EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0348

Green Paper mill-Kummissjoni dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji

/* KUMM/2010/0348 finali */

52010DC0348

Green Paper mill-Kummissjoni dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji /* KUMM/2010/0348 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 1.7.2010

KUMM(2010)348 finali

GREEN PAPER MILL-KUMMISSJONI

dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji

GREEN PAPER MILL-KUMMISSJONI

dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji

1. GħAN TAL-GREEN PAPER

Is-suq intern huwa mibni fuq għadd kbir ta' kuntratti li huma rregolati mil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti. Madankollu, differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali jistgħu jinvolvu kosti ta' tranżazzjoni addizzjonali u inċertezza legali għan-negozji u jwasslu għal nuqqas ta' kunfidenza tal-konsumaturi fis-suq intern. Diverġenzi fir-regoli tal-liġi kuntrattwali jistgħu jirrikjedu n-negozji biex jadattaw it-termini kuntrattwali tagħhom. Barra minn hekk, il-liġijiet nazzjonali rarament huma disponibbli f'lingwi Ewropej oħra, u dan jimplika li l-atturi tas-suq ikollhom bżonn jieħdu parir mingħand avukat li jkun jaf il-liġijiet tas-sistema legali li qed jipproponu li jagħżlu.

Parzjalment minħabba dawn ir-raġunijiet, il-konsumaturi u n-negozji, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji (IŻM) peress li għandhom riżorsi limitati, jistgħu jkollhom nuqqas ta' rieda biex jimpenjaw ruħhom fi tranżazzjonijiet transkonfinali. Din in-nuqqas ta' rieda mbagħad se tfixkel il-kompetizzjoni transkonfinali għad-detriment tal-benesseri tas-soċjetà. Il-konsumaturi u n-negozji minn Stati Membri żgħar jistgħu jkunu partikolarment żvantaġġjati.

Il-Kummissjoni trid li ċ-ċittadini jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq intern. L-Unjoni trid tagħmel iktar biex tħaffef it-tranżazzjonijiet transkonfinali. L-għan ta' din il-Green Paper hu li tistabbilixxi l-għażliet dwar kif għandu jissaħħaħ is-suq intern billi jsir progress fil-qasam tal-Liġi kuntrattwali Ewropea, u titnieda konsultazzjoni pubblika dwarhom. Skont l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tista' tipproponi azzjoni addizzjonali sal-2012. Kull proposta leġiżlattiva se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt xierqa.

2. SFOND

Bil-Komunikazzjoni tagħha tal-2001 dwar il- Liġi Kuntrattwali Ewropea [1], il-Kummissjoni Ewropea nediet proċess ta' konsultazzjoni pubblika estensiva dwar il-problemi li jinħolqu mid-differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali tal-Istati Membri u dwar l-azzjonijiet potenzjali f'dan il-qasam. Fid-dawl tat-tweġibiet, il-Kummissjoni ħarġet Pjan ta' Azzjoni fl-2003[2], fejn tipproponi li ttejjeb il-kwalità u l-koerenza tal-Liġi kuntrattwali Ewropea billi tistabbilixxi Qafas Komuni ta' Referenza (CFR) li għandu prinċipji, terminoloġija u regoli mudell komuni li għandhom jintużaw mill-leġiżlatur tal-Unjoni meta jagħmel jew jemenda leġiżlazzjoni. Kien ukoll propost li ssir reviżjoni tal- acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur, sabiex jitneħħew l-inkonsistenzi u jimtlew il-lakuni regolatorji[3]. Minħabba r-reviżjoni, f'Ottubru 2008, il-Kummissjoni ssottomettiet Proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi[4], miżura maħsuba biex issaħħaħ is-suq intern bl-imnut.

Permezz ta' għotja mis-sitt Programm Qafas għar-Riċerka, il-Kummissjoni ffinanzjat u segwiet mill-qrib il-ħidma ta' netwerk akkademiku internazzjonali li wettaq ir-riċerka legali preparatorja maħsuba għall-adozzjoni tal-Qafas Komuni ta' Referenza. Il-ħidma ta' riċerka ġiet fi tmiem fl-aħħar tal-2008 u wasslet għall-pubblikazzjoni tal-Abbozz ta' Qafas ta' Referenza Komuni (DCFR)[5]. L-Abbozz ta' Qafas ta' Referenza Komuni jkopri l-prinċipji, definizzjonijiet u r-regoli mudell tal-liġi ċivili[6], inkluż il-liġi kuntrattwali u l-liġi rigward id-danni. Hi għandha dispożizzjonijiet għall-kuntratti kummerċjali u tal-konsumaturi.

L-Abbozz ta' Qafas ta' Referenza Komuni kompla jaħdem fuq diversi proġetti li qabel kienu mwettqa fuq livell Ewropew u internazzjonali. Netwerk ta' akkademiċi Ewropej importanti[7] elabora l- Prinċipji tal-Liġi Kuntrattwali Ewropej (PECL) bl-għan li jipprovdi s-suq intern b'liġi kuntrattwali uniformi. Diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, li jirrikonoxxu li r-regoli diverġenti dwar il-liġi kuntrattwali joħolqu ostakli għall-kummerċ internazzjonali, kienu qegħdin jaħdmu sabiex inaqqsu dawn l-ostakli billi jipprovdu regoli mudell uniformi. Il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL) ħolqot standard mifrux kważi mad-dinja kollha għall-bejgħ ta' oġġetti bejn in-negozji – il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Bejgħ Internazzjonali tal-Oġġetti[8] - li tapplika awtomatikament kull meta l-partijiet ma jkunux għażlu li japplikaw liġi oħra. L-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (UNIDROIT) żviluppa l-Prinċipji tal-Kuntratti Kummerċjali Internazzjonali, li jirrappreżentaw ir-regoli mudell dwar il-bejgħ ta' oġġetti u l-provvediment tas-servizzi. Dawn l-istrumenti ħolqu standards li servew bħala regoli mudell għal-leġiżlaturi madwar id-dinja[9] u għall-partijiet mal-kuntratti kummerċjali li jistgħu ma jinnominawhomx bħala l-liġi li tirregola ċerti aspetti tal-kuntratti tagħhom iżda li madankollu jistgħu jinkorporawhom b'referenza, kif jintwera b'mod ċar mill-Artikolu 3 flimkien mal-Premessa 13 tar-Regolament Ruma I[10]. Madankollu, l-ambitu tagħhom huwa limitat għall-kuntratti bejn in-negozji, u fil-każ tal-konvenzjoni ta' Vjenna, għall-bejgħ ta' oġġetti. Barra minn hekk, ma hemmx mekkaniżmu biex jiżgura l-interpretazzjoni uniformi fl-Istati Membri. Fl-aħħar nett, dawn l-istrumenti ma jistgħux jillimitaw l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji nazzjonali.

Strument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea tista' tgħin l-UE biex tilħaq l-għanijiet ekonomiċi tagħha u tirkupra mill-kriżi ekonomika. Skont il-Programm ta' Stokkolma għall-2010-2014[11] il-qasam ġudizzjarju Ewropew għandu jservi biex isostni l-attività ekonomika fis-suq intern. Il-Programm jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta dwar il-Qafas Komuni ta' Referenza u biex teżamina iktar il-kwistjoni tal-liġi kuntrattwali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa 2020"[12] tirrikonoxxi l-ħtieġa li għandu jkun iktar faċli u inqas ta' spiża għan-negozji u l-konsumaturi biex jikkonkludu l-kuntratti mal-imsieħba f'pajjiżi oħra tal-UE, notevolment billi toffri soluzzjonijiet armonizzati għall-kuntratti tal-konsumaturi, klawżoli ta' kuntratt mudell tal-UE u billi tagħmel progress lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea fakultattiva. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[13], l-ewwel inizjattiva eċċellenti adottata taħt l-istrateġija tal-Ewropa 2020, għandha l-għan li twassal ekonomija sostenibbli u benefiċċji soċjali minn suq intern diġitali billi telimina l-frammentazzjoni legali.L-azzjoni li qed tipproponi tirreferi għal "strument legali kuntrattwali fakultattiv biex jegħleb il-frammentazzjoni tal-liġi kuntrattwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-ambjent onlajn".

L-Unjoni tista' timla l-lakuni fil-liġi kuntrattwali billi tadotta l-għodod effettivi għat-tneħħija tal-ostakli tas-suq relatati mal-liġijiet kuntrattwali diverġenti. Strument ta' Liġi Kuntrattwali Ewropea, jekk ikun biżżejjed faċli għall-utent u ċert legalment, jista' jintuża wkoll bħala mudell, partikolarment għall-organizzazzjonijiet internazzjonali li jużaw l-Unjoni bħala mudell għall-integrazzjoni reġjonali[14]. Għalhekk l-Unjoni jista' jkollha rwol ta' tmexxija fit-twaqqif ta' standards internazzjonali uniformi f'dan il-qasam, li min-naħa tagħhom jistgħu jagħtu lill-ekonomija Ewropea vantaġġ kompetittiv f'din id-dinja.

Sabiex twettaq il-mandat tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet Grupp ta' Esperti[15] biex jeżamina l-vijabbilità ta' strument faċli għall-utent tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea, li minnu kapaċi jibbenefikaw il-konsumaturi u n-negozji li, fl-istess ħin, se jipprovdi ċertezza legali. Il-Grupp se jgħin lill-Kummissjoni biex tagħżel dawk il-partijiet tad-DCFR li huma direttament jew indirettament relatati mal-liġi kuntrattwali, u fir-ristrutturar, ir-reviżjoni u s-supplimentar tad-dispożizzjonijiet magħżula. Hu se jikkunsidra wkoll is-sorsi l-oħra rilevanti f'dan il-qasam, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni preżenti. Il-Grupp jiġbor il-kompetenza mit-tradizzjonijiet legali differenti tal-Unjoni u l-interessi tal-partijiet interessati. Il-membri ntagħżlu minn fost esperti b'reputazzjoni tajba fil-qasam tal-liġi ċivili, b'mod partikolari fil-liġi kuntrattwali, u qed jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mnedija minn din il-Green Paper se jagħtu informazzjoni dwar il-ħidma għaddejja bħalissa tal-Grupp ta' Esperti.

3. SFIDI GħAS-SUQ INTERN

It-tlestija tas-suq intern qed taffaċċja numru ta' ostakli, li mhux se jħalluha milli twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Ostakli regolatorji, lingwistiċi, u ostakli oħra[16] jfixklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Diverġenzi bejn liġijiet kuntrattwali nazzjonali huma eżempju ta' dawn l-ostakli kif ħareġ matul il-konsultazzjoni mnedija mal-Komunikazzjoni tal-2001 fil-Liġi Kuntrattwali Ewropea, fi stħarriġ tal-Ewrobarometru[17] u studji oħra[18].

3.1 Kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi

Id-diverġenzi jeżistu mhux biss f'oqsma li ma ġewx irregolati mil-liġi tal-UE (pereżempju liġi kuntrattwali ġenerali), iżda wkoll f'oqsma li kienu armonizzati parzjalment fuq livell tal-Unjoni fuq il-bażi ta' armonizzazzjoni minima (pereżempju liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur). Dan ħalla spazju għall-approċċi nazzjonali differenti lil-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur.

F'kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi, l-Unjoni stabbilixxiet regoli ta' kunflitt tal-liġi li huma maħsuba biex jipproteġu l-konsumaturi meta jfittxu soluzzjoni man-negozji minn Stati Membri oħra li magħhom ikollhom kuntratt. B'mod iktar speċifiku, taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I, fejn il-parti tan-negozju tfittex l-attivitajiet kummerċjali tagħha fil-pajjiż ta' residenza abitwali tal-konsumatur jew tidderiġi din l-attività lejn dan il-pajjiż, il-liġi ta' dan il-pajjiż tapplika fin-nuqqas ta' għażla. Jekk il-partijiet jagħżlu liġi għajr il-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-konsumatur, il-kuntratt ma jistax iċaħħad il-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija bil-liġi tiegħu[19]. Minħabba din ir-regola, il-konsumaturi jistgħu jkunu kunfidenti li, fil-każ ta' tilwim, il-qrati se jiżguraw li huma se jibbenefikaw minn għall-inqas l-istess livell ta' protezzjoni kif garantit fil-pajjiż ta' residenza tagħhom.

Għan-negozji, din ir-regola tfisser li meta jbigħu minn fruntieri għall-oħra, il-kuntratti li jikkonkludu mal-konsumaturi huma soġġetti għal regoli differenti fis-seħħ fil-pajjiżi fejn huma residenti l-konsumaturi, irrispettivament jekk saritx jew le għażla ta' liġi. In-negozji li jixtiequ jimpenjaw ruħhom f'kummerċ transkonfinali bħal dan jistgħu jaffaċċjaw spejjeż legali għolja meta l-kuntratti tagħhom huma soġġetti għal-liġi tal-konsumatur barranija. F'każijiet estremi, ċerti negozji jistgħu anke jirrifjutaw li jbigħu minn fruntiera għall-oħra u għalhekk konsumaturi potenzjali ta' dik il-kumpanija jistgħu jkunu magħluqin fis-swieq nazzjonali tagħhom u jkunu mċaħħda minn aktar għażla u prezzijiet irħas offerti mis-suq intern tagħhom. Dan jista' jkun partikolarment rilevanti fi tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku. Anke jekk il-websajt ta' bejjiegħ tkun tista' tiġi aċċessibbli għall-konsumaturi mill-Istati Membri kollha, minħabba l-ispejjeż u r-riskji relatati, il-bejjiegħ jista' jirrifjuta milli jikkonkludi kuntratti mal-konsumaturi minn Stati Membri oħra. Pereżempju, fil-każ ta' 61% tal-offerti kummerċjali elettroniċi transkonfinali, il-konsumaturi ma setgħux jagħmlu ordni l-iktar minħabba li n-negozji rriffjutaw milli jservu l-pajjiż tal-konsumatur[20]. Għalhekk, il-potenzjal tal-kummerċ elettroniku transkonfinali jibqa' parzjalment mhux milħuq, għad-detriment kemm tan-negozji, partikolarment l-IŻM, u kif ukoll tal-konsumaturi.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur[21] tindirizza uħud minn dawn il-problemi billi hi maħsuba li tissimplifika u tikkonsolida l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur, fuq il-bażi ta' sett sħiħ armonizzat ta' aspetti ewlenin tas-suq intern tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur. Madankollu, anke jekk tkun adottata kif propost, mhux se tagħmel il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali tal-Istati Membri kompatibbli bis-sħiħ fl-oqsma mhux armonizzati. Barra minn hekk, fl-oqsma tad-dispożizzjonijiet armonizzati bis-sħiħ, ikun hemm bżonn li jiġu applikati flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali oħra tal-liġi kuntrattwali ġenerali[22]. Barra minn hekk, sentejn ta' negozjati intensivi fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill enfasizzaw li m'hemmx limiti għal approċċ ibbażżat fuq armonizzazzjoni sħiħa. Konsegwentement, differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali tal-Istati Membri se jibqgħu realità anke wara l-adozzjoni tad-Direttiva u n-negozji li jixtiequ jbigħu minn fruntiera għall-oħra jridu jikkonformaw magħhom.

3.2 Kuntratti bejn in-negozji

F'kuntratt bejn negozji, il-partijiet għandhom il-libertà li jagħżlu l-liġi li tirregola l-kuntratt tagħhom. Huma jistgħu jinkorporaw fil-kuntratti tagħhom l-istrumenti eżistenti, bħal pereżempju l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Bejgħ Internazzjonali tal-Oġġetti jew il-Prinċipji tal-UNIDROIT relatati mal-Kuntratti Kummerċjali Internazzjonali. Madankollu, in-negozji m'għandhomx l-għażla ta' Liġi Kuntrattwali Ewropea Komuni li tista' tiġi applikata u interpretata b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

Kumpaniji kbar b'setgħa ta' negozjar b'saħħitha jistgħu jiżguraw li l-kuntratti tagħhom huma soġġetti għal liġi nazzjonali partikolari. Dan jista' jkun diffiċli għall-IŻM u għalhekk joħloq ostakli fl-ilħuq ta' politika kummerċjali uniformi fl-Unjoni, u b'hekk jipprevjenu n-negozji milli jieħdu l-opportunitajiet fis-suq intern. Barra minn hekk, l-iżgurar ta' konformità ma' sistemi differenti tal-liġi kuntrattwali jew il-kisba ta' informazzjoni dwar il-liġi applikabbli fi Stat Membru ieħor u f'lingwa oħra jistgħu jżidu l-ispejjeż.

Filwaqt li għal ċerti tipi speċjlizzati ta' kuntratti li jkollhom dimensjoni internazzjonali b'saħħitha, bħal pereżempju kuntratti tat-trasport bil-baħar, in-negozji jistgħu jkunu diġà saru familjari mal-liġijiet użati ta' spiss għal irregolar ta' din it-tip ta' tranżazzjoni, dan mhuwiex neċessarjament dejjem il-każ. Barra minn hekk, għal tranżazzjonijiet kummerċjali iktar ġenerali, in-negozji jistgħu jibbenefikaw minn strument li jistabbilixxi sett uniformi ta' regoli ta' Liġi Kuntrattwali Ewropea li se tkun aċċessibbli fil-lingwi uffiċjali kollha. Dan jista' jipprovdi iktar riassigurazzjoni lin-negozji impenjati f'kummerċ transkonfinali, li jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom malajr ma' tali sistema billi jużawha fin-negozjati ma' negozji fi Stati Membri oħra. F'dawn it-tip ta' negozjati, dan jista' jsir jidher bħala alternattiva għal-liġijiet kuntrattwali nazzjonali tal-Istati Membri u reġim ta' liġi kuntrattwali modern u newtrali li jispira mit-tradizzjonijiet tal-liġi kuntrattwali komuni b'mod ċar u faċli għall-utent. Għażla bħal din tista' tkun partikolarment attraenti għall-IŻM li jidħlu fi swieq ġodda għall-ewwel darba.

4. L-GħAżLA TAL-AħJAR STRUMENT GħAL-LIġI KUNTRATTWALI EWROPEA

Strument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea għandu jwieġeb għall-problemi tal-liġijiet kuntrattwali diverġenti identifikati hawn fuq, mingħajr ma jintroduċi piżijiet addizzjonali jew kumplikazzjonijiet għall-konsumaturi jew negozji. Barra minn hekk, għandu jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur. Fl-oqsma li jkopri, l-istrument għandu jkun komprensiv u separat, fis-sens li r-referenzi għal-liġijiet nazzjonali jew l-istrumenti internazzjonali għandhom ikunu mnaqqsa kemm jista' jkun. Ġew identifikati diversi għażliet, fir-rigward tan-natura legali, l-ambitu tal-applikazzjoni u l-ambitu materjali tal-istrument tal-futur.

4.1 Liema għandha tkun in-natura legali tal-istrument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea?

Strument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea jista' jvarja minn strument li ma jorbotx, li hu maħsub biex itejjeb il-konsistenza u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-UE, għal strument li jorbot li se jistabbilixxi alternattiva għall-pluralità eżistenti ta' reġimi ta' ligi kuntrattwali nazzjonali, billi jipprovdi sett uniku ta' regoli ta' liġi kuntrattwali. Bħala osservazzjoni ġenerali, strument tal-Unjoni se jsir disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha. Dan se jkun għall-benefiċċju tal-partijiet interessati kollha involuti, il-leġiżlaturi li jfittxu gwida, l-imħallfin li japplikaw regoli u l-partijiet li jinegozjaw it-termini tal-kuntratt tagħhom.

Għażla 1: Pubblikazzjoni tar-riżultati tal-Grupp ta' Esperti

Ir-riżultat tal-ħidma tal-Grupp ta' Esperti jista' jsir faċilment disponibbli, permezz tal-pubblikazzjoni minnufiħ fuq il-websajt tal-Kummissjoni, mingħajr l-approvazzjoni fuq livell tal-Unjoni. Jekk il-Grupp ta' Esperti jipproduċi test prattiku u faċli għall-utent, dan jista' jintuża mil-leġiżlaturi Ewropej u nazzjonali bħala sors ta' ispirazzjoni meta jabbozzaw il-leġiżlazzjoni u minn partijiet kuntrattwali meta jabbozzaw it-termini u l-kondizzjonijiet standard tagħhom. Dan jista' jintuża wkoll f'edukazzjoni għolja jew taħriġ professjonali bħala kompendju meħud mit-tradizzjonijiet differenti tal-liġi kuntrattwali tal-Istati Membri. Użu estensiv ta' din il-ħidma tista' tikkontribwixxi, fit-tul, għall-konverġenza volontarja tal-liġijiet kuntrattwali nazzjonali.

Madankollu, din is-soluzzjoni ma setgħetx tindirizza l-ostakli tas-suq intern. Id-diverġenzi fil-liġi kuntrattwali mhux se jitnaqqsu b'mod sinifikanti minn test li m'għandux awtorità jew status formali għall-qrati u l-leġiżlaturi.

Għażla 2: "Ġabra ta' għodod" uffiċjali għal-leġiżlatur

a) Il-Kummissjoni taġixxi fuq il-"ġabra ta' għodod"

Billi tuża r-riżultati tal-Grupp ta' Esperti, il-Kummissoni tista' tadotta att (pereżempju Komunikazzjoni jew Deċiżjoni tal-Kummissjoni) dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea li trid tintuża bħala għodda ta' referenza mill-Kummissjoni biex tiżgura l-koerenza u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni se tuża l-"ġabra ta' għodod" meta tabbozza l-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida jew meta tirrevedi miżuri eżistenti. Strument bħal dan se jkun effettiv minnufih mal-adozzjoni mill-Kummissjoni, mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament u l-Kunsill. Madankollu, f'dan il-każ, il-Parlament u l-Kunsill mhux se jkunu meħtieġa biex jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet meta jippreżentaw l-emendi tagħhom.

b) Ftehim interistituzzjonali dwar il-"ġabra ta' għodod"

"Ġabra ta' għodod" fil-Liġi Kuntrattwali Ewropea tista' tkun is-soġġett ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill biex jagħmlu referenza konsistenti mad-dispożizzjonijiet tiegħu meta jiġu abbozzati u negozjati proposti li huma diretti fuq il-Liġi Kuntrattwali Ewropea. Proposta għal ftehim interistituzzjonali se teħtieġ negozjati bejn tliet leġiżlaturi qabel ma ssir effettiva, iżda jkollha valur miżjud fl-implikazzjoni tagħha tat-tliet istituzzjonijiet li se jkunu meħtieġa li jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha meta jippreparaw u jadottaw strumenti leġiżlattivi ġodda.

L-iżvantaġġ ta' "ġabra ta' għodod" huwa li mhux se tipprovdi benefiċċji tas-suq intern tanġibbli u minnufih peress li mhux se tneħħi diverġenzi fil-liġi. Barra minn hekk, "ġabra ta' għodod" għal-leġiżlatur ma tistax tiżgura applikazzjoni u interpretazzjoni konverġenti tal-liġi kuntrattwali tal-Unjoni mill-qrati.

Għażla 3: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea

Strument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea jista' jkun anness ma' Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istati Membri fejn tħeġġiġhom jinkorporaw l-istrument fil-liġi nazzjonali tagħhom. Rakkomandazzjoni bħal din se tippermetti l-Istati Membri biex jadottaw gradwalment l-istrument fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fuq bażi volontarja. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE se jkollha l-ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni.

Jistgħu jkunu previsti żewġ possibbiltajiet:

a) Ir-Rakkomandazzjoni tista' tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ibiddlu l-liġijiet kuntrattwali nazzjonali mal-istrument Ewropew irrakkomandat. Approċċ bħal dan kien implimentat b'suċċess fl-Istati Uniti, fejn Kodiċi Kummerċjali Uniformi elaborat minn esperti fil-liġi kummerċjali u approvat minn organizzazzjonijiet kważi pubbliċi u newtrali[23] kien adottat mill-50 Stat kollha apparti wieħed.

b) Ir-Rakkomandazzjoni tista' tħeġġeġ l-Istati Membri biex jinkorporaw l-istrument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea bħala sistema fakultattiva, u toffri lill-partijiet kuntrattwali alternattiva għal-liġi nazzjonali. F'dawk l-Istati Membri li jagħżlu dan il-metodu, l-istrument Ewropew fakultattiv se jkun jeżisti flimkien ma' strumenti alternattivi oħra li jistgħu jintagħżlu bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratti, bħal pereżempju l-Prinċipji tal-UNIDROIT.

Rakkomandazzjoni bħal din ma jkollha l-ebda effetti li jorbtu fuq l-Istati Membri u tippermettilhom diskrezzjoni dwar kif u meta jimplimentaw l-istrument fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Għalhekk, din is-soluzzjoni għandha r-riskju ta' approċċ inkoerenti u mhux komplut bejn l-Istati Membri, li jistgħu japprovaw ir-Rakkomandazzjoni b'mod differenti u f'mumenti differenti fi żmien jew inkella ma japprovawhiex.

Għażla 4: Regolament li jistabbilixxi strument fakultattiv tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea

Regolament jista' jistabbilixxi strument fakultattiv, li se jkun meqjus bħala t-"tieni Sistema" f'kull Stat Membru, b'hekk jipprovdi l-partijiet b'għażla bejn iż-żewġ reġimi tal-liġi kuntrattwali domestika[24].

Hu se jdaħħal fil-liġijiet nazzjonali tas-27 Stat Membru sett ta' regoli tal-liġi kuntrattwali komprensivi u separati kemm jista' jkun li jistgħu jintagħżlu mill-partijiet bħala l-liġi li tirregola l-kuntratti tagħhom[25]. Hu se jipprovdi l-partijiet, primarjament dawk li jixtiequ jaħdmu fis-suq intern, b'sett alternattiv ta' regoli[26]. L-istrument jista' jkun applikabbli f'kuntratti transkonfinali biss, jew kemm f'kuntratti transkonfinali u kif ukoll dawk domestiċi (Ara t-Taqsima 4.2.2 hawn taħt).

Fin-natura tiegħu, strument fakultattiv jista' jikkostitwixxi biss soluzzjoni sensibbli għall-problemi li ġejjin minn diverġenzi regolatorji jekk ikun ċar biżżejjed għall-utent medju u jipprovdi ċertezza legali. Dawn huma prekondizzjonijiet biex tinbena l-kunfidenza tal-partijiet kontraenti fl-istrument sabiex tkun magħżula l-ewwel nett bħala l-bażi legali tal-kuntratt . B'mod partikolari għandhom ikunu rassigurati meta jidħlu f'kuntratt fuq din il-bażi li d-drittjiet tagħhom mhux se jkunu kompromessi. Sabiex ikunu operattivi minn perspettiva ta' suq intern, l-istrument fakultattiv se jkollu jaffettwa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mandatorji, inklużi dawk dwar il-protezzjoni tal-konsumatur[27]. Tabilħaqq, dan se jikkostitwixxi valur miżjud b'paragun mas-sistemi fakultattivi eżistenti, bħal pereżempju l-Konvenzjoni ta' Vjenna, li ma tistax tillimita l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji nazzjonali.

L-istrument fakultattiv jeħtieġ li joffri b'mod ċar livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur[28].

Referenza konsistenti għal ġabra unika ta' regoli se tneħħi l-ħtieġa għall-imħallfin u l-prattikanti legali biex jinvestigaw f'ċerti każijiet liġijiet barranin, kif inhu attwalment il-każ skont ir-regoli tal-liġi ta' kunflitt. Dan mhux biss jista' jnaqqas l-ispejjeż għan-negozji, iżda jħaffef il-piż amministrattiv fuq is-sistema ġudizzjarja.

Strument fakultattiv bħal dan jista' jġib benefiċċji importanti tas-suq intern mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' iktar interventi fil-liġi nazzjonali. Għalhekk, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, strument fakultattiv jista' jikkostitwixxi alternattiva għall-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet nazzjonali, billi joffri soluzzjoni proporzjonata għall-ostakli tas-suq intern li jirriżultaw minn liġijiet kuntrattwali nazzjonali diverġenti.

Min-naħa l-oħra, strument fakultattiv Ewropew jista' jkun ikkritikat li jikkomplika l-ambjent legali. Billi jżid sistema parallela, l-ambjent legali se jibqa' jkun ta' sfida u jeħtieġ informazzjoni ċara biex jippermetti lill-konsumaturi biex jifhmu d-drittijiet tagħhom u b'hekk jieħdu deċiżjoni informata dwar jekk iridux jikkonkludu kuntratt dwar din il-bażi alternattiva.

Għażla 5: Direttiva dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea

Direttiva dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea tista' tarmonizza l-liġi kuntrattwali nazzjonali fuq il-bażi tal-istandards komuni minimi. L-Istati Membri jistgħu jkunu kapaċi jżommu regoli iktar protettivi, soġġetti għall-konformità mat-Trattat. Jista jkun ukoll previst li d-differenzi li jirriżultaw ikunu notifikati lill-Kummissjoni mbagħad ippubblikati biex tiżdied it-trasparenza għall-konsumaturi u n-negozji li joperaw minn fruntiera għall-oħra.

Fir-rigward tal-kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi, id-Direttiva se tkun ibbażata fuq livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, kif meħtieġ mit-Trattat, u se tikkumplimenta l- acquis tal-konsumatur, inkluż id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva futura dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.

Direttiva bħal din tista' tnaqqas id-diverġenzi lingwistiċi, billi tikseb livell ta' konverġenza bejn il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali. Dan jista' jwassal għal iktar kunfidenza, partikolarment għall-konsumaturi u IŻM, li jidħlu jaħdmu minn fruntiera għal oħra. Madankollu, l-armonizzazzjoni permezz ta' direttivi bbażati fuq armonizzazzjoni minima mhux se twassal neċessarjament għall-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi tar-regoli[29]. In-negozji li joffru oġġetti u servizzi bejn il-fruntieri xorta se jkollhom bżonn li jimxu mar-regoli kuntrattwali differenti tal-konsumatur f'dawk il-pajjiżi kollha. L- acquis kuntrattwali tal-konsumatur eżistenti juri l-limitazzjonijiet tad-direttivi ta' armonizzazzjoni minimi fit-tnaqqis tad-diverġenzi regolatorji. F'kuntratti transkonfinali bejn in-negozji, id-Direttiva tista' ma tkunx kapaċi twassal iċ-ċertezza legali meħtieġa u għalhekk in-negozji se jkomplu jħallsu spejjeż ta' konformità.

Għażla 6: Regolament li jistabbilixxi Liġi Kuntrattwali Ewropea

Regolament li jistabbilixxi Liġi Kuntrattwali Ewropea jista' jbiddel id-diversità ta' liġijiet nazzjonali ma' sett ta' regoli Ewropew uniformi, inkluż regoli mandatorji li jagħtu livell għoli ta' protezzjoni għall-parti inqas b'saħħitha. Dawn ir-regoli se japplikaw għall-kuntratti mhux b'għażla mill-partijiet, iżda minħabba kwistjoni tal-liġi nazzjonali. Ir-Regolament jista' jibdel liġijiet nazzjonali fi tranżazzjonijiet transkonfinali biss, jew jista' jibdel liġijiet nazzjonali kemm f'kuntratti transkonfinali kif ukoll f'kuntratti domestiċi (Ara t-Taqsima 4.2.2 hawn taħt).

Din is-soluzzjoni se tneħħi l-frammentazzjoni legali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali u twassal għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Ir-regoli tal-liġi kuntrattwali uniformi jistgħu jiffaċilitaw il-konklużjoni tal-kuntratti transkonfinali u jippreżentaw mekkaniżmu effiċjenti għas-soluzzjoni ta' tilwim.

Madankollu, din is-soluzzjoni tista' tqajjem kwistjonijiet sensittivi ta' sussidjarjetà u proporzjonalità. Il-bidla ta' pluralità tal-liġijiet nazzjonali, b'mod partikolari jekk il-kuntratti domestiċi huma wkoll koperti, ma sett wieħed ta' regoli tista' ma tkunx miżura proporzjonata biex tittratta ostakli għall-kummerċ fis-suq intern.

Għażla 7: Regolament li jistabbilixxi Kodiċi Ċivili Ewropew

Din is-soluzzjoni timxi pass iktar ’il quddiem mir-Regolament li jistabbilixxi Liġi Kuntrattwali Ewropea, fis-sens li hi tkopri mhux biss il-liġi kuntrattwali, iżda wkoll tipi oħra ta' obbligi(pereżempju liġi dwar id-danni u intervent benevolenti). Strument bħal dan se jnaqqas iktar il-ħtieġa li jerġgħu jintużaw dispożizzjonijiet nazzjonali.

Minkejja li impedimenti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżistu wkoll f'oqsma ta' liġijiet oħra għajr il-liġi kuntrattwali, għad għandu jkun stabbilit sa liem punt strument estensiv bħall-Kodiċi Ċivili Ewropew jista' jkun ġġustifikat fuq raġunijiet ta' sussidjarjetà.

4.2 Liema għandu jkun l-ambitu ta' applikazzjoni tal-istrument?

Strument tal-liġi kuntrattwali jista' jkopri diversi oqsma ta' applikazzjoni.

4.2.1 L-istrument għandu jkopri kemm kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi kif ukoll bejn in-negozji?

Strument jista' jkun applikabbli fit-tipi kollha ta' tranżazzjonijiet, kemm jekk ikunu bejn in-negozji kif ukoll bejn in-negozji u l-konsumatur. Hemm ċerti dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi kuntrattwali li huma rilevanti għall-kuntratti kollha mingħajr distinzjoni, iżda l-istrument jista' jkollu wkoll ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi, li l-applikazzjoni tagħhom se tinbeda biss f'ċerti tipi ta' kuntratti, pereżempju, dispożizzjonijiet mandatorji li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur. Dawn se jkunu involuti meta tranżazzjoni tinvolvi konsumatur u negozju[30].

Strumenti separati għall-kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi u bejn in-negozji jistgħu wkoll ikunu previsti. Fil-prinċipju, strumenti separati jistgħu jittrattaw aħjar kwistjonijiet li huma speċifiċi għal dawn it-tipi ta' kuntratti u li jkunu eħfef biex jiġu elaborati u użati. Madankollu, il-proliferazzjoni tal-istrument għandha r-riskju ta' duplikazzjoni u inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni.

4.2.2 L-istrument għandu jkopri kemm il-kuntratti transkonfinali kif ukoll domestiċi?

Il-problemi tad-diverġenzi fil-liġijiet huma normalment trejdmark ta' kuntratti transkonfinali, fejn diversi strumenti nazzjonali jew internazzjonali jistgħu jkunu involuti. Strument li jkopri kuntratti transkonfinali biss, kapaċi li jsolvi l-problemi ta' konflitt ta' liġijiet jista' jagħti kontribuzzjoni importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. F'kuntratti bejn in-negozji u l-konsumatur, in-negozji se jkunu kapaċi jaħdmu fuq il-bażi ta' żewġ settijiet ta' termini, wieħed għall-kuntratti transkonfinali u l-ieħor għall-kuntratti domestiċi. Il-konsumaturi se jkunu wkoll soġġetti għal żewġ settijiet ta' regoli. Strument applikabbli kemm għall-kuntratti transkonfinali kif ukoll domestiċi se jissimplifika iktar l-ambjent regolatorju, iżda jkollu impatt fuq il-konsumaturi li ma jixtiequx jidħlu fis-suq intern u jippreferu jżommu livelli nazzjonali ta' protezzjoni.

Min-naħa l-oħra, f'kuntratti bejn in-negozji fejn il-prinċipju ta' libertà ta' kuntratt hija importanti ħafna, jista' ma jkunx raġonevoli li l-partijiet ikunu mċaħħda mill-possibbiltà li jagħżlu l-istrument Ewropew fi tranżazzjonijiet purament domestiċi. Strument li jkopri kemmil-kuntratti transkonfinali kif ukoll domestiċi jista' jirrappreżenta inċentiva oħra għan-negozji biex jespandu minn fruntieri għall-oħra, peress li se jkunu kapaċi jużaw sett uniku ta' termini u politika ekonomika unika.

L-istrument jista' jiffoka wkoll fuq kuntratti konklużi fl-ambjent onlajn (jew, b'mod iktar ġenerali, b'distanza), minkejja li approċċ bħal dan mhux se jipprovdi soluzzjoni eżawrjenti għall-ostakli tas-suq intern lil hinn minn dak il-kuntest speċifiku. Dawn il-kuntratti jikkostitwixxu proporzjoni sinifikanti ta' tranżazzjonijiet transkonfinali fis-suq intern u għandhom l-akbar potenzjal għat-tkabbir. Għalhekk, jista' jkun żviluppat strument imfassal apposta għad-dinja onlajn. Dan jista' jkun applikabbli kemm f'sitwazzjonijiet transkonfinali kif ukoll domestiċi, jew f'sitwazzjonijiet transkonfinali biss.

4.3 Liema għandu jkun l-ambitu materjali tal-istrument?

L-ambitu materjali tal-istrument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea tista' tiġi interpretata b'mod limitat jew wiesa'. Fi kwalunkwe każ, l-istrument għandu jkopri regoli tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur mandatorji, u l- acquis tal-Unjoni għandu jittieħed bħala l-punt ta' tluq.

4.3.1 Interpretazzjoni limitata tal-ambitu tiegħu

Strument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea tista' tkun limitata għal regoli dwar: definizzjoni ta' kuntratt, dmirijiet ta' qabel il-kuntratt, formazzjoni, dritt ta' rtirar, rappreżentazzjoni, raġunijiet għall-invalidità, interpretazzjoni, kontenut u effetti tal-kuntratti, prestazzjoni, rimedji għal nuqqas ta' prestazzjoni, pluralità ta' debituri u kredituri, bidla ta' partijiet, tpaċija u amalgamazzjoni, u preskrizzjoni[31]. L-ambitu tiegħu jista' wkoll jiffoka fuq liġijiet kuntrattwali tal-konsumatur mandatorji li jagħtu lok għal ostakli tas-suq intern u prattiċi li jikkawżaw dannu għall-konsumtari u IŻM, bħal pereżempju termini kuntrattwali mhux ġusti.

4.3.2 Interpretazzjoni wiesgħa tal-ambitu tiegħu

Strument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea jista' jkopri, apparti l-kwistjonijiet imniżżla fit-Taqsima 4.3.1 hawn fuq, suġġetti relatati, bħal pereżempju restituzzjoni, responsabbiltà mhux kuntrattwali, akkwist u telf ta' sjieda ta' oġġetti u sigurtà ta' proprjetà f'assi mobbli.

4.3.3 Tipi speċifiċi ta' kuntratti għandhom ikunu koperti mill-istrument?

Apparti d-dispożizzjonijiet tal-liġi kuntrattwali ġenerali, l-istrument jista' jkollu dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tipi l-iktar prevalenti ta' kuntratti. L-iktar komuni u rilevanti mill-perspettiva tas-suq intern huwa l-kuntratt għall-bejgħ ta' oġġetti.

Il-kuntratti ta' servizz huma wkoll importanti ħafna. Madankollu, minħabba l-karattru eteroġenu tagħhom, dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom isiru għal tipi speċifiċi ta' kuntratti ta' servizzi. Pereżempju, l-istrument jista' jkollu dispożizzjonijiet għall-kuntratti ta' servizz li jkunu simili għall-bejgħ, bħal pereżempju kiri ta' karozzi jew għall-kuntratti tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, kuntratti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji huma ta' natura speċifika u teknika ħafna, partikolarment meta jkunu konklużi bejn il-professjonisti, u jeħtieġu approċċ prudenti peress li l-ambjent legali f'dawn l-oqsma jinbidel malajr.

Fir-rigward ta' ċerti kuntratti ta' servizzi, diġà ġew proposti regoli mudell minn riċerkaturi u jistgħu jservu bħala ispirazzjoni. Pereżempju, l-Abbozz ta' Qafas ta' Referenza komuni għandu regoli mudell għall-kuntratti ta' kiri ta' oġġetti. Il-Grupp ta' Proġett "Dikjarazzjoni mill-ġdid tal-Liġi Kuntrattwali tal-Assigurazzjoni Ewropea" elabora l- Prinċipji tal-Liġi Kuntrattwali tal-Assigurazzjoni Ewropea (PEICL) [32]. Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-prinċipji hija meħtieġa għal deċiżjoni dwar jekk u kif għandhom ikunu applikati għall-kuntratti ta' servizzi finanzjarji.

4.3.4 Ambitu ta' Kodiċi Ċivili Ewropew

Kodiċi Ċivili Ewropew se jeħtieġ li jkopri mhux biss il-liġi kuntrattwali, inkluż tipi speċifiċi ta' kuntratti, iżda wkoll liġi rigward id-danni, arrikkiment mhux iġġustifikat u l-intervent benevolenti fl-affarijiet ta' ħaddieħor.

5. KONKLUżJONIJIET

L-għan ta' din il-Green Paper hu li tniedi konsultazzjoni pubblika biex tiġbor l-orjentazzjonijiet u l-opinjonijiet mill-partijiet interessati rilevanti dwar l-għażliet politiċi possibbli fil-qasam tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea.

Din il-Green Paper se tkun ippubblikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni (http://ec.europa.eu/yourvoice/). Din il-konsultazzjoni se ssir bejn l-1 ta' Lulju 2010 u l-31 ta' Jannar 2011 u hija miftuħa għal kull parti interessata. Individwi, organizzazzjonijiet u pajjiżi li bi ħsiebhom jipparteċipaw fil-proċess ta' konsultazzjoni huma mistiedna jibagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, fil-forma ta' tweġibiet lil mistoqsijiet kollha jew xi uħud minnhom ippreżentati fid-dokument u/jew bħala kummenti ġenerali dwar il-kwistjonijiet li jitressqu fid-dokument.

Il-kontibuzzjonijiet rċevuti se jkunu ppubblikati, possibbilment f'forma mqassra, ħlief jekk l-awtur joġġezzjona l-pubblikazzjoni tad-dejta personali tagħhom minħabba r-raġunijiet li tali pubblikazzjoni se tagħmel ħsara lill-interess leġittimu tiegħu/tagħha. F'dan il-każ, il-kontribuzzjonijiet tista' tkun ippubblikata f'forma anonima. Inkella, il-kontribuzzjoni mhux se tiġi ppubblikata, u lanqas, fil-prinċipju, mhu se jiġi kkunsidrat il-kontenut tagħha.

Barra minn hekk, mit-tnedija f'Ġunju 2008 tar-Reġistru ta' Rappreżentanti Interessati (lobbyists) bħala parti mill-Inizjattiva tat-Trasparenza Ewropea, l-organizzazzjonijiet huma mistiedna biex jużaw dan ir-Reġistru biex jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pubbliku ġenerali b'informazzjoni dwar l-għanijiet, il-finanzjament u l-istrutturi tagħhom. Hija politika tal-Kummissjoni li sottomissjonijiet minn organizzazzjonijiet se jkunu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet individwali ħlief jekk l-organizzazzjonijiet jkunu rreġistraw.

Il-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni għandhom jintbagħtu lil: jls-communication-e5@ec.europa.eu.

Mistoqsijiet dwar din il-kontribuzzjoni jistgħu jsiru fl-istess indirizz elettroniku jew jintbagħtu lil:

Kummissjoni Ewropea DĠ Ġustizzja Unità A2, Rue de la Loi 200, B-1049 Brussels, Belgium.

[1] COM (2001) 398, 11.07.2001.

[2] COM (2003) 68, 12.2.2003.

[3] Ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Il-Liġi Kuntrattwali Ewropea u r-reviżjoni tal- acquis : It-triq 'il quddiem" - COM (2004) 651, 11.10.2004.

[4] COM (2008) 614, 8.10.2008.

[5] Von Bar, C., Clive, E. u Schulte Nölke, H. (eds.), Prinċipji, Definizzjonijiet u Regoli Mudell tal-Liġi Privata Ewropea. Abbozz ta' Qafas ta' Referenza Komuni (DCFR), Munich, Sellier, 2009.

[6] Uħud minnhom kienu ispirati minn prinċipji u regoli mudell prodotti mill-Association Henri Capitant u Société de législation comparée ("European Contract Law. Materials for a Common Frame of Reference : Terminology, Guiding Principles, Model Rules", Ass. H. Capitant et SLC, 2008, Sellier European law publishers).

[7] In-netwerk, intitolat "Il-Kummissjoni dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea" kien magħmul minn akkademiċi mill-Istati Membri kollha u attivat, taħt il-presidenza ta' Ole Lando, bejn l-1982 u 2001.

[8] Il-Konvenzjoni ta' Vjenna s'issa ġiet ratifikata minn 74 pajjiż. Eżżezzjonijiet notevoli, fost il-pajjiżi tal-UE, huma r-Renju Unit, il-Portugall u l-Irlanda.

[9] Pereżempju, l-Organizzazzjoni għall-Armonizzazzjoni tal-Liġi Kummerċjali fl-Afrika kienet qed taħdem fuq l-iżvilupp ta' Att Uniformi fuq Kuntratti ispirati l-iktar mill-Prinċipji tal-UNIDROIT relatati mal-Kuntratti Kummerċjali Internazzjonali. Il-Prinċipji tal-UNIDROIT u l-PECL ispiraw ukoll l-Att tal-Kuntratti Ċiniż tal-1999.

[10] Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (ĠU L 177, 4.7.2008, p.6).

[11] Att tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009, Nru 17024/09.

[12] COM (2010) 2020 finali, 3.3.2010.

[13] Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" - COM (2010) 245, 19.05.2010.

[14] Pereżempju, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (stabbilita fl-1967), jew l-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t' Isfel stabbilita riċentement (2008).

[15] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2010 li jwaqqaf il-Grupp ta' Esperti ta' Referenza fil-qasam tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea ĠU L 105, 27.04.2010, p 109.

[16] Pereżempju problemi ta' twassil ta' servizzi postali, problemi bil-pagamenti.

[17] Ara pereżempju l-EWROBAROMETRU Speċjali 292 (2008) u l-EWROBAROMETRU Flash 278 (2009).

[18] Ara pereżempju, l-Istħarriġ Clifford Chance fil-Liġi Kuntrattwali Ewropea, (2005).

[19] Regoli ta' liġi ta' kunflitt simili li huma maħsuba biex jipproteġu l-parti inqas b'saħħitha fir-rigward tat-tipi l-oħra ta' kuntratti, bħal pereżempju l-kuntratti ta' assigurazzjoni u l-kuntratti ta' trasport, ara l-Artikolu 7 u 5 rispettivament tar-Regolament Ruma I.

[20] Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Kummerċ Elettroniku Transkonfinali fl-UE bejn Negozji u Konsumaturi - COM(2009) 557, 22.10.2009.

[21] COM (2008) 614.

[22] Pereżempju dwar ir-rimedji għall-ksur ta' doveri tal-informazzjoni.

[23] Il-Kodiċi Kummerċjali Uniformi huwa rivedut ta' spiss u approvat konġuntament mill-Kummissjoni tal-Liġi Uniformi, li għandha l-għan li tabbozza u tippromwovi l-approvazzjoni tal-liġijiet statali uniformi, fejn l-uniformità hija prattika u mixtieqa, u mill-Istitut tal-Liġi Amerikana, li jipproduċi ħidma akkademika biex jikkjarifika, jimmodernizza u jtejjeb il-liġi.

[24] Ara wkoll l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, INT/499, 27,5,2010.

[25] Dan is-sett ta' regoli tal-liġi kuntrattwali se jiffurmaw parti mil-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru anke għall-għanijiet ta' liġi internazzjonali privata.

[26] Ara r-Rapport ta' Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni Ewropea "Strateġija Ġdida għas-Suq Uniku, 9 ta' Mejju 2010: " Il-vantaġġ tat-28 reġim huwa li dan iżid l-għażliet għan-negozji u għaċ-ċittadini li joperaw fis-suq uniku: jekk is-suq uniku jkun l-isfera ewlenija tagħhom, huma jistgħu jagħżlu qafas legali standard u uniku li jkun validu fl-Istati Membri kollha ". Ara wkoll ir-rakkomandazzjoni tar-Rapport lill-Kunsill Ewropew mill-Grupp ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-UE 2030, "Proġett tal-Ewropa 2030: Sfidi u Opportunitajiet", Mejju 2010: "Għandha tittieħed azzjoni biex ċ-ċittadini jkunu pprovduti bl-għażla li jirrikorru għal Status Legali Ewropew (it-"28 reġim") li jkun japplika għal relazzjonijiet kuntrattwali f'ċerti oqsma ta' liġi ċivili jew kummerċjali flimkien mas-27 reġim nazzjonali attwali".

[27] Huwa meħtieġ li fl-istrument innifsu tkun artikolata r-relazzjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I.

[28] Ara l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

[29] Għal din ir-raġuni, ir-Rapport ta' Monti jirrikmanda li l-armonizzazzoni għandha tkun segwita permezz ta' Regolamenti, p. 93.

[30] Għal raġunijiet ta' konsistenza, l-istrument tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea se tkun trid tikkumplimenta l- acquis tal-konsumatur rilevanti, billi jintegra r-rekwiżiti tiegħu, inkluż il-progress li sar dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq intern fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.

[31] Din it-terminoloġija meħuda mid-DCFR hija indikattiva biss u ma tantiċipax la l-istruttura u lanqas it-terminoloġija tal-istrument.

[32] Prinċipji tal-Liġi Kuntrattwali tal-Assigurazzjoni Ewropea, Munich, Sellier, 2009.

Top