EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0602

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW SKONT l-Artikolu 25 tat-TFUE Dwar progress effettiv lejn Ċittadinanza tal-UE 2007-2010

/* KUMM/2010/0602 finali */

52010DC0602




[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 27.10.2010

KUMM(2010) 602 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

SKONT L-ARTIKOLU 25 TAT-TFUE Dwar progress effettiv lejn Ċittadinanza tal-UE 2007-2010

{ KUMM(2010) 603 finali}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

SKONT L-ARTIKOLU 25 TAT-TFUE Dwar progress effettiv lejn Ċittadinanza tal-UE 2007-2010

1. Introduzzjoni

L-Artikolu 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi lill-Kummissjoni biex tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tat-Trattat. Ir-rapport preżenti jakkumpanja lir-"Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Tneħħija tal-ostakli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE" billi jittieħed kont ta' żviluppi ewlenin li seħħew fil-qasam taċ-Ċittadinanza tal-UE fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Lulju 2007 u t-30 ta' Ġunju 2010[1]. Żviluppi rigward id-dritt taċ-ċittadini tal-UE biex jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma deskritti aktar fid-dettall fir-Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009[2] li huwa adottat flimkien mar-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE.

2. Żviluppi fil-qasam tad-Drittijiet ta' Cittadinanza tal-UE

2.1. Il-qafas legali u istituzzjonali l-ġdid

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ssaħħet l-idea ta' Cittadinanza tal-UE u d-drittijiet li din iġġorr b'diversi modi.

It-Titolu II tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) jagħti attenzjoni akbar liċ-Ċittadinanza tal-UE billi jintegraha fid-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi (l-Artikolu 9 tat-TUE) u joħloq rabta akbar bejn iċ-ċittadinanza u d-demokrazija (l-Artikoli 10 u 11 tat-TUE).

It-Trattat il-ġdid, permezz ta' rabta bejn is-sett ta' drittijiet mehmużin maċ-Ċittadinanza tal-UE ma' dritt ġdid, l-inizjattiva taċ-ċittadini, jippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE b'mod aktar intensiv fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 11(4) tat-TUE, "mhux inqas minn miljun ċittadin, li jkunu ċittadini ta' numru sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tissottometti xi proposta xierqa fuq kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li att ġuridiku tal-Unjoni jkun meħtieġ biex jiġu implimentati t-Trattati".

L-istabbiliment tal-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni ta' dan l-istrument il-ġdid kien wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, li poġġiet f'tabella, fil-31 ta' Marzu 2010, Proposta għal-Regolament[3] immirata biex jidħlu fis-seħħ proċeduri sempliċi, aktar faċli għall-użu tal-utent u aċċessibbli, u kif ukoll tiżgura li l-istrument ma jiġix abbużat.

It-Trattat ta' Lisbona jkompli jsaħħaħ ir-rabta bejn iċ-ċittadinanza u n-nondiskriminazzjoni. It-Tieni Parti tat-TFUE issa jġib l-isem ta' "Non-Diskriminazzjoni u Ċittadinanza ta' l-Unjoni" u jintegra d-dispożizzjonijiet dwar in-nondiskriminazzjoni, kemm fuq bażi ta' nazzjonalità, fl-Artikolu 18 tiegħu (preċedentement l-Artikolu 12 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE) u fuq bażijiet oħra (sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali) fl-Artikolu 19 tiegħu (preċedentement l-Artikolu 13 tat-TKE)[4].

Fir-rigward tad-definizzjoni taċ-Ċittadinanza tal-UE infisha, it-Trattat ta' Lisbona jenfasizza l-fatt li din hi status addizzjonali għaċ-ċittadinanza nazzjonali, mentri d-definizzjoni tagħha ta' qabel fl-Artikolu 17 tat-TKE kienet tiddeskriviha bħala xi ħaġa komplimentari għaċ-ċittadinanza nazzjonali.

L-Artikolu 20(2) tat-TFUE hu msaħħaħ meta mqabbel mal-Artikolu 17 tat-TKE ta' qabel peress li dan speċifikament jelenka d-drittijiet (u l-obbligi) taċ-ċittadini tal-UE u jiċċara, billi jżid l-espressjoni "inter alia", li l-lista mhix eżawrenti. Barra minn hekk, l-eliminazzjoni kompleta tal-istruttura ta' pilastri tal-Unjoni Ewropea[5] tkompli tiftaħ l-ambitu taċ-Ċittadinanza tal-UE, kif ikkonfermat bir-referenza f'dan l-Artikolu għall-fatt li ċ-ċittadini tal-Unjoni se jgawdu d-drittijiet u jkunu soġġetti għad-dmirijiet provduti fit-Trattati.

It-Trattat ta' Lisbona jagħti spinta 'l quddiem lid-dritt taċ-ċittadini tal-UE li mhumiex irrappreżentati biex igawdu l-protezzjoni mill-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi ta' Stati Membri oħra, peress li dan hu mniżżel bħala dritt individwali ċar fl-Artikolu 20(2)(c) tat-TFUE u spjegat fl-Artikolu 23 tat-TFUE. L-Artikolu 23(2) tat-TFUE jippermetti lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal leġiżlazzjoni billi tipproponi direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni meħtieġa biex tkun iffaċilitata tali protezzjoni, u b'hekk tkun abbandunata l-loġika ta' qabel ta' teħid ta' deċiżjoni intergovernamentali. Rigward il-protezzjoni konsulari fuq il-post, l-Artikolu 35 tat-TUE jipprovdi li missjonijiet diplomatiċi u konsulari u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha.

Id-drittijiet mehmuża maċ-Ċittadinanza tal-UE fit-Tieni Parti tat-Trattat huma wkoll imniżżla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Kapitolu V, "Id-Drittijiet taċ-Ċittadini"). Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li torbot b'mod legali, li issa ssir il-pedament għall-politiki kollha tal-UE, tirrappreżenta pass importanti 'l quddiem f'termini tal-impenji politiċi tal-Unjoni Ewropea lejn drittijiet fundamentali.

2.2. Akkwist u telf taċ-Ċittadinanza tal-UE

2.2.1. Informazzjoni u dejta tal-istatistika

Informazzjoni aġġornata dwar l-akkwist u t-telf ta' nazzjonalità fl-Istati Membri u informazzjoni dwar in-normi u l-iżviluppi tal-politika dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE hi disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Osservatorju Ewropew dwar iċ-ċittadinanza[6], li ġie mniedi f'Jannar 2009 u primarjament iffinanzjat mill-Kummissjoni[7].

Skont rapport riċenti tal-Eurostat[8], fl-2008, 696 000 persuna akkwistaw ċittadinanza tal-Istati Membri (meta jitqabblu ma' 707 000 fl-2007). Dawn iċ-ċittadini tal-UE ġodda primarjament ġew mill-Afrika (29% tat-total taċ-ċittadini akkwistati), mill-Ewropa barra mill-UE27 (22%), l-Asja (19%) u l-Amerika ta' Fuq u t'Isfel (17%)[9].

Ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri li akkwistaw iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru ieħor ammontaw għal 59 449 persuna, b'hekk jirriżultaw f'8.5% tat-total. F'termini assoluti, il-gruppi ewlenin taċ-ċittadini ta' Stati Memberi tal-UE li saru ċittadini ta' Stat Membru ieħor kienu Portugiżi li saru ċittadini ta' Franza (7 778 persuna), Rumeni li saru ċittadini tal-Ungerija (5 535 persuna) u Pollakki li saru ċittadini tal-Ġermanja (4 245 persuna).

2.2.2. Żviluppi fil-ġurisdizzjoni

Fis-sentenza tagħha tat-2 ta' Marzu 2010 fil-Każ C-135/08, Rottmann, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat klawsola li hi dejjem sostniet fil-ġurisdizzjoni tagħha bl-effett li l-Istati Membri jridu, meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom fl-isfera tan-nazzjonalità, jagħmlu referenza għal-liġi tal-Unjoni Ewropea[10].

Il-Qorti indikat li din il-klawsola ma tikkompromettix il-prinċipju tal-liġi internazzjonali fejn l-Istati Membri għandhom il-poter li jistipulaw il-kundizzjonijiet għall-akkwist u t-telf ta' nazzjonalità, iżda minflok tniżżel bil-miktub il-prinċipju li, fir-rispett taċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta' dak il-poter, sa fejn dan jaffettwa d-drittijiet mogħtija u protetti mill-ordni legali tal-Unjoni, huwa soġġett għal reviżjoni ġudizzjarja mwettqa fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Hi kkonkludiet għalhekk li deċiżjoni li tirtira n-naturalizzazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-proċedimenti ewlenin, fejn il-konsegwenza tal-irtirar hi li l-persuna msemmija titlef, barra n-nazzjonalità tal-Istat Membru tan-naturalizzazzjoni, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandha tiġi eżaminata bir-reqqa mill-qrati nazzjonali b'referenza għall-prinċipju ta' proporzjonalità fid-dawl tal-liġi tal-UE, flimkien, fejn xieraq, mal-eżaminazzjoni tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni fid-dawl tal-liġi nazzjonali.

Il-Qorti ddikjarat li, wara li kkunsidrat l-importanza li l-liġi tal-UE primarja tassenja għall-istatus taċ-ċittadini tal-Unjoni, hu neċessarju li l-qrati nazzjonali jqisu l-konsegwenzi li dik id-deċiżjoni timplika għall-persuna kkonċernata u għall-membri tal-familja tiegħu fir-rigward tat-telf tad-drittijiet li jgawdi kull ċittadin tal-Unjoni. Hu neċessarju li jiġi stabbilit, b'mod partikolari, jekk dak it-telf hux ġustifikat f'relazzjoni ma'

- il-gravità tal-offiża li kkommettiet dik il-persuna

- iż-żmien li jkun laħaq għadda bejn id-deċiżjoni ta' naturalizzazzjoni u d-deċiżjoni tal-irtirar u

- l-possibbiltà għal dik il-persuna biex terġa' tikseb in-nazzjonalità oriġinali tagħha.

Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi inizjattivi u proġetti mmirati biex jinkiseb u jitqassam tagħrif u biex isiru skambji ta' esperjenza dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri ta' teħid ta' nazzjonalità tal-Istati Membri u, konsegwentament, iċ-Ċittadinanza tal-UE, biex jiġu mifruxa prattiki tajbin u, fejn neċessarju, jkun iffaċilitat il-koordinament, mingħajr ma jkun hemm indħil fil-kompetenzi nazzjonali.

2.2.3. Problemi relatati mal-akkwist u t-telf ta' nazzjonalità tal-Istati Membri

Matul il-perjodu ta' rapport, il-Kummissjoni wieġbet għal madwar 130 mistoqsija individwali, 18-il mistoqsija mill-Parlament Ewropew u 5 petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' nazzjonalità.

Matul dan il-perjodu ta' rapport, numru ta' Stati Membri mmodifikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-akkwist u t-telf ta' ċittadinanza. Skont il-liġi tal-UE, il-kundizzjonijiet għall-akkwist u t-teħid ta' ċittadinanza tal-Istati Membri huma rregolati esklussivament taħt il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri individwali. Kwalunkwe Stat Membru hu ħieles biex jistipula l-kundizzjonijiet għall-akkwist u t-telf taċ-ċittadinanza tiegħu. Dan il-prinċipju ta' liġi internazzjonali mhuwiex affettwat minn xi dispożizzjoni tat-Trattat, u, kif ġie msemmi hawn fuq, ġie kkonfermat f'każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Sakemm id-drittijiet mogħtija u protetti permezz tal-ordni legali tal-Unjoni mhumiex affettwati minħabba l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-poteri tagħhom fl-isfera tan-nazzjonalità, il-kwistjonijiet li jidhru hawn ma jaqgħux fl-ambitu tal-liġi tal-UE u l-Kummissjoni ma għandiex il-poter biex tintervjeni f'dan ir-rigward.

Fil-poter tagħha, il-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi kollha mmirati biex tinkiseb reżoluzzjoni tal-kwistjonijiet relevanti u tippromwovi relazzjonijiet tajba fl-ispirtu tal-ftehim komun u l-kooperazzjoni li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea.

2.3. Moviment ħieles u residenza taċ-ċittadini tal-UE

2.3.1. Miżuri biex tkun żgurata t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2004/38/KE

L-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE[11] tad-29 ta' April 2004, dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom sabiex jiċċaqalqu u jirresjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, żiedet b'mod sinifikanti l-effettività u l-aċċessibbiltà ta' dan id-dritt peress li din ikkodifikat il-leġiżlazzjoni u l-każistika relevanti ta' qabel, issimplifikat u ċċarat ir-regoli tal-UE applikabbli u armonizzat il-proċeduri nazzjonali.

Il-Kummissjoni segwiet mill-qrib il-miżuri li ttieħdu fuq livell nazzjoanli fir-rigward tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, ppjanata għat-30 ta' April 2006, u fl-10 ta' Diċembru 2008, adottat rapport dwar l-applikazzjoni tagħha[12], fejn identifikat numru kbir ta' kwistjonijiet problematiċi.

Biex tirrimedja din is-sitwazzjoni u tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE fuq livell nazzjonali u lokali, il-Kummisjoni kienet qed

- tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-moviment liberu u tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajbin

- tħaddem approċċ ta' infurzar b'saħħtu u konsistenti u

- ttejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni dwar kif għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-prattika .

Fid-9 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE [13]. Sabiex tindirizza l-aktar kwistjonijiet problematiċi rigward l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE dwar il-moviment liberu identifikati fir-rapport, din il-Komunikazzjoni pprovdiet gwida ddettaljata lill-Istati Membri bl-għan li tikseb titjib reali għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Fl-2008, il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta' esperti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva 2004/38/KE. Dan il-grupp ġie fformalizzat f'Diċembru 2009 u kien qed jiltaqa' regolarment sabiex jagħmel skambju ta' opinjonijiet, tagħrif prattiku u l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-moviment liberu, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-abbużi u l-frodi.

Matul l-2009 u l-2010, il-Kummissjoni kienet qed twettaq laqgħat strutturali bilaterali mal-Istati Membri sabiex issolvi n-nuqqasijiet kollha identifikati fil-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali u sabiex issib soluzzjonijiet xierqa, u kif ukoll tat bidu għal proċeduri kontra l-ksur fejn kien meħtieġ.

Fid-19 ta' Marzu 2010, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tistabbilixxi Manwal għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-modifika ta' viżi maħruġa [14] li fih struzzjonijiet ta' operazzjoni, l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet dwar kif ir-regoli dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża, kif stipulat fil-Kodiċi dwar il-Viżi[15], jridu jiġu applikati mill-awtoritajiet. Dan il-Manwal jinkludi kapitolu ddedikat għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-viżi mill-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-UE u għandu jirrappreżenta titjib reali fir-rigward ta' ċerti problemi persistenti dwar l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE dwar il-moviment liberu.

Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 'Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri' [16], li hi mmirata biex tippreżenta stampa ġenerali tal-libertà ta' moviment ta' ħaddiem immigrant tal-UE u sabiex tqajjem kuxjenza u tippromwovi d-drittijiet tagħhom.

Barra minn hekk, il- portal tal-internet ġdid L-Ewropa Tiegħek [17] jgħin liċ-ċittadini tal-UE biex isiru konxji mid-drittijiet tagħhom u jsibu pariri tajbin biex jgħinuhom jimxu fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għada wkoll kif ippubblikat gwida ssimplifikata u faċli għall-qari mill-utent għaċ-ċittadini tal-UE dwar il-libertà tal-moviment u l-għixien fl-Ewropa [18].

2.3.2. Mistoqsijiet u lmenti ttrattati

Matul il-perjodu ta' rapport, il-Kummissjoni wieġbet għal numru ta' mistoqsijiet individwali dwar kwistjonijiet relatati mal-moviment liberu u r-residenza (bejn wieħed u ieħor 770 fl-2007, 1 070 fl-2008, 1 000 fl-2009, u 340 bejn Jannar u Lulju 2010), li minnhom hi rreġistrat, fir-reġistru ċentrali tal-ilmenti, 64 fl-2007, 81 fl-2008, 255 fl-2009 u 128 bejn Jannar u Lulju 2010. Hi wieġbet ukoll għal madwar 240 mistoqsija mill-Parlament Ewropew u 85 petizzjoni relatati mal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE.

Mistoqsijiet addizzjonali relatati mal-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom kienu rċevuti u ttrattati permezz ta' SOLVIT[19]. Statistika rigward il-perjodu ta' rapport turi żieda sostanzjali u kontinwa tal-persentaġġ ta' problemi relatati mal-moviment liberu u r-residenza sottomessi lil SOLVIT, li jiżdied minn 15% tal-volum tal-każijiet ta' SOLVIT fl-2007, għal 20% fl-2008 u 38% fl-2009, fejn kwistjonijiet relatati mar-residenza saru ż-żona bl-akbar sehem ta' ilmenti (549 każijiet ittrattati u magħluqa b'92% tal-każijiet solvuti). Fl-ewwel sitt xhur tal-2010, SOLVIT irċieva (minn total ta' kważi 7 000 mistoqsija) 1 314 mistoqsija dwar kwistjonijiet relatati mal-moviment liberu u r-residenza.

Bħalissa hemm 63 proċediment dwar ksur mibdija kontra l-Istati Membri fiż-żona tal-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-UE.

2.3.3. Eżempji ta' kwistjonijiet indirizzati

Eżempju ta' soluzzjonijiet konkreti tal-approċċ segwit mill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu u r-residenza jirrigwarda dak li ħareġ wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Lulju 2008 fil-Każ C-127/08, Metock u Oħrajn[20]. F'din is-sentenza, il-Qorti kienet sabet li, regoli nazzjonali li jagħmlu d-dritt ta' residenza ta' membri tal-familja, minn pajjiż terz, taċ-ċittadini tal-UE, kundizzjonali fuq ir-residenza legali tagħhom ta' qabel fi Stat Membru ieħor, jmorru kontra l-liġi tal-UE.

Kif enfasizzat fir-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2008 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE, din is-sentenza ikkawżat kontroversja konsiderevoli f'ċerti Stati Membri, li kienu kkonċernati dwar il-fatt li din setgħat tagħmilha aktar faċli għal persuni ta' nazzjonalità minn pajjiż terz biex "jirregolarizzaw" is-sitwazzjoni tagħhom permezz ta' żwieġ ma' ċittadini tal-UE. Il-Qorti reġgħat sostniet fid-deċiżjoni li d-Direttiva 2004/38/KE ma tipprevenix lill-Istati Membri milli jiġġieldu kontra l-abbuż tad-drittijiet tal-UE, inkluż iż-żwieġ ta' konvenjenza, kif stipulat fl-Artikolu 35 tad-Direttiva.

Minn dakinhar, il-Kummissjoni kienet qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kemm b'mod bilaterali u kemm fil-grupp tal-esperti dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE sabiex tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jwettqu miżuri effettivi u jagħmlu skambji tal-informazzjoni sabiex jipprevjenu l-abbuż u l-frodi u biex, fl-istess waqt, l-Istati Membri kollha jemendaw ir-regoli tagħhom sabiex ikunu konformi mas-sentenza.

Wieħed mill-każijiet ewlenin ittrattati waqt il-perjodu ta' rapport kien jikkonċerna d-dewmien fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għar-residenza taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Minn Ottubru 2008, il-Kummissjoni rreġistrat aktar minn 250 ilment individwali minn ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom fejn jallegaw li l-awtoritajiet tar-Renju Unit naqsu milli jżommu maż-żmien tad-dati tal-iskadenzi imposti mil-liġi nazzjonali u tal-UE biex jittrattaw l-applikazzjonijiet ta' residenza tagħhom. Wara li saru kuntatti mar-Renju Unit, l-awtoritajiet tar-Renju Unit poġġew fis-seħħ pjan komprensiv li jinkludi tkabbir sinifikanti (ta' 400%) tan-numru tal-ħaddiema li jaħdmu fuq il-każijiet li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet Ewropej u l-ħin għall-immaniġġjar ta' applikazzjonijiet ġodda reġà ġie skont l-istandards ta' servizz xieraq, kif meħtieġ mid-Direttiva 2004/38/KE. Dan l-eżempju juri li f'bosta każijiet, il-promozzjoni ta' djalogu mal-Istati Membri jista' jkun metodu effettiv għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom. Il-Kummissjoni tkompli ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib.

2.3.4. Il-prijoritajiet għall-ġejjieni

L-azzjonijiet ewlenin li l-Kummissjoni se tieħu dwar kwistjonijiet relatati mal-moviment liberu huma indirizzati fir-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, li miegħu huwa anness dan ir-Rapport.

L-infurzar se jingħata prijorità. Wara analiżi tal-leġiżlazzjoni u l-prattika fl-Istati Membri rigward l-applikazzjoni ta' regoli tal-UE dwar il-moviment liberu u r-residenza u l-kuntatti bilaterali mal-Istati Membri, il-Kummissjoni issa se tagħti bidu, fejn hemm bżonn, għal proċedimenti ta' ksur dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE u se tkompli taħdem fuq każijiet ta' ksur dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ħażina tar-regoli dwar il-moviment liberu, inkluż fir-rigward tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

It-tqassim tal-informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-abbuż u l-frodi fir-rigward tal-moviment liberu tibqa' prijorità indirizzata fil-qafas tal-grupp tal-esperti dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE. Il-Kummissjoni għandha l-għan ukoll li tippromwovi l-aħjar prattiki għal trattament amministrattiv mingħajr xkiel u effettiv ta' kwistjonijiet dwar il-moviment liberu u biex ikun żgurat li l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali/reġjonali/nazzjonali li jkunu minn tal-ewwel li jiltaqgħu man-nies, ikollhom għarfien xieraq tal-liġi tal-UE.

Fl-2013, il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu, li jiġbor valutazzjoni globali tal-impatt tagħhom u jindika żoni fejn għandu jsir titjib.

2.4. Drittijiet elettorali

Ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru differenti minn dak li huma għandhom in-nazzjonalità tiegħu huma garantiti d-dritt li jipparteċipaw (bħala votanti u kandidati) f'elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew f'dak l-Istat skont l-istess kundizzjonijiet li jgawdu ċ-ċittadini b'nazzjonalità ta' dak l-Istat.

Matul il-perjodu ta' rapport, il-Kummissjoni wieġbet għal madwar 170 mistoqsija individwali, 30 mistoqsija mill-Parlament Ewropew u 9 petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' drittijiet elettorali. Matul dan il-perjodu, proċeduri ta' ksur ġew mibdija kontra 18-il Stat Membru li naqsu milli jikkomunikaw fi żmien xieraq il-miżuri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/106/KE[21] dwar l-arranġamenti għall-vot f'elezzjonijiet muniċipali b'kunsiderazzjoni tal-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

Numru ta' ittri minn ċittadini tal-UE, petizzjonijiet u mistoqsijiet mill-Parlament Ewropew ikkonċernaw il-fatt li skont il-leġiżlazzjoni ta' diversi Stati Membri, persuni b'nazzjonalità se jiġu miċħuda d-drittijiet jekk jiċċaqalqu u jirresjedu fi Stat Membru ieħor wara ċertu perjodu. F'każijiet bħal dawn, iċ-ċittadini tal-UE huma miċħuda mid-dritt li jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom f'elezzjonijiet nazzjonali minħabba r-raġuni li huma jkunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu. Din il-kwistjoni importanti hi indirizzata fir-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE bil-għan li jkun hemm ħidma mal-Istati Membri sabiex tali sitwazzjonijiet jiġu evitati milli jkomplu jseħħu.

Kif imsemmi hawn fuq, Rapport li jeżamina t-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE fil-qasam tal-elezzjonijiet Ewropej u l-implimentazzjoni tagħha fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009, adottat flimkien mar-Rapport preżenti, jippreżenta żviluppi li seħħew waqt il-perjodu ta' rapport u aktar miżuri li kienu ppjanati.

Il-Kummissjoni se tippubblika rapport fejn issir valutazzjoni tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE relevanti (id-Direttiva 94/80/KE[22]) fl-2011.

2.5. Protezzjoni konsulari

Kull ċittadin tal-Unjoni li jkun jivvjaġġa lejn jew ikun qed jgħix f'pajjiż terz fejn l-Istat Membru tiegħu ma jkunx rappreżentat għandu dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari ta' kull Stat Membru ieħor, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni f'Marzu 2011 dwar "Il-Protezzjoni konsulari f'pajjiżi terzi: il-każ taċ-ċittadini tal-UE - il-qagħda attwali u t-triq 'il quddiem" li tieħu kont tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-protezzjoni konsulari effettiva f'pajjiżi terzi kif iddikjarat fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni 2007-2009[23] u tagħti orjentazzjonijiet tat-triq 'il quddiem ibbażati fuq l-esperjenza miksuba u l-qafas legali li sar mill-ġdid.

2.6. Id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew u li jitressaq rikors quddiem l-Ombudsman

Iċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll kwalunkwe persuna naturali jew legali jew li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f'xi Stat Membru, għandhom id-dritt ta' petizzjoni lill-PE dwar materji li jaqgħu fl-isfera ta' attività tal-Unjoni u li jikkonċernaw direttament lil minn jagħmel petizzjoni (l-Artikoli 24 u 227 tat-TFUE). Il-PE irċieva 1 506 petizzjoni fl-2007, 1 849 petizzjoni fl-2008 u 1 924 petizzjoni fl-2009.

Jistgħu jintbagħtu wkoll ilmenti lill-Ombudsman Ewropew li jikkonċernaw każijiet tal-amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità (l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE). In-numru ta' ilmenti li rċieva l-Ombudsman u li kienu jaqgħu taħt il-mandat tiegħu kienu 870 fl-2007, 802 fl-2008 u 727 fl-2009. Waqt l-istess perjodu, l-Ombudsman irċieva ħafna aktar ilmenti li ma kinux ikkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu jew li ma kinux ammissibbli (2 401 fl-2007, 2 544 fl-2008 u 2 392 fl-2009).

2.7. Għarfien globali dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE

Sondaġġ tal-Eurobarometer Flash li sar f'Marzu 2010[24] stħarreġ l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-drittijiet taċ-Ċittadinanza tal-UE, filwaqt li alloka spazju għal tqabbil mar-riżultati ta' żewġ sondaġġi ta' qabel li seħħew fl-2002 u l-2007.

Il-familjarità mat-terminu "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" jibqa' konsistentement għoli: il-maġġoranza l-kbira (79%) stqarrew xi tip ta' familjarità mat-terminu. Globalment, il-proporzjon taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE15 li stqarrew li huma qatt ma semgħu bit-terminu naqas minn terz (32%) fl-2002 għal kwart (24%).

Fl-aħħar tliet snin, id-distakk fil-familjarità bejn dawk il-pajjiżi li kienu diġà membri qabel l-2004 u l-Istati Membri tal-UE12 sparixxa: ċittadini tal-Istati Membri tal-UE12 huma issa aktar konfidenti dwar l-idea ta' ċittadinanza Ewropea milli dawk li jgħixu fl-Istati Membri tal-UE15. Ċittadini fl-Istati Membri tal-UE12 li stqarrew li huma qatt ma semgħu bit-terminu kienu biss 13% meta mqabbel ma' 24% fl-Istati Membri tal-UE15 (24%).

Minn fost iċ-ċittadini tal-UE li ġew mistħarrġa, kienu 43% biss li stqarrew li kienu jafu xi jfisser it-terminu u nofs il-persuni intervistati (48%) indikaw li ma kinux "infurmati biżżejjed" dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE. Tant hu hekk li, inqas minn terz (29%) jikkunsidraw lilhom infushom bħala "infurmati tajjeb" dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE u 3% biss jikkunsidraw lilhom infushom bħala "infurmati tajjeb ħafna". Dawn iċ-ċifri ma jippreżentaw l-ebda bidla mill-2007. Din l-istabbiltà hi xaktarx minħabba l-fatt li anki fl-2007 kien hemm maġġoranzi kbira konxji dwar dawn id-drittijiet.

Ftit li xejn hemm konfużjoni dwar in-natura "awtomatika" taċ-Ċittadinanza tal-UE. 9 minn kull 10 li rrispondew kienu konxji li "huma kienu cittadini kemm tal-UE u kemm ta' (nazzjonalità) fl-istess waqt" (l-istess persentaġġ fl-2007). Madankollu, madwar wieħed minn ħamsa minn dawk li rrispondew jemmnu li "huma jridu jagħmlu talba biex isiru ċittadini tal-UE" jew li "huma jistgħu jagħżlu li jkunu ċittadini tal-UE" (it-tnejn li huma 20%).

Dawk li pparteċipaw għas-sondaġġ kienu l-aktar familjari mad-drittijiet ta' residenza tagħhom bħala ċittadini tal-UE: 89% kienu jafu li kellhom id-dritt li jirresjedu f'kwalunkwe Stat Membru, soġġott għal ċerti kundizzjonijiet (+2 punti meta mqabbel mal-2007). Livell għoli ta' għarfien kien misjub ukoll dwar id-dritt li jressqu lment lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman (87%, +2 punti meta mqabbel mal-2007) u d-dritt li jkollhom l-istess trattament bħal persuni ta' nazzjonalità ta' kwalunkwe Stat Membru (85%, +2 punti meta mqabbel mal-2007).

Bejn wieħed u ieħor, 7 minn 10 taċ-ċittadini tal-UE (68%) kienu konxji mid-dritt tagħhom li għadu kif ġie stabbilit biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f'inizjattiva taċ-Ċittadini.

Meta ġew ikkonfrontati bil-frażi mhux korretta li tgħid "ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jakkwistà n-nazzjonalità ta' kwalunkwe Stat Membru li jkun għex fih minn tal-inqas 5 snin", kienu 22% biss, minn dawk li wieġbu, li identifikawha korrettament bħala falza, filwaqt li 13% ma kinux jistgħu jew ma ridux iwieġbu għall-mistoqsija. [pic]

2.8. Dejta ta' statistika dwar ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu u residenza

Kif jidher fit-tabella fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni, mill-1 ta' Jannar 2009, kien hemm bejn wieħed u ieħor 11.7 miljun ċittadin tal-UE li kienu qed jgħixu f'Stat Membru li għalieh huma ma kinux ċittadini. Din mhux bilfors hi stampa preċiża tan-numru globali ta' ċittadini tal-UE li attwalment qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu u residenza, peress li ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-UE li jivjaġġaw mhumiex meħuda inkonsiderazzjoni f'din l-istatistika.

Il-kriterju għall-inklużjoni jew l-esklużjoni ta' persuna fil-popolazzjoni "normalment residenti" tal-pajjiż li jagħmel ir-rapport huwa meta persuna tirrisjedi minn tal-inqas għal 12-il xahar[25]. Ħafna ċittadini tal-UE li jivjaġġaw għal raġunijiet ta' negozju jew divertiment, jew biex jipprovdu jew jirċievu xi servizzi, dawk li jaqsmu l-fruntiera kuljum biex jaħdmu jew dawk li jirresjedu fi Stati Membri oħra apparti dak tagħhom għal perjodu inqas minn 12-il xahar (pereżempju studenti tal-Erasmus għal 9 xhur, persuni li jagħmlu taħriġ, eċċ.) mhumiex ikkunsidrati.

Ħafna ċittadini tal-UE – b'mod partikolari dawk li ma jistennewx li jibqgħu b'mod permanenti jew li jagħmlu ritorn regolari biex iżuru l-pajjiż ta' oriġini tagħhom (bħal studenti, dawk li jaqsmu l-fruntiera kull ġimgħa biex jaħdmu , persuni li għandhom djar f'żewġ Stati Membri) ma jistgħux jirreġistraw jew se jirreġistraw biss meta jkollhom raġuni għal dan – pereżempju meta jibdew jaħdmu. B'mod importanti, dawn il-persuni jistgħu ma jarawx għalfejn għandhom iħassru r-reġistrazzjoni meta jitilqu.

Huwa wkoll possibbli għal persuni bħal dawn li jqattgħu perijodi twal f'żewġ Stati Membri, li jkunu mniżżla bħala residenti taż-żewġ Stati Membri. Numru ta' Stati Membri jagħmlu l-istess u jassumu li studenti li jitilqu biex jistudjaw barra huma assenti temporanjament biss u għalhekk jibqgħu miżmuma.

Bħala parti minn programm li dejjem għaddej dwar it-titjib tal-istatistika ta' migrazzjoni, l-Eurostat għandu l-pjan li jibda proġett pilota biex jeżamina l-possibbiltà ta' sistema ta' skambju ta' informazzjoni individwali bejn ir-reġistri tal-Istati Membri, sabiex jiġu solvuti dawn il-problemi.

2.9. Programmi finanzjarji

2.9.1. Il-Programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini"

Il-Kummissjoni timplimenta l-Programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", stabbilit għall-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2013[26] permezz ta' baġit totali ta' 215M €, bil-għan li tqajjem parteċipazzjoni ċivili, toħloq sens ta' appartenenza lejn l-Unjoni Ewropea fost iċ-ċittadini tagħha, tkattar it-tolleranza u l-ftehim bejn persuni differenti u tiżviluppa identità Ewropea. Il-programm għandu l-għan li jagħmilha possibbli għaċ-ċittadini biex jipparteċipaw fil-ħolqien tal-Ewropa permezz ta' skambji, dibattiti, riflessjonijiet, tagħlim u attivitajiet oħra u l-prijoritajiet annwali tagħha jkopru l-futur tal-UE u l-valuri bażiċi tagħha, l-parteċipazzjoni demokratika, id-djalogu interkulturali, u l-impatt tal-politiki tal-UE fis-soċjetajiet. Dan jinkludi azzjonijiet bħal ġemellaġġi bejn il-lokalitajiet, proġetti taċ-ċittadini, appoġġ għal organizzazzjonijiet tal-esperti u tas-soċjetà ċivili, eċċ. Madwar 1 miljun ċittadin fis-sena jipparteċipaw fi proġetti taħt il-programm.

2.9.2. Programm "Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza"

Il-Kummissjoni qiegħda tippromwovi d-drittijiet derivati miċ-Ċittadinanza tal-UE permezz tal-programm "Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza", stabbilit għall-perjodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali 'Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja' permezz ta' baġit totali ta' 93.8M €[27]. Wieħed mill-għanijiet hu li tippromwovi l-iżvilupp ta' soċjetà Ewropea bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, inkluż drittijiet derivati miċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Waħda mill-prijoritajiet għall-iffinanzjar tal-proġetti kienet il-promozzjoni tal-informazzjoni u inizjattivi ta' edukazzjoni ċiviċi dwar il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk muniċipali.

2.9.3. Is-7 Programm Qafas ta' Riċerka: Programm tematiku ta' Xjenzi Soċjo-ekonomiċi u l-Istudji Umanistiċi

Il-Kummissjoni qiegħda tagħti fondi għal riċerka fil-qasam tax-xjenzi soċjali u umanistiċi, bil-għan li, fost oħrajn, tkattar l-għarfien dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u tqajjem kuxjenza filwaqt li tqassam riżultati ta' riċerka fost il-komunitajiet akkademiċi, dawk li jfasslu l-politika, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali. B'mod partikolari, żona sħiħa ta' riċerka, permezz ta' baġit ta' bejn wieħed u ieħor 125M € għall-perjodu 2007-2013, hi ddedikata lejn "Iċ-Ċittadin fl-Unjoni Ewropea", li tindirizza b'mod speċifiku kwistjonijiet relatati mal-kisba ta' sens ta' appartenenza demokratika u parteċipazzjoni attiva miċ-ċittadini tal-Ewropa, fil-kuntest tal-iżvilupp fil-ġejjieni ta' Unjoni Ewropea aktar kbira[28].

3. konklużjonijiet

Dan ir-rapport jieħu kont tal-iżviluppi ewlenin dwar id-drittijiet taċ-Ċittadinanza tal-UE u jikkostitwixxi element importanti fuq liema bażi aktar azzjoni hi identifikata fir-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, notevolment fir-rigward tad-dritt tal-moviment liberu u r-residenza, il-protezzjoni konsulari ta' ċittadini tal-UE li jkunu barra minn pajjiżhom u mhux irrappreżentati, u d-drittijiet taċ-ċittadini biex jivvutaw u joħorġu bħala kandidati f'elezzjonijiet Ewropej u dawk muniċipali fl-Istat membru ta' residenza.

Mis-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se tibda tagħmel valutazzjoni annwali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-drittijiet marbuta maċ-Ċittadinanza tal-UE fil-kuntest tar-Rapport Annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li se tkun ippubblikata għall-ewwel darba fl-2011.

Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni biex tippreżenta kull tliet snin, analiżi aktar sostanzjata tas-sitwazzjoni, dwar l-ixkiel li għad fadal li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini, u tħabbar rimedji biex issaħħaħ id-drittijiet taċ-Ċittadinanza tal-UE.

ANNESS

[pic]

[1] Il-5 Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni kien ġie ppubblikat fil-15 ta' Frar 2008 u kopra l-perijodu ta' bejn l-1 ta' Mejju 2004 u t-30 ta' Ġunju 2007 - COM(2008) 85.

[2] COM(2010) 605.

[3] COM(2010) 119.

[4] Minħabba ż-żmien disponibbli ta' dan l-eżerċizzju ta' rapport, l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet se tkun eżaminata fir-rapport li jmiss taħt l-Artikolu 25 tat-TFUE.

[5] It-tliet pilastri li qabel kienu jiffurmaw l-istruttura bażika tal-UE taħt it-Trattat tal-Unjoni Ewropea kienu l-pilastru tal-Komunità, li jikkorrispondi għat-tliet Komunitajiet: il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u dik li kienet qabel il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar (KEFA) (l-ewwel pilastru); il-pilastru marbut mal-politika esterna u ta' sigurtà komuni, taħt it-Titolu V tat-TUE (it-tieni pilastru) u l-pilastru marbut mal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali, taħt it-Titolu VI tat-TUE (it-tielet pilastru).

[6]

[7]

[8] Statistics in Focus, 36/2010 "Acquisitions of citizenship slightly declining in the EU" http://ec.europa.eu/eurostat.

[9] Għal aktar żviluppi dwar ir-rabta bejn in-nazzjonalità, iċ-ċittadinanza u l-integrazzjoni ta' persuni ta' nazzjonalità ta' pajjiż terz, ara l-kapitolu 5 tal-Manwal dwar l-integrazzjoni għal min ifassal il-politika u għall-prattikanti (it-tielet edizzjoni).

[10] Ara, inter alia, il-Każijiet C-369/90 Micheletti u Oħrajn, [1992] ECR-I4239, paragrafu 10; C-179/98 Mesbah [1999] ECR I-7955, paragrafu 29; C-200/02 Zhu u Chen [2004] ECR I-9925, paragrafu 37.

[11] Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqalqu u jirresjedu liberament fit-territorji tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

[12] COM(2008) 840.

[13] COM(2009) 313.

[14] C(2010) 1620.

[15] Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

[16] COM(2010) 373

[17]

[18]

[19] SOLVIT huwa netwerk li jsolvi l-problemi onlajn li fih l-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien biex isolvu, mingħajr proċeduri legali, problemi maħluqa mill-applikazzjoni ħażina tal-liġi dwar is-Suq Intern minn awtoritajiet pubbliċi.

[20] [2008] ECR I-6241.

[21] Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/106/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li tadatta d-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE li tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 409).

[22] Id-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38).

[23] COM(2007) 767.

[24] Eurobarometer Flash Nru 294 'EU citizenship', Marzu 2010.

[25] Id-dejta f'din it-tabella, provduta mill-Istati Membri lill-Eurostat, hi bbażata fuq il-kunċetti ta' "residenza normali" "immigrazzjoni" u "emigrazzjoni" kif definiti fl-Artikolu 2(1)(a)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar statistika tal-Komunità dwar migrazzjoni u protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kompilazzjoni ta' statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).

[26] Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini (Europe for Citizens) biex tiġi promossa ċittadinza Ewropea attiva (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32).

[27] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/252/KE tad-19 ta’ April 2007 li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-programm speċifiku Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza bħala parti mill-Programm Ġenerali Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja (ĠU L 110, 27.4.2007, p. 33).

[28] Għal aktar informazzjoni dwar il-funzjonament u r-riżultati tal-Programm tematiku ta' Xjenzi Soċjo-ekonomiċi u l-Istudji Umanistiċi iffinanzjat taħt is-7 Programm Qafas ta' Riċerka jistgħu jinkisbu minn http://cordis.europa.eu/fp7/ssh/home_en.html.

Top