Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0481

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati

/* COM/2010/0481 final */

52010DC0481

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati /* COM/2010/0481 final */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 16.9.2010

KUMM(2010) 481 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati

INTRODUZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003[1] (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament”) jistabbilixxi Statut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (minn hawn 'il quddiem "SCE”) bil-ħsieb li jinħoloq qafas legali uniformi li jippermetti lill-kooperattivi minn Stati Membri differenti li jippjanaw u jwettqu l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-negozji tagħhom fuq skala Komunitarja. Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE[2] (minn hawn 'il quddiem “id-Direttiva”) tissupplimenta r-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-involviment tal-impjegati[3], bil-għan li jiġu previsti arranġamenti għall-involviment tal-impjegati f'kull SCE, u b'hekk jiġi żgurat li t-twaqqif ta’ SCE ma jfissirx l-għajbien jew it-tnaqqis tal-prattiki ta’ involviment tal-impjegati li jkunu jeżistu fl-entitajiet li qegħdin jieħdu sehem f'dan il-ħolqien.

Kif rikjest mill-Artikolu 17 tad-Direttiva, f’dan ir-Rapport, il-Kummissjoni qiegħda tirrevedi l-applikazzjoni tad-Direttiva bil-ħsieb li tipproponi emendi xierqa, fejn meħtieġ.

Bi tħejjija għal din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni kkummissjonat studji minn esperti indipendenti[4] u kkonsultat lill-Istati Membri u lill-Imsieħba Soċjali Ewropej dwar dawn l-istudji u l-abbozz tar-rapport[5].

Minħabba x-xebh ewlieni bejn id-Direttiva u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE rigward l-involviment tal-impjegati fil-Kumpanija Ewropea (SE)[6] (minn hawn 'il quddiem id-Direttiva SE) u l-fatt li ċertu Stati Membri[7] ttrasponew id-Direttiva fl-istess strument jew permezz ta' emendi fil-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2001/86/KE, il-Kummissjoni tirreferi għar-reviżjoni tagħha ta' din tal-aħħar[8].

Dwar kwistjonijiet orizzontali relatati mad-drittijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni, bħall-protezzjoni u l-garanziji lir-rappreżentanti tal-impjegati jew informazzjoni kunfidenzjali, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għar-reviżjoni tagħha tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati[9].

IT-TRASPOżIZZJONI TAD-DIRETTIVA LI TLESTIET FL-2009

Il-Kummissjoni stabbilixxiet Grupp ta' Esperti magħmul minn esperti tal-gvern mill-Istati Membri sabiex tipprovdi forum għad-diskussjoni tal-arranġamenti għat-traspożizzjoni tad-Direttiva f'leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Grupp ta' Esperti kellu tliet laqgħat fl-2005 li matulhom, il-kwistjonijiet ewlenin li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva, ġew diskussi b’mod estensiv[10].

Minkejja dan ix-xogħol ta' tħejjija, 12-il Stat Membru biss[11] ttrasponew id-Direttiva sad-data ta' skadenza stabbilita fid-Direttiva (jiġifieri t-18 ta' Awwissu 2006), u damu sa Marzu 2009 biex jadottaw l-aħħar miżuri implimentattivi[12]. Tnedew proċedimenti ta' ksur mill-Kummissjoni kontra 16-il Stat Membru[13], segwiti minn tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għal tliet darbiet. Sussegwentement il-Qorti kkundannat Stat Membru wieħed[14].

Fi kważi l-Istati Membri kollha, it-traspożizzjoni saret permezz ta' leġiżlazzjoni ppreċeduta minn konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali, permezz ta' proċeduri li rriflettew it-tradizzjoni partikolari ta' kull pajjiż[15]. L-imsieħba soċjali kellhom rwol deċiżiv fil-Belġju, fejn id-Direttiva kienet trasposta permezz ta' ftehim kollettiv fuq il-livell tal-Istat, flimkien ma' leġiżlazzjoni, u fl-Italja fejn l-imsieħba soċjali ffirmaw opinjoni komuni li ffurmat il-bażi għal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-moviment kooperattiv kien assoċjat mal-proċess. It-transpożizzjoni tad-Direttiva ma waslitx għal dibattiti pubbliċi kbar.

Rigward il-kwalità tal-implimentazzjoni, l-istudji msemmijin hawn fuq imwettqa minn esperti indipendenti jikkonkludu li, f'termini ġenerali, il-miżuri implimentattivi nazzjonali jsegwu mill-qrib, ta' spiss litteralment, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u li t-traspożizzjoni ma wriet l-ebda irregolaritajiet serji. Madankollu, jinnotaw ċertu diffikultajiet, omissjonijiet, nuqqasijiet, varjazzjonijiet jew żidiet[16] li jirrikjedu eżami ulterjuri mill-Kummissjoni.

IL-KONTENUT TAD-DIRETTIVA HUWA TA' SPISS TRASPOST VERBATIM

Il-prijorità għan-negozjati u mod alternattiv għal xi SCE "ex novo"

Il-prinċipju fundamentali u l-għan iddikjarat ta' din id-Direttiva huwa li jiġu żgurati d-drittijiet tal-impjegati fir-rigward tal-involviment fid-deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwawhom. Id-drittijiet tal-impjegati fis-seħħ qabel l-istabbiliment tagħha għandhom jipprovdu l-bażi għad-drittijiet tal-involviment tal-impjegati fl-SCE (il-prinċipju ta' 'qabel u wara'). Dan il-għan jiġi segwit primarjament permezz ta’ ftehim innegozjat bejn il-maniġment tal-entitajiet legali kkonċernati u r-rappreżentanti tal-impjegati. Fin-nuqqas ta’ ftehim fi żmien perjodu ta’ sitt xhur (li, bi qbil, jista’ jiġi estiż sa 12-il xahar), id-Direttiva tistabbilixxi ġabra ta’ regoli standard. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-impjegati jistgħu jiddeċiedu li ma jiftħux in-negozjati jew li jtemmu n-negozjati, u jserrħu fuq ir-regoli dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fis-seħħ fl-Istati Membri fejn l-SCE għandha l-impjegati.

Din il-prijorità mogħtija lin-negozjati tirreplika s-sistema stabbilita fil-kuntest tal-Kumpanija Ewropea (SE). Madankollu, id-Direttiva tistabbilixxi mekkaniżmu alternattiv relatat mal-possibbiltà li jinħolqu SCE " ex-novo ". L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi fil-każ ta' SCE stabbiliti esklussivament minn persuni fiżiċi jew minn entità legali unika u persuni fiżiċi, li flimkien jimpjegaw inqas minn 50 impjegat, jew li jimpjegaw 50 impjegat jew aktar fi Stat Membru wieħed biss. F'tali każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-involviment ta' impjegati li japplikaw għal entitajiet oħra tal-istess tip li jinsabu fl-istess Stati Membri għandhom jiġu applikati lill-SCE, is-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha (ara 3.5).

Il-proċedura tan-negozjati transnazzjonali

Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-proċedura tan-negozjati hija dik tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-SCE. Għall-bidu tan-negozjati, hija r-responsabbiltà tal-maniġment jew il-korpi amministrattivi tal-entitajiet legali li qegħdin jieħdu sehem fit-twaqqif ta’ SCE biex jieħdu l-passi neċessarji hekk kif ikunu fasslu pjan biex tiġi stabbilita l-SCE. Fil-miżuri implimentattivi tagħhom, bosta Stati Membri jmorru lil hinn mit-termini ġenerali tad-Direttiva f'dan ir-rigward [17].

Għall-iskop tan-negozjati, għandu jinħoloq korp speċjali tan-negozjati (minn hawn 'il quddiem "KSN") li jirrappreżenta lill-impjegati. Il-membri tal-KSN għandhom jiġu eletti jew maħtura fi proporzjon mal-għadd ta’ impjegati f’kull Stat Membru mill-entitatjiet legali parteċipanti u s-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħhom[18]. Il-metodu li għandu jintuża għall-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri li għandhom jiġu eletti jew maħtura fit-territorju tagħhom huwa f’idejn l-Istati Membri. Xi Stati Membri ma kkonformawx mar-rekwiżit tad-Direttiva li l-metodi użati għandhom jipprovaw jiksbu l-bilanċ bejn is-sessi fil-KSN[19]. Id-Direttiva tindirizza s-sitwazzjoni meta jibdew in-negozjati, iżda ma tipprovdix għal każijiet fejn iseħħ tibdil f’din is-sitwazzjoni inizjali qabel ma jintemmu n-negozjati. Minkejja dan, bosta Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet sabiex jindirizzaw tibdil bħal dan[20].

Ir-rwol tal-KSN huwa li jinnegozja l-arranġamenti għall-involviment tal-impjegati fi ħdan l-SCE mal-korpi kompetenti tal-entitajiet parteċipanti. Madankollu, jista’ jiddeċiedi li ma jinfetħux in-negozjati jew li jiġu mitmuma negozjati li diġà nbdew. Filwaqt li l-prinċipju li jirregola l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-KSN huwa maġġoranza assoluta doppja (maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu, li tirrappreżenta maġġoranza assoluta tal-impjegati), fil-każ tal-aħħar tinħtieġ maġġoranza kwalifikata trippla (jiġifieri żewġ terzi tal-membri li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-impjegati, inklużi l-voti tal-membri li jirrappreżentaw lill-impjegati f’mill-inqas żewġ Stati Membri). Din il-maġġoranza trippla tinħtieġ ukoll (b’ċerti kundizzjonijiet addizzjonali) meta r-riżultat tan-negozjati jkun tnaqqis tad-drittijiet tal-parteċipazzjoni.

L-ispejjeż marbuta man-negozjati jiġġarrbu mill-entitajiet legali parteċipanti. Bosta Stati Membri implimentaw din id-dispożizzjoni billi llimitaw dawn l-ispejjeż għal dawk li kienu raġonevoli, essenziali jew neċessarji skont il-piż ekonomiku impost fuq l-entitajiet parteċipanti. F'oħrajn, tfasslet lista indikattiva jew mifutħa tal-ispejjeż. Xi liġijiet ta' traspożizzjoni jinkludu ż-żewġ mudelli[21]. Barra minn hekk, tliet Stati Membri stabbilixxew kriterju biex jinqasmu dawn l-ispejjeż bejn l-entitajiet parteċipanti[22].

Il-KSN jista' jitlob l-għajnuna ta' esperti li jagħżel hu għall-iskopijiet tan-negozjati. Bi ftit eċċezzjonijiet[23], il-liġijiet nazzjonali llimitaw in-numru ta’ esperti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-kumpaniji parteċipanti għal wieħed, kif permess mid-Direttiva.

Awtonomija tal-partijiet rigward il-kontenut tal-ftehim

Wieħed mill-prinċipji ewlenin tad-Direttiva huwa li l-partijiet jitħallew jiddefinixxu liberament ir-regoli li sejrin jorbtuhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-involviment tal-impjegati. Id-Direttiva turi b'mod ċar li l-ftehim mhuwiex soġġett għar-regoli standard sakemm ma tipprevedix mod ieħor. Il-miżuri implimentattivi nazzjonali kollha jsegwu din il-linja[24].

Sabiex il-partijiet tan-negozjati jiġu megħjuna, id-Direttiva fiha lista ta’ punti li għandhom jiġu indirizzati fil-ftehim. Din il-lista tinkludi l-proċeduri għan-negozjar mill-ġdid tal-ftehim, fejn xieraq, fil-każ li jsiru xi tibdiliet strutturali wara l-ħolqien tal-SCE. Din hija żieda importanti għal listi simili inklużi fid-Direttiva SE u fid-Direttiva 94/45/KE dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej (EWC) [25].

Madankollu hemm żewġ limitazzjonijiet importanti għall-awtonomija tal-partijiet. Fejn SCE tkun stabbilita permezz ta' trasformazzjoni, il-ftehim għandu jipprevedi għal mill-inqas l-istess livell tal-elementi kollha tal-involviment tal-impjegati bħal dawk li jeżistu fi ħdan il-kooperattiva li għandha tinbidel f'SCE[26]. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġi previst li l-impjegati jkunu intitolati jieħdu sehem sħiħ fil-laqgħat ġenerali, li ġiet miżjuda mid-Direttiva mal-punti li jista' jintlaħaq qbil fuqhom, hija limitata mill-Artikolu 9 tad-Direttiva (ara 3.6).

Regoli standard li għandhom jiġu applikati fin-nuqqas ta' ftehim

Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli standard

Ir-regoli standard japplikaw biss b’mod sussidjarju, jiġifieri (a) jekk il-partjiet tan-negozjati jaqblu, jew (b) jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim sal-iskadenza ta’ sitt xhur (f'ċerti ċirkostanzi, sena) u, min-naħa tal-entitajiet parteċipanti, jekk il-korpi komponenti tagħhom jiddeċiedu li jkomplu bir-reġistrazzjoni tal-SCE u, min-naħa tal-impjegati, jekk il-KSN ma jkunx iddeċieda jew li ma jiftaħx negozjati jew li jtemm in-negozjati diġà miftuħa.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-impjegati, u fil-każijiet li mhumiex dawk ta' transformazzjoni, id-Direttiva tistabbilixxi perċentwal minimu ta' ħaddiema li huma koperti bil-parteċipazzjoni (25% fil-każ ta' fużjoni u 50% fil-każijiet l-oħra kollha) biex japplikaw ir-regoli standard. Madankollu, anki jekk dawk il-perċentwali ma jintlaħqux, tkun biżżejjed deċiżjoni mill-KSN biex jiġu applikati r-regoli standard. Kważi[27] l-Istati Membri kollha segwew dawn ir-regoli u l-ebda wieħed minnhom ma uża l-għażla offruta mid-Direttiva biex ma japplikax ir-regoli standard fil-parteċipazzjoni fil-każ ta' fużjoni.

Il-korp li jirrappreżenta l-impjegati

Fir-regoli standard, l-impjegati jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom biex ikunu involuti fl-SCE permezz ta' Korp Rappreżentattiv (minn hawn 'il quddiem "KR"). Il-KR huwa magħmul minn impjegati tal-SCE u s-sussidjarji u stabbilimenti tagħha eletti jew maħtura mir-rappreżentanti tal-impjegati bi proporzjoni mal-għadd tal-impjegati tagħhom f'kull Stat Membru[28]. L-għamla tiegħu għandha tiġi adattata biex tqis it-tibdiliet li jseħħu fl-SCE u s-sussidjarji u stabbilimenti tagħha. Erba' snin wara l-istabbiliment tiegħu, għandu jiġi deċiż jekk in-negozjati għandhomx jinfetħu fuq il-konklużjoni ta' ftehim jew jekk wieħed għandux ikompli taħt ir-regoli standard.

Filwaqt li t-transpożizzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ġiet żgurata f'termini ġenerali mill-Istati Membri, ġew skoperti xi omissjonijiet fir-rigward tal-kumitat ta' għażla li għandu jiġi elett meta d-daqs tal-KR jeħtieġ hekk, l-intitolament tal-membri tal-KR għal ħin liberu mingħajr telf tas-salarji u l-adattament għat-tibdiliet[29]. Hemm varjazzjonijiet fid-daqs tal-KR meħtieġ biex jidba l-istabbiliment ta' kumitat ta' għażla. Fir-rigward tad-dritt tal-KR li jiġi megħjun minn esperti magħżula minnu, il-maġġoranza tal-Istati Membri użaw il-possibbiltà li jillimitaw l-iffinanzjar mill-SCE lil espert wieħed, bl-istess mod bħal dak għall-KSN.

Konsultazzjoni u informazzjoni transnazzjonali

Safejn għandhom x’jaqsmu l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, il-kompetenza tal-KR hija limitata għal kwistjonijiet ta’ natura transkonfinali. Sabiex tiġi eżerċitata din il-kompetenza, il-KR għandu d-dritt li jagħmel laqgħa mal-korp kompetenti tal-SCE mill-inqas darba fis-sena fuq il-bażi ta’ rapporti regolari mfassla mill-korp kompetenti dwar l-iżvilupp tan-negozju, l-impjiegi u l-organizzazzjoni tal-SCE. Barra minn hekk, il-KR huwa intitolat li jirċievi informazzjoni meta jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jaffettwaw ħafna l-interessi tal-impjegati; li jitlob li ssir laqgħa straordinarja sabiex ikunu infurmati u kkonsultati; u li jesprimi opinjoni. Tista’ tintalab li ssir laqgħa oħra jekk din l-opinjoni ma tiġix rispettata mill-SCE. Il-miżuri implimentattivi nazzjonali ma juru l-ebda karatteristiċi speċifiċi f'dan ir-rigward.

Il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-livell tal-bord

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-impjegati, ir-regoli standard jipprevedu prinċipalment li l-livell ta’ parteċipazzjoni fl-SCE jiġi ddeterminat mil-livell ta’ parteċipazzjoni li kien hemm fl-entitajiet parteċipanti qabel ma ġiet stabbilita l-SCE. Għalhekk, jekk l-ebda waħda mill-entitajiet parteċipanti ma kienet irregolata bir-regoli tal-parteċipazzjoni qabel ir-reġistrazzjoni tal-SCE, din tal-aħħar ma għandhiex għalfejn tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-impjegati.

Meta jkun hemm forom differenti ta' parteċipazzjoni, il-KSN għandu jiddeċiedi liema minn dawn il-forom għandhom japplikaw għall-SCE. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jużaw l-għażla li jadottaw regoli fissi f'dan ir-rigward, l-aktar billi jagħżlu l-iskema ta' parteċipazzjoni li tkopri l-akbar għadd ta' impjegati.

Dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għall-SCE stabbiliti ex novo u li jimpjegaw inqas minn 50 impjegat jew 50 impjegat jew aktar fi Stat Membru wieħed biss

Bil-kontra tal-SE, l-SCE jistgħu jiġu stabbiliti " ex novo ", minn persuni fiżiċi jew minn entità legali unika u persuni fiżiċi. L-Artikolu 8 tad-Direttiva jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi f'tali każ. Meta SCE waħda timpjega inqas minn 50 impjegat, jew timpjega 50 impjegat jew aktar fi Stat Membru wieħed biss, m'hemm l-ebda proċess ta' negozjar obbligatorju u d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-involviment tal-impjegati li japplikaw għal entitajiet oħra tal-istess tip li jinsabu fl-istess Stat Membri għandhom jiġu applikati għall-SCE u s-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha. Madankollu, jekk tkun rikjesta minn terz tal-impjegati jew jekk il-limitu ta' 50 impjegat jintlaħaq wara r-reġistrazzjoni tal-SCE, titnieda proċedura ta' negozjar. Hemm dispożizzjoni speċifika biex tinżamm il-parteċipazzjoni meta s-siġġu tal-SCE jiġi trasferit lil Stat Membru ieħor. B'mod ġenerali, l-Istati Membri ttrasponew dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda verbatim .

Intitolament limitat għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat ġenerali bi dritt għall-vot

L-Artikolu 9 tad-Direttiva jipprevedi metodu ġdid għall-involviment tal-impjegati meta mqabbel mad-Direttivi l-oħra f'dan il-qasam: jiġifieri l-intitolament tal-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom li jipparteċipaw fil-laqgħa ġenerali, jew laqgħa tat-taqsima jew settorjali jekk teżisti, bi dritt għall-vot. Dan iseħħ fil-każ ta' trasformazzjoni, billi jiġu applikati regoli standard fejn tali parteċipazzjoni kienet preżenti fil-kooperattiva(i) parteċipanti, jew permezz ta' ftehim.

Madankollu, l-intitolament għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat ġenerali huwa soġġett għal-limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 59(4) tar-Regolament: jiġifieri li l-possibbiltà ta' tali parteċipazzjoni kienet rikonoxxuta minn dispożizzjonijiet nazzjonali qabel Awwissu 2003. Tliet Stati Membri biss huma f'dik is-sitwazzjoni: Id-Danimarka, li għaliha l-parteċipazzjoni hija prattika komuni, l-Ungerija u l-Lussemburgu. L-Istati Membri kollha għajr seba' minnhom[30] intrabtu biex jittrasponu dan l-Artikolu verbatim .

Dispożizzjonijiet komuni tad-Direttivi li jirrigwardjaw l-involviment tal-impjegati

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mhumiex differenti minn dawk tad-Direttivi l-oħra li jirrigwardaw l-involviment tal-impjegati fir-rigward tad-definizzjonijiet, ir-riżerva u l-kunfidenzjalità, l-ispirtu ta' kooperazzjoni li hija l-bażi tar-relazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-impjegati u l-korp kompetenti tal-SCE, u wkoll il-protezzjoni u l-garanziji pprovduti għar-rappreżentanti tal-impjegati. L-Istati Membri implimentawhom bl-istess mod ukoll. Il-Kummissjoni tirreferi għal rapporti preċedenti f'dan il-qasam (ara l-introduzzjoni).

KWISTJONIJIET IMQAJMA MILL-IMPLIMENTAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA

Nuqqas ta' esperjenza

Sa fejn taf il-Kummissjoni, sbatax-il SCE biss kienu ġew stabbiliti sat-8 ta' Mejju 2010, u l-ebda waħda minnhom ma kellha għadd sinifikanti ta' impjegati[31]. Anke jekk, skont l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-kooperattivi, jiġu stabbiliti SCE oħra, l-esperjenza kemm tal-implimentazzjoni kif ukoll tal-applikazzjoni tad-Direttiva hija nieqsa.

Kumplessità tal-proċess.

Il-fehim tad-dispożizzjonijiet implimentattivi nazzjonali kemm tar-Regolament kif ukoll tad-Direttiva jista' jkun ta' sfida għal organizzazzjonijiet iżgħar[32]. Rigward id-Direttiva, l-eżistenza ta' żewġ rotot differenti li jirregolaw l-involviment tal-impjegati fl-SCE - negozjar jew regoli nazzjonali - kif ukoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni f'assembleji ġenerali jeħtieġ li jiġu mifhuma sewwa. Madankollu, billi l-Istati Membri ttrasponu kważi litteralment id-Direttiva f'liġijiet speċifiċi, l-implimentazzjoni ma żżidx mal-kumplessità. Barra minn hekk, l-atturi soċjali involuti fil-moviment kooperattiv u fil-moviment tat-trejdjunjin jenfasizzaw li l-kumplessità qiegħda fl-istatut, u ħadu azzjonijiet mill-2006, ta' spiss bis-sostenn finanzjarju tal-Unjoni, mfassla biex iħejju l-istabbiliment ta' mekkaniżmi għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-SCE.

L-ispeċifitajiet tal-kooperattivi

Il-kooperattivi huma differenti mill-kumpaniji b'azzjoni limitata f'bosta aspetti. Għandhom il-leġiżlazzjoni tagħhom stess, li hija differenti mil-liġi tal-kumpanija f'xi Stati Membri, u jistgħu jkunu kwalifikati bħala assoċjazzjonijiet ċivili milli kumpaniji taħt il-liġi nazzjonali[33], b'xi liġijiet speċifiċi li japplikaw għal ċertu tipi ta' kooperattivi (tal-agrikoltura, tad-djar, tal-kreditu jew tas-saħħa). Fir-rigward tar-relazzjonijiet individwali ta' xogħol, ma tidher l-ebda differenza għall-aspetti l-aktar rilevanti. Madankollu, hemm xi karatteristiċi speċifiċi fir-rigward tar-relazzjonijiet kollettivi, biex jibbilanċjaw id-differenza bejn il-ħaddiema li huma membri tal-kooperattiva u dawk li mhumiex. Filwaqt li dawn l-ispeċifitajiet ma jqajmu l-ebda problema partikolari fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, huma jippreżentaw stampa aktar kumplessa fir-rigward tal-ftehimiet kollettivi jew il-parteċipazzjoni fuq livell tal-bord[34].

Tqajjem xi tħassib minn movimenti kooperattivi nazzjonali li l-SCE tista' ddgħajjef il-prinċipji tal-kooperattiva, iżda dan it-tħassib jiffoka fuq l-istatut innifsu, mhux fuq l-involviment tal-impjegati. L-esperti indipendenti identifikaw impatt pożittiv tat-transpożizzjoni tad-Direttiva fuq il-Liġi tal-Xogħol u fuq il-Liġi Kooperattiva. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-implimentazzjoni tad-Direttiva aġixxiet bħala inċentiv għal xogħol u żviluppi konġunti[35] bejn it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-kooperattivi fuq livell nazzjonali u Ewropew.

Kwistjonijiet komuni dwar l-involviment transnazzjonali tal-impjegati

Xi kwistjonijiet huma komuni fid-Direttivi varji[36] li jirrigwardjaw l-involviment transnazzjonali tal-impjegati u b'mod partikolari fid-Direttiva 2001/86/KE (id-Direttiva SE).

Rigward l-użu ħażin tal-proċeduri, l-esperti indipendenti[37] jindikaw li bosta Stati Membri[38] ma ttrasponux l-Artikolu 13 tad-Direttiva li jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa bil-għan li jiġi evitat l-użu ħażin ta' SCE bl-iskop li l-impjegati jiċċaħħdu mid-drittijiet tagħhom ta' involviment jew li jitneħħew tali drittijiet. Bħal ma kien il-każ għad-Direttiva SE[39], il-Kummissjoni tqis li din hija raġuni possibbli għal tħassib.

Il-protezzjoni tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni meta kumpanija jew Soċjetà Kooperattiva Ewropea tinbidel f'kumpanija jew kooperattiva ta' statut nazzjonali, tqajmet fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva SE[40]. Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, id-Direttiva 2005/56/KE dwar fużjonijiet transkonfinali tobbliga lill-kumpanija tadotta forma legali li tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni[41].

L-esperti indipendenti jindikaw in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet fid-Direttiva fir-rigward tas-saħħa eżekutorja tal-ftehim dwar l-involviment tal-impjegati[42]. It-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej wassal għal approċċi ġodda f'dan il-qasam, għaliex ir-rappreżentanti tal-impjegati sejrin ikollhom il-mezzi meħtieġa biex japplikaw id-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva biex jirrappreżentaw b'mod kollettiv l-interessi tal-impjegati.

Il-kwistjonijiet relatati mad-definizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva, bħal pereżempju "ir-rappreżentanti tal-impjegati", "l-involviment tal-impjegati", "l-informazzjoni", "il-konsultazzjoni", "il-parteċipazzjoni", "l-entitajiet legali parteċipanti" jitqajmu bl-istess mod bħal dawk tad-Direttivi l-oħra, b'mod partikolari fid-DirettivaSE 2001/86/KE. Hemm possibbiltà ta' approċċ aktar koerenti għal dawn id-definizzjonijiet bejn id-Direttivi.

KONKLUżJONIJIET

Id-Direttiva ġiet trasposta fl-Istati Membri kollha minn Marzu 2009 biss. Għalhekk hemm nuqqas ta' esperjenza fl-applikazzjoni prattika tad-Direttiva.

Barra minn hekk, id-Direttiva mhijiex biċċa leġiżlazzjoni li għandha tintuża waħedha. Hija taħdem flimkien mar-Regolament SCE u turi xebh kbir ma' Direttivi oħra li jirregolaw l-involviment tal-impjegati, bħal pereżempju d-Direttiva SE. Il-Kummissjoni temmen li r-riżultat tal-evalwazzjoni ta' dawn id-Direttivi u tar-Regolament għandu jitqies qabel it-tnedija ta' kwalunkwe proċess ta' reviżjoni fil-ġejjieni.

Dawn il-konklużjonijiet jaqblu magħhom l-Istati Membri[43] u l-imsieħba soċjali[44] kollha li esprimew l-opinjonijiet tagħhom fil-proċess ta' konsultazzjoni biex jitfassal dan ir-rapport.

Huwa neċessarju li wieħed jinvestiga r-raġunijiet tal-użu baxx ħafna tal-qafas legali tal-UE għall-kooperattivi, qabel ma jsiru passi lejn reviżjoni tad-Direttiva.

Dan ir-Rapport identifika xi kwistjonijiet[45] li jixirqilhom jitqiesu iktar. Il-Kummissjoni sejra tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni t-tajba tad-Direttiva, u tippromwovi l-bini tal-ħiliet tal-partijiet interessati[46].

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati, ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25 .

[3] Involviment tal-impjegati jfisser kull mekkaniżmu, inklużi t-tagħrif, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, li permezz tagħhom ir-rappreżentanti tal-impjegati jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet meħuda f'impriża (l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva).

[4] Rapporti nazzjonali magħmula minn Labour Asociados (UE25 fl-2006-2008) u Milieu (BG, RO) fl-2009, Rapport ta' sinteżi dwar l-UE25 magħmul minn Labour Asociados fl-2007

[5] Tweġibiet għall-konsultazzjoni waslu mingħand BG, CY, CZ, DE, EE, EL, ES, FI, FR, HU, IT, LT, LU, LV, PL, PT, SE; BusinessEurope, ETUC, UEAPME

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema, ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

[7] BG, EE, ES, FI

[8] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema, COM(2008)591 finali tat-30.9.2008

[9] Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea, ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reviżjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE fl-UE, COM(2008)146 finali tas-17.3.2008

[10] Id-dokumenti ta’ ħidma u l-minuti tal-Grupp jistgħu jinstabu fil-websajt: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=707&langId=en&intPageId=213

[11] AT, BG, CZ, DE, DK, FI, HU, NL, PL, SE, SI, UK

[12] Id-dettalji tal-miżuri implimentattivi Nazzjonali jistgħu jinstabu fuq il-websajt:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=707&langId=en&intPageId=213 .

[13] Stat Membru wieħed kien ħa miżuri implimentattivi sad-data ta' skadenza iżda ma kienx innotifikahom lill-Kummisjoni

[14] Kawżi C-92/08 għall-BE; Kawżi C-82/08 għall-EL; C-70/08 għall-LU li nqatgħet fid-9 ta' Ottubru 2008

[15] Fl-NL: l-ebda konsultazzjoni speċifika tal-imsieħba soċjali dwar id-Direttiva 2003/72/KE; fil-UK: konsultazzjoni pubblika; fl-ES: konsultazzjoni konġunta dwar id-Direttivi 2003/72/KE u 2001/86/KE

[16] L-organizzazzjoni tal-membri BusinessEurope CIP ikkunsidrat li l-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jmorru lil hinn mid-Direttiva f'bosta oqsma.

[17] Il-kwantità ta' informazzjoni minn qabel li għandha tiġi pprovduta: CZ, IE, LT, PL, SI; Informazzjoni lill-impjegati fejn ma teżisti l-ebda rappreżentanza CZ, DE, IE, LT, NL, PT, SI, UK; Perjodu massimu biex jinbdew in-negozjati: ES, LT; iżda l-ebda referenza għal "malajr kemm jista' jkun" fil-PT

[18] Siġġijiet addizzjonali għar-rappreżentanza tal-impjegati fil-każ ta' fużjonijiet huma wkoll previsti fid-Direttiva. Dan l-element ma ġiex implimentat fl-RO

[19] FR, LU, MT, RO, SK

[20] CZ, DE, ES, HU, LV, MT, PL, SI, SK SE, UK.

[21] L-ispejjeż għandhom ikunu raġonevoli (EE, MT, UK), essenzjali (NL), neċessarji (SE), iġġustifikati u neċessarji (HU) jew xierqa (AT, DK, FI, SI); Lista tal-ispejjeż (BE, CY, ES, IT, LT, LV, PT, SK); Iż-żewġ mudelli (CZ, DE, PL)

[22] LV, PL, PT

[23] DE, SE; fil-BE, ftehim aktar favorevoli jista' jipprevedi mod ieħor; fl-LV, l-ispejjeż ta' "mill-inqas" espert wieħed għandhom jiġu koperti.

[24] Madankollu b'differenza għall-ES: id-dispożizzjonijiet standard japplikaw ukoll fejn il-ftehim "ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika"

[25] MT, RO ma jinkludux dan l-adattament fil-lista

[26] Id-DE żżid l-istess limitazzjoni fejn il-kooperattiva tbiddel minn struttura tal-maniġment dualistika għal monistika jew bil-kontra

[27] Is-CY japplika l-perċentwal ta' 50% lill-fużjonijiet ukoll; L-UK ma jagħmel l-ebda referenza għat-trasformazzjoni (madankollu, billi l-UK m'għandux sistema ta' parteċipazzjoni fil-livell tal-bord, ir-riskju li kooperattiva bil-parteċipazzjoni titlef l-iskema ta' parteċipazzjoni tagħha skont ir-regoli standard waqt li tkun qed tinbidel f'SCE huwa limitat ħafna)

[28] Id-dispożizzjonijiet tad-DE jqisu l-impjegati tal-grupp kollu

[29] L-ebda laqgħa interna tal-kumitat ta' għażla fl-SK, l-ebda ħin liberu għat-taħriġ mingħajr telf tas-salarji fil-PT u l-UK, l-ebda adattament fil-UK

[30] CY, DE, EE, PT, RO, SK, UK li d-dispożizzjonijiet tagħhom ma rrikonoxxewx tali parteċipazzjoni

[31] Riżultati preliminarji ta' studju mwettaq għall-Kummissjoni minn Cooperatives Europe, EURICSE u EZAI Foundation 17-il SCE rreġistrati (1 fl-2006, 5 fl-2008, 7 fl-2009 u 4 fil-bidu tal-2010) f'9 Stati Membri (5 fl-IT, 3 fl-SK, 2 fl-HU, 2 fil-BE, 1 fid-DE, LIE, NL, ES, SE) b'total ta' 32 impjegat.

[32] L-organizzazzjoni tal-membri BusinessEurope SN innotat li "għalkemm il-mekkaniżmu jista' jitqies pjuttost ikkumplikat, sar forma ta' proċedura standard għall-parteċipazzjoni tal-impjegati", li kienet qiegħda tiġi organizzata b'mod ġenerali bl-istess mod bħal dak għall-SE.

[33] Leġiżlazzjoni tagħhom stess fl-ES, HU, PL, PT, SE assoċjazzjonijiet ċivili fl-NL

[34] Pereżempju fis-CY ftehimiet privati u mhux kollettivi; fl-HU l-ebda parteċipazzjoni fuq livell tal-bord

[35] L-aktar permezz ta' proġetti ffinanzjati skont il-linja baġitarja 04.03.03.03

[36] Id-Direttiva 94/45/KE mfassla mill-ġdid mid-Direttiva 2009/38/KE dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej, id-Direttiva SE 2001/86/KE - ara hawn fuq; id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata, ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

[37] Ara r-referenza għall-Istudji magħmula minn Labour Asociados u Milieu fin-nota fil-qiegħ tal-paġna 4

[38] EL, HU, IE, NL, SI; jeħtieġ li jsir investigazzjoni ulterjuri għal BG, CZ, LV u PT

[39] Ara l-punt 3.6 tar-rapport COM(2008)591

[40] Ara l-punt 4.4 tar-rapport COM(2008)591

[41] L-SE nnutat ukoll li ideat ġodda dwar il-mod kif wieħed għandu jindirizza bidliet importanti fir-rigward tal-għadd ta' impjegati wara l-ħolqien ta' kumpanija skont statut Ewropew tqajmu wkoll fil-kuntest tad-diskussjoni fil-Kunsill tal-2009 dwar l-Artikolu 35 tal-proposta għal Regolament dwar Kumpanija Privata Ewropea.

[42] Madankollu l-mizuri implimentattivi nazzjonali ta' ES u PT jipprevedu l-effikaċja legali tal-ftehim.

[43] Ara l-lista ta' tweġibiet fil-punt 1 (introduzzjoni); xi Stati Membri jqisu li kull proċess ta' reviżjoni fil-ġejjieni għandu jiffoka fuq r-Regolament u l-kunċett tas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea, milli fuq id-Direttiva.

[44] L-ETUC tqis li m'hemmx bżonn li tiġi ssimplifikata d-Direttiva u li, jekk issir reviżjoni tar-Regolament, ikun jeħtieġ li jiġu kkonsultati l-imsieħba soċjali. L-organizzazzjoni tal-membri BusinessEurope CIP tqis li kwalunkwe reviżjoni tal-leġiżlazzjoni għandha tevita li toħloq piż addizzjonali għan-negozju.

[45] B'mod partikolari dwar il-proċedura tan-negozjar transnazzjonali, l-użu ħażin tal-proċeduri u l-kwistjonijiet transversali bejn id-Direttivi dwar l-involviment tal-impjegati.

[46] Il-Kummissjoni tippromwovi azzjonijiet b’dawn l-għanijiet, b'mod partikolari taħt l-intestatura tal-baġit 04.030303 — Informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-impriżi.

Top