Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0207

    Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat {SEG(2010) 513 finali} {SEG(2010) 514 finali} {SEG(2010) 515 finali} {SEG(2010) 516 finali} {SEG(2010) 517 finali} {SEG(2010) 518 finali} {SEG(2010) 519 finali} {SEG(2010) 520 finali} {SEG(2010) 521 finali} {SEG(2010) 522 finali} {SEG(2010) 523 finali} {SEG(2010) 524 finali} {SEG(2010) 525 finali}

    /* KUMM/2010/0207 finali */

    52010DC0207

    Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat {SEG(2010) 513 finali} {SEG(2010) 514 finali} {SEG(2010) 515 finali} {SEG(2010) 516 finali} {SEG(2010) 517 finali} {SEG(2010) 518 finali} {SEG(2010) 519 finali} {SEG(2010) 520 finali} {SEG(2010) 521 finali} {SEG(2010) 522 finali} {SEG(2010) 523 finali} {SEG(2010) 524 finali} {SEG(2010) 525 finali} /* KUMM/2010/0207 finali */


    Brussel 12.5.2010

    KUMM(2010) 207 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

    {SEG(2010) 513 finali}{SEG(2010) 514 finali}{SEG(2010) 515 finali}{SEG(2010) 516 finali}{SEG(2010) 517 finali}{SEG(2010) 518 finali}{SEG(2010) 519 finali}{SEG(2010) 520 finali}{SEG(2010) 521 finali}{SEG(2010) 522 finali}{SEG(2010) 523 finali}{SEG(2010) 524 finali}{SEG(2010) 525 finali}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

    INTRODUZZJONI

    Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (il-PEV) trasformat ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ġirien tagħha[1]. Minn mindu tnediet fl-2004, il-kuntatti politiċi żiedu l-profil u l-intensità tagħha. Il-kummerċ żdied b'rati b'ċifri doppji, megħjun mill-proċess kontinwu ta' liberalizzazzjoni u konverġenza regolatorja. L-għajnuna tal-UE ġiet imfassla skont il-bżonnijiet ta' riforma tas-sieħba u l-volum tagħha fil-Qafas Finanzjarju kurrenti żdied bi 32%.

    Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-PEV ta' stabbiltà, sigurtà u prosperità komuni. It-Trattat ta' Lisbona jirrikonoxxi dan billi jagħmel impenn f'isem l-UE sabiex trawwem relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien bil-għan li tiġi stabbilita żona ta' prosperità u ġirien tajbin (l-Art. 8 tat-TUE). Il-politika se tibbenefika wkoll minn aktar konsistenza, koerenza u koordinazzjoni tal-politika esterna tal-Unjoni, riżultat tal-ħatra ta' Rappreżentant Għoli/Viċi-President u t-twaqqif ta' Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, kif ukoll tal-ħatra ta' Kummissarju b'mandat reġjonali speċifiku li jippermettilu jagħti aktar attenzjoni lill-PEV u l-pajjiżi li tkopri.

    F'dan l-isfond, il-Kummissjoni, minn kif bdiet il-mandat tagħha, qieset li jkun utli li tanalizza l-progress li sar minn mindu tnediet il-politika. L-analiżi preżentata hawnhekk se sservi ta' gwida għal aktar żvilupp tal-PEV, biex isir l-aħjar użu tal-possibbiltajiet ġodda li ġab it-Trattat ta' Lisbona u biex itejjeb il-kontribuzzjoni tal-PEV għall-għanijiet fit-tul tal-UE, inkluż l-aġenda 2020.

    Id-Dokumenti tal-Ħidma tal-Persunal annessi ma' din il-Komunikazzjoni jirrappurtaw f'aktar dettall dwar l-implimentazzjoni tal-PEV ma' kull sieħeb fl-2009.

    KOOPERAZZJONI BILATERALI TAL-PEV 2004-2009

    Il-PEV għandha l-għan li tfannad id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ma' kull ġar u li tikseb grad sostanzjali ta' integrazzjoni magħhom. Il-PEV hija sħubija għal riforma li toffri "aktar għal aktar": aktar ma sieħeb jingaġġa ruħu mal-Unjoni, aktar l-Unjoni tkun tista' twieġeb b'mod sħiħ.

    Bħala riflessjoni ta' din id-dinamika, kien qed isir tisħiħ kontinwu tar-relazzjonijiet kuntrattwali. Il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs) ġew konklużi mas-sieħba tan-nofsinhar sal-2004. Ftehim ta' Assoċjazzjoni mas- Sirja lest biex jiġi ffirmat. Fil-Lvant, f'konformità mal-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant (l-EaP)[2] li ħolqot dimensjoni speċifika għal-Lvant fil-PEV, il-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni tad-disgħinijiet qed jiġu sostitwiti b'AAs aktar ambizzjużi.

    Sa kmieni fl-2007, tnax-il sieħeb kienu qablu dwar Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV mal-UE biex jgħinuhom imexxu r-riformi tagħhom. Hekk kif waslu biex jiskadu l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV tal-ewwel ġenerazzjoni, qed isir xogħol biex jitħejjew il-pjanijiet suċċessuri, li jibnu fuq l-esperjenza miksuba.

    Permezz ta' dan il-qafas, l-UE qiegħda tfannad bil-mod ir-relazzjonijiet tagħha mal-ġirien aktar minn qatt qabel. Netwerk intensiv ta' kważi 100 sotto-kumitat jippermetti skambji regolari u intensivi dwar il-kwistjonijiet kollha ta' interess komuni, li jinkludu oqsma varji bħal governanza, demokrazija, trasport u riforma fis-settur tas-saħħa, u jikkontribwixxu għal żieda fil-kunfidenza u tagħrif reċiproku. Is-suċċess ta' din l-istrateġija wassal għadd ta' sieħba tan-nofsinhar ( il-Marokk, Iżrael, il-Ġordan, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Awtorità Palestinjana ) biex jippruvaw ikabbru r-relazzjonijiet bilaterali.

    Intejbu l-governanza u nindirizzaw kunflitti li ilhom għaddejjin

    Il-PEV tesprimi l-impenn konġunt tal-UE u s-sieħba tagħha għall-valuri komuni tad-demokrazija, l-istat ta' dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ sħiħ tal-UE għall-isforzi ta' demokratizzazzjoni li jitwettqu mill-ġirien tagħha. Il-kooperazzjoni fi ħdan il-PEV isseħħ f'kuntest politiku diffiċli, inkluż kunflitti li ilhom għaddejjin, u l-kisbiet ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Il-progress f'dan il-qasam jibqa' essenzjali għall-istabbiltà u l-prosperità fit-tul tal-pajjiżi sieħba.

    Filwaqt li l-adeżjoni għall-konvenzjonijiet u l-protokoll tad- drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali żdiedet, l-implimentazzjoni tagħhom għadha preokkupanti. Sar progress, pereżempju, dwar il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa, fejn fl- Eġittu , il-mutilazzjoni tal-organi ġenitali femminili sar reat, żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika fil- Marokk u l- Ġordan u bdiet tittieħed azzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' "qtil għall-unur", notevolment fil- Lebanon u l- Ġordan . Fl-Ukraina, pass importanti lejn żieda fil-libertà tal-midja kien it-tneħħija tal-prattika tal-ħruġ ta' 'temniki' (istruzzjonijiet mill-awtoritajiet dwar dak li għandu jiġi rappurtat). Madankollu, l-avvanzi fil-ġlieda kontra t-tortura m'humiex biżżejjed. Għad hemm problemi serji f'ħafna pajjiżi rigward ir-rispett tal-libertà tal-espressjoni, partikolarment fil-midja, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-assemblea. L-ispazju għall-atturi tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadu limitat. Il-piena tal-mewt għadha tiġi prattikata fl -Alġerija, fil-Bjelorussja, fl-Eġittu, f'Iżrael, fil-Ġordan, fil-Lebanon, fil-Libja, fil-Marokk, fit-territorji okkupati tal-Palestina, fis-Sirja, fit-Tuneżija u hija prattikata b'mod regolari, fil- Bjelorussja, fl-Eġittu, fil-Libja u fis-Sirja . Rigward ir-refuġjati u dawk li qed ifittxu ażil, il-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-PEV ma jipprovdux għajnuna u protezzjoni adegwata[3]. Uħud minnhom għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni dwar ir-refuġjati tal-1951, u lanqas il-Protokoll tagħha tal-1967, u oħrajn għadhom ma stabbilixxewx qafas legali meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha.

    F'ħafna pajjiżi la l-qafas leġiżlattiv għall-elezzjonijiet u lanqas il-kondotta tagħhom ma tikkonforma mal-istandards internazzjonali. B'kuntrast ma' dan, l-elezzjonijiet presidenzjali riċenti fl- Ukraina u t-tieni sett ta' elezzjonijiet parlamentari fil- Moldova kienu ħielsa u ġusti. Xi leġiżlazzjoni elettorali li għaddiet fis-snin riċenti tejbet il-kwalità tal-elezzjonijiet, notevolment fil- Marokk u fil- Lebanon . Il-Lebanon, flimkien mat- territorju okkupat tal-Palestina , ibbenefika wkoll mill-għajnuna elettorali tal-UE u l-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE - fejn l-uniċi każijiet kienu fiż-Żona tan-Nofsinhar.

    Saru investimenti sinifikanti biex jittejbu l-kapaċità u l-effiċjenza tal- ġudikatura , imma l-indipendenza, l-effettività u l-imparzjalità ġudizzjarja għadhom suġġett ta' preokkupazzjoni. Ir-riforma fl- amministrazzjoni pubblika għadha waħda mill-isfidi sinifikanti li għalihom għadhom ma ntlaħqux il-miri stabbiliti fil-pajjiżi sieħba.

    Is-sieħba kollha mal-Pjanijiet ta' Azzjoni, lestew ir-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU tal-2005 kontra l- Korruzzjoni , imma l-indikaturi tal-perċezzjoni tal-korruzzjoni wrew bidla ġenerali għall-agħar matul il-perjodu.

    ( Il-bżonn li wieħed jinkoraġġixxi governanza tajba għadu urġenti, kemm bħala mira fiha nfisha, u kemm minħabba li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwa l-istabbiltà politika u t-tkabbir ekonomiku. Il-progress fil-qasam tar-riforma politika se jkun fil-qalba għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet mas-sieħba.

    Il-Missjoni tal-Għajnuna fil-Fruntiera tal-UE lill- Ukraina u l- Moldova (EUBAM), stabbilita fl-2005, turi l-potenzjali tal-PEV biex jikkontribwixxi għall- prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti. L-EUBAM għandha l-għan li ġġib it-trasparenza fil-fruntieri Ukraina-Moldova u li trawwem ambjent ta' negozju li juri lill-operaturi ekonomiċi, inkluż dawk fit-Transnistria, il-vantaġġi li jaħdmu fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Moldova biex jibbenefikaw mill-preferenzi tal-kummerċ internazzjonali (u tal-UE). Għalhekk hija tipprova tevita l-kunflitti biex tiġġenera kunfidenza u ftehim reċiproku.

    Dwar il-Ġeorġja, l-UE kienet qed tipprovdi appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju qawwi bi sforz biex tnaqqas il-bżonnijiet li rriżultaw mill-kunflitt fl-2008 u wkoll bil-għan ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fi ħdan il-fruntieri tal-Ġeorġja. L-UE provdiet appoġġ sostanzjali wara l-kunflitt fil-Ġeorġja, inkluż pakkett ta' għajnuna b'valur sa EUR 500 miljun. L-UE ħadet ukoll rwol attiv bħala ko-president, flimkien man-NU u mal-OSCE, tat-"taħditiet ta' Ġeniva", li hija l-unika pjattaforma li tippermetti proċess politiku għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti li għadhom għaddejjin. Missjoni ċivili ta' monitoraġġ tal-UE (EUMM) twaqqfet biex tissorvelja u tanalizza l-proċess ta' stabbiltà.

    ( Il-kunflitti mhux solvuti fil-Viċinat ikomplu jxekklu l-iżvilupp tal-pajjiżi sieħba u huma ta' riskju għas-sigurtà tal-UE nfisha. It-Trattat ta' Lisbona issa jiftaħ possibbiltajiet ġodda għal sforzi aktar integrati tal-UE għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti li jagħmlu użu mill-istrumenti relevanti kollha.

    Promozzjoni tal-mobbiltà

    Il-kuntatti bejn il-persuni bejn il-fruntieri jippromwovu l-ftehim reċiproku kif ukoll ir-rabtiet kulturali u tan-negozju. Huma wkoll kruċjali għall-ingaġġar sinifkanti tal-UE mal-ġirien tagħha. Il-Kummissjoni hija impenjata li ttejjeb il-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni madwar il-Viċinat. Dan jista' jsir b'mod li jtejbu wkoll is-sigurtà, il-mobbiltà regolari u legali ta' vjaġġaturi bona fide u żgurar ta' kontrolli aktar stretti fuq dawk li jistgħu jisfruttaw il-mobbiltà għal skopijiet kriminali.

    B'kollox, fl-2008, inħarġu 2.09 miljun viżas tal-UE għal Schengen fil-Viċinat tagħna. Jekk wieħed jikkunsidra biss it-13-il Stat Membru tal-UE li kienu parti miż-żona Schengen fl-2004, in-numru ta' viżas kien 1.3 miljuni, żieda ta' 13% mill-1.15 miljuni fl-2004, f'konformità max-xejra globali. Madankollu, iċ-ċittadini tal-ġirien tal-lvant ma kinux jeħtieġu viża biex jidħlu fl-Istati Membri tal-lvant qabel l-adeżjoni rispettiva tagħhom fl-2004 u l-2007. In-numru ta' viżitaturi mis-sieħba tal-lvant lejn l-UE fil-fatt naqas wara dik is-sena.

    L-UE diġà ħadet passi konkreti biex tagħmilha aktar faċli, irħas u aktar mgħaġġla għall-ġirien biex jidħlu fl-UE. Il-ftehimiet dwar il- faċilitazzjoni tal-viża mal- Ukraina u l- Moldova rriżultaw fi tneħħija jew tnaqqis tal-miżata tal-viża għal aktar minn terz tal-applikanti filwaqt li l-ftehimiet ta' riammissjoni għenu biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari u jiżguraw b'mod sħiħ is-sigurtà tal-UE u tas-sieħba tagħha. In-negozjati għal tali ftehim mal- Ġeorġja ġew konklużi. Miżuri oħra ( Sħubiji ta' Mobbiltà) intlaħaq qbil dwarhom ukoll mal- Ġeorġja u l- Moldova biex jippromwovu l-migrazzjoni legali, u biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar trans-konfinali, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u biex ikun hemm impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ekonomiku tas-sieħba tal-UE permezz tal-migrazzjoni.

    Barra minn hekk, l-EaP fetaħ il-prospetti ta' liberalizzazzjoni tal-viża għal mawriet qosra bħala għan fit-tul għas-sieħba tal-EaP, sakemm ikunu fis-seħħ ċerti kundizzjonijiet għal mobbiltà sigura u mmaniġġjata tajjeb. Djalogu strutturat u dedikat għal liberalizzazzjoni tal-viża diġà għaddej mal- Ukraina u għandu jibda ieħor mal- Moldova .

    Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni ssottolineat kontinwament il-bżonn għall-UE li tiffaċilita l-ivvjaġġar għal perjodu qasir ukoll mas-sieħba tan-nofsinhar tal-UE. B'dispjaċir ma kienx hemm avvanzi sinifikanti f'dan il-qasam.

    Il-Kummissjoni tagħti importanza partikolari lill-mobbiltà tal-istudenti, riċerkaturi u akkademiċi. Il- programm Erasmus Mundus jappoġġja riformi fl-edukazzjoni għolja u aktar rabtiet istituzzjonali mal-UE, u għandu parteċipazzjoni eċċellenti fir-reġjuni tal-PEV. Fl-2007-2009, grazzi għall-Għotjiet tal-Erasmus Mundus, aktar minn 3,250 studenti u akkademiċi minn pajjiżi sieħba setgħu jistudjaw fl-universitajiet tal-UE sa massimu ta' tliet snin. 474 studenti u akkademiċi mill-UE bbenefikaw minn perjodu ta' studju fl-universitajiet tal-pajjiżi sieħba. Barra minn hekk, l-Azzjonijiet Marie Curie provdew opportunitajiet ta' mobbiltà u żvilupp tal-karriera għar-riċerkaturi mill-Ewropa u mill-pajjiżi ġirien.

    B'mod aktar ġenerali, minħabba li l-mobbiltà hija mfixkla minn fatturi oħra apparti r-reġim tal-viża, jista' jkun hemm skop għal aktar djalogu u kooperazzjoni dwar miżuri oħra bħall-għarfien tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali u l-ġarr tad-drittijiet.

    ( Il-mobbiltà tal-persuni qed turi progress imma tista' tittejjeb/tiżdied. Il-viżitaturi mill-Viċinat tagħna jgħaddu minn proċessi twal u diffiċli meta japplikaw għal viżas biex iżuru l-UE. Dawn huma mistennija li jiġu indirizzati mill-Kodiċi tal-Viża l-ġdid applikabbli minn April tal-2010. Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid, li ttejjeb aktar il-mobbiltà ta' negozjanti, persuni, turisti, studenti u akkademiċi bona fide , u għandha l-għan li tipproponi l-miżguri segwenti:

    - Pjanijiet għal reġim mingħajr viża għal mawriet qosra mal- Ukraina , li magħha l-UE diġà qed twettaq djalogu dwar il-viża, u l- Moldova , li magħha d-djalogu għandu jibda dalwaqt. Il-progress jiddependi fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet meħtieġa.

    - Il-ftehimiet għall-iffaċilitar tal-Viża u r-riammissjoni mas-sieħba tal-lvant li għad m'għandhomx tali ftehimiet, jiġifieri, l- Armenja, l-Ażerbajġan u l-Bjelorussja .

    - Il-ftehimiet ta' faċilitar tal-viża mas-sieħba tan-nofsinhar ukoll, sakemm ikun hemm progress ukoll fl-immaniġġjar tal-migrazzjoni inkluż il-ftehimiet ta' riammissjoni.

    - Miżuri prattiċi bażati fuq il-Kodiċi tal-Viża tal-UE biex itejbu t-twassil tal-viża tal-UE u kopertura konsulari fiż-żona tal-EaP. Jekk jiksbu suċċess, dawn il-miżuri jiġu estiżi għall-Viċinat kollu.

    - Aktar djalogu dwar miżuri biex jiffaċilitaw l- aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-PEV, inkluż billi tiġi provduta informazzjoni dwar il-kanali eżistenti legali għall-migrazzjoni u l-mobbiltà kif ukoll ta' opportunitajiet ta' xogħol disponibbli u ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol.

    Avvanzar tal-integrazzjoni ekonomika

    L-UE toffri integrazzjoni ekonomika mas-Suq Intern tagħha, li jirrifletti viżjoni strateġika fit-tul ta' prodotti u servizzi negozjati faċilment, twaqqif sempliċi ta' kumpaniji, żieda fl-investiment dirett esteru fil-pajjiżi sieħba u livell għoli ta' ħarsien soċjali, tal-konsumatur u tal-ambjent.

    Din l-offerta hija inkluża fl-istrateġija tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' Żoni Wesgħin u Komprensivi ta’ Kummerċ Ħieles (DCFTAs). Dawn imorru lilhinn minn sempliċiment tneħħija tat-tariffi, u jkopru wkoll aċċess għas-suq tas-servizzi, investiment, akkwisti pubbliċi u ħafna setturi oħra, u jagħżlu approssimazzjoni għal-liġijiet tal-UE f'żoni fejn dan jista' jwassal għal żieda fil-kummerċ. Is-sieħba kollha fil-Pjanijiet ta' Azzjoni huma parti minn din l-istrateġija.

    Il-PEV ma tipprovax tesporta l- acquis tal-UE b'mod sħiħ. Madankollu, minħabba li hemm biss ftit mudelli regolatorji f'dinja globalizzata, il-mudell tal-UE għandu x-xejra li jkun attraenti għas-sieħba, u jnaqqas l-'ispejjez ta' invenzjoni' għar-riforma politika u ekonomika. Għalhekk ħafna sieħba adottaw strateġija wiesgħa għall-konverġenza mal-politiki u l-istandards regolatorji tal-UE.

    Kummerċ, aċċess għas-suq u allinjament regolatorju

    Il- kummerċ tal-UE mar-reġjun tal-PEV żdied matul il-perjodu 2004-08, fejn l-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu b'63% u l-importazzjonijiet b'91%. Il-prodotti tal-enerġija jirrappreżentaw komponent kbir minn dan tal-aħħar. Madankollu, anke meta dawn jiġu esklużi, l-importazzjonijiet mir-reġjun tal-PEV żdiedu b'31%. Bħala proporzjon tal-kummerċ dinji tal-UE, l-esportazzjonijiet għar-reġjun tal-PEV żdiedu minn 5.7% għal 6.7% u l-importazzjonijiet mir-reġjun żdiedu minn 5.4% għal 6.9%, li jirriflettu integrazzjoni ekonomika li qed tavvanza b'mod kostanti.

    Il-kummerċ mas-sieħba tal-lvant evolva b'mod partikolarment dinamiku, minkejja li beda minn punt relattivament baxx: is-sehem tar-reġjun tal-esportazzjonijiet tal-UE kważi rdoppja minn 1.26% għal 2.1%, u s-sehem tiegħu ta' importazzjonijiet mill-UE żdied minn 0.8% għal 1.4%. It-tnaqqis fl-ekonomija laqat il-pajjiż tal-lvant b'mod qawwi, u dan wassal ukoll għal tnaqqis fil-kummerċ mas-sieħba fl-2009.

    Ittieħdu wkoll passi preliminari mfassla skont il-bżonnijiet tas-sieħba differenti lejn it-tisħiħ tal-integrazzjoni ekonomika. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta' Preferenzi Awtonomi tal-Kummerċ (il-Moldova), li jipprovdu għall-aċċess ħieles mid-dazju u l-kwoti għas-swieq tal-UE għall-prodotti kollha ħlief ċerti prodotti agrikoli li minkejja dan xorta jingħataw xi konċessjonijiet), u n-negozjar ta’ numru ta’ ftehimiet settorali, bħall-ftehimiet dwar il-kummerċ fl-agrikoltura, prodotti proċessati tal-agrikoltura u s-sajd (l-Eġittu, Iżrael, il-Marokk) jew Ftehimiet dwar l-Aċċettar u l-Valutazzjoni tal-Konformità tal-Prodotti Agrikoli (l-ACAAs) li għandhom l-għan li jirrikonoxxu l-ekwivalenza fir-regolamenti tekniċi, standardizzazzjoni u valutazzjoni tal-konformità f’setturi magħżula (ftehim partikolari ġie konkluż ma’ Iżreal, filwaqt li l-Eġittu u t-Tuneżija qed jippreparaw għan-negozjati b’mod attiv). Pereżempju, il-livell miksub ta’ liberalizzazzjoni sħiħa ta’ prodotti agrikoli proċessati fil-ftehim bilaterali bejn l-UE u Iżreal huwa għoli 95%, u għal 5% l-oħra ġew skambjati xi preferenzi addizzjonali. Negozjati għal-liberalizzazzjoni tas-servizzi u d-dritt tal-istabbiliment jinsabu għaddejjin (mal- Marokk , it- Tuneżija , Iżreal u l- Eġittu ). Mill-2008, inkiseb reġim sħiħ ta’ kummerċ ħieles dwar il-prodotti industrijali mat- Tuneżija .

    In-negozjati dwar l-ewwel DCFTA digà għaddejjin mal- Ukraina u t-tħejjijiet jinsabu għaddejjin biex jinfetħu n-negozjati mal- Moldova , il- Ġeorġja u l- Armenja .

    Ir-riżultati miksuba minn dan il-proċess ta’ integrazzjoni jinkludu:

    - L-amministrazzjonijiet doganali tal-pajjiżi sieħba għamlu sforzi biex isaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tagħhom permezz ta’ pjanijiet li jintroduċu tekniċi doganali moderni, bħall-ġestjoni tar-riskju, kontroll wara r-rilaxx, il-kunċett ta’ "operaturi ekonomiċi awtorizzati" (l-AEO) u post uniku ta' kuntatt.

    - Il-pajjiżi sieħba adottaw malajr il-mudell regolatorju tal-UE għall- komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jistimulaw it-tkabbir u jiżviluppaw ekonomiji bażati fuq it-tagħrif. Il-PEV appoġġjat il-gvernijiet sieħba li jixtiequ jiftħu s-suq tagħhom u promwoviet komportament orjentat lejn is-suq minn għadd ta’ operaturi. Ittieħdu wkoll passi bħall-ftuħ tas-suq tat-telefonija fissa u għal servizzi avvanzati bħall-internet, kif ukoll l-appaltar ta' liċenzji addizzjonali tat-telefonija ċellulari, sabiex wieħed mis-swieq l-aktar kompetittivi fid-dinja jiġi allinjat ma’ dak tal-UE. Fil-każ tal- Eġittu , is-settur tal-ICT huwa mistenni li jikkontribwixxi għat-tkabbir fl-esportazzjoni minn EUR 175 miljun fl-2005 għal EUR 770 miljun fl-2010 u jikkontribwixxu wkoll b’mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi. Iż-żieda fl-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni huwa fattur importanti li jikkontribwixxi għad-demokratizzazzjoni tas-soċjetajiet.

    - L-implimentazzjoni ta’ żona ta' avjazzjoni komuni mal-pajjiżi tal-viċinat hija dimensjoni ewlenija tal-politika ta’ avjazzjoni esterna tal-UE, fejn l-għan aħħari huwa suq tat-trasport bl-ajru wieħed li jkopri sa 60 pajjiż u biljun persuna. Fl-2006, ġie ffirmat mal- Marokk Ftehim tal-Avjazzjoni Ewro-Mediterranju. Is-sena ta’ wara, in-numru ta’ passiġġieri bl-ajru bejn il-Marokk u l-UE spara bi 17% (meta mqabbel ma' żieda ta’ 6% fit-traffiku tal-ajru madwar id-dinja), u tnedew 52 rotta ġdida u daħlu fis-suq 12-il linja tal-ajru ġdida. Ftehimiet simili ngħataw bidu mal- Ġeorġja u l- Ġordan , filwaqt li qed isiru negozjati ma’ Iżreal , il- Lebanon , it- Tuneżija u l- Ukraina , u ngħata mandat għan-negozjati mal- Alġerija . Tali Ftehimiet mhux biss għandhom effett pożittiv fuq it-traffiku u t-tkabbir ekonomiku imma huma wkoll għodod essenzjali biex jippromwovu l-ogħla standards miksuba mill-UE f'termini ta' sikurezza, sigurtà u ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. L-istrateġija tal-Kummissjoni se tiġi elenkata fid-dettall sal-aħħar tal-2010 f’inizjattiva dwar il-politika esterna tal-UE għat-trasport bl-ajru.

    ( Il-ftuħ tas-suq kien ta' benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għas-sieħba. Il-ftuħ tas-swieq f'setturi fejn is-sieħba għandhom vantaġġ kompetittiv huwa essenzjali għall-ekonomiji tagħhom. Se jkomplu jiġu segwiti l-liberalizzazzjonijiet tal-kummerċ u t-twaqqif tad-DCFTAs.

    ( L-UE u s-sieħba jistgħu jibbenefikaw mill-attrazzjoni ta' ambjent regolatorju komuni. Hekk kif jespandi l-ispazju ekonomiku fejn huma użati n-normi u l-istandards tal-UE, għandha tiġi promossa l-aċċettazzjoni tal-mudell regolatorju tal-UE. Dan jista’ jagħti lill-UE u lill-operaturi ekonomiċi tas-sieħba, vantaġġ kompetittiv: huma diġà jipproduċu għas-suq usa’ tal-UE, u aktar ma jiġu aċċettati normi u l-istandards tal-UE, aktar jiġi faċilitat l-aċċess tagħhom għas-swieq barranin. Il-fatt li l-kriżi ma wassalx għal irtirar mir-riformi ekonomiċi jirrifletti s-saħħa tal-proċess tranżizzjonali li fuqu qed nibnu l-prosperità tal-ġirien kif ukoll tagħna.

    Insaħħu l-ambjent ta’ negozju

    L-ENO jappoġġja r-riformi ekonomiċi għal ambjent aħjar ta’ negozju u investiment. Fin-Nofsinhar, l-għodda ewlenija għar-riformi fin-negozju hija l-Karta Ewro-Mediterranja għall-Intrapriża, adottata fl-2004. Il-Karta hija ispirata mill-aqwa prattiċi mill-UE u ġiet adottata mill-pajjiżi sieħba bħala referenza għall-aġendi ta’ riforma tagħhom. Fid-dawl tas-suċċess ta’ din l-istrateġija, qed ikun pjanat li jiġu integrati f’din il-Karta l-fatturi ewlenin tal-Att tal-Unjoni Ewropea dwar in-Negozji ż-Żgħar (l-SBA). Hemm pjanijiet ukoll biex jinbeda proċess simili fil-kuntest tal-EaP.

    Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Karta u għadd ta’ servejs, bħar-rapport tal-Bank Dinji 'Doing Business’, juru progress tajjeb għat-titjib tal- ambjent tan-negozju fir-reġjun tal-PEV, Pereżempju, iż-żmien li hemm bżonn għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji fil- Ġordan naqas minn 79 ġurnata fl-2004 għal 13-il ġurnata fl-2010.

    ( Jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi promoss ambjent pożittiv għan-negozju u l-investiment. B’mod partikolari, hemm bżonn li s-sieħba jkomplu jtejbu l-ambjent regolatorju għan-negozji, jiġġieldu kontra l-korruzzjoni, jinkoraġġixxu l-imprenditorjat u l-innovazzjoni, jaġġornaw il-ħiliet u jtejbu l-aċċess għall-finanzi għall-impriżi żgħar u medji (l-IŻM), li huma l-magna tat-tkabbir ekonomiku.

    Lejn aġenda soċjali tal-PEV

    Il-prinċipju ta’ indirizzar ta’ firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ politika soċjali bħala parti mill-PEV ġiet approvata mis-sieħba, u dan jirrifletti l-fehma li l-koeżjoni soċjali twassal għal ambjent ta' negozju aħjar u hija meħtieġa biex tilleġittimizza u ssostni r-riformi. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni fihom ċerti dispożizzjonijiet fl-oqsma tal-politika tal-impjiegi, id-djalogu soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiema, l-inklużjoni soċjali, il-ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-trattament ugwali għal kulħadd. Dawn jirrappreżentaw aġenda soċjali komprensiva b’prijoritajiet definiti tajjeb u skedi taż-żmien li madankollu għadhom ma ġewx implimentati b’mod sħiħ. Pereżempju, sar progress dwar il-leġiżlazzjoni biex tippromwovi x-xogħol diċenti u r-riforma fil-pensjonijiet, imma l-avvanzi dwar il-politika tax-xogħol, id-drittijiet tat-trejdjunjins, id-djalogu soċjali u l-opportunitajiet indaqs m'humiex uniformi.

    ( Is-suċċess ta' dawn ir-riformi soċjo-ekonomiċi qed irawwem aġenda soċjali tal-PEV komuni li teħtieġ li s-sieħba jżommu dan l-impenn politiku u jallokaw biżżejjed riżorsi amministrattivi u umani għall-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa.

    Naqsmu r-responsabbiltà għall-ambjent

    Il-ħarsien tal- ambjent huwa responsabbiltà komuni għall-UE u għas-sieħba, u sforzi konġunti huma meħtieġa biex jiġu indirizzati b'suċċess il-preokkupazzjonijiet relatati miegħu. Il-pajjiżi sieħba huma konxji tal-isfidi imma, minkejja l-argumenti ekonomiċi qawwija favur azzjoni deċiżiva dwar l-ambjent sabiex jiġu evitati spejjeż ta' tindif akbar fil-futur, ir-riżorsi allokati tagħhom m'humiex biżżejjed. Filwaqt li jeżistu għadd ta' impenji u proċessi internazzjonali, l-implimentazzjoni spiss tkun għadha lura. Għan ewlieni tal-PEV huwa għalhekk li jaħdem mas-sieħba biex jiksbu pjanar strateġiku aħjar, prijoritizzazzjoni u kapaċità amministrattiva aħjar.

    Il-progress ivarja bejn pajjiż u ieħor. Eżempji ta' progress tajjeb jinkludu r-riforma tal-amministrazzjoni tal-ambjent fil- Ġordan , kooperazzjoni maċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali għall-Kawkażu, l-Inizjattiva Horizon 2020 u abbozz ta' strateġija ambjentali fl- Ukraina .

    Bosta sieħba qed juru aktar interess fl-esperjenza tal-UE, u llum huma aktar lesti li joqorbu lejn id-direttivi ambjentali tal-UE. Il-konverġenza regolatorja għandha tkompli tkun fil-qalba tal-PEV kif ukoll il-kooperazzjoni dwar il-governanza ambjentali. Fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020, l-UE għandha l-għan li timxi lejn ekonomija aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi, qasam fejn l-UE u s-sieħba jistgħu jikkooperaw u jibbenefikaw. Barra minn hekk, hija meħtieġa b'mod urġenti aktar kooperazzjoni dwar il-konservazzjoni tal-bijodiversità inkluż billi tiżdied il-kuxjenza dwar il-benefiċċji ekonomiċi tas-servizzi tal-ekosistema, kif ukoll, l-ispejjeż ta' meta wieħed jitlifhom.

    Is-sieħba wrew ukoll ix-xewqa li jaħdmu mal-Aġenzija Ambjentali Ewropea (l-EEA) u l-PEV offriet din il-possibbiltà. Permezz tal-għajnuna finanzjarja tal-UE, l-EEA qed tgħin lis-sieħba biex isaħħu l-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta ambjentali. Il-PEV ikkontribwixxiet ukoll għal aktar trasparenza u responsabbiltà fil-politika ambjentali, permezz tal-involviment tal-NGOs.

    Aspett ieħor li jista' jiġi żviluppat aktar fil-futur huwa governanza koordinata ta' attivitajiet marittimi. Kooperazzjoni aktar mill-qrib tkun utli mhux biss għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, inkluż kontroll effettiv tal-attivitajiet tas-sajd, imma wkoll dwar kwistjonijiet aktar wiesgħa relatati mas-sorveljanza marittima integrata, pjanar tal-ispazju marittimu u materji oħra ta' politika marittima inkluż il-kwalifiki professjonali tal-baħħara. L-UE se tkompli tappoġġja s-sieħba tal-PEV fl-isforzi tagħhom biex jirrattifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS).

    ( Filwaqt li l-progress tanġibbli ma jseħħx mil-lum għal għada f'dan il-qasam kumpless, huwa essenzjali li wieħed jibni fuq dawn ir-riżultati biex jittejbu l-istandards ambjentali madwar ir-reġjun. Titjib fil-ħarsien tal-ambjent permezz ta' konverġenza kontinwa mal-elementi ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-UE, titjib fil-governanza ambjentali, aktar effiċjenza tar-riżorsi u użu adatt tas-servizzi tal-ekosistema huma l-bażi għal żvilupp sostenibbli fit-tul.

    Naħdmu flimkien biex nindirizzaw il-bidla fil-klima

    L-indirizzar tal-kwistjoni tal-bidla fil-klima hija prijorità għall-komunità globali kollha. Il-pajjiżi sieħba qegħdin dejjem aktar iqajmu l-bidla fil-klima fid-djalogu tagħhom mal-UE, fid-dawl tal-Ftehim ta' Kopenħagen, tan-negozjati li għaddejjin għal ftehim għal wara l-2012 u tat-tmexxija tal-UE f'dan il-qasam. Permezz tal-PEV, l-UE tista' tappoġġja s-sieħba sabiex il-kunsiderazzjonijiet dwar il-klima jsiru parti normali mill-politiki tagħhom. Filwaqt li l-pajjiżi sieħba m'humiex fost il-pajjiżi li l-aktar li jipproduċu gassijiet b'effett serra, għandhom potenzjal importanti biex ikomplu l-isforzi tagħhom għat-tnaqqis (eż. permezz ta' żieda fl-effiċjenza tal-enerġija jew il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli) kif ukoll l-adattament (eż. fl-oqsma tal-agrikoltura, l-immaniġġjar tal-ilma jew it-tħejjija biex jindirizzaw perikli naturali bħal għargħar u nixfiet).

    ( Il-Kummissjoni se tkompli ssejjaħ lis-sieħba li għadhom m'għamlux dan biex jassoċjaw lilhom infushom mal-Ftehim ta' Kopenħagen malajr kemm jista' jkun u biex jipprovdu informazzjoni dwar il-miri u l-azzjonijiet li se jimplimentaw. L-UE se tibqa' impenjata b'mod sħiħ għall-proċess ta' negozjar tan-NU bil-għan li tikkonkludi ftehim internazzjonali vinkolanti legalment robust u effettiv. L-UE hija lesta li tfannad id-djalogu u l-attivitajiet ta' kooperazzjoni dwar it-tnaqqis u l-adattament għall-bidla fil-klima.

    Enerġija sostenibbli għaċ-ċittadini u l-industrija

    L-UE u s-sieħba tagħha għandhom interess komuni biex iżommu fornimenti ta' enerġija stabbli, sigura u nadifa għaċ-ċittadini tagħhom u għall-industrija u biex jimxu lejn riżorsi tal-enerġija baxxi fil-karbonju. Il-pakkett dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima tal-2007/2008 tal-Kummissjoni waqqaf qafas kuraġġuż biex jindirizza l-isfidi tal-enerġija inkluż l-iżvilupp tal-politika esterna tal-enerġija. It-tilwima dwar il-gass bejn l- Ukraina u r- Russja fix-xitwa tal-2008/2009 ssottolineat il-bżonn li tiġi trattata b'mod urġenti s-sigurtà tal-enerġija. It-tieni reviżjoni[4] dwar l-enerġija strateġika tal-2008 tal-Kummissjoni tagħmel sejħa biex ir-relazzjonijiet mas-sieħba li huma pajjiżi produtturi u ta' transitu għall-UE, jiżdiedu.

    F'dan il-kuntest, is-sieħba ħadu bosta passi biex jibdew ir-riforma fis-settur u allinjament gradwali mal-politika tal-UE. L-UE ffirmat Memoranda ta' Ftehim dwar l-Enerġija jew Dikjarazzjonijiet mal- Ażerbajġan, il- Bjelorussja, l- Eġittu, il- Ġordan, il- Marokk u l- Ukraina .

    Għadd ta' sieħba rrevedew jew qed jirrevedu l-istrateġiji tal-enerġija tagħhom, b'iffokar ġdid fuq l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli. Is-sieħba ħadu wkoll passi lejn il-konverġenza gradwali mar-regoli tas-suq intern tal-enerġija, adottaw leġiżlazzjoni ġdida, saħħu l-ambjent regolatorju u progressivament eliminaw it-tfixkil fil-prezzijiet. Fl-2009, il-ministri tal-Enerġija tal-Komunità approvaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-adeżjoni tal- Moldova u l- Ukraina fit- Trattat tal-Komunità tal-Enerġija . Il- Ġeorgja saret osservatur f'din il-Komunità.

    L-UE u s-sieħba kkooperaw biex jiżviluppaw in-netwerks tal-enerġija. F'Marzu tal-2009, il-Kummissjoni organizzat konferenza internazzjonali dwar il-modernizzazzjoni tas-sistema tat-tranżitu tal-gass fl- Ukraina . L-UE ħadmet ukoll mas-sieħba għat-twettiq ta' kuritur tal-gass tan-Nofsinhar, li jinkludi l-proġett ta' trasportazzjoni Nabucco u trans-Kaspjan. L-UE appoġġjat il-pjanijiet tal- Moldova u l- Ukraina biex fil-futur jingħaqdu man-netwerks tal-elettriku tal-Ewropa kontinentali.

    Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-inizjattivi ta' kooperazzjoni kienu ffokati fuq l-iżvilupp u l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija, inkluż l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet Nofsinhar-Nofsinhar u Tramuntana-Nofsinhar. Il-Pjan Solari għall-Mediterran ħa sura permezz tal-elaborazzjoni ta' dokument ta' strateġija u t-tnedija ta' għadd ta' inizjattivi u programmi pilota appoġġjati mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

    Fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant, ix-xogħol tal-Pjattaforma 3 "sigurtà tal-enerġija" tnieda bi programm ta' xogħol 2009-2011.

    L-UE u s-sieħba li joperaw impjanti nukleari ċivili (l- Armenja u l- Ukraina ) komplew jikkooperaw dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari. L-UE bdiet ukoll djalogu dwar dawn il-kwistjonijiet ma' sieħba li qed jippjanaw li jibnu impjanti simili.

    ( Il-kooperazzjoni msaħħa dwar l-enerġija f'dawn l-aħħar snin hija neċessarja biex wieħed jindirizza l-bżonnijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu fin-Nofsinhar u mal-investimenti u r-riformi meħtieġa kemm fin-Nofsinhar kif ukoll fil-Lvant. B'mod partikolari, l-effiċjenza tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli jkunu għan ewlieni għall-kooperazzjoni tagħna mas-sieħba tal-PEV.

    L-istrumenti finanzjarji li jirrispondu għall-għanijiet ta' politika

    L-implimentazzjoni tal-PEV hija appoġġjata mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (is-SEVS) b'baġit ta' madwar EUR 11.5 biljun (2007-13). Wara reviżjoni f'nofs it-terminu tad-dokumenti ta' programmar tas-SEVS, l-allokazzjonijiet skont il-pajjiż jirriflettu aħjar il-bżonnijiet, il-livelli ta' ambizzjoni u progress u l-assorbiment tal-kapaċità tas-sieħba. Ir-reviżjoni saret b'kooperazzjoni mal-pajjiżi sieħba u ħadet kont tar-riżultat ta' proċess konsultattiv wiesa' bla preċedenti, li involva s-soċjetà ċivili, l-Istati Membri tal-UE u donaturi oħra.

    L- iffokkar fuq il-politika tal-kooperazzjoni finanzjarja ġie msaħħaħ aktar. L-approssimazzjoni leġiżlattiva u l-konverġenza regolatorja qed jiġu promossi permezz ta' użu usa' tat-TAIEX u l-ġemellaġġ. Sal-aħħar tal-2009 kienu ġew finanzjati aktar minn 1000 azzjoni TAIEX, u kienu ġew stabbiliti aktar minn 114-il patt ta' ġemellaġġ, u aktar minn 110 kienu qed jitħejjew. Programmi Komprensivi għall-Bini tal-Istituzzjonijiet qed jiġu żviluppati biex jibnu kapaċitajiet f'numru limitat ta' istituzzjonijiet ewlenin li huma ċentrali biex iħejju t-triq għall-futur tal-AAs mas-sieħba tal-EaP.

    - Kmieni fl-2009, l-UE nediet tim ta' konsulenti f'livell għoli fl- Armenja biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV (EUR 2.8 miljun). Il-konsulenti provdew pariri tekniċi f'livell għoli biex ifasslu, jidderieġu u jimplimentaw riformi bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Presidenza u s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji b'iffokar partikolari fuq id-demokrazija, governanza tajba, l-istat tad-dritt u l-ekonomija tas-suq.

    - Wara qbil li ntlaħaq f'Diċembru tal-2009, l-UE nediet Missjoni ta' Konsulenza Politika f'Livell Għoli fil-Moldova, f'April tal-2010. Din se toffri għarfien espert lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex tgħin taċċelera l-assoċjazzjoni politika u aktar integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Moldova.

    - Fit-Tuneżija l-progress lejn l-ACAA kien appoġġjat permezz ta' operazzjoni wiesgħa ta' ġemellaġġ (EUR 1.3 miljuni) li tiffoka fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni tal-gvern. Din kienet kumplimentata aktar tard b'operazzjoni ta' appoġġ f'settur kbir (EUR 23 miljun) iffokata fuq infrastruttura ta' kwalità u appoġġ għall-intrapriżi.

    - Fl-Ukraina biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija, ingħata bidu għal żewġ operazzjonijiet settorali fl-oqsma tal-politika tal-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija/enerġija rinnovabbli (EUR 145 miljun). Dawn ġew supplimentati b'operazzjonijiet ta' ġemellaġġ fir-regolamentazzjoni dwar l-elettriku u s-suq tal-gass.

    - Fil- Mediterran , l-appoġġ tal-Kummissjoni għal Horizon 2020 ta' aktar minn EUR 13-il miljun qed jibni kapaċitajiet, jiżviluppa sistemi ta' monitoraġġ u jħejji proġetti ta' investiment ekoloġiku għall-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

    Il- Faċilità tal-Investiment tal-Viċinat (l-NIF) tipprovdi appoġġ għal għotjiet biex jgħinu operazzjonijiet ta' self fil-pajjiżi sieħba mill-BEI, l-EBRD, u istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej oħra. L-għotja ta' kontribuzzjoni tal-Baġit tal-UE ammontat għal EUR 185 miljun bejn l-2007-09. Barra minn hekk l-Istati Membri kkontribwew EUR 47 miljun għall-'Fond Fiduċjarju NIF'. Dawn il-fondi kkontribwew biex iġibu self ta' EUR 4.76 biljun, għal investimenti li jikkontribwixxu wkoll biex javvanzaw l-inizjattivi reġjonali ta' kooperazzjoni u biex iwasslu mill-ġdid għat-tkabbir ekonomiku. Bejn l-2004-2009, l-għotjiet ta' finanzi ta' madwar EUR 90 miljun provduti permezz tal-Faċilità Ewro-Mediterranja għall-Investiment u s-Sħubija (l-FEMIP) kkontribwew biex jiksbu self mill-BEI ta' aktar minn EUR 10 biljuni.

    Ir-reviżjoni f'nofs it-terminu tal-mandat estern tal-BEI għall-perjodu 2007-2013 issottolineat l-bżonn li tiżdied il-koerenza tal-politika bejn il-politika tal-UE u l-iffinanzjar tal-BEI. Għal dan il-għan il-Kummissjoni proponiet[5] li l-iffinanzjar garantit tal-BEI jkopri tliet għanijiet orizzontali ta' livell għoli, jiġifieri t-tibdil fil-klima, l-infrastruttura soċjali u ekonomika, u l-iżvilupp tas-settur privat lokali, inkluż l-IŻM, u biex jiġu stabbiliti linjigwida operazzjonali reġjonali. Fil-Viċinat, il-proposta tal-Kummissjoni twessa' l-iskop tal-iffinanzjar tal-BEI, filwaqt li l-linjigwida jgħinu jinfurzaw l-iffokar tal-politika tal-attività tal-BEI u biex jiżguraw kumplimentarjetà mal-miżuri korrispondenti ta' għajnuna tal-UE. Il-Kummissjoni proponiet ukoll li talloka EUR 2 biljuni addizzjonali taħt il-mandat fil-qasam tal-bidla fil-klima, li minnhom EUR 1 biljun jistgħu jintużaw fil-pajjiżi ġirien.

    Biex twieġeb għall-kriżi ekonomiku u finanzjarju l-Kummissjoni mmobbilizzat ukoll għajnuna makro-finanzjarja favur l- Armenja , il- Georġja , il- Moldova u l- Ukraina .

    ( L-allokazzjonijiet tal-pajjiżi tas-SEVS issa jirriflettu b'mod aktar oġġettiv u trasparenti l-grad li fih il-valuri li hemm wara l-PEV huma maqsuma b'mod effettiv. Minħabba li l-għanijiet tal-Faċilità ta' Governanza (biex jiġi premjat il-progress rigward riformi relatati mal-governanza) issa saru miri prinċipali, il-Kummissjoni bi ħsiebha tirrevedi l-operar tal-Faċilità mill-2011 biex tipprovdi appoġġ aktar immirat għal titjib fil-governanza.

    ( Il-Kummissjoni qed tagħmel sejħa lill-Kunsill biex jadotta l-proposta tagħha għall-emendar tal-Artikolu 23 tar-regolament tas-SEVS. Inter alia, dan jagħmel disponibbli riżorsi addizzjonali (EUR 35 miljun fis-sena) biex jiġi finanzjat l-FEMIP.

    ( Kemm biex l-UE kif ukoll is-sieħba jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-ftuħ tas-suq u biex jagħmluh sostenibbli, l-ekonomiji tas-sieħba jridu jiġu mgħejuna jitjiebu. Il-pajjiżi sieħba b'mod ġenerali għandhom potenzjal qawwi għat-tkabbir, li għadu ma ntmissx, u minħabba li l-prossimità ġeografika tagħhom l-UE hija s-sieħeb tal-kummerċ prinċipali u ovvju tagħhom, l-UE għandha interess dirett li tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku tagħhom. Il-loġika li rabtet l-iżvilupp tas-Suq Intern u dik tal-Fondi Strutturali tapplika wkoll f'relazzjoni mal-Viċinat tagħna, u għandha tmexxi d-dibattitu fil-Qafas Finanzjarju li jmiss.

    INIZJATTIVI MULTILATERALI

    L-iżviluppi bilaterali elenkati fil-qosor fit-taqsima preċedenti kienu kumplimentati minn progress importanti taħt l-oqfsa multilaterali relevanti għall-Viċinat.

    Fin-Nofsinhar, is- Sħubija Ewro Mediterranja , li bdiet fl-1995, għenet biex tħejji t-triq għal żona ta' kummerċ ħieles li se titlesta fi ftit snin. Il-kooperazzjoni kienet stabbilita f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħall-protezzjoni ċivili, kultura, skambji taż-żgħażagħ, u kwistjonijiet tas-sessi. Is-suċċessur tagħha, l- Unjoni għall-Mediterran (UfM) tnediet f'Lulju tal-2008 biex tagħti spinta ġdid bi tliet modi importanti: a) permezz ta' titjib fil-livell politiku tar-relazzjoni tal-UE mas-sieħba Mediterranji tagħha; b) billi tipprovdi aktar sjieda konġunta permezz ta' sistema ta' presidenza konġunta (waħda mill-UE u waħda min-naħa tas-sieħba tal-Mediterran), Segretarjat dedikat u Kumitat Permanenti Konġunt u c) billi dawn ir-relazzjonijiet isiru aktar konkreti u viżibbli permezz ta' proġetti reġjonali u sottoreġjonali fuq skala kbira relevanti għaċ-ċittadini tar-reġjun.

    Fil-kuntest politiku diffiċli wara l-kunflitt ta' Gaża, il-progress kien l-aktar relatat mat-twaqqif ta' Segretarjat tal-UfM, il-ħatra tas-Segretarju Ġenerali f'Jannar tal-2010 u l-adozzjoni tal-istatut f'Marzu. L-implimentazzjoni ta' erba' minn sitt proġetti mxiet bi progress b'kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE.

    Is- Sħubija tal-Lvant tnediet f'Mejju tal-2009, bħala tweġiba għall-interess tas-sieħba tal-lvant biex jersqu eqreb lejn l-UE u biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jaċċeleraw l-assoċjazzjoni politika u aktar integrazzjoni ekonomika. L-iffokar bilaterali tal-EaP huwa kumplimentat ukoll b'kanal multilaterali li jippromwovi l-kooperazzjoni, jiftaħ id-djalogu, u jiskambja l-aqwa prattiċi u esperjenzi. Ġew kostitwiti pjattaformi tematiċi biex jindirizzaw erba' oqsma ewlenin ta' interess: Demokrazija, governanza tajba u stabbiltà; Integrazzjoni ekonomika u konverġenza mal-politiki settorali tal-UE; Is-Sigurtà tal-enerġija; u l-Kuntatti bejn il-popli. L-erba' pjattaformi tematiċi adottaw Programmi ta' Xogħol għall-2010-11, stabilixxew numru ta' Panels, u approvaw id-diżinn ġenerali ta' numru ta' inizjattivi ewlenin[6].

    B'mod parallel, il-Parlament Ewropew ħa l-passi preliminari biex tibda taħdem L-Assemblea Parlamentari tal-Viċinat tal-Lvant tal-UE (l-Euro-Nest), u l-Kumitat tar-Reġjuni ddikjara l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi Assemblea Lokali u Reġjonali tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkażu tan-Nofsinhar. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-EaP (EaP CSF) kien organizzat fi Brussell f'Novembru tal-2009 mill-Kummissjoni, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, billi ġab flimkien aktar minn 200 rappreżentant tas-soċjetà ċivili. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-forum kienu preżentati mir-rappreżentanti tiegħu fil-laqgħa ministerjali tal-EaP f'Diċembru tal-2009.

    Is- Sinerġija tal-Baħar l-Iswed (BSS) , tnediet fi Frar 2008, u tirrifletti l-interess li qed jikber tal-UE biex tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali madwar il-Baħar l-Iswed minħabba li żewġ Stati Membri tal-UE issa għandhom kosta tmiss miegħu. Numru ta' programmi mnedija qabel laħqu l-maturità, notevolment il-programm ta' kooperazzjoni trans-konfinali għall-baċir tal-Baħar l-Iswed 2007-13 u l-Proġett ta' Interkonnessjoni għall-Baħar l-Iswed (is-Soċjetà tal-Informazzjoni).

    Is-Sħubiji tas-Settur tal-Baħar l-Iswed ġew imħejjija mal-Istati Membri tal-UE tar-Reġjun (ir-Rumanija, il-Greċja u l-Bulgarija rispettivament) kif ukoll mal-Istati sieħba. L-ewwel waħda fosthom, is-sħubija ambjentali tnediet fl-ewwel nofs tal-2010, u x-xogħol ikompli jimmodifika l-modalitajiet tagħha.

    Il-Kummissjoni baqgħet attiva fin-netwerk tal-organizzazzjonijiet reġjonali li jaħdmu fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed, inkluż l-organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed (BSEC), fejn il-Kummissjoni ilha osservatur permanenti mill-2007, u l-Kummissjoni dwar il-Ħarsien tal-Baħar l-Iswed kontra t-Tniġġis.

    Barra l-Unjoni għall-Mediterran, it-tkomplija fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq fil-qafas tas-Sħubija Strateġika UE-Afrika kkontribwew għall-għanijiet ġenerali tal-PEV fil-pajjiżi relevanti.

    KONKLUżJONIJIET

    L-istampa li toħroġ għaż-żmien medju hija li minkejja kuntest diffiċli, l-UE kienet kapaċi tiżviluppa sħubija għar-riforma mal-ġirien tagħha. Din ġabet riżultati tanġibbli li minnhom ibbenefikaw kemm is-sieħba kif ukoll l-UE, anke jekk it-tfassil tal-politika u l-leġiżlazzjoni m'humiex dejjem segwiti minn implimentazzjoni effettiva.

    Għad fadal sfidi sinifikanti quddiemna. Il-pass tal-progress huwa determinat mill-grad li bih is-sieħba jkunu lesti li jagħmlu r-riformi meħtieġa, u saru aktar kisbiet fil-qasam ekonomiku, notevolment fl-approssimazzjoni tal-kummerċ u r-regolamenti, milli fil-qasam tal-governanza demokratika. Madankollu, il-pass tal-progress jiddepenedi wkoll fuq il-benefiċċji li s-sieħba jistgħu jistennew f'perjodu ta' żmien raġonevoli. Hawnhekk il-grad li bih l-UE hija lesta li tingaġġa ruħha fis-sħubija, kellu wkoll, u se jkompli jkollu effett sinifikanti.

    [1] L-Alġerija, l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libja, il-Libanu, ir-Repubblika tal-Moldova (minn issa 'l quddiem "il-Moldova"), il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja, it-Tuneżija, u l-Ukraina.

    [2] Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant, 7 ta' Mejju 2009.

    [3] L-UE kompliet tappoġjja l-kapaċitajiet tal-ażil fil-pajjiżi tal-PEV inkluż fil-forma tal-Programmi ta' Ħarsien Reġjonali ( l-Ukrajna u l-Moldova ).

    [4] Pjan ta' Azzjoni ġdid tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija – COM (2008) 781 tat-13 ta' Novembru 2008.

    [5] COM(2010) 174, 21.4.2010.

    [6] Fl-oqsma ta': immaniġġjar integrat tal-fruntieri; appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; effiċjenza tal-enerġija; protezzjoni ċivili; u governanza ambjentali.

    Top