EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0605

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Rapport dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (l-Att tal-1976 kif emendat bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom) u dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istati Membri ta' residenza (Direttiva 93/109/KE)

/* KUMM/2010/0605 finali */

52010DC0605




[pic] | IL-KUMMISSJONI EUROPEA |

Brussel 27.10.2010

KUMM(2010) 605 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Rapport dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (l-Att tal-1976 kif emendat bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom) u dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istati Membri ta' residenza (Direttiva 93/109/KE)

{KUMM(2010) 603 finali}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Rapport dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (l-Att tal-1976 kif emendat bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom) u dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istati Membri ta' residenza (Direttiva 93/109/KE)

1. Introduzzjoni

Id-drittijiet politiċi mogħtija liċ-ċittadini tal-UE jikkonsolidaw l-identità Ewropea. Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej fi kwalunkwe Stat Membru li jagħżlu li jgħixu fih huwa essenzjali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

L-elezzjonijiet Ewropej huma regolati mill-Att[1] tal-1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew permezz ta' vot dirett universali, kif emendat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom[2], li jistabilixxi xi prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha, bħalma hu l-obbligu li tintuża r-rappreżentazzjoni proporzjonali u biex tiżgura li l-jum tal-votazzjoni jiġi fl-istess perjodu li jibda nhar ta' Ħamis u jispiċċa l-Ħadd ta' wara. L-arranġamenti dettaljati biex ċ-ċittadini tal-UE jitħallew jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej fl-Istat Membru fejn jagħżlu li jgħixu[3] huma stabbiliti fid-Direttiva 93/109/KE[4]. Barra r-regoli li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni fir-reġistru elettorali u s-sorveljanza għall-prevenzjoni ta' votazzjoni u kandidatura doppja, id-Direttiva tistabilixxi deroga li tingħata lill-Istati Membri fejn in-numru ta' residenti li huma ċittadini ta' Stati Membri oħra jeċċedu 20% tan-numru totali taċ-ċittadini tal-UE li jirresjedu hemm li għandhom l-età tal-vot[5]. Tmintax-il xahar qabel kull elezzjoni Ewropea il-Kummissjoni tirraporta dwar jekk id-derogi japplikawx. L-aħħar rapport tal-Kummissjoni ġie adottat fl-20 ta' Diċembru 2007[6].

L-iktar elezzjonijiet Ewropej riċenti nżammu f'Ġunju 2009 meta n-numru ta' 736 siġġijiet fil-Parlament Ewropew ġie stabbilit bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Nizza. Ghalhekk, fl-elezzjonijiet tal-2009, 736 membru ġew eletti fil-Parlament Ewropew. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, in-numru ta' siġġijiet se jiżdied għal 751. Il-miżuri preparatorji neċessarji biex jiġu implimentati dawn id-dispożizzjonijiet ittieħdu mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 2010[7]. It-Trattat ta' Lisbona introduċa wkoll modifika fejn tidħol id-definizzjoni tal-għamla tal-Parlament Ewropew. Minn issa 'l quddiem, qed jiġi stipulat li dan għandu jkun magħmul minn "rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni"[8], minflok "rappreżentanti tal-poplu tal-Istati miġbura flimkien fil-Komunità"[9].

Dan ir-rapport dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009 jakkumpanja u jalimenta ‘ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010: Iż-żarmar tal-ostakoli għad-drititjiet taċ-ċittadini tal-UE:’, li jiffoka fuq il-problemi li għadhom qed jiġu ffaċjati miċ-ċittadini, speċjalment meta jippruvaw jieħdu merkanzija u servizzi fil-konfini interni, u modi kif jiffaċċawhom.

Ir-rapport għandu l-għan li jevalwa l-infurzar tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009. L-ewwel nett, jivvaluta l-livell ta' kuxjenza fir-rigward tal-elezzjonijiet u d-drittijiet assoċjati, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE f'dan ir-rigward u l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet. It-tieni, jagħti ħarsa lejn kif l-Istati Membri ttrasponew u implimentaw id-dritt tal-UE f'dan il-qasam. Fl-aħħar, ir-rapport jindika l-miżuri li għandhom jittieħdu biex titjieb il-parteċipazzjoni u l-garanzija tal-infurzar tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE.

Ir-rapport hu msejjes fuq sondaġġi riċenti tal-Eurobarometer, ir-riżultat tal-konsulatzzjoni pubblika konkluża fil-15 ta' Ġunju 2010, konferenza dwar ‘id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE – it-triq ' il quddiem’ li nżammet fl-1 u t-2 ta' Lulju 2010, l-informazzjoni mogħtija mill-esperti elettorali fl-Istati Membri u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-Att tal-1976 u d-Direttiva 93/109/KE mill-Istati Membri.

2. Sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet

2.1. Attendenza ġenerali u azzjoni biex tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni

Il-parteċipazzjoni tal-votanti naqset b'mod sostnut sa mill-ewwel elezzjonijiet Ewropej diretti fl-1979. Fil-bidu tal-2009, id-dejta tal-Eurobarometer żvelat illi huma biss 34% taċ-ċittadini tal-UE li kienu żguri li se jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej.

Iffaċċati b'din il-parteċipazzjoni baxxa, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni identifikaw l-elezzjonijiet bħala l-prijorità tal-komunikazzjoni interistituzzjonali prinċipali għall-2009 u ddeċidew li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej konġuntament fl-ispirtu tal-ftehim politiku "Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija"[10]. Il-Kummissjoni kellha parti attiva f'li tiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2009[11]. Ikkumplimentat il-kampanja tal-Parlament Ewropew b'iktar minn elf attività u avveniment li mmobilitaw il-pjattaformi ta' komunikazzjoni potenzjali. Saru sforzi speċjali biex jiġu indirizzati b'mod partikolari nisa, żgħażagħ u dawk li kienu se jivvutaw għall-ewwel darba peress li dawn il-gruppi huma l-inqas probabbli li jmorru jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej, skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika magħmula matul il-kampanja. Fl-attivitajiet tal-kampanja tal-Kummissjoni ntużaw mezzi awdjoviżivi u medja ġodda u inkludew 'kampanja tal-MTV' u proġett tal-blog jismu 'AĦSEB DWARHA'. Tipi differenti ta' fuljetti ġew imqassma, bħalma huma 'l-Ewropa għan-nisa', li jispjegaw kif l-UE hija involuta fl-oqsma li jaffetwaw il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, kif ukoll pubblikazzjoni speċifika "Għaliex wieħed għandu jivvota fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew". L-attività tal-kampanja bniet wkoll fuq avvenimenti pubbliċi eżistenti u indirizzat netwerks stabbiliti mmirati, bħalam huma n-Netwerks Ewropej tal-Kmamar tan-Nisa. Dawn l-azzjonijiet, flimkien ma' dibattiti u avvenimenti pubbliċi organizzati mir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea għall-pubbliku ġenerali, urew li joħolqu benefiċċji pożittivi f'termini tal-perċezzjoni tan-nies dwar l-UE.

Minkejja li s-sensibilizzazzjoni tal-kampanja mnedija mill-UE biex tinkoraġġixxi n-nies jivvutaw hija pożittiva (67%), l-impatt fuq il-parteċipazzjoni tal-votanti jidher li hu limitat. Il-parteċipazzjoni tal-votanti laħqet it-43%, b'paragun mal-45% fl-2004, li tikkonferma t-tendenza ta' parteċipazzjoni li qed tonqos. Il-waqgħa fir-rata ta' parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-2009 kienet, madanakollu, relattivament żgħira.

[pic]

Sors: www.europarl.europa.eu

Il-Kummissjoni għamlet ukoll sondaġġ pubbliku ta' wara l-elezzjoni[12] biex jiġu mkejla l-varjanti possibbli li jżidu l-parteċipazzjoni. It-tliet miżuri prinċipali li jistgħu jżidu l-motivazzjoni taċ-ċittadini li jivvutaw kienu: Iktar informazzjoni mogħtija dwar l-impatt tal-Unjoni Ewropea fuq il-ħajja tagħhom ta' kuljum (84%), iktar informazzjoni mogħtija dwar il-programmi u l-għanijiet tal-kandidati u l-partijiet fil-Parlament Ewropew (83%) u iktar informazzjoni mogħtija dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew infushom (80%). Dawn it-tliet suġġerimenti l-iktar popolari ġew appoġġjati mill-maġġoranza ta' dawk li wieġbu f'kull Stat Membru. 61% qablu li jkun iktar probabbli li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet jekk dawn jinżammu fl-istess jum madwar l-Unjoni kollha.

2.2. Sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fl-Istat Membru ta' residenza

L-istatistiċi juru li numru dejjem jiżdied ta' ċittadini Ewropej li laħqu l-età tal-vot jgħixu fi Stati Membri li tiegħu m'għandhomx iċ-ċittadinanza. Pereżempju , fi Spanja n-numru ta' ċittadini tal-UE li m'għandhomx iċ-ċittadinanza tal-pajjiż li qegħdin fih u li laħqu l-età tal-vot żdied minn 700 000 fl-2004 għal kważi 2 miljuni fl-2009, u f'Ċipru minn 45 000 għal 77 000. Fid-dawl ta' dawn l-istatistiċi jista' jiġi konkluż li d-drittijiet politiċi taċ-ċittadini tal-UE huma ta' sinfikat dejjem jiżdied, b'mod parallel mal-użu dejjem jikber tad-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza.

Iż-żieda fin-numri tal-elettorat hija kkonfermata ukoll meta tiġi kkunsidrata r-reġistrazzjoni fil-listi elettorali fl-Istati Membri ta' residenza. Fl-2009, kważi kullimkien kien hemm iktar ċittadini tal-UE reġistrati li jistgħu jivvutaw fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom, paragunat mal-elezzjonijiet ta' qabel. Pereżempju, fi Franza n-numru ta' dawn iċ-ċittadini żdied minn 145 000 fl- 2004 għal aktar minn 200 000 fl-2009; fi Spanja minn 130 000 għal 284 000 ; fir-Repubblika Ċeka minn 99 votant għal 703 fl-2009. Fuq il-bażi tad-dejta mogħtija mill-Istati Membri, madwar l-UE l-proporzjon ta' ċittadini li jgħixu fi Stat Membru ieħor u li huma reġistrati biex jivvutaw hemm fl-elezzjonijiet Ewropj tal-2009 laħqu l-11.6 %[13], paragunat mal-5.9% fl-1994 meta d-Direttiva ġiet applikata l-ewwel darba.

[pic]

Fl-istess ħin, f'xi Stati Membri, anki jekk in-numru ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra li laħqu l-età tal-vot li jirrisjedu fit-territorju tagħhom żdied, ir-rata ta' reġistrazzjoni ma telgħetx proporzjonalment fl-2009 meta paragunata mal-2004. Pereżempju, il-figura ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE li laħqu l-età tal-vot li jirresjedu fid-Danimarka telgħet minn 58 148 fl-2004 għal 96 783 fl-2009 (żieda ta' 66%). Madanakollu, in-numru ta' dawk li rreġistraw biex jkunu jistgħu jivvutaw żdied biss minn 15 572 għal 16 776 (żieda ta' 7%). Fil-Litwanja, in-numru ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE li huma ta' età tal-vot u li jirresjedu fil-pajjiż żdied bi kważi 80% mill-2004 sal-2009, filwaqt li n-numru ta' dawk li wkoll irreġistraw għall-vot hemmhekk żdied b'10% biss.

Hemm diversi raġunijiet għala ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor, anki jekk hemm dejjem aktar u aktar minnhom, għandhom it-tendenza li ma jagħmlux użu aħjar tad-dritt tagħhom tal-vot fl-elezzjonijiet Ewropej. L-ewwel nett, inqas nies ġeneralment jipparteċipaw fl-elezzjonijiet, inklużi ċittadini tal-UE li jirrisjedu fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, tenedenza li għandha r-raġunijiet speċifiċi tagħha. Fattur ieħor huwa l-livell tal-kuxjenza tan-nies dwar id-drittijiet politiċi tagħhom, li hija prekondizzjoni għall-involviment fil-ħajja politika tal-Istat Membru li jgħixu fih. L-istħarriġ tal-Eurobarometer li sar fl-2010 juri li l-kuxjenza żdiedet b'mod sinifikattiv b'paragun mas-snin ta' qabel[14] iżda għad baqa' lok għal titjib. Filwaqt li fl-2007 kien hemm biss 54% tal-parteċipanti li kienu jafu li ċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE huma intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej fl-Istat Membru ta' residenza, il-kuxjenza dwar dan id-dritt żdiedet b'69% fl-2010. Meta wieħed jikkonsidra l-Istati Membri individwali, 79% tal-Irlandiżi, 76% tal-Ispanjoli u 75% taċ-ċittadini Latvjani kienu konxji ta' dan id-dritt, l-għola perċentwali mill-Istati Membri kollha.

Ir-rati ta' parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej fl-Istat Membru ta' residenza jista' jiġi influwenzat ukoll mill-fatt li, minħabba li l-votazzjoni doppja hija projbita, iċ-ċittadini tal-UE jkollhom jagħżlu jekk jivvutawx fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom jew fl-Istat Membru fejn marru jirrisjedu (jiġifieri għal listi ta' kandidati differenti). L-istħarriġ tal-Eurobarometer żvela li n-nies huma estremament maqsumin f'dak li jirrigwarda l-kandidati u l-listi li għalihom jippreferu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej. Madwar 44% qalu li, jekk ikunu qed jgħixu fi Stat Membru ieħor minn dak li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza, jippreferu jivvutaw fuq il-lista ta' dak l-Istat Membru, filwaqt li perċentwali simili (46%) urew li xorta jippreferu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom.

L-istatistiċi indikattivi disponibbli fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2009 jidher li jikkonfermaw il-konklużjonijiet tal-istħarriġ pubbliku. F'xi każijiet, il-maġġoranza ta' ċittadini ta' Stat Membru partikolari li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jippreferu jivvutaw għal listi tal-Istat Membru ta' oriġini tagħhom. Fil-każ taċ-ċittadini Spanjoli, 36 294 irreġistraw biex jivvutaw fi Stati Membri oħra, iżda 68 008 ċittadini Spanjoli li jirrisjedu fi Stati Membri għażlu li jivvutaw għal-listi Spanjoli. F'każijiet oħra, il-maġġoranza ta' tali ċittadini ppreferew li jirreġistraw għall-vot għal listi tal-Istat Membru ta' residenza. Fir-rigward tal-Polonja, pereżempju, 51 344 ċittadin Pollakk irreġistraw għal vot għal listi tal-Istati Membri ta' residenza u kienu biss 10 093 li għażlu l-listi Pollakki.

Id-dritt tal-UE jippermetti liċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE mhux biss li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej iżda wkoll li jikkontestaw bħala kandidati f'dawn l-elezzjonijiet skont l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru. Dan id-dritt ma jidhirx li qed jiġi eżerċitat minn numru kbir ta' ċittadini peress li fl-elezzjonijiet tal-2009 kien hemm biss 81 ċittadin li kkontestaw bħala kandidati fl-Istati Membri ta' residenza rispettivi tagħhom (fl-1999 kien hemm 62 kandidat min Stati Membri oħra u 57 fl-2004). Ċerti ostakli għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt huma evalwati fil-Kapitlu 3.2 tar-rapport.

2.3. Azzjonijiet ta' informazzjoni biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet fl-Istat Membru ta' residenza

Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra dwar kif għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw u li jikkontestaw bħala kandidat fl-elezzjonijiet Ewropej.

Ħarsa ġenerali tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE li ġejjin minn Stati Membri oħra juru approċċi differenti. F'xi Stati Membri l-informazzjoni hija mmirata tajjeb u mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi taċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra, filwaqt li f'każijiet oħra jsiru biss kampanji ta' informazzjoni ġenerali għall-elezzjonijiet Ewropej, li jkopru l-elettorat kollu.

L-aħjar prattiċi jinkludu li jintbagħtu ittri individwali lil ċittadini ta' Stati Membri oħra l-UE biex jiġu infurmati dwar l-arranġamenti biex jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom. Din il-pratikka ġiet estiża sa mill-aħħar elezzjonijiet u hija issa użati minn għaxar Stati Membri[15].

Mezzi oħra, bħalma huma riklami fil-gazzetti, fuq it-televiżjoni u r-radju, kif ukoll informazzjoni fuq il-websajts tal-awtoritajiet nazzjonali huma użati ħafna fl-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tagħti importantza li tinforma liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-passi meħuda biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-votanti. Taħt il-Programm ta' Stokkolma[16] l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħtu konsiderazzjoni attenta lil kif jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jivvutaw, fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej fl-2014. Huwa f'dan il-kuntest li l-Kummissjoni, permezz tal-Programm Speċifiku dwar d-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, tagħti lill-NGOs u lil organizzazzjonijiet oħra l-opportunità li jakkwistaw fondi għall-proġetti tagħhom dwar attivitajiet li jqajmu kuxjenza f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni beħsiebha tippromowovi opportunitajiet ta' ffinanzjar bħal dawn u li tkopri azzjonijiet immirati lejn il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali sew bħala votanti kif ukoll bħala kandidati. Fl-aħħar , l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 tipprovdi għal azzjonijiet biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej, biex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament Ewropew.

3. It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni mill-istati membri tad-dritt tal-ue li jirregola l-elezzjonijiet tal-2009

3.1. Inventarju tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE – it-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/109/KE

Id-Direttiva 93/109/KE tistabilixxi li sabiex iċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvotaw u li jikkontestaw l-elezzjonijiet Ewropej fl-Istat Membru ta' residenza, għandhom jitolbu li jkunu reġistrati fil-listi elettorali ta' dak l-Istat Membru. Peress li bħalissa mhux permess li xi ħadd ikun kandidat fl-Istat Membru tal-oriġini u tar-residenza fl-istess ħin, ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE huma obbligati li jagħmlu dikjarazzjoni li se jivvutaw jew jikkontestaw bħala kandidat biss fl-Istat membru ta' residenza. Biex tiġi evitata votazzjoni u kandidatura doppja, l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni biex jidentifikaw kandidati u votanti rreġistrati fl-Istati Membri ta' residenza u ta' oriġini. Il-kandidati għandhom ukoll jissottomettu ċertifikat, ikkonsenjat mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, li jipprova li ma ġewx miċħudin id-dritt li jikontestaw bħala kandidat. L-Istati Membri għandhom obbligu li jipprovdu informazzjoni speċifika liċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra li jkunu jirrisjedu fit-territorju tagħhom dwar l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jivvutaw u li jikkontestaw l-elezzjonijiet bħala kandidati, kif ukoll dwar l-azzjoni meħuda fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom biex jidħlu fil-lista elettorali u jikkontestaw bħala kandidat.

Il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva fl-Istati li saru membri tal-Unjoni fl-1 ta' Mejju 2004 ġiet diġà evalwata mill-Kummissjoni u l-miżuri neċessarji ttieħdu, sa mid-dħul fis-seħħ tadDirettiva fl-1994. Ir-rapporti preċedenti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, ippubblikati fl-1998[17] u fl-2000[18], rrevedew is-sitwazzjoni u l-proċedimenti ta' ksur imnedija għall-iżgurar tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni. Dawn il-proċedimenti wasslu għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva mill-Istati Membru kkonċernati.[19]

F'evalwazzjoni riċenti mill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-Istati li saru membri tal-Unjoni wara l-1 ta' Mejju 2004 ġie indikat li, kollox ma' kollox, il-kundizzjonijiet legali li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw u li jikkontestaw bħala kandidat fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom ġew sodisfatti. Matul l-elezzjonijiet tal-2009, f'għaxar Stati Membri ma hemm l-ebda ostakoli immedjati għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet Ewropej. Madanakollu, f'żewġ Stati Membri, is-Slovenja u Malta, il-kundizzjonijiet imposti fuq iċ-ċittadini tal-UE jidhru li qed joħolqu ostaklu kbir għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt. Fis-Slovenja, iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra huma mogħtija d-dritt biex jivvutaw u biex jikkontestaw fl-elezzjonijiet Ewropew biss wara minimu ta' ħames snin jirresjedu f'dak l-Istat Membru.

Il-leġiżlazzjoni ta' Malta għadha tistabilixxi li biex tirreġistra ruħek fil-lista elettorali ċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra għandhom jippreżentaw "karta ta' identità Maltija"[20]. Barra minn hekk, l-awtorità elettorali, 'kull meta tqisu meħtieġ', tista' tobbliga ċ-ċittadini tal-UE li jġeddu d-dikjarazzjoni magħmula meta jkunu rreġistraw ruħhom fil-lista elettorali. Bħala konsegwenza, iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra jistgħu jiġu esklużi milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet f'Malta anki jekk ikunu diġà rreġistraw fil-lista elettorali.

Barra dan, f'numru ta' Stati Membri[21], il-liġijiet nazzjonali jimponu obbligi addizzjonali għaċ-ċittadini tal-UE li jfittxu li jirreġistraw għall-vot jew biex jikkontestaw bħala kandidat, bħalma hu l-obbligu li wieħed jipprovdu dokument ta' reġistrazzjoni li jkun prova ta' residenza jew l-obbligu li wieħed iġedded ir-reġistrazzjoni għal kull elezzjoni Ewropea. Tali obbligi wkoll jmorru kontra d-Direttiva.

Fl-aħħar nett, numru ta' Stati Membri jidher li għadhom ma rnexxielhomx jittrasponu korrettament l-obbligu li jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini dwar l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jivvutaw u li jikkontestaw l-elezzjonijiet[22]. Waħda mir-raġunijiet għall-parteċipazzjoni baxxa fl-elezzjonijiet hija n-nuqqas ta' għoti ta' informazzjoni suffiċjenti liċ-ċittadini.

3.2. L-ostakli ffaċċjati miċ-ċittadini tal-UE li jixtiequ jwaqqfu jew jsiru membri ta' partiti fl-Istati Membri fejn jgħixu, li ma jkunx dak tal-oriġini

Ostaklu ieħor għat-tgawdija taċ-ċittadini tal-UE tad-dritt tagħhom li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropew hija marbuta ma' restrizzjonijiet fir-rigward tas-sħubija tagħhom f'partiti politiċi u l-kondizzjonijiet għat-twaqqif tal-partiti politiċi.

L-eżerċizzju tad-dritt biex wieħed jikkontesta bħala kandidat fl-elezzjonijiet huwa marbut b'mod qawwi mas-sħubija f'partiti politiċi. Il-kandidati, f'ħafna każijiet, jikkonkorru f'listi li jiġu mressqa mill-partiti politiċi u li huma magħmula mill-membri rispettivi tagħhom. Il-liġijiet tal-Istati Membri li jirrestrinġu s-sħubija fil-partiti politiċi għaċ-ċittadini tagħhom stess ma jħallux liċ-ċittadini tal-UE milli jikkontestaw fl-elezzjonijiet Ewropej bħala membri ta' partiti politiċi. Bħala konsegwenza, ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE jistgħu jikkontestaw elezzjonijiet biss bħala indipendenti jew bħala kandidati mressqa minn organizzazzjonijiet li mhumiex partiti politiċi, f'konformità mal-arranġamenti nazzjonali stabbiliti. Tali leġiżlazzjoni tfisser li l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt għaċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra u għal dawk li mhumiex mhumiex l-istess.

Barra minn dan, jekk ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE ma jkollhomx id-dritt li jwaqqfu partiti politiċi iżda jistgħu biss jissieħbu ma' dawk eżistenti, qegħdin jiġu miċħuda l-possibilità li jirrapreżentaw pjattaformi li mhumiex rappreżentati mill-partiti eżistenti.

L-evalwazzjoni tal-liġijiet nazzjonali turi li fir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja u l-Polonja, iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra ma għandhomx id-dritt li jwaqqfu partiti politiċi jew li jsiru membri ta' partiti politiċi eżistenti. Għandu jiġi nnutat li, minkejja din ir-restrizzjoni, iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra mhumiex kompletament esklużi milli jikkontestaw l-elezzjonijiet. Fir-Repubblika Ċeka u fil-Litwanja l-partiti politiċi jistgħu wkoll jressqu kandidati indipendenti fuq il-listi tagħhom. Fil-Polonja, apparti mill-partiti politiċi, grupp ta' votanti għandhom id-dritt li jressqu kandidati. Madanakollu, iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra ma jitħallewx, taħt din il-leġiżlazzjoni, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jikkontestaw bħala kandidat taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istati Membru partikolari.

Fil-Bulgarija, il-Greċja, il-Latvja, Spanja u s-Slovakkja, iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra għandhom id-dritt li jsiru membri ta' partiti eżistenti iżda ma għandhomx id-dritt li jwaqqfu partit. Fil-Ġermanja u l-Finlandja tiġi ffisata kwota nazzjonali ta' ċittadini biex jiġi mwaqqaf partit politiku u għaldaqstant iċ-ċittadini tal-UE stranġieri jistgħu jwaqqfu partiti politiċi ġodda meta jkunu qegħdin jaġixxu ma' ċittadini ta' dawn l-Istati Membri.

3.3. Il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet - it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-Att 1976

L-Att tal-1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew ġie emendat l-aħħar mid-Deċiżjoni 2002/772/KEE, li introduċiet il-prinċipji komuni li huma applikabbli fil-preżent dwar l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet. Ma kien hemm l-ebda rapport dwar it-traspożizzjoni ta' dan l-Att sa mill-emenda fl-2002.

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni turi li t-traspożizzjoni tal-Att qed toqrob lejn it-tlestija f'ħafna Stati Membri. L-unika kwistjoni ta' rilevanza hija n-nuqqas ta' traspożizzjoni tal-Artikolu 10(2) li jipprojbixxi l-pubblikazzjoni bikrija tar-riżultati elettorali, jiġifieri qabel ma l-votazzjoni tkun ingħalqet fl-Istati Membri kollha. Tnax-il Stat Membru[23] jidher li ma ttrasponewx dan l-obbligu b'mod korrett. Minnbarra l-Pajjiżi l-Baxxi, l-ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri ma ppubblika r-riżultati kmieni. Madanakollu, mhemm l-ebda garanzija legali li mhux se jagħmlu hekk f'elezzjonijiet fil-ġejjieni.

L-iskop ta' dan l-Artikolu huwa li jiġi żgurat li l-publikazzjoni kmieni tar-riżultati fi Stat Membru wieħed ma tinfluenzax il-vot b'xi mod fi Stati Membri oħra fejn tkun għadha qed issir il-votazzjoni. Dan isir sabiex jiġi ggarantit il-vot liberu, li huwa prinċipju demokratiku bażiku li għandu jiġi rispettat fl-elezzjonijiet parlamentari Ewropej skont l-Artikolu 1(3) tal-Att tal-1976.

3.4. Żvilupp fil-ġurisprudenza tal-UE

F'żewġ deċiżjonijiet riċenti konnessi mal-elezzjonijiet Ewropej, il-każ ta' Ġibiltà (C-145/04, Spanja v. ir-Renju Unit ) u l-każ Aruba (C-300/04, Eman en Sevinger ), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għamlet il-punt importanti li minkejja li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni li jirregolaw dawk l-aspetti tal-proċedura elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (PE) li mhumiex armonizzati f'livell tal-UE, għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-deċiżjoni tagħha fil-każ ta' Gibiltà, il-Qorti spjegat li d-dritt tal-UE ma jżommx Stat Membru milli jestendi d-dritt tal-votazzjoni, lil hinn miċ-ċittadini tiegħu stess u ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fit-territorju tiegħu, għal kategoriji definiti oħra ta' persuni li għandhom konnessjoni mill-qrib miegħu. B'mod simili, fid-deċiżjoni tal-każ Aruba, il-Qorti tenniet li d-dritt tal-UE ma jżommx Stat Membru milli jżomm id-dritt ta' votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-PE liċ-ċittadini tiegħu stess li ma joqogħdux fit-territorju tiegħu. Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw id-dritt tal-UE inkluż il-prinċipji ġenerali tiegħu. Dan jinkludi b'mod partikolari l-prinċipju tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni.

4. Sforzi biex jiġi garantit id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni

4.1. Traspożizzjoni tad-Direttiva 93/109/KE u tal-Att tal-1976

Il-Kummissjoni intensifikat l-isforzi tagħha biex tiżgura t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva 93/109/KE. Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet miġbuda mill-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni qed tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li l-ostakli għall-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali jitneħħew, inkluż li l-obbligu li ċ-ċittadini jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom ikun rispettat bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni ttrattat bħala prijorità l-ostakoli li jżommu liċ-ċittadini milli jagħmlu użu sħiħ tad-dritt tagħhom li jikkontestaw bħala kandidati għall-elezzjonijiet Ewropej fl-Istat Membru ta' residenza u qed jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li dawn iċ-ċittadini jkunu ħielsa li jissieħbu f'partiti politiċi fl-Istati Membri ta' residenza. Fir-tigward tat-traspożizzjoni tal-Att tal-1976, il-Kummissjoni qed tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Artiklu 10(2).

4.2. Il-prevenzjoni tal-votazzjoni doppja — sforzi biex jiġu mtejba l-makkaniżmi preżenti

Peress li l-mekkaniżmu preżenti għall-prevenzjoni tal-votazzjoni doppja u għall-kandidatura[24] doppja ġie meqjus defiċenti, il-Kummissjoni adottat proposta biex temenda Direttiva fl-2006. Il-proposta hija mmirata lejn li tissemplifika s-sistema u li tagħmilha iktar effettiva: kienet tinkludi b'mod partikolari s-sostizzjoni tal-mekkaniżmu preżenti ex ante ma' mekkaniżmu ex post fuq il-voti mitfugħin, kombinati ma' penali aktar ħarxa. Il-proposta għadha pendenti fil-Kunsill, peress li d-diskussjonijiet ġew sospiżi fl-2008.

Għaldaqstant, il-mekkaniżmu preżenti ġie użat mill-ġdid fl-elezzjonijiet tal-2009. Minkejja x-xogħol kollu preparatorju għal dawn l-elezzjonijiet, ma kien hemm l-ebda titjib kbir. Dawn il-problemi kienu l-istess bħal fl-elezzjonijiet preċedenti. Minħabba ġranet differenti ta' votazzjoni u minħabba d-differenzi fid-dejta użata fl-Istati Membri biex jiġu identifikati l-votanti, l-informazzjoni dwar iċ-ċittadini tal-UE mibgħuta mill-Istati Membri tar-residenza lill-Istat Membru tal-oriġini ħafna drabi ma tkunx tista' tiġi użata. Għaldaqstant, l-għan aħħari tal-mekkaniżmu, jiġifieri t-tneħħija mill-listi fl-Istati Membri tal-oriġini ta' dawk reġistrati fl-Istati Membri ta' residenza, ma jistax jintlaħaq għal kollox.

Minħabba dawn id-diffikultajiet, numri kbar ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE ma setgħux jiġu identifikati fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni. Pereżempju, l-awtoritajiet Ċeki identifikaw biss 2 500 ruħ minn 3 800 ċittadin Ċek notifikat mill-Istati Membri l-oħra, peress li ma kienx hemm dejta suffiċjenti disponibbli; fl-Irlanda kien hemm biss 208 ċittadin li ġew identifikati minn 4 795 notifikati; il-Portugall identifika biss 38 619 ċittadin minn 83 556 li ġew notifikati;

Taħt id-Direttiva hija biss dejta limitata li tista' tiġi rreġistrata fil-mument tar-reġistrazzjoni taċ-ċittadin ta' Stat Membru ieħor tal-UE fil-lista elettorali[25]. Id-data ta' twelid, li tidher li hi neċessarja f'ħafna mill-Istati Membri għall-identifikazzjoni taċ-ċittadini tagħhom fil-listi elettorali, mhux rikjesta mid-Direttiva. Jista' jiġi biss konkluż li l-lista preżenti tad-dejta li għandha tinġabar, kif stabbilit fid-Direttiva, mhux biżżejjed biex il-mekkaniżmu jaħdem kif suppost.

Fir-rigward tal-kwistjoni tat-tempestività, id-Direttiva sempliċiment tistabilixxi li d-dejta għandha tintbagħat ‘fi żmien suffiċjentement qabel il-jum tal-votazzjoni’. B'danakollu, ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni tindika li f'ħafna każijiet, l-informazzjoni mibgħuta minn Stat Membru wieħed tasal tard wisq għand l-ieħor biex ikun jista' jipproċessha[26]. Pereżempju, l-awtoritajiet Griegi ma pproċessawx xi informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri fejn kienu qed jirrisjedu ċ-ċittadini Griegi, peress li l-informazzjoni waslet wara t-3 ta' Marzu 2009, meta l-listi elettorali kienu diġà magħluqa f'dak l-Istat Membru u ma setgħux jiġu mibdula. In-nuqqas ta' qafas ta' żmien komuni għar-reġistrazzjoni tal-votanti u għal biex tintbagħat id-dejta jista' jiġi kkunsidrat bħala impediment għall-funzjonament tal-mekkaniżmu.

Ostakoli oħra li ġew identifikati mill-Istati Membri jinkludu l-ispedizzjoni tal-informazzjoni minn numru kbir ta' korpi deċentralizzati minflok minn punt ta' kuntatt uniku;. Problemi fl-aċċess tad-data mibgħuta elettronikament u protetta permezz ta' għodod ta' sigurtà differenti; l-immaniġġjar ta' numri kbar ta' notifiki mibgħuta f'forma stampata.

Fid-dawl tad-diffikultajiet li kellu l-mekkaniżmu li baqgħu jidhru fl-elezzjonijiet tal-2009, il-Kummissjoni qed teżamina modi ta' kif ittejjeb l-affarijiet, inkluża l-possibilità li tirtira l-proposta tagħha tal-2006 u tissostitwieha b'verżjoni modifikata. Hemm żewġ rekwiżiti li jridu jiġu sodisfatti: Il-ħtieġa li tiġi mtejba l-effiċjenza fl-intraċċar tal-votazzjoni doppja biex tiġi żgurata l-leġittimità u l-ħtieġa li tiġi provduta sistema leġġera li ma tikkostitwixxix piż amministrattiv sproporzjonat meta mqabbel mal-problema u l-portata tal-votazzjoni doppja. Jidher li mekkaniżmu aktar effiċjenti jinħtieġ iktar regoli komuni, eż. fir-rigward tal-skedi elettorali u d-data li għandha tiġi miġbura. Għandhom jittieħdu aktar passi f'kunsiderazzjoni tal-iskeda taż-żmien tar-riforma tal-Parlament Ewropew, li jista' jkollha impatt fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/109/KE.

4.3. Il-modifika tal-Att tal-1976 (mibdi mill-PE) — il-kont ribut tal-Kummissjoni għall-inizjattiva tal-PE

Il-Parlament Ewropew kien attiv sa mill-2007 fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-parteċipazzjoni baxxa taċ-ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet Ewropej[27]. Id-diskussjonijiet kienu mmirati biex jintroduċu prinċipji komuni ġodda fil-proċeduri elettorali sabiex iċ-ċittadini jitqarrbu lejn il-proċess deċiżjonali u biex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea ta' dawn l-elezzjonijiet. L-intenzjoni hi li l-għan jintlaħaq permezz ta' karatteristiċi ġodda tal-elezzjonijiet Ewropej bħalma hija l-lista għall-UE kollha, fejn it-territorju kollu tal-Unjoni jkun jikkostitwixxi kostitwenza elettorali unika li għaliha numru fiss ta' Membri tal-PE jiġi elett flimkien mal-751 li bħalissa huma stabbiliti mit-Trattat. Il-listi transnazzjonali huma intiżi li jżidu r-rwol tal-partiti politiċi fuq livell Ewropew u biex jixprunaw attivitajiet tal-kampanja elettorali li jiffukaw fuq kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-interessi nazzjonali u jevidenzjaw il-kwistjonijiet u d-dibatiti Ewropej. Li kellhom jinħolqu distretti elettorali reġjonali fl-Istati Membri b'popolazzjonijiet ta' aktar minn 20 miljun ruħ kieku jservu biex iġibu l-attività ta' Membri tal-PE aktar viċin għall-kostitwenti. Xi partiti politiċi Ewropej jippromwovu programmi politiċi (pjattaformi), u xi wħud minnhom jippromwovu l-idea li jinnominaw il-kandidat tagħhom għal-kariga tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, li jikkontesta l-elezzjonijiet fil-lista tal-partit politiku Ewropew individwali. Il-Parlament Ewropew għandu hu stess is-setgħa li jibda l-bidliet għall-proċedura elettorali applikabbli fl-Istati Membri kollha[28]. Anki jekk il-Kummissjoni ma għandha l-ebda rwol formali f'dan ir-rigward, għandha l-intenzjoni li tikkontribwixxi billi tippreżenta studju komparattiv konkluż fl-2010. L-istudju jidentifika aspetti tal-arranġamenti elettorali bħala prinċipji potenzjali komuni ulterjuri. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta' faċilitajiet għall-votazzjoni barra mill-pajjiż għall-votanti espatrijati biex b'hekk ikunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet għal-listi tal-Istat Membru ta' oriġini tagħhom; l-eliminazzjoni tal-possibilità loi teżisti bħalissa li jiġi applikat limitu minimu biex jitjiebu ċ-ċansijiet ta' partiti iżgħar biex jilħqu rappreżentanza; l-abolizzjoni ta' depożiti finanzjarji mitluba f'numru ta' Stati Membri qabel ma' partit politiku jew kandidat indipendenti jkun jista' jikkontesta l-elezzjonijiet; it-tressiq 'il quddiem tal-iskadenza għall-votanti li jirreġistraw biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli inkroċjati tal-votanti rreġistrati mill-Istati Membri.

5. Konklużjoni JIET

DEJJEM IKTAR U IKTAR ċITTADINI TAL-UE QED JEżERċITAW ID-DRITT TAGħHOM GħALL-MOVIMENT ħIELES, U JISTA' JKUN LI JIXTIEQU JAGħMLU UżU TAD-DRITTIJIET TA' VOTAZZJONI TAGħHOM FL-ISTAT MEMBRU TA' RESIDENZA. MADANAKOLLU, JIDHER LI N-NUMRU TA' ċITTADINI LI JIRREġISTRAW GħALL-VOT FL-ELEZZJONIJIET EWROPEJ FL-ISTAT MEMBRU FEJN JGħIXU HUWA AKTAR BAXX MILL-ELETTORAT POTENZJALI, JIġIFIERI N-NUMRU TA' ċITTADINI TAL-UE TAL-ETÀ TA' VOTAZZJONI LI JGħIXU FI STAT MEMBRU LI MHUX TAGħHOM. DAN JINDIKA LI HEMM LOK BIEX Iċ-ċITTADINI JSIRU IKTAR KONXJI MID-DRITTIJIET ELETTORALI TAGħHOM U BIEX JIġU MħAJRA JIPPARTEċIPAW FIL-ħAJJA DEMOKRATIKA TAL-UNJONI.

Iċ-ċittadini li jkunu infurmati adegwatament għandhom probabbilità akbar li jinvolvu rwieħhom fil-ħajja politika. Fil-perjodu ta' wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni identifikat l-aħjar prattiċi li għandhom jiġu segwiti fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014. Il-Kummissjoni se tipproponi li tistabbilixxi s-sena 2013 bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, anki fid-dawl tal-qawmien ta' għarfien dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan hu maħsub li se jwassal għall-mobilizzazzjoni aħjar tal-elettorat fl-2014.

Il-Kummissjoni għandha wkoll l-intenzjoni li tkompli toffri fondi għall-attivitajiet tal-NGOs u ta' organizzazzjonijiet oħra biex tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jafu d-drittijiet elettorali tagħhom u jiġu inkoraġġiti jagħmlu użu minnhom.

Minn barra li ċ-ċittadini jiġu infurmati dwar id-drittijiet elettorali tagħhom, il-kundizzjonijiet legali adegwati huma prerekwiżit importanti għall-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet. Il-Kummissjoni qed tħares b'attenzjoni lejn il-mod kif l-Istati Membri ttrasponew u implimentaw id-dritt tal-UE relevanti, u fejn meħtieġ se tieħu dawk il-passi neċessarji biex tirrimedja xi nuqqasijiet.

Id-diffikultajiet bil-mekkaniżmu preżenti biex tiġi projbita l-votazzjoni f'żewġ Stati Membri fl-istess elezzjonijiet Ewropej, u li ġew diġà identifikati mill-Kummissjoni f'elezzjonijiet preċedenti u indirizzati fl-2006 permezz ta' proposta biex jiġi emendat, baqgħu hemm fl-2009. Il-Kummissjoni qed teżamina l-ħtieġa li tisostitwixxi l-proposta tal-2006 b'emenda ulterjuri għad-Direttiva 93/109/KE. Jidher li mekkaniżmu aktar effiċjenti jiħtieġ iktar regoli komuni. Fl-istess ħin, kwalunkwe arranġament ġdid għandu jkun proporzjonat għall-problema u l-portata tal-votazzjoni doppja.

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll issegwi u, sal-limiti tas-setgħat tagħha, tikkontribwixxi, għar-riflessjoni dejjem għaddejja fil-Parlament Ewropew dwar kif jista' jiġi ġenerat aktar interess fost iċ-ċittadini. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-isforzi biex titjieb id-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet u biex tirriforma l-mod li bih il-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti sabiex il-partiti politiċi u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet jinġiebu eqreb lejn iċ-ċittadini u sabiex tissaħħaħ il-bażi demokratika tal-operat tiegħu.

[pic]

[1] Dan l-Att huwa anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 278, 8.10.1976)

[2] ĠU L283, 21.10.2002

[3] Iċ-ċittadini tal-UE huma mogħtija d-dritt, taħt l-Artikolu 22 tat-TFUE, biex jivvutaw u biex jikkontestaw l-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej fl-Istat Membru fejn jirrisjedu mingħajr ma jkollhom iċ-ċittadinanza, skont l-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini

[4] Direttiva 93/109/KE tal-6 ta' Diċembru 1993 (ĠU L 329, tas-30.12.1993, p. 34).

[5] Dawn l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra perjodu minimu ta' residenza fit-territorju tagħhom qabel ma jagħtuhom id-dritt tal-vot jew biex ikunu jistgħu jikkontestaw l-elezzjonijiet.

[6] Ara r-rapport COM(2007)846.

[7] Ara d-dokument 11192/10 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

[8] Artikolu 14.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

[9] L-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

[10] Il-ftehim politiku ‘Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija’ ġie ffirmat fit-22 ta' Ottubru 2008.

[11] Rapport–Elezzjonijiet Ewropej 2009 Attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea biex Jgħollu s-Sensibilizzazzjoni :

http://www.cc.cec/home/dgserv/comm/european_elections/report_european_elections_2009.html.

[12] Flash Eurobarometer Nr. 292

[13] Dawn il-figuri jirriżultaw mid-dejta provduta mill-maġġoranza tal-Istati Membri. Madanakollu, il-Kummissjoni m'għandhiex informazzjoni suffiċjentidwar in-numru ta' ċittadini tal-Unjoni fil-Bulgarija, Franza, l-Italja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

[14] L-istħarriġ preċedenti sar fl-2007—Flash Eurobarometer 213.

[15] L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, u il-Lussemburgu.

[16] Dokument Nu 17024/09 tal-Kunsill tal-UE, 2 ta' Diċembru 2009.

[17] COM(97)731.

[18] COM(2000)843.

[19] Ittieħdu proċedimenti ta' ksur kontra l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Isvezzja.

[20] Id-Direttiva 2004/38 KE abrogat il-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini tal-UE u ssostitwiethom biċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni.

[21] Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Larvja, Malta, ir-Rumanija u s-Slovenja

[22] Mill-Istati Membri tal-grupp "EU-12", dan l-obbligu ġie korrettament traspost biss fir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja u l–Litwanja.

[23] Il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Greċja, il-Finlandja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Isvezzja u r-Renju Unit.

[24] Il-mekkaniżmu jikkonsisti fl-iskambju tad-dejta bejn l-Istati Membri dwar ċittadini tal-UE rreġistrati biex jivvutaw fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom. Fuq il-bażi tad-dejta mibgħuta mill-Istat Membru tar-residenza, l-Istat Membru tal-oriġini għandu jneħħi mil-lista elettorali dawk iċ-ċittadini kkonċernati (jew jżommhom milli b'mezzi oħra milli jivvutaw).

[25] Artiklu 9 jipprovdi: l-isem, iċ-ċittadinanza, l-indirizz, u l-lokalità fl-Istat Membru tal-oriġini fejn iċ-ċittadin ġie rreġistrat l-aħħar.

[26] Din il-problema ġiet identifikata mil-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-estonja, il-Greċja, Franza, u l-Irlanda.

[27] Abbozz tar-rapport dwar il-proposta ta' modifika tal-Att 1976 (2007/2207(INI).

[28] Artikolu 223(1) TFUE.

Top