EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0586

GREEN PAPER MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-futur tal-appoġġ baġitarji tal-UE lil pajjiżi terzi

/* KUMM/2010/0586 finali */

52010DC0586

GREEN PAPER MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-futur tal-appoġġ baġitarji tal-UE lil pajjiżi terzi /* KUMM/2010/0586 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 19.10.2010

KUMM(2010) 586 finali

GREEN PAPER MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-futur tal-appoġġ baġitarji tal-UE lil pajjiżi terzi

INTRODUZZJONI

L-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (Millennium Development Goals, MDGs) stabbiliti fl-2000 xprunaw l-appoġġ internazzjonali għall-iżvilupp u taw bidu għal inizjattivi oħra biex jiżdiedu kemm il-volum kif ukoll l-effettività tal-għajnuna fuq il-bażi ta' parternarjat sod bejn pajjiżi donaturi u dawk imsieħba. Il-Kunsens ta' Monterrey (2002), il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp (2005), id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna (2005) u l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni (2008) kienu ġrajjiet importanti ta' dan il-proċess, li stabbilixxa ħames prinċipji ewlenin ta' sjieda, armonizzazzjoni, allineament, ġestjoni għar-riżultati u kontabilità reċiproka.

Fl-2000 il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni fuq l-appoġġ tal-baġit: 'Appoġġ tal-Komunità għall-programmi ta' riforma ekonomika u aġġustament strutturali: Reviżjoni u prospetti'[1]. Dan għen biex jagħti l-forma lit-tifsila tal-appoġġ baġitarju għad-deċennju li jmiss. Meta għad baqa' ħames snin biex, fl-2015, jiskadi ż-żmien għat-twettiq tal-MDGs, l-appoġġ baġitarju sar element dejjem aktar prominenti tal-aġenda tal-effettività tal-għajnuna. Matul il-perjodu 2003-2009, il-Kummissjoni Ewropea għamlet impenji dwar l-appoġġ baġitarju li jlaħħqu 'l fuq minn EUR 13-il biljun (madwar 25% tal-impenji kollha matul dan il-perjodu). Madwar 56% tal-impenji saru fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), 24% fil-pajjiżi tal-viċinat, 8% fl-Asja, 6% fl-Amerika Latina u 5% fl-Afrika t'Isfel.

Madankollu, qegħdin dejjem aktar jitqajmu dubji dwar il-kwalità, il-valur għall-flus u l-impatt tal-appoġġ baġitarju minn firxa ta' msieħba interessati, inklużi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Parlament Ewropew u dawk nazzjonali, u s-soċjetà ċivili. Dawn għandhom jiġu indirizzati hekk kif il-Kummissjoni taħdem biex ittejjeb l-approċċ tagħha għall-appoġġ baġitarju. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu i) il-goverenanza politika u r-rwol tad-djalogu politiku; ii) ir-rwol tad-djalogu politiku, ir-rwol tal-kundizzjonalità, u r-rabtiet mal-prestazzjoni u r-riżultati; iii) responsabbiltà domestika u reċiproka; iv) l-ipprogrammar tal-appoġġ baġitarju u l-koerenza ta' dan ma' strumenti oħra; v) it-tisħiħ tal-valutazzjoni tar-riskju u t-trattament tal-frodi u l-korruzzjoni; vi) appoġġ baġitarju f'sitwazzjonijiet fraġli; u vii) it-tkabbir, il-politika fiskali u l-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku. Il-kooridinazzjoni mtejba madwar l-UE hi essenzjali wkoll, hekk kif it-Trattat ta' Lisbona u t-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna qed ibiddlu l-kuntest istituzzjonali tal-UE li fih jiġi pprovdut l-appoġġ baġitarju.

L- għan ta' din il-Green Paper hi li tiġbor l-opinjonijiet tal-imsieħba interessati rigward l-objettivi u l-użu tal-appoġġ baġitarju tal-UE, li tibni fuq l-esperjenza konġunta tal-aħħar 10 snin filwaqt li tirrikonoxxi d-differenzi fil-kuntest u n-natura tal-kooperazzjoni tal-UE mar-reġjuni u l-pajjiżi differenti fid-dinja. L- objettivi speċifiċi tal-Green Paper huma li jidentifikaw l-opportunitajiet u l-isfidi, biex iqajmu domandi speċifiċi dwar kif jistgħu jiġu sfruttati dawn l-opportunitajiet u kif jistgħu jiġu indirizzati dawn l-isfidi, u biex jinġabru l-opinjonijiet u l-evidenza li se jtejbu l-approċċ tagħna għall-appoġġ baġitarju.

Il-biċċa l-kbira tal-appoġġ baġitarju tal-UE hu pprovdut lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk hemm enfasi partikolari fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Imma l- ambitu ta' dan id-dokument ikopri l-appoġġ baġitarju tal-UE fir-reġjuni kollha, u jqis id-differenzi bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll id-differenzi mal-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u pajjiżi ġirien tal-UE fejn il-kooperazzjoni u l-partenarjat Ewropej huma maħsuba biex jappoġġjaw ir-riforma u t-tranżizzjoni li tippermetti assoċjazzjoni politika aktar mill-qrib u integrazzjoni ekonomika gradwali. Għalhekk, il-kwistjonijiet imqajma f'din il-paper se jkollhom relevanza differenti u jistgħu jiġġeneraw tweġibiet differenti minn reġjuni differrenti.

It-Taqsima 2 tiddefinixxi l-appoġġ baġitarju. It-Taqsima 3 tirrevedi l-esperjenzi u tidentifika numru ta' prinċipji ewlenin għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju. It-Taqsima 4 tistabbilixxi numru ta' kwistjonijiet aktar kontroversjali li jifformaw il-parti l-kbira ta' dan id-dokument ta' konsultazzjoni. It-Taqsima 5 hija l-konklużjoni. Wieħed jista' jsib dokumenti ta' appoġġ li jipprovdu sfond fuq [ daħħal l-indirizz tal-websajt ].

Din il-Green Paper se tkun ippubblikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni (http://ec.europa.eu/yourvoice/). Il-konsultazzjoni se ssir mid-19 ta' Ottubru sa tmiem Diċembru 2010 u hi miftuħa għal kwalunkwe parti interessata. Individwi, organizzazzjonijiet u pajjiżi qed jiġu mistiedna biex jibagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, fil-forma ta' tweġibiet għall-mistoqsijiet ippreżentati fid-dokument u/jew bħala kummenti ġenerali dwar il-kwistjonijiet imqajma. Il-kontribuzzjonijiet li jaslu se jiġu ppubblikati, possibbilment f'forma mqassra, sakemm l-awtur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tad-dejta personali għar-raġuni li tali pubblikazzjoni tagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tiegħu/tagħha. F'dan il-każ, il-kontribuzzjoni tista' tiġi ppubblikata f'forma anonima. Altrimenti, il-kontribuzzjoni ma tiġix ippubblikata u lanqas, fil-prinċipju, ma jiġi kkunsidrat il-kontenut tagħha. Barra minn hekk, sa mit-tnedija, f'Ġunju tal-2008, tar-Reġistru tar-Rappreżentanti ta' Interessi (lobbyists) bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza, l-organizzazzjonijiet qed jiġu mistiedna biex jużaw dan ir-Reġistru biex jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pubbliku inġenerali b'informazzjoni dwar l-objettivi, il-finanzjament u l-istrutturi tagħhom. Hi l-politika tal-Kummissjoni li s-sottomissjonijiet minn organizzazzjonijiet ikunu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet individwali sakemm l-organizzazzjonijiet ma jkunux irreġistraw

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu lil DEV-BSGP@ec.europa.eu . Mistoqsijiet dwar din il-konsultazzjoni jistgħu jintbagħtu fl-istess indirizz elettroniku, jew lill-Kummissjoni Ewropea, DĠ Żvilupp, Unità C/3, Uffiċċju SC-15 05/100, 1049 Brussell, Il-Belġju.

X'INHU L-APPOġġ BAġITARJU?

L- appoġġ baġitarju hu parti mill-pakkett ġenerali ta' kooperazzjoni ma' pajjiż. Dan jinvolvi djalogu politiku, trasferimenti finanzjarji, valutazzjoni tal-prestazzjoni u bini tal-kapaċità fuq il-bażi ta' partenarjat u responsabbiltà reċiproka.

Kaxxa 1: Definizzjoni ta' appoġġ baġitarju :

L-appoġġ baġitarju hu t- trasferiment ta' riżorsi finanzjarji ta' aġenzija ta' finanzjament esterna lit-Teżor Nazzjonali tal-pajjiż imsieħeb, wara li dan tal-aħħar ikun irrispetta l- kundizzjonijiet maqbula tal-ħlas. Għalhekk, ir-riżorsi finanzjarji li jaslu huma parti mir-riżorsi globali tal-pajjiż imsieħeb, u bħala konsegwenza jintużaw skont is-sistema pubblika tal-ġestjoni finanzjarja tal-pajjiż imsieħeb.

L-UE tipprovdi appoġġ baġitarju biss lil pajjiżi li jissodisfaw it-tliet kriterji ta' eliġibbiltà li ġejjin, mislutin mill-oqsfsa legali li jirregolaw l-appoġġ tal-UE għal kull reġjun: meta tkun qed tiġi mħaddma jew implimentata a) politika u strateġija nazzjonali (jew settorjali fil-każ tal-ABS) definita sew; b) qafas makroekonomiku orjentat lejn l-istabbiltà; c) programm relevanti u kredibbli biex tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja pubblika. Il-ħlasijiet kollha jsiru bil-kundizzjoni li jkun hemm konformità kontinwa ma' dawn it-tliet kriterji standard ta' eliġibbiltà (riflessi fil-" kundizzjonijiet ġenerali "), u jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal " kundizzjonijiet speċifiċi " li jirriflettu l-kriterji u l-indikaturi tal-prestazzjoni (ta' spiss iffukati fuq ir-riżultati) f'oqsma ta' prijorità.

Permezz tal-appoġġ baġitarju, id-donaturi jgħinu lill-gvernijiet imsieħba biex jiffinanzjaw funzjonijiet ewlenin tal-gvern, bħall-bini ta' skejjel u sptarijiet, il-ħlas lill-għalliema u lill-persunal tal-kura tas-saħħa, il-bini tal-infrastruttura, it-titjib tas-sigurtà u tal-istat tad-dritt, l-implimentazzjoni ta' proċessi ta' riforma kumplessi u l-kisba ta' stabbiltà makroekonomika.

L-appoġġ baġitarju hu maħsub biex ixejjen in-nuqqasijiet tal-approċċ tradizzjonali għall-proġetti (kosti għolja ta' tranżazzjoni, sistemi paralleli mkissrin) li, partikolarment f'pajjiżi dipendenti bis-sħiħ mill-għajnuna, kien iżomm lura l-iżvilupp ta' politiki koerenti minn gvernijiet imsieħba, idgħajjef akrtar il-kapaċità limitata tal-istituzzjonijiet nazzjonali, u jimmina s-sostenibbiltà tal-għajnuna. Min-naħa l-oħra, l-appoġġ baġitarju jidher bħala mezz li jindokra s-sjieda mill-pajjiżi msieħba ta' politiki ta' żvilupp u proċessi ta' riforma, isaħħaħ l-istituzzjonijiet u s-sistemi nazzjonali ta' responsabbiltà, u jiffaċilita t-tkabbir, it-tnaqqis tal-faqar u l-ksib tal-objettivi tal-iżvilupp.

L-appoġġ baġitarju tal-UE mhuwiex poter bla riżerva, u lanqas ma jiġi pprodut lil kull pajjiż. "Il-prinċipji ta' bażi" huma importanti (ara taqsima 4.1), u d-djalogu politiku hu parti ċentrali tal-pakkett. Barra minn hekk, il-kriterji ta' eliġibbiltà (ara l-Kaxxa 1) għandhom jiġu rrispettati u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex tingħata imbuttatura lis-salvagwardja tar-riżorsi, jitnaqqsu r-riskji, u jinħolqu inċentivi għal prestazzjoni aħjar. L-appoġġ baġitarju evolva b'mod notevoli mal-milja taż-żmien, b'orjentazzjonijiet differenti f'reġjuni differenti.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri kienet strumentali biex tgħin lill-Kummissjoni tejjeb l-approċċ tagħha għall-appoġġ baġitarju (ara l-Kaxxa 2). Fl-aktar taditiet reċenti mal-Kummissjoni, il-Qorti rrikonoxxiet il-progress, imma identifikat nuqqasijiet li għad jistgħu jipprevjenu lill-appoġġ baġitarju ġenerali milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Hi tirrakkomanda definizzjoni ċara tal-objettivi speċifiċi għall-pajjiż biex jiġi ffaċilitat il-valutazzjoni tal-impatt; l-użu ta' qafas komplet għall-ġestjoni tar-riskji biex jitnaqqsu r-riskji tal-ġestjoni fiskali u tal-iżvilupp; aktar traspernza u raġunijiet fundamentali għall-allokazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju u għal proporzjonijiet fissi u varjabbli; ġestjoni msaħħa ta' kundizzjonalità marbuta mal-prestazzjoni u djalogu politiku; u rappurtar aktar regolari dwar il-prestazzjoni, li jkopri kemm il-benefiċċji kif ukoll ir-riskji. Dawn il-punti, flimkien mal-awditjar intern u r-rakkondazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, huma kruċjali biex l-approċċ tal-UE għall-appoġġ baġitarju fil-futur ikun infurmat aħjar.

Kaxxa 2: L-appoġġ baġitarju u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri Il-Qorti tal-Awdituri regolarment tifli l-appoġġ baġitarju tal-UE fir-rapport annwali tagħha. Hi ħarġet żewġ rapporti speċjali relevanti marbuta mal-appoġġ baġitarju ġenerali u beħsiebha tippubblika t-tielet wieħed sal-aħħar tal-2010. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti infurmaw ir-reviżjonijiet u t-titjib li l–Kummissjoni għamlet fl-approċċ u l-linji gwida tagħha. B'mod speċifiku, il-Qorti kkontribwiet għat-tranżizzjoni minn appoġġ baġitarju immirat għal wieħed mhux immirat (SR 5/2001), u inkoraġġiet l-iżvilupp u l-użu ta' qafas pubbliku komuni tal-kejl tal-prestazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja kif ukoll koordinazzjoni aktar f'saħħitha u valutazzjonijiet konġunti mar-rappreżentanti lokali tad-donaturi (SR 2/2005). Il-Qorti ripetutament ivvalutat l-interpretazzjoni dinamika tal-eliġibbiltà applikata mill-Kummissjoni u insistiet li l-Kummissjoni għandha turi l-eliġibbiltà u l-prestazzjoni fil-ġestjoni finanzjarja pubblika b'mod aktar espliċitu, formali u strutturat (SR 2/2005, AR 2009). Il-Qorti pproduċiet ukoll rapport speċjali fuq l-assistenza tal-UE għas-settur tas-saħħa. Dan ikkonkluda li l-appoġġ baġitarju ġenerali għadu ma tax kontribut effettiv biex itejjeb is-servizzi tas-saħħa u għandu jiffoka aktar biex jagħmel hekk, filwaqt li għandu jżid l-użu tal-appoġġ baġitarju settorjali iffukat (SR 10/2008). Il-Qorti beħsiebha tippubblika wkoll rapport speċjali dwar is-settur tal-edukazzjoni. |

F'dan id-dokument, 'l-appoġġ baġitarju tal-UE' jirreferi għall-appoġġ baġitarju ġestit mill-Kummissjoni Ewropea, li joriġina mill-Istrumenti tal-Azzjoni Esterna ffinanzjati mill-Baġit tal-UE kif ukoll appoġġ iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Jista' jieħu l-forma ta' appoġġ baġitarju ġenerali (ABĠ) biex tiġi appoġġjata l-istrateġija nazzjonali ta' żvilupp ta' pajjiż, jew appoġġ baġitarju settorjali (ABS) biex tiġi appoġġjata strateġija settorjali partikolari. L-UE u donaturi oħra tal-appoġġ baġitarju qed jużaw dejjem aktar appoġġ baġitarju ġenerali u settorjali maġenb xulxin u hemm interess dejjem jikber fl-użu tal-appoġġ baġitarju għal kwistjonijiet ġodda u speċifiċi (bħat-tibdil fil-klima). Filwaqt li l-ABS hu pprovdut mill-UE u xi donaturi oħra fil-forma mhux immirata tiegħu, oħrajn japplikaw xi forma ta' mmarkar tal-fondi.

L-ABĠ u l-ABS għandhom objettivi differenti li se jkunu riflessi fil-kundizzjonijiet u d-djalogu. L-ABĠ hu mmirat biex jappoġġja l-politika u l-istrateġija tal-iżvilupp nazzjonali u għandu l-potenzjal biex jindirizza l-firxa sħiħa tal-politiki u r-riformi. L-ABS hu mmirat biex jappoġġja aġenda tal-politika u r-riforma settorjali u għandu l-vantaġġ li hu aktar iffukat fuq setturi ewlenin ta' interess. L-ABS għandu valur miżjud partikolari fejn l-appoġġ baġitarju jirrappreżenta proporzjon żgħir tal-baġit nazzjonali, u fejn wieħed qed ifittex djalogu politiku u riformi aktar iffukati. F'bosta każi l-UE tuża ż-żewġ modalitajiet flimkien, partikolarment fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, bl-ABS jikkumplimenta l-ABĠ billi l-politika għall-iżvilupp nazzjonali ssir aktar sensittiva għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' settur jew riforma partikolari.

Il- koordinazzjoni hi l-element fundamentali. L-UE hi fornitur kbir tal-appoġġ baġitarju. Għaddej ix-xogħol biex il-koordinazzjoni dwar id-djalogu politiku u d-djalogu tal-politika, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi, il-promozzjoni tar-responsabbiltà domestika u reċiproka, u t-twettiq u l-komunikazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet, titjieb aktar. Dan ix-xogħol informa wkoll lil din il-Green Paper u se jikkontribwixxi biex itejjeb l-effettività tal-appoġġ baġitarju, kif ukoll il-koerenza u l-kredibbiltà tad-donaturi tal-UE, filwaqt li titjieb il-koordinazzjoni fost il-fornituri kollha tal-appoġġ baġitarju.

Kaxxa 3: L-Evoluzzjoni tal-Appoġġ Baġitarju tal-UE

L-esperjenza bikrija bl-appoġġ baġitarju fid-disgħinijiet uriet il-limiti tal-kundizzjonalità bħala mezz effettiv tal-promozzjoni tar-riformi; l-importanza li l-pajjiżi msieħba jkollhom sjieda tal-politiki; u l-effett limitat li l-fondi jkunu mmirati lejn linji baġitarji speċifiċi. Fuq il-bażi ta' din l-esperjenza, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni (2000) dwar 'Appoġġ Komunitarju għal programmi ta' riforma ekonomika u aġġustament strutturali: reviżjoni u prospetti', li introduċiet appoġġ baġitarju għat-tnaqqis tal-faqar (poverty reduction budget support, PRBS) u approċċ innovattiv għall-kundizzjonalità. Din il-Komunikazzjoni stabbiliet l-għanijiet għall-appoġġ baġitarju li aktar tard saru parti mill-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna.

Il-programmi tal-appoġġ baġitarju tal-UE dejjem aktar kienu qed jiġu fornuti, fuq perjodi ta' tliet snin, bi proporzjonijiet annwali fissi sakemm ikun hemm konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà, u propozjonijiet varjabbli marbuta wkoll ma' prestazzjoni skont il-miri miftiehma fuq indikaturi magħżula tar-riżultati, prinċipalment fis-setturi soċjali.

Fir-rigward tal- kriterji tal-eliġibbiltà għall-appoġġ baġitarju, il-Kummissjoni (flimkien mal-biċċa l-kbira tal-fornituri l-oħra) tapplika approċċ dinamiku billi titlob impenn relevanti u kredibbli għar-riforma u evidenza ta' progress aktar milli konformità mal-istandards minimi. Dan l-approċċ ippermetta lill-Kummissjoni topera f'kuntesti diversi ħafna, inklużi pajjiżi f'sitwazzjoni fraġli , fejn l-appoġġ baġitarju jista' jirfed l-istabbilizzazzjoni u jevita t-tmermir tas-sitwazzjoni ekonomika u politika.

Fl-2008, il-Kummissjoni nediet ukoll il-' Kuntratti MDG ' għal pajjiżi bi storja ta' suċċessi fil-ġestjoni tal-appoġġ baġitarju, u li juru impenn biex jagħmlu progress lejn l-Għajnijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs). Il-Kuntratti MDG jipprovdu impenji ta' sitt snin biex jippermettu lill-gvernijiet jippjanaw strateġiji fit-tul u baġits b'ċertezza akbar dwar l-influssi futuri tar-riżorsi.

IT-TRIQ QUDDIEM L-APPOġġ BAġITARJU - XI PRINċIPJI EWLENIN

L-appoġġ baġitarju evolva matul l-aħħar deċennju u wieħed tgħallem minn numru ta' lezzjonijiet dwar it-tfassil u l-impatt tiegħu (ara l-Kaxxi 3 u 4).

Kaxxa 4: L-Appoġġ Baġitarju - Lezzjonijiet li Ttieħdu

Evalwazzjoni kbira fl-2006 tal-appoġġ baġitarju ġenerali (ABĠ) f'seba' pajjiżi li għadhom qed jizviluppaw (Burkina Faso, il-Malawi, il-Możambik, in-Nikaragwa, ir-Rwanda, l-Uganda, u l-Vjetnam) ikkummissjonata mill-Kumitat għall-Assistenza għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u tal-Iżvilupp (OECD-DAC) ikkonkludiet li l-appoġġ baġitarju kien tweġiba relevanti għal problemi rikonoxxuti fl-effettività tal-għajnuna, u jista' jkun mod effiċjenti, effettiv u sostenibbli fl-appoġġ tal-istrateġiji nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar. Din sabet li l-ABĠ kellu effetti pożittivi fl-armonizzazzjoni u l-allineament, u għat-tisħiħ tas-sjieda u r-responsabbiltà governattiva. Kellu wkoll effetti pożittivi fuq l-effiċjenza tan-nefqa pubblika, u fuq il-kapaċità governattiva, partikolarment fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. L-appoġġ baġitarju wassal ukoll għal titjib fl-aċċess għal servizzi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Ma kien hemm l-ebda evidenza ta' nuqqas ta' spazju notevoli għall-iżvilupp tal-investiment privat jew ta' imminar tal-isforz għad-dħul domestiku, u lanqas evidenza ċara li l-fondi tal-appoġġ baġitarju kienu aktar affettwati mill-korruzzjoni milli minn forom oħra ta' għajnuna. Madankollu, l-evalwazzjoni esprimiet riżervi dwar l-impatti fuq it-tnaqqis tal-faqar u l-kwalità tas-servizzi bażiċi. Metodoloġija riveduta ta' evalwazzjoni bħalissa qed tiġi ppruvata fil-Mali, fit-Tuneżija u fiż–Żambja. Evalwzzjonijiet indipendenti reċenti ta' programmi tal-pajjiżi tal-Kummissjoni Ewropea f'20 pajjiż fejn l-appoġġ baġitarju kien fattur notevoli ġeneralment ikkonfermaw ir-relevanza tiegħu, u rrakkomandaw li jkompli. Imma, b'mod ġenerali, kien diffiċli li wieħed jivvaluta l-impatt tal-appoġġ baġitarju fuq it-tnaqqis tal-faqar u indikaturi oħra tal-MDGs. Kwistjonijiet ta' attribuzzjoni, kif ukoll ta' valutazzjoni ta' x'seta' ġie miksub permezz ta' strumenti alternattivi (il-kontrofattwali), instab li kienu partikolarment diffiċli.

Dawn jenfasizzaw li l-appoġġ baġitarju ma għandux jitqies bħala għan fih innifsu, imma bħala mezz li jtejjeb l-effettività tal-għajnuna u li jikseb ir-riżultati. U filwaqt li l-piż ta' kull wieħed jista' jvarja minn reġjun għall-ieħor, numru ta' prinċipji ewlenin għandhom jiġu identifikati biex jiggwidaw it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju li dwaru hemm livell għoli ta' kunsens fost il-fornituri tal-appoġġ baġitarju tal-UE:

L-appoġġ baġitarju bħala parti minn pakkett: L-appoġġ baġitarju għandu jkun aktar minn trasferiment finanzjarju – hu parti minn pakkett li jinkludi djalogu politiku, valutazzjoni tal-prestazzjoni, bini ta' kapaċità u interventi oħra ta' appoġġ.

Sjieda : L-appoġġ baġitarju għandu jappoġġja pajjiż biex jikseb l-istrateġiji tal-iżvilupp tiegħu stess.

Riżultati : L-appoġġ baġitarju għandu jiffoka fuq il-kisba ta' riżultati li jistgħu jitkejlu.

Prevedibbiltà: L-appoġġ baġitarju għandu jiġi pprovdut b'mod li jiżgura livell għoli ta' prevedibbiltà, kemm fuq medda qasira ta' żmien kif ukoll fit-tul.

Responsabbiltà : L-apoġġ baġitarju għandu jiġi pprovdut b'mod li jsaħħaħ ir-responsabbiltà tal-gverinijiet lejn iċ-ċittadini, il-parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tagħhom dwar il-mod kif ir-riżorsi qed jiġu użati u r-riżultati li qed jinkisbu (responsabbiltà domestika). L-appoġġ baġitarju għandu wkoll jiġi pprovdut b'mod li jiżgura li l-pajjiżi msieħba jonoraw l-impenji tagħhom lid-donaturi u d-donaturi jonoraw l-impenji tagħhom lill-pajjiżi msieħba (responsabbiltà reċiproka).

Approċċ aktar ikkoordinat tal-UE L-appoġġ baġitarju tal-UE għandu jkun ipprovdut b'mod li jtejjeb il-koordinazzjoni kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-UE, u jsaħħaħ il-koerenza u l-kredibbiltà tal-UE.

Appoġġ pubbliku : Biex jiġi żgurat appoġġ pubbliku minn imsieħba interessati fi ħdan l-UE, l-appoġġ baġitarju għandu bżonn li jipprovdu evidenza f'saħħitha tar-riżultati miksuba u l-progress li jkun sar mill-pajjiżi msieħba. Iċ-ċittadini fil-pajjiżi msieħba wkoll għandhom ikunu kapaċi jifhmu u jidentifikaw id-differenza li l-appoġġ baġitarju jkun għamel f'pajjiżhom.

L-APPOġġ BAġITARJU: KWISTJONIJIET EWLENIN

Hu evidenti wkoll li baqa' numru ta' sfidi biex jitjiebu l-kwalità, il-valur għall-flus u l-impatt tal-appoġġ baġitarju. Il-kwistjonijiet ewlenin fejn hemm anqas ċarezza jew kunsens fuq l-aħjar triq 'il quddiem huma marbuta ma':

- Governanza politika u r-rwol tad-djalogu politiku;

- Ir-rwol tad-djalogu politiku, ir-rwol tal-kundizzjonalità, u r-rabtiet mal-prestazzjoni u r-riżultati;

- Ir-responsabbiltà domestika u reċiproka;

- L-ipprogrammar tal-appoġġ baġitarju u l-koerenza ta' dan ma' strumenti oħra;

- It-tisħiħ tal-valutazzjoni tar-riskju u t-trattament tal-frodi u l-korruzzjoni;

- Appoġġ baġitarju f'sitwazzjonijiet fraġli;

- It-tkabbir, il-politika fiskali u l-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku.

Dawn il-kwistjonijiet qed jiġu ppreżentati fid-dettall hawn taħt, flimkien ma' numru ta’ mistoqsijiet li l-partijiet interessati qed jiġu mistiedna jweġbuhom. Napprezzaw evidenza u eżempji li jappoġġjaw it-tweġibiet.

Governanza politika u r-rwol tad-djalogu politiku

Il- governanza politika dan l-aħħar ħarġet bħala waħda mill-aktar kwistjonijiet fundamentali fl-appoġġ baġitarju. Il-punt ċentrali hu jekk l-appoġġ baġitarju għandux ikun espliċitament marbut mal-kundizzjoni li l-pajjiż jirrispetta l-prinċipji bażiċi tad-drittijiet tal-biedem, il-prinċipji demokratiċi tal-istat tad-dritt (ara l-Kaxxa 5); jew jekk dawn għandhomx jibqgħu prinċipji li jirfdu l-kooperazzjoni kollha kemm hi u għalhekk japplikaw għall-partenarjat sħiħ u għall-modalitajiet kollha tal-għajnuna.

Il-gwida tal-OECD-DAC tissuġġerixxi li l-'kundizzjonalità politika m'għandhiex tkun marbuta b'mod speċifiku mal-appoġġ baġitarju jew kwalunkwe strument individwali ta' għajnuna, imma pjuttost għandha tiġi trattata fil-kuntest tad-djalogu ġenerali tal-politika bejn il-pajjiż imsieħeb u l-pajjiż tad-donaturi tiegħu[2].

Fl-aħħar mill-aħħar, l-appoġġ baġitarju dejjem jista' jiġi sospiż (l-istess bħal proġett) jekk ikun hemm ksur serju tal-prinċipji bażiċi. Dan hu konformi mad-diversi strumenti tal-UE u ftehimiet li jirregolaw l-iżvilupp u kooperazzjoni usa' fir-reġjuni kollha[3], u meħtieġ sabiex tinżamm il-leġittimità tal-apoġġ baġitarju u tal-għajnuna b'mod ġenerali. L-esperjenza wriet li s- sensittivitajiet politiċi x'aktarx tkun aktar qawwija fil-każ tal-appoġġ baġitarju, l-aktar fil-kuntest tal-appoġġ baġitarju ġenerali (ABĠ), għaliex hu ġeneralment meqjus bħala li jipprovdi approvazzjoni tal-linja politika ġenerali tal-pajjiż imsieħeb. L-appoġġ baġitarju settorjali (ABS) xi kultant hu meqjus bħala anqas vulnerabbli għar-riskju politiku minħabba li jappoġġja l-implimentazzjoni ta' politika speċifika settorjali minflok il-politika ġenerali tal-iżvilupp tal-pajjiż imsieħeb. Bosta donaturi skoprew li meta mqabbel mal-ABĠ, l-ABS hu aktar faċli li jiġi ġġustifikat ma' dawk li jħallsu t-taxxi u mal-parlamenti nazzjonali f'pajjiżhom fil-kuntest tad-diffikultajiet politiċi jew il-korruzzjoni li tkun qed tikber fil-pajjiż imsieħeb.

Kaxxa 5: Il-prinċipji Bażiċi

F'din il-Green Paper, il-'prinċipji bażiċi' jirreferu biss għall-elementi politiċi riflessi fid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat ta' Lisbona tal-UE dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Dan jiddikjara li: "L-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha stess, l-iżvilupp u t-tkabbir, u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.'' (l-Artikolu 21.1).

Dubji reċenti dwar il-governanza politika f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw li qed jirċievu appoġġ baġitarju imbuttaw lil xi donaturi biex jixħtu l-attenzjoni tagħhom fuq il-prinċipji bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi tal-istat tad-dritt, bl-appoġġ baġitarju jintuża b'mod aktar speċifiku biex jinkisbu objettivi politiċi usa'. In-natura intrinsikament politika tal-baġit nazzjonali, u r-rabta mill-viċin bejn id-djalogu fuq il-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-pajjiż imsieħeb u d-djalogu politiku, qajmet żewġ kwistjonijiet ewlenin.

L-ewwel kwistjoni għandha x'taqsam mad-dispożizzjoni tal-appoġġ baġitarju meta l-prinċipji bażiċi jmorru għall-agħar. Xi donaturi jissospendu l-ħlasijiet, filwaqt li oħrajn jibqgħu għaddejjin. Reazzjonijiet inkonsistenti bħal dawn jistgħu jibagħtu l-messaġġ żabljat lill-gvernijiet imsieħba kkonċernati. Dan jenfasizza l-ħtieġa biex jinstab approċċ li jtejjeb il-koerenza u l-konsistenza, li jiżgura li l-prinċipji bażiċi jkunu kondiviżi u rispettati, filwaqt li jiġu protetti l-benefiċċji tal-iżvilupp inkluża l-prevedibbiltà tal-appoġġ baġitarju.

It-tieni kwistjoni għandha x'taqsam mal-aktar forum adattat għad-djalogu u l-governanza politika. Uħud kienu tal-fehma li għandhom jintużaw it-toroq kollha possibbli, inklużi l-proċessi tad-djalogu tal-appoġġ baġitarju, bħala mezz biex jiġu mmassimizzati l-pressjoni u l-influwenza fuq kwistjonijiet politiċi fir-rigward tal-prinċipji bażiċi. Oħrajn jipperferu forum aktar politiku, separat imma li jinforma u jkun infurmat bil-proċessi ta' djalogu tal-appoġġ baġitarju, b'rikonoxximent li dawn il-prinċipji jirfdu l-koperazzjoni kollha għall-iżvilupp.

M1: L-operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju (speċjalment l-appoġġ baġitarju ġenerali) għandhom ikunu mfassla b'mod li jirriflettu ahjar l-impenn tal-pajjiżi msieħba għall-prinċipji bażiċi u, jekk iva, kif? B'mod partikolari, il-programmi tal-appoġġ baġitarju jagħmlu użu akbar mill-kundizzjonalità tal-governanza politika? Hemm każ biex wieħed jadotta approċċ differenti għall-kundizzjonalità politika għall-appoġġ baġitarju ġenerali aktar milli settorjali? M2: Kif jista' l-proċess tal-appoġġ baġitarju jkun konsistenti mad-djalogu tal-politika fuq il-prinċipji bażiċi filwaqt li jżomm l-iffukar tad-djalogu politiku dwar l-objettivi miftiehma għall-iżvilupp? X'jistgħu jkunu l-fora relevanti u l-livell adattat li jinvolvu lid-donaturi u l-pajjiż imsieħeb biex iqajmu u jiddiskutu d-dubji rigward il-prinċipji bażiċi? M3: Kif jistgħu d-donaturi jwieġbu tassew għal xi deterjorament tal-prinċipji bażiċi filwaqt li jħarsu l-benefiċċji tal-iżvilupp u l-prevedibbiltà tal-appoġġ baġitarju? |

Ir-rwol tad-djalogu politiku, ir-rwol tal-kundizzjonalità, u r-rabtiet mal-prestazzjoni u r-riżultati

Id- djalogu politiku mxettel fil-proċessi baġitarji u politiċi tal-pajjiż imsieħeb innifsu hu essenzjali biex jiġi żgurat li l-miżuri politiċi li kellhom jilħqu l-miri miftiehma jkunu identifikati, diskussi u jkollhom ir-riżorsi kollha. Djalogu bħal dan jgħin biex jiżgura rabta aktar ċara bejn l-użu tar-riżorsi (inkluż l-appoġġ baġitarju) u l-kisba tar-riżultati, u għad jonqos ħafna x'isir biex dan ikun effettiv. Pereżempju, hu partikolarment importanti li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar, il-parlament nazzjonali, is-settur privat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġi involuti aktar.

L-oqsma relevanti għad-djalogu politiku jkunu jinkludu strateġija ta' tkabbir; Stabbiltà makoroekonomika; politika fiskali (inkluża l-ġenerazzjoni tad-dħul domestiku u l-kompożizzjoni tal-baġit fil-livelli ċentrali u deċentralizzati); politiki settorjali (speċjalment setturi soċjali); protezzjoni soċjali (inkluż l-użu ta' skemi kundizzjonali ta' trasferiment ta' kontanti[4]); ġestjoni finanzjarja pubblika; kwistjonijiet usa' ta' governanza, bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi, ir-riforma fis-settur pubbliku, inkuża d-deċentralizzazzjoni. Id- djalogu politiku hu distint mid- djalogu aktar wiesa' tal-politika fuq il-prinċipji bażiċi, għalkemm naturalment dawn iridu jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin. Il-kwistjoni ewlenija hi kif dan id-djalogu politiku jsir aktar effettiv. Dan iqajjem kwistjonijiet dwar l-ambitu tad-djalogu u dwar il-ħiliet li hemm bżonn; ir-rwol tal-kundizzjonalità; u l-bilanċ xieraq bejn ir-riformi politiċi u l-indikaturi tar-riżultati fl-oqsma tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni u bħala fatturi li jattivaw il-ħlasijiet (ara wkoll il-Kaxxa 6).

Kaxxa 6: Djalogu politiku dwar l-appoġġ baġitarju f'kuntesti differenti

L-objettivi tal-appoġġ baġitarju jsuqu l-ambitu u n-natura tad-djalogu politiku f'kull pajjiż. Dawn l-objettivi u l-istruttura tad-djalogu jvarjaw skont iċ-ċirkostanzi tal-pajjiż u l-livell tal-iżvilupp, in-natura tar-relazzjoni tiegħu mal-UE u l-involviment aktar wiesa' tad-donatur. Pereżempju, f'pajjiż Asjatiku jew tal- Amerika Latina , fejn l-għajnuna u l-appoġġ baġitarju tipikament jirrappreżentaw proporzjon żgħir ħafna tal-baġit nazzjonali, id-djalogu jista' jkun differenti ħafna minn dak fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Afrikani . Fi stati gżejjer żgħar u pajjiżi u territorji extra-Ewropej (Overseas Countries and Territories, OCTs) hemm xi sfidi partikolari li jridu jiġu indirizzati, bħal amministrazzjonijiet nazzjonali żgħar, in-nuqqas ta' politiki u strateġiji nazzjonali robusti, in-nuqqas ta' oqfsa makroekonomiċi indipendenti, u involviment limitat u koordinazzjoni ma' donaturi oħra. F' pajjiżi ġirien u ta' tkabbir tal-UE , fejn il-politika tal-UE hi aktar iffukata fuq il-promozzjoni tar-riformi orjentati lejn l-UE immirati lejn assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika, hemm enfasi aktar b'saħħitha fuq li l-pajjiżi msieħba jinżammu responsabbli għal miżuri speċifiċi ta' politika biex jiġu implimentati fuq medda qasira ta' żmien, bħall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni armonizzata mal- acquis tal-UE fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li bħalissa qed jiġu nnegozjati fil-każ tal-pajjiżi ġirien.

Djalogu politiku effettiv jirrikjedi persunal imħarreġ tad-donaturi bl-opportunità u l-ħila li jappoġġja kemm l-analiżi tal-problemi li jxekklu l-progress lejn l-objettivi mitftiehma tal-iżvilupp, kif ukoll l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet. Imma bosta donaturi m'għandhomx ir-riżorsu umani meħtieġa biex jisfruttaw bl-aħjar mod dawn l-opportunitajiet. Dan jista' jiġi parzjalment indirizzat billi jkun hemm kondiviżjoni akbar tal-kompetenza u li titfassal diviżjoni tax-xogħol aktar effettiva bejn dawk li jipprovdu l-appoġġ baġitarju, imma tirrikjedi wkoll investiment imġedded fil-ħiliet addatati.

Kundizzjonalità. L-għażla tal-pajjiiżi għall-appoġġ baġitarju fuq il-bażi ta' kriterji ta' eliġibbiltà definiti hi applikazzjoni leġittima tal-kundizzjonalità. Il-Kummissjoni bħalissa tastjeni milli tiffissa rekwiżiti minimi meta tqis li l-impenji minn pajjiż msieħeb għall-proċess ta' riforma huma aktar importanti. Il-ħlasijiet jistgħu jkunu bil-kundizzjoni ta' kumbinazzjoni ta' miżuri ta' politika u riżultati miksuba. Il-bilanċ tal-evidenza jissuġġerixxi li l-kundizzjonalità ta' politika qajla kienet effettiva fl-iżgurar tar-riformi sakemm ma jkunx hemm kostitwenza domestika f'saħħitha favurhom. Bosta atturi, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, poġġew aktar enfasi fuq ir-riżultati, għalkemm il-maġġoranza tal-programmi jikkumbinaw kemm l-indikaturi tal-politiki u kemm dawk tar-riżultati.

Prestazzjoni u riżultati. Il-Kummissjoni Ewropea kienet tal-ewwel li użat l-indikaturi tal-konklużjonijiet u r-riżultati fil-programmi tagħha ta' appoġġ baġitarju bħala bażi għall-valutazzjoni tal-progress u biex tiddeċiedi l-ammont tal-ħlasijiet fi proporzjonijiet varjabbli, u bħala punt fokali tad-djalogu politiku[5]. Dan l-approċċ kien maħsub biex jipprovdi spazju lill-gvernijiet imsieħba biex jistabbilixxu l-politiki tagħhom (b'konformità mal-prinċipju tas-sjieda), u biex jistimulaw diskussjoni dwar kif u għaliex il-politiki jirnexxilhom jiksbu r-riżultati (jew le). Madankollu, qamu xi dubji u sfidi, dwar il-kapaċità tas-servizzi tal-istatistika li jipproduċu, janalizzaw u jqassmu regolarment statistika relevanti, oġġettiva u ta' kwalità tajba biex tkejjel il-prestazzjoni; l-għażla ta' indikaturi u miri; jekk l-aħjar mod biex tkejjel il-prestazzjoni hux b'iffukar strett fuq dawk l-indikaturi jew b'valutazzjoni aktar ħolitistika tal-prestazzjoni; u b'mod aktar wiesa', sa liema punt il-pajjiżi jsibu l-kundizzjonalità bbażata fuq ir-riżultati bħala inċentiv effettiv biex jaħdmu aħjar.

L-iffukar fuq ir-riżultati hu ċentrali. Imma l-attribuzzjoni finanzjarja tal-appoġġ baġitarju għal riżultati speċifiċi hu aktar diffiċli milli għal proġetti, għax il-fondi tal-appoġġ baġitarju jkunu assorbiti mill-baġit ġenerali tal-pajjiż u ma jistgħux jiġu rintraċċati. Imma xorta waħda d-donaturi għandhom jagħtu kont tal-użu tal-appoġġ baġitarju, allura hu importanti għall-UE – u għal dawk l-Ewropej li jħallsu t-taxxa - li jkollhom evidenza aktar ċara li l-pajjiżi msieħba qed jonfqu r-riżorsi kif inhu maħsub, jiksbu valur tajjeb għall-flus, u jiksbu l-oġġettivi miftiehma. Dan jitlob mid-donaturi li jiffukaw l-analiżi u d-djalogu politiku fuq l-oqsma kbar kollha tas-sistema tal-ġestjoni finanzjarja pubblika (public financial management, PFM) u l-politika fiskali ta' gvern, li tkopri ċ-ċiklu baġitarju kollu kemm hu. Fejn jiġu identifikati n-nuqqasijiet, il-gvernijiet iridu juru li għandhom programm ta' riforma PFM relevanti u kredibbli, u biex juru progress mal-milja taż-żmien. Analiżi aħjar tal-baġit hi importanti biex titjieb il-prestazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni finanzjarja u l-benefiċċji tal-appoġġ baġitarju. Id-definizzjoni ta' objettivi speċifiċi, indikaturi ta' prestazzjoni u qafas ta' monitoraġġ li turi kif l-appoġġ baġitarju jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar, tibqa' sfida ewlenija. F'dan il-kuntest kapaċità ta' żvilupp misjuqa mid-domanda u orjentata lejn ir-riżultati, f'linja partikolari ta' Ministeru u korpi ċentrali bħall-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar u l-Parlamenti Nazzjonali, hi ta' importanza fundamentali.

M4: Kif jista' d-djalogu politiku ma' pajjiżi msieħba jsir aktar effettiv u inklużiv fil-kontribut biex jinkisbu r-riformi, ir-riżultati u l-objettivi? M5: Kif jistgħu d-donaturi jużaw il-kundizzjonalità tal-appoġġ baġitarju biex jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni, u kif huma għandhom iwieġbu meta dawk il-kundizzjonijiet miftiehma ma jiġux issodisfati? M6: Kif jistgħu l-oqsfa għas-sorveljanza tal-prestazzjoni jiġu mtejba u kif jistgħu l-indikaturi tar-riżultati jiġu użati bl-aħjar mod fl-operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju sabiex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati hawn fuq? M7: Kif tista' l-prestazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni finazjarja pubblika, li tinkludi l-miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi, u valur għall-flus tal-fondi tal-appoġġ baġitarju jiġu msaħħa bl-aħjar mod? L-UE għandha tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-appoġġ baġitarju? |

Ir-responsabbiltà

Ir- responsabbiltà domestika tirreferi għall-fatt li l-gvern imsieħeb ikun responsabbli lejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tiegħu (il-parlament, l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar) dwar għażliet ta' politika, ġbir tad-dħul, allokazzjonijiet baġitarji u riżultati. Hija relazzjoni minn żewġ naħat. Iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet għandhom ikunu wkoll kapaċi jżommu lill-gvern responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu, jiċċekkjaw l-abbużi u jimponu sanzjonijiet. Ir-responsabbiltà ta' gvern imsieħeb lejn iċ-ċittadini tiegħu hu mutur ewlieni biex jinkisbu r-riżultati tal-iżvilupp. Hu komponent importanti tas- sjieda ta' pajjiż tal-aġenda tiegħu tal-iżvilupp. L-appoġġ baġitarju fil-prinċipju hu suġġett għal skutinju domestiku parlamentari u tal-awditjar u ta' spiss ma jiġrix l-istess għall-appoġġ tal-proġetti.

Madankollu, sa issa kien hemm biss titjib modest fir-responsabbiltà domestika, in parti għax it-tibdiliet jieħdu ż-żmien biex jiġu implimentati u biex joħorġu r-riżultati. Il-kapaċità tas-soċjetà ċivili u tal-parlamenti li jsejħu għal għażliet ta' politika u jissorveljawhom fi proċess baġitarju trasparenti għadha dgħajfa f'bosta pajjiżi. L-appoġġ ta' istituzzjonijiet u sistemi nazzjonali ta' responsabbiltà hi sfida kbira għad-donaturi involuti fl-appoġġ baġitarju. It-talbiet tad-donaturi jistgħu jieħdu s-soppravvent fuq ir-responsabbiltà domestika billi jimponu aġenda misjuqa minn barra, b'mod partikolari meta l-ammont tal-appoġġ baġitarju jkun notevolment relattiv għall-baġit nazzjonali.

Kontabilità reċiproka. Mill- perspettiva tad-donaturi , ir-responsabbiltà reċiproka hi importanti biex il-gvernijiet donaturi jkunu jistgħu juru lill-parlamentari tagħhom u lil dawk li jħallsu t-taxxa li huma qed jużaw b'mod effettiv il-fondi pubbliċi allokati għall-għajnuna għall-iżvilupp. Mill-perspettiva tal-pajjiżi msieħba, huma jeħtieġu impenji kredibbli mid-donaturi biex jipprovdu informazzjoni fil-ħin, prevedibbli, trasparenti u komprensiva dwar il-flussi ta' għajnuna (speċjalment l-appoġġ baġitarju), allineat maċ-ċiklu baġitarju, biex iħejju u jimplimentaw baġits komprensivi li jwettqu l-objettivi u l-prijoritajiet ta' politika miftiehma. Il-pajjiżi msieħba jeħtieġ ukoll li jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali dwar ir-relazzjoni tagħhom mal-komunità tad-donaturi u l-benefiċċji mill-appoġġ baġitarju. Madankollu, is-soċjetà ċivili tista' biss tgħarbel l-azzjoni tal-gvern meta jkollha informazzjoni importanti dwar l-ammonti li ntefqu fuq miżuri speċifiċi u fejn jeżistu l-kanali biex l-awtoritajiet xierqa, inklużi d-donaturi, jiġu infurmati dwar il-frodu u l-korruzzjoni.

M8: Kif jista' l-appoġġ baġitarju (inkluż il-bini tal-kapaċità) jista' jiġi mfassal biex isaħħaħ ir-responsabbiltà domestika u s-sjieda fil-pajjiżi msieħba, inkluża l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili? M9: Kif tista' r-responsabbiltà reċiproka tikkontribwixxi aħjar biex issaħħa l-effettività tal-operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju kemm fil-pajjiżi donaturi u kemm f'dawk imsieħba? M10: X'tip ta' attivitajiet ta' viżibbiltà/komunikazzjoni għandhom isiru kemm fil-pajjiżi donaturi kif ukoll f'dawk imsieħba bies tissaħħaħ ir-responsabbiltà reċiproka? |

L-ipprogrammar tal-appoġġ baġitarju u l-koerenza ta' dan ma' strumenti oħra

Id-deċiżjoni dwar kemm jiġi pprovdut appoġġ baġitarju u jekk jiġix ipprovdut jeħtieġ li titqiegħed fil-kuntest aktar wiesa' tal-ipprogrammar tal-għajnuna kollu kemm hu, li fih l-allokazzjonijiet tal-pajjiżi huma ddeterminati minn kombinazzjoni ta' ħtiġijiet u prestazzjoni. Dan jorbot ma' analiżi politika ekonomika aktar wiesgħa, mal-ħtiġijiet ta' finanzjament ta' kull pajjiż (b'kunsiderazzjoni tal-qafas fiskali fuq terminu medju ta' żmien u l-kontribuzzjoni li jistgħu jipproponu d-donaturi u l-kredituri), mal-kapaċità ta' assorbiment, u mar-riskji u l-benefiċċji mistennija mill-appoġġ baġitarju. Ladarba jkun analizzat b'mod adegwat il-kuntest tal-pajjiż, inklużi l-isforzi tal-gvern biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati u r-riżorsi domestiċi disponibbli, l-objettivi tal-kooperazzjoni u l-modalità l-aktar xierqa tal-għajnuna - li għandha tikkunsidra wkoll mistoqsijiet ta' kosti ta' unità u valur għall-flus – tkun tista' tiġi deċiża skont dan.

Flimkien mal-appoġġ baġitarju jeżistu bosta modalitajiet oħra , li jinkludu fondi vertikali, fondi fiduċjati ma' multidonaturi (multi-donor trust funds, MDTFs), fondi kondiviżi, u għajnuna għal proġetti. Firxa wiesgħa ta' modalitajiet ta' implimentazzjoni hi meqjusa bħala vantaġġ biex jitwieġbu ħtiġijiet u objettivi differenti f'kuntesti differenti. F'xi oqsma, bħall-appoġġ għal Atturi Non Statali jew għall-proċessi elettorali, hu evidenti li dan ma jistax u m'għandux jiġi pprovdut bħala appoġġ baġitarju. Għal oħrajn, bħal kompetenza ta' livell għoli jew investimenti kbar f'infrastruttura, ikollu jiġi deċiż fi ħdan il-kuntest tal-pajjiż x'inhi l-modalità l-aktar xierqa.

Fir-rigward tal-appoġġ baġitarju Ġenerali (ABĠ) u l-appoġġ baġitarju Settorjali (ABS), mistoqsija ċentrali hi jekk l-appoġġ baġitarju għal pajjiż partikolari għandux jiffoka fuq firxa aktar wiesgħa ta' oqsma (ABĠ) biex wieħed jieħu stampa wiesgħa tal-politika nazzjonali imma bis-sogru li potenzjalment ikun anqas effettiv fid-djalogu dwar politika settorjali; jew jiffoka fuq setturi speċifiċi (ABS) għal djalogu politiku effettiv, imma bis-sogru li jittraskura kwistjonijiet ta' riforma aktar wiesa' u transsettorjali meħtieġa biex isir progress fil-livell settorjali. F'bosta każi l-UE tuża ż-żewġ modalitajiet flimkien (ara t-taqsima 2).

M11: Xi kriterji għandha tuża l-Kummissjoni biex tinforma d-deċiżjonijiet dwar kemm appoġġ baġitarju għandha tipprovdi lill-pajjiżi eliġibbli, jekk fil-fatt għandha tipprovdi xi ħaġa? M12: X'inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jiġu pprovduti kemm appoġġ baġitarju ġenerali kif ukoll dak settorjali fl-istess pajjiż, jew li jkollok strument wieħed ta' appoġġ baġitarju? F'liema kuntest l-ABS jista' jitqies bħala tip aktar effettiv ta' appoġġ baġitarju? M13: X'inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi, kif ukoll l-arranġamenti prattiċi biex jiġu żgurati l-konsistenza u l-koordinazzjoni effettiva, tal-użu ta' firxa wiesgħa ta' strumenti ta' għajnuna flimkien mal-ABĠ/ABS? |

It-tisħiħ tal-valutazzjoni tar-riskju u t-trattament tal-frodi u l-korruzzjoni

L-effiċjenza u l-impatt tal-forom kollha tal-għajnuna (minn għajnuna għal proġetti sa appoġġ baġitarju) tista' tiġi mminata minn numru ta' riskji li għandhom jiġu mrażżna. L-appoġġ baġitarju u l-għajnuna għal proġetti għandhom profili ta' riskju differenti; Dan jimplika li l-ġestjoni tar-riskju għandha tkun adattata għall-metodu tat-twassil tal-għajnuna li jintgħażel. Il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju għall- appoġġ baġitarju hu għodda importanti fil-valutazzjoni tal-eliġibbiltà, fl-ipprogrammar, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi u biex jiġi infurmat id-djalogu politiku. Hu strument li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE. Hu wkoll dimensjoni kruċjali tal-approċċ dinamiku tal-eliġibbiltà (ara l-Kaxxa 1) li jirrikjedi impenn kredibbli għar-riformi relevanti u evidenza ta' progress. F'dal-kuntest hu importanti li l-approċċi tal-ġestjoni tar-riskju għall-appoġġ baġitarju jiġu riveduti u msaħħa.

Deterjorament serju ta' governanza politika f'pajjiż imsieħeb li jkun qed jirċievi appoġġ baġitarju, jista' jnaqqas b'mod notevoli r-rwol tal-baġit nazzjonali bħala espressjoni ta' interess komuni, u jiġu mminati l-mekkaniżmi tar-responsabbiltà. Min-naħa tiegħu dan jista' jimmina l-isforzi tal-appoġġ baġitarju biex jittejbu t-trasparenza u l-ġestjoni tal-baġit innifsu u fl-aħħar mill-aħħar titnaqqar l-effettività tal-appoġġ baġitarju. Il-valutazzjoni tar-riskji politiċi tirrikjedi djalogu politiku intensifikat li jkopri aspetti relevanti għall-appoġġ baġitarju.

Il-ġestjoni tar-riskji makroekonomiċi u tal-iżvilupp tirrikjedi proċessi ta' monitoraġġ f'saħħithom, djanjostiki u indikaturi relevanti, u l-kapaċità li jiġu identifikati u adottati miżuri korrettivi fejn hu xieraq. Il-kwalità limitata u d-disponibbiltà tal-indikaturi relevanti tikkomplika l-ġestjoni ta' dawn ir-riskji. It-titjib tal-ambitu u l-kwalità tad-djalogu fuq il-progress fl-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali u settorjali hu vitali għall-ġestjoni effettiva tar-riskju.

It-titjib tal-għodod għall-ġestjoni tar- riskju finanzjarju hu essenzjali. Fl-operazzjonijiet kollha tal-appoġġ baġitarju l-fondi tad-donaturi huma ġestiti skont is-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-kontrolli tal-pajjiżi imsieħba (ara l-Kaxxa 1). Ir-riskju finanzjarju hu vvalutat u mnaqqas permezz ta' progress fl-effiċjenza u l-effettività tal- ġestjoni finanzjarja pubblika. Djanjostiki regolari jistgħu jidentifikaw oqsma ewlenin ta' progress u dgħufijiet u jinfurmaw it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riforma li r-relevanza u l-kredibbiltà tagħhom hi ssoerveljata permezz tal-proċessi tal-appoġġ baġitarju.

Il-korruzzjoni hi theddida serja għall-isforzi tal-iżvilupp. Din timmina d-demokrazija u l-governanza tajba billi taqleb ta' taħt fuq il-proċessi formali u istituzzjonali. Il-korruzzjoni timmina l-iżvilupp ekonomiku billi tiddevja r-riżorsi minn nefqiet prijoritarji, b'mod li jiġġenera l-ineffiċjenza u n-nuqqas ta' konformità mal-proċeduri tal-akkwist fit-twassil tas-servizz pubbliku. Il-korruzzjoni hi waħda mill-fatturi ewlenin li jaffettwaw il-bilanċ tal-argumenti favur u kontra l-appoġġ baġitarju. Jekk il-korruzzjoni ma tiġix ittrattata tonqos il-fiduċja, kemm fil-baġit kif ukoll fl-ekonomija politika aktar wiesgħa, u jkollha implikazzjonijiet kemm għar-riskji finanzjarji kif ukoll għall-iżvilupp. Barra minn hekk, minħabba li l-fondi tad-donaturi jiġu amalgamati mal-baġit nazzjonali, l-allegazzjonijiet ta' frodi u korruzzjoni ma jitressqux għall-attenzjoni tal-Kummissjoni jew jiġu investigati minnha. U f'każijiet ta' miżapproprjazzjoni tar-riżorsi baġitarji tal-pajjiżi msieħba, l-irkupru tal-fondi jista' jkun diffiċli. Għalhekk hu essenzjali li d-djalogu mill-qrib mal-gvernijiet imsieħba dwar kwistjonijiet ta' korruzzjoni jinżamm għaddej mill-Kummissjoni u mill-komunità ġenerali tad-donaturi.

Fatturi esterni ta' riskju, bħal fatturi finanzjarji u ekonomiċi internazzjonali ħżiena, il-volatilità fil-prezzijiet tal-komoditajiet, jew kundizzjonijiet klimatiċi, jistgħu wkoll jaffettwaw is-sitwazzjoni baġitarja ta' pajjiż imsieħeb. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali reċenti wriet kemm id-dinja hija interkonnessa. Is-sorveljanza u t-tnaqqis rar-riskji esterni jirrikjedu miżuri biex tiżdied ir-reżistenza tal-baġit, inkluża l-istruttura tat-tassazzjoni, għal xokkijiet esterni.

M14: Kif jistgħu r-riskji t'hawn fuq jiġu vvalutati bl-aħjar mod fi ħdan qafas komprensiv u jiġu ġestiti biex titjieb l-effettività tal-appoġġ baġitarju? M15: X'tip ta' miżuri għandha tapplika l-UE jekk il-livell ta' riskju jkun ikkunsidrat għoli fir-rigward tal-frodi u l-korruzzjoni? M16: Kif jistgħu d-donaturi jirrispondu tassew, inkluż b'miżuri finanzjarji korrettivi, għal każijiet ta' korruzzjoni jew frodi ta' skala kbira fl-implimentazzjoni tal-politiki li jibbenefikaw mill-appoġġ baġitarju? |

Appoġġ baġitarju f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità

L-appoġġ baġitarju jista' jkun fundamentali biex jgħin il-provvediment ta' livell ta' stabbiltà ekonomika u politika f'pajjiżi f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità.

Kaxxa 7: Sitwazzjonijiet ta' fraġilità.

Din hi sitwazzjoni fejn jinkiser il-kuntratt soċjali minħabba l-kapaċità jew l-abbiltà tal-Istat li jaqdi l-funzjonijiet bażiċi tiegħu, jew li jissodisfa l-obbligi tiegħu rigward: it-twassil ta' servizzi, ġestjoni tar-riżorsi, stat tad-dritt, ugwaljanza fl-aċċess għall-poter, sigurtà u sikurezza għall-poplu u l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini. B'mod ġenerali, il-ħruġ ta' pajjiż minn kriżi fih tliet fażijiet suċċessivi, li ta' spiss jirkbu fuq xulxin, li fihom jintervjenu l-imsieħba u d-donaturi politiċi: Il-fażi tal-emerġenza, li hi segwita mill-istudju tal-bini tal-paċi, li tiġbor fiha rijabilitazzjoni soċjali u ekonomika u l-bidu tal-bini mill-ġdid tal-istituzzjonijiet. It-tielet stadju hu l-istabbilizzazzjoni makroekonomika (b'mod ġenerali immarkata mill-bidu mill-ġdid tal-għajnuna mill-IFIs ladarba jkunu tħallsu l-arretrati), li twassal għall-iżvilupp. Kull fażi hekk kif il-pajjiż joħroġ mill-kriżi, toffri tieqa ta' opportunità biex jiġi deċiż jekk għandux jingħata l-appoġġ baġitarju.

Filwaqt li r-riskji fihom infushom huma għoljin, il-kosti tan-nuqqas ta' intervent, u l-benefiċċji (pereżempju ż-żamma tal-funzjonijiet bażiċi tal-istat bħat-twassil tas-servizzi u s-sigurtà) ta' appoġġ effettiv, jistgħu jiġu ogħla minn hekk. Il-kriterji tal-eliġibbiltà jeħtieġ li jiġu interpretati biex jirriflettu l-kapaċità , l-impenn u l-potenzjal tal-progress attwali tal-pajjiż imsieħeb. Imma koordinazzjoni aktar f'saħħitha fost dawk id-donaturi li huma lesti jappoġġjaw l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat hi essenzjali biex jiġu żgurati valutazzjoni u ġestjoni tar-riskji kif suppost u kontinwi, sorveljanza rigoruża tal-progress, u sensittività fit-tfassil. Il-Kummissjoni qed taħdem fuq 'dokument ta' approċċ komuni' mal-FMI, mal-Bank Dinji, u mal-Bank Afrikan għall-Iżvilupp. Minkejja dan, huma relattivament ftit id-donaturi bilaterali li fil-preżent qed jipprovdu appoġġ baġitarju lil pajjiżi f'sitwazzjoni ta' fraġilità.

M17: L-appoġġ baġitarju għandu jintuża għall-promozzjoni tal-istabbiltà fi stati fraġli, u jekk iva, kif? |

It-tkabbir, il-politika fiskali u l-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku

Kemm l-istrateġiji tal-iżvilupp tal-pajjiżi msieħba kif ukoll l-attenzjoni tal-UE qed jiffukaw dejjem aktar fuq l-importanza tat- tkabbir ekonomiku sostenibbli, minbarra t-twassil tas-servizzi soċjali. Għalhekk, hu meħtieġ li jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp b'mod ġenerali, u l-appoġġ baġitarju b'mod partikolari, ikunu kapaċi wkoll jistimulaw u jikkontribwixxu għal tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli kif ukoll għat-tnaqqis tal-faqar. Hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni partikolarment għall-identifikazzjoni tal-passi meħtieġa biex jitneħħew restrizzjonijiet vinkolanti għat-tkabbir sostnut, bħal infrastruttura ekonomika inadegwata, burokrazija żejda jew kapital uman limitat. L-appoġġ baġitarju jista' jikkontribwixxi permezz tal-promozzjoni tal-istabbiltà makroekonomika, riformi ewlenin fl-ambjent ekonomiku biex ikun kapaċi jwassal aktar għan-negozju, u allokazzjoni baġitarja aktar effiċjenti. Il-politika fiskali hi suġġett partikolarment importanti għad-djalogu politiku tal-appoġġ baġitarju.

L-iżgurar tad-dħul domestiku hu kruċjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà makroekonomika, għall-ksib u ż-żamma tal-objettivi tal-iżvilupp, għat-tnaqqis tal-faqar, biex jintlaħqu l-miri tal-MDGs, u għat-tisħiħ tar-responsabbiltà domestika. Hu marbut kemm mat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi msieħba kif ukoll mas-sistemi tat-taxxi. It-titjib tal-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu d-dħul b'konformità mal-prinċipji tal-governanza tajba (trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni b'taxxi ġusti) fit-tul se jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-għajnuna u biex jikkunsidraw stateġija eventwali ta' tluq mill-appoġġ baġitarju, bil-post tal-appoġġ baġitarju x'aktarx li jinbidel hekk kif il-pajjiżi jsiru anqas dipendenti. Il-pajjiżi msieħba għandhom ikunu impenjati biex isaħħu s-sistemi domestiċi tat-taxxi u r-rati tal-ġbir tagħhom.

Bażi wiesgħa tat-taxxa, flimkien ma' ġestjoni effettiva tad-dħul u n-nefqa, iżżid il-leġittimità tal-istat u ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-gvern u ċ-ċittadin. Parti mill-għan tal-programmi tal-appoġġ baġitarju għandha tkun li tgħin il-kapaċità tal-pajjiż li qed jirċievi biex jindirizza l-isfidi domestiċi u internazzjonali tal-ġbir tad-dħul, sabiex itejjeb ir-responsabbiltà u jkun aktar rajh f'idejh u biex inaqqas id-dipendenza fit-tul. Għalkemm xi programmi tal-appoġġ baġitarju jindirizzaw kwistjonijiet dwar id-dħul, id-djalogu u l-kundizzjonalità fil-programmi tal-appoġġ baġitarju jiffukaw l-aktar fuq it-titjib tal-ġestjoni tan-nefqa pubblika. Għalhekk, hemm ambitu li wieħed jiffoka aktar direttament fuq kwistjonijiet ta' dħul domestiku u governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fid-djalogu tal-appoġġ baġitarju, il-kundizzjonalità, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċità (b'kunsiderazzjoni wkoll tal-isfidi partikolari tad-dħul f'pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi naturali). Dan jippermetti progressivament it-tijib tar-referenzi u l-konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa (jiġifieri t-trasparenza, l-iskambju tal-informazzjoni u l-kompetizzjoni b'taxxa ġusta). Il-kwistjoni ta' jekk l-appoġġ baġitarju għandux ikun marbut bil-kundizzjoni tar-riformi u l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa hi partikolarment relevanti.

L-appoġġ tal- integrazzjoni reġjonali hu wkoll fattur ewlieni fil-kooperazzjoni tal-UE. L-integrazzjoni reġjonali ġġib benefiċċji ekonomiċi notevoli, imma ġġib ukoll sfidi ġodda, b'mod partikolari l-bżonn li l-bażi tad-dħul minn tariffi esterni jinqaleb għal wieħed ibbażat fuq tassazzjoni interna hekk kif il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tista' twassal għal tnaqqis kontinwu fi dħul mid-dwana.

M18: Kif jistgħu l-programmi tal-appoġġ baġitarju jkunu mfassla u implimentati biex jippromwovu bl-aħjar mod it-tkabbir inklużiv u sostnut? M19: Kif jistgħu d-djalogu politiku u l-kundizzjonalità tal-appoġġ baġitarju jippromwovu aktar il-ġenerazzjoni ta' dħul domestiku u jaqtgħu id-dipendenza fuq l-għajnuna? X'forma ta' strateġija ta' tluq id-donaturi għandhom jinkludu fl-operazzjonijiet tagħhom ta' appoġġ baġitarju, u kif għandhom jagħmulha? M20: Kif jista' l-appoġġ baġitarju jintuża biex jgħin lill-pajjiżi msieħba u lill-organizzazzjonijiet reġjonali biex jifirxu aktar il-proċess tal-interazzjoni reġjonali? |

KONKLUżJONIJIET U L-PASSI LI JMISS

L-appoġġ baġitarju kien jidher bħala soluzzjoni għall-kwistjoni dwar kif l-għajnuna għandha tintuża b'mod aktar effettiv, imma mhux ħieles minn sfidi tiegħu stess. Dan id-dokument kien immirat biex jistaqsi dwar liema huma dawk il-pajjiżi li għandhom jirċievu l-appoġġ baġitarju, kemm għandhom jirċievu, u kif l-aħjar li jiġu mfassla u mmaniġġjati l-programmi tal-appoġġ baġitarju. Dawn huma kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu analizzati, flimkien ma' xogħol fuq sett miftiehem ta' għanijiet u prinċipji, sabiex l-appoġġ baġitarju jkun jista' jikkontribwixxi aħjar biex jitwettqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u t-tkabbir sostnut u t-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi msieħba li qed jiżviluppaw, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni ekonomika u assoċjazzjoni politika aktar mill-qrib fi bnadi oħra. Billi tibni fuq ir-riżultati ta' xogħol bħal dan u ieħor, il-Kummissjoni se tirsisti biex ittejjeb l-approċċ tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju, bil-ħsieb ta' approċċi aktar ikkoordinati fi ħdan l-UE.

[1] COM(2000)58 tal-04/02/2000.

[2] Il-linji gwida tad-DAC dwar l-Armonizzazzjoni tal-Prattiki tad-Donaturi għal Għajnuna Effettiva, Appoġġ baġitarju (vol 2, 2005).

[3] Notevolment il-Ftehim ta' Cotonou, l-Istrument tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (Development and Cooperation Instrument, DCI), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u l-Partenarjat (European Neighbourhood and Partnership Instrument, ENPI), u l-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (Instrument for Pre-Accession Assistance, IPA).

[4] Dawk l-iskemi jipprovdu trasferimenti finanzjarji lil familji fqar bil-kundizzjoni li t-tfal tagħhom imorru l-iskola u jkollhom kura tas-saħħa bażika (pereżempju l-Brażil, il-Messiku, il-Bangladexx).

[5] L-iżvilupp miċ-Ċentru għall-Iżvilupp Globali ta' approċċi ta' 'ħlas f'kontanti mal-wasla' biex iħallas għar-riżultati u jippremja l-prestazzjoni jirrappreżenta innovazzjoni ulterjuri u aktar radikali f'din id-direzzjoni.

Top