l-investimenti jeħtieġ jiżdiedu b'mod konsiderevoli. Sar progress fil-qasam tal- ħarsien tal-konsumatur u l-protezzjoni tas-saħħa . Rigward is-saħħa pubblika, sar progress tajjeb fil-qasam tal-kontroll tat-tabakk.

Sar progress sostanzjali fil-qasam tal- unjoni doganali , partikolarment fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva u tal-operat. Il-konverġenza tal-leġiżlazzjoni doganali hija avvanzata sew mal-acquis, għajr fil-qasam tat-tranżitu. Il-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjoni doganali għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u għall-indirizzar tal-kriminalità transkonfinali u l-korruzzjoni teħtieġ tissaħħaħ.

Sar progress fil-qasam tar- relazzjonijiet esterni , b'mod partikolari rigward il-politika kummerċjali komuni. Kien hemm progress fil-qasam tal- politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża . Il-pajjiż ikkonverġa ma' bosta mid-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet komuni tal-UE u wera impenn kontinwu għall-parteċipazzjoni f'operazzjonijiet tal-PESD. Sforzi sostnuti huma meħtieġa biex jitnaqqas l-ammont ta' armi illegali.

Sar aktar progress fir-rigward tal- kontroll finanzjarju . L-indipendenza funzjonali u finanzjarja tal-SAO trid tissaħħaħ; madanakollu, għad jonqos pedament kostituzzjonali. Jeħtieġ isiru sforzi għat-twaqqif ta' sistemi għall-Ġestjoni u l-Kontroll Finanzjarju. Fil-qasam tad- dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji sar ftit progress biex titjieb il-kapaċità operazzjonali tal-awtoritajiet doganali u tat-taxxa, kif ukoll tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika. Fil-ġlieda kontra l-frodi fit-taxxi fuq l-importazzjoni u l-VAT hemm bżonn ta' iktar sforzi.

Il-Bosnja-Ħerzegovina

Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat fl-indirizzar tal- kriterji politiċi . Sar xi progress relatat mal-istat tad-dritt, l-aktar f'oqsma bħall-ġestjoni tal-fruntieri u l-politika dwar il-migrazzjoni, permezz ta' riformi mmirati li jissodisfaw il-ħtiġiet tal-liberalizzazzjoni tal-viża. Ittieħdu wkoll passi importanti biex titmexxa' 'l quddiem ir-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali f'dak li għandu x'jaqsam mar-ritorn tar-refuġjati. Minkejja dan, l-implimentazzjoni ġenerali tar-riformi ma kinitx biżżejjed u l-klima politika domestika matul il-perjodu ta' qabel l-elezzjoni kien dominat minn retorika nazzjonalistika. In-nuqqas ta' viżjoni komuni bejn il-mexxejja politiċi dwar id-direzzjoni tal-pajjiż qed timblokka r-riformi ewlenin relatati mal-UE u tostakola li jsir iktar progress lejn l-UE.

L-elezzjonijiet ġenerali ġew evalwati mill-OSKE/ODIHR li kienu ġeneralment skont l-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi. Madanakollu, reġgħu saru b'limitazzjonijiet għad-dritt tal-vot ibbażati fuq etniċità u ta' residenza minħabba d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Ftehim ta' Paċi Dayton/ta' Pariġi. Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-dritt għat-trattament indaqs mingħajr diskriminazzjoni, kif inkorporat fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), jikkostitwixxi element essenzjali fil-Ftehim Interim (FI). Dewmien fl-armonizzazzjoni tal-Kostituzzjoni mal-KEDB, kif mitlub mid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedemn (QEtDB) f'Diċembru 2009 fil-każ Sejdić-Finci vs. Bosnja-Ħerzegovina, għadhom kwistjoni fundamentali ta' tħassib.

Rigward l-obbligi internazzjonali, għadu essenzjali li jsir progress biex jinkisbu l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti għall-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR)[5]. Is-sistema ta' governanza tal-Bosnja-Ħerzegovina għadha tinvolvi preżenza internazzjonali. Il-pajjiż għamel biss ftit progress biex jissodisfa l-ħtiġiet għall-għeluq tal-OHR. L-ewwel fost dawn hemm it-tqassim ta' propjetà bejn l-istat u l-livelli l-oħra tal-gvern, il-kwistjoni dwar il-propjetà għad-difiża u l-issoddisfar tal-obbligi rigward id-Deċiżjoni Finali ta' Brčko. Fuq dawn il-kwistjonijiet kollha hemm il-ħtieġa ta’ ambjent politiku stabbli u kostruttiv fil-pajjiż.

Rigward id- demokrazija u l-istat tad-dritt , kien hemm ftit progress lejn riforma kostituzzjonali u lejn il-ħolqien ta' strutturi istituzzjonali li jiffunzjonaw u effettivi. Il-Kunsill tal-Ministri adotta Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-QEtDB iżda mingħajr riżultati.

Il-funzjonament ta' korpi eżekuttivi u leġiżlattivi f'livell statali kompla jiġi affettwat ħażin mill-prevalenza ta' kunsiderazzjonijiet bi preġudizzju etniku. Il-kapaċità amministrattiva tal- Parlament tjiebet iżda l-koordinazzjoni mal-Kunsill tal-Ministri u mal-Entitajiet baqgħet fqira. Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet governattivi , f'livelli differenti, kompla jiġi affettwat minn tfassil ta' politiki li hu frammentat u nieqes mill-koordinazzjoni. Ittieħdu passi biex titjieb il-kapaċità amministrattiva bil-ħatra ta' xi uffiċjali f'livell għoli fid-Direttorat għall-Integrazzjoni Ewropea. Madanakollu, pożizzjonijiet ewlenin oħra baqgħu vojta. Għad hemm il-ħtieġa urġenti li tiġi adottata l-liġi nazzjonali dwar iċ-ċensiment, li hi meħtieġa biex isir iktar progress fl-aġenda tal-UE u għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiż.

Sar xi progress fil-qasam tal- amministrazzjoni pubblika , fejn l-istrateġija ta' riforma qed tiġi implimentata, minkejja li bil-mod. Il-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet diversi għadha dgħajfa. Għadhom meħtieġa sforzi sostnuti biex jimpedixxu l-indħil politiku u biex jillimitaw ir-rwol li għandhom l-affiljazzjonijiet politiċi fil-ħatriet. Hemm ukoll ħtieġa ulterjuri biex isir progress lejn it-twaqqif ta' servizz ċivili professjonali, responsabbli, trasparenti u effiċjenti ibbażat fuq il-meritu u l-kompetenza. Ombudsman wieħed fil-livell tal-Istat qed jiffunzjona, iżda l-limiti baġitarji qed ixekklu l-effettività tiegħu u jeħtieġ jiġu indirizzati.

Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat fit-titjib tas- sistema ġudizzjarja . Ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida dwar il-kodoċi ta' proċedura kriminali, iżda inkisbu wisq ftit riżultati biex jonqsu l-każijiet pendenti. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Riforma fis-Settur tal-Ġustizzja u l-Istrateġija dwar ir-Reati tal-Gwerra għadha minima. Il-kumplessità tal-qafas legali, il-frammentazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u n-nuqqas ta' baġit uniku għadhom idewmu l-progress lejn ġudikatura indipendenti. Il-mandati tal-imħallfin u l-prosekuturi internazzjonali li qed jittrattaw ir-reati tal-gwerra ġew estiżi mir-Rappreżentant Għoli, wara li l-awtoritajiet ma setgħux jilħqu ftehim. Il-prosekuzzjoni ta' reati tal-gwerra mill-Qorti tal-Istat baqgħet waħda sodisfaċenti, iżda jeħtieġ li titjieb fl-Entitajiet u fil-Cantons.

Il-Bosnja-Ħerzegovina kisbet progress limitat fil-ġlieda kontra l- korruzzjoni , li għadha problema serja u mifruxa f'ħafna żoni. Ingħata bidu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni ta' kontra l-korruzzjoni. L-aġenzija responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha twaqqfet u ġie maħtur aġent direttur. Ftit sar progress fl-issodisfar tar-rakkomandazzjonijiet imfassla mill-Grup ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO). Is-segwitu ġudizzjarju għall-każijiet ta' korruzzjoni baqa' bil-mod u numru limitat biss ta' każijiet f'livell għoli waslu sal-prosekuzzjoni. Implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni u tal-koordinazzjoni bejn l-entitajiet għadha kwistjoni ta' tħassib. Jeħtieġ li l-Bosnja-Ħerzegovina ssaħħaħ l-impenn u l-azzjoni determinata kontra l-korruzzjoni.

Ftit li xejn sar progress fir-rigward tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi . Il-Bosnja-Ħerzegovina rratifikat il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, iżda huma meħtieġa sforzi kostanti biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar. Għad hemm lok għal titjib f'rabta mal-infurzar ta' sentenzi domestiċi, inklużi dawk tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bosnja-Ħerzegovina.

Id- drittijiet ċivili u politiċi huma ġeneralment irrispettati. Sar progress biex jiġu armonizzati l-pieni kriminali madwar il-pajjiż. Madanakollu, l-adozzjoni tal-liġi Qafas dwar l-għajnuna legali b'xejn, li hija meħtieġa biex tkun skont il-QEDB, għadha pendenti. L- aċċess għall-ġustizzja fi proċessi ċivili u kriminali jeħtieġ ikun żgurat. Il-kundizzjonijiet fil- ħabsijiet tjiebu iżda l-iffullar u t- trattament ħażin tad-detenuti għadhom kwistjonijiet ta' tħassib.

Il-kostituzzjonijiet tal-Istat u tal-entitajiet jipprovdu għal- libertà tal-espressjoni u l-medja, il- libertà ta' assemblea u assoċjazzjoni u l- libertà tat-twemmin reliġjuż . Madanakollu, il-liġi eżistenti mhix implimentata għal kollox. Il-pressjoni politika fil-midja żdiedet, kif ukoll il-preġudizzju etniku. Każijiet ta' intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti żdiedu wkoll. L-implimentazzjoni tar-riforma tax-xandir pubbliku iddewmet. L-indipendenza tal-Aġenzija Regolatorja dwar il-Komunikazzjonijiet kompliet tiġi mminata. L-Entitajiet tal-gvern adottaw ftehimiet ta' kooperazzjoni mas- soċjetà ċivili . Madanakollu, jeħtieġ isiru iktar sforzi biex jissaħħaħ id-djalogu mas-soċjetà ċivili u biex jingħata sostenn lill-iżvilupp tagħha.

Il-progress fil-qasam tad- drittijiet ekonomiċi u soċjali kien limitat. Dawn huma protetti mill-qafas legali eżistenti, iżda għad hemm il-frammentazzjoni u l-implimentazzjoni kompliet tkun fqira. Liġi komprensiva fil-livell ta' stat kontra l-korruzzjoni tinsab fis-seħħ iżda l-ambitu tagħha għadu limitat. Il-protezzjoni tan- nisa kontra kull forma ta' vjolenza teħtieġ titjieb, kif ukoll il-protezzjoni soċjali tat- tfal . Is-sistema ta' benefiċċji soċjali li hi predominentement ibbażata fuq id-drittijiet kellha effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet tal- gruppi vulnerabbli , inklużi l-persuni b'diżabbiltà mentali. Id-djalogu soċjali u t-tħaddim tad-drittijiet tax-xogħol huma mxekkla min-nuqqas ta' rikonoxximent mis-sħab soċjali fil-livell nazzjonali u qafas leġiżlattiv frammentat.

Sar xi progress rigward ir-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet kulturali[6] . F'termini ta' relazzjonijiet inter-etniċi, in-numru ta' skejjel mifruda ('żewġt iskejjel taħt saqaf wieħed') naqas u ġie introdott kurrikulu komuni ta' disa' snin f'ħafna mill-iskejjel. Madanakollu, s-separazzjoni tat-tfal fl-iskejjel skont linji etniċi għadha kwistjoni miftuħa. Minkejja żieda ta' riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tar- Roma , din il-minoranza għadha tħabbat wiċċha ma’ kundizzjonijiet ta' għajxien diffiċli ħafna u anke diskriminazzjoni. In-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tat-twelid qed ikompli jxxekkel l-aċċess tagħhom għal drittijiet soċjali u ekonomiċi bażiċi. Passi ulterjuri huma meħtieġa sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-minoranzi nazzjonali.

Sar progress rigward ir- refuġjati u persuni spustati internament . Ġiet adottata strateġija mifruxa mal-pajjiż kollu bil-mira li tappoġġja l-proċess tar-ritorn u li tiżgura l-implimentazzjoni adegwata tal-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton/Pariġi (DPA). Madanakollu, ftit sar progress biex tiġi żgurata l-integrazzjoni lokali u s-sostenibbiltà tar-ripatrijazzjoni.

Fir-rigward ta' kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali , issuktat l-implimentazzjoni tad-DPA. Il-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja baqgħet sodisfaċenti. Madanakollu, matul il-perjodu ta' qabel l-elezzjoni, ir-Repubblika Srpska spiss kienet tisfida l-integrità territorjali tal-pajjiż. Barra minn hekk, issuktaw dikjarazzjonijiet mit-tmexxija politika tar-Repubblika Srpska li jiċħdu l-gravità ta' massakri li seħħew matul il-gwerra li jinvolvu l-popolazzjoni ċivili.

Il-kooperazzjoni bejn il-qrati u l-prosekuturi mill-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja u s-Serbja tjiebet. Ġew iffirmati ftehimiet bilaterali dwar l-għarfien reċiproku u l-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qrati f'materji kriminali. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex tissaħħaħ il-kapaċità biex jiġu ttrattati każijiet ta' reati tal-gwerra, b’mod partikolari fil-qrati tal-cantons u d-distretti, u biex ikunu żgurati riżorsi finanzjarji adegwati. Il-kooperazzjoni reġjonali u l-protezzjoni adegwata tax-xhieda se jkunu punti ewlenin f'dan ir-rigward.

Fir-rigward tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ftehim bilaterali dwar l-immunità mal-Istati Uniti m'huwiex kompatibbli mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-UE u l-prinċipji gwida. Jeħtieġ li l-pajjiż jallinea ruħu mal-pożizzjoni tal-UE.

Ingħata impetu ġdid lill-proċess tad-dikjarazzjoni ta' Sarajevo wara l-laqgħat Ministerjali li saru f'Belgrad f'Marzu 2010. Dawn laqqgħu flimkien lill-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja li qablu li jikkoperaw biex jiċċaraw l-istatistiċi dwar ir-refuġjati. Il-pajjiżi impenjaw irwieħhom ukoll biex jaħdmu dwar soluzzjonijiet għal numru ta' kwistjonijiet pendenti sal-aħħar tas-sena

Il-Bosnja-Ħerzegovina kompliet tipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Ir-relazzjonijiet bejn il-Bosnja-Ħerzegovina u l-ġirien tagħha komplew jiżviluppaw minħabba xi inizjattivi reġjonali importanti biex titmexxa 'l quddiem ir-rikonċiljazzjoni. Madanakollu, xi kwistjonijiet relatati mal-fruntieri mal-pajjiżi ġirien għadhom miftuħin. Id-diffikultajiet għal dawk li għandhom passaport Kosovar biex jakkwistaw viżi sabiex jattendu laqgħat reġjonali fil-Bosnja-Ħerzegovina għadhom jippersistu.

L- ekonomija tal-Bosnja-Ħerzegovina għamlet irkupru moderat fl-2010 wara li għaddiet minn riċessjoni fl-2009. L-irkupru huwa xprunat l-aktar mid-domanda esterna. Il-qgħad baqa' f'livelli għoljin ferm. Il-qagħda fiskali marret għall-agħar ħafna fl-2009 hekk kif il-finanzi pubbliċi għaddew minn stress qawwi kemm minħabba tnaqqis fid-dħul kif ukoll impenji ta' infiq għoli. L-impenn għar-riformi strutturali u finanzi pubbliċi b'saħħithom baqa' irregolari mal-pajjiż kollu. Seħħew xi miżuri ta' riforma fiskali u strutturali dan l-aħħar taħt il-pressjoni ta' żbilanċi baġitarji u l-programm tal-FMI. Minkejja dan, il-baġits għadhom mhux awtonomi u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi għadha dgħajfa.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , il-Bosnja-Ħerzegovina ftit għamlet progress lejn ekonomija tas-suq funzjonanti. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi ta’ riforma konsiderevoli b’determinazzjoni biex il-pajjiż ikun jista’ jkampa fit-tul mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq tal-Unjoni.

L-implimentazzjoni tal-Arranġament Stand-By mal-Fond Monetarju Internazzjonali kien ġeneralment sodisfaċenti. L-istabbiltà finanzjarja u monetarja inżammet. L-arranġament tal-bord tal-munita kompla jgwadi minn grad għoli ferm ta' kredibbiltà. Irritornat il-fiduċja fil-banek lokali u matul l-2010 il-familji reġgħu bdew ifaddlu mas-settur bankarju. Il-produzzjoni industrijali żdiedet ftit fl-ewwel nofs tal-2010. Kmieni fl-2010 l-inflazzjoni marret lura għal rati baxxi l-aktar minħabba l-iżviluppi fil-prezzijiet internazzjonali. Minħabba li l-esportazzjoni żdiedet ħafna, l-iżbilanċi esterni naqsu. Jista' jiġi rappurtat titjib limitat fl-ambjent tan-negozju, l-aktar rigward ir- reġistrazzjoni.

Madanakollu, il-qagħda fiskali fil-Bosnja-Ħerzegovina baqgħet waħda diffiċli, speċjalment fil-Federazzjoni. L-impenn rigward l-aġġustament fiskali u l-miżuri ta' riforma strutturali li kien hemm qbil dwarhom, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom, ma kienx uniformi madwar il-pajjiż. Il-kwalità tal-finanzi pubbliċi baqgħet baxxa bi proporzjon għoli mill-infiq għall-GDP jmur f'infiq kurrenti. Il-privatizzazzjoni, ir-ristrutturazzjoni tal-impriżi pubbliċi u l-liberalizzazzjoni tal-industriji li jużaw netwerk ma għamlitx avvanz. L-aġġornament tal-infrastruttura mexa 'l quddiem, minkejja li bil-mod. Il-kapaċità produttiva u l-kompetittività tal-ekonomija baqgħu baxxi minħabba li sorsi domestiċi tat-tkabbir ma ġewx sfruttati kif suppost. Ir-riġidità strutturali bħal rati għolja ta' kontribuzzjonijiet soċjali u mobbiltà baxxa tal-ħaddiema kompliet ixxekkel il-ħolqien ta' impjiegi u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. It-trasferimenti soċjali għoljin u mmirati ħażin inaqqsu l-propensità għax-xogħol, u jkomplu jenfasizzaw il-ħtieġa għal riforma tas-sistema tal-benefiċċji soċjali. Ir-rata tal-qgħad għadha għolja ferm u s-settur informali għadu joffri sfida importanti. L-ambjent tan-negozju qed ikun affettwat minn ineffiċjenzi amministrattivi u stat tad-dritt dgħajjef.

Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress limitat fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħha ma' standards Ewropej . Inkiseb ċertu progress fl-oqsma bħall-moviment ħieles tal-kapital, il-propjetà intellettwali, l-edukazzjoni u r-riċerka, it-trasport, il-kontroll finanzjarju, u f'għadd ta' kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Sforzi partikolari għadhom neċessarji rigward il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-persuni u s-servizzi, id-dwana u t-tassazzjoni, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, l-akkwist pubbliku, l-impjiegi u l-politiki soċjali, l-agrikoltura u s-sajd, l-ambjent, l-enerġija u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja.

B'mod ġenerali, l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim (FI) kienet sodisfaċenti. Il-pajjiż kiser il-Ftehim Interim minħabba li ma osservax il-QEDB rigward id-dritt għal trattament indaqs mingħajr diskriminazzjoni[7] u naqas milli jwaqqaf awtorità rigward l-għajnuna mill-istat. Jeħtieġ ikun hemm tisħiħ fil-kapaċità amministrattiva sabiex jinkiseb rekord sodisfaċenti tal-implimentazzjoni tal-FSA.

Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet xi progress f’xi oqsma tas- suq intern . Rigward il- moviment ħieles tal-merkanzija, it-tħejjijiet huma pjuttost avvanzati. Sar progress fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur. Jeħtieġ isiru sforzi kontinwi sabiex il-qafas legali joqrob lejn il-leġiżlazzjoni tal-UE u biex tiġi żviluppata l-kapaċità amministrattiva meħtieġa.

Fil-qasam tal- moviment ħieles tal-persuni, is-servizzi u d-dritt ta' stabbiliment sar progress limitat, inkluż biex jinħoloq spazju ekonomiku uniku. Għad trid issir iktar simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-qorti u r-reġistrazzjoni tal-kumpaniji.

Kien hemm xi żviluppi fil-qasam tal- moviment ħieles tal-kapital . Huwa essenzjali li jkun hemm iktar konverġenza mal- acquis biex ikun żgurat it-tħaddim xieraq tas-swieq kapitali fil-Bosnja-Ħerzegovina. Jista' jiġi rrapportat element ta' progress fil-qasam tad- dwana u t-tassazzjoni .

Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet xi progress rigward l-infurzar tar-regoli tal- kompetizzjoni . Madanakollu, ebda progress ma sar fil-qasam tal-għajnuna mill-istat minħabba li ma twaqqfitx l-awtorità tal-għajnuna mill-istat. Sar progress limitat fil-qasam tar-riforma tal- akkwist pubbliku . Sar progress biex jiġu adottati l-liġijiet dwar id- drittijiet tal-propjetà intellettwali .

Ftit sar progress dwar il- politiki soċjali u tal-impjiegi u l-politika tas-saħħa pubblika. Qed jitħejjew dokumenti strateġiċi mal-pajjiż kollu, iżda l-leġiżlazzjoni u l-politiki għadhom frammentati. Sar progress tajjeb fil-qasam tar-riċerka. Liġijiet qafas u strateġiji jinsabu stabbiliti fil-qasam tal- edukazzjoni u l-kultura iżda l-implimentazzjoni tinsab pendenti. In-negozjati għal sħubija mal- Oraganizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ komplew, iżda l-proċess għadu ma ġiex komplut.

Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet ċertu progress biex tissodisfa l-istandards Ewropej dwar għadd ta' politiki settorjali . It-tħejjijiet fil-qasam tal- industrija u impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) għadhom fi stadju bikri. Strateġija indistrijali komprensiva għad trid tiġi żviluppata u l-istrateġija rigward l-iżvilupp tal-SMEs f'livell nazzjonali għad trid tiġi implimentata. Ftit sar progress fil-qasam tal- agrikoltura u l-iżvilupp rurali , is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja u s-sajd. Ġiet adottata leġiżlazzjoni implimentattiva, madankollu, ma sar ebda progress dwar it-twaqqif ta’ Ministeru tal-Agrikultura fil-livell tal-Istat. Implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni veterinarja, rigward sikurezza tal-ikel u fitosanitarja fil-livell ta' Stat qed timpedixxi lill-Bosnja-Ħerzegovina milli tilħaq standards tal-UE.

It-tħejjijiet tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-qasam tal- ambjent u t-tibdil fil-klima għadhom fi stadju bikri. Jeħtieġ jiġu stabbiliti qafas legali armonizzat għall-protezzjoni tal-ambjent u Aġenzija tal-Istat għall-Ambjent. Il-Bosnja-Ħerzegovina għamlet progress irregolari fis- settur tat-trasport . Kien hemm xi żviluppi dwar in-netwerks ta' trasport trans-Ewropej, ferrovija u passaġġi ta' ilma interni, iżda l-progress kien pjuttost limitat fis-setturi tat-toroq. L-aġġornar tal-infrastruttura tat-trasport għadha kwistjoni pendenti. It-tħejjijiet fil-qasam tal- enerġija mhumiex avvanzati. Bħala parti mit-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, il-Bosnja-Ħerzegovina teħtieġ timplimenta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-enerġija. Biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-forniment tal-elettriku trid issir garanzija ta' kumpanija nazzjonali li tiffunzjona għad-distribuzzjoni u tiġi adottata strateġija komprensiva dwar l-enerġija.

Il-progress fl-oqsma tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-midja kien limitat. L-armonizzazzjoni tal-qafas legali għax-xandir pubbliku għadha pendenti. L-isfidi kontinwi għall-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet u l-pass bil-mod tal-implimentazzjoni tar-riforma fix-xandir pubbliku għadhom kwistjonijiet serji ta' tħassib.

Jista’ jiġi rrappurtat xi progress fil-qasam tal- kontroll finanzjarju . Il-verifika interna qed tiġi introdotta, iżda s-sistemi ta' Ġestjoni Finanzjarja u Kontroll jeħtieġu żvilupp ulterjuri. L-indipendenza tal-verifika esterna għad trid tkun żgurata. Fil-qasam tal- istatistika sar ftit progress rigward il-klassifikazzjonijiet u r-reġistri. Madanakollu, il-liġi Statali dwar iċ-ċensiment demografiku u l-familji ma ġietx adottata. L-istatistiċi dwar il-kontijiet nazzjonali, fuq l-impriżi u fuq l-agrikoltura jeħtieġ jitjiebu. Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-istatistika tal-Istat u tal-entitajiet għadha insuffiċjenti.

Fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , sar xi progress, fl-oqsma differenti, minkejja li mhux b’pass regolari. Fil-qafas tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, ittieħdu passi biex jintlaħqu l-punti ta' riferiment kollha fil-pjan ta' direzzjoni. Issoktaw ikunu indirizzati l-prijoritajiet fil-qasam tal-politika tal-viża. Qed jinħarġu passaporti bijometriċi. Il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u l-Bosnja-Ħerzegovina u l-ftehim dwar ir-riammissjoni komplew jiġu implimentati mingħajr intopp.

It-tħejjijiet tal-pajjiż fl-oqsma tal- ġestjoni tal-fruntiera, l-ażil u l-migrazzjoni avvanzaw. Is-sistema dwar l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, il-monitoraġġ tal-flussi 'l ġewwa u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tjiebu. Madanakollu, l-infrastruttura f'ċerti punti tal-qsim fil-fruntiera jeħtieġ jissaħħu. Sar progress limitat fil-prevenzjoni tal- ħasil tal-flus . Iżjed sforzi huma meħtieġa, l-aktar rigward l-infurzar tad-dispożizzjonijiet legali. Sar xi progress fil-ġlieda kontra d- drogi . Madanakollu, in-nuqqas ta' segwitu ġudizzjarju effettiv ixekkel il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, li għadha problema serja.

It-tħejjijiet tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-qasam tal- pulizija qed javvanzaw, minkejja li mhux b'pass regolari. Il-frammentazzjoni tal-forzi tal-pulizija tal-Bosnja-Ħerzegovina għadha timmina l-effiċjenza, il-ksib ta' riżultati, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni. Il- ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għadha mhix biżżejjed minħabba nuqqas ta' qafas istituzzjonali koerenti. Il-kriminalità organizzata għadha tqajjem tħassib serju u tolqot l-istat tad-dritt u l-ambjent kummerċjali b'mod negattiv. Sar xi progress fil-ġlieda kontra t- traffikar fil-persuni rigward l-identifikazzjoni tal-vittmi. Hemm bżonn ta' iktar sforzi rigward is-sostenn lill-vittmi u l-protezzjoni tax-xhieda. Il-Bosnja-Ħerzegovina bdiet tindirizza l-kwistjoni tal- ġlieda kontra t-terroriżmu billi adottat strateġija komprensiva.

Rigward il- protezzjoni tad-dejta personali , it-tħejjijiet għall-protezzjoni tad-dejta personali komplew, iżda jeħtieġ isiru iżjed sforzi rigward l-infurzar tal-liġi. Protezzjoni tad-dejta personali li tiffunzjona tajjeb hija kruċjali sabiex il-Bosnja-Ħerzegovina tikkonkludi ftehimiet mal-Europol u l-Eurojust.

Is-Serbja

Is-Serbja għamlet progress biex tissodisfa l- kriterji politiċi. Is-Serbja applikat għal sħubija fl-UE f'Diċembru 2009. Il-Ftehim Interim daħal fis-seħħ fi Frar 2010 u s-Serbja kompliet tagħmel progress billi tosserva l-ħtiġiet tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA). Il-proċess ta' ratifikazzjoni tal-FSA ġie varat f'Ġunju 2010. Ir-riforma tal-ġudikatura kompliet iżda kien hemm nuqqasijiet serji fil-proċeduri tal-ħatra mill-ġdid tal-imħallfin u l-prosekuturi. Minkejja li s-Serbja qed tikkopera attivament mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks-Jugoslavja (ICTY), iż-żewġ maħrubin mill-ICTY, Ratko Mladić u Goran Hadžić, għadhom ħielsa.

Fid-9 ta' Settembru, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni ppreżentata mis-Serbja u ko-sponsorizzata mill-UE bħala segwitu għall-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-Kosovo. Ir-riżoluzzjoni irrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni konsultattiva tal-ICJ u laqgħet ir-rieda tal-Unjoni Ewropea li tiffaċilita proċess ta' djalogu bejn il-partijiet; il-proċess ta' djalogu fih innifsu għandu jkun fattur għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun, u dan id-djalogu għandu jmexxi 'l quddiem il-kooperazzjoni, jikseb progress fit-triq lejn l-Unjoni Ewropea u jtejjeb l-għixien tan-nies. Sforzi determinati huma meħtieġa mill-partijiet kollha għall-funzjonament inklussiv u effettiv tal-fora reġjonali.

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt komplew jiġu msaħħa. L-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet Kostituzzjonali ġodda bħal dawk li jirreferi għalihom l-Istatut ta' Vojvodina avvanzat. Sforzi addizzjonali huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta' wħud mid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali mal-istandards Ewropej, l-aktar tal-ġudikatura.

Ittieħdu passi ulterjuri biex jitjieb il-mod kif jiffunzjona l- parlament permezz tal-adozzjoni ta' Liġi ġdida dwar l-Assemblea Nazzjonali u regoli ġodda ta' proċedura. Madanakollu, jeħtieġ ikun hemm sforz biex tkompli titjieb il-kwalità tal-prestazzjoni leġiżlattiva. Il-leġiżlazzjoni elettorali trid tinġieb kompletament kompatibbli mal-istandards Ewropej.

Il- gvern ta' koalizzjoni baqa' stabbli u kompla juri livell għoli ta' kunsens mal-adeżjoni fl-UE bħala prijorità strateġika. Madanakollu, it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida trid issir iktar effettiva.

Il-kapaċità tal- amministrazzjoni pubblika hija ġeneralment tajba iżda r-riforma f'dan il-qasam miexja 'l quddiem bil-mod u b'pass irregolari. Hemm bżonn ta' impenn iktar b'saħħtu li jirrispetta l-mandat ta' korpi regolatorji indipendenti u jipprovdilhom riżorsi adegwati.

Sar progress tajjeb lejn l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprovdi għal sorveljanza ċivili tal-forzi tas-sigurtà u għall-implimentazzjoni ta' drittijiet garantiti mill-kostituzzjoni. Madanakollu, is-sorveljanza ċivili, inkluża dik mill-kumitat parlamentari relevanti, teħtieġ tiġi rinfurzata.

Is-Serbja kompliet bir-riforma tas- sistema ġudizzjarja tagħha bil-proċedura ta' ħatra mill-ġdid tal-imħallfin u l-prosekuturi u l-introduzzjoni ta' netwerk tribunali ġdid. Madanakollu, il-proċedura ta' ħatriet mill-ġdid kellha difetti serji u kienet nieqsa mit-trasparenza. Iż-żewġ Kunsilli responsabbli ġew eletti taħt kompożizzjoni transitorja u ma applikawx kriterji oġġettivi. L-imħallfin u l-prosekuturi ma nstemgħux matul il-proċedura u ma rċevewx spjegazzjonijiet adegwati għad-deċiżjonijiet. Dan iqajjem dubju dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u jista' jagħti lok għal influwenza politika. Iż-żewġ Kunsilli għad iridu jiġu eletti fil-kompożizzjoni aħħarija. L-ammont sostanzjali ta' każijiet pendenti għadu kwistjoni ta' tħassib. Ġeneralment, is-sistema ġudizzjarja tas-Serbja tissodisfa l-prijoritajiet tagħha parzjalment biss.

Kompla jsir progress fil-ġlieda kontra l- korruzzjoni meta l-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni bdiet il-ħidma tagħha fl-Jannar 2010. Il-maġġoranza tal-uffiċjali pubbliċi issottomettew id-dikjarazzjonijiet tal-assi kif mitlub mill-Aġenzija l-ġdida. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'ħafna oqsma u għadha problema serja. Fin-nuqqas ta' liġi ġdida, il-kontroll tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal- finanzjament tal-kampanji elettorali għadu dgħajjef. L-aġenzija kontra l-Korruzzjoni għad trid tistabbilixxi rekord fil-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u fit-twettiq effettiv tar-rwol tagħha. L-għadd ta' kundanni, speċjalment f'każijiet ta' livell għoli, għadu baxx. L-akkwist pubbliku, il-privatizzazzjoni u l-infiq pubbliku għadhom oqsma ta' tħassib. Il-protezzjoni tal-informaturi (whistleblowers) teħtieġ titjieb.

Rigward id- drittjiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , il-leġiżlazzjoni neċessarja ġiet stabbilita. Il-Kostituzzjoni tiggarantixxi drittijiet ċivili u politiċi li huma ġeneralment rispettati iżda l-infurzar tagħhom għad irid ikun żgurat. Leġiżlazzjoni relevanti trid tiġi aġġornata mal-istandards Ewropej.

Ftit sar progress rigward il- prevenzjoni tat-tortura, it-trattament ħażin u l-impunità fejn komplew jiġu rappurtati għadd ta' każijiet. L- aċċess għall-ġustizzja huwa ġeneralment iggarantit. Madanakollu, il-leġiżlazzjoni u l-finanzjament għal sistema iktar effettiva ta' għajnuna legali b'xejn għadhom nieqsa. Is-serbja għamlet ftit progress fir-riforma tas- sistema tagħha tal-ħabs . Ġiet adottata strateġija biex ma tippermettix l-iffullar iżda l-kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabsijiet għadhom kwistjoni ta' tħassib.

Id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u leġiżlattivi għall-protezzjoni tal- libertà tal-espressjoni ġew stabbiliti. Il-leġiżlazzjoni li tippermetti lill- midja li topera fil-libertà tinsab stabbilita. Madanakollu, komplew inċidenti li jinvolvu diskors ta' mibgħeda, theddid u attakki, b'mod partikolari kontra l-ġurnalisti. Il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni hija ggarantita mill-Kostituzzjoni u ġeneralment rispettata.

L- organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili komplew ikunu attivi fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika tas-Serbja u għadhom importanti biex imexxu 'l quddiem il-valuri demokratiċi. Dan l-aħħar twaqqaf Uffiċċju għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili.

Il-garanziji Kostituzzjonali li jippermettu l- libertà tar-reliġjon jinsabu fil-post. Ir-relazzjonijiet inter-reliġjużi tjiebu. Madanakollu, in-nuqqas ta' trasparenza u ta' konsistenza fil-proċess ta' reġistrazzjoni għadu l-ostakolu ewlieni għal ċerti gruppi reliġjużi żgħar biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Il-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tad- drittijiet soċjali u ekonomiċi ġiet ġeneralment stabbilita. Il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal kontra kull forma ta' vjolenza teħtieġ tissaħħaħ. Il-liġi dwar l-ugwaljanza tas-sessi, li timmira li ttejjeb il-qagħda tan- nisa , ġiet adottata. Madanakollu, is-segwitu ta' każijiet dwar vjolenza domestika għadu inadegwat. Rigward id- drittijiet tat-tfal , sar progress fit-tisħiħ tal-protezzjoni tat-tfal kontra l-abbuż u n-negliġenza. Il-qafas leġiżlattiv li jipprojbixxi kull xorta ta' diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol u li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jinsab stabbilit. Madanakollu, fil-prattika, id-diskrimninazzjoni għadha għaddejja, l-aktar kontra r-Roma, il-komunità LGBT, in-nisa, il-minoranzi nazzjonali u l-persuni b'diżabiltà.

Ma sar ebda progress rigward id- drittijiet tal-propjetà minħabba li għad hemm nieqsa bażi legali adegwata għar-restituzzjoni tal-propjetà.

Il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi r- rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet kulturali , tinsab fis-seħħ. L-elezzjonijiet tad-19-il Kunsill tal-Minornazi Nazzjonali saru f'Ġunju 2010 u kollox ma' kollox kienu organizzati tajjeb. Il-Kunsilli għad iridu jsiru operazzjonali.

Is-sitwazzjoni interetnika f' Vojvodina hija stabbli. L-implimentazzjoni tal-Istatut adottat dan l-aħħar u l-Liġi dwar id-Determinazzjoni tal-Kompetenzi, li tipprovdi għal awtonomija wiesgħa tal-provinċja fl-oqsma tal-finanzi lokali u l-iżvilupp ekonomiku inbdiet. Għad trid tiġi adottata iżjed leġiżlazzjoni. Is-sitwazzjoni fin- Nofsinhar tas-Serbja hija ġeneralment stabbli iżda mimlija tensjoni. L-iskontri bejn il-gruppi etniċi u fi ħdan il-komunità Musulmana f'Sandžak ġeneralment naqsu. Madanakollu, għad hemm tensjonijiet l-aktar bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet Islamiċi eżistenti u rigward il-kostituzzjoni tal-Kunsill tal-Minoranzi Nazzjonali Bosnjak.

Sar xi progress biex jiġi indirizzat l-istatus tar- refuġjati u l-persuni internament spustati (IDPs) iżda għad iridu jsiru sforzi sostanzjali. Minkejja l-għadd ta' żviluppi pożittivi, il-maġġoranza tal-popolazzjoni Roma qed tkompli tgħix f'faqar estrem. Tiffaċċja wkoll diskriminazzjoni, b'mod partikolari rigward l-aċċess għall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata.

Rigward il- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , is-Serbja wriet approċċ kostruttiv fl-iżviluppi mal-Bosnja-Ħerzegovina. Il-Prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY) innota fl-aħħar rapport tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li r-rispons tas-Serbja lit-talbiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għal aċċess għal dokumenti, arkivji u xhieda twettqu fil-ħin u b'mod adegwat u li m'hemm ebda talba pendenti. Enfasizza wkoll il-professjonaliżmu u l-impenn tas-servizzi operattivi li qed jaħdmu fuq it-tiftix għal dawk maħrubin. Madanakollu, għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet operazzjonali. Minkejja l-kooperazzjoni attiva li s-Serbja qed twettaq rigward l-ICTY, iż-żewġ maħrubin tal-ICTY li għad fadal għadhom ħielsa. Kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY għadha kundizzjoni essenzjali għal sħubija fl-UE, kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010.

Ġiet stabbilita koperazzjoni tajba mal-EULEX rigward ir-reati ta' gwerra fil-Kosovo. Madanakollu, komplew il-problemi ta' estradizzjoni u rikonoxximent tas-sentenza f'xi pajjiżi tar-reġjun.

Ingħata impetu ġdid lill-proċess tad-dikjarazzjoni ta' Sarajevo wara l-laqgħat Ministerjali li saru f'Belgrad f'Marzu 2010, fuq l-inizjattiva tas-Serbja. Dan laqqa' flimkien lill-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro u s-Serbja, li kollha qablu li jaħdmu flimkien biex jiċċaraw l-aktar l-istatistiċi dwar ir-refuġjati u kwistjonijiet li kienu għadhom miftuħa. Il-pajjiżi impenjaw irwieħhom ukoll biex jaħdmu dwar soluzzjonijiet għal numru ta' kwistjonijiet pendenti sal-aħħar tas-sena.

Is-Serbja kompliet tipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi reġjonali, bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (SEECP), fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) u fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Is-Serbja kellha l-Presidenza tas-CEFTA fl-2010. Qed tipparteċipa attivament fit-tħejjijiet tal-Istrateġija tad-Danubju li se ssir dalwaqt. Is-Serbja għamlet progress sinifikanti fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma' pajjiżi oħra tat-tkabbir, b'mod partikolari mal-Kroazja u l-Bosnja-Ħerzegovina, u kompliet ikollha relazzjonijiet tajba ma' Stati Membri tal-UE li huma ġirien. Ġie ffirmat ftehim ta' estradizzjoni mal-Kroazja dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali. Madanakollu in-nuqqas ta' ftehim bejn is-Serbja u l-Kosovo rigward il-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar f'laqgħat reġjonali ħalla impatt fuq il-kooperazzjoni reġjonali. Malajr kemm jista' jkun jeħtieġ li jsir qbil dwar soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli għall-parteċipazzjoni kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kroazja f'fora reġjonali. Dan huwa essenzjali għal kooperazzjoni reġjonali li tkun inklussiva u tiffunzjona. Is-Serbja għadha ma taċċettax it-timbri doganali tal-Kosovo notifikati mill-UNMIK. Fil-Kosovo, is-Serbja żammet strutturi paralleli u organizzat elezzjonijiet parzjali muniċipali paralleli.

Wara reċessjoni serja minħabba l-kriżi globali, l- ekonomija tas-Serbja ftit ftit irkuprat l-istabbiltà bħala riżultat ta' programm ta' aġġustament maqbul mal-FMI u sostnut ukoll mill-UE u l-Bank Dinji. Mill-ewwel nofs tal-2010, l-attività ekonomika bdiet tirpilja iżda l-irkupru għadu bil-mod u fraġli. Il-finanzi pubbliċi komplew jiddeterjoraw minkejja għadd ta' miżuri ta' aġġustament fiskali li ġew stabbiliti biex jagħtu stabbiltà lill-baġit. L-adozzjoni mill-gvern tal-emendi għal-liġi dwar is-sistema baġitarja u l-liġi tal-pensjoni kienet pass importanti biex titjieb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Riformi strutturali oħra, speċjalment il-privatizzazzjoni u r-ristrutturar tal-impriżi, reġgħu iddewmu minħabba li l-kundizzjonijiet tas-suq baqgħu ħżiena għal żmien imtawwal.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , progress ulterjuri biex titwaqqaf ekonomija tas-suq li tiffunzjona kien limitat. Is-Serbja teħtieġ tagħmel iżjed sforzi biex tkun tista’ tlaħħaq fit-terminu medju mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Hemm kunsens wiesa' dwar l-essenzjali ta' ekonomija tas-suq. L-adozzjoni ta' miżuri f'waqthom u xierqa bi ftehim mal-FMI kien element importanti biex tiġi stabbilita mill-ġdid makroekonomija stabbli. Il-qagħda esterna tas-Serbja tjiebet matul ir-reċessjoni. L-irpiljar tal-attività ekonomika fl-2010 wassal għal twessigħ tad-defiċit tal-kont kurrenti li kien, madanakollu, limitat grazzi għal esportazzjoni qawwija u żieda moderata fl-importazzjoni. Ir-riżervi barranin baqgħu relattivament għoljin minkejja interventi regolari mill-bank ċentrali biex jilqa' kontra l-volatilità tar-rata tal-kambju. L-inflazzjoni kienet ġeneralment miżmuma fi ħdan il-faxxa mmirata hekk kif il-bank ċentrali mar lura għal politika monetarja restrittiva. Il-banek komplew ikunu biżżejjed kapitalizzati u likwidi. Biex il-gvern jemenda l-liġi dwar is-sistema baġitarja u l-liġi tal-pensjoni jridu jieħu impenn għall-konsolidazzjoni fiskali tul perjodu medju ta' żmien.

Madanakollu, is-Serbja kompliet tipposponi r-riformi biex tindirizza l-ikbar nuqqasijiet strutturali. Minkejja rkupru ekonomiku gradwali, is-suq tax-xogħol kompla jiddeterjora, bi tnaqqis fl-impjiegi u żieda fil-qgħad. Minkejja l-miżuri korrettivi biex jagħtu stabbiltà lill-baġit matul il-kriżi u l-modifiki leġiżlattivi għas-sistema baġitarja u l-pensjoni biex titjieb id-dixxiplina fiskali, is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi f'perjodu medju ta' żmien trid tissaħħaħ permezz ta' riformi fl-oqsma tas-sistema sanitarja u l-amministrazzjoni pubblika. Il-privatizzazzjoni tal-impriżi kollettivi marret lura wara li ġew annullati diversi kuntratti ta' bejgħ. Il-privatizzazzjoni tal-kumpaniji statali kompliet tintefa' lura. L-ambjent tan-negozju għadu mxekkel minn burokrazija u previżjoni legali dgħajfa, b'mod partikolari rigward l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-propjetà, li qed ixekklu d-dħul fis-suq u l-ħruġ minnu. Barra minn hekk, defiċjenzi fil-kompetizzjoni u konġestjoni fl-iżvilupp tal-infrastruttura għandhom ostakoli għall-kummerċ. Is-settur informali għadu jippreżenta sfida importanti.

Is-Serbja kompliet tagħmel progress fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni tagħha mal- Istandards Ewropej . Is-Serbja kompliet timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interim u għamlet iktar progress biex tosserva l-ħtiġiet tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA). Il-kapaċità amministrattiva hija tajba. Madanakollu, jeħtieġ li jsiru iktar sforzi biex il-leġiżlazzjoni u l-politiki jinġiebu konformi mal- acquis. Trid tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif ukoll l-infurzar tal-leġiżlazzjoni li ġiet adottata relatata mal-UE.

Rigward is- suq intern , is-Serbja għamlet progress biex tissodisfa l-istandards tal-UE dwar il- moviment ħieles tal-merkanzija. Il-leġiżlazzjoni dwar il-metroloġija u dwar ċerti direttivi ġodda ta' approċċ ġiet adottata. Madanakollu, qafas leġiżlattiv għas-sorveljanza tas-suq għadu nieqas. Il-kapaċità amministrattiva u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Istat iridu jissaħħu iktar. Iktar sforzi huma meħtieġa biex titkompla t-traspożizzjoni tal- acquis speċifiku għal ċerti prodotti fil-leġiżlazzjoni Serba.

Is-Serbja tinsab moderatament avvanzata biex tissodisfa l-istandards tal-UE fl-oqsma tal- moviment tal-persuni, id-dritt ta' stabbiliment u l-liġi tal-kumpaniji. Numru ta' liġijiet għadhom qed jistennew l-approvazzjoni. Fil-qasam tal- moviment ħieles tal-kapital , is-Serbja għadha moderatament avvanzata. Min mhux residenti huwa ħieles li jagħmel investimenti diretti iżda taħt ċerti restrizzjonijiet. Is-Serbja teħtieġ tkompli tissodisfa l-ħtiġiet ta' liberalizzazzjoni gradwali kif stipulat fl-FSA.

Is-Serbja diġà tinsab f'qagħda tajba li tissodisfa l- acquis tal-UE u għadha impenjata favur ir-riformi tad- dwana u t-tassazzjoni. L-obbligi li joħorġu mill-Ftehim Interim ġew rispettati. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi rigward proċeduri u kapaċità amministrattiva. Il-kapaċità tal-infurzar tal-amministrazzjoni tat-taxxa u l-kollezzjoni tat-taxxa tjiebet, minkejja li għad baqa' xi jsir f'dan ir-rigward. Is-Serbja teħtieġ tieħu azzjoni ta' segwitu biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni fiskali tkun konformi mal-Kodiċi ta' Kondotta għat-tassazzjoni fin-negozju.

Is-Serbja għamlet progress biex tissodisfa l-istandards Ewropej fil-qasam tal- kompetizzjoni. Ġiet adottata l-leġiżlazzjoni implimentattiva dwar il-liġi tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk is-Serbja għandha tkompli taħdem biex ikollha rekord tajjeb dwar l-infurzar. L-għarfien tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-kompetizzjoni fost il-ġudikatura għadu dgħajjef. Fil-qasam tal- għajnuna mill-istat sar ftit progress. Twaqqfet awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat. Madanakollu, il-kapaċità amministrattiva tal-Awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat teħtieġ tissaħħaħ. Trid tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi.

It-tħejjijiet tas-Serbja biex titwaqqaf sistema effettiva għall- akkwist pubbliku u għal kollox indipendenti bi proċeduri ta' għotja simplifikati huma moderatament avvanzati. Għad jeħtieġ isiru sforzi kbar biex tissaħħaħ il-kapaċità implimentattiva tal-ħtiġiet tal- acquis tal-UE. Sar progress fil-qasam tal- propjetà intellettwali iżda jeħtieħ isir iżjed fil-konverġenza mal- acquis . Rigward l-infurzar, jeħtieġ ikun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-aġenziji relevanti, kif ukoll investiment sostanzjali fit-taħriġ tal-ġudikatura.

Fl-oqsma tal- impjiegi u l-politika soċjali qed jitkomplew it-tħejjijiet biex jiġu ssodisfati l-istandards Ewropej. Sar progress fil-qasam tas- saħħa pubblika . Il-pjan strateġiku għall-iżvilupp tal-protezzjoni tas-saħħa għall-2010-2015 imħejji mill-Kunsill tas-Saħħa Nazzjonali Serb ġie adottat mill-Gvern.

Is-Serbja għamlet progress biex tissodisfa l-istandards Ewropej fil-qasam tal- edukazzjoni. Għad trid tiġi żviluppata strateġija ġenerali li tinvolvi l-livelli kollha tal-edukazzjoni, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja. Sar progress tajjeb fil-konverġenza tax- xjenza u riċerka. Madanakollu, jeħtieġ isiru iktar sforzi biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-Serbja fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u biex tissaħħaħ il-kapaċità nazzjonali ta' riċerka.

In-negozjati għall-adeżjoni tas-Serbja fl- Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) waslu fi tmiemhom; iċ-ċiklu ta' negozjati bilaterali mal-maġġoranza tas-sħab tad-WTO diġà tlesta.

Rigward il- politiki settorjali , fil-qasam tal- industrija u l-SMEs , is-Serbja hija pjuttost avvanzata u tissodisfa l-istandards Ewropej. It-tħejjija għal strateġija industrijali tinsab fi stadju bikri ħafna.

Is-Serbja tinsab avvanzata sew biex tissodisfa l-istandards Ewropej fl-oqsma tal- agrikoltura, l-iżvilupp rurali, is-sikurezza tal-ikel, u l-politika veterinarja u fitosanitarja. Il-qafas legali qed ikompli jitjieb. Madanakollu, l-implimentazzjoni u l-infurzar jeħtieġ jiġu aġġornati, speċjalment fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel. Il-kapaċità amministrattiva hija dgħajfa u r-riżorsi jeħtieġ jiġu allokati b'mod iktar effiċjenti. L-ispezzjoni tas-servizzi teħtieġ iktar taħriġ. Hemm bżonn ta' reklutaġġ ta' persunal kwalifikat fil-korpi mwaqqfa ġodda. Sar progress rigward il-kontroll uffiċjali tal-laboratorji.

Fil-qasam tal- ambjent , is-Serbja għadha moderatament avvanzata biex tissodisfa l-istandards Ewropej. Ġew adottati wkoll il-Programm Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Ambjent 2010-2019 u għadd ta' liġijiet dwar il-kwalità tal-arja u tal-ilma kif ukoll dwar il-protezzjoni tan-natura u t-tibdil fil-klima. L-Aġenzija tal-Kimika l-ġdida bdiet topera. Madanakollu, il-kapaċità tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi għad trid tissaħħaħ.

Is-Serbja għamlet progress fil-qasam tat- trasport . Id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-Ftehim Ewropew dwar l-Avjazzjoni Ċivili issa ġew applikati. Madanakollu, il-leġiżlazzjoni qafas għad trid tiġi adottata fis-settur tal-ferroviji. Il-kapaċità amministrattiva teħtieġ titjieb.

Fis-settur tal- enerġija , is-Serbja għamlet progress fil-konverġenza mal-istandards Ewropej. Madanakollu, il-progress għadu irregolari. Jeħtieġ isiru iktar sforzi biex issir is-separazzjoni u l-liberalizzazzjoni vera tas-suq flimkien ma' politika dwar il-prezzijiet li toffri tariffa sostenibbli li tirrifletti l-ispejjeż. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi biex jissaħħaħ ir-regolatur nukleari.

Sar ċertu progress fil-qasam tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-midja . Il-qafas leġiżlattiv issaħħaħ, iżda l-implimentazzjoni għadha kajmana u żviluppi inadegwati regolatorji u tas-suq fil-komunikazzjoni elettronika huma partikolarment ta' tħassib. It-tħejjijiet fil-qasam tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jinsabu moderatament avvanzati. Fis-settur awdjoviżiv, il-leġiżlazzjoni tax-xandir trid tinġieb konformi mal- acquis , u għadd ta' dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika għadhom jikkawżaw tħassib.

Filwaqt li s-Serbja għadha fil-fażijiet bikrin tal-introduzzjoni tal-prattiki tajba fil- kontroll finanzjarju intern pubbliku u l-verifika esterna, jista' jiġi rrappurtat xi progress bit-twaqqif tal-Unità Ċentrali għall-Armonizzazzjoni fil-kontroll finanzjarju u l-ewwel verifika tal-kontijiet tal-istat mill-Istituzzjoni Statali tal-Verifika.

Is-Serbja għamlet progress tajjeb biex tilħaq l-istandards Ewropej fil-qasam tal- istatistika billi adottat liġijiet dwar l-istatistika u ċ-ċensimenti demografiċi u l-agrikoltura. It-tħejjijiet għaċ-ċensiment demografiku jinsabu fi stadju avvanzat iżda l-finanzjament għad irid jiġi żgurat. Madanakollu, hemm bżonn isir iktar progress f'diversi oqsma tal-istatistika u sforzi addizzjonali huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-uffiċċju tal-istatistika.

Il-progress fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà kompla. L-ivjaġġar ħieles mill-viża daħal fis-seħħ f'Diċembru 2009 għaċ-ċittadini Serbi li għandhom passaport bijometriku.

Sar xi progress fil-qasam tal- ġestjoni tal-fruntiera , l-aktar permezz tal-modernizzar tal-apparat u l-infrastruttura. Madanakollu, iżjed sforzi huma meħtieġa biex jiġu eliminati d-differenzi bejn punti ta' qsim partikolari u biex jissaħħaħ il-kontroll fil-fruntieri ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kroazja u b'mod partikolari il-fruntiera amministrattiva mal-Kosovo.

Ftit li xejn sar progress fil-qasam tal- ażil . Ġiet adottata lista ta' pajjiżi sikuri għal dawk li qed ifittxu l-ażil. Madanakollu, l-Uffiċċju tal-Ażil, l-uffiċċju tal-ewwel istanza għal talbiet għall-ażil, ma twaqqafx. Ħafna każijiet ingħalqu minħabba li l-applikanti jitilqu mit-territorju Serb jew jisparixxu. Is-Serbja għamlet progress fil-qasam tal- migrazzjoni. L-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni bejn is-Serbja u l-Unjoni Ewropea kompliet mingħajr problemi sinifikanti. Madanakollu, m'hemmx implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Hemm bżonn ta' sforzi biex titjieb il-koordinazzjoni bejn il-korpi responsabbli u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom.

Sar ċertu progress fil-prevenzjoni tal- ħasil tal-flus . Pjan ta' azzjoni ġie adottat u ġie stabbilit korp ta' koordinazzjoni. Komplew l-isforzi biex titjieb il-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali fl-investigazzjoni u l-ipproċessar tar-reati. Madanakollu, ir-riżultati prattiċi baqgħu dgħajfa. L-Amministrazzjoni għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus hija nieqsa mill-kapaċità biex tidentifika l-każijiet suspettużi b'mod sistematiku. L-irrappurtar jeħtieġ jitjieb, b'mod partikolari barra mis-settur bankarju. Il-ġudikatura u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi huma neqsin mill-ispeċjalizzazzjoni fil-każijiet tal-ħasil tal-flus u l-investigazzjonijiet finanzjarji. Il-kundanni għadhom rari.

Jista' jiġi rrappurtat progress tajjeb fil-ġlieda kontra d- drogi . L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi komplew bl-investigazzjonijiet u tejbu l-kooperazzjoni internazzjonali, li wassal biex jinqabdu kwantitajiet kbar ta' drogi illegali. Madanakollu, għad hemm dgħufijiet fis-sorveljanza tal-fruntieri ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kroazja u l-Linja tal-Fruntiera Amministrattiva mal-Kosovo.

Il-kapaċità fil-korp tal- pulizija kompliet tinbena bl-aġġornar tas-servizzi speċjalizzati tal-pulizija kriminali. Il-kooperazzjoni bejn id-diversi strutturi tal-pulizija, kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, tjiebet. Madanakollu, l-ippjanifikar strateġiku u l-ġestjoni tar-riżorsi umani jeħtieġ jiġu aġġornati u l-proċeduri ta' reklutaġġ isiru iktar trasparenti. Il-kontroll intern jeħtieġ jissaħħaħ.

Kien hemm progress tajjeb fil-ġlieda kontra l- kriminalità organizzata. Il-koperazzjoni bejn l-aġenziji relevanti tjiebet fil-pajjiż, kemm fir-reġjun kif ukoll f'livell internazzjonali. Dan wassal għal riżultati tajbin f'investigazzjonijiet bi profil għoli u għall-arrest ta' għadd ta' suspettati. Il-konfiska tal-assi bdiet issir b'mod iktar sistematiku u saru konfiski f'numru ta' każi. Madanakollu, għad irid jiġi adottat Kodiċi tal-Proċedura Kriminali ġdid u rivedut sew. Il-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi li jużaw metodu investigattivi moderni, b'mod partikolari fil-qasam tal-investigazzjonijiet finanzjarji, jeħtieġ jissaħħu iktar.

Ġew adottati proċeduri għall-identifikazzjoni tal-vittmi tat- traffikar fil-persuni u l-għadd ta' vittmi identifikati kompla jiżdied. Madanakollu, il-qafas strateġiku jeħtieġ jiġi emandat biex jippermetti tweġiba politika aħjar għax-xejriet li qed joħorġu u titjieb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-qrati. Is-Serbja għamlet progress fil-ġlieda kontra t- terroriżmu bl-adozzjoni tal-Liġi dwar is-sigurtà militari u l-aġenziji għall- intelligence militari. Madanakollu, il-politiki ta' prevenzjoni jeħtieġ jissaħħu. Għadha ma ġietx stabbilita database dwar suspettati terroristiċi.

Sar ftit progress fir-rigward tal- protezzjoni tad-dejta personali . L-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali kienet adottata f'Awwissu 2010. Minkejja xi titjib, l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni ta' importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Dejta Personali għadu nieqes mir-riżosi finanzjarji u umani. Il-protezzjoni tad-dejta personali hija prekundizzjoni ewlenija sabiex is-Serbja tkun tista' tikkonkludi ftehim mal-Eurojust u ftehim perazzjonali mal-Europol.

Il-Kosovo

Il-Kosovo għamel progress biex jissodisfa l- kriterji politiċi. Huwa saħħaħ l-impenn tiegħu għall-aġenda Ewropea u għar-riforma politika u waqqaf Ministeru għall-Integrazzjoni Ewropea. Il-gvern assigura li d-djalogu mal-Unjoni Ewropea dwar il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (PSA) jitmexxa b'suċċess. L-awtoritajiet issa jeħtieġ iżidu l-pass tar-riforma. Il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika għadha dgħajfa u l-ġudikatura mhix tiffunzjona b'mod effettiv. Għad hemm tħassib serju dwar l-istat tad-dritt. Il-kooperazzjoni mal-missjoni tal-UE dwar l-istat tad-dritt (EULEX) tjiebet u l-awtoritajiet varaw għadd ta' operazzjonijiet kontra l-korruzzjoni bl-appoġġ tal-EULEX. Dawn l-isforzi jeħtieġ ikomplu jinfirxu wkoll fuq il-kriminalità organizzata, id-drogi u l-ħasil tal-flus. Wara r-riżenja tal-President tal-Kosovo issejħu l-elezzjonijiet.

Il-Kosovo għamel progress sinifikanti fid-deċentralizzazzjoni. Erba' muniċipalitajiet ġodda ġew stabbiliti u issa jinsabu operazzjonali. Fl-aħħar tal-2009 saru l-elezzjonijiet lokali.Missjoni tal-Parlament Ewropew ikkunsidrat li l-proċess tal-elezzjoni sar f'ambjent paċifiku u b'parteċipazzjoni konsiderevoli mill-elettorat, inkluż dak tal-komunità Serba fil-Kosovo. Madanakollu, għadu jeżisti tħassib dwar it-Tramuntana tal-Kosovo. Kien hemmgħadd ta' inċidenti vjolenti. Id-deċentralizzazzjoni tista' titlesta biss bil-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni lokali. Jeħtieġ isir iżjed biex tkun żgurata l-integrazzjoni tal-komunitajiet kollha u jitwasslu s-servizzi pubbliċi fil-muniċipalitajiet. L-appoġġ mill-komunitajiet lokali huwa importanti f'dan ir-rigward, inkluż rwol kostruttiv fil-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt. Għadhom jeżistu strutturi paralleli li jxekklu l-proċess ta' deċentralizzazzjoni.

F'Lulju, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ) ippubblikat opinjoni konsultattiva, li kkonkludiet li d-dikjarazzjoni ta' indipendenza mill-Kosovo ma kinitx tikser il-liġi internazzjonali ġenerali jew ir-riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (1999). Wara r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru l-UE kkonfermat ir-rieda tagħha li tiffaċilita proċess ta' djalogu bejn Pristina u Belgrad biex tmexxi 'l quddiem il-kooperazzjoni, tikseb progress fil-mixja lejn l-Unjoni Ewropea u ttejjeb l-għixien tan-nies. Jeħtieġ ikun hemm sforzi determinati mill-partijiet kollha għall-iffunzjonar inklussiv u effettiv tal-fora reġjonali.

Rigward id- demokrazija u l-istat tad-dritt sar progress billi ssaħħu l-istrutturi eżekuttivi u parlamentari, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-integrazzjoni Ewropea. Madanakollu, l-istat tad-dritt jeħtieġ iktar tisħiħ u huwa kwistjoni ta' tħassib serju.

F'Settembru, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li mhuwiex kostituzzjonali li wieħed ikun President tal-Kosovo u fl-istess waqt President ta' partit politiku. Wara dik id-deċiżjoni il-President tal-Kosovo irriżenja. L-LDK imbagħad irtira mill-koalizzjoni fil-gvern. L-elezzjonijiet issejħu għat-12 ta' Diċembru 2010.

L- assemblea waqqfet kumitat tal-kontijiet pubbliċi. Il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ewropea issimplifika r-regoli u l-proċeduri tiegħu. Madanakollu, il-kapaċità tal-assemblea li tagħmel skrutinju tal-abbozzi ta' leġiżlazzjoni u tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha għadha dgħajfa. Is-superviżjoni parlamentari tal-gvern teħtieġ tissaħħaħ iktar.

L-istrutturi ewlenin tal- gvern jinsabu stabbiliti u jkomplu jiffunzjonaw skont id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali relevanti. Il-Ministeru għall-Integrazzjoni Ewropea beda tajjeb u issa jeħtieġ isaħħaħ il-kapaċità u jikkonsolida r-rwol tiegħu fil-koordinazzjoni ta' dipartmenti oħra tal-gvern.

Ir- riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-Kosovo għadha sfida ewlenija. Il-qafas legali kompla jiġi żviluppat bl-adozzjoni tal-liġijiet dwar is-servizz ċivili u s-salarji. Il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika biex jingħataw is-servizzi lil kulħadd fil-Kosovo teħtieġ tissaħħaħ sew. L-amministrazzjoni pubblika tal-Kosovo għadha dgħajfa.

Il-Kosovo għamel xi progress fir-riforma tas- sistema ġudizzjarja . Ġiet varata riforma ġudizzjarja importanti bl-adozzjoni ta' erba' liġijiet ta' riforma dwar il-qrati, il-prosekuzzjoni, il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo u l-Kunsill tal-Prosekuzzjoni fil-Kosovo. Il-liġi dwar il-qrati tintroduċi sistema ġdida ta' salarji, li ttejjeb b'mod sinifikanti il-qagħda tal-imħallfin. L-ivvettjar tal-imħallfin u tal-prosekuturi tlesta wkoll. 'Il fuq minn 340 imħallef u prosekutur ġew appuntati mill-President għal pożizzjonijiet fil-livelli kollha tal-ġudikatura. Dan jinkludi l-ħatra tal-membri lokali tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo li eleġġew il-president tal-Kunsill. Wara li għaddew mill-eżami tal-Avukatura, l-ewwel imħallfin u prosekuturi prospettivi iggradwaw mill-Istitut Ġudizzjarju tal-Kosovo f'Diċembru 2009. Madanakollu, kien hemm każijiet ta' interferenza politika fis-sistema ġudizzjarja, l-aktar fil-proċess ta' ħtir mill-ġdid tal-imħallfin u tal-prosekuturi. Għad hemm għadd kbir ta' każijiet pendenti, b'mod partikolari f'materji ċivili, inklużi d-drittijiet tal-propjetà. L-istituzzjonijiet tal-Kosovo jeħtieġ jagħtu importanza adegwata biex isostnu l-investigazzjonijiet u s-segwitu ġudizzjarju tar-reati tal-gwerra. Jeħtieġ jitħejjew pjani biex tiġi implimentata riforma ġudizzjarja u jiġu allokati r-riżorsi. Il-Kosovo għadu fi stadju bikri fl-indirizzar tal-prijoritajiet fil-qasam tal-ġustizzja.

Il-qafas legali kontra l-korruzzjoni tjieb permezz tal-adozzjoni ta' liġijiet dwar l-aġenzja kontra l-korruzzjoni u d-dikjarazzjoni u l-oriġini tal-propjetà u rigali lil uffiċjali pubbliċi għoljin. Il-liġi li ma tippermettix il-kunflitt ta' interess fl-eżerċitar tal-funzjonijiet pubbliċi ġiet emendata. Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi mhix għal kollox konformi mal-istandards Ewropej. Madanakollu, ir-riżultati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma limitati. L-oqsma ewlenin ta' tħassib għadhom il-proċess tal-appalt u s-sistema ġudizzjarja u dik tal-infurzar tal-liġi. Il-EULEX kien kostrett ikompli jeżerċita l-mandat eżekuttiv tiegħu f'każijiet ta' profil għoli. Hemm numru ta' investigazzjonijiet għaddejjin kontra l-korruzzjoni. F'April, saru tfittxijiet fil-ministeru tat-trasport; f'Lulju, il-Pulizija tal-Kosovo arrestaw lill-gvernatur tal-bank ċentrali b'kooperazzjoni mal-EULEX. Il-gvern ikkopera ma' dawn l-investigazzjonijiet. Il-korruzzjoni għadha prevalenti fil-Kosovo u hija problema serja ħafna. Il-qafas legali għadu inkomplet u ma jikkonformax għal kollox mal-istandards Ewropej.

Il-kostituzzjoni tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi u telenka l-ftehimiet u l-istrumenti internazzjonali ewlenin li huma direttament applikabbli fil-Kosovo. Madanakollu, l-istruttura istituzzjonali u n-nuqqas ta' rieda politika se jxekklu l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards legali f'dan il-qasam. Il-proċess tal-integrazzjoni tal-komunità Serba jinsab għaddej. L-awtoritajiet jeħtieġ jagħmlu iżjed biex jindirizzaw it-tħassib ewlieni bħall-aċċess għall-propjetà, persuni nieqsa, ir-rimpatrijazzjonijiet u l-edukazzjoni.

Sar xi progress rigward id- drittjiet ċivili u politiċi . Il-gvern jeħtieġ jagħmel iżjed rigward il- prevenzjoni tat-tortura , allegazzjonijiet ta' trattament ħażin u użu eċċessiv ta' forza mill-pulizija jew il-persunal fil- ħabsijiet . Il-kundizzjonijiet fil- ħabsijiet għadhom sors ta' tħassib. Sar progress limitat fir-rigward tal- aċċess għall-ġustizzja .

Il- libertà tal-espressjoni għadha mhijiex garantita fil-prattika. L-indipendenza u l-imparzjalità tax-xandir pubbliku teħtieġ tissaħħaħ. Il-ġurnalisti għadhom jirċievu theddid b'reazzjoni għar-rappurtaġġ tagħhom. Għadhom ukoll jiffaċċjaw diffikultajiet biex jeċċedu dokumenti uffiċjali. Il-leġiżlazzjoni dwar il- libertà tal-assoċjazzjoni ma tiffaċilitax l-iżvilupp sostenibbli u l-iffinanzjar tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Il-kapaċità tas- soċjetà ċivili li tissorvelja u tevalwa l-prestazzjoni tal-gvern qed tiżdied. Madanakollu, is-soċjetà ċivili għadha dgħajfa u ma tiġix konsultata b'mod sistematiku mill-muniċipalitajiet u mill-gvern bħala parti mill-proċess leġiżlattiv.

Id-drittijiet ekonomiċi u soċjali mhumiex garantiti għal kollox. Il-qafas legali għall-protezzjoni tan- nisa issaħħaħ. Sar xi progress fil-qasam tal-ġustizzja tal-minorenni. Madanakollu, il-protezzjoni tad-drittijiet tat- tfal għadha dgħajfa. Il-gvern jeħtieġ jindirizza t-tħaddim tat-tfal u t-traffikar tat-tfal b'mod iktar effettiv. L-integrazzjoni soċjali u l-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli, l-aktar it-tfal abbandunati, dawk li jiġu rimpatrijati u l-persuni b'diżabbiltà, jeħtieġ jitjiebu. Il-Kosovo nieda kampanja ta' sensibilizzazzjoni kontra d-diskriminazzjoni b'enfasi speċjali fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-orjentament sesswali. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni għadha inadegwata. L-implimentazzjoni tal-ordnijiet tal-qorti li jiggarantixxu d- drittijiet tal-propjetà tjiebet. Madanakollu, ammont sinifikanti ta' każijiet pendenti u kwistjonijiet oħra fit-tul qegħdin ixekklu b'mod serju il-pussess mill-ġdid tal-propjetà.

Sar progress limitat rigward ir- rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet kulturali . Il-Ministeru tal-Kultura waqqaf direttorat għall-patrimonju kulturali. Tkompliet ir-rikostruzzjoni tas-siti reliġjużi. Il-Pulizija tal-Kosovo ħadet f'idejha mingħand il-KFOR ir-responsabbiltà għall-protezzjoni ta' ċerti siti reliġjużi u kulturali. Madanakollu, il-liġi dwar il-patrimonju kulturali mhix implimentata għal kollox. Il-kunsill ta' monitoraġġ li kien previst fil-liġi tal-2008 dwar żoni protetti b'mod speċjali għad irid jitwaqqaf. Il-Ministeru għall-Komunitajiet u r-Rimpatrijazzjoni żied l-isforzi tiegħu biex jgħin ir-ritorn tal-minoranzi refuġjati u persuni spustati internament . L-għadd ta' rimpatrijati minn jeddhom qed jiżdied madwar il-Kosovo kollu.

F'Diċembru 2009, il-Kosovo adotta pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-integrazzjoni tal-komunitajiet Roma, Ashkali u Eġizzjani. Il-gvern stabbilixxa l-istrutturi biex jimplimenta l-istrateġija. Il-proċess ta' allokazzjoni mill-ġdid tal-familji minn żoni kkontaminati miċ-ċomb fit-Tramuntana tal-Kosovo beda u b'hekk ingħalaq il-kamo ta' Cesmin Llug/Česmin Lug. Dan il-proċess jeħtieġ jitlesta malajr kemm jista' jkun. Il-kundizzjonijiet tal-għixien tal-komunitajiet Roma, Ashkali u Eġizzjani u l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali għadhom kwistjonijiet ta' tħassib serju ħafna. Il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fid-Deċennju tar-Roma jeħtieġ tiġi kkonsolidata.

Rigward l- obbligi reġjonali u internazzjonali , matul il-perjodu ta' rappurtar il-Kosovo ssokta l-kooperazzjoni tiegħu mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY). Iktar minn għaxar snin wara li ntemm il-kunflitt bl-armi, huwa stmat li hemm 1 800 persuna nieqsa. L-awtoritajiet jeħtieġ juru iżjed sforzi f'dan il-qasam. F'Ġunju l-Kosovo attenda l-Laqgħa ta' Livell Għoli UE-Balkani tal-Punent f'Sarajevo. Madanakollu, il-Kosovo jeħtieġ jadotta approċċ kostruttiv sabiex jiżgura l-parteċipazzjoni effettiva tiegħu f'inizjattivi ta' kooperazzjoni, bħall-Kunsill ta' Kooperazzjoni Reġjonali u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Rigward is-CEFTA, il-Kosovo jeħtieġ ikun prammatiku u jfittex triq 'il quddiem kostruttiva sabiex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-ftehim. It-timbri doganali tal-Kosovo, li r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ikkonferma li huma skont ir-RKSNU (UNSCR) 1244/99, ma ġewx rikonoxxuti mis-Serbja u mill-Bosnja-Ħerzegovina. Jeħtieġ isir ftehim malajr kemm jista' jkun dwar soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli għall-parteċipazzjoni kemm tal-Kosovo kif ukoll tas-Serbja f'fora reġjonali ewlenin. Dan huwa essenzjali għal kooperazzjoni reġjonali inklussiva u li tiffunzjona.

L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l- ekonomija tal-Kosovo kienet limitata. Il-PGD reali kompla jikber xprunat l-aktar mill-ispiża pubblika. Hemm riskju dejjem jiżdied rigward is-sostenibbiltà ta' dan il-profil ta' tkabbir. Il-qgħad għadu għoli ħafna. L-inflazzjoni kienet volatili, u tirrifletti t-tlugħ u l-inżul tal-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil. Il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki kompliet tkun nieqsa mill-prevedibbiltà. Intlaħaq ftehim mal-FMI dwar programm bil-għan li jillimita r-riskji fiskali u terġa' lura s-sostenibbiltà fiskali. L-impriżi jkomplu jiffaċċaw stat tad-dritt dgħajjef, nuqqas ta' forniment affidabbli tal-elettriku, infrastruttura fqira u aċċess limitat għall-finanzjament. Dawn huma ostakoli għal żvilupp effettiv fin-negozju u fl-ekonomija.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , il-Kosovo għamel progress limitat b’rabta mal-ħolqien ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Għandhom isiru riformi u investimenti konsiderevoli biex il-pajjiż ikun jista' jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq perjodu twil ta' żmien.

Inżamm kunsens politiku mifrux dwar il-bażi tal-politiki ekonomiċi li huma orjentati lejn is-suq. L-użu tal-ewro, il-livelli baxxi ta' dejn barrani u bażi dejqa ta' esportazzjoni illimitaw li l-ekonomija tkun esposta għal xokkijiet finanzjarji u ta' domanda minn barra. Is-settur bankarju kompla jespandi u baqa' stabbli u jagħmel il-qligħ. L-Aġenzija għall-Privatizzazzjoni tal-Kosovo kompliet bil-privatizzazzjoni ta' imprizi kollettivi. Ġie konkluż l-ewwel proġett li rnexxa ta' sħubija pubblika privata u intgħażel konsorzju internazzjonali biex jiżviluppa l-Ajruport Internazzjonali ta' Pristina taħt konċessjoni ta' għoxrin sena.

Madanakollu, it-taħlita tal-politiki qed issir dejjem vulnerabbli minħabba tkabbir qawwi fl-ispiża tal-gvern. B'mod partikolari, il-kostruzzjoni ta' awtostrada ġdida tiddependi ħafna minn finanzi pubbliċi. Nuqqasijiet fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika komplew iżidu l-inċertezza li kienet diġà għolja fl-ekonomija. L-istatistiċi ekonomiċi pjuttost tjiebu, iżda għadhom mhux tajbin biżżejjed. Il-qgħad għadu għoli ħafna l-aktar fost iż-żgħażagħ. Id-defiċit tal-kont kurrenti kiber minħabba domanda domestika kbira u bażi ta' produzzjoni sottożviluppata. Il-kumpanija pubblika tal-elettriku kompliet tirċievi sussidji sostanzjali mill-baġit statali għall-importazzjoni tal-elettriku u self għall-finanzjament tal-programm ta' investiment tagħha. Id-dgħufija tal-istat tad-dritt, l-inċertezza dwar id-drittijiet tal-propjetà u rati għolja ta' interess qed ikomplu jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent tan-negozju u fuq l-iżvilupp ekonomiku. Is-settur informali għadu jippreżenta sfida importanti.

Il-progress fil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Kosovo ma' standards Ewropej għadu mħallat. Il-qafas legali ġie żviluppat aktar fl-oqsma tad-dwana, it-tassazzjoni, il-moviment ħieles tal-prodotti, l-istatistika, il-migrazzjoni, l-edukazzjoni u l-antiterroriżmu. L-approssimazzjoni tinsab fi stadju bikri rigward il-kompetizzjoni, il-propjetà intellettwali, l-ambjent, l-agrikultura u s-sikurezza tal-ikel, ġestjoni integrata tal-fruntiera, l-ażil, il-ħasil tal-flus u l-protezzjoni tad-dejta personali. Il-konverġenza mal-istandards Ewropej għadha limitata fl-oqsma tal-impjiegi u l-politiki soċjali, il-kontroll finanzjarju, it-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-persuni u l-kriminalità organizzata.

Fil-qasam tas- suq intern tal-UE, sar xi progress biex jiġi żviluppat il-qafas legali għall- moviment ħieles tal-merkanzija, inkluża l-protezzjoni tal-konsumaturi . Madanakollu, il-qafas legali ġenerali jeħtieġ jiġi rinfurzat. Il-konverġenza mal-istandards Ewropej fl-oqsma tal- moviment ħieles tal-persuni , kif ukoll tal- libertà li tipprovdi servizz u dritt ta' stabbiliment hija limitata. Il-qasam tal- moviment ħieles tal-kapital , jinsab diġà avvanzat sew. Madanakollu, jeħtieġ isiru sforzi ulterjuri rigward regolamentazzjoni effettiva.

Id-dispożizzjonijiet legali għad- dwana huma ġeneralment kompatibbli mal-istandards Ewropej u qed isiru sforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-isforzi kontra l-kuntrabandu jeħtieġ jitjiebu. Il-kontrolli doganali jeħtieġ jissaħħu fit-Tramuntana tal-Kosovo. Il-kapaċità Amministrattiva tjiebet, iżda għadha mhix biżżejjed. Kien hemm żviluppi pożittivi rigward il-leġiżlazzjoni u l-bini tal-kapaċità fil-qasam tat- tassazzjoni. Hemm bżonn ta' iżjed sforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-liġijiet fis-seħħ, biex jiġi infurzat il-ħlas tat-taxxi, biex titwessa' l-bażi tat-taxxa u, bħala konsegwenza, tonqos l-ekonomija informali li hi kbira. Il-każijiet pendenti kontra deċiżjonijiet tas-Servizz Doganali u l-Amministrazzjoni tat-Taxxa żdiedu.

Fil-qasam tal- kompetizzjoni , ma kienx hemm progress fil-politika tal-anti-trust jew fir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat. Il-kapaċità amministrattiva tjiebet iżda l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni hija ġeneralment fi stadju bikri. Il-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet involuti fi kwistjonijiet ta' kompetizzjoni teħtieġ tissaħħaħ. Il-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni trid tkun involuta iktar mill-qrib fl-inizjattivi kbar ta' privatizzazzjoni u ristrutturar.

Il-Kosovo għad irid jadotta liġi ġdida dwar l-appalt. Il-gvern qed jagħmel sforzi f'dan ir-rigward. L-implimentazzjoni fil-prattika tal-liġi eżistenti tqajjem tħassib. Ir-rwol tal-uffiċjali tal-appalt pubbliku jeħtieġ jissaħħaħ bil-għan li jiġi rinfurzat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratti tal-appalt. L-indipendenza u l-professjonaliżmu fis-sistema tal-appalt pubbliku trid titjieb. L-awtoritajiet jeħtieġ jagħmlu iżjed biex jindirizzaw il-korruzzjoni f'dan il-qasam. Id-dispożizzjonijiet tal-Kosovo rigward il-konċessjonijiet ivarjaw b'mod sinifikanti mill-istandards Ewropej.

Jeħtieġ li ssir leġiżlazzjoni importanti rigward id- drittijiet tal-propjetà intellettwali. Jeħtieġ isiru sforzi sinifikanti fl-infurzar u fis-sensibilizzazzjoni. Is-sistema tal-Kosovo rigward id-drittijiet tal-propjetà intellettwali tinsab fi stadju bikri u l-implimentazzjoni hija dgħajfa ħafna.

Sar progress limitat fil-konverġenza tal-oqsma tal- impjiegi u s- saħħa pubblika . Kapaċità amministrattiva fqira u qafas legali inadegwat huma kwistjonijiet ta' tħassib. Il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni fil-Kosovo, kif ukoll id- djalogu soċjali , jeħtieġ jitjiebu. Il-qafas legali fil-qasam tal- edukazzjoni inġieb iktar qrib l-istandards Ewropej; biex jitwettqu dawn ir-riformi hemm bżonn tiżdied il-kapaċità amministrattiva. Il-Kosovo żviluppa programm ta' riċerka fuq ħames snin li mistenni jtejjeb il-kapaċità f'dan is-settur. Dan il-qasam sar prijorità.

Rigward il- politiki settorjali , l-iżvilupp u l- SMEs iridu jitmexxew 'il quddiem b'mod iktar effettiv, u l-istrateġiji differenti li għandhom impatt fuq dan il-qasam jeħtieġ jiġu koordinati aħjar. Hemm bżonn li l-isforzi jiżdiedu fl-oqsma tal- agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel, l-aktar rigward l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata u l-aġġornar ta' stabbilimenti tal-ikel agrikolu. Ġew adottati għadd ta' liġijiet ambjentali . Madanakollu, l-implimentazzjoni tal-istandards tal-UE dwar l-ambjent għadhom fi stadju bikri.

L-infrastruttura tat- trasport għadha sottożviluppata. Il-Kosovo beda programm ta' bini ta' toroq li ma jirriflettux il-flussi pjanati tat-traffiku, u l-kobor tal-programm qed jimbotta 'l barra investimenti f'modi oħra ta' trasport, b'mod partikolari fil-ferroviji. Il-konverġenza fl-istandards Ewropej fil-qasam tal-avjazzjoni tjiebet. F'Diċembru 2009, il-Kosovo adotta programmi ta' sigurtà u l-kwalità tal-kontroll fl-avjazzjoni.

Fis-settur tal- enerġija , hemm sfidi importanti rigward l-infurzar tal-ħlasijiet tal-elettriku u l-ġestjoni ta' tkabbir insostenibbli fid-domanda għall-elettriku. F'April, il-Kosovo adotta strateġija dwar l-enerġija li tkopri l-perjodu 2009-2018. F'Ottubru 2010, wara dewmien konsiderevoli, ġie adottat il-pakkett ta' liġijiet ewlenin f'dan il-qasam (dwar l-enerġija, dwar l-elettriku u dwar ir-regolatur tal-enerġija).

Sar progress limitat fil-qasam tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-midja . L-indipendenza u r-riżorsi tal-Awtorità Regolatorja tat-Telekomunikazzjonijiet teħtieġ tissaħħaħ u tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Kunsill Indipendenti tal-Midja fir-reviżjoni kurrenti tal-liġi tal-KIM. Jeħtieġ tinstab soluzzjoni fit-tul għall-iffinanzjar tax-xandir pubbliku.

Sar progress rigward il- kontroll finanzjarju . Iżda l-Kosovo għadu fi stadju bikri fl-introduzzjoni ta' standards internazzjonali. In-nuqqas ta' indipendenza finanzjarja tal-Uffiċċju tal-Awditur-Ġenerali għadu ta' tħassib. F'Lulju, il-Kosovo adotta l-liġi dwar l- istatistiċi uffiċjali. Madanakollu, il-kapaċità amministrattiva għadha dgħajfa u jeħtieġ isiru iżjed sforzi biex is-settur tal-istatistiċi jitjieb u, b'mod partikolari, l-istatistiċi kummerċjali u dawk makro-ekonomiċi.

Il-progress fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà kien imħallat. Il-Kosovo għamel xi progress rigward il- ġestjoni integrata tal-fruntieri . Il-Kosovo ħa f'idejh mingħand il-KFOR ir-responsabbiltajiet għall-ġestjoni tal-fruntiera mal-Albanija. Madanakollu, jeħtieġ isiru sforzi konsiderevoli biex il-ġestjoni tal-fruntieri ssir skont l-istandards tal-UE. It-Tramuntana għadha toffri sfida partikolari. Il-EULEX intensifikat l-attivitajiet tagħha fl-ingressi 1 u 31. Il-Kosovo għamel progress limitat fil-qasam tal- ażil . In-numru ta' talbiet għall-ażil żdied b'mod konsiderevoli, iżda ġeneralment baqa' baxx. Ħafna minn dawk li jitilqu mill-Kosovo lejn destinazzjonijiet oħra u jfittxu l-azil qed jagħmlu dan mingħajr kontroll adegwat mill-awtoritajiet Kosovari.

Dwar il- migrazzjoni kien hemm konverġenza mal-istandards Ewropej. Il-Kosovo adotta liġi dwar ir-riammissjoni, li hi b'mod wiesa' skont il-ħtiġiet tal-UE. Il-Kosovo ffirma għadd ta' ftehimiet bilaterali dwar ir-riammissjoni. L-awtoritajiet komplew jittrattaw b'mod effiċjenti t-talbiet għal riammissjoni minn pajjiżi Ewropej. Dan jeħtieġ ikompli. Ġiet adottata strateġija riveduta għall-integrazzjoni ta' persuni ripatrijati kif ukoll pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha.

Il-ħasil tal-flus għadu qasam li jikkawża tħassib serju. Il-Kosovo adotta liġi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-kooperazzjoni bejn is-Servizz Doganali u ċ-Ċentru ta' Intelligence Finanzjarja tjiebet. Iċ-Ċentru tejjeb ukoll il-kooperazzjoni tiegħu mal-banek. Madanakollu, il-Kosovo għadu fi stadju bikri fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards Ewropej f'dan il-qsasm. Il-kapaċità tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni fil-każijiet dwar il-ħasil tal-flus għadha dgħajfa. L-awtoritajiet fil-Kosovo m'għandhomx biżżejjed kapaċità biex jassumu responsabbiltà għall-ġestjoni ta' każijiet ta' ħasil tal-flus. Ġeneralment, sar progress limitat biex tiġi indirizzata l-kriminalità ekonomika u finanzjarja.

Kien hemm progress limitat fil-prevenzjoni tat- traffikar tad-droga . Is-sigurtà tal-kmamar għall-ħażna tad-drogi konfiskati tjiebet. L-awtoritajiet mexxew numru ta' operazzjonijiet li rnexxew. Madanakollu, il-konfiski, l-arresti u l-prosekuzzjonijiet għadhom ftit. L-isforzi biex jiġi indirizzat it-traffikar tad-droga għadhom fi stadju bikri.

Il-Kosovo għamel xi progress fil-qasam tal- pulizija . Inżammet l-ordni pubblika. Iċ-ċerimonja tal-investitura tal-patrijarka tal-Knisja Ortodossa Serba saret f'atmosfera paċifika. L-istruttura organizzativa ġdida tal-Pulizija tal-Kosovo ġiet approvata, inklużi d-deskrizzjonijiet ta' impjiegi tal-maniġment superjuri. Ġiet adottata l-istrateġija dwar il-kontroll u l-ġbir ta' armi żgħar u ħfief kif ukoll il-pjan ta' azzjoni relattiv. Kien hemm żieda fl-ammont ta' armi illegali rtirati. Madanakollu, il-Pulizija Kosovara teħtieġ tibni metodu ta' żamma tal-ordni ibbażat fuq l-intelligence sabiex tittratta r-reati serji b'mod iktar effettiv.

Kien hemm progress limitat biex tiġi indirizzata l- kriminalità organizzata. Il-Kosovo adotta strateġija ta' prevenzjoni tal-kriminalità. Inħatru prosekuturi speċjali biex jittrattaw mal-kriminalità organizzata. F'dan il-qasam ġew iffirmati sensiela ta' ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi. Madanakollu, il-Kosovo jeħtieġ jistabbilixxi qafas effettiv għall-protezzjoni tax-xhieda. Ma kienx hemm kundanni f'livelli għolja. Kien hemm każijiet ta' intimidazzjoni ta' imħallfin u prosekuturi. Il-kriminalità organizzata għadha ta' tħassib serju. L-awtoritajiet jeħtieġ iżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kriminalità organizzata li topera fil-Balkani tal-Punent u fl-Ewropa, l-aktar permezz ta' investigazzjonijiet, arresti, konfiska tal-assi u kundanni. Il-Kosovo jeħtieġ jikseb riżultati konkreti f'dan il-qasam.

Sar progress limitat fir-rigward tat- traffikar fil-persuni . Kien hemm għadd ta' arresti f'każ ta' kuntrabandu ta' persuni. Il-Kosovo adotta wkoll standards internazzjonali fil-kura tal-vittmi tat-traffikar. Madanakollu, in-numri ta' każijiet misjuba u vittmi tat-traffikar identifikati għadu baxx u ma jirriflettix għal kollox l-iskala tal-fenomenu. Il-livell tal-pieni lill-awturi tar-reati mhux dejjem adegwat. Il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-Kosovo li jinvestigaw, itellgħu il-qorti u jikkundannaw li min jittraffika fil-persuni teħtieġ tissaħħaħ. Rigward il-miżuri kontra t- terroriżmu , sar ftit progress. Il-kapaċità tal-unità kontra t-terroriżmu tal-Pulizija tal-Kosovo tjiebet.

Il-Kosovo għamel progress limitat fil- protezzjoni tad-dejta personali. Ġiet adottata liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. L-awtorità li tissorvelja l-protezzjoni tad-dejta għad trid titwaqqaf. Iċ-ċittadini fil-Kosovo mhumiex infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet tagħhom rigward il-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom. Il-progress f'dan il-qasam huwa essenzjali għall-kooperazzjoni internazzjonali tal-Kosovo fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.

It-Turkija

It-Turkija qed tkompli tissodisfa l- kriterji politiċi . Ir-riformi kostituzzjonali reċenti ħolqu l-kundizzjonijiet għall-progress f'għadd ta' oqsma, bħall-ġudikatura u d-drittijiet funadamentali. Issa jeħtieġ jiġu implimentati skont l-istandards Ewropej. Il-ftuħ demokratiku immirat l-aktar biex jindirizza l-kwistjoni tal-Kurdi, għadha ma laħqitx l-aspettattivi.

Il-pakkett ta' emendi kostituzzjonali approvat f'referendum fit-12 ta' Settembru huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Il-pakkett jindirizza għadd ta' prijoritajiet tas-Sħubija tal-Adeżjoni fil-qasam tal-ġudikatura, id-drittjiet fundamentali u l-amministrazzjoni pubblika. Madanakollu, l-abbozzar u l-adozzjoni tar-riformi kostituzzjonali ma ġewx preċeduti minn proċess ta' konsultazzjoni li jinvolvi l-partiti politiċi u s-soċjeta ċivili in ġenerali. L-implimentazzjoni tal-pakkett, skont l-istandards Ewropej u b'mod trasparenti u inklussiv, se tkun indispensabbli. Għadhom meħtieġa sforzi sinifikanti rigward id-drittijiet fundamentali. Il-kwantità ta' azzjonijiet legali kontra l-ġurnalisti u pressjoni eċċessiva fuq il-midja fil-prattika jimminaw il-libertà tal-istampa. Il-ftuħ demokratiku, imħabbar mill-gvern f'Awwissu 2009 biex jindirizza l-aktar il-kwistjoni tal-Kurdi, kienet segwita mill-gvern biss parzjalment. Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li jiġi xolt il-Partit għal Soċjetà Demokratika (DTP) u ż-żieda fl-attakki terroristiċi tal-PKK ukoll imminaw din il-politika.

Rigward id- demokrazija u l-istat tad-dritt fit-Turkija, l-investigazzjoni tan-netwerk allegatament illegali Ergkenon kompliet. Din l-investigazzjoni u t-tiftix f'diversi pjani oħra ta' kolp ta' stat huma opportunità biex it-Turkija ssaħħaħ il-fiduċja fl-iffunzjonar xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha u l-istat tad-dritt. Madanakollu, hemm tħassib rigward il-garanziji ġudizzjarji għal dawk kollha suspettati. It-Turkija għad trid tikkonverġi l-leġiżlazzjoni tagħha rigward il-proċedura u r-raġunijiet għax-xoljiment tal-partiti politiċi mal-istandards Ewopej.

Rigward ir- riforma fl-amministrazzjoni pubblika , sar xi progress bl-adozzjoni tal-emendi kostituzzjonali, b'mod partikolari lejn it-twaqqif ta' istituzzjoni tal-Ombudsman, il-protezzjoni tad-dejta personali u l-aċċess għall-informazzjoni. Huma meħtieġa iktar sforzi b'mod partikolari fir-riforma tas-servizz ċivili.

Sar progress rigward is- sorveljanza ċivili tal-forzi tas-sigurtà. Il-pakkett kostituzzjonali jillimita l-kompetenza tal-qrati militari u jiftaħ id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Militari Suprem għal reviżjoni ġudizzjarja. Madanakollu, uffiċjali għolja tal-Forzi Armati komplew jagħmlu dikjarazzjonijiet 'lil hinn mill-awtorità tagħhom, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet ġudizzjarji. Ebda progress ma sar f'termini ta' sorveljanza parlamentari fuq il-baġit tad-difiża.

Fil-qasam tal- ġudikatura sar progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja. L-adozzjoni tal-emendi kostituzzjonali dwar l-istruttura tal-Kunsill Superjuri tal-Imħallfin u l-Prosekuturi hija pass pożittiv. Madanakollu, il-ministru tal-Ġustizzja għadu jippresiedi l-Kunsill Superjuri u għandu l-aħħar kelma fl-investigazzjonijiet. Matul il-proċess ta' tħejjija u adozzjoni tal-leġiżlazzjoni implimentattiva, se jkun meħtieġ it-twaqqif ta' djalogu effettiv mal-partijiet interessati kollha. Dan għandu jagħti kontribut għall-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi skont standards Ewropej b'mod trasparenti u inklussiv.

Sar progress rigward l-iżvilupp ta' Pjan komprensiv ta' Strateġija u Azzjoni kontra l-korruzzjoni. Madanakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa f'bosta oqsma. It-Turkija teħtieġ li jkollha rekord tajjeb fl-investigazzjonijiet, l-atti ta' akkuża u l-kundanni.

Rigward id- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , sar xi progress, l-aktar rigward il-libertà tal-assemblea u d-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u d-drittijiet kulturali. Madanakollu, għad iridu jsiru sforzi sinifikanti b'mod partikolari rigward il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon.

Rigward l- osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem , l-istituzzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ jinġiebu għal kollox skont il-prinċipji tan-NU.

Il-bixra pożittiva dwar il-prevenzjoni tat-tortura u t-trattament ħażin qed tkompli. Uħud mill-każijiet bi profil għoli ta' vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem irriżultaw f'kundanni. Madanakollu, għadu qed jiġi rrappurtat użu sproporzjonat ta' forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dan huwa ta' tħassib.

L-implimentazzjoni tal-programm ta' riforma tal-ħabsijiet qed tkompli. Madanakollu, il-proporzjon għoli ta' ħabsin f'arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża għadu wieħed mill-iktar problemi sinifikanti. Is-servizzi tas-saħħa fil-ħabs jeħtieġ jitjiebu.

Il-liġi Torka ma tiggarantix b'mod suffiċjenti l- libertà tal-espressjoni b'mod konformi mal- KEDB u l-każistika tal-QEtDB. In-numru kbir ta' każijiet mibdijin kontra l-ġurnalisti huwa ta' tħassib. Il-pressjonijiet politiċi eċċessivi fuq il-midja u l-inċertezzi legali jaffettwaw l-eżerċitar tal-libertà tal-istampa fil-prattika. Iċ-ċensura ta' spiss fuq is-siti elettroniċi hija sors ta' tħassib.

Rigward il-libertà tal-assemblea, kien hemm xi progress. Dimostrazzjonijiet li fil-passat kienu qajmu l-inkwiet, bħaċ-ċelebrazzjonijiet Newroz (is-sena ġdida kurda) jew l-1el ta' Mejju, din is-sena saru b'mod paċifiku u kienu kkordinati tajjeb mal-awtoritajiet. Madanakollu, uħud mid-dimostrazzjonijiet fix-Xlokk relatati mal-kwistjoni Kurda komplew ikunu kkaratterizzati minn użu ta' forza eċċessiv mill-forzi tas-sigurtà.

B'rabta mal- libertà tal-assoċjazzjoni , il-qafas legali huwa ġeneralment konformi mal-istandards tal-UE. Madanakollu, l-awtoritajiet qed jeżerċitaw kontrolli eċċessivi u jkomplu bi proċeduri għax-xoljiment kontra assoċjazzjonijiet LGBT (Lesbiċi, Gay, Bisesswali u Transesswali).

Rigward il- libertà tar-reliġjon , il-libertà tal-kult għadha ġeneralment rispettata. Qed tkompli, minkejja xi dewmien u problemi proċedurali l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-fondazzjonijiet. Id-djalogu mal-Alevi u dawk mhux Musulmani kompliet iżda għadha ma tatx riżultati. Il-membri tar-reliġjonijiet minoritari komplew jiġu suġġetti għal theddid minn estremisti. Għadu ma ġiex stabbilit qafas legali konformi mal-KEDB, sabiex il-komunitajiet kollha li mhumiex Musulmani u l-komunità Alevi jkunu jistgħu jiffunzjonaw mingħajr impedimenti żejda, inkluż fir-rigward tat-taħriġ tal-kleru.

Il-qafas legali ġenerali li jiggarantixxi d- drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi jinsab fil-parti l-kbira tiegħu stabbilit. Dan il-qafas ġie msaħħaħ permezz ta' emenda kostituzzjonali li tippermetti l-adozzjoni ta' miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva favur in-nisa. Madanakollu, jeħtieġ ikun hemm sforzi kostanti sabiex dan il-qafas legali jinbidel f'realtà politika, soċjali u ekonomika. Il-garanziji tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza tas-sessi fil-prattika għadhom sfidi għat-Turkija. Delitti tal-unur u żwiġijiet sfurzati u vjolenza domestika għadhom problemi serji. Il-leġiżlazzjoni trid tiġi implimentata b'mod konsistenti madwar il-pajjiż kollu. Hemm bżonn ta' iktar edukazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Sar xi progress dwar it-tisħiħ tad- drittijiet tat-tfal . It-Turkija ikkonverġiet il-qafas legali tagħha dwar il-ġustizzja tal-minorenni ma' standards internazzjonali. Id-diverġenza bejn is-sessi fl-edukazzjoni primarja kompliet tonqos, iżda f'ċerti partijiet tal-pajjiż għadha tippersisti. Tfal li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien għadhom sors ta' tħassib. Huma meħtieġa sforzi iżjed b'saħħithom fl-oqsma kollha inkluż l-edukazzjoni, it-tħaddim tat-tfal, is-saħħa, il-kapaċità u l-koordinazzjoni amministrattiva, u t-twaqqif ta' sistema ġudizzjarja tal-minorenni effettiva mal-pajjiż kollu.

L-emendi Kostituzzjonali jwessgħu d- drittijiet tas-sindakati fit-Turkija, l-aktar fis-servizz pubbliku. Madanakollu, hemm dispożizzjonijiet restrittivi fil-qafas legali kurrenti li mhumiex skont l-istandards tal-UE u l-Konvenzjonijiet tal-ILO. Nuqqas ta' kunsens bejn il-partijiet soċjali u l-gvern huwa ostakolu għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida.

L-approċċ tat-Turkija rigward ir-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi u d-drittijiet kulturali għadu restrittiv. Għad trid tinkiseb konformità sħiħa mal-istandards Ewropej f'dak li jirrigwarda rispett u protezzjoni sħiħa tal-lingwi, tal-kultura u tad-drittijiet fundamentali. It-Turkija teħtieġ tagħmel iżjed sforzi biex ittejjeb it-tolleranza u tmexxi 'l quddiem l-inklussività vis-à-vis l-minoranzi.

Ittieħdu xi passi pożittivi biex jissaħħu d-drittijiet kulturali, b'mod partikolari rigward il-politika tat-Turkija dwar il-lingwi barra t-Tork. Madanakollu, għad hemm restrizzjonijiet, l-aktar fl-użu ta' tali lingwi fil-ħajja politika, fl-edukazzjoni u fil-kuntatti mas-servizzi pubbliċi.

Sar dibattitu iktar miftuħ dwar il-kwistjoni tar- Roma u qed jitħejjew miżuri li jindirizzaw uħud mit-tħassib tagħhom. Madanakollu, fin-nuqqas ta' politika komprensiva biex l-inklużjoni soċjali tar-Roma tavvanza, dawn tal-aħħar għadhom ħafna drabi jiltaqgħu ma' trattament diskriminatorju fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-alloġġar, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi pubbliċi.

F'dak li jikkonċerna l-Lvant u x-Xlokk , il-ftuħ demokratiku tal-gvern ma ssodisfax l-asspettattivi minħabba li ftit miżuri bdew jitħaddmu. Huwa importanti li l-isforzi li jindirizzaw il-kwistjoni Kurda jibqgħu jinżammu permezz ta' konsultazzjoni wiesgħa. Il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu trid tiġi emendata biex jiġu evitati restrizzjonijiet mhux meħtieġa fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali. Il-preżenza ta' ħafna landmines għadha tqajjem tħassib. Is-sistema ta' għassies tal-villaġġ għad trid titneħħa gradwalment.

Minn Ġunju kien hemm mewġa ġdida ta' attakki mill-organizzazzjoni terroristika PKK li fihom mietu ħafna nies. Il-PKK qiegħda fuq il-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE. It-Turkija u l-UE tejbu d-djalogu dwar il-kontro-terroriżmu.

Issokta l-kumpens tal- persuni spustati internament (IPDs). Madanakollu, l-implimentazzjoni mhix effettiva. Il-gvern għad ma żviluppax strateġija nazzjonali globali li tindirizza l-kwistjoni tal-IDP, u jeħtieġ li jżid l-isforzi tiegħu biex jindirizza l-ħtiġiet tal-IDPs. Il-qafas legali għar-rifuġjati u dawk li qed ifittxu l-ażil u l-implimentazzjoni ta' ċirkolari rigward proċeduri għall-applikazzjonijiet jeħtieġ jissaħħu. Huwa importanti li jsir iżjed titjib tal-kundizzjonijiet ġenerali taċ-ċentri ta' detenzjoni għall-barranin.

Rigward il- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali, it-Turkija kompliet tesprimi appoġġ pubbliku għan-negozjati bejn il-mexxejja taż-żewġ komunitajiet bl-għajnuna tas-servizzi tas-Segretarju-Ġenerali tan-NU biex jinstab ftehim komprensiv għall- problema ta' Ċipru. Madanakollu, minkejja sejħiet ripetuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, it-Turkija għadha mhix tosserva l-obbligi tagħha kif deskritti fid-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, inklużi l-konklużjonijiet ta' Diċembru 2006 u Diċembru 2009. It-Turkija għadha ma implimentatx għal kollox il-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u għadha ma neħħietx l-ostakli kollha fuq il-moviment ħieles tal-prodotti, inkluż ir-restrizzjonijiet fuq it-trasport dirett fuq rotot li jwasslu lejn Ċipru. Ma sar l-ebda progress dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru.

Rigward ir- relazzjonijiet mal-Greċja, hemm impetu mġedded biex jitjiebu r-relazzjonijiet bilterali. Dan ta xi riżultati pożittivi fil-qasam tal-kummerċ, it-trasport, l-enerġija, il-kultura u l-ambjent. It-taħdidiet esploratorji bilaterali ġew intensifikati. Il-Greċja ressqet għadd konsiderevoli ta' ilmenti formali dwar ksur kontinwu tal-ispazju tal-ajru tagħha mit-Turkija, inklużi titjiriet fuq gżejjer Griegi. Il-Greċja ilmentat ukoll rigward vjolazzjonijiet fl-ibħra territorjali tagħha.

L-UE u t-Turkija għamlu djalogu dwar oqsma ta' tħassib komuni fil- Balkani tal-Punent. It-Turkija ħadet għadd ta' inizjattivi fir-reġjun, inklużi taħdidiet tripartiti mas-Serbja u l-Bosnja-Ħerzegovina. Ir-relazzjonijiet mal-Bulgarija baqgħu pożittivi.

L- ekonomija Torka intlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja globali, iżda malajr irkuprat it-telf tagħha, hekk kif bdiet tikber kullimkien b'rati qawwijin mit-tieni kwart tal-2009. Il-baġit governattiv u l-bank ċentrali ipprovdew b'suċċess appoġġ sostanzjali għal domanda aggregata, b'mod partikolari permezz ta' pożizzjoni fiskali u monetarja iktar rilaxxata. Rati għolja ta' tkabbir huma akkumpanjati minn defiċit kummerċjali u tal-kont kurrenti li malajr qed jikber, tnaqqis fil-qagħad – minkejja livelli iktar għoljin minn dawk ta' qabel il-kriżi – u pressjonijiet inflazzjonarji dejjem jogħlew. L-istrateġija tal-ħruġ minn politiki ta' intervent relatati mal-kriżi jirrukaw fuq il-kisba ta' tkabbir b'saħħtu, sostnut u bbilanċjat. Il-tfassil ta' regola fiskali tlestiet u biż-żmien għandha l-potenzjal li ttejjeb b'mod konsiderevoli l-prestazzjoni fiskali. Madanakollu, l-adozzjoni mill-Parlament iddewmet. Il-progress rigward riforma strutturali kien imħallat, iżda rati inqas ta' interess reali u pedamenti ekonomiċi iktar b'saħħithom għandhom jipprovdu skop għat-tħaffif ta' riformi strutturali.

Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , it-Turkija hija ekonomija tas-suq funzjonanti. Hija għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq perjodu medju ta' żmien, dejjem jekk tkompli timplimenta l-programm komprensiv tagħha ta' riforma strutturali.

F'ambjent li ġiebet warajha l-kriżi, il-kunsens dwar l-elementi essenzjali tal-politika ekonomika inżamm. Il-miżuri kontra l-kriżi taffew it-tnaqqis ekonomiku minkejja li żiedu d-defiċit fiskali u d-dejn tat-Turkija. Dawn qed jitneħħew gradwalment. It-tneħħija f'waqtha u ankrata sew tal-istimuli ekonomiċi għadha sfida sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-konsolidazzjoni fiskali u s-sostenibbiltà fiskali ġenerali f'terminu medju mis-snin ta' qabel, u sabiex jinkiseb tkabbir b'saħħtu, sostnut u bbilanċjat. Il-privatizzazzjoni avvanzat, minkejja li b'pass iktar bil-mod minħabba l-ambjent ekonomiku globali. Is-settur finanzjarju wera saħħa notevoli grazzi għar-riformi ta' qabel. L-investiment irpilja sew u sar progress limitat fit-titjib tal-kapital uman u fiżiku tal-pajjiż. It-Turkija kienet kapaċi tiddiversifika parzjalment il-kummerċ tagħha lejn swieq ġodda, u b'hekk ittaffi sa ċertu punt l-impatt tal-kriżi. Il-kummerċ u l-integrazzjoni ekonomika mal-UE baqgħu għolja.

Madanakollu, l-iżbilanċi esterni u l-ħtiġiet finanzjarji qed jiżdiedu b'mod sinifikanti minħabba li ssokta t-tkabbir u minkejja li l-aċċess għall-finanzjament estern baqa' mingħajr problemi. Il-pressjonijiet mill-inflazzjoni żdiedu sew, l-aktar minħabba pressjonijiet li ġejjin minn inputs ta' enerġija u attività ekonomika vigoruża. Il-kundizzjonijiet sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta' tkabbir ekonomiku qawwi u kontrazzjoni għal għarrieda huma t-trasparenza fiskali, it-tisħiħ tal-qafas li jiffoka fuq l-inflazzjoni u li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja. Ir-rata tal-qgħad għadha iktar għolja mil-livelli ta' qabel il-kriżi u fatturi demografiċi huma mistennija jżommu l-qgħad għoli fis-snin li ġejjin. Il-kapaċità baxxa biex jinħolqu impjiegi ġodda hija marbuta b'mod ċar ma' nuqqas ta' korrispondenza bejn il-kompetenzi offruti u dawk mitluba, kif ukoll regolamentazzjoni eċċessiva tas-suq tax-xogħol. Hemm ostakoli għall-ħruġ mis-suq u l-proċedimenti tal-falliment huma kkumplikati. Il-kriżi kompliet ikkumplikat l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs. L-ambjent legali, u b'mod partikolari l-proċeduri tal-qorti, qed ikompli jimponu sfidi prattiċi u joħolqu tfixkil għal ambjent kummerċjali aħjar. Ir-regolamentazzjoni attwali tas-suq tal-prodott u l-persistenza ta' nuqqas ta' trasparenza rigward l-allokazzjoni tal-għajnuna mill-istat mhux qed iwasslu biex titjieb il-klima għall-investiment. L-ekonomija informali għadha sfida kbira.

It-Turkija kompliet ittejjeb il- ħila tagħha li tassumi l-obbligi li ġġib magħha l-adeżjoni . Sar progress, li xi minn daqqiet kien żbilanċjat, f'bosta mill-oqsma. Il-konverġenza f’ċerti oqsma, bħall-moviment ħieles tal-merkanzija, id-drittijiet ta’ propjetà intellettwali, il-politika tal-anti-trust, l-enerġija, il-politika dwar l-intrapriżi u l-politika industrijali, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-istatistika, in-Netwerks Trans-Ewropej, u x-xjenza u r-riċerka, tinsab avvanzata. Hemm bżonn ta' sforzi biex tkompli tiġi segwita l-konverġenza f'oqsma bħall-ambjent, il-liġi tal-kumpaniji, l-akkwist pubbliku u d-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li tipprovdi servizz. Rigward l-Unjoni Doganali, il-konverġenza trid titlesta. Għadd ta' ostakoli kummerċjali antiki għadhom ma ġewx riżolti, bħal spezzjonijiet ta' analiżi dwar il-konformità, ħtiġiet ta' liċenzjar għall-importazzjoni u l-esportazzjoni, infurzar effettiv tad-DPI, ħtiġiet għar-reġistrazzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi ġodda u trattament diskriminatorju fit-taxxi. Huwa essenzjali li t-Turkija timplimenta għal kollox l-Unjoni Doganali u twarrab għadd kbir ta' ostakoli li ikollhom impatt fuq prodotti tal-UE li jinsabu f'ċirkolazzjoni ħielsa. F'bosta mill-oqsma huwa kruċjali li t-Turkija ttejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħha biex tkun konformi mal-acquis.

Il-qafas leġiżlattiv tal- moviment ħieles tal-merkanzija huwa avvanzat sew, iżda sar biss progress limitat fil-perjodu ta' rappurtar. Ostakoli tekniċi għall-kummerċ qed ikompli jxekklu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija u ġew introdotti ostakoli ġodda. Ftit sar progress fil-qasam tal- libertà tal-moviment tal-ħaddiema , fejn il-konverġenza tal-acquis għadha f'fażi bikrija. Il-konverġenza fl-oqsma tad- dritt ta' stabbiliment u l-libertà li tipprovdi servizz tinsab fi stadju bikri. Jista' jiġi rrappurtat progress limitat ħafna rigward l-għarfien reċiproku tal-kwalifiki professjonali. Ma sar l-ebda progress fl-oqsma tas-servizzi u l-istabbiliment. Rigward il- moviment ħieles tal-kapital sar progress, l-aktar fil-konverġenza mal-acquis fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Il-qafas legali kontra l-finanzjament tat-terroriżmu għadu mhux komplet. It-Turkija ma għamlet ebda progress rigward il-moviment tal-kapital u l-ħlasijiet jew dwar is-sistemi tal-ħlas.

Jista' jiġi rrapportat progress fil-qasam tal- akkwsit pubbliku , partikolarment fir-rigward tal-istruttura istituzzjonali u l-kapaċità amministrattiva. L-istrateġija ta' konverġenza trid tiġi adottata u t-Turkija teħtieġ tkompli bil-konverġenza tal-leġiżlazzjoni tagħha, l-aktar dwar is-servizzi pubbliċi, il-konċessjonijiet u s-sħubiji pubbliċi-privati. Wieħed jinnota progress limitat rigward il- liġi tal-kumpaniji . Il-Kodiċi Kummerċjali ġdid għadu ma ġiex adottat. Il-kapaċità amministrattiva trid tissaħħaħ iktar u jrid jitħejja l-qafas legali u istituzzjonali għall-verifika. Il-konverġenza dwar il- liġi tal-proprjetà intellettwali tinsab relattivament avvanzata. Il-ftehim tat-Turkija li tistabbilixxi Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali (DPI) mal-Kummissjoni jindirizza element importanti tan-negozjati dwar l-adeżjoni. Madanakollu, l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa rigward id-DPI, inklużi sanzjonijiet kriminali deterrenti, għadha pendenti. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fuq il-ħtiġiet tad-DPI iridu jitjiebu.

Rigward il- politika tal-kompetizzjoni , il-konverġenza fil-qasam tal-anti-trust tinsab f'livell għoli. It-Turkija tinforza r-regoli tal-kompetizzjoni b'mod effettiv. Fil-qasam tal-għajnuna mill-istat, l-adozzjoni ta' liġi dwar għajnuna mill-Istat li tistabbilixxi awtorità ta' viġilanza hija pass importanti 'l quddiem. Issa, din l-awtorità ta' viġilanza trid issir operazzjonali malajr kemm jista' jkun.

Sar xi progress dwar is- servizzi finanzjarji , peress li l-awtoritajiet ta' viġilanza introduċew miżuri ta' prudenza ulterjuri. Kollox ma' kollox, il-koverġenza tat-Turkija mal-acquis għadha parzjali. Rigward is- soċjetà tal-informazzjoni u l-midja fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u t-teknoloġiji tal-informazzjoni sar xogħol sinifikanti mir-regolatur tat-Telekomunikazzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tar-regolamenti. Fil-qasam tal-politika awdjoviżiva jista' jiġi rrappurtat xi progress. Madanakollu, għad hemm diversi ostakoli għall-iżvilupp tas-suq. Il-leġiżlazzjoni dwar il-kominikazzjonijiet elettroniċi, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-politika awdjoviżiva jeħtieġu iktar aġġustamenti.

Sar progress limitat fl- agrikoltura u l-iżvilupp rurali. It-tranżizzjoni lejn il-Politika Agrikola Komuni (PAK) fil-politiki ta' sostenn agrikolu kienet minuri. Ittieħdu passi inizjali għall-iżvilupp ta' Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll. Madanakollu, it-Turkija ma rnexxilhiex tneħħi għal kollox l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ fil-prodotti bovini. Il-posponiment tal-akkreditazzjoni għall-istrutturi IPARD jirrappreżenta nuqqas ukoll. Jeħtieġ isir iżjed progress fl-istatistika rigward l-agrikoltura, in-netwerk tad-dejta tal-kontabilità agrikola u l-agrikoltura organika. Rigward is- sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja sar xi progress, l-aktar permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni qafas importanti. L-istrateġija ġdida dwar il-konverġenza għandha tiffaċilita t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis relevanti. Rigward il-qasam tas- sajd , sar xi progress dwar il-ġestjoni tar-riżorsi u tal-flotta, l-ispezzjoni u l-kontroll u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali. Jeħtieġ isir iżjed progress fil-konverġenza leġiżlattiva, l-istrutturi amministrattivi u l-politika tas-suq, l-azzjoni strutturali u l-għajnuna mill-istat.

Inkiseb progress fil-konverġenza tas- settur tat-trasport . Il-konverġenza leġiżlattiva laħqet livell avvanzat fis-settur tal-avjazzjoni, dak marittimu u tat-toroq. Ma sar ebda progress rigward il-liberalizzazzjoni tas-suq ferrovjarju u s-sikurezza f'dan il-qasam. In-nuqqas ta' komunikazzjoni bejn iċ-ċentri ta' kontroll tat-traffiku fit-Turkija u r-Repubblika ta' Ċipru għadha tikkomprometti serjament is-sikurezza fl-ajru. Fis-settur marittimu, ma sar ebda progress għall-adeżjoni ma' konvenzjonijiet internazzjonali. Il-kapaċità amministrattiva u implimentattiva għadha limitata.

Fis-settur tal- enerġija , sar progress tajjeb fil-konverġenza dwar l-elettriku, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll is-sikurezza tal-forniment. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi fl-oqsma tal-gass naturali, l-enerġija nukleari, is-sikurezza nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-għajnuna mill-istat.

Rigward it- tassazzjoni , sar xi progress fil-konverġenza, l-aktar biex jiġu eliminati l-prattiki diskriminatorji fuq it-tabbakk. Madanakollu, iż-żidiet fid-dazju tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku jikkontradixxu l-pjan ta' azzjoni maqbul mal-Kummissjoni, li hu ħtieġa importanti biex isir iktar progress fin-negozjati dwar l-adeżjoni. Ġew segwiti sforzi fl-infurzar tal-amministrazzjoni tat-taxxa, fil-ġlieda kontra l-ekonomija informali u ż-żieda fil-konformità volontarja. Ftit li xejn sar progress fit-tassazzjoni diretta u indiretta.

It-tħejjijiet fil- politika ekonomika u monetarja jinsabu għaddejjin tajjeb. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi għal iktar konverġenza. Dan jirrigwarda l-iktar l-indipendenza sħiħa tal-Bank Ċentrali u l-projbizzjoni tal-aċċess privileġġjat tas-settur pubbliku għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

Sar progress tajjeb fil-qasam tal- istatistika , fejn il-livell ġenerali tal-konverġenza huwa tajjeb. Turkstat kompliet ittejjeb il-koordinazzjoni tas-sistema tal-istatistika. Sar progress tajjeb fir-reġistru tal-impriżi u l-istatistika settorjali. Hemm bżonn ta' iżjed konverġenza fil-kontijiet nazzjonali u l-istatistiċi agrikoli.

It-Turkija għamlet progress fil-konverġenza mal- acquis fil-qasam tal- politika soċjali u l-impjiegi . Il-pakkett ta' emendi Kostituzzjonali wassal għal titjib sinifikanti fil-qasam tad-djalogu soċjali fis-settur pubbliku u jħejji t-triq għal diskriminazzjoni pożittiva favur in-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà. Madanakollu, il-konverġenza fuq livell ġenerali għadha limitata u l-kapaċità amministrattiva għandha bżonn tissaħħaħ. Ir-riforma li tiggarantixxi d-drittijiet sħaħ sindakali skont l-istandards tal-UE u l-konvenzjonijiet tal-ILO għadha pendenti. Hemm diversi tħassib rigward xogħol mhux dikjarat, rati baxxi ta' nisa li jaħdmu u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà. Għad m'hemmx qafas ġenerali ta' politika għall-ġlieda kontra l-faqar.

Sar iżjed progress fil-qasam tal- impriżi u l-politika industrijali , fejn il-konverġenza hija suffiċjenti. Dan il-progress huwa relatat mal-Pjan ta' Strateġija u Azzjoni għall-Industrija, iktar aċċess għal strumenti ta' politika dwar l-impriżi u l-industrija u l-adozzjoni ta' strateġiji settorjali u pjani ta' direzzjoni. Sar titjib limitat fl-ambjent imprenditorjali u hemm sforzi għaddejjin fil-monitoraġġ u l-analiżi.

Sar progress rigward in- Netwerks Trans-Ewropej . B'mod partikolari, it-Turkija waslet fi stadju avvanzat fin-negozjati dwar in-Netwerk Trans-Ewropew għat-Trasport futur. Jista' jiġi rraportat ċertu progress rigward in-netwerks tal-enerġija.

Sar progress, minkejja li irregolari, fil-qasam tal- politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' strumenti strutturali . B'mod partikolari, il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-komponenti III u IV tal-IPA ġie finalizzat. L-involviment tal-partijiet interessati subnazzjonali fit-tħejjija tal-oqfsa tal-proġetti tjieb. Fil-livell nazzjonali għad hemm il-ħtieġa li titjieb il-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni biex jinkiseb isir iktar effiċjenti tal-fondi ta' qabel u għaldaqstant it-Turkija titħejja għall-użu tal-fondi strutturali.

Kollox ma' kollox sar progress fil-qasam tal- ġudikatura . L-adozzjoni tal-emendi kostituzzjonali dwar l-istruttura tal-Kunsill Suprem tal-Imħallfin u l-Prosekuturi hija pass pożittiv. Dan hu minnu wkoll għal-limitazzjoni tal-kompetenza tal-qrati militari. Matul il-proċess ta' tħejjija u adozzjoni tal-leġiżlazzjoni applikattiva, se jkun meħtieġ it-twaqqif ta' djalogu effettiv mal-partijiet interessati kollha u s-soċjetà ċivili in ġenerali. Il-qofol se tkun l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi skont l-istandards Ewropej. Rigward il- ġlieda kontra l-korruzzjoni, sar progress rigward l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva kontra l-korruzzjoni u pjan ta' azzjoni. L-iżvilupp ta' istituzzjoni biex tissorvelja u tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom mexa 'l quddiem ukoll. Madanakollu, hija meħtieġa l-implimentazzjoni effettiva u t-Turkija teħtieġ tizviluppa rekord tajjeb fl-investigazzjonijiet, l-atti ta' akkuża u l-kundanni.

Sar progress, minkejja li irregolari, fil-qasam tal -ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà . Sar progress sostanzjali lejn l-iffinalizzar tan-negozjati dwar ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija. Hemm ħtieġa għal arranġamenti istituzzjonali ċari u biżżejjed riżorsi għall-migrazzjoni u l-ażil. Jista' jiġi rrapportat element ta' progress fil-qasam tad-drogi u l-kooperazzjoni doganali. Sar progress limitat fil-qasam tal-fruntieri esterni u Schengen u l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Ftit sar progress fil-qasam tal-politika dwar il-viża. Ma sar ebda progress rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u ċivili. Kollox ma' kollox, huwa essenzjali li jiġu adottati l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni u jiġu ratifikati l-ftehimiet internazzjonali ffirmati.

It-Turkija tinsab imħejjija sew fil-qssam tax- xjenza u riċerka u għamlet progress tajjeb lejn l-integrazzjoni fiż-Żona ta' riċerka Ewropea. Kollox ma' kollox, il-parteċipazzjoni u r-rata ta' suċċess tal-Programmi Qafas qed jiżdiedu. Jeħtieġ isiru iżjed sforzi biex dawn ir-rati jinżammu matul is-7 Programm Qafas għar-Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku (FP7).

Kien hemm xi progress fl- edukazzjoni u l-kultura , b'mod partikolai fil-qasam tal- edukazzjoni . L-ammont ta' iskrizzjonijiet ta' tfal fl-iskejjel kompla jiżdied bi ftit titjib fil-parità bejn is-sessi u t-Turkija kompliet ittejjeb il-prestazzjoni tagħha kontra l-livelli ta' referenza komuni tal-UE. Sar progress fil-qasam tal-kultura iżda ebda progress fil-konverġenza leġiżlattiva.

Rigward l- ambjent , sar progress permezz ta' iżjed konverġenza. It-Turkija għamlet progress tajjeb fil-ġestjoni tal-iskart filwaqt li sar progress limitat fil-leġiżlazzjoni orizzontali, il-kwalità tal-arja u tal-ilma, it-tniġġiż industrijali, il-kimiċi u l-kapaċità amministrattiva. Madanakollu, it-Turkija għamlet progress limitt ħafna rigward it-tibdil fil-klima u ebda progress fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura. It-Turkija għamlet progress fil-kapaċità amministrattiva billi stabbiliet mekkaniżmi ta' koordinazzjoni. L-investimenti jeħtieġ jiżdiedu.

Sar xi progress fil-konverġenza tal- protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa mal- acquis . Minkejja dan, jeħtieġ li l-kapaċità amministrattiva tiżdied. Hemm bżonn ta' iżjed sforzi fil-protezzjoni tal-konsumatur, biex jissaħħaħ il-moviment tal-konsumaturi u jiġi żgurat infurzar xieraq. Il-Koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati għadhom dgħajfa. Sar progress tajjeb fil-livell ta' konverġenza rigward is-saħħa pubblika. Madanakollu, l-infurzar għadu insuffiċjenti.

Rigward id- dwana, il-livell ta' konverġenza huwa għoli, kemm rigward il-leġiżlazzjoni kif ukoll rigward il-kapaċità amministrattiva. Madanakollu, il-ħwienet duty free fil-punti tad-dħul u r-rekwiżiti għall-importaturi ta' prodotti f'ċirkolazzjoni ħielsa fl-UE biex jissottomettu informazzjoni dwar l-oriġini qabel ir-rilaxx mid-dwana jikkontradixxu l-acquis. Il-leġiżlazzjoni dwar iż-żoni ħielsa, is-sorveljanza u l-kwoti tat-tariffi għadhom nieqsa mill-konverġenza. Hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri biex jitjiebu l-kontrolli bbażati fuq ir-riskju u l-proċeduri ssimplifikati sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu u jonqsu l-kontrolli fiżiċi. L-impenji biex jiġu infurzati b'mod effettiv id-drittijiet dwar il-propjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-merkanzija ffalsifikata jeħtieġ jiġu rispettati.

It-Turkija laħqet livell avvanzat ta' allinjament fil-qasam tar- relazzjonijiet esterni . Madanakollu, hemm bżonn isir iżjed xogħol f'diversi oqsma, b'mod partikolari fis-sistema ġenerali ta' preferenzi rigward il-kopertura ġeografika tagħha.

Il-konverġenza mal- politika barranija u ta' sigurtà komuni tal-UE kompliet għaddejja. It-Turkija fittxet djalogu u konsultazzjoni mal-UE rigward kwistjonijiet ta' politika barranija. Ma kinitx fuq in-naħa tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għal sanzjonijiet addizzjonali kontra l-Iran. It-Turkija għamlet sforzi biex ittejjeb iktar ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien bħall-Iraq, inkluż il-gvern reġjonali Kurd, u s-Sirja. Ir-relazzjonijiet mal-Iżrael iddeterjoraw ħafna wara l-inċidenti tal-flotilla f'Gaża. Il-protokolli li ġew iffirmati mal-Armenja biex jiġu normalizzati r-relazzjonijiet għadhom mhux ratifikati.

It-Turkija qed tikkontribwixxi sostanzjalment fl-Politika Komuni għas-Sigurtà u d-Difiża (CSDP) u qed tfittex involviment ikbar fl-attivitajiet tagħha. Il-kwistjoni tal-kooperazzjoni UE-NATO li tinvolvi lill-Istati Membri kollha tal-UE 'lil hinn mill-'arranġamenti Berlin plus' għad trid tiġi riżolta. It-Turkija mhix allinjata mal-pożizzjoni tal-UE dwar is-sħubija fil-Ftehim ta' Wassenaar.

Jista' jiġi rrapportat progress limitat fil-qasam tal- kontroll finanzjarju , fejn il-konverġenza hija tabilħaqq avvanzata. Il-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Liġi PFMC tinsab fis-seħħ, filwaqt li d-dokument ta' politika u l-pjan ta' azzjoni rigward il-PIFC jeħtieġu reviżjoni. Il-liġi riveduta dwar il-Qorti Torka tal-Kontijiet, li tikkonverġi l-verifika esterna skont standards internazzjonali relevanti, għadha ma ġietx adottata. L-AFCOS Torok għadhom ma evolvewx f'netwerk operazzjonali. Strutturi permanenti huma meħtieġa għal kuntatti mal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Il-konverġenza tat-Turkija mal-prinċipji bażiċi u l-istituzzjonijiet tal-acquis fil-qasam tad-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji jinsabu avvanzati sew, minkejja li t-tħejjija fil-qasam tal-acquis tar-riżorsi proprji għadu fi stadju bikri.

L-Islanda

L-ewwel rapport ta' progress dwar l-Islanda jikkonferma l-evalwazzjoni tal-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Frar 2010 li l-Islanda tissodisfa l-kriterji politiċi. L-Islanda hija demokrazija li tiffunzjona b'istituzzjonijiet b'saħħithom u tradizzjonijiet b'għeruq imqabbda sew fid-demokrazija rappreżentattiva. Is-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż hija stabbilita tajjeb u l-ġudikatura hija ta' standard għoli. Rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi, l-Islanda qed tkompli tipproteġi d-drittijiet fundamentali u tiżgura livell għoli ta' kooperazzjoni ma' mekkaniżmi internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Madanakollu, l-Opinjoni identifikat ukoll għadd ta' nuqqasijiet. Ir-rapport jikkonferma li l-Islanda ħadet xi miżuri biex tindirizzahom.

Għal dak li jikkonċerna l- kriterji politiċi , il-gvern ta' koalizzjoni baqa' stabbli matul il-perjodu ta' rappurtar minkejja l-isfond ekonomiku diffiċli u opinjonijiet diverġenti fost il-forzi politiċi u l-popolazzjoni tal-Islanda dwar il-prospettiva ta' adeżjoni mal-UE. Madanakollu, l-appoġġ għall-proċess ta' adeżjoni żdied fl-aħħar tal-perjodu ta' rappurtar b'maġġoranza favur li jitmexxew in-negozjati għall-adeżjoni.

Sar xi progress biex jiġu identifikati l-atturi responsabbli għall-kollass tas-sistema bankarja Islandiża u biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi politiċi u amministrattivi. Din hija karatteristika notevoli tal-mod kif jiffunzjonaw l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Islanda. Ir-rapport tal-Kummissjoni Speċjali ta’ Stħarriġ, ippubblikat f'April 2010, wassal għal numru ta' rakkomandazzjonijiet biex tiġi stabilizzata s-sistema finanzjarja u biex tiżdied il-viġilanza tagħha. B'mod parallel, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali kompla jmexxi għadd ta' investigazzjonijiet f'dak li ħalliet warajha l-kriżi finanzjarja.

Sar progress tajjeb biex ikompli jitjieb il-qafas legali relatat mal-kunflitt tal-interessi u l-finanzjament tal-partiti politiċi. L-Att Ġudizzjarju ġie emendat biex ibiddel ir-regoli dwar il-ħatra tal-imħallfin bil-għan li tkompli tissaħħaħ l-indipendenza tal- ġudikatura . Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Speċjali ta' Stħarriġ, il-qafas emendat dwar il-kunflitt ta' interessi kif ukoll il-proċeduri riveduti dwar il-ħatriet ġudizzjarji waslu fil-fażi ta' implimentazzjoni. L-impatt ta' dawn il-miżuri se jkollu jiġi rivedut fi stadju iktar tard.

Kemm il- gvern kif ukoll il- parlament komplew jiffunzjonaw tajjeb. Il-gvern ħa passi biex ikompli jsaħħaħ l- amministrazzjoni pubblika. Il-kumitati ta' negozjar li qed imexxu l-koordinazzjoni tal-proċess ġenerali tal-adeżjoni qed jaħdmu mingħajr intoppi.

Il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali għad trid tiġi ratifikata.

L- ekonomija tal-Islanda daħlet f'riċessjoni profonda u għat-tul u l-prospetti ta' imqar ftit irkupru għadhom inċerti. Il-qgħad żdied u l-finanzi pubbliċi sofrew deterjorament qawwi b'defiċit fiskali ogħla u żieda sinifikanti fid-dejn pubblikuli kien diġà għoli. Min-naħa l-oħra, l-inflazzjoni bdiet tonqos ftit ftit iżda b'mod konsistenti. Taħlita ta' Politika makroekonomika prudenti qed tiffoka fuq l-istabbilizzazzjoni ta' rata waħda ta' kambju u konsolidazzjoni fiskali. Qasam finanzjarju li għadu ma jiffunzjonax u żbilanċi wiesgħa fil-karti tal-bilanċ tas-settur privat kif ukoll dejn barrani qawwi jirrappreżentaw l-isfidi ewlenin. Il-programm tal-MFI jinsab għaddej tajjeb.

Rigward il- kriterji ekonomiċi , l-Islanda hija ekonomija tas-suq li qed tiffunzjona. Madanakollu, id-dgħufijiet tas-settur finanzjarju u r-restrizzjonijiet tal-moviment tal-kapital għadhom ixekklu allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. L-Islanda għandha tirkupra l-kapaċità li tlaħħaq mal-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan is-suq uniku fit-terminu medju, sakemm tkompli tindirizza d-dgħufijiet strutturali attwali permezz ta' politiki makroekonomiċi xierqa u riformi strutturali.

Ir-rispons politiku kien kollox ma' kollox xieraq u ta' sostenn biex jistabbilixxi mill-ġdid livell ogħla ta' stabbiltà makroekonomika, minkejja li l-prospetti għall-issuktar mgħaġġel tat- tkabbir ekonomiku għadhom inċerti. Tkompla t-tisħiħ fiskali; id-defiċits fiskali komplew jinżlu u d-dejn pubbliku ġie ristrutturat bil-għan li jtaffi l-profil u jnaqqas ir-riskji tar-rata tal-kambju. L-inflazzjoni niżlet u rati ta' interessi ta' riferiment ewlenin naqsu gradwalment. Il-bilanċ kummerċjali favorevoli sostna apprezzament ħafif tal-munita domestika. Ir-riżervi barranin żdiedu, minkejja li dan intlaħaq ġeneralment fuq il-bażi ta' finanzjament uffiċjali estern. Is-suq tax-xogħol baqa' flessibbli u r-rati ta' parteċipazzjoni baqgħu relattivament għolja. Il-pajjiż igawdi minn infrastruttura bażika tajba, ħafna riżorsi naturali, u popolazzjoni edukata tajjeb.

Madanakollu, l-ekonomija qed tissielet minħabba l-effetti tal-kollass finanzjarju. Il-finanzji pubbliċi għadhom qed jikkonfrontaw l-isfida biex jitnaqqas l-infiq u qed isofru minn obbligi passivi relatati mat-tensjonijiet fis-settur finanzjarju, meta d-dejn ġenerali tal-gvern huwa ta' kważi 90% tal-PGD. Minkejja l-aġġustamenti fis-salarji reali l-qgħad żdied ħafna. Il-kostruzzjoni mill-ġdid tas-settur bankarju imxiet 'il quddiem, iżda l-banek għadhom qed isofru minn kwalità dgħajfa tal-assi li qed tikkomprometti l-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija. Żbilanċi mifruxa sew tal-karti tal-bilanċ fis-settur privat qed jheddu l-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema li ddikjaraw illegali s-self idiċizzat f'munita barranija ħolqu inċertezza, l-aktar fit-trattament tas-self lill-impriżi. Dan jista' jkompli jdgħajjef il-qagħda finanzjarja tal-banek domestiċi minħabba li jkollhom iġorru l-piż addizzjonali minflok dawk li jisselfu. Il-proċess ta' rikostruzzjoni tad-dejn fis-settur privat mexa 'l quddiem bil-mod u d-dejn pubbliku qed jillimita l-ambitu għal investiment ġdid, u għalhekk iżomm lura l-irkupru. L-investiment fi proġetti kbar ta' infrastruttura bħalissa jinsab għaddej minn reviżjoni minħabba d-diskussjonijiet politiċi u n-nuqqas ta' finanzjament. L-ambjent imprenditorjali għadu mxekkel minn kontrolli fuq il-kapital, rati ta' interess relattivament għolja u aċċess diffiċli għall-finanzjament, l-aktar għall-SMEs.

F'dan l-ewwel rapport ta' progress, l- abbiltà tal-Islanda li tassumi l-obbligi tas-sħubija ġiet evalwata fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fid-dawl tal-eżenzjonijiet mogħtija taħt iż-ŻEE. Il-livell ġenerali ta' tħejjija li tissodisfa l-ħtiġiet tal- acquis tal-UE għadu tajjeb, b'mod partikolari minħabba l-parteċipazzjoni tal-Islanda fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

It-tilwima Icesave għadha ma ġietx riżolta. L-abbozz ta' liġi li jawtorizza garanzija mill-istat għal self mogħti mill-gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-kumpens li dawn taw liċ-ċittadini tagħhom li kellhom kontijiet fl-Icesave ġie rrifjutat minn referendum li sar f'Marzu 2010. F'Mejju 2010 l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (ASE) bagħtet ittra ta' notifika formali lill-gvern tal-Islanda fl-ewwel pass ta' proċedura ta' ksur kontra l-Islanda fejn qalet li l-Islanda aġixxiet bi ksur tad-Direttiva dwar l-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti billi ħalliet lid-depożituri fil-fergħat tal-Icesave li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Renju Unit mingħajr garanzija minima. Il-Kummissjoni Ewropea taqbel mal-analiżi legali tal-ASE. In-negozjati bejn ir-rappreżentanti tat-tliet gvernijiet ma taw l-ebda riżultat.

Komplew it-tħejjijiet biex jittieħdu l-obbligi ta' sħubija fit-terminu medju f'oqsma koperti parzjalment miż-ŻEE kif ukoll minn kapitli li mhumiex koperti miż-ŻEE. Kollox ma' kollox l-Islanda qed iżżomm livell tajjeb ta' konverġenza u tapplika parti sostanzjali tal- acquis fl-oqsma koperti mill-ŻEE bħall-moviment ħieles tal-merkanzija, il-moviment ħieles tal-ħaddiema, id-dritt tal-istabbiliment u li tipprovdi servizzi, il-moviment ħieles tal-kapital, l-akkwist pubbliku, il-liġi tal-kumpaniji, il-liġi dwar il-propjetà intellettwali, il-kompetizzjoni, is-servizzi finanzjarji u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja.

Madanakollu, jeħtieġ jitkomplew l-isforzi għal iktar konverġenza mal- acquis tal-UE, b'mod partikolari f'oqsma mhux koperti miż-ŻEE, u jkunu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar. Wieħed għandu wkoll jinnota li l-oqsma li ġejjin x'aktarx se jostakolaw il-proċess ta' adeżjoni: is-servizzi finanzjarji, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-sajd, il-moviment ħieles tal-kapital kif ukoll l-ambjent.

L-isforzi tal-gvern biex jindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u fiskali wasslet għal tnaqqis baġitarju sinifikanti. Hemm bżonn ta' attenzjoni biex ikun żġurat li jibqgħu disponibbli biżżejjed riżorsi għat-tħejjijiet neċessarji assoċjati mal-proċess ta' adeżjoni fl-UE.

L-Islanda qed tkompli żżomm ġeneralment mal- acquis fil-qasam tal- moviment ħieles tal-merkanzija . Madanakollu, ċerti elementi għadhom mhux fis-seħħ fejn jirrigwarda l-miżuri orizzontali u l-approċċ antikwat tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti.

Intlaħaq livell sodisfaċenti ta’ konverġenza fil-qasam tal- moviment ħieles tal-ħaddiema. It-tħejjijiet għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali għad irid jiġu ffinalizzati. Il-leġiżlazzjoni dwar id- dritt tal-istabbilment u l-libertà li tipprovdi servizz hija ġeneralment f'konformità bl-eċċezzjoni tas-servizzi u d-direttivi postali.

L-Islanda tapplika l- acquis dwar il- moviment ħieles tal-kapital b'xi eċċezzjonijiet. F'kooperazzjoni mill-qrib mal-FMI, l-awtoritajiet Islandiżi kkommettew ruħhom biex gradwalment ineħħu r-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital u l-ħlasijiet. Madanakollu, ir-restrizzjonijiet fuq il-flussi tal-kapital kienu sadattant ġew estiżi sa Awwissu 2011; l-ammont massimu ta' munita barranija li tista' tinxtara għall-ivvjaġġar tnaqqas. Sforzi sinifikanti u sostnuti għadhom meħtieġa biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet attwali fuq il-moviment tal-kapital, inkluż l-investiment barrani fis-sajd.

L-Islanda implimentat il-korp ewlieni tal- acquis rigward l- akkwist pubbliku u l-konverġenza ġenerali hija tajba ħafna. Madanakollu, il-kapaċità amministrattiva għad jonqosha iżjed tisħiħ sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-politiki dwar l-akkwist pubbliku.

Sar progress tajjeb dwar il- liġi tal-kumpaniji . Madanakollu, għadha ma saritx il-konverġenza sħiħa mal-istandards kontabilistiċi. L-Islanda qed tkompli żżomm ġeneralment mal- acquis fil-qasam tal- liġi dwar il-propjetà intellettwali iżda għadha meħtieġa politika komprensiva dwar l-infurzar.

L-Islanda laħqet livell għoli ta' konverġenza rigward l- acquis tal-kompetizzjoni u l-istrutturi amministrattivi relevanti jinsabu fis-seħħ. Il-miżuri dwar l-għajnuna mill-istat bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja għad iridu jiġu evalwati.

L-implimentazzjoni sħiħa tal- acquis fuq is- servizzi finanzjarji, flimkien ma' qafas superviżorju rinfurzat, għad trid tiġi żgurata. F'ċerti oqsma ewlenin l-implimentazzjoni għadha mhux kompleta inklużi s-swieq tal-assikurazzjoni u s-sigurtajiet.

L-Islanda diġà laħqet livell għoli ta' konverġenza u applikat parti sostanzjali tal- acquis fil-qasam tas- soċjetà tal-informazzjoni u l-midja . Madanakollu, id-dispożizzjonijiet tar-riforma fit-telekomunikazzjonijiet, id-direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva u l-politiki li joħorġu mill-adozzjoni reċenti tal-Aġenda Diġitali Ewropea għad iridu jiġu implimentati.

It-tħejjijiet fil-qasam tal- agrikoltura u l-iżvilupp rurali għadhom ma bdewx. It-twaqqif ta' strutturi biex jindirizzaw it-tibdil fl-amministrazzjoni, l-aktar it-twaqqif ta' aġenzija tal-pagamenti konformi mal-UE u amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll (IACS) għad iridu jiġu indirizzat.

Sar xi progress dwar is- sikurezza tal-ikel u l-politika veterinarja u fitosanotarja , b'mod partikolari it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza ġenerali tal-ikel. Madanakollu, jeħtieġ isiru sforzi biex jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u tal-laboratorji. Għad baqa' differenzi sostanzjali mis-sistema tal-UE rigward il-pakkett dwar l-iġjene, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ikel innovattiv u ikel ġenetikament immodifikat.

Ebda żvilupp ġdid ma jista' jiġi rrappurtat fil-konverġenza mal-politika komuni tal-UE dwar is- sajd . Jeħtieġ tingħata attenzjoni partikolari lill- acquis dwar is-suq intern rigward id-dritt ta' stabbiliment, il-libertà li tipprovdi servizzi kif ukoll il-libertà tal-moviment tal-kapital fil-produzzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti tal-baħar fejn ir-restrizzjonijiet fis-seħħ mhumiex skont l- acquis . Il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni u l-kontroll ta' miżuri ta' sostenn tal-Komunità għadhom ma twaqqfux.

Rigward it- trasport, ir-restrizzjonijiet għall-investiment barrani fit-trasport bl-ajru u dak marittimu għadhom fis-seħħ. L-Islanda diġà laħqet livell għoli ta' konverġenza u tapplika parti sostanzjali tal- acquis fil-qasam tal- enerġija . Il-konverġenza mal-acquis fil-qasam tal-ħżin petroliferu, l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u l-effiċjenza fl-enerġija hija moderatament avvanzata.

L-ebda żvilupp leġiżlattiv ma jista' jiġi rrappurtat fil-qasam tat- tassazzjoni. L-Islanda diġà kisbet livell tajjeb ta' kapaċità amministrattiva. Minkejja dan, l-uffiċċji ta' kuntatt u l-interkonnettività tal-IT għad iridu jiġu stabbiliti.

L-Islanda diġà laħqet livell tajjeb ħafna mal- acquis fil- politika ekonomika u monetarja . Madanakollu, għad hemm diversi nuqqasijiet, l-aktar rigward l-indipendenza sħiħa tal-bank ċentrali u l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju tas-settur pubbliku.

Rigward l- istatistika, id-disponibbiltà tad-dejta statistika skont il-metodoloġija tal-UE teħtieġ titjieb b'mod partikolari l-istatistika imprenditorjali, makroekonomika u agrikola. L-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ewlenin ippjanati dwar statistika bħall-istħarriġ dwar l-istruttura tal-irziezet u ċ-ċensiment demografiku u dwar l-akkomodazzjoni mhux iggarantit minħabba li r-riżorsi umani u finanzjarji komplew jitnaqqsu.

L-Islanda diġà timplimenta partijiet sostanzjali mill-acquis relatati mal- politika soċjali u l-impjiegi. Madanakollu, għad trid tiġi elaborata strateġija komprensiva dwar l-impjiegi.

Minkejja l-isfond ekonomiku diffiċli, it-tħejjijiet fil-qasam tal- impriżi u l-politika industrijali jinsabu għaddejjin sew. Aċċess aħjar tal-SMEs għall-finanzi hija kwistjoni. Il-konverġenza mal-istandards tal-UE rigward in- netwerks trans-Ewropej hija għolja.

Rigward il- politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' strumenti strutturali , l-Islanda tinsab fi stadju bikri ta' tħejjija għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni. Għad trid issir analiżi xierqa tal-ħtiġiet, inkluża l-identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni.

Il- ġudikatura tal-Islanda hija ta' standards għoli u l-Islanda tipprovdi għal livell għoli ta' protezzjoni rigward id- drittijiet fundamentali . L-Islanda ħadet xi miżuri biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fl-Opinjoni ta' Frar 2010 b'mod partikolari rigward il-proċedura ta' kif jinħatru l-imħallfin u l-kunflitt ta' interess. Madanakollu, l-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet għad trid tiġi evalwata. Il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-protezzjoni tad-dejta għadha mhix konformi mal- acquis .

L-Islanda tapplika l-Ftehim Schengen u waslet f'livell avvanzat ta' konverġenza mal- acquis fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Il-leġiżlazzjoni f'ċerti oqsma għad trid tinġieb f'konformità sħiħa mal- acquis u strumenti internazzjonali relevanti jeħtieġ jiġu ffirmati jew ratifikati.

L-Islanda tinsab avvanzata sew għall-adeżjoni fl-UE u għall-integrazzjoni fiż-Żona Ewropea tar- Riċerka . Il-konverġenza mal-istandards tal-UE fil-qasam tal- edukazzjoni u l-kultura hija għolja. L-Islanda kompliet tipparteċipa attivament fil-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-edukazzjoni kif ukoll fi programmi tal-komunità inklużi l-programmi Tagħlim Tul il-Ħajja, iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni u Erasmus Mundus.

Il- politika ambjentali fl-Islanda hija, fil-parti l-kbira, allinjata mal- acquis tal-UE permezz tal-ftehim taż-ŻEE u jista' jiġi rrappurtat progress ulterjuri fl-oqsma tal-kwalità tal-arja u l-iżvilupp sostenibbli. Madanakollu, għad trid tinkiseb il-konformità mat-tibdil fil-klima kif ukoll l- acquis tal-protezzjoni tan-natura l-aktar rigward il-protezzjoni tal-balieni, il-bumarini u l-agħsafar selvaġġi kif ukoll il-konservazzjoni tal-abitati naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi. Ir-ratifikazzjoni ta' ftehimiet ambjentali multilaterali ewlenin għadha pendenti.

L-Islanda diġà implimentata parti sinifikanti tal- acquis fil-qasam tal- konsumatur u l-protezzjoni tas-saħħa . Madanakollu, it-traspożizzjoni tal- acquis l-ġdida fil-qasam tal-protezzjoni tasl-konsumatur għad trid tiġi kompletata u l-ipproċessar tan-notifiki RAPEX jeħtieġ iktar simplifikazzjoni.

Il-leġiżlazzjoni doganali tal-Islanda hija, fil-parti l-kbira, konformi mal- acquis . Jeħtieġ issir iktar approssimazzjoni sinifikanti fil-leġiżlazjoni u l-prattiki rigward id-duty free. l-interkonnettività mas-sistemi IT tal-UE għad trid tiġi żgurata.

Sar xi progress fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. L-Islanda bdiet it-tħejjijiet biex tanalizza l-obbligi relatati mal-ħtieġa li temenda jew tirrinunzja għall-ftehimiet internazzjonali tagħha; bdiet ukoll it-tħejjijiet relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għad iridu jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-Assistenza għall-Iżvilupp Uffiċjali tal-Islanda ma tkomplix tiddeterjora. L-Islanda għamlet progress tajjeb u laħqet livell globali tajjeb ta' konverġenza fil-qasam tal- politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża .

Rigward il-kontroll finanzjarju, jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-lakuni fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja u s-sistemi ta' kontroll u verifika interna u esterna fid-dawl tal-istandards aċċettati internazzjonalment fis-seħħ fl-UE. It-tħejjijiet rigward il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għad iridu jitjiebu. Sar xi progress fil-qasam tad- dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji hekk kif l-Islanda bdiet tidentifika l-konverġenza meħtieġa mal- acquis .

[1] Taħt l-UNSCR 1244/99.

[2] Il-Kroazja, t-Turkija u l-Islanda diġà pparteċipaw fil-qafas "Edukazzjoni u Taħriġ 2020".

[3] Assistenza fit-terminu qasir fil-qasam tal-kwistjonijiet ta' governanza orizzontali u r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika titwassal mis-SIGMA (Appoġġ għat-Titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni), programm tal-OECD sostnut mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tkabbir.

[4] COM(2009) 534 finali, 14.10.2009.

[5] Dawn jinkludu ħames għanijiet: 1) Soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli tal-kwistjoni ta’ tqassim tal-proprjetà bejn l-Istat u livelli oħra ta’ tmexxija; 2) Riżoluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli ta’ propjetà għad-difiża; 3) L-ikkompletar tad-deċiżjoni finali ta' Brcko; 4) Sostenibbiltà fiskali ; u 5) L-istabbiliment sod tal-istat tad-dritt (muri permezz tal-adozzjoni ta’ Strateġija Nazzjonali dwar ir-Reati tal-Gwerra, Liġi dwar il-barranin u l-ażil u Strateġija Nazzjonali għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja), kif ukoll żewġ kundizzjonijiet speċifiċi: 1) l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u 2) qagħda politika stabbli

[6] Skont il-Liġi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi f'livell nazzjonali, jeżistu 17-il minoranza nazzjonali fil-Bosnja-Ħerzegovina. Il-tliet popli kostitwenti – Bosnjaċi, Kroati u Serbi – ma jikkostitwux minoranzi nazzjonali.

[7] L-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 tal-QEDB, li jipprovdu għal projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni rigward id-dritt għal elezzjonijiet ħielsa; u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 12 tal-QEDB, li jistabbilixxi d-dritt għal trattament indaqs mingħajr diskriminazzjoni.

Top