Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0474

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI dwar l-iżvilupp ta' Żona Unika Ferrovjarja Ewropea

/* KUMM/2010/0474 finali */

52010DC0474




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.9.2010

KUMM(2010) 474 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI dwar

l-iżvilupp ta' Żona Unika Ferrovjarja Ewropea

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI dwar

l-iżvilupp ta' Żona Unika Ferrovjarja Ewropea

1. DAĦLA

1.1. Sfond

Tul l-aħħar żewġ sekli, it-trasport bil-ferrovija fl-Ewropa żviluppa primarjament bejn il-fruntieri nazzjonali, fejn kull Stat stabbilixxa s-sistema ferrovjarja tiegħu abbażi tal-kunsiderazzjonijiet lokali u l-industriji nazzjonali flimkien ma' kumpaniji ferrovjarji li adottaw l-istandards tekniċi u tal-operat tagħhom stess. Evoluzzjoni bħal din wasslet għal frammentazzjoni strutturali tas-sistema ferrovjarja Ewropea li sal-lum għadha ostakolu ewlieni għall-iżvilupp ta' żona unika ferrovjarja Ewropea. Din il-frammentazzjoni twassal għal problemi serji ta' effiċjenza, flessibbiltà u affidabbiltà b'mod partikolari għall-ġarr tal-merkanzija kif ukoll għall-ispejjeż kbar tal-operat li ma jħallux lis-servizzi ferrovjarji jkunu kompetituri kredibbli mal-mezzi l-oħra tat-trasport u li ma jħeġġux lill-operaturi l-ġodda fis-suq ferrovjarju jagħmlu investimenti privati.

Wara li l-industrija ferrovjarja Ewropea kienet ilha perjodu twil ta' żmien sejra lura, mis-sena 2000 'il quddiem irnexxielha żżid l-għadd ta' passiġġieri u l-volumi ta' ġarr tal-merkanzija u tistabbilizza s-sehem modali tagħha. It-tnaqqis f'daqqa tal-impjiegi fis-settur ferrrovjarju kien ukoll batta ftit qabel ma faqqgħet il-kriżi, minħabba li l-ħolqien ta' impjiegi f'kumpaniji stabbiliti ġodda li huma responsabbli mill-ferroviji u li jipprovdu s-servizzi ferrovjarji patta għal parti mit-telf tal-impjiegi. Is-sikurezza wkoll tjiebet b'mod sinifikanti. Fil-pajjiżi tal-UE-15, l-għadd medju ta' passiġġieri ferrovjarji li tilfu ħajjithom f'inċidenti niżel minn 104 bejn l-2000 u l-2002 għal 47 matul il-perjodu bejn l-2005 u l-2007; l-istess xejriet ġew osservati fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE-12.

Minkejja dawn ix-xejriet li ġew osservati ma kienx possibbli li jitjieb is-sehem modali kumplessiv tal-ġarr tal-merkanzija u tal-passiġġieri ferrovjarji skont il-miri stipulati fil-White Paper dwar it-Trasport tal-2001. Barra minn hekk, is-sehem tas-suq tal-azjendi responsabbli mill-ferroviji u tal-operaturi l-ġodda juri li r-riżultat li hu mistenni mill-ftuħ tas-suq fadallu biex jimmaterjalizza għax il-proċess sar bil-mod. Filwaqt li s-sehem tas-suq tal-operaturi li mhumiex responsabbli mill-ġarr tal-merkanzija bil-ferroviji żdied b'40% fi tliet Stati Membri (ir-Rumanija, ir-Renju Unit u l-Estonja) fi tmiem l-2008, għad hemm sitwazzjonijiet monopolistiċi f'ħafna Stati Membri kemm fis-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri. B'mod ġenerali, f'pajjiżi fejn il-ftuħ tas-suq sar b'pass iktar mgħaġġel u l-operaturi l-ġodda akkwistaw ishma ikbar tas-suq, is-suq tal-ġarr tal-merkanzija wkoll sar iktar stabbli.

Madankollu, il-problemi dwar il-kwalità (b'mod partikolari fir-rigward tal-affidabbiltà) juru li minkejja l-potenzjal għat-tkabbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-ostakoli ambjentali li qegħdin dejjem jiżdiedu, is-suċċess tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferroviji f'partijiet oħra tad-dinja, u d-domanda ċara min-naħa taċ-ċittadini u tal-baħħara biex jagħmlu iktar użu mit-trasport bil-ferroviji, l-industrija tas-servizzi ferrovjarji xorta waħda tiltaqa' ma' diffikultajiet sabiex iżżomm il-pożizzjoni attwali tagħha fis-sistema tat-trasport fl-UE, u iktar u iktar biex ittejjibha.

1.2. Żvilupp tat-traffiku ferrovjarju fl-UE

Wara il-waqgħa ħesrem minn 526.3 għal 403.7 biljun tkm bejn l-1990 u l-2000 (l-iktar minħabba xejra negattiva ħafna fl-UE-12), il-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija fl-UE-27 żdied għal 453.1 biljun tkm fl-2007 (+12.2 %). Bl-istess mod, wara t-tnaqqis f'daqqa li kien hemm id-disgħinijiet (1990s) (minn 420.1 biljun pkm fl-1990 għal 370.7 biljun pkm fl-2000, għal darb'oħra partikolarment minħabba l-UE-12, l-attivitajiet tal-ġarr tal-passiġġieri bil-ferrovija fl-UE-27 tela' għal 395.3 biljun pkm fl-2007 (+6%) minkejja li kien hemm iktar tnaqqis fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (-18.4% fl-UE-12).

Prestazzjoni tal-ġarr tal-merkanzija u tal-passiġġieri bil-ferrovija

eluf ta' miljuni |

1990 | 2000 | 2007 |

|il-ġarr tal-merkanzija(tkm) |il-ġarr tal-passiġġieri(pkm) |il-ġarr tal-merkanzija(tkm) |il-ġarr tal-passiġġieri(pkm) |il-ġarr tal-merkanzija(tkm) |il-ġarr tal-passiġġieri(pkm) | |UE-15 |256.5 |268.9 |257.1 |309.4 |297.1 |345.2 | |UE-12 |269.8 |151.2 |146.6 |61.4 |156 |50.1 | |UE-27 |526.3 |420.1 |403.7 |370.7 |453.1 |395.3 | |Minħabba x-xejra pożittiva bejn l-2000 u l-2007, is-sehem modali tal-ferroviji fil-ġarr bejn il-pajjiżi tal-UE baqa' bejn wieħed u ieħor kostanti mill-2000 il-quddiem. Fil-ġarr tal-merkanzija, il-ferrovija għadha taqdi kważi 11% tal-attività kollha tal-ġarr bejn il-pajjiżi tal-UE. Fil-ġarr tal-merkanzija bl-art jiġifieri, mhux bl-ajru u lanqas bil-baħar, is-sehem ta' das-settur hu kemm kemm iktar minn 17%. Min-naħa tal-passiġġieri, is-sehem tal-ferroviji fil-ġarr bejn il-pajjiżi tal-UE baqa' madwar 6%. Meta wieħed iħares lejn il-mezzi stazzjonati fuq l-art, madwar 7% tal-ġarr tal-passiġġieri jsir bil-ferroviji.

Id-dejta għall-2008 turi tnaqqis ta' madwar 2% fl-attività tal-ġarr tal-merkanzija meta wieħed iqis il-mezzi kollha, partikolarment minħabba li faqqgħet il-kriżi ekonomika fit-tieni nofs ta' dik is-sena. Fil-ġarr tal-passiġġieri, is-settur ferrovjarju rnexxielu jirkupra xi ftit, partikolarment b'riżultat taż-żieda iktar mill-medja fit-traffiku b'veloċità qawwija. Filwaqt li l-qasma modali fil-ġarr tal-merkanzija kważi ma ġiet affettwata xejn bl-iżviluppi li saru fl-2008, il-ġarr tal-merkanzija bil-ferroviji jidher li għadda minn waqgħa iktarx ikbar fl-attività meta mqabbel ma' mezzi oħra waqt il-perjodu li fih iggravat il-kriżi ekonomika fl-2009. Għalhekk, is-sehem modali tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferroviji iktarx inxtorob matul il-perjodu qasir ta' żmien. L-attività tas-servizz tal-passiġġieri wkoll naqset fl-2009, b'mod partikolari l-ivvjaġġar fuq xogħol, iżda jidher li l-ferroviji ma marrux agħar minn mezzi oħra. Il-klima ekonomika attwali tefgħet lura xi wħud mid-dgħufijiet strutturali tas-suq ferrovjarju u aċċellerat il-konsolidazzjoni tas-settur bl-akkwist mill-operaturi fl-2008 u fl-2009, ta' bosta operaturi ġodda tas-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija[1].

1.3. Miri tal-politika ferrovjarja tal-UE

Is-settur ferrovjarju huwa mezz tat-trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, jista' jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' forom ġodda ta' mobbiltà li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jillimita r-riskji tat-tniġġis, konġestjoni u (b'mod partikolari jekk jintuża karburant mhux fossili sabiex jiġi ġġenerat l-elettriku) t-tibdil fil-klima li qegħdin dejjem jiggravaw. Jista' joffri servizzi ta' kwalità għolja, affidabbli, sikuri u ta' sigurtà u b'hekk jiffaċilitaw l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija Ewropea.

Kif uriet il-kriżi tal-irmied tal-vulkan, l-iżvilupp kontinwu tal-mezzi diversi tat-trasport huwa vitali biex tkun żgurata r-reżiljenza tas-sistema Ewropea tat-trasport, li l-ekonomija tagħna tiddependi fuqha. Din id-diversità hija importanti wkoll sabiex tipprovdi għażliet wiesa' sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija. Il-kumpaniji Ewropej tal-manifattura huma fuq quddiem nett fid-dinja tat-teknoloġija ferrovjarja – speċjalment fis-settur tal-veloċità għolja. Il-fatt li l-Ewropa jkollha netwerk ferrovjarju b'saħħtu huwa vitali sabiex wieħed jesponi din it-teknoloġija Ewropea u jħeġġeġ lis-swieq l-oħra jadottawha .

Il-garanzija tal-iżvilupp sħiħ tas-settur ferrovjarju tal-UE hija mira ta' importanza kbira mhux biss biex wieħed jiżgura li t-tkabbir tal-potenzjal tas-settur ferrovjarju jitwettaq imma wkoll tal-politika ekonomika b'mod ġenerali.

B'dawn il-miri fl-isfond, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tistabbilixxi Żona Unika Ferrovjarja Ewropea bbażata fuq netwerk integrat tal-infrastruttura u tagħmir interoperabbli li jippermettu s-servizzi tat-trasport madwar l-Ewropa u l-pajjiżi ġirien mingħajr xkiel. B'hekk, l-operaturi kollha Ewropej tal-ferroviji jkunu f'pożizzjoni li joffru servizzi effiċjenti li jissodisfaw l-aspettattivi tal-passiġġieri u tan-negozju u jkunu jistgħu jikkompetu iktar ma' mezzi alternattivi tat-trasport, b'mod partikolari f'termini ta' prezz, flessibbiltà, perjodu tal-vjaġġ u puntwalità.

Għandhom jittieħdu iktar miżuri bħala parti minn strateġija koerenti li tippromwovi l-iżvilupp ta' infrastruttura effikaċi ferrovjarja tal-UE, li tistabbilixxi suq ferrovjarju attraenti u tassew miftuħ, li tneħħi l-ostakoli amministrattivi u tekniċi, u li tiżgura li tkun fl-istess livell ma' mezzi oħra ta' trasport, biex tingħata spinta lill-kompetittività tas-settur ferrovjarju u lill-fatt li dan is-settur ma jagħmilx ħsara lill-ambjent billi nibnu fuq dak li diġà nkiseb. Din il-komunikazzjoni tagħti ħarsa wiesgħa lejn din l-istrateġija.

2. PROMOZZJONI TAL-IŻVILUPP TA' INFRASTRUTTURA FERROVJARJA EFFIKAĊI

Il-livell ta' investiment fl-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja u l-manutenzjoni għadu mhux biżżejjed f'għadd kbir ta' Stati Membri. F'bosta każijiet, il-kwalità tal-infrastruttura eżistenti għadha sejra lura. Għad mhemmx biżżejjed konnessjonijiet transkonfinali, inklużi n-netwerks ferrovjarji mal-pajjiżi ġirien. Is-sitwazzjoni hija partikolarment ħażina fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-fatt li ma tantx issir manutenzjoni, il-proċess ta' modernizzazzjoni li jimxi bil-mod u l-għadd dejjem jiżdied ta' konġestjonijiet fin-netwerk għandhom effett dirett fuq il-kompetittività tas-settur kollu. F'dan il-kuntest, il-mira tal-politika tal-Kummissjoni Ewropea hi li timmobilizza l-fondi internazzjonali, tal-UE, nazzjonali u dawk privati lejn l-iżvilupp ta' proġetti ġodda ta' ġarr bil-ferroviji, li jiżguraw li l-infrastruttura eżistenti hija miżmuma kif suppost u mtejba bl-aqwa mod possibbli permezz ta' ambjent finanzjarju xieraq li jħeġġeġ lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati jinvestu fis-settur ferrovjarju, u biex ikun iktar faċli li l-infrastruttura tkun adattata għad-domandi speċjalizzati li dejjem qegħdin jikbru, b'mod partikolari biex jiġu żviluppati netwerks b'veloċità qawwija u li jkunu mmirati lejn il-ġarr tal-merkanzija.

2.1. Mobilizzar ta' fondi għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja

B'mod kumplessiv, is-settur ferrovjarju jirċievi parti żgħira biss mill-investiment fl-infrastruttura mill-Istati Membri, filwaqt li l-infrastruttura tat-toroq tibqa' tieħu l-ikbar sehem. Dan l-iżbilanċ jidher partikolarment ċar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. L-Unjoni Ewropea għalhekk iddeċidiet li talloka parti sostanzjali mill-baġit tagħha għat-trasport lill-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja. Interventi diretti ta' dan it-tip jistgħu jindirizzaw in-nuqqas attwali ta' interoperabbiltà ta' netwerks ferrovjarji nazzjonali u l-preżenza ta' konġestjonijiet f'sezzjonijiet transkonfinali. Għandu jkollhom effett ċar ta' ingranaġġ fuq l-investimenti tal-Istati Membri. Skont il-qafas finanzjarju attwali 2007-2013, il-biċċa l-kbira tal-finanzjament għall-proġetti tan-Netwerks Trans-Ewropej għat-Trasport (TEN-T) hu allokat għall-iżvilupp tal-ferroviji (iktar minn 63% tal-investimenti tat-TEN-T: EUR 246 miljun minn EUR 390 miljun. Il-proporzjon tal-finanzjament allokat hu saħansitra ogħla għall-proġetti ta' prijorità tat-TEN-T (iktar minn 83% tal-baġit kollu, b'EUR 129 miljun għall-2007-2013). Iżda strumenti oħra tal-UE – il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u s-self u l-garanziji mill-Bank Ewropew għall-Investiment — qed jagħmlu kontribuzzjonijiet kbar għall-investiment fis-settur ferrovjarju, partikolarment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Madwar EUR 82 biljun mill-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tal-UE (23.8% mill-allokazzjoni kollha) se jintefqu fuq it-trasport bejn l-2007 u l-2013, EUR 23.6 biljun huma allokati għall-infrastruttura ferrovjarja. Għall-pajjiżi li saru Membri meta seħħ it-tkabbir u għall-pajjiżi ġirien, il-finanzjament jista' jiġi mill-Istrument ta' qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) rispettivament.

Żieda oħra fil-finanzjament dirett tal-UE għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja se jkollha tiddependi fuq il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss u fuq il-possibbiltà li jiġu żviluppati strumenti ġodda ta' finanzjament u jiġu mobilizzati riżorsi addizzjonali f'dan il-kuntest. Il-Kummissjoni se tispjega fil-qosor l-approċċ tagħha fil-White Paper li għad trid toħroġ dwar il-Politika dwar it-Trasport tal-UE.

2.2. Żgurar tal-kwalità tal-infrastruttura ferrovjarja permezz ta' ambjent finanzjarju xieraq

Fil-Komunikazzjoni li bagħtet fl-2008 dwar il-kuntratti multiannwali għall-kwalità tal-infrastrutturi ferrovjarji[2], il-Kummissjoni stipulat il-miżuri li l-Istati Membri u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jieħdu biex jiżguraw il-finanzjament sostenibbli tal-infrastruttra ferrovjarja eżistenti. Il-livell ta' intervent pubbliku għandu jkun b'mod partikolari konsistenti bi strateġiji ta' investiment fuq perjodu ta' żmien medju għal twil u għandu jassoċja l-prinċipju tal-ekwilibriju finanzjarju mat-tariffazzjoni tal-ispiża diretta biex servizz ferrovjarju addizzjonali jkun jista' jopera u dan għandu jitqies bħala r-regola (l-irkupru tal-ispiża kollha jista' jitqies biss bħala eċċezzjoni u fuq ċerti kondizzjonijiet).

Il-finanzjament sostenibbli tal-infrastruttura ferrovjarja hija l-mira primarja għalfejn il-Kummissjoni tipproponi bidiliet varji fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-aċċess għas-suq tal-UE. Il-Kummissjoni qed tipprova tistabbilixxi ambjent finanzjarju li jimponi obbligi ċari fuq l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti sabiex jimpenjaw ruħhom għal strateġiji ta' investiment fuq perjodu ta' żmien medju għal twil li jipprovdi prevedibbiltà aħjar tal-opportunitajiet kummerċjali għas-settur ferrovjarju, u li joħloq inċentivi b'saħħithom għall-azjendi ferrovjarji sabiex jinvestu f'teknoloġiji ġodda li jkunu sikuri, interoperabbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent permezz ta' sistemi ta' tariffi iktar effikaċi. Dan għandu jistimula iktar investiment privat u pubbliku fis-settur ferrovjarju f'livell nazzjonali.

2.3. Żvilupp ta' iktar netwerks speċjalizzati

Il-politika tat-TEN-T hija ċentrali għall-iżvilupp ta' linji ferrovjarji iktar veloċi u l-infrastrutturi għall-ġarr fuq skala pan-Ewropea. Wara li żdied konsiderevolment fid-disgħinijiet (1990s), it-tul tan-netwerk b'veloċità qawwija rdoppja bejn l-2001 u l-2007 fl-Ewropa, għal total ta' 5 764 km fl-2008, b'iktar minn 2 500 km ta' linji addizzjonali b'veloċità qawwija taħt kostruzzjoni fil-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi fl-2009. Sal-2007, il-ġarr bil-ferroviji b'veloċità qawwija ammonta għal 23 % tas-suq ferrovjarju kollu tal-passiġġieri fl-UE mkejjel f'termini ta' passiġġieri/kilometri u rnexxielu jerġa' jirbaħ swieq mill-karozzi u l-avjazzjoni.

Bl-istess mod, is-suq tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija dejjem jeħtieġ infrastruttura u prattiki għall-operat li joffru servizz aħjar u iktar affidabbli lill-operaturi tal-ġarr tal-merkanzija. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni, f'Settembru 2008, ħarġet Komunikazzjoni li tagħti d-dettalji dwar il-linji gwida u l-proposti prattiċi sabiex timmonitorja l-kwalità tas-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija[3]; il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dalwaqt jadottaw Regolament li jistabbilixxi netwerk ferrovjarju Ewropew għas-servizzi kompetittivi tal-ġarr tal-merkanzija, li l-Kummissjoni pproponiet f'Diċembru 2008. Il-Kummissjoni se tipproponi iktar miżuri jekk l-iżvilupp tas-suq tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija jibqa' ma jkunx sodisfaċenti.

Permezz tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-aċċess għas-suq tal-UE, il-Kummissjoni biħsiebha tistabbilixxi ambjent finanzjarju li iktarx jikkontribwixxi għal investimenti pubbliċi u privati fis-settur ferrovjarju.

L-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja tesiġi wkoll ħarsa usa' lejn strumenti ta' finanzjament ġodda (kemm privati kif ukoll pubbliċi) u l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi xierqa taħt il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.

Minbarra li se toħloq netwerk ferrovjarju Ewropew għas-servizzi kompetittivi tal-ġarr tal-merkanzija, il-Kummissjoni se tqis il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali sabiex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija u l-pubblikazzjoni tal-indikaturi tal-kwalità.

Fl-2011, il-Kummissjoni se tressaq ir-riżultati ta' dan ix-xogħol li qiegħed isir bħalissa sabiex tiżviluppa b'mod ulterjuri r-rabtiet bejn it-TEN-Ts u l-pajjiżi Ġirien Ewropej, u l-integrazzjoni tan-netwerks tal-pajjiżi kandidati man-netwerk TEN-T.

3. STABBILIMENT TA' SUQ FERROVJARJU MIFTUĦ LI JKUN ATTRAENTI U ĠENWIN

3.1. Infurzar u titjib ta' regoli eżistenti

Il-Kummissjoni ilha tqis li t-titjib tal-iffunzjonar tas-suq intern għandu jistimula l-industrija ferrovjarja sabiex issir iktar effiċjenti u tirreaġixxi għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Għalhekk, l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għas-suq ferrovjarju tal-UE progressivament ħeġġeġ il-ftuħ tas-suq ibbażat fuq separazzjoni ġenwina bejn l-immaniġġjar tal-infrastruttura u s-servizzi tat-trasport. Il-ġarr tal-merkanzija u tal-passiġġieri bil-ferrovija fil-livell internazzjonali ilu miftuħ 'mod sħiħ għall-kompetizzjoni minn Jannar 2007 u minn Jannar 2010 rispettivament.

Madankollu, il-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji għadha limitata minn diversi fatturi li joħorġu mill-imġiba protettiva tal-operaturi storiċi responsabbli u t-tmexxija kollużiva tal-infrastruttura ferrovjarja, li minħabba li hi monopolju fiha nfisha, għandha tkun aċċessibbli għall-applikanti kollha b'mod ġust u mingħajr diskriminazzjoni. Kondizzjonijiet tas-suq li ma jkunux trasparenti biżżejjed u iffunzjonar ineffikaċi tal-qafas istituzzjonali, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, jibqgħu jagħmlu l-proċess tal-provvediment tas-servizzi diffiċli. Informazzjoni essenzjali għall-operaturi l-ġodda fis-suq - fir-rigward tal-applikazzjoni jew tal-proċeduri tal-appell, pereżempju – għadha mhijiex aċċessibbli sistematikament u b'mod faċli. L-operaturi li jidħlu f'suq ġdid jibqgħu jiġu diskriminati biex jiksbu aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi marbuta mal-ferroviji, li ħafna drabi huma sjieda u operati mill-azjendi responsabbli mill-ferroviji.

Il-korpi regolatorji tal-Istati Membri jiltaqgħu ma' diffikultajiet meta jkunu qed iwettqu d-dmirijiet tagħhom ta' superviżjoni fuq il-maniġers tal-infrastruttura, b'mod partikolari biex jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn l-operaturi l-ġodda u biex jiċċekkjaw jekk il-prinċipji tat-tariffi u s-separazzjoni tal-kontijiet humiex applikati kif xieraq. Dawn id-diffikultajiet normalment ikunu minħabba nuqqas ta' persunal u riżorsi oħra, u jistgħu jingħaqdu f'każijiet fejn il-korp regolatorju ma jkunx indipendenti biżżejjed mill-maniġers tal-infrastruttura, mill-azjenda responsabbli mill-ferroviji jew mill-ministru li jeżerċita d-drittijiet tas-sjieda fuq l-operaturi responsabbli. Ir-regolament dwar in-netwerk ferrovjarju għas-servizzi kompetittivi tal-ġarr tal-merkanzija jesiġi li jkun hemm iktar kooperazzjoni bejn il-maniġers tal-infrastruttura għat-taqsimiet nazzjonali tal-kurituri Ewropej; dan min-naħa l-oħra jitlob kooperazzjoni parallela iktar mill-qrib bejn ir-regolaturi nazzjonali korrispondenti. L-esperjenza li għandha tinkiseb hawn tista' tkun utli jekk il-Kummissjoni iktar tard tikkunsidra li tieħu approċċ iktar integrat għas-superviżjoni tas-suq f'żona ferrovjarja unika Ewropea. Il-leġiżlazzjoni eżistenti diġà tindirizza b'xi mod dawn il-kwistjonijiet. Madankollu l-Kummissjoni hija konxja li l-problemi se jippersistu jekk il-qafas regolatorju tal-UE ma jkunx implimentat kif xieraq. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni diġà ħadet l-inizjattiva biex tniedi proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li jonqsu milli japplikaw il-liġi tal-UE kif xieraq. Jidher ukoll li jeħtieġ li jkunu ċċarati u modernizzati r-regoli eżistenti . Fl-abbozz tad-Direttiva adottata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li temenda r-regoli eżistenti dwar l-aċċess għas-suq sabiex tneħħi l-ostakoli għall-kompetizzjoni ġusta li ġew identifikati.

L-iffunzjonar tas-servizzi pubbliċi tal-ġarr tal-passiġġieri bil-ferrovija hu wkoll irregolat bil-liġi tal-UE. Sabiex ikun żgurat li jkun hemm kompetizzjoni ġusta fost l-azjendi tal-ferroviji, hu ċar li jeħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu infurzati, b'mod partikolari dawk marbuta mal-livell xieraq ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi.

3.2. Tlestija tal-proċess tal-ftuħ tas-suq

Madankollu, il-ftuħ tas-suq se jibqa' mhux komplut sakemm l-azjendi Ewropej tal-ferroviji ma jkollhomx id-dritt li jipprovdu servizzi domestiċi tal-ġarr tal-passiġġieri fl-Unjoni Ewropea. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni diġà varat studju dwar l-għażliet regolatorji li huma disponibbli għall-ftuħ tas-suq domestiku għall-passiġġieri. Minħabba li parti kbira ħafna mis-servizzi domestiċi għall-passiġġieri hija pprovduta skont kuntratti ta' servizzi pubbliċi, il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-kondizzjonijiet għall-għoti ta' kuntratti ta' servizzi pubbliċi għall-ġarr bil-ferroviji fl-Istati Membri. Diġà qed issir evalwazzjoni tal-prattiki attwali skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, li daħal fis-seħħ f'Diċembru 2009. Dawn l-attivitajiet inizjali, li jinkludu konsultazzjoni mal-partijiet interessati, b'mod partikolari l-imsieħba soċjali, għandhom jippermettu lill-Kummissjoni tippreżenta evalwazzjoni kumplessiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kompetizzjoni għall-ġarr tal-passiġġieri fil-livell domestiku fl-2011 u mbagħad tadotta inizjattiva ġdida li tiffaċilita iktar ftuħ tas-suq sa mhux iktar tard mill-2012, kif mitlub mil-leġiżlazzjoni li hemm fis-seħħ. Meta tipproponi xi inizjattiva ta' dan it-tip, il-Kummissjoni se tinkludi l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-ftuħ tas-suq ġenwinament itejjeb is-servizzi, u ma jkollux effetti negattivi bla mistennija.

Permezz tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-aċċess għas-suq tal-UE, il-Kummissjoni biħsiebha tneħħi l-ostakoli għall-kompetizzjoni ġusta li ġew identifikati mill-2001 il-quddiem.

Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li testendi l-ftuħ tas-suq għat-traffiku tal-passiġġieri fil-livell domestiku, permezz ta' kuntratti tas-servizzi pubbliċi jew privati, soġġetti għal salvagwardji tal-kwalità xierqa.

Il-kwistjoni tar-rinfurzar tar-rekwiżiti dwar is-separazzjoni istituzzjonali bejn il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji u tat-twaqqif ta' arranġamenti istituzzjonali xierqa sabiex jiżguraw li jkun hemm iktar superviżjoni integrata tas-suq ferrovjarju tal-UE, se tiġi eżaminata wkoll f'dan il-kuntest.

4. TNEĦĦIJA TAL-OSTAKOLI AMMINISTRATTIVI U TEKNIĊI

4.1. Lejn approċċ komuni għas-sikurezza

Ir-rekwiżiti tas-sikurezza u n-nuqqas ta' interoperabbiltà għadhom jimponu ostakoli sinifikanti għad-dħul fis-suq ferrovjarju tal-UE. Dawn l-ostakoli jirriżultaw prinċipalment mill-ispiża u t-tul tal-proċeduri involuti f'livell nazzjonali, id-disparità madwar l-Ewropa u n-nuqqas tat-trasparenza u l-prevedibbiltà.

Il-Kummissjoni diġà stabbiliet il-pedamenti għall-progress f'dan il-qasam billi armonizzat iċ-ċertifikati tas-sikurezza għall-impriżi ferrovjarji u billi introduċiet miri u metodi komuni tas-sikurezza. Madankollu, sabiex jirnexxu dawn il-miżuri, jeħtieġ li fuq kollox jitwaqqfu awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (NSAs) li jkunu b'saħħithom, effikaċi u indipendenti li jikkomunikaw bejniethom sabiex jevitaw li jagħmlu kontrolli doppji, multipli u bla bżonn. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli timmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni tal-UE li tieħu ħsieb it-twaqqif ta' dawn il-korpi.

Dan il-qafas regolatorju jagħti rwol ewlieni lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) billi jarmonizza bil-mod il-mod il-proċessi u l-proċeduri nazzjonali tas-sikurezza u billi progressivament tissostitwihom b'metodi komuni. Il-Kummissjoni għalhekk se tiżgura li l-ERA tkun f'pożizzjoni li twettaq dawn il-kompiti. Kif tħabbar f'Settembru 2009, se jkun eżaminat wkoll kif ir-rwol tal-ERA jista' jevolvi sabiex bil-mod il-mod tikkumplimenta jew saħansitra tieħu f'idha parti mill-attivitajiet tal-NSAs fiċ-ċertifikazzjoni u l-proċessi ta' awtorizzazzjoni. Wara li jsir studju fattibbli li hu neċessarju, inkluż konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta leġiżlattiva fil-ġejjieni qrib.

4.2. Tneħħija tal-ostakoli tal-interoperabbiltà

L-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li huma armonizzati u ċari għall-interoperabbiltà (TSI) hija neċessarja sabiex jitneħħew l-ostakoli eżistenti tad-dħul. Diġà nkisbu ħafna riżultati peress li l-Kummissjoni adottat l-ewwel sett ta' speċifikazzjonijiet għas-servizzi ferrovjarji konvenzjonali u b'veloċità qawwija. TSI oħra importanti għad iridu jiġu adottati fil-ġejjieni qrib. F'dan l-istadju t-TSI kollha jibqgħu applikabbli biss għan-Netwerk Trans-Ewropew; madankollu, għadu kif ingħata mandat lill-ERA sabiex titħejja estensjoni tal-ambitu, sabiex is-sistema ferrovjarja kollha tkun koperta minn speċifikazzjonijiet armonizzati sal-2013.

Fir-rigward tal-applikazzjonijiet telematiċi għall-ġarr tal-passiġġieri u l-merkanzija, l-industrija ferrovjarja hija mitluba tistabbilixxi pjattaformi integrati sabiex ikun żgurat li jkun hemm komunikazzjoni bejn il-partijiet ekonomiċi differenti u l-konsumaturi. Il-Kummissjoni biħsiebha tippromwovi użu sħiħ u f'waqtu ta' dawn il-pjattaformi, li l-mira tagħhom hi li, skont il-każ kif ikun, jipprovdu l-informazzjoni u joħorġu l-biljetti lill-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija (dan il-proċess jippermetti li jkun hemm pereżempju arranġamenti fejn il-passiġġier jixtri biljett wieħed u bih ikun jista' jibdel il-linji), sistema li tgħin sabiex ikun hemm komunikazzjoni effiċjenti bejn il-maniġers differenti tal-infrastruttura, l-impriżi ferrovjarji u oħrajn li jużaw il-ferroviji, vaguni u unitajiet intermodali.

Il-fatt li f'Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat il-pjan ta skjerament għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-fatt li ġiet żviluppata analiżi attwali tal-politika TEN-T, iħaffu l-istallazzjoni u l-użu effikaċi tat-tagħmir interoperabbli l-iktar riċenti tal-ġestjoni tat-traffiku.

Madankollu, minħabba li t-tagħmir ferrovjarju li għandu ħajja twila u l-ħtieġa li l-ispejjeż tal-investiment jinżammu f'livell li s-settur jista' jagħmel tajjeb għalihom, it-tqarrib lejn l-interoperabbiltà huwa proċess li jimxi bil-mod. Madankollu, fis-snin li ġejjin il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni sabiex tqassar il-perjodu tal-migrazzjoni mis-sistemi lokali għas-sistema tal-mira Ewropea abbażi tal-pjanijiet ta' skjerament komuni li jindikaw it-tneħħija gradwali ta' sistemi qodma u s-sostituzzjoni tagħhom ma' sistemi interopreabbli, skont kif inhu skedat, kif diġà kien sar għall-ERTMS.

Fil-frattemp, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas li hemm bħalissa ta' interoperabbiltà, l-ERA ngħatat mandat sabiex tiżviluppa għodod li jiffaċilitaw it-tħaddim tal-vetturi ferrovjarji skont il-prinċipju tal-aċċettazzjoni transnazzjonali tar-regoli nazzjonali.

Il-Kummissjoni progressivament qed tadotta miżuri armonizzati ta' sikurezza u interoperabbiltà u tipprovdi inċentivi għall-installazzjoni ta' tagħmir interoperabbli sabiex tneħħi l-ostakoli amministrattivi u tekniċi għad-dħul fis-suq ferrovjarju tal-UE.

Fir-rigward tal-proċess taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u sabiex jiġi awtorizzat it-tħaddim tal-vetturi ferrovjarji, jidher li hemm nuqqas ta' mekkaniżmi għat-teħid tad-deċiżjonijiet effikaċi u armonizzati li jinvolvu lill-partijiet kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza. Il-Kummissjoni għalhekk qed tikkunsidra kif tista' tagħti s-setgħa lill-Aġenzija Ewropea Ferrovjarja biex tivverifika l-mekkaniżmi stabbiliti u biex testendi r-rwol tagħha fil-proċessi taċ-ċertifikazzjoni u tal-awtorizzazzjoni fil-ġejjieni qrib.

5. ŻGURAR TA' KONDIZZJONIJIET EKWIVALENTI TA' KOMPETIZZJONI MA' MEZZI OĦRA TA' TRASPORT

Il-fatt li t-trasport sostenibbli jsir prijorità strateġika fuq perjodu twil ta' żmien huwa l-mira sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-mobbiltà. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Ġejjieni tat-Trasport[4], adottata mill-Kummissjoni fis-17 ta' Ġunju 2009, u bħala parti mill-pakkett dwar it-Trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, il-Kummissjoni pproponiet miżuri sabiex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni tat-trasport b'mod koordinat u bbilanċjat għall-mezzi kollha sabiex it-tariffi jirriflettu l-livell tal-ispejjeż esterni imposti fuq is-soċjetà b'mod ġenerali. Illum huwa vitali li s-settur tat-trasport jikkontribwixxi għall-prijoritajiet prinċipali tal-Kummissjoni, jiġifieri l-iżvilupp sostenibbli u ż-żamma tal-kompetittività fl-Ewropa.

L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni hija mod tajjeb kif wieħed jiżgura li s-sistemi tal-prezzijiet jirriflettu b'mod iktar preċiż l-ispejjeż veri mġarrba mill-mezzi tat-trasport u li jindika prezz tajjeb għall-utenti tat-trasport, li b'hekk ikollhom inċentiv sabiex ibiddlu l-imġiba tagħhom sabiex inaqqsu l-ispejjeż.

Illum il-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni kondizzjonijiet mhumiex ġenwini u lanqas ma hemm kompetizzjoni intermodali ġusta. Il-prinċipji tat-tariffazzjoni li bħalissa huma applikabbli għat-trasport ferrovjarju, bit-triq u bl-ajru huma differenti bil-bosta. Il-bażi (l-ispejjeż tal-infrastruttura) u l-istrumenti li bihom jiġu internalizzati jew modulati l-ispejjeż esterni (b'mod partikolari t-tniġġis tal-arja, l-istorbju, it-tibdil fil-klima u l-konġestjoni) għadhom diversi ħafna. Għas-settur ferrovjarju, l-Istati Membri jistgħu jimmodulaw it-tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura sabiex jitqiesu l-ispejjeż tal-effetti ambjentali kkawżati mis-servizz tal-ferrovija. Madankollu din il-modulazzjoni ma għandhiex tirriżulta fi dħul addizzjonali għall-maniġer tal-infrastruttra sakemm dawn it-tariffi ma japplikawx f'livell komparabbli għall-mezzi tat-trasport li jinsabu f'kompetizzjoni.

Il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi ‘l-ewwel pakkett dwar is-servizzi ferrovjarji’ u l-miżuri stipulati fil-pakkett dwar it-Trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent fil-qasam tal-ġarr tal-merkanzija bit-triq (reviżjoni tad-Direttiva 1999/62/KE dwar il-‘Eurovignette’[5]), diġà fiha dispożizzjonijiet ġodda mmirati sabiex jiżguraw li jkun hemm konverġenza bejn il-prinċipji tat-tariffi li japplikaw għall-ġarr bil-ferrovija u bit-triq u li jħejju t-triq għal kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġenwini u ekwivalenti fost il-mezzi tat-trasport. Filwaqt li d-Direttiva riveduta dwar il-Eurovignette se tippermetti l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali u tal-konġestjoni, il-Kummissjoni tipproponi fir-reviżjoni tal-ewwel pakkett dwar is-servizzi ferrovjarji, l-introduzzjoni ta' skema ta' tariffi armonizzati għall-aċċess għal binarji skont il-ħsejjes li jikkawżaw u li tiffaċilita l-adattament tal-iskemi tat-tariffi li jqisu effetti ambjentali oħra madwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni hija konvinta li r-regoli proposti hawn fuq, jekk ikunu implimentati kif suppost, se jgħinu sabiex jagħmlu t-trasport tal-UE iktar sostenibbli u iktar effikaċi. It-tkabbir tas-sehem tal-ferroviji fil-volumi kollha tal-ġarr huwa parti importanti u indispensabbli ta' din il-viżjoni. Madankollu, il-massimizzazzjoni tal-kompetittività ambjentali tal-ferrovija, jista' jkun li tirrikjedi miżuri addizzjonali, b'mod partikolari li jistimulaw iktar l-effiċjenza tal-enerġija.

Il-Kummissjoni biħsiebha tiżgura li l-prinċipji tal-irkupru tal-ispejjeż tal-mezzi kollha tat-traport jingħaqdu sabiex jinħolqu kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jkunu ekwivalenti għal ħafna mezzi oħra tat-trasport. Għas-servizzi ferrovjarji, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-aċċess għas-suq fl-UE għandha tiżgura li t-tariffi għall-aċċess għal binarji jqisu l-effetti ambjentali tas-servizzi ferrovjarji.

Il-Kummissjoni qed tqis ukoll il-possibbiltà li tadotta miżuri ġodda sabiex tistimula iktar l-effiċjenza tal-enerġija fis-settur ferrovjarju.

Il-Kummissjoni biħsiebha fil-ġejjieni qrib tikkonsulta lill-partijiet interessati kollha dwar l-inizjattivi msemmija f'din il-Komunikazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati għalhekk għandhom id-dritt isemmgħu leħinhom dwar it-tfassil ta' azzjonijiet ta' prijorità għall-ħames snin li ġejjin.

[1] COM(2009) 676, 18.12.2009, p. 15.

[2] COM(2008) 54, 6.2.2008.

[3] COM(2008) 536, 8.9.2008.

[4] COM(2009) 279, 17.6.2009.

[5] COM(2008) 436, 8.7.2008.

Top