This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0603
EU CITIZENSHIP REPORT 2010 Dismantling the obstacles to EU citizens’ rights
RAPPORT TAL-2010 DWAR IĊ-ĊITTADINANZA TAL-UE Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE
RAPPORT TAL-2010 DWAR IĊ-ĊITTADINANZA TAL-UE Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE
/* KUMM/2010/0603 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussell, 27.10.2010 KUMM(2010) 603 finali RAPPORT TAL-2010 DWAR IĊ-ĊITTADINANZA TAL-UE Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE {KUMM(2010) 602 finali}{KUMM(2010) 605 finali} RAPPORT TAL-2010 DWAR IĊ-ĊITTADINANZA TAL-UE Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE 1. INTRODUZZJONI Il-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea[1], introdott bit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992, żied dimensjoni politika ġdida ma’ dik li sa dak iż-żmien kienet in-natura primarjament ekonomika tal-integrazzjoni Ewropea. Kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-UE issa hija wkoll awtomatikament ċittadina tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadinanza tal-UE ma tissostitwix iċ-ċittadinanza nazzjonali. Minflok, hija tagħti liċ-ċittadini kollha tal-UE sett addizzjonali ta’ drittijiet, iggarantiti mit-Trattati tal-UE, li jinsabu fil-qalba tal-ħajjiet tagħhom ta’ kuljum. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat f’diversi okkażjonijiet[2], iċ-ċittadinanza tal-UE hija ddestinata li tkun l-istejtus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, biex dawk li jsibu rwieħhom fl-istess sitwazzjoni jkunu jistgħu jgawdu fl-ambitu tat-Trattat mill-istess trattament fil-liġi irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Għaldaqstant, iċ-ċittadinanza tal-UE tejbet id-drittijiet individwali b’mod sinifikanti. Il-Qorti, b’mod partikolari, iddeċidiet li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor purament bħala ċittadini tal-Unjoni[3], biex b’hekk irrikonoxxiet iċ-ċittadinanza tal-UE bħala sors ta’ drittijiet għall-moviment liberu[4]. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE u tad-drittijiet li jakkumpanjawha b’diversi modi. Id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE huma elenkati b’mod speċifiku fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u jingħad b’mod ċar li l-lista mhijiex waħda eżawrjenti[5]. Barra minn hekk, id-dritt taċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi li jgawdu mill-protezzjoni tal-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi tal-Istati Membri kollha huwa inkluż bħala dritt individwali ċar fl-Artikolu 20(2)(c) TFUE u ġie spjegat fl-Artikolu 23 TFUE, li jagħti wkoll lill-Kunsill is-setgħa li jagħti bidu għal leġiżlazzjoni f’dan il-qasam. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jikkomplementa d-drittijiet taċ-ċittadinanza billi jintroduċi dritt ġdid, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini, li jagħti l-possibbiltà lil miljun ċittadin li jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi[6]. Il-perspettiva taċ-ċittadini hija affermata mill-ġdid fid-definizzjoni l-ġdida tal-Membri tal-Parlament Ewropew bħala “rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni”[7] u mhux sempliċement bħala “rappreżentanti tal-popli tal-Istati miġbura flimkien fil-Komunità”[8]. Id-drittijiet inerenti fiċ-ċittadinanza tal-UE huma inklużi wkoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[9]. Din il-Karta legalment vinkolanti tirrappreżenta pass ’il quddiem kbir f’termini tal-impenn politiku tal-UE fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Skont il-Preambolu tal-Karta, l-Unjoni “tqiegħed il-persuna fil-qalba tal-attivitajiet tagħha, billi tistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u billi toħloq spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja”. Id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE huma ankrati sew fil-liġi primarja tal-UE u ġew sostanzjalment żviluppati fil-liġi sekondarja. Dawk li qed jieħdu vantaġġ mill-proġett Ewropew billi jestendu aspetti ta’ ħajjithom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, permezz ta’ vjaġġi, studju, xogħol, żwieġ, irtirar, xiri jew wirt ta’ proprjetà, votazzjoni jew sempliċement permezz ta’ xiri onlajn mingħand kumpaniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, għandhom igawdu b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom taħt it-Trattati. Madankollu, għad baqa’ distakk bejn ir-regoli legali applikabbli u r-realtà li jiffaċċjaw iċ-ċittadini f’ħajjithom ta’ kuljum, partikolarment f’sitwazzjonijiet transkonfinali. L-għadd kbir ta’ lmenti u talbiet għal tagħrif li l-Kummissjoni tirċievi kull sena[10], l-istħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru, id-diskussjonijiet mal-partijiet interessati, l-eżitu ta’ konsultazzjoni pubblika li ntemmet fil-15 ta’ Ġunju 2010 u konferenza dwar “Id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE – it-triq ’il quddiem” li saret fl-1 u fit-2 ta’ Lulju 2010, ipprovdew biżżejjed evidenza tal-bosta ostakoli li jistgħu jwaqqfu liċ-ċittadini milli jgawdu drittijiethom. L-importanza li ċ-ċittadinanza tal-UE ssir iktar effettiva fil-prattika ġiet enfasizzata f’diversi okkażjonijiet. Fir-rapport tiegħu “Iċ-ċittadin u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja” tat-8 ta’ Ġunju 2008[11], il-Membru tal-Parlament Ewropew Alain Lamassoure spjega b’mod ċar il-barrieri li qed jiffaċċjaw l-Ewropej meta jipprovaw jeżerċitaw drittijiethom. Ir-rapport iddeskriva diversi ostakoli amministrattivi, u kkonkluda li l-politiki Ewropej għandhom ikunu mibnija madwar id-drittijiet u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-UE u għandhom jagħtu riżultati konkreti. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Parlament Ewropew “Il-problemi u l-prospettivi taċ-ċittadinanza Ewropea” tal-20 ta’ Marzu 2009[12] ta dettalji tal-ostakoli persistenti li ċ-ċittadini għadhom jiffaċċjaw meta jiġu biex igawdu drittijiethom b’mod transkonfinali. Huwa stieden lill-Kummissjoni biex telenka dawn l-ostakoli u tagħmel proposti konkreti ħalli tindirizzahom, wara konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili. Fl-aħħar nett, il-Programm ta’ Stokkolma, il-programm ta’ ħidma tal-UE fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja għall-perjodu 2010-2014, iqiegħed liċ-ċittadin fil-qalba tal-politiki Ewropej f’dan il-qasam. Hemm madwar 500 miljun ċittadin fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-għan politiku ta’ din il-Kummissjoni huwa li ċ-ċittadinanza tal-UE tavvanza sabiex issir realtà tanġibbli f’ħajjithom ta’ kuljum. Din hija r-raġuni għaliex il-President José Manuel Barroso, fil-linji gwida politiċi tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2009 għall-Kummissjoni l-ġdida, enfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadinanza tal-UE tissaħħaħ billi tingħata ħajja ġdida lir-rabta bejn iċ-ċittadini u l-UE u billi d-drittijiet tagħhom jiġu implimentati tassew. Huwa ddikjara li “Iċ-ċittadini tal-UE għadhom jiffaċċjaw għadd ta’ ostakoli meta jipprovaw jiksbu oġġetti u servizzi minn naħa għall-oħra tal-fruntieri nazzjonali. Huma għandhom ikunu jistgħu jagħmlu użu minn drittijiethom bħala ċittadini tal-UE bl-istess mod kif jagħmlu użu minn drittijiethom bħala ċittadini nazzjonali. Il-Kummissjoni se tħejji rapport komprensiv dwar dawn l-ostakoli għaċ-ċittadini u se tipproponi kif l-aħjar li jistgħu jitneħħew, flimkien mar-rapport dwar l-ostakoli li għadhom jippersistu fis-suq intern”. Dan ir-rapport huwa r-riżultat tal-impenn politiku li ħa l-President Barroso biex tinkiseb stampa komprensiva tax-xkiel li ċ-ċittadini għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom u biex jiġu proposti metodi kif l-aħjar li jistgħu jitneħħew. Inħareġ b'mod parallel mal-Komunikazzjoni "Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq (minn issa 'l quddiem tissejjaħ Il-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku)[13] li, min-naħa tagħha, tiffoka fuq it-tneħħija tax-xkiel li jsibu quddiem wiċċhom l-ewropej meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li ngħatawlhom mill-acquis tas-suq uniku, i.e. meta jaġixxu bħala operaturi ekonomiċi fis-suq uniku, ngħidu aħna bħala imprendituri, konsumaturi jew ħaddiema. Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u l-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku huma inizjattivi li jmorru id f'id u huma maħsubin biex tingħeleb il-frammentazzjoni persistenti tal-UE fir-rigward ta' materji li huma ta' interess dirett għaċ-ċittadini u biex jitwettaq l-impenn li tinbena Ewropa taċ-Ċittadini u suq uniku li jiffunzjona tajjeb li jkun jissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini. Il-ħolqien tal-portafoll il-ġdid tal-Kummissjoni dwar “Il-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza”, li għandu responsabbiltajiet li jkopru l-ġustizzja ċivili u l-leġiżlazzjoni dwar il-konsumaturi, kif ukoll id-drittijiet fundamentali u l-politiki dwar in-nondiskriminazzjoni, jenfasizza l-importanza politika marbuta ma’ dawn il-kwistjonijiet. L-attenzjoni ffokata fuq kwistjonijiet marbuta maċ-ċittadinanza testendi għall-Kummissjoni kollha għaliex biex jitneħħew l-ostakoli għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib fi ħdan il-Kummissjoni, ma' istituzzjonijiet oħrajn u ma' oħrajn li għandhom interessi, inklużi l-parlamenti nazzjonali. Dan jitlob li tingħeleb il-"loġika tal-organigrammi". L-implimentazzjoni ta' wħud mill-azzjonijiet proposti tiġi ggarantita permezz tal-mekkaniżmi maħsubin fl-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020.[14] Konsegwentement, dan ir-rapport juri kif iċ-ċittadinanza tal-UE - l-element ta' rabta mal-UE - tagħti drittijiet u benefiċċji liċ-ċittadini. Huwa jiddeskrivi l-ostakoli prinċipali li għadhom jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini f’ħajjithom ta’ kuljum meta jeżerċitaw id-drittijiet tal-UE tagħhom min-naħa għall-oħra tal-fruntieri nazzjonali u jiddeskrivi fil-qosor il-miżuri previsti sabiex jingħataw is-setgħa ħalli jgawdu drittijiethom. Ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE huwa akkumpanjat miż-żewġ dokumenti li ġejjin: - Rapport dwar il-progress lejn Ċittadinanza effettiva tal-UE għall-2007-2010 (Rapport skont l-Artikolu 25 TFUE)[15]; - Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-elezzjonijiet tal-2009 tal-Parlament Ewropew[16]. 2. L-OSTAKOLI FFAċċJATI MIċ-ċITTADINI F’ħAJJITHOM TA’ KULJUM FIL-MIRA Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jiltaqgħu ma’ ostakoli biex igawdu drittijiethom fid-diversi rwoli li jxeddu f’ħajjithom: bħala individwi privati, konsumaturi ta’ oġġetti u ta’ servizzi, studenti u professjonisti jew bħala atturi politiċi. Il-Kummissjoni identifikat 25 ostakolu prinċipali li ċ-ċittadini jistgħu iaffrontaw matul ħajjithom ta’ kuljum, fuq il-bażi tal-ilmenti tagħhom. 2.1. Iċ-ċittadini bħala individwi privati 2.1.1. L-inċertezza rigward id-drittijiet għall-proprjetà f’koppji internazzjonali Iktar u iktar ċittadini qed jaqsmu minn naħa għall-oħra tal-fruntieri nazzjonali biex imorru f’pajjiżi tal-UE li mhumiex tagħhom, fejn jistudjaw, jaħdmu, jgħixu – u jsibu l-imħabba. Numru dejjem ikbar ta’ koppji jgħixu fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu. Mill-madwar 122 miljun żwieġ fl-UE, madwar 16-il miljun (13 %) għandhom dimensjoni transkonfinali ta’ din ix-xorta. Fl-2007, minn 2.4 miljun żwieġ fl-UE iż-żwiġijiet ta' dan it-tip kienu jirrappreżentaw madwar 300,000 koppja; dan kien ukoll il-każ għal 140,000 (13 %) mill-1,040, 000 divorzju li kien hemm fl-UE fl-istess sena. Għal dawn il-koppji internazzjonali, ta’ spiss ikun diffiċli li jkunu jafu liema qrati jkollhom ġurisdizzjoni u liema liġijiet ikunu applikabbli għas-sitwazzjoni personali tagħhom u għall-aspetti finanzjarji tagħha (eż. dar jew kontijiet bankarji li jkunu f’isem it-tnejn). Konsegwentement, huma jiffaċċjaw konsegwenzi mhux intenzjonati u żvantaġġużi fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-assi tagħhom, jekk jisseparaw jew meta wieħed mis-sħab fiż-żwieġ imut. Vicente, li huwa Spanjol, u Ingrid, li hija Olandiża, huma miżżewġa u jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huma jixtiequ jixtru dar flimkien fi Franza. Madanakollu, l-ewwel jixtiequ jkunu jafu liema liġi tkun tapplika għax-xiri u, b’mod iktar ġenerali, għall-proprjetà li se tkun f’isimhom it-tnejn f’każ li jisseparaw jew wieħed minnhom imut: il-liġi Spanjola, dik Olandiża jew il-liġi Franċiża? Jistgħu jagħżlu l-liġi li jixtiequ li tkun applikabbli? Jistgħu jiżguraw irwieħhom li qorti li ’l quddiem jista’ jkollha tittratta d-divorzju tagħhom jew is-suċċessjoni tkun ukoll kompetenti biex tieħu ħsieb id-diviżjoni tal-assi tagħhom? Il-Kummissjoni: 1. se tagħmilha iktar faċli għall-koppji internazzjonali (miżżewġa jew sħab irreġistrati) biex ikunu jafu liema qrati jkollhom ġurisdizzjoni u liema liġi tkun tapplika għad-drittijiet għall-proprjetà tagħhom (eż. dar li tkun f’isem it-tnejn) billi tipproponi strument leġiżlattiv fl-2011. 2.1.2. Formalitajiet ikkumplikati u għaljin rigward ir-rikonoxximent transkonfinali ta’ dokumenti tal-istejtus ċivili u aċċess transkonfinali diffiċli għall-ġustizzja Huwa tal-ikbar importanza li ċ-ċittadini li jmorru jgħixu fi Stati Membri oħrajn ikollhom ir-rikonoxximent tad-dokumenti tal-istejtus ċivili dwar l-“avvenimenti ta’ matul il-ħajja” (eż. twelid, żwieġ, sħubija rreġistrata, divorzju, adozzjoni jew isem). Ir-reġistri u s-sistemi amministrattivi tal-Istati Membri jvarjaw minn naħa għall-oħra tal-UE, u dan jikkawża problemi għal rikonoxximent transkonfinali ta’ din ix-xorta. Barra minn hekk, dawn l-avvenimenti ta’ matul il-ħajja jistgħu ma jiġux rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha. Iċ-ċittadini b’hekk ikunu obbligati jgħaddu minn formalitajiet ikkumplikati u għaljin (traduzzjoni, provi addizzjonali tal-awtentiċità tad-dokumenti) li jistgħu saħansitra jagħmluha impossibbli li huma jgawdu drittijiethom. Michal huwa minn Ċipru u jrid jiżżewweġ lil Sanna, mill-Finlandja, imma huwa mitlub jipproduċi ċertifikat li m’hemm l-ebda impediment għaż-żwieġ, li ma jeżistix fil-liġi Ċiprijotta. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jgawdu mill-istess aċċess għall-ġustizzja ċivili u kriminali fi Stati Membri oħrajn l-istess kif jagħmlu f’pajjiżhom. Fl-2007, madwar 9 miljun ċittadin tal-UE kienu involuti fi proċeduri transkonfinali relatati mal-ġustizzja ċivili biss[17]. Iktar minn nofs l-Ewropej li ħadu sehem fi stħarriġ tal-opinjoni pubblika fl-2007 kienu tal-fehma li jkun diffiċli ferm jew pjuttost diffiċli li jitilgħu l-qorti biex jiġu inforzati drittijiethom fi Stat Membru ieħor għax m’għandhomx għarfien tar-regoli proċedurali involuti. Daniel, li huwa Ġermaniż, sab dar li jixtieq jixtri fir-Rumanija. L-avukat tiegħu jeħtieġ li jsib nutar u traduttur legali u jrid jiddetermina l-proċedura sabiex iwettaq riċerka fir-reġistru tal-artijiet. Il-Kummissjoni: 2. se tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni libera tad-dokumenti tal-istejtus ċivili (eż. ċertifikati tat-twelid) billi tipproponi strumenti leġiżlattivi fl-2013; 3. se tagħti l-possibbiltà li kemm iċ-ċittadini kif ukoll il-prattikanti fil-qasam legali jkunu jistgħu jsibu faċilment informazzjoni multilingwi dwar il-ġustizzja permezz tal-portal Ewropew e-Justice fuq l-internet[18]. 2.1.3. Protezzjoni insuffiċjenti ta' persuni ssusspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u ta' vittmi ta' reati Numru li qed jikber ta' ċittadini tal-UE huma involuti fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru li mhuwiex il-pajiż tal-oriġini tagħhom. Spiss dawn iċ-ċittadini ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċeduri. Kaġun ta' dan, jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet żejda biex jiddefendu lilhom infushom u biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħom għal smigħ ġust. Jeżistu differenzi f'kif l-Istati Membri jipprovdu s-servizzi tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni. Martin, partitarju Slovakk tal-futbol, ġie arrestat wara partita tal-futbol u ġie akkużat b'assalt. Minħabba li ma kienx jitkellem bil-Portugiż imma kien jifhem bl-Ingliż, talab li ssirlu interpretazzjoni bl-Ingliż. Interpretu maħtur mill-qorti, li ma kellux kwalifiki professjonali, assistieh waqt il-proċess. Huwa kien irrappreżentat minn avukat li ma kienx jaf bl-Ingliż u l-interpretu ma kienx preżenti waqt il-laqgħat qosra li Martin kellu miegħu. L-ebda wieħed mid-dokumenti fil-fajl ma nqalbu għall-Ingliż. Il-Kummissjoni qed tiżgura li d-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali jkunu ggarantiti fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi[19]. Kull sena aktar minn 30 miljun ruħ madwar l-Ewropa jirrappurtaw li huma vittmi tal-kriminalità[20]. Teżisti evidenza li ħafna iktar nies sfaw vittmi imma ma jirrappurtawx ir-reati. L-Unjoni Ewropea diġà għandha leġiżlazzjoni li tistabbilixxi standards minimi għat-trattament tal-vittmi[21], iżda din ġiet implimentata b'mod fqir u, minħabba n-natura intergovernattiva tagħha, ma tistax tiġi infurzata kif imiss, b'mod li jwassal biex il-vittmi ma jkollhomx aċċess għad-drittijiet kollha tagħhom jew biex l-Istati Membri jipprovdu d-drittijiet b'modi differenti. Il-vittmi ma jistgħux ikunu żguri li se jirċievu l-istess drittijiet, appoġġ u ħarsien meta jivvjaġġaw jew jiċċaqilqu barra minn pajjiżhom. B'mod aktar ġenerali, in-nies li jisfaw vittmi tal-kriminalità madwar l-Ewropa ma jistgħux ikunu żguri li l-bżonnijiet li għandhom – li jiġu rrikonoxxuti bħala vittmi, li jiġu rrispettati u ttrattati b'dinjità, li jirċievu l-appoġġ, li jkollhom aċċess għall-ġustizzja u li jirċievu kumpens u restituzzjoni – se jiġu ssodisfati. Ngħidu aħna, bosta Stati Membri ma jiżgurawx li l-vittma u l-persuna li tkun issuspettata li wettqet ir-reat jibqgħu separati matul il-proċedimenti. Anna sfat attakkata u msawta fit-triq. Min ħebb għaliha nqabad u sabet il-kuraġġ li titla' l-qorti biex tixhed. Madanakollu, waqt li kienet qed tistenna fil-qorti, dak li attakkaha raha u għamlilha ġesti ta' theddid. Dakinhar Anna ħassitha wisq beżgħana biex tixhed u l-każ waqa'. Il-Kummissjoni: 4. se tkompli ttejjeb il-protezzjoni tal-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali, inkluż billi tissalvagwardja l-aċċess tas-suspettat għal avukat u għall-komunikazzjoni mad-dinja ta' barra zaqt li jkun miżmum, billi fl-2011 tipproponi żewġ strumenti leġiżlattivi; 5. se ttejjeb il-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità billi fl-2011 tipproponi pakkett ta' miżuri, li jinkludu strument leġiżlattiv. 2.1.4. Problemi ta' tassazzjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali, b'mod partikulari rigward ir-reġistrazzjoni tal-karozzi Numru dejjem ikbar ta’ Ewropej qed jakkwistaw proprjetà ta’ beni immobbli barra mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. Fl-2007, il-volum tal-bejgħ u tax-xiri transkonfinali tal-proprjetà ta’ beni immobbli kienet 10 darbiet ikbar mill-figura tal-2002, u laħqet valur ta’ EUR 55 biljun. L-applikazzjoni ta’ ċerti regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni għal dawn it-tranżazzjonijiet tista’ tagħmel l-akkwist transkonfinali ta’ proprjetà ta’ beni immobbli, b’mod partikolari ta’ djar, iktar diffiċli mill-akkwisti limitati f’kull aspett għat-territorju nazzjonali. Fenomenu ieħor li qed jiżdied huwa dak ta’ persuni li jirtu (jew jirċievu rigali) minn naħa għall-oħra tal-fruntieri (eż. testatur/donatur residenti f’pajjiż ieħor jew assi li jinsabu f’pajjiż ieħor għajr dak fejn jgħix il-benefiċjaru). Il-wirtiet jew ir-rigali ta’ assi barranin ta’ spiss jiġu ntaxxati iktar minn dawk li jseħħu f’ambitu domestiku. Jiġri wkoll ta’ spiss li wirtiet jew rigali ta’ din ix-xorta jiġu ntaxxati minn iktar minn Stat Membru wieħed u li l-mekkaniżmi eżistenti sabiex tkun evitata t-tassazzjoni doppja ma jkunux adegwati. Hélène, li hija residenti fil-Belġju, wirtet assi li jinsabu fl-Irlanda mingħand missierha Belġjan, li għex u miet fil-Belġju. L-assi li jinsabu fl-Irlanda kienu ntaxxati doppjament peress li l-Belġju applika t-taxxa fuq il-wirt tiegħu fuq dawn l-assi u l-Irlanda imponiet it-taxxa fuq il-valur tagħhom. B’mod iktar ġenerali, il-problemi fiskali li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE jinkludu wkoll it-trattament diskriminatorju tal-ħaddiema transkonfinali (bħal projbizzjoni fuq it-tnaqqis tal-allowances personali) u tal-investimenti transkonfinali (pereżempju t-tassazzjoni fuq id-dividendi), kif ukoll diffikultajiet biex jikkomunikaw ma’ amministrazzjonijiet fiskali barranin, nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar ir-regoli fiskali transkonfinali, proċeduri li jieħdu ż-żmien sabiex wieħed ma jeħilx tassazzjoni doppja u formoli kkumplikati tat-talbiet. Fl-2010 l-Kummissjoni se teżamina soluzzjonijiet possibbli għall-problemi tat-tassazzjoni li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE f’sitwazzjonijiet transkonfinali f'inizjattiva msejħa “It-tneħħija tal-ostakoli fiskali għaċ-ċittadini tal-UE”. Il-kwistjonijiet rilevanti huma ppreżentati fid-dettall fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. Meta jixtru karozza fi Stat Membru ieħor jew jittrasferuha lejn Stat Membru li ma jkunx dak minn fejn tkun inxtrat (eż. meta jbiddlu r-residenza), iċ-ċittadini tal-UE ta’ spiss ikunu ffaċċjati b’formalitajiet u b’burokrazija kkumplikati ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid u, possibbilment, pagament doppju tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, minħabba li l-liġijiet nazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-ewwel reġistrazzjoni jiġu applikati b’mod mhux koordinat. Aurel, li jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi, jasal biex jirtira u jiddeċiedi li r-residenza permanenti tiegħu jagħmilha fil-Greċja, fejn għandu dar tal-villeġġjatura. Qabel kien xtara u rreġistra l-karozza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Meta jġorr lejn il-Greċja, se jkollu jirreġistra mill-ġdid il-karozza tiegħu il-Greċja u jħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni hemmhekk. L-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni li għandu jitħallas se jieħu inkunsiderazzjoni kemm għandha żmien il-vettura. Madankollu, huwa mhux se jkun jista’ jikseb rifużjoni parzjali tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni li kien ħallas qabel fil-Pajjiżi l-Baxxi, u b’hekk il-karozza tiegħu se tkun ġiet suġġetta darbtejn għat-taxxa ta’ reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni: 6. se tissimplifika l-formalitajiet u l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-karozzi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor billi tipproponi strument leġiżlattiv fl-2011. Hija se tieħu wkoll azzjoni f’każijiet fejn it-trattament fiskali tal-karozzi jkun diskriminatorju u se taħdem fuq soluzzjonijiet għal taxxi doppji ta’ reġistrazzjoni fuq il-karozzi li jistgħu jfixklu l-moviment liberu taċ-ċittadini u tal-merkanzija. 2.1.5. Iċ-ċittadini Ewropej ma jibbenefikawx b’mod sħiħ minn servizzi tas-saħħa u teknoloġija tas-Saħħa-e transkonfinali Ċittadini Ewropej li jimirdu jew ikorru waqt li jkunu qed jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor għal skopijiet ta' negozju jew ta' btala jew waqt li jkunu qed joqogħdu fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet bħal studju għandhom id-dritt li jirċievu l-istess servizzi tas-saħħa daqs dawk li għandhom in-nazzjonalità ta' dak l-Istat Membru. L-aċċess għas-servizzi tas-saħħa huwa ffaċilitat permezz tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa, li bħalissa hija mqassma lil 188 miljun ċittadin Ewropew, jiġifieri madwar 37% tal-popolazzjoni totali tal-UE. Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jserrħu fuq ir-regoli tal-UE li għandhom x'jaqsmu mal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali biex jirċievu t-trattament li jkunu ppjanaw barra minn pajjiżhom, kemm-il darba jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni minn qabel, li tista' tiġi rrifjutata biss f'ċirkustanzi speċifiċi. F'dan il-każ, iċ-ċittadin jista' jikseb servizzi tas-saħħa fi Stat Membru ieħor bħallikieku kien assigurat hemmhekk. Barra minn dan, hija possibbli skema oħra ta' rimbors għal servizzi tas-saħħa ippjanati li jinkisbu barra mill-pajjiż ta' dak li jkun billi wieħed jibbaża direttament fuq il-libertà li wieħed jipprovdi servizz. B'mod ġenerali, madankollu, il-kura tas-saħħa transkonfinali fl-UE hija limitata, u tammonta għal madwar 1% tan-nefqa pubblika għall-kura tas-saħħa, inkluża l-kura f’każ ta’ emerġenza[22]. Il-pazjenti mhux dejjem ikollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti dwar l-aspetti essenzjali tal-kura transkonfinali tas-saħħa, inklużi d-drittijiet tagħhom għal rimbors għall-kura tas-saħħa pprovduta fi Stati Membri oħrajn. Din is-sitwazzjoni toħloq inċertezza u nuqqas ta’ fiduċja, b'mod li jfixkel l-eżerċitar min-naħa tal-pazjenti tad-dritt tagħhom li jfittxu servizzi ta’ kura tas-saħħa f’pajjiż ieħor tal-UE. Barra minn hekk, is-Saħħa-e tista' tippermetti li jkun hemm kontinwita tas-servizzi fil-limiti tal-fruntieri nazzjonali u anki transkonfinali, li jwassal għal servizzi aħjar. Madanakollu, bosta barrieri legali u organizzattivi (eż. il-frammentazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali min-naħa għall-oħra tal-UE, l-iskemi ta’ rimbors u n-nuqqas ta’ interoperabbiltà pan-Ewropea) ifixklu t-tusigħ tat-teknoloġiji tas-Saħħa-e fl-Ewropa. Dan ma jħallix liċ-ċittadini tal-UE jgawdu l-benefiċċji tas-Saħħa-e, meta jkollhom bżonn l-assistenza medika barra minn pajjiżhom. It-teknoloġiji tas-Saħħa-e jistgħu jnaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għat-trattament, itejbu l-kwalità tal-kura, jagħmlu l-aċċess għad-dejta personali dwar is-saħħa iktar faċli u iktar sikur għall-pazjenti, jimminimizzaw ir-riskju ta’ żbalji mediċi jew jikkontribwixxu għall-iskoperta bikrija ta’ problemi tas-saħħa. Pereżempju, it-telemonitoraġġ fid-djar tal-pazjenti li għandhom problemi b’qalbhom jista’ jtejjeb ir-rati ta’ sopravvivenza bi 15%. Il-Preskrizzjonijiet-e jistgħu jnaqqsu l-iżbalji fid-dożaġġ tal-mediċini bi 15%. Dorota, li hija Pollakka, issir taf li teħtieġ operazzjoni f'qalbha. Hija kieku tippreferi li tiġi operata l-Latvja, sabiex binha jkun jista’ jieħu ħsiebha waqt il-konvalexxenza tagħha. Madanakollu, ma tafx jekk hijiex intitolata għall-kura tas-saħħa hemmhekk u, jekk iva, kif tista’ tiġi rrimborsata għall-operazzjoni u għat-telemonitoraġġ fid-dar li se tkun teħtieġ wara . Il-Kummissjoni qed tipproponi li jkun żgurat aċċess iktar effettiv għall-kura transkonfinali tas-saħħa billi jkunu pprovduti regoli iktar ċari dwar ir-rimborsi, garanziji proċedurali u informazzjoni trasparenti dwar il-kura tas-saħħa disponibbli f’pajjiżi oħrajn; billi tittejjeb il-fiduċja fis-sikurezza u fil-kwalità tal-kura transkonfinali; u billi l-pazjenti jingħataw għajnuna ħalli jeżerċitaw drittijiethom biex jiksbu rimbors għal trattament tas-saħħa fi kwalunkwe pajjiż tal-UE[23]. Kif tħabbar fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[24], il-Kummissjoni qed tappoġġja t-tusigħ mifrux tas-servizzi tat-telemediċina u tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar fajls mediċi elettroniċi u l-Preskrizzjonijiet-e, filwaqt li tiżgura r-rispett tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Il-Kummissjoni: 7. qed tipproponi modi kif jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi transkonfinali tas-saħħa u qiegħda wkoll tistabbilixxi azzjonijiet pilota biex tgħammar lill-Ewropej b’aċċess onlajn sigur għad-dejta sanitarja u medika tagħhom u sabiex jintlaħaq użu mifrux tas-servizzi tat-telemediċina sal-2020[25]. Il-Kummissjoni se tirrakkomanda wkoll sett komuni u minimu ta’ dejta dwar il-pazjenti għall-interoperabbiltà tal-fajls tal-pazjenti li għandu jkun hemm aċċess għalihom jew jiġu skambjati elettronikament minn Stat Membru għall-ieħor sal-2012[26]. 2.1.6. Id-dritt għal protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE li jinsabu f’diffikultà f’pajjiżi terzi mhuwiex għalkollox effettiv Iċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn pajjiż barra mill-UE, li fih l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom ma jkollux ambaxxata jew konsolat, għandhom id-dritt għall-protezzjoni konsulari mingħand kwalunkwe Stat Membru ieħor. L-ambaxxata jew konsolat tal-Istat Membru tal-UE għandhom jittrattawhom bl-istess mod kif kienu jitrattaw lil ċittadini tagħhom. In-numru ta’ ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi żdied minn iktar minn 80 miljun vjaġġ fl-2005 għal iktar minn 90 miljun fl-2008[27]. Iktar minn 30 miljun ċittadin tal-UE jgħixu b’mod permanenti f’pajjiż terz, imma s-27 Stat Membru huma rrappreżentati kollha biss fi tliet pajjiżi (l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja). B’numru dejjem ikbar ta’ Ewropej li qed jivvjaġġaw għal finijiet ta’ negozju jew ta’ divertiment lejn pajjiżi terzi[28], hemm ħtieġa dejjem ikbar għall-assistenza konsulari ta’ ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. Għad irid jiġi pprovat kemm tabilħaqq huwa effettiv id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-protezzjoni konsulari. Anki jekk jeżisti nuqqas ta' dejta sistematika, mill-ilmenti u minn każijiet irrapportati joħroġ ċar li ċ-ċittadini tal-UE u, xi drabi, l-uffiċjali konsulari, għadhom mhumiex konxji biżżejjed li ċ-ċittadin tal-UE għandhom id-dritt li jirrikorru għand ambaxxati jew konsolati oħrajn u mhumiex żguri x’tip ta’ għajnuna tista’ tingħata. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom aspettattivi kbar: fi stħarriġ[29] reċenti, il-maġġoranza (62 %) qalu li jistennew l-istess tip ta’ għajnuna irrispettivament minn lil liema Stat Membru jistaqsu għall-assistenza, filwaqt li kważi terz (28 %) jistennew li kwalunkwe Stat Membru jagħtihom għall-inqas livell minimu ta’ assistenza. S’issa huma stabbiliti biss ftit regoli legali. It-Trattat ta’ Lisbona jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tipproponi direttivi dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni meħtieġa sabiex ikun iffaċilitat id-dritt għall-protezzjoni konsulari. Il-kriżijiet reċenti (eż. it-terremoti f’Ħaiti u fiċ-Ċilì, is-sħaba tal-irmied vulkaniku tal-Islanda) wrew il-ħtieġa għal koordinazzjoni effiċjenti u anki għal ċerta kondiviżjoni tal-piż fost l-Istati Membri. Waqt kriżi, iċ-ċittadini tal-Istati Membri mingħajr rappreżentanza jeħtieġ li jingħataw għajnuna mill-pront u b’mod effiċjenti daqs iċ-ċittadini tal-Istati Membri li jkunu qed iwettqu l-evakwazzjonijiet. Natasha, ċittadina Slovena, kienet vittma ta’ serqa bl-armi waqt il-btala tagħha fil-Karibew. Hija sfat feruta u l-passaport tagħha u flusha nsterqu. Qed tinkwieta dwar kif se ssib malajr tabib li jitkellem bl-Ingliż u kif se ġġib il-fondi u d-dokumenti tal-ivvjaġġar li teħtieġ għal titjira tar-ritorn wara li tirkupra. Il-Kummissjoni: 8. se żżid l-effikaċja tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkunu assistiti f’pajjiżi terzi, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi, mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri kollha, billi tipproponi miżuri leġiżlattivi fl-2011 u billi tinforma aħjar liċ-ċittadini permezz ta’ websajt apposta kif ukoll ta' miżuri ta’ komunikazzjoni mmirati. 2.2. Iċ-ċittadini bħala konsumaturi 2.2.1. Nuqqas ta’ għarfien u inforzar insuffiċjenti tad-drittijiet taċ-ċittadini meta jixtru btajjel kollox kompriż, bħala passiġġieri u bħala turisti Bosta ċittadini tal-UE jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħrajn tal-UE fuq btala. Pereżempju, fl-2009, 37 % tal-Ġermaniżi, 34 % taċ-ċittadini tar-Renju Unit u 16 % tat-Taljani qattgħu l-btajjel prinċipali tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE (meta pparagunati ma’ 23 %, 30 % u 13 % f’pajjiżi barra l-UE)[30]. Għaldaqstant, iċ-ċittadini tal-UE ta’ spiss isiru konxji mid-drittijiet tal-UE tagħhom, jew min-nuqqasijiet fl-inforzar tagħhom, filwaqt li jkunu fuq btala. 56 % tal-Ewropej jorganizzaw huma stess il-btajjel tagħhom, u b'hekk jieħdu vantaġġ mill-internet u mit-tkabbir ta’ trasportaturi tal-ajru low-cost [31]. Madankollu, huma ma jkunux koperti mir-regoli eżistenti tal-UE li jipproteġu lix-xerrejja ta’ vjaġġi kollox kompriż. It-tendenza dejjem ikbar lejn “pakketti dinamiċi”[32] ħolqot żoni legali griżi fejn il-konsumaturi ma jafux jekk l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tagħhom ikunux protetti. 67 % tal-konsumaturi li ħadu sehem fi stħarriġ tal-opinjoni pubblika u li xtraw “pakkett dinamiku” kienu jemmnu, b’mod żbaljat, li kienu protetti. Huwa kkalkolat li d-detriment annwali għal dawk li jixtru pakketti dinamiċi jammonta għal EUR 1 biljun fis-sena[33]. Barra minn hekk, il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu dawn ir-regoli jvarjaw u jikkawżaw problemi għall-konsumaturi li jixtiequ jixtru l-btala kollox kompriż tagħhom fi Stat Membru ieħor. Dagmara pprenotat btala (titjira, akkomodazzjoni f’lukanda għal erbat iljieli u kiri ta’ karozza) minn fuq l-Internet. Hija skopriet li l-kamra tal-banju m’għandhiex ilma u lmentat mad-desk tar-reception. Il-portier tal-lukanda qalilha li m’hemmx iktar kmamar disponibbli. Ċemplet lill-kumpanija tal-internet li magħha għamlet il-prenotazzjoni u qalulha li l-problema mal-lukanda trid issolviha hi. Hija ħliet tliet sigħat tipprova ssolvi l-problema u ħallset EUR 500 oħra għal kamra f’lukanda oħra. Wara saret taf li kieku l-btala kollox kompriż tagħha kienet koperta mir-regoli tal-UE, l-organizzatur kien ikun finanzjarjament responsabbli u kien ikollu l-obbligu li joffrilha assistenza, eż. kamra jew lukanda alternattiva. Minkejja l-eżistenza ta' leġiżlazzjoni tal-UE li tagħti drittijiet lill-passiġġieri li jivvjaħħaw bl-ajru, bil-ferrovija u, mill-2012, anki bl-ilma, u minkejja wkoll l-isforzi li għaddejjin biex in-nies isiru jafu aktar[34], huma biss il-minoranza tal-vjaġġaturi Ewropej li jafu bid-drittijiet tagħhom u jafu kif u fejn ifittxu rimedju. In-numru totali ta’ lmenti u ta’ mistoqsijiet magħmulin minn passiġġieri tal-ajru jilħaq madwar 68 ,000 kull sena[35] u jiżvela d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-passiġġieri li jixtiequ jippreżentaw talbiet lit-trasportaturi bl-ajru. Iktar diffikultajiet ġejjin mill-prattiki tan-negozju diverġenti tat-trasportaturi bl-ajru – bħal-limiti l-ġodda għad-daqs u għall-piż tal-bagalji li jgħaddu miċ- check-in u dawk tal-idejn – u l-proċeduri differenti tagħhom kif jittrattaw l-ilmenti, li jistgħu jħawdu lill-passiġġieri, jew minn prattiki tan-negozju li jistgħu jiġi perċepiti bħala inġusti (bħar-“regola no-show ” fejn il-linji tal-ajru jeżiġu li l-passiġġieri jużaw titjiriet mixtrija konsekuttivament taħt l-istess kuntratt tal-ivvjaġġjar, inkella ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira sussegwenti). Il-frustrazzjoni tista' tirriżulta wkoll min-nuqqas ta’ awtorità waħda f’kull Stat Membru fejn il-passiġġieri jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom. Alessandro informa lill-kumpanija tal-linja tal-ajru li kien kiser siequ u li kien se jeħtieġ assistenza. Madankollu, l-assistenza kienet organizzata biss wara li insista huwa fil-post u kellu joqgħod jistenna għal iktar minn siegħa biex jiksibha. It-titjira tiegħu damet ħafna ma telqet u meta wasal, il-bagalji tiegħu ma tfaċċawx. Huwa kellu jressaq l-ilment tiegħu quddiem tliet korpi differenti u ma ngħatax wisq spjegazzjonijiet dwar drittijietu. Iċ-ċittadini tal-UE b’diżabbiltajiet jiffaċċjaw ostakoli addizzjonali rigward l-aċċess għal, fost l-oħrajn, l-ambjent mibni, it-trasportazzjoni, l-informazzjoni u firxa ta’ oġġetti u ta’ servizzi, inkluż meta jiċċaqilqu f’pajjiżhom stess jew jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn. Ċittadin tal-UE minn kull sitta għandu diżabbiltà u dan il-proporzjon se jiżdied hekk kif il-popolazzjoni qed tixjieħ: 35 % tal-persuni li għandhom iktar minn 65 sena diġà qed jirrapportaw li sa ċertu punt għandhom ċertu impediment fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom u 15% minn dawk li għandhom bejn 65 u 74 sena jiddeskrivu lilhom infushom bħala li għandhom impedimenti serji. Tibor, li jgħix l-Ungerija, jeħtieġ siġġu tar-roti sabiex jiċċaqlaq minħabba li d-dijabete tiegħu qed tmur għall-agħar. Huwa jieħu pjaċir iżur pajjiżi oħrajn tal-UE imma jiffaċċja bosta ostakoli. Pereżempju, il-parti l-kbira tal-lukandi m’għandhom l-ebda kamra adattata jew ftit ħafna kmamar adattati u bosta mill-postijiet li jixtieq iżur m’għandhomx aċċess faċli għal dawk fuq siġġu tar-roti. Qabel ma jimbarka fuq vjaġġ, ikollu jistħarreġ fejn se jsib l-inqas problemi u jekk ikunx se jiġi kopert b’assigurazzjoni tal-ivvjaġġar. Kif ingħad iktar ’il fuq, it-turiżmu huwa aspett dejjem iktar importanti ta’ ħajjet iċ-ċittadini Ewropej: iktar u iktar nies qed jivvjaġġaw, għal finijiet ta’ divertiment jew għal raġunijiet ta’ negozju. Fl-2008 kien hemm madwar 1.4 biljun mawra mill-Ewropej[36], b’madwar 90% minnhom ikunu fl-UE. Madankollu, l-Ewropej għandhom qed jivvjaġġaw eqreb lejn darhom, jipprenotaw żjarat ta’ inqas jiem u jżommu r-riedni fuq kemm jonfqu. Il-Kummissjoni qed timplimenta azzjonijiet biex issaħħaħ it-turiżmu Ewropew, billi jinħolqu kundizzjonijiet iktar attraenti u jiżdiedu l-fiduċja u s-sodisfazzjon tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni: 9. se timmodernizza r-regoli attwali għall-protezzjoni tal-konsumaturi li jixtru vjaġġ kollox kompriż, speċjalment minn fuq l-Internet, u se tiffaċilita x-xiri ta’ vjaġġ kollox kompriż minn Stati Membri oħrajn billi tagħmel proposta leġiżlattiva fl-2011; 10. se tfittex li tlesti l-qafas leġiżlattiv li jkun jippermetti li tiġi żgurata damma ta' drittijiet komuni għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bi kwalunkwe mezz ta’ trasport fl-UE kollha kemm hi u li tiżgura li jkun hemm infurzar adegwat ta' dawn id-drittijiet, inklużi d-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru (eż. f’każijiet ta’ perjodi twal ta’ dewmien u ta’ kanċellazzjonjiet). Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tiżgura li ċ-ċentri tat-trasport (eż. l-ajruporti, l-istazzjonijiet u l-portijiet) bil-mod il-mod isiru postijiet minn fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu faċilment jiksbu tagħrif dwar id-drittijiet li tagħtihom l-UE, speċjalment meta jivvjaġġaw fl-UE; 11. se tipproponi iktar modi kif ikun żgurat li l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa jista’ jkollhom aċċess iktar faċli għall-mezzi kollha tat-trasport u għall-infrastruttura rilevanti, se tagħti, mill-2010 'l quddiem, premju annwali lill-aktar bliet Ewropej aċċessibbli, se tippromwovi aċċess aħjar għal servizzi bħall-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar u se tiżviluppa u trawwem l-użu ta’ standards għall-UE kollha dwar l-aċċessibbiltà għall-ambjent mibni, billi fl-2010 tipproponi Strateġija tal-UE dwar id-Diżabbiltà għall-2010-2020; 12. se tipproponi modi kif iżżid il-kunfidenza tal-konsumaturi fil-prodotti turistiċi, billi torganizza kampanji li jkattru għarfien għat-turisti Ewropej u billi timmonitorja s-sodisfazzjon tal-konsumatur b’diversi servizzi turistiċi (eż. it-trasport, l-akkomodazzjoni, il-vjaġġ, eċċ.). 2.2.2. Nuqqas ta’ regoli uniċi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, nuqqas ta’ għarfien dwar il-mezzi eżistenti ta’ rimedju u mezzi insuffiċjenti ta’ rimedju Meta jixtru oġġetti u servizzi, iċ-ċittadini mhumiex kunfidenti biżżejjed biex imorru lil hinn mis-swieq nazzjonali ħalli jgawdu mill-għażla kbira u mill-prezzijiet kompetittivi li jiġu offruti min-naħa għall-oħra tal-Ewropa. Waħda mir-raġunijiet tista' tkun in-nuqqas ta’ sett wieħed ta’ regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi: iktar minn konsumatur wieħed minn kull tlieta (37 %) jemmnu li jistgħu jkunu inqas protetti meta jixtru minn pajjiż ieħor tal-UE ’l bogħod minnhom jew meta jivvjaġġaw milli meta jixtru f’pajjiżhom stess[37]. Żewġ familji tal-UE minn tlieta għandhom konnessjoni mal-Internet[38], imma 12 % biss tal-utenti tal-web tal-UE jħossuhom kompletament sikuri biex jagħmlu tranżazzjonijiet onlajn[39]. Terz mill-konsumaturi jikkunsidraw ix-xiri onlajn minn pajjiż ieħor għax huwa irħas jew aħjar[40], imma huma biss 8 % li fil-fatt jagħmlu dan[41]. Chiara, li tgħix l-Italja, sabet kamera diġitali fuq il-websajt ta’ ħanut tal-elettronika Bulgaru bi prezz ferm irħas minn dak tal-belt fejn tgħix. Madankollu, ma tantx tixtieq tixtriha onlajn mill-Bulgarija. Tistaqsi: X’jiġri jekk il-kamera tintilef jew issirilha xi ħsara waqt il-konsenja? Tkun tista’ tibgħatha lura lill-bejjiegħ jekk ma togħġobhiex, kif tista’ tagħmel fl-Italja, u f’liema perjodu ta’ żmien tista’ tagħmel dan? Sabiex ikun megħlub dan in-nuqqas ta’ fiduċja, il-Kummissjoni pproponiet iktar armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-konsumaturi u qed tfittex modi biex tinforma b’mod iktar faċli lill-konsumaturi dwar drittijiethom[42]. Barra minn hekk, fl-“Aġenda Diġitali għall-Ewropa”[43], il-Kummissjoni tipproponi diversi azzjonijiet konkreti bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-problemi prinċipali li ma jħallux li ċ-ċittadini Ewropej igawdu mill-benefiċċji ta’ suq diġitali uniku u minn servizzi diġitali transkonfinali. Fi tmiem l-2010, il-Kummissjoni se tippubblika anki Stħarriġ dwar l-Għoti tas-Setgħa lill-Konsumatur li se jiddeskrivi l-livell tal-informazzjoni u tal-kapaċità tal-konsumaturi li jesprimu xi jridu rigward drittijiethom. Dan l-istħarriġ se jidentifika l-konsumaturi żvantaġġati jew il-vulnerabbiltajiet speċifiċi fil-popolazzjoni, u jimmira għal titjib ta’ 10-15% fl-għoti tas-setgħa lill-konsumatur sal-2020. Jekk xi ħaġa tmur ħażin, il-konsumaturi ta’ spiss ma jiksbux rimedju effettiv. 51 % tal-konsumaturi li jilmentaw ma’ kummerċjant u ma jkunux sodisfatti bil-mod kif l-ilment tagħhom jiġi ttrattat, ma jiħdux iktar azzjoni. 47 % taċ-ċittadini ma jiħdux azzjoni legali għal danni taħt il-EUR 200. Huma saħanistra inqas lesti li jagħmlu xi ħaġa f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, il-konsumaturi ma jafux bil-potenzjal tal-mekkaniżmi tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR) u bil-possibbiltajiet għal medjazzjoni li jeżistu fuq il-livell nazzjonali bħala alternattiva irħas (b’xejn jew inqas minn EUR 50) u iktar veloċi għall-proċedimenti ordinarji tal-qrati, jew ma jisfruttawhomx b’mod sħiħ. Biex is-sistema għall-irkupru ta’ talbiet taħt l-EUR 2,000 (il-Proċedura Ewropea tat-Talbiet iż-Żgħar) issir iktar veloċi u iktar faċli għaċ-ċittadini, il-Kummissjoni se tiżgura l-ipproċessar onlajn tal-irkupru ta' talbiet żgħar madwar l-UE kollha sal-2013, filwaqt li fl-istess ħin tesplora jekk talbiet taħt il-EUR 5,000 għandhomx ikunu inklużi fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Aktar miżuri huma ppreżentati fid-dettall fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. Il-Kummissjoni: 13. se tistabbilixxi b’mod li jinftiehem id-drittijiet tal-utenti tas-servizzi onlajn billi tippubblika Kodiċi tal-UE tad-Drittijiet Onlajn sal-2012[44]; 14. se tiffaċilita riżoluzzjoni veloċi u mhux għalja barra mill-qrati tal-problemi tal-konsumaturi fl-UE billi tipproponi strument leġiżlattiv dwar il-mekkaniżmi tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (Alternative Dispute Resolution - ADR) fl-2011, billi sal-2012 tesplora proposti għal sistema onlajn mifruxa mal-UE kollha kemm hi biex jissolvew tilwimiet relatati ma' tranżazzjonijiet bil-Kummerċ-e[45] u billi tippromwovi użu iktar mifrux tal-medjazzjoni sal-2013. 2.3. Iċ-ċittadini bħala residenti, studenti u professjonisti 2.3.1. Id-dritt għall-moviment liberu huwa mfixkel minn applikazzjoni diverġenti u inkorretta tal-liġi tal-UE u minn proċeduri amministrattivi kkumplikati Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni żviluppa b’mod kostanti matul l-aħħar 40 sena u llum jinkludi liċ-ċittadini kollha tal-UE. Huwa wieħed mill-iktar drittijiet individwali importanti u mgħożża taċ-ċittadini tal-UE. Eżerċizzji ta' stħarriġ li twettqu fl-2010 wrew li kważi disgħa minn kull 10 ċittadini tal-UE jafu li għandhom dan id-dritt[46] u jqisuh bħala “awtomatiku”, għaliex jassumu li huwa dritt fundamentali tagħhom bħala ċittadini tal-UE[47]. Fl-2009, madwar 11.7 miljun ċittadin tal-UE kienu qed jgħixu fi Stat Membru ieħor, filwaqt li stħarriġ juri li ferm iktar jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt xi darba matul ħajjithom. Filwaqt li maġġoranza (54 %) taċ-ċittadini li ħadu sehem fl-istħarriġ fl-2009 ma kinux interessati jew raw wisq ostakoli biex imorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor[48], kważi Ewropew wieħed minn kull ħamsa (17 %) tabilħaqq kien qed jipprevedi li jmur jaħdem barra minn pajjiżu fil-ġejjieni[49]. Fl-2009, il-kwistjonijiet relatati mar-residenza kienu jifformaw l-ikbar proporzjon (38 %) tal-ilmenti kollha rigward il-funzjonament tas-Suq Uniku[50]. Din il-figura turi li ċ-ċittadini tal-UE jafu b'dan id-dritt u jaffrontaw bosta ostakoli. Iċ-ċittadini tal-UE għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet u dewmien inaċċettabbli meta jfittxu li jiksbu ċertifikati ta’ reġistrazzjoni: huma ta’ spiss ikunu mitluba jippreżentaw dokumenti addizzjonali (eż. il-kontijiet tad-dawl) li mhumiex preskritti mir-regoli tal-UE. Il-liġi tal-UE titlob liċ-ċittadini tal-UE li ma jkunux attivi ekonomikament li jkollhom “biżżejjed riżorsi ekonomiċi” biex jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għal iktar minn tliet xhur. Diversi Stati Membri japplikaw ir-regoli tal-UE ħażin minħabba li jużaw ammonti fissi bħala kriterju għar-residenza jew ma jiħdux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali. Iċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għajr tagħhom ta’ spiss wisq jiffaċċjaw problemi dwar l-aċċess għal diversi benefiċċji u vantaġġi, peress li jiġu ddiskriminati minħabba n-nazzjonalità tagħhom. Jistgħu saħanistra jkollhom problemi bil-kunjomijiet li jixtiequ jgħaddu lil uliedhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. L-ostakoli għad-dritt ta’ dħul u għall-ħruġ tal-karti ta’ residenza lil membri tal-familja minn pajjiżi terzi li jakkumpanjaw ċittadini tal-UE li jmorru jgħixu fi Stati Membri oħrajn jew jingħaqdu magħhom jinkludu rekwiżiti eċċessivi biex jiġu ppreżentati dokumenti, proċeduri amministrattivi kkumplikati u dewmien. Membri oħrajn tal-familji taċ-ċittadini tal-UE (eż. is-sħab de facto ) jista’ jkollhom problemi biex ikollhom id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza tagħhom iffaċilitat. Jinqalgħu problemi oħrajn meta l-kunċett ta’ “membri oħrajn tal-familja” jew ma jkunx rifless fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew jiġi interpretat b’mod li jmur kontra l-liġi tal-UE. Christian, li huwa Lussemburgiż, iltaqa’ ma’ Natalia, li hija Spanjola, waqt li kien fuq skambju tal-programm Erasmus fl-Isvezja. Issa li Christian temm l-istudji universitarji tiegħu, jixtieq imur jgħix magħha fi Spanja, imma jistaqsi dwar kif dan jista’ jiġri peress li għadu ma jitkellimx bl-Ispanjol u jiddubita kemm se jsib xogħol malajr fil-villaġġ ċkejken fejn tgħix Natalia. Meta se jkollu jirreġistra wara li jgħix fi Spanja għall-ewwel tliet xhur, l-awtoritajiet se jaċċettaw l-ispjegazzjoni tiegħu li huwa jirċievi EUR 600 fix-xahar mingħand il-ġenituri tiegħu u li jista’ jgħix b'dan l-ammont? Jew se jitolbuh jipprova li huwa għandu iktar dħul jew wieħed iktar stabbli? Il-Kummissjoni: 15. se tiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familji tagħhom minn pajjiżi terzi billi tinforza r-regoli tal-UE b’mod strett[51], inkluż rigward in-nondiskriminazzjoni, billi tippromwovi l-prattiki tajbin u għarfien ikbar tar-regoli tal-UE fost in-nies u billi żżid it-tixrid tal-informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet għal moviment liberu tagħhom[52]. 2.3.2. Proċeduri problematiċi u inċerti għar-rikonoxximent tad-diplomi akkademiċi u tal-kwalifiki professjonali Iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati jistudjaw jew jitħarrġu fi Stat Membru ieħor u li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni fl-istess kundizzjonijiet bħall-istudenti lokali. Madwar 4 % tal-istudenti Ewropej jirċievu għotja mill-programm Erasmus waqt l-istudji tagħhom. Iktar minn 2 miljun studenti bbenefikaw mill-programm Erasmus sa minn meta tnieda fl-1987. Hemm madwar 555,000 student universitarju li jistudjaw barra minn pajjiżhom kull sena. Terz tal-istudenti Ewropej tal-edukazzjoni ogħla li ħadu sehem fi stħarriġ fl-2009 qalu li biħsiebhom jistudjaw f’pajjiż ieħor tal-UE[53]. Madankollu, l-istudenti li jixtiequ jistudjaw barra minn pajjiżhom billi jużaw id-diploma li jkunu kisbu fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom jew li jirritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom biex jaħdmu hemmhekk wara li jkunu studjaw barra mill-pajjiż għadhom jiffaċċjaw għadd ta’ ostakoli biex id-diplomi jew il-perjodi ta’ studju barra mill-pajjiż tagħhom jiġu rikonoxxuti. Il-proċedura sabiex jiġi stabbilit jekk diploma miksuba fi Stat Membru tkunx ekwivalenti għal waħda miksuba f’ieħor tista’ tieħu ħafna żmien u hemm il-possibbiltà li tkun kontenzjuża. 36% tal-istudenti jsemmu d-diffikultajiet biex jinkiseb rikonoxximent għal perjodi ta’ studju barra mill-pajjiż bħala ostakolu kbir ħafna jew kbir biex jistudjaw barra mill-pajjiż[54]. Il-Kummissjoni qed tfittex li tagħti liż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa l-opportunità li jieħdu parti mill-edukazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor permezz tal-inizjattiva "Youth on the Move", billi tipprovdi gwida dwar id-drittijiet ta' studenti li jiċċaqilqu minn pajjiż għal ieħor skont ir-regoli tal-UE u billi taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tinkiseb il-mira li sal-2020 mill-inqas 20 % ta' dawk li jiggradwaw mill-edukazzjoni ogħla jkunu studjaw jew tħarrġu għal xi perjodu barra minn pajjiżhom. Il-Kummissjoni qed tiffaċilita l-istudju barra mill-pajjiż ukoll billi tippromwovi l-idea li jkun possibbli li d-diplomi akkademiċi jiġu pparagunati permezz tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki. Anki jekk iċ-ċittadini jistennew li r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom ikun wieħed faċli u awtomatiku, ta’ spiss jiġu diżappuntati: fuq medja Ewropea, 70 % tat-talbiet għal rikonoxximent biss kellhom eżitu veloċi u ta’ suċċess. Jonathan, mir-Renju Unit, jibqa' lura milli jaċċetta offerta tajba ta' xogħol fl-Awstrija. Ikun possibbli li martu, li hija infermiera, taħdem hemm? Ibnu, li jrid jistudja l-mediċina, ikun jista' jmur l-università? Taħt il-qafas legali attwali, ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki japplika biss għal sebgħa minn iktar minn 800 professjoni. Iċ-ċittadini ma jiġux offruti b’mod sistematiku l-possibbiltà li japplikaw elettronikament għal aċċess għal professjoni rregolata u jridu jistennew bejn tlieta u erba’ xhur għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom. F’każijiet oħrajn, prattiki amministrattivi, dewmien fil-proċessi ta’ rikonoxximent u reżistenza fuq il-livell nazzjonali jżidu mal-ispiża u mad-diffikultà tax-xogħol barra mill-pajjiż u effettivament iżidu l-barrieri għad-dħul fil-professjonijiet irregolati. Ir-regoli tal-UE li jarmonizzaw ir-rekwiżiti tat-taħriġ għall-professjonijiet li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku (partikolarment il-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa u l-arkitetti) issa għadda żmienhom. Il-Kummissjoni se tavvanza rikonoxximent aktar mgħaġġel u inqas burokratiku tal-kwalifiki professjonali billi tipproponi strument leġiżlattiv fl-2012. Il-problemi rilevanti li qed ixekklu l-mobbiltà fis-suq Ewropew tax-xogħol u s-soluzzjonijiet maħsubin mill-Kummissjoni huma indirizzati fid-dettall fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. 2.3.3. Il-koeżistenza ta' sistemi differenti tas-sigurtà soċjali hija sfida għall-mobbiltà tal-ħaddiema Kif intwera dan l-aħħar minn stħarriġ tal-Ewrobarometru[55], id-differenzi bejn il-liġijiet soċjali u tax-xogħol nazzjonali u l-kumplessità tas-sistemi għat-trasferiment tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom huma fost affarijiet oħrajn sorsi ta’ frustrazzjoni għall-Ewropej li jaħdmu min-naħa għall-oħra tal-fruntieri. Ma' dawn il-problemi wieħed irid iżid il-kooperazzjoni kumplessa bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, li tista’ tirriżulta f’dewmien u f’diffikultajiet biex tiġi skambjata l-informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali taċ-ċittadini. Zeta, ċittadina Griega, marret il-Ġermanja biex taħdem hemm, iżda żewġha u ż-żewġ uliedha baqgħu l-Greċja. Minħabba dewmien ikkawżat mill-iskambju ta' informazzjoni tas-sigurta soċjali bejn l-istituzzjonijiet Griegi u Ġermaniżi, ittieħed wisq żmien biex jiġi deċiż liema pajjiż għandu joħroġ il-benefiċċji tat-tfal. Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jkopru biss is-sistemi statutarji tas-sigurta soċjali. Fil-qasam tal-pensjonijiet, ngħidu aħna, dawn ir-regoli ma jkoprux il-pensjonijiet supplimentari (eż. okkupazzjonali) u r-regoli separati li jkopruhom[56] jipprovdu biss livell bażiku ta’ protezzjoni. Il-Kummissjoni dan l-aħħar nediet konsultazzjoni wiesgħa dwar kif għandhom jitneħħew l-ostakoli biex il-ħaddiema mobbli jiksbu, jippreservaw u jkollhom aċċess għall-pensjonijiet meta jirtiraw[57]. Dawn l-ostakli u r-rimedji maħsubin mill-Kummissjoni jiġu indirizzati fid-dettall fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. Il-Kummissjoni: 16. qed itejjeb il-forniment ta' informazzjoni liċ-ċittadini u qed tiżviluppa sistema ġdida ta' skambju elettroniku tad-dejta sabiex jitnaqqsu d-dewmien u d-diffikultajiet fl-iskambju ta' informazzjoni tas-sigurtà soċjali. 2.4. Iċ-ċittadini bħala atturi politiċi Il-parteċipazzjoni tal-votanti naqset b’mod kostanti sa mill-ewwel elezzjonijiet Ewropej diretti li saru fl-1979. Kollox ma' kollox, kienu biss 43% ta’ dawk li kellhom id-dritt jivvotaw li għamlu dan fl-aħħar elezzjonijiet ta’ Ġunju 2009, fatt li jikkonferma din it-tendenza. Stħarriġ reċenti wera li iktar minn tmienja minn kull 10 ċittadini tal-UE jqisu li jekk jirċievu iktar informazzjoni mingħand il-partiti politiċi dwar il-programmi tagħhom u dwar l-impatt tal-UE fuq ħajjithom dan jista’ jikkontribwixxi sabiex iktar nies joħorġu jivvotaw[58]. [pic] Meta jorganizzaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri kollha jridu jirrispettaw prinċipji komuni: l-elezzjonijiet għandhom ikunu liberi, sigrieti u b’suffraġju universali dirett. Il-pubblikazzjoni bikrija tar-riżultati fi Stat Membru wieħed[59], jiġifieri diversi jiem qabel ma tintemm il-votazzjoni fi Stati Membri oħrajn, tikser il-liġi tal-UE u tipprevjeni liċ-ċittadini milli jitfgħu l-vot tagħhom mingħajr ma jkunu influwenzati minn dawn ir-riżultati elettorali. Il-Kummissjoni: 17. qed titlob lill-Istati Membri jiżguraw li fil-ġejjieni l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew issir fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha. Iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhuwiex tagħhom għandhom id-dritt li jivvotaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew[60]. Jidher li wħud mill-Istati Membri ma jinformawx b’mod adegwat liċ-ċittadini tal-UE dwar dan id-dritt[61]. Meta jirreġistraw liċ-ċittadini fir-reġistru elettorali, uħud mill-Istati Membri jitolbu liċ-ċittadini tal-UE li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħrajn biex jissodisfaw kundizzjonijiet li ma jħalluhomx jeżerċitaw id-drittijiet li jivvotaw bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tagħhom stess (il-pussess ta' karta tal-identità nazzjonali, l-obbligu li tiġġedded ir-reġistrazzjoni għal kull elezzjoni Ewropea, eċċ.)[62]. Jidher li kundizzjonijiet ta’ din ix-xorta jmorru kontra l-liġi tal-UE. Ruta, li hija Litwana u li toqgħod Malta, tixtieq tivvota għall-kandidati Maltin fl-elezzjonijiet Ewropej. Hija tiġi miċħuda dan id-dritt għax mgħandhiex karta tal-identità Maltija, kif inhu mitlub mil-leġiżlazzjoni domestika. Numru ta’ Stati Membri jirrestrinġu għaċ-ċittadini tagħhom id-dritt li jsiru membri ta’ partiti politiċi jew li jwaqqfu partit[63]. Iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħrajn li jgħixu hemmhekk għalhekk ma jistgħux jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja politika u jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom. Charlotte, ċittadina Daniża li qed tgħix fir-Repubblika Ċeka, tixtieq tissieħeb f’partit Ċek li għandu l-istess fehmiet politiċi tagħha. Il-liġi domestika kif inhi bħalissa ma tħallihiex tagħmel dan, kif inhu l-każ ukoll fil-Polonja u fil-Litwanja. Skont ir-regoli attwali tal-UE, iċ-ċittadini tal-UE li marru jgħixu fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew iridu jiksbu mingħand l-Istat Membru tal-oriġini provi li ma ġewx miċħuda mid-drittijiet elettorali tagħhom. Barra minn hekk, ir-regoli ta' bħalissa tal-UE jipprovdu għal proċeduri mmirati lejn il-prevenzjoni ta' kandidaturi doppji u ta' vvutar doppju. Dwn il-proċeduri ta’ spiss jistgħu jirriżultaw f’piż burokratiku żejjed. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li dawn jiġu ssimplifikati filwaqt li tiġi żgurata l-effettività tagħhom li ma jħallux li jseħħu abbużi. Il-Kummissjoni: 18. qed titlob lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-vot fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom ikunu inforzati b’mod sħiħ, li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jkunu membri ta’ partiti politiċi jew joħolquhom fl-Istat Membru ta’ residenza u li l-Istati Membri jinformaw b’mod xieraq liċ-ċittadini tal-UE bid-drittijiet elettorali tagħhom; 19. se tipproponi s-simplifikazzjoni tal-proċedura għaċ-ċittadini tal-UE meta joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, u se ttejjeb il-mekkaniżmu attwali sabiex tkun ipprevenuta votazzjoni doppja fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, b'mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-perjodu ta’ żmien u l-eżitu ta' riforma elettorali tal-Parlament Ewropew fil-futur[64]. Barra minn hekk, uħud miċ-ċittadini tal-UE li jmorru jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor u joqogħdu fih jistgħu jitilfu d-dritt tagħhom li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. Skont il-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri[65], iċ-ċittadini ma jibqax ikollhom id-dritt għall-vot jekk jgħixu fi Stat Membru ieħor għal ċertu perjodu ta’ żmien. Bosta ċittadini tal-UE infurmaw lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew li ma jistgħu jipparteċipaw fl-ebda elezzjoni nazzjonali, la fl-Istat Membru tal-oriġini u lanqas fl-Istat Membru tar-residenza. Il-Kummissjoni: 20. se tagħti bidu għal diskussjoni sabiex tidentifika t-toroq politiċi li jeżistu biex ma tħallix li ċ-ċittadini tal-UE jitilfu d-drittijiet politiċi tagħhom talli jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu. 2.5. Nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ assistenza faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini Iċ-ċittadini mhumiex jitħallew igawdu jeddijiethom minħabba li ma jafux bihom. Hemm għadd kbir ta’ netwerks b’informazzjoni u li jsolvu l-problemi fuq il-livell tal-UE, u tabilħaqq madwar 700,000 persuna kuljum jibdew it-tiftixa tagħhom għall-informazzjoni fuq il-websajts tal-UE. Madankollu, stħarriġ tal-2006 wera li kważi 70 % tal-Ewropej ma kinux jafu b'dawn in-netwerks, filwaqt li dawk li kienu jafu bihom kienu konfużi dwar fejn kellhom jibagħtu l-mistoqsijiet u x’kellhom jistennew. Iċ-ċittadini tilfu ż-żmien u l-fiduċja meta ntbagħtu minn netwerk għall-ieħor[66]. Stħarriġ li sar fl-2010 wera li 42% biss tal-Ewropej jafu dwar jeddijiethom u li 72% jixtiequ jkunu jafu aktar[67], filwaqt li stħarriġ reċenti ieħor[68] żvela li ċ-ċittadini li jiċċaqilqu min-naħa għall-oħra tal-fruntieri ta’ spiss ikunu frustrati minħabba li jkollhom jużaw iktar minn sors wieħed sabiex isibu l-informazzjoni kollha li jeħtieġu. Meta jintalbu jissuġġerixxu modi kif l-esperjenzi transkonfinali tagħhom setgħu kienu ffaċilitati, iċ-ċittadini jgħidu li jixtiequ jaraw "one-stop shop" ;li jkun jippermettilhom isibu l-informazzjoni rilevanti kollha f’post wieħed, u li jkollu informazzjoni prattika ħafna u speċifika għal kull pajjiż individwali. Iċ-ċittadini jrid ikollhom aċċess faċli u dirett għall-informazzjoni dwar l-UE. Huma għandhom ikunu jafu x’inhuma d-drittijiet li toffri l-UE u l-opportunitajiet li għandhom fl-UE. L-Ewropa trid litteralment tkun aċċessibbli faċilment jew biss telefonata ’l bogħod. Barra minn hekk, sabiex jagħmlu użu mid-drittijiet mogħtijin mill-UE, spiss ikun hemm regoli u proċeduri nazzjonali, reġjonali jew lokali li jridu jiġu rrispettati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tkun qed tfittex li jkollha koperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex tkun kapaċi tipprovdi informazzjoni fuq il-pajjiżi kollha tal-UE. Hemm bżonn ukoll li jsiru sforzi fil-pajjiżi kandidati li waslu qrib li jissieħbu biex jinvolvu aħjar li—ċittadini tagħhom fil-proċess ta' sħubija u biex jinfurmawhom dwar id-drittijiet li se jkollhom fil-ġejjieni bħala ċittadini tal-UE. Il-Kummissjoni: 21. qed tiżviluppa l-portal web L-Ewropa Tiegħek f’punt ta’ informazzjoni one-stop-shop dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u tan-negozji fl-UE, li jkun faċli biex tużah u aċċessibbli permezz tal-internet (http://ec.europa.eu/youreurope) u permezz ta’ numru tat-telefown bla ħlas (Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct). Se jipprovdi informazzjoni ċara u prattika u se jkun post ċentrali ta’ kuntatt (“front-office”) li se jibgħat il-mistoqsijiet lid-diversi servizzi ta’ assistenza speċjalizzati (“back-offices”). 22. qed iżżid l-effiċjenza tan-netwerks ta’ informazzjoni tagħha fl-Istati Membri sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsibu faċilment il-punt ta’ kuntatt it-tajjeb fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, flimkien mal-500 ċentru ta’ informazzjoni Europe Direct, se jtejbu l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini sal-2012, fost oħrajn permezz ta’ kooperazzjoni u ta’ interazzjoni aħjar mas-servizzi eżistenti ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi fuq il-livell tal-UE. 2.6 . Nuqqas ta’ għarfien ta’ xi tfisser ċittadinanza tal-UE Il-parti l-kbira taċ-ċittadini Ewropej (79 %) bħalissa jsostnu li għandhom ċerta familjarità mat-terminu “ċittadin tal-Unjoni Ewropea”[69]. Madankollu, 43 % biss jafu xi jfisser it-terminu u 48 % indikaw li “mhumiex informati tajjeb” dwar drittijiethom bħala ċittadini tal-UE. Tabilħaqq, inqas minn terz (32 %) jikkunsidraw li huma informati “tajjeb” jew “tajjeb ħafna” dwar drittijiethom bħala ċittadini tal-UE. [pic] [pic] Biex iċ-ċittadinanza tal-UE takkwista sinifikat reali f’ħajjet in-nies, jeħtieġ li jiżdied l-għarfien dwar drittijiethom u r-responsabbiltajiet tagħhom. Sabiex tkun promossa ċ-ċittadinanza tal-UE jistgħu jintużaw diversi programmi finanzjarji, fosthom: “Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-2007-2013, b’baġit ta’ EUR 215-il miljun, li jiffoka fuq it-trawwim tal-parteċipazzjoni ċivika, u “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza” għall-2007-2013, b’baġit ta’ EUR 93.8 miljun, li jiffoka fuq il-promozzjoni tad-drittijiet marbuta mal-istejtus ta’ ċittadin tal-UE, bħad-drittijiet għall-vot f’elezzjonjiet muniċipali u Ewropej fl-Istat Membru ta’ residenza, il-moviment liberu u l-protezzjoni konsulari. Iċ-ċittadini tal-UE u l-partijiet interessati jeħtieġ li jiġu ggwidati lejn dawn il-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-UE u lejn possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-UE oħrajn u għandhom jibbenefikaw minn ekonomija ta’ skala. It-Trattat ta’ Lisbona jġib miegħu potenzjal kbir f’termini ta’ possibbiltajiet, responsabbiltajiet u għanijiet ġodda għal involviment iktar attiv taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-proġett Ewropew, b’mod partikolari billi jintroduċi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini. Biex jingħata effett li din l-għodda demokratika ta’ parteċipazzjoni essenzjali, il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni mmirata biex isiru proċeduri u kundizzjonijiet għal-użu ta' dan il-mekkaniżmu[70]. L-azzjoni taċ-ċittadini fuq il-livell tal-UE tista’ tiġi promossa ulterjorment permezz tat-tkabbir tad-dimensjoni Ewropea tal-attivitajiet tal-fondazzjonijiet għall-benefiċċju tal-pubbliku. Il-madwar 110,000 fondazzjoni li bħalissa qed joperaw fl-Istati Membri tal-UE jindirizzaw kwistjonijiet ta’ natura globali bħar-riċerka, l-ambjent, is-saħħa u l-impjiegi, li jinsabu fil-qalba tal-kwistjonijiet li jħassbu liċ-ċittadini tal-UE. Madankollu, il-fondazzjonijiet li jipprovaw jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom b’mod transkonfinali jiltaqgħu ma’ numru ta’ barrieri tal-liġi amministrattiva, tal-liġi ċivili u tal-liġi fiskali (eż. rigward il-proċeduri sabiex jiġu rikonoxxuti bħala fondazzjonjiet, l-eżenzjonijiet fiskali li jingħataw fl-Istati Membri differenti, eċċ.) li jfixklu l-iżvilupp tal-operazzjonijiet transnazzjonali u jwasslu għal żieda fl-ispejjeż li tnaqqas l-ammont totali ta’ fondi disponibbli għall-ġid tal-pubbliku. Kif ġie ppreżentat fid-dettall fil-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, fl-2011 il-Kummissjoni se tipproponi Regolament dwar statut għall-fondazzjonijiet Ewropej bħala rimedju għal dawn il-problemi. Rapportaġġ indipendenti tal-midja dwar l-affarijiet tal-UE huwa sies importanti għal ċittadini tal-UE informati sew u għad-diskors pubbliku Ewropew. Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir sakemm ikun hemm xenarju tal-midja tassew Ewropew li jistimola dibattiti informati dwar il-politiki tal-UE. Kif osserva r-rapport tas-Sur Lamassoure, f'bosta Stati Membri r-rapporti dwar il-politiki tal-Istati Uniti huma kkunsidrati iktar rilevanti mill-aħbarijiet dwar l-affarijiet tal-UE. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika attwali qed tikkontribwixxi għal tnaqqis fil-korrispondenti tal-UE f’bosta midja u għall-fenomenu li l-midja qed terġa’ tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-kwistjonijiet nazzjonali. Bħalissa l-Euronews huwa l-uniku stazzjon televiżiv li jkopri l-aħbarijiet minn perspettiva Ewropea u li jiddedika slottijiet sinifikanti għall-affarijiet tal-UE. Dan l-istazzjon għandu jtejjeb il-format tiegħu sabiex ikollu impatt u reputazzjoni daqs stazzjonijiet internazzjonali tal-aħbarijiet oħrajn; Il-Euronews għad m’għandux studjow fi Brussell li permezz tiegħu jkun jista’ jsir rapportaġġ dirett mill-belt kapitali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni: 23. se ssaħħaħ l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-istejtus tagħhom ta’ ċittadini tal-UE, dwar id-drittijiet tagħhom u t-tifsira tagħhom f’ħajjithom ta’ kuljum, billi tipproponi li l-2013 tingħażel bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u billi torganizza avvenimenti mmirati dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u politiki tal-UE relatati maċ-ċittadini matul din is-Sena; 24. se tagħmilha iktar sempliċi biex iċ-ċittadini tal-UE u l-partijiet interessati jużaw l-appoġġ finanzjarju li tipprovdi l-Kummissjoni għall-iżvilupp taċ-ċittadinanza tal-UE, billi tisfrutta s-sinerġiji fost l-istrumenti ta’ finanzjament disponibbli tal-UE u r-razzjonalizzazzjoni; 25. se tesplora kif tista' tissaħħaħ aktar l-informazzjoni dwar il-ġrajjiet kurrenti Ewropej, b'mod li jkun ikkaratterizzat minn rapportaġġ indipendenti, professjonali u ta’ kwalità għolja; f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-possibbiltajiet li jeżistu biex il-finanzjament tal-Euronews ikun aktar sostenibbli. Se jiġi inkuraġġit il-bini ta' studjow fi Brussell għall-Euronews. 3. KONKLUżJONIJIET F’bosta mill-oqsma f’dan ir-rapport, in-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-UE mhux ir-raġuni ewlenija għaliex iċ-ċittadini qed iħabbtu wiċċhom ma' ostakoli meta jiġu biex jeżerċitaw jeddijiethom. F’uħud mill-każijiet, ir-regoli eżistenti jeħtieġ li jiġu estiżi jew jiġu aġġornati jew saħanistra jkunu suġġetti għal riforma radikali sabiex iżommu l-pass ma’ realtajiet soċjoekonomiċi jew teknoloġiċi li qed jevolvu. Il-maġġoranza tal-azzjonjiet identifikati sabiex jiżżarmaw l-ostakoli jaqgħu fi tliet kategoriji prinċipali: id-drittijiet tal-UE għandhom jiġu inforzati b’mod effettiv, għandhom jitgawdew b’mod iktar faċli fil-prattika, u għandu jitqajjem għarfien dwarhom. L-ewwel kategorija għandha l-għan li l-Istati Membri jiggarantixxu li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu inforzati b’mod sħiħ fost in-nies. Azzjonijiet ta’ din ix-xorta huma partikolarment rilevanti f’oqsma fejn il-liġi tal-UE tieħu l-iktar il-forma ta’ Direttivi li – b’kuntrast għar-Regolamenti – jeħtieġ li jiġu trasposti f’liġijiet nazzjonali jew b’dispożizzjonijiet amministrattivi fis-sistema legali ta’ kull Stat Membru. Dawn l-azzjonijiet jinkludu l-iskrutinju mill-qrib tal-miżuri nazzjonali, l-għoti ta’ gwida permezz tal-kooperazzjoni amministrattiva jew il-ħruġ ta’ linji gwida u t-tnedija ta’ proċeduri ta’ ksur fejn ikun meħtieġ. It-tieni kategorija għandha l-għan li tiffaċilita l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini billi tagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet individwali iktar sempliċi , billi telimina l-kumplikazzjonijiet żejda: issib soluzzjonijiet f'każijiet individwali u tnaqqas l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi ġġenerati mill-proċeduri u mill-prattiki nazzjonali. Dan isir bi strumenti ta’ liġi mhux vinkolanti bħal rakkomandazzjonijiet u kodiċijiet ta’ kondotta, it-tixrid ta’ prattiki tajba, it-trawwim ta’ iktar fiduċja u l-faċilitazzjoni ta’ kooperazzjoni eqreb u iktar effiċjenti bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, sabiex id-drittijiet taċ-ċittadini jkunu jistgħu jingħataw b’mod iktar effettiv fl-Ewropa kollha. Il-lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom jimtlew ukoll. It-tielet kategorija għandha l-għan li tqajjem għarfien fost iċ-ċittadini dwar drittijiethom , sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet tagħhom. Fl-istess waqt, anki l-amministrazzjonijiet, l-imħallfin u l-professjonisti legali fil-livell nazzjonali għandhom ikunu jafu b'dawn il-jeddijiet sabiex ikunu jistgħu jgħinu liċ-ċittadini. Il-miżuri identifikati jinkludu punt one-stop-shop għal informazzjoni u pariri u kampanji ta’ informazzjoni. L-UE jeħtieġ li tasal għal riżultati fuq dawn il-livelli kollha sabiex tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jkunu realtà tanġibbli. Dan ir-rapport jidentifika 25 inizjattiva għal perjodu qasir u medju ta’ żmien sabiex jingħelbu l-ostakoli ħalli ċ-ċittadini jgawdu drittijiethom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan huwa biss il-bidu ta’ proċess għall-identifikazzjoni ulterjuri tal-ostakoli li ċ-ċittadini għadhom jiffaċċjaw u s-soluzzjonijiet għalihom. Ir-rapport se jniedi dibattitu ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, partikolarment il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, u mas-soċjetà ċivili. Huwa wkoll importanti li l-parlamenti nazzjonali jiġu involuti attivament f’dan id-dibattitu, mhux biss fir-rigward tal-verifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, imma wkoll billi jipprovdu lill-Kummissjoni bil-fehmiet tagħhom bħala parti mill-inizjattiva tad-djalogu politiku[71]. L-involviment taċ-ċittadini Ewropej huwa vitali għas-suċċess ta’ dawn l-isforzi – mhux biss bħala benefiċjarji passivi tad-drittijiet imma bħala atturi fil-proġett Ewropew. Hemm firxa wiesgħa ta’ għodod parteċipatorji sabiex iċ-ċittadini jkunu involuti fit-tfassil tal-politiki. Għodod ta’ din ix-xorta jistgħu jġibu iktar intensità u aspett kwalitattiv biex jinftiehem dak li jħasseb liċ-ċittadini. Dan ir-rapport għandu l-għan li jagħmel użu mill-ideat, mit-tħassib u mill-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE filwaqt li jqarribhom lejn xulxin fl-istess ħin. Huwa maħsub biex jiftaħ dibattitu u skambju dwar kif iċ-ċittadinanza tal-UE tista’ tissodisfa l-potenzjal tagħha f’termini ta’ titjib tal-possibbiltajiet tal-ħajja tal-Ewropej billi jingħataw benefiċċji konkreti li se jkollhom impatt viżibbli. Dan “l-approċċ minn isfel għal fuq”, sostnut mis-Sur Lamassoure bħala mod kif jinħoloq “pakkett taċ-ċittadini” reali u sabiex jitnieda djalogu miftuħ u kostruttiv se jkun parti kruċjali mill-bini ta' Ewropa li tħares id-drittijiet taċ-ċittadini u li taqdi l-bżonnijiet tagħhom. Dan il-proċess għandu jippermetti li fl-2013, sena Ewropea li għandha tkun iddedikata liċ-ċittadini, il-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tar-riżultati tagħha u tal-impatt inizjali tal-azzjonijiet ta’ dan ir-rapport. Imbagħad il-Kummissjoni tkun f'pożizzjoni li tħabbar pjan ta’ azzjoni ambizzjuż u komprensiv sabiex tkun ikkompletata t-tneħħija ta' ostakli persistenti li qed iwaqqfu liċ-ċittadini milli jgawdu jeddijiethom. RAPPORT DWAR IĊ-ĊITTADINANZA TAL-UE TAL-2010: 25 AZZJONI SABIEX TITTEJJEB IL-ĦAJJA TA’ KULJUM TAĊ-ĊITTADINI TAL-UE Il-Kummissjoni: 26. se tagħmilha iktar faċli għall-koppji internazzjonali (miżżewġa jew sħab irreġistrati) li jkunu jafu liema qrati jkollhom ġurisdizzjoni u liema liġi tapplika għad-drittijiet għall-proprjetà tagħhom (eż. dar li tkun f’isem it-tnejn) billi tipproponi strument leġiżlattiv fl-2011; 27. se tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni libera tad-dokumenti tal-istejtus ċivili (eż. ċertifikati tat-twelid) billi tipproponi strumenti leġiżlattivi fl-2013; 28. se tagħti l-possibbiltà li kemm iċ-ċittadini kif ukoll il-prattikanti fil-qasam legali jkunu jistgħu jsibu faċilment informazzjoni multilingwi dwar il-ġustizzja permezz tal-portal Ewropew e-Justice fuq l-internet; 29. se tkompli ttejjeb il-protezzjoni tal-persuni ssuspettati u akkużati fi proċeduri kriminali, inkluża s-salvagwardja tal-aċċess tas-suspettati għal avukat u tal-komunikazzjoni tagħhom mad-dinja ta' barra waqt li jkunu miżmumin, billi fl-2011 tipproponi żewġ strumenti leġiżlattivi; 30. se ttejjeb il-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità billi fl-2011 tipproponi pakkett ta' miżuri, li jkun jinkludi strument leġiżlattiv; 31. se tissimplifika l-formalitajiet u l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-karozzi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor billi tipproponi strument leġiżlattiv fl-2011. Hija se tieħu wkoll azzjoni f’każijiet fejn it-trattament fiskali tal-karozzi jkun diskriminatorju u se taħdem fuq soluzzjonijiet għal taxxi doppji ta’ reġistrazzjoni fuq il-karozzi li jistgħu jfixklu l-moviment liberu taċ-ċittadini u tal-merkanzija; 32. qed tipproponi modi kif jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi transkonfinali tas-saħħa u qiegħda wkoll tistabbilixxi azzjonijiet pilota biex tgħammar lill-Ewropej b’aċċess onlajn sigur għad-dejta sanitarja u medika tagħhom u sabiex jintlaħaq użu mifrux tas-servizzi tat-telemediċina sal-2020. Il-Kummissjoni se tirrakkomanda wkoll sett komuni u minimu ta’ dejta dwar il-pazjenti għall-interoperabbiltà tal-fajls tal-pazjenti li għandu jkun hemm aċċess għalihom jew jiġu skambjati elettronikament minn Stat Membru għall-ieħor sal-2012; 33. se żżid l-effikaċja tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkunu assistiti f’pajjiżi terzi, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi, mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri kollha, billi tipproponi miżuri leġiżlattivi fl-2011 u billi tinforma aħjar liċ-ċittadini permezz ta’ websajt apposta kif ukoll miżuri ta’ komunikazzjoni mmirati; 34. se timmodernizza r-regoli attwali għall-protezzjoni tal-konsumaturi li jixtru vjaġġ kollox kompriż, speċjalment minn fuq l-Internet, u se tiffaċilita x-xiri ta’ vjaġġ kollox kompriż minn Stati Membri oħrajn billi tagħmel proposta leġiżlattiva fl-2011; 35. se tfittex li tlesti l-qafas leġiżlattiv li jippermetti li tiġi ggarantita damma ta' drittijiet komuni għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bi kwalunkwe mezz ta' trasport madwar l-UE u li tiżgura li jkun hemm infurzar adegwat ta' dawn id-drittijiet, inklużi d-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru (eż. f’każijiet ta’ perjodi twal ta’ dewmien u ta’ kanċellazzjonijiet). Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tiżgura li ċ-ċentri tat-trasport (eż. l-ajruporti, l-istazzjonijiet u l-portijiet) bil-mod il-mod isiru postijiet minn fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu aċċess faċli għal informazzjoni dwar id-drittijiet mogħtijin lilhom mill-UE, speċjalment meta jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE; 36. se tipproponi iktar modi kif ikun żgurat li l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa jista’ jkollhom aċċess iktar faċli għall-mezzi kollha tat-trasport u għall-infrastruttura rilevanti, se tagħti, mill-2010 ’l quddiem, premju annwali lill-iktar bliet Ewropej aċċessibbli, se tippromwovi aċċess aħjar għal servizzi bħall-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar u se tiżviluppa u tinkuraġġixxi l-użu ta’ standards għall-UE kollha dwar l-aċċessibbiltà għall-ambjent mibni, billi fl-2010 tipproponi Strateġija tal-UE dwar id-Diżabbiltà għall-2010-2020; 37. se tipproponi modi kif iżżid il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti turistiċi, billi torganizza kampanji li jkattru l-għarfien għat-turisti Ewropej u billi timmonitorja s-sodisfazzjon tal-konsumatur b’diversi servizzi turistiċi (eż. it-trasport, l-akkomodazzjoni, il-vjaġġ, eċċ.); 38. se tistabbilixxi b’mod li jinftiehem id-drittijiet tal-utenti tas-servizzi onlajn billi tippubblika Kodiċi tal-UE tad-Drittijiet Online sal-2012; 39. se tiffaċilita riżoluzzjoni veloċi u mhux għalja barra mill-qrati tal-problemi tal-konsumaturi fl-UE billi tipproponi strument leġiżlattiv dwar il-mekkaniżmi tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (Alternative Dispute Resolution, ADR) fl-2011, billi sal-2012 tesplora proposti għal sistema onlajn mifruxa mal-UE kollha kemm hi biex jissolvew tilwimiet relatati ma' tranżazzjonijiet bil-Kummerċ-e, u billi tippromwovi użu iktar mifrux tal-medjazzjoni sal-2013; 40. se tiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familji tagħhom minn pajjiżi terzi billi tinforza r-regoli tal-UE b’mod strett, inkluż rigward in-nondiskriminazzjoni, billi tippromwovi l-prattiki tajbin u għarfien ikbar tar-regoli tal-UE fost in-nies u billi żżid it-tixrid tal-informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet għal moviment liberu tagħhom; 41. qed ittejjeb il-provvediment tal-informazzjoni liċ-ċittadini u qed tiżviluppa sistema ġdida ta' skambju elettroniku tad-dejta sabiex jitnaqqsu d-dewmien u d-diffikultajiet fl-iskambju tal-informazzjoni tas-sigurtà soċjali; 42. qed titlob lill-Istati Membri jiżguraw li fil-ġejjieni l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew issir fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha; 43. qed titlob lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-UE fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jkunu inforzati b’mod sħiħ, li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jkunu membri ta’ partiti politiċi jew iwaqqfuhom fl-Istat Membru ta’ residenza u li l-Istati Membri jinformaw b’mod xieraq liċ-ċittadini tal-UE bid-drittijiet elettorali tagħhom; 44. se tipproponi s-simplifikazzjoni tal-proċedura għaċ-ċittadini tal-UE meta joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, u se ttejjeb il-mekkaniżmu attwali sabiex tkun ipprevenuta votazzjoni doppja fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fejn se tieħu inkunsiderazzjoni l-perjodu ta’ żmien u l-eżitu ta' riforma elettorali tal-Parlament Ewropew fil-futur; 45. se tagħti bidu għal diskussjoni sabiex tidentifika t-toroq politiċi li jeżistu sabiex ma jitħalliex li ċ-ċittadini tal-UE jitilfu d-drittijiet politiċi tagħhom talli jkunu eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu tagħhom; 46. qed tiżviluppa l-portal web L-Ewropa Tiegħek f’punt ta’ informazzjoni one-stop-shop dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u tan-negozji fl-UE, li huwa faċli biex tużah u aċċessibbli permezz tal-internet (http://ec.europa.eu/youreurope) u permezz ta’ numru tat-telefown bla ħlas (Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct). Se jipprovdi informazzjoni ċara u prattika u se jkun post ċentrali (“front-office”) li se jibgħat il-mistoqsijiet lid-diversi servizzi ta’ assistenza speċjalizzati (“back-offices”). 47. qed iżżid l-effiċjenza tan-netwerks ta’ informazzjoni tagħha fl-Istati Membri sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsibu faċilment il-punt ta’ kuntatt it-tajjeb fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, flimkien mal-500 ċentru ta’ informazzjoni Europe Direct, se jtejbu l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini sal-2012, fost oħrajn permezz ta’ kooperazzjoni u ta’ interazzjoni aħjar mas-servizzi eżistenti ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi fuq il-livell tal-UE; 48. se ssaħħaħ l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-istejtus taċ-ċittadinza tagħhom tal-UE, dwar drittijiethom u t-tifsira tagħhom f’ħajjithom ta’ kuljum, billi tipproponi li l-2013 tingħażel bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u billi torganizza avvenimenti mmirati dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u politiki tal-UE relatati maċ-ċittadini matul din is-Sena; 49. se tagħmilha iktar sempliċi biex iċ-ċittadini tal-UE u l-partijiet interessati jużaw l-appoġġ finanzjarju li tipprovdi l-Kummissjoni għall-iżvilupp taċ-ċittadinanza tal-UE, billi tisfrutta s-sinerġiji fost l-istrumenti ta’ finanzjament disponibbli tal-UE u r-razzjonalizzazzjoni; 50. se tesplora kif tista' tissaħħaħ aktar l-informazzjoni dwar il-ġrajjiet kurrenti Ewropej, b'mod li jkun ikkaratterizzat minn rapportaġġ indipendenti, professjonali u ta’ kwalità għolja; f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-possibbiltajiet li jeżistu biex il-finanzjament tal-Euronews ikun aktar sostenibbli. Se jiġi inkuraġġit il-bini ta' studjow fi Brussell għall-Euronews. [1] Il-kunċett ta’ “Ċittadinanza tal-Unjoni” (kif ġie ddefinit fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) f’dan it-test se jissejjaħ sempliċement “ċittadinanza tal-UE”. [2] Ara, pereżempju, il-Kawża C-184/99, Grzelczyk, [2001] Ġabra I-6193, paragrafu 31. [3] L-Artikolu 21(1) TFUE jispeċifika li dan id-dritt jista' jkun suġġett għal ċerti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet. [4] Ara, pereżempju, il-Kawżi C-413/99 Baumbast u R, [2002] Ġabra I-7091, paragrafu 84, u C-200/02, Zhu u Chen [2004] Ġabra I-9925, paragrafu 26. [5] Artikolu 20(2) TFUE. [6] Artikolu 11(4) TUE. [7] Artikolu 14(2) TUE [8] Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea [9] Titolu V, “Ċittadinanza” [10] Fl-2009, iċ-Ċentru ta' Kuntatt Europe Direct kien irċieva 25,721 talba għal tagħrif mingħand iċ-ċittadini dwar kwistjonijiet transkonfinali (l-ivvjaġġar, ix-xiri u l-bejgħ, l-istudju, ix-xogħol u l-għajxien fi Stati Membri oħrajn): Ir-rapport annwali taċ-ĊKED dwar l-attivitajiet tiegħu għall-2009, li huwa disponibbli f'http://ec.europa.eu/europedirect/docs/statistics/edcc-report_year_2009_light.pdf. [11] http://www.alainlamassoure.eu/liens/975.pdf. [12] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2009-0204+0+DOC+XML+V0//MT. [13] COM finali (2010) 608. [14] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM (2010) 2020 finali tat-3.3.2010). [15] COM finali (2010) 602. [16] COM finali (2010) 605. [17] Ewrobarometru Flash 292, “Ġustizzja Ċivili”, Novembru – Diċembru 2008. [18] https://e-justice.europa.eu [19] Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (Direttiva 2010-801/UE) u l-Proposta tal-20 ta' Lulju 2010 għal Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali (COM(2010)392) [20] Eurostat Statistics in focus – 36/2009 [21] Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fi proċedimenti kriminali (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1) [22] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Proposta għal Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali – Valutazzjoni tal-Impatt (it-2 ta’ Lulju 2008) http://wcmcom-ec-europa-eu-wip.wcmvue.cec.eu.int:8080/health/archive/ph_overview/co_operation/healthcare/docs/impact_assessment_en.pdf [23] Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali (it-2 ta’ Lulju 2008) http://wcmcom-ec-europa-eu-wip.wcmvue.cec.eu.int:8080/health/archive/ph_overview/co_operation/healthcare/docs/com_mt.pdf [24] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010)245 finali/2 tas-26.8.2010. [25] Azzjoni Ewlenija 13 tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa; ara wkoll il-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. [26] Azzjoni Ewlenija 14 tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa; ara wkoll il-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. [27] Il-bażi tad-dejta tal-Eurostat dwar il-popolazzjoni, is-sezzjoni dwar it-turiżmu; id-dejta tinkludi l-vjaġġi għal finijiet ta’ btala u ta’ negozju ta’ iktar minn jum wieħed. [28] L-Organizzazzjoni Dinijija tat-Turiżmu tistenna iktar tkabbir sinfikanti għall-perjodu 2010-2020. [29] Ewrobarometru Flash 294 “Iċ-Ċittadinanza tal-UE”, Marzu 2010. [30] Ewrobarometru Flash 281 “Stħarriġ dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej fir-rigward tat-turiżmu”, Ottubru 2009. [31] Ewrobarometru Flash 258 “Stħarriġ dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej fir-rigward tat-turiżmu”, Frar 2009. [32] Arranġamenti għall-ivvjaġġar fejn żewġ elementi jew servizzi jew iktar għal btala waħda jew għal vjaġġ wieħed, bħal titjiriet, akkomodazzjoni jew kiri ta’ karozza, jiġu offruti fl-istess ħin u mill-istess kumpanija jew minn kumpaniji li jkollhom konnessjoni kummerċjali ma’ xulxin (pereżempju, linji tal-ajru u kiri ta’ karozzi jew lukandi) imma mhux il-pakketti li diġà jiġu offruti bħala tali, jiġifieri li ġew assemblati qabel ma ġew offruti lill-konsumatur. [33] Studju dwar id-Detriment tal-Konsumatur fil-qasam tal-Pakketti Dinamiċi, ippreparat mil-London Economics għad-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni, Novembru 2009. [34] Ara wkoll http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/mt/index.html. [35] Fl-2008 l-Kummissjoni u n-netwerk tal-Entitajiet Nazzjonali għall-Infurzar ittrattaw madwar 68,000 mistoqsija u lment uffiċjali ta’ passiġġieri. [36] Eurostat, Statistiki dwar it-Turiżmu, 2008. [37] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: “Rapport dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE” SEC(2009) 283, p.11. [38] Eurostat: Il-Livell ta’ Aċċess għall-Internet – tad-djar (tsiir040; data tal-pubblikazzjoni 18.6.2010) fl-2009 kien ta’ 65 fil-mija. [39] Ewrobarometru Flash 250 “Il-Fiduċja fis-Soċjetà tal-Informazzjoni”, Mejju 2009. [40] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: “Rapport dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE” SEC(2009) 283, p.2. [41] Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur – Konsumaturi li jħossuhom komdi fis-Suq Intern – SEC(2010)385, p. 18. [42] Proposta tat-8 ta' Ottubru 2008 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur - COM(2008) 614. [43] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda Diġitali għall-Ewropa - COM (2010) 245. [44] Kif imħabbar fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. [45] Kif imħabbar fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. [46] Ewrobarometru Flash 294 “Iċ-Ċittadinanza tal-UE”, Marzu 2010. [47] Stħarriġ Kwalitattiv tal-Ewrobarometru “Iċ-ċittadinanza Ewropea – Il-mobbiltà transkonfinali”, Awwissu 2010. [48] Ewrobarometru Flash 263 “Is-Suq Intern: Għarfien-perċezzjonijiet-impatti”, Frar-Marzu 2009. [49] Ewrobarometru Flash 337 “Il-mobbiltà ġeografika u tas-suq tax-xogħol”, Novembru-Diċembru 2009. [50] Dejta miġjuba mill-bażi tad-dejta SOLVIT. [51] Il-Kummissjoni qed tieħu miżuri sabiex tiżgura t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħaħ tar-regoli dwar il-moviment liberu fl-Istati Membri kollha. [52] Il-Kummissjoni għadha kemm ippubblikat gwida aġġornata u simplifikata għaċ-ċittadini tal-UE dwar il-libertà tal-moviment u tal-għajxien fl-Ewropa, li fiha jiġu spjegati b’mod li jinftiehem faċilment mill-qarrej id-drittijiet u l-possibbiltajiet miftuħa għalihom http://ec.europa.eu/justice/policies/citizenship/docs/guide_free_movement.pdf u reċentement adottat il-Komunikazzjoni “Naffermaw mill-ġdid il-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri” - COM(2010) 373 - sabiex tqajjem għarfien u tippromwovi d-drittijiet tal-ħaddiema migranti tal-UE. [53] Ewrobarometru Flash 260 “L-Istudenti u r-Riforma fl-Edukazzjoni Ogħla”, Marzu 2009. [54] Ewrobarometru Flash 260 “L-Istudenti u r-Riforma fl-Edukazzjoni Ogħla”, Marzu 2009. [55] Stħarriġ kwalitattiv tal-Ewrobarometru “Iċ-ċittadinanza Ewropea – Il-mobbiltà transkonfinali”, Awwissu 2010. [56] Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU L 209, 25.7.1998, p. 46) [57] Green Paper lejn sistemi Ewropej tal-pensjonijiet li jkunu adegwati, sostenibbli u sikuri - COM(2010) 365. [58] Ewrobarometru Flash 292 “Id-drittijiet elettroali taċ-ċittadini tal-UE”, Marzu 2010. Dan kien ikkonfermat mis-sejbiet tal-Istħarriġ Kwalittattiv tal-Ewrobarometru “Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Il-mobbiltà transkonfinali” ta’ Awwissu 2010. [59] Il-Kummisjoni bħalissa qed tistħarreġ il-każ tal-Pajjiżi l-Baxxi. [60] L-Artikolu 22(2) TFUE u d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini, ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34. [61] Il-Kummissjoni bħalissa qed tistħarreġ il-każijiet tal-Bulgarija, ta’ Malta, tal-Ungerija, tal-Latvja, tas-Slovakkja, tal-Polonja, tas-Slovenja u tar-Rumanija. [62] Il-Kummissjoni bħalissa qed tistħarreġ il-każijiet ta’ Malta u tas-Slovenja. Fil-każ ts-Slovenja, fil-15 ta' Lulju 2010 ġiet innotifikata liġi ġdida lill-Kummissjoni; il-Kummissjoni qed tivvaluta jekk din tiżgurax konformità sħiħa mar-regoli tal-UE. [63] Il-Kummissjoni bħalissa qed tistħarreġ il-każijiet tal-Bulgarija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Finlandja, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Latvja, tal-Litwanja, tas-Slovakkja, ta’ Spanja u tal-Polonja. [64] Abbozz ta' rapport dwar Proposta għal modifikatal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz ta' suffraġju universali dirett tal-20 ta' Settembru 1976 http://www.europarl.europa.eu/oeil/file.jsp?id=5806882. [65] L-Irlanda, l-Ungerija, id-Danimarka, Malta, l-Awstrija u r-Renju Unit. [66] Ewrobarometru Flash 254 “Is-suq Intern - Fehmiet u esperjenzi taċ-Ċittadini fl-UE-25'”, Ottubru 2006. [67] Ewrobarometru Standard 73 "L-Opinjoni pubblika fl-Unjoni Ewropea", Mejju 2010. [68] Stħarriġ Kwalittativ tal-Ewrobarometru “Iċ-ċittadinanza tal-UE – Il-mobbiltà transkonfinali”, Awwissu 2010. [69] Ewrobarometru Flash 294 ‘Iċ-Ċittadinanza tal-UE’, Marzu 2010. [70] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini COM(2010) 119. [71] Fl-2006 il-Kummissjoni tat bidu għal djalogu informali ġdid mal-Parlamenti nazzjonali, komunement magħruf bħala d-"djalogu politiku", jew l-"inizjattiva ta' Barroso". Dan id-djalogu jikkonsisti filli l-proposti u l-ktibiet ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni jingħaddew direttament lill-Parlamenti nazzjonali, u f'li jiġu mistednin jagħtu reazzjoni, sabiex jitjieb il-proċess tat-tfassil tal-linji politiċi u sabiex il-Parlamenti nazzjonali jiġu involuti aktar mill-qrib fl-affarijiet Ewropej.