EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0380

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPREW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar li tingħata l-libertà lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni ta' prodotti ġenetikament modifikati

/* KUMM/2010/0380 finali */

52010DC0380

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPREW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar li tingħata l-libertà lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni ta' prodotti ġenetikament modifikati /* KUMM/2010/0380 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 13.7.2010

KUMM(2010) 380 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPREW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar li tingħata l-libertà lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni ta' prodotti ġenetikament modifikati

{KUMM(2010) 375 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPREW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar li tingħata l-libertà lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni ta' prodotti ġenetikament modifikati

1. INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea (UE) adottat qafas legali komprensiv għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti li jikkonsistu f'Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM) jew prodotti li ġejjin minnhom. Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni tkopri l-użu tal-OĠM u l-prodotti li tnisslu minnhom għall-ikel u l-għalf, proċessar industrijali u kultivazzjoni.

Is-sistema tal-UE għall-awtorizzazzjoni għandha l-għan li tassigura s-sikurezza tal-OĠM awtorizzati filwaqt li tistabbilixxi suq intern għal dawk il-prodotti. Żewġ leġiżlazzjonijiet, jiġifieri d-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament[1] u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[2], jipprevedu għall-awtorizzazzjoni għal qabel ma l-OĠM jitqiegħdu fis-suq. It-tnejn li huma jagħtu lok għal standards ibbażati fuq ix-xjenza fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-istima ta' riskju għall-ambjent. B'żieda ma' dan, ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003[3] jipprovdi regoli dwar it-traċċabilità u l-ittikkettjar tal-GMO u t-traċċabilità ta' ikel u għalf prodotti minn OĠM.

Ir-responsabilità għall-evalwazzjoni xjentifika hija mogħtija lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (EFSA), imma wkoll lill-awtoritajiet xjentifiċi tal-Istati Membri. Ir-rwol tal-Istati Membri huwa partikolarment importanti fl-awtorizzazzjoni tal-OĠM għall-kultivazzjoni, fejn huma jwettqu l-ewwel valutazzjoni tar-riskju tal-aspetti ambjentali.

Mill-adozzjoni tal-qafas legali, sitt snin ilu, seba' Stati Membri pprojbixxew jew irristrinġew kultivazzjoni fit-territorji tagħhom permezz ta' miżuri ta' salvagwardja għall-OĠM awtorizzati individwalment[4] jew permezz ta' projbizzjonijiet ġenerali taż-żrieragħ ġenetikament modifikati[5]. F'erba' okkażjonijiet differenti[6], il-Kunsill irrifjuta b’maġġoranza kwalifikata l-proposti kollha tal-Kummissjoni biex jiġu rrevokati miżuri nazzjonali ta' salvagwardja għall-kultivazzjoni tal-OĠM allavolja fil-każijiet kollha l-evalwazzjonijiet xjentifiċi tal-UE kienu kkonkludew li dawn il-miżuri ma kinux ibbażati fuq informazzjoni xjentifika ġdida jew addizzjonali minn mindu kienu ngħataw l-awtorizzazzjonijiet u għaldaqstant tali miżuri ma kinux ġustifikati mil-lat legali.

Il-Kunklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2008 kkunsidraw il-qafas leġiżlattiv dwar l-OĠM bħala wieħed komprensiv u enfasizzaw il-ħtieġa ta' implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet eżistenti, notevolment f'dak li jikkonċerna l-kultivazzjoni, filwaqt li nnutaw in-neċessità tal-kontinwità tal-applikazzjonijiet ta' proċessar mingħajr dewmien żejjed. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill identifikaw oqsma partikolari għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM, liema leġiżlazzjoni qegħdin jaħdmu fuqha attwalment il-Kummissjoni u l-EFSA, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni u l-EFSA, flimkien mal-Istati Membri, qegħdin jaħdmu fuq l-oqsma partikolari għal titjib tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM, identifikati mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tal-2008. L-aġġornament tal-linji gwida tal-EFSA għall-istima ta' riskju għall-ambjent għadu għaddej u jkopri l-oqsma speċifiċi mitluba mill-Kunsill. L-EFSA mistennija tlesti l-linji gwida fl-aħħar tliet xhur tal-2010. Il-Kummissjoni imbagħad se tiddiskuti dawn il-linji gwida aġġornati mal-Istati Membri biex ittihom valur normattiv bl-approvazzjoni tal-Istati Membri.

Barra minn dan, il-Kummissjoni qiegħda tanalizza kif tista' tkompli ttejjeb is-sorveljanza ambjentali wara t-tqegħid fis-suq ta' prodotti OĠM, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni attwali u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tal-2008.

F'Diċembru 2008, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni wkoll biex tipprovdi rapport dwar l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tal-OĠM. Dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, li jkunu għamlu sforz importanti biex jikkumpilaw informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tal-OĠM, u notevolment, tal-kultivazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tiffinalizza r-rapport tagħha sal-aħħar tal-2010. Dan ir-rapport imbagħad se jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal kunsiderazzjoni u aktar diskussjoni.

Bħala parti mill-eżerċizzji regolari aktar wiesa' ta' reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni nediet żewġ valutazzjonijiet sabiex tevalwa l-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar l-OĠM: wieħed fuq ikel u għalf ġenetikament modifikat, u l-ieħor fuq il-kultivazzjoni tal-OĠM. L-ambitu ta' dawn il-valutazzjonijiet ikopri l-aspetti ewlenin tal-qafas leġiżlattiv. Iż-żewġ valutazzjonijiet se jkunu finalizzati fl-aħħar tliet xhur tal-2010 u se jkunu segwiti minn analiżi ta' bdil possibbli fil-politika minn nofs l-2012.

Il-Konklużjonijiet tal-2008 ddisikutew ukoll fit-tul l-aspetti reġjonali tal-kultivazzjoni tal-OĠM, kemm fil-kuntest tal-valutazzjoni xjentifika ta' riskju u anki tal-implikazzjonijiet partikolari soċjo-ekonomiċi. Xi wħud mill-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tipprepara proposti biex tagħti l-libertà lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM.

F'dan l-isfond, il-linji gwidi ta' politika għall-Kummissjoni l-ġdida stipulati mill-President Barroso f'Settembru 2009 u approvati mill-Kummissjoni f'Marzu 2010, indikaw li għandu jkun possibbli li jkun hemm sistema ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq ix-xjenza, fl-istess waqt li l-Istati Membri jingħataw il-libertà biex jiddeċiedu jekk huma jixtiqux jikkultivaw prodotti ġenetikament modifikati jew le fit-territorju tagħhom.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li jiġi ċċarat kif għandha tiġi implimentata l-libertà għall-Istati Membri permezz ta' approċċ li jinkludi reviżjoni tar-rakkomandazzjoni eżistenti dwar il-koeżistenza, li tirrikonoxxi li l-Istati Membri jeħtieġu aktar flessibbiltà, flimkien ma' modifika tal-qafas leġiżlattiv eżistenti.

2. APPROċċ AKTAR FLESSIBBLI SKONT IL-LEġIżLAZZJONI EżISTENTI

2.1. It-triq 'il quddiem: żieda fil-flessibbiltà għall-Istati Membri dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM

Skont l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Istati Membri huma intitolati biex jieħdu miżuri xierqa biex jevitaw il-preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM fi prodotti oħra. Minħabba d-diversità tal-kundizzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali li skonthom jaħdmu l-bdiewa Ewropej, il-Kummissjoni dejjem qieset li għandhom jiġu żviluppati u implimentati mill-Istati Membri miżuri li jevitaw il-preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM fi prodotti konvenzjonali u organiċi.

Fi sforz biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-proċess tal-iżvilipp ta' miżuri nazzjonali biex jevitaw dik il-preżenza, fl-2003 l-Kummissjoni ppubblikat fir-Rakkomandazzjoni 2003/556/KE linji gwida għall-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali u l-aħjar prassi biex tiġi assigurata l-koeżistenza tal-prodotti ġenetikament modifikati ma' biedja konvenzjonali u organika[7]. L-iskop ta' miżuri nazzjonali bħal dawn hu li jiġu evitat l-impatt ekonomiku impatt tat-taħlita ta' prodotti ġenetikament modifikati u ta' dawk li mhumiex ġenetikament modifikati (konvenzjonali u organiċi).

L-esperjenza miksuba matul dawn l-aħħar snin turi li l-approċċ applikat abbażi tar-Rakkomandazzjoni 2003/556/KE ma teżawrixxix id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE, notevolment f'dak li jikkonċerna d-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu miżuri biex tiġi evitata l-preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM fi prodotti oħra. Dan hu appoġġjat mill-osservazzjoni tal-iżviluppi fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Istati Membri. Fil-preżent xi wħud mill-Istati Membri adottaw miżuri nazzjonali ta' koeżistenza li għandhom l-għan li jiħqu livelli ta' preżenza tal-OĠM inqas minn 0,9 % fi prodotti oħra. Stati Membri oħra pprovdew rekwiżiti differenti ta' iżolament għall-produzzjoni organika. F'termini konkreti, esperjenza fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2003 turi li t-tnaqqis potenzjali fl-introjtu għall-produtturi organiċi u (xi kultant) dawk konvenzjonali mhux limitat għal meta jinqabeż 0,9 %.

Billi ċerti tipi tal-produzzjoni agrikola bħal ma hi l-produzzjoni organika[8] ta' sikwit jiswew aktar, il-possibbiltà ta' telf tal- primium fil-prezz assoċjat minħabba l-preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM tista' twassal għal ħsara ekonomika importanti għal dawn it-tipi ta' produzzjoni. Għaldaqstant tali produzzjoni tista' teħtieġ sforzi ta' segregazzjoni aktar stretti. Minbarra dan, limitazzjonijiet u karatteristiċi lokali jistgħu jagħmlu l-ħtiġijiet partikolari ta' segregazzjoni aktar diffiċli u aktar għoljin (f'termini ta' prezz) biex jintlaħqu b'mod effiċjenti f'ċerti reġjuni.

Barra minn dan, f'ċerti każijiet, u jiddependi mid-domanda tas-suq u mid-dispożizzjonijiet rispettivi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (eż. xi wħud mill-Istati Membri żviluppaw standards nazzjonali għal tipi differenti ta' ttikkettjar "ħielsa mill-modifikazzjoni ġenetika"), il-preżenza ta' traċċi tal-OĠM fi prodotti partikolari tal-ikel -anki f'livell qrib ta' 0,09 %- tista' tikkawża ħsara ekonomika għall-operaturi li jkunu jixtiequ jqiegħduhom fis-suq bħala prodotti li ma fihomx OĠM.

Minn dan li ssemma hawn fuq, jidher li huwa xieraq li r-Rakkomandazzjoni tal-2003 dwar il-koeżistenza tiġi rriveduta u sostitwita b'waħda ġdida sabiex tirrifletti l-esperjenza miksuba s'issa b'miżuri nazzjonali dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM u biex issir aktar flessibbli.

Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tkompli tirreferi għall-possibbiltà li Stati Membri jirrestrinġu kultivazzjoni tal-OĠM minn żoni kbar tat-territorju tagħhom sabiex jevitaw il-preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM fuq prodotti konvenzjonali u organiċi ("żoni ħielsa mill-modifikazzjoni ġenetika"). Madankollu, din il-possibbiltà għandha tiddependi fuq id-dimostrazzjoni mill-Istati Membri li għal dawk iż-żoni miżuri oħra mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu l-preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM fi prodotti konvenzjonali jew organiċi. Barra minn dan, il-miżuri ta' restrizzjoni jeħtieġu li jkunu proporzjonati għall-għan li għandu jintlaħaq (jiġifieri ħarsien ta' ħtiġijiet partikolari għal biedja konvenzjonali jew organika).

Għal dawn il-għanijiet, ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida dwar il-linji gwida għall-iżvilupp ta' miżuri nazzjonali ta' koeżistenza (annessi) tillimita l-kontenut tagħha għall-prinċipji ġenerali ewlenin għall-iżvilupp ta' miżuri biex tiġi evitata taħlita tal-OĠM biex b'hekk tagħraf il-flessibbiltà għall-Istati Membri biex iqisu l-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali u l-ħtiġijiet lokali partikolari tal-prodotti organiċi, konvenzjonali u ta' tipi oħra. Din ir-Rakkomandazzjoni hija adottata mill-Kummissjoni flimkien ma' din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa flimkien mal-Istati Membri l-aħjar prassi għall-koeżistenza (xogħol tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza).

2.2. Elementi oħra marbuta mal-qafas tal-UE tal-awtorizzazzjoni tal-OĠM

Għandu jiġi nnutat ukoll li l-qafas leġiżlattiv eżistenti dwar l-OĠM jikkonsisti f'sistema ċara ta' awtorizzazzjoni mal-Unjoni Ewropea kollha, ibbażata fuq valutazzjoni xjentifika ta' riskju. Huwa possibbli li fil-prinċipju ssir distinzjoni bejn ir-reġjuni fil-valutazzjoni ta' riskju, abbażi tal-argumenti xjentifiċi[9]. Jekk il-valutazzjoni ta' riskju tikkonkludi li l-kultivazzjoni ta' OĠM tqajjem tħassib reġjonali partikolari, dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat fl-awtorizzazzjoni tal-UE permezz ta' kundizzjonijiet speċifiċi jew miżuri ta' mmaniġġjar tar-riskju. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu miżuri ta' restrizzjoni jew projbizzjoni, jekk ġustifikati xjentifikament.

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jipprevedi wkoll sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tqis fatturi leġittimi għajr ix-xjenza fil-kuntest tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni tal-OĠM biex tirrestrinġi jew tipprojbixxi t-tqegħid tagħhom fis-suq. Madankollu, il-ġustifikazzjonijiet għal tali restrizzjonijiet għandhom ikunu speċifiċi għal kull OĠM u jistgħu jitqiesu biss fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni tal-OĠM in kwistjoni. Barra minn hekk, din il-possibbiltà ma teżistix skont id-Direttiva 2001/18/KE u għaldaqstant ma tkunx applikabbli għall-OĠM awtorizzati skont din id-Direttiva.

Għaldaqstant, jidher li l-qafas eżistenti li fi ħdanu jistgħu jiġu applikati argumenti xjentifiċi jew fatturi leġittimi oħra jistgħu jiġu applikati biex jiġġustifikaw restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet tal-kultivazzjoni tal-OĠM, ma jipprovdux il-libertà neċessarja għall-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk jixtiequx jew le jikkultivaw OĠM fit-territorju abbażi tal-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom.

3. EMENDA LEġIżLATTIVA BIEX TINTRODUċI "KLAWżOLA TA' NUQQAS TA' PARTEċIPAZZJONI"

Numru ta' Stati Membri jridu li jkollhom l-possibbiltà li ma jipparteċipawx fil-kultivazzjoni ġenetikament modifikata. Sa issa, diversi Stati Membri pprojbixxew il-kultivazzjoni tal-OĠM abbażi tal-klawżola ta' salvagwardja stipulata fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE jew il-miżuri ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li huma maħsuba biss biex jindirizzaw riskji ġodda li jirriżultaw wara li tkun ingħatat awtorizzazzjoni. Bħala riżultat, dawn il-miżuri ma kienux ikkunsidrati li jkunu ġustifikati xjentifikament mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (EFSA). Bl-istess mod, numru ta' reġjuni ddikjaraw lilhom infushom li huma "ħielsa mill-modifikazzjoni ġenetika".

Ir-raġunijiet għall-interdizzjoni ta' OĠM f'pajjiż jew li reġjun jiġi ddikjarat ħieles mill-modifikazzjoni ġenetika jidhru li huma diversi. Dawn ir-raġunijiet ivarjaw minn ġustifikazzjonijiet agronomiċi relatati mad-diffikultajiet biex tiġi assigurata koeżistenza ta' motivazzjonijiet politiċi jew ekonomiċi bħal pereżempju tintlaħaq id-domanda tas-swieq ħielsa mill-modifikazzjoni ġenetika. F'każijiet oħra, l-Istati Membri jridu jżommu ċerti żoni konformi mal-politiki nazzjonali dwar biodiversità jew għanijiet wiesa' oħra ta' konservazzjoni tan-natura.

Il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw dikjarazzjoni lill-Kunsilli tal-Agrikoltura u l-Ambjent tat-23 ta' Marzu 2009[10] fejn fiha talbu lill-Kummissjoni biex issib soluzzjoni dwar il-kultivazzjoni filwaqt li tqis id-dimensjoni soċjo-ekonomika tal-kultivazzjoni tal-OĠM u żżomm is-suq intern għall-prodotti tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati. L-Awstrija, appoġġjata minn 12-il Stat Membru[11], ippreżentat fil-Kunsill Ambjentali tal-25 ta' Ġunju 2009 karta[12] li tenfasizza l-kwistjoni tas-sussidjarjetà marbuta mal-kultivazzjoni u ssuġġerixxiet klawżola għal nuqqas ta' parteċipazzjoni li għandha tiġi miżjuda fil-leġiżlazzjoni.

F'dan il-kuntest jidher xieraq li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex fil-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar l-OĠMs ikun hemm bażi legali espliċita li tawtorizza l-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM kollha jew dawk partikolari fit-territorji kollha tagħhom jew f'parti minnhom abbażi tal-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom. Din l-emenda tista' ssir permezz tal-inklużjoni tal-Artikolu 26b ġdid fid-Direttiva 2001/18/KE u tkun applikabbli għall-OĠM kollha li ġew awtorizzati għall-kultivazzjoni fl-UE, li jaqgħu taħt id-Direttiva 2001/18/KE jew taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Skont il-qafas legali għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM, il-livell tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem/saħħa tal-annimali u tal-ambjent magħżul fl-UE ma jistax jiġi rrivedut minn Stat Membru u din is-sitwazzjoni ma għandhiex tinbidel. Madankollu, bil-bażi legali l-ġdida, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jadottaw miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM kollha jew dawk partikolari fit-territorji kollha tagħhom jew f'parti minnhom abbażi tar-raġunijiet għajr dawk li diġà huma indirizzati minn sett armonizzat ta' regoli tal-UE li diġà jipprevedu proċeduri biex iqisu r-riskji li OĠM għal kultivazzjoni jista' jkollu fuq is-saħħa u l-ambjent.

Barra minn dan, dawn il-miżuri nazzjonali għandhom ikunu konformi mat-Trattati b'mod partikolari l-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni bejn prodotti nazzjonali u dawk mhux nazzjonali u l-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea f'dak li jikkonċerna ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' oġġetti. Il-miżuri għandhom jirreferu għall-kultivazzjoni tal-OĠM biss u mhux għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa u l-importazzjoni ta' żrieragħ ġenetikament modifikati u materjal ta' propagazzjoni tal-pjanti u l-prodotti ta' ħsad tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom ikunu wkoll konsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-UE, notevolment dawk fil-kuntext tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Sabiex jassiguraw it-trasparenza, l-Istati Membri li beħsiebhom jadottaw miżuri se jkollhom jikkomunikawhom, flimkiem mar-raġunijiet tagħhom, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra xahar qabel l-adozzjoni tagħhom.

L-Istati Membri se jkomplu jkunu ħielsa li jemendaw dawn il-miżuri kif jidhrilhom xieraq fl-istadji kollha tal-awtorizzazzjoni jew tal-awtorizzazzjoni mill-ġdid tal-OĠM ikkonċernati.

Fil-qosor, din il-bażi legali ġdida ma tbiddilx is-sistema tal-awtorizzazzjonijiet tal-UE tal-OĠM imma bis-saħħa tagħha l-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw miżuri li jkunu applikabbli għall-OĠM li ġew awtorizzati skont il-leġiżlazzjoni eżistenti. Għaldaqstant din hija alternattiva oħra għall-Istati Membri biex jadottaw miżuri fir-rigward tal-OĠM awtorizzati, b'żieda mal-miżuri li huma diġà għandhom id-dritt li jieħdu bl-applikazzjoni tal-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE biex jevitaw il-preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM fi prodotti oħra.

Għaldaqstant, u abbażi tal-prinċipji ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġiżlattiva li tkun f'forma ta' Regolament li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom.

4. KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni tqis li dan l-approċċ huwa neċessarju biex jinkiseb il-bilanċ tajjeb bejn iż-żamma tas-sistema tal-awtorizzazzjonijiet tal-UE bbażata fuq evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent u l-ħtieġa li l-Istati Membri jingħataw il-libertà li jindirizzaw kwistjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali speċifiċi li jirriżultaw mill-kultivazzjoni tal-OĠM.

Bħala l-ewwel pass, reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni eżistenti dwar il-koeżistenza (2003/556/KE) tkun tirrifletti aħjar il-possibbiltajiet offruti lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri biex jevitaw preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM fi prodotti konvenzjonali u organiċi f'konformità mal-qafas leġiżlattiv eżistenti.

Fit-tieni pass, l-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva li tipprovdi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu, skont ċerti kundizzjonijiet, il-kultivazzjoni tal-OĠM kollha jew dawk partikolari fit-territorji kollha jew f'parti minnhom mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill se toffri l-possibbiltà lill-Istati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet nazzjonali jew lokali speċifiċi li rriżultaw mill-kultivazzjoni tal-OĠM indipendentement mill-proċess ta' awtorizzazzjoni. Dan l-approċċ dwar kultivazzjoni tal-OĠM, filwaqt li jżomm is-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea tal-OĠM, li se tkompli tiġi applikata, kif ukoll iċ-ċirkulazzjoni ħielsa u l-importazzjonijiet ta' ikel, għalf u żrieragħ ġenetikament modifikati, huwa mistenni li jindirizza d-domandi ta' diversi Stati Membri, u jkun appoġġjat mill-partijiet interessati u l-pubbliku. Huwa wkoll konformi mal-osservazzjoni tar-realtà tal-prassi tal-Istati Membri dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM sa issa u l-prinċipju ta' sussidjarjetà u proporzjonalità. Sadanittant, il-Kummissjoni se tkompli tapplika l-qafas leġiżlattiv tal-UE eżistenti għall-OĠM. F'dan il-kuntest, u skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2001/18/KE, ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni

tad-Direttiva se jagħtu attenzjoni partikolari għall-esperjenza miksuba fir-rigward tal-Artikolu 26a u 26b.

Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida dwar linji gwida għall-iżvilupp ta' miżuri ta' kultivazzjoni nazzjonali biex tiġi evitata l-preżenza mhux mixtieqa tal-OĠM fi prodotti konvenzjonali u organiċi u proposta leġiżlattiva li timmodifika d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom, huma annessi ma' din il-Komunikazzjoni.

[1] ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

[2] ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

[3] ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

[4] Il-Qamħirrum MON 810 ġie pprojbit minn AT, HU u LU abbażi tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE, EL abbażi tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE, FR u DE abbażi tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Il-Qamħirrum T 25 ġie pprojbit minn AT abbażi tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE. Il-Patata Amflora ġiet ibbannjata minn AT, HU u LU abbażi tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE.

[5] PL adottat ukoll leġiżlazzjoni li tipprojbixxi b'mod ġenerali t-tqegħid fis-suq ta' żrieragħ ġenetikament modifikati, liema leġiżlazzjoni ma kienetx ibbażata fuq il-klawżoli ta' salvagwardja stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Fis-16 ta' Lulju 2009 l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tat sentenza fejn hi kkunsidrat li dik il-leġiżlazzjoni tmur kontra l-liġi tal-UE u kkundannat lill-Polonja għax din naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha (każ C-165/08).

[6] Ġunju 2005, Diċembru 2006, Frar 2007 u Marzu 2009.

[7] ĠU L 189, 29.07.2003, p 36 .

[8] B'konformità mar-Regolament (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u l-ittikkettjar ta' prodotti organiċi, l-OĠM ma għandhomx jintużaw fi produzzjoni organika, inkluż bħala żrieragħ, ikel jew għalf (l-Artikolu 9(1)). L-għan huwa li jkun hemm l-iktar preżenza baxxa possibbli ta' OĠM fi prodotti organiċi (ara l-Premessa 10).

[9] Skont l-Artikolu 19(3)(c) u l-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikolu 6 u l-Artikolu 18 tar-Regolament 1829/2003.

[10] Nota b'referenza 7581/09 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

[11] BG, IE, EL, CY, LV, LT, HU, LU, MT, NL, PL u SI.

[12] Nota b'referenza 11226/2/09 REV 2 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Top