This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0066
Green Paper on Forest Protection and Information in the EU: Preparing forests for climate change SEC(2010)163 final
Dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif Dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima SEG(2010)163 final
Dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif Dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima SEG(2010)163 final
/* KUMM/2010/0066 finali */
Dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif Dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima SEG(2010)163 final /* KUMM/2010/0066 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 1.3.2010 KUMM(2010)66 finali GREEN PAPER Dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif Dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima SEG(2010)163 final GREEN PAPER Dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif Dwarhom fl-UE: Il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima INTRODUZZJONI L-iskop ta' din il-Green Paper huwa li tvara dibattitu dwar l-għażliet għal approċċ tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-protezzjoni tal-foresti u t-tagħrif dwarhom fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Foresti, kif tħabbar mill-Kummissjoni fil-White Paper "L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima: lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni".[1]. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar din il-White Paper urew li t-tibdil fil-klima kellu u se jkollu impatt, inter alia, fuq il-foresti. Minħabba li dawn l-impatti se jkollhom konsegwenzi soċjoekonomiċi u ambjentali, issa huwa l-mument opportun biex nippreparaw sabiex il-foresti tal-UE jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin bil-funzjonijiet tagħhom kollha taħt il-kondizzjonijiet tat-tibdil fil-klima. F'dan il-kuntest, il-protezzjoni tal-foresti fl-UE għandha timmira lejn l-iżgurar li l-foresti jkomplu għaddejjin bil-funzjonijiet produttivi, soċjoekonomiċi u ambjentali kollha tagħhom fil-futur. Il-kompetenza tal-politika tal-foresti taqa' primarjament f'idejn l-Istati Membri (SM) taħt il-prinċipju tas-sussidjarjetà[2]. L-UE għandha rwol limitat, maħsub prinċipalment biex iżid il-valur mal-politiki nazzjonali u l-programmi forestali billi: - twettaq monitoraġġ u possibbilment tirrapporta dwar l-istat tal-foresti tal-UE, - tantiċipa x-xejriet globali u tiġbed l-attenzjoni tal-SM lejn l-isfidi emerġenti u, - tipproponi u possibbilment tikkoordina jew tappoġġa l-għażliet għal azzjoni bikrija fl-iskala tal-UE. - Id-dibattitu varat b'din il-Green Paper għandu għalhekk jiffoka fuq kif it-tibdil fil-klima jimmodifika t-termini tal-ġestjoni u l-protezzjoni tal-foresti fl-Ewropa u kif il-politika tal-UE għandha tevolvi sabiex ittejjeb il-kontribuzzjoni tagħha lejn l-inizzjattivi tal-SM marbutin mal-foresti. Xi sfidi qed naffaċċaw, l-UE kif tista' tgħinna nindirizzawhom, x'inhuma l-ħtiġijiet tagħna għat-tagħrif addizzjonali? Globalment, l-importanza tal-protezzjoni tal-foresti u l-ġestjoni tagħhom b'mod sostenibbli ġiet irrikonoxxuta minn meta l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp fl-1992 adottat il-"prinċipji ta' Rio dwar il-foresti[3]". Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) tirrikonoxxi l-importanza tal-foresti fil-bilanċ globali tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) u l-Konvezjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD[4]) tindirizza l-bijodiversità tal-foresti permezz ta' programm ta' ħidma estiż. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD) tirrikonoxxi wkoll il-kontribuzzjoni importanti tal-foresti fil-kisba tal-miri tagħha. Fil-livell internazzjonali, l-UE qed tikkontribwixxi biex ittejjeb il-protezzjoni tal-foresti permezz ta' Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ[5] u inizzjattiva fil-kuntest tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti[6], li jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet ta' wara l-2012 taħt il-UNFCCC. Fil-livell pan-Ewropew, il-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa (MCPFE)[7] iddefinit, fl-1993, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (SFM) bħala "L-amministrazzjoni u l-użu tal-artijiet tal-foresti b'tali mod, u f'rata, li żżomm il-bijodiversità, il-produttività, il-kapaċità reġenerattiva, il-vitalità u l-potenzjal tagħhom biex jissodisfaw, issa u fil-futur, il-funzjonijiet rilevanti ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali, fil-livelli lokali, nazzjonali u globali, u li ma jagħmlux ħsara lil ekosistemi oħrajn". Konferenzi sussegwenti[8] ipproduċew rakkomandazzjonijiet għas-SFM u l-protezzjoni tal-foresti kif ukoll kriterji u indikaturi għar-rappurtar nazzjonali. Il-Kummissjoni u l-SM tal-UE kollha iffirmaw ir-reżoluzzjonijiet tal-MCPFE fejn ikkonfermaw is-SFM u l-multifunzjonalità bħala l-approċċ ewlieni lejn il-forestrija. Fil-livell tal-UE, l-Istrateġija tal-Forestrija (SF) għall-UE[9] tistipula l-prinċipji komuni tal-forestrija tal-UE – SFM u multifunzjonalità – u telenka l-proċessi internazzjonali u l-attivitajiet li jridu jiġu segwiti fil-livell tal-UE. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Foresti (PAF)[10] jibni fuq is-SF u jservi ta' għodda ta' koordinazzjoni għall-attivitajiet u l-politiki marbutin mal-foresti fil-livell tal-UE. Dan jimmira, inter alia , li jżomm u b'mod xieraq itejjeb il-bijodiversità, is-sekwestru tal-karbonju, l-integrità, is-saħħa u r-reżistenza tal-ekosistemi tal-foresti fi skali ġeografiċi multipli għaliex ekosistemi tal-foresti li jiffunzjonaw sew huma ċ-ċavetta għaż-żamma tal-kapaċità produttiva. Dan jipprevedi l-ħidma lejn sistema Ewropea ta' monitoraġġ tal-foresti u t-titjib tal-protezzjoni tal-foresti tal-UE. Din il-Green Paper - tidentifika fil-qosor is-sitwazzjoni ġenerali u r-rilevanza globali tal-foresti; - tiddeskrivi l-karatteristiċi tal-foresti tal-UE u l-funzjonijiet tagħhom; - tidentifika l-isfidi ewlenin affaċċati mill-foresti tal-UE fi klima li qed tinbidel u kif jistgħu jxekklu l-funzjonijiet tal-foresti; - tippreżenta ħarsa ħafifa lejn l-għodod disponibbli sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-foresti, u tas-sistemi eżistenti ta' tagħrif dwar l-foresti li jistgħu jintużaw biex jindirizzaw l-isfidi u jagħmlu monitoraġġ tal-impatti ambjentali u l-effetti tal-azzjonijiet. Barra minn hekk, din tqajjem serje ta' mistoqsijiet rilevanti għall-għażliet tal-iżvilupp għall-protezzjoni tal-foresti fil-futur u t-tagħrif fl-UE fi klima li qed tinbidel. Ir-risposti mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-SM, iċ-ċittadini tal-UE u partijiet interessati oħrajn se jinfurmaw u jiggwidaw il-konsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward kwalunkwe azzjoni addizzjonali fil-livell tal-UE sabiex tipprepara aħjar il-foresti tal-UE għat-tibdil fil-klima, u ttejjeb il-qadi tal-funzjonijiet tagħhom. Tista' wkoll tipprovdi kontribut għad-diskussjonijiet li jikkonċernaw il-possibbiltà ta' aġġornament tal-Istrateġija tal-Foresti għall-UE dwar l-aspetti marbutin mal-klima. STAT TAL-FORESTI – IL-FUNZJONIJIET TAL-FORESTI X’inhi foresta? Filwaqt li m'hemmx definizzjoni komuni maqbula fost l-SM tal-UE dwar x'jikkostitwixxi foresta, id-definizzjonijiet użati mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja (FAO) u l-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE)[11] fil-valutazzjonijiet perjodiċi tagħhom tar-riżorsi tal-foresti u wkoll mill-MCPFE jipprovdu deskrizzjoni adegwata ta' ħidma għall-iskop tar-riflessjonijiet dwar il-protezzjoni tal-foresti. "Foresta" : Art b'kopertura tas-siġar (jew livell ta' stokk ekwivalenti) ta' iktar minn 10 fil-mija u żona ta' iktar minn 0.5 ettaru. Is-siġar iridu jkunu jistgħu jilħqu għoli minimu ta' 5 m fil-maturita in situ. "Art imsaġġra oħra" (OWL): Art b'kopertura tas-siġar (jew livell ta' stokk ekwivalenti) ta' 5-10 fil-mija ta' siġar li kapaċi jilħqu għoli ta' 5 m fil-maturita in situ; jew kopertura (jew livell ta' stokk ekwivalenti) ta' iktar minn 10 fil-mija ta' siġar li mhumiex kapaċi jilħqu għoli ta' 5 m fil-maturita in situ, u kopertura ta' sġajjar jew arbuxxelli. Kopertura tal-foresta Madwar id-dinja, sa minn żmien il-qedem, id-domanda għall-art, il-prodotti tal-injam u l-enerġija, wasslu biex parti kbira mill-kopertura oriġinali tal-foresti tad-Dinja spiċċat, u ħafna minnha matul is-seklu 20. Il-foresti issa jkopru inqas minn 30% tal-wiċċ tal-art tad-Dinja u qed jonqsu fid-daqs b'rata mgħaġġla[12]. Id-deforestazzjoni attwali, l-iktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tibdiliet oħrajn marbutin mal-użu tal-art għadhom jikkawżaw madwar 12-15% tal-emissjonijiet globali tad-CO2[13]. Ħafna mill-art Ewropea fil-passat kienet koperta bil-foresti. Minn meta beda l-insedjament uman, iż-żona u l-kompożizzjoni tal-foresti bdew gradwalment iżda sostanzjalment jiġu influwenzati mill-bniedem fuq perjodu ta' diversi għeluf ta' snin[14]. Il-maġġoranza tal-foresti tal-UE issa jikkonsistu minn gruppi seminaturali ta' siġar għadhom jikbru u pjantaġġuni ta' speċijiet indiġini jew introdotti. Fl-UE attwalment hemm 5% tal-foresti tad-dinja u l-foresti tal-UE komplew jespandu kontinwament għal iktar minn 60 sena, għalkemm reċentament b'rata iżjed bil-mod. Il-Foresti tal-UE u l-OWL issa jkopru 155 miljun ettaru u 21 miljun ettaru, rispettivament, flimkien iktar minn 42% taż-żona terrestri tal-UE[15]. Ħafna mill-foresti tal-UE, inkluż dawk taħt ġestjoni kontinwa, ukoll kibru fis-sens ta' volum ta' injam u stokk ta' karbonju, fejn b'hekk qed ineħħu id-CO2 mill-atmosfera b'mod effettiv. Funzjonijiet tal-foresti Il-foresti huma fost l-iktar ekosistemi terrestri bijodiversi. Ġewwa foresti li huma b'saħħithom u bijoloġikament diversi din il-kumplessità tippermetti lill-organiżmi u l-popolazzjonijiet tagħhom biex jadattaw għall-kondizzjonijiet ambjentali li qed jinbidlu u biex iżommu l-istabbiltà kumplessiva tal-ekosistema[16]. Il-foresti jikbru bil-mod: is-siġar jieħdu s-snin biex jirriġeneraw, għexieren ta' snin biex jikbru u l-użu aħħari tas-siġar żgħar għandhom jikbru huwa xi kultant diffiċli li jiġi prevedut meta se jkunu stabbiliti. Il-foresti jservu fuzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali multipli u interrelatati, ħafna drabi fl-istess ħin u post. Is-salvagwardjar ta' din il-multifunzjonalità jirrikjedi approċċ bilanċjat ibbażat fuq tagħrif adegwat dwar il-foresta. Funzjonijiet soċjoekonomiċi Il-foresti jipprovdu l-impjiegi, l-introjtu u l-materja prima għall-industrija u l-enerġija li tiġġedded. Filwaqt li s-sidien tal-foresti tal-UE jistmaw l-għadd tagħhom għal madwar 16-il miljun[17], madwar 350 000 persuna huma direttament impjegati fil-ġestjoni tal-foresti. L-introjtu ewlieni minn ħafna mill-impriżi tal-foresti jiddependi mill-produzzjoni tal-injam. L-industriji primarji bbażati fuq il-foresti (FBI) jipprovdu injam maqtugħ, pannelli b'bażi tal-injam, polpa għall-karti, ħatab għan-nar kif ukoll laqx tal-foresta u qoxra taz-zkuk għall-bijoenerġija, li flimkien isarrfu f'iktar minn 2 miljun impjieg, spiss f'impriżi żgħar u ta' daqs medju, u b'valur ta' bejgħ ta' 300 biljun EUR[18]. Ir-rapport fuq l-Istudju dwar il-Prospetti tas-Settur tal-Foresti Ewropej[19] sejjaħ għal titjib fl-attraenza, l-opportunitajiet ta' taħriġ u l-istandards tas-sigurtà tal-impjiegi tal-foresta. L-injam jappoġġa katina kbira minn fuq għal isfel b'valur għoli li tinkludi industriji bħal tal-għamara, il-bini, l-istampar u l-ippakkjar. Is-settur tal-foresta jipprovdi madwar 8% tal-valur miżjud totali mill-manifattura. L-importanza ekonomika tas-settur fiż-żoni rurali hija għolja ħafna għaliex il-foresti amministrati b'mod sostenibbli jibnu l-bażi tal-provvista tal-injam għall-FBI. Il-materja prima, l-oġġetti u s-servizzi bbażati fuq il-foresta jistgħu ikunu wkoll uħud mill-bażijiet l-iktar importanti għall-irkupru ekonomiku u "t-tkabbir ekoloġiku" fiż-żoni rurali. Il-produzzjoni tal-injam għall-industrija żdiedet b'mod stabbli mill-1950 sal-1990 fl-Ewropa tal-Punent u mbagħad baqgħet fl-istess livell sas-sena 2000. Minkejja kostijiet ikbar għall-ipproċessar tal-injam fuq skala żgħira u t-tibdiliet meħtieġa fil-ġestjoni tal-foresti, din ix-xejra kienet possibli minħabba t-teknoloġiji l-ġodda tal-ipproċessar u l-manifattura, speċjalment fis-snin sebgħin (1970) u s-snin tmenin (1980)[20] u iktar tard, meta żdied ir-riċiklaġġ tal-karti[21]. Kien hemm xejra simili fl-Ewropa tal-Lvant fejn iż-żamma tal-istess livell bdiet madwar l-1985. Madankollu, fuq sfond ta' espansjoni forestali u rati ta' stokkjar għola għal kull ettaru, ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-foresti tal-UE, imkejla bħala l-proporzjon tal-qtugħ għaż-żieda fis-siġar, kumplessivament naqset mill-1950[22] sal-bidu ta' dan is-seklu. Minn dak iż-żmien l'hawn it-talba għall-prodotti tal-injam ġiet issuplimentata b'dik mill-iżviluppi tal-bijoenerġija. Hemm il-potenzjal li tkompli tiżdied l-mobilizzazzjoni tal-injam sostenibbli ġewwa l-UE, filwaqt li tingħata attenzjoni lejn il-funzjonijiet l-oħrajn kollha tal-foresta. Madankollu biex jiġu bilanċjati l-kwistjonijiet tal-kompetittività tal-industriji bbażati fuq il-foresti, il-vijabbiltà ekonomika, l-ambjent, il-frammentazzjoni tas-sjieda, u l-organizzazzjoni u l-motivazzjoni tas-sidien tal-foresti, qed jinħolqu sfidi konsiderevoli u se jkunu jirrikjedu sforzi ta' iktar tagħrif. L-ilħuq tal-għan tal-parti (share) ta' 20% ta' enerġija li tiġġedded tal-Pakkett tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija jista' jimmultiplika t-talba għall-bijomassa totali mill-agrikoltura u l-foresti b'fattur ta' 2 sa 3[23], inkluż żieda sostanzjali fl-effiċjenza tal-produzzjoni u l-użu tal-bijomassa. Il-projezzjonijiet li saru mill-NU-KEE u l-FAO[24] jissuġġerixxu li biex jiġi sodisfatt l-użu eżistenti tal-materjal u l-ħtiġijiet estrapolati tal-enerġija li tiġġedded, teżisti l-possibbiltà ta' żbilanċ bejn it-talba u l-forniment , partikolarment jekk il-proporzjon tal-injam fil-komponent tal-bijomassa tal-forniment totali tal-enerġija li tiġġedded tibqa' l-istess. F'dan ix-xenarju ġie stmat li [25], minħabba t-talba dejjem tikber, il-proporzjon tal-qtugħ fuq iż-żieda netta annwali jista' jiżdied temporanjament f'ċerti pajjiżi Ewropej għal iktar minn 100%, u joħloq tnaqqis fl-istokk tat-tkabbir wara l-2020. Filwaqt li rata ta' utilizzazzjoni temporanjament għolja mhijiex neċessarjament insostenibbli, ladarba l-istruttura tal-età-klassi tal-foresta tiġi żbilanċjata b'mod pożittiv f'ħafna SM, din tista' ddawwar il-foresti minn reċipjent tal-karbonju għal sors temporanju. Żieda fir-rati ta' utilizzazzjoni tista' tgħin ukoll biex tonqos l-instabbiltà tas-siġar eqdem li għadhom jikbru, l-effetti tas-saturazzjoni fil-foresti qodma u l-vulnerabbiltà għan-nirien tal-foresti, il-maltempati u l-pesti, b'hekk jingħeleb ir-riskju li l-foresti tal-UE isiru sors tal-karbonju. It-tagħrif dwar il-foresti, immirat u fil-ħin se jkun kruċjali sabiex jiġi determinat ir-rwol li l-injam jista' jkollu bħala materja prima għall-industrija tal-ipproċessar tal-injam u għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Skont ix-xenarju t'hawn fuq, iż-żamma tal-potenzjal għall-forniment sostenibbli tal-injam se jkun jeħtieġ: - L-iżvilupp ta' sorsi domestiċi ġodda ta' injam, notevolment permezz tal-espansjoni taż-żona użata għat-tkabbir u l-ħsad tal-injam; - Iċ-ċaqliq tal-injam minn sorsi domestiċi eżistenti (tal-foresta u mhux tal-foresta), eż. permezz ta' rilaxx ikbar ta' injam; - Żieda fl-effiċjenza fil-produzzjoni u l-użu tal-injam; - Żieda fl-importazzjonijiet tal-materja prima tal-injam. Il-ksib tal-punti msemmija hawn fuq filwaqt li jinżammu jew jittejbu l-funzjonijiet l-oħrajn kollha tal-foresta se joħloq sfidi ġodda għas-SFM fil-livelli kollha. Fid-dawl tal-adattament tal-foresti għat-tibdil fil-klima dan jista' jinkludi miżuri ta' ristrutturar bħal bidliet fil-kompożizzjoni tas-siġar kif ukoll iż-żbir u l-qtugħ aktar bikrija u frekwenti, skont is-sitwazzjoni lokali. Barra mill-prodotti tal-injam, l-oġġetti li mhumiex tal-injam u s-servizzi jipprovdu, f'ċerti reġjuni Ewropej, iktar introjtu mill-bejgħ tal-injam[26]. Ġew investigati mill-Kummissjoni metodi innovattivi għall-valutazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tal-foresta mhux imqegħdin fuq is-suq[27]. Il-protezzjoni tal-bijodiversità, ir-rikreazzjoni, is-sekwestru tal-karbonju u s-servizzi tal-ħarsien tal-ilma, huma l-iktar servizzi importanti mhux imqegħdin fuq is-suq, imma liġeneralment ma jiġux ippremjati minħabba l-fatt li ħafna drabi għandhom l-istatus ta' oġġetti pubbliċi. Il-foresti jipproteġu l-insedjamenti u l-infrastruttura, Il-foresti huma komponent ewlieni tal-pajsaġġ Ewropew. Ħafna żoni muntanjużi fl-Ewropa jkunu inabitabbli mingħajr foresti li jwaqqfu l-uqigħ tal-art u tal-ġebel, il-flussi tat-tajn u l-valangi milli jaffettwaw it-toroq, il-linji tal-ferroviji, iż-żoni kultivati u insedjamenti sħaħ. Dawn il-foresti protettivi jridu jiġu amministrati b'mod speċjali biex jipprovdu kopertura stabbli u kontinwa għall-veġetazzjoni. Fl-Awstrija, 19% taż-żona totali tal-foresta ġiet iddeżinjata bħala foresta protettiva skont l-Att tal-Foresti tal-1975. Il-leġiżlazzjoni tal-foresti Franċiża tiddistingwi bejn diversi tipi ta' foresti protettivi: "forêts de montagne, forêt alluviale, forêt périurbaine ou littorale" . Il-foresti li huma amministrati għall-skopijiet ta' kumdità (inkluż kumditajiet li rari jitqiegħdu fuq is-suq bħall-kaċċa, ir-rikreazzjoni, il-valur tal-pajsaġġ, il-ġbir tal-frott irqiq u tal-faqqiegħ) jgħollu l-valur tal-proprjetajiet ġirien, iħeġġu t-turiżmu, jikkontribwixxu għas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja u huma parti mill-wirt kulturali Ewropew. Funzjonijiet ambjentali – is-servizzi tal-ekosistema Il-foresti jipproteġu l-ħamrija Il-foresti għandhom rwol fil-preservazzjoni tal-pajsaġġ u l-fertilità tal-ħamrija. Il-foresti jwaqqfu l-erożjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni speċjalment fil-muntanji u ż-żoni li huma nofshom nexfin, l-iżjed billi jillimitaw it-tnixxija u jbaxxu l-veloċità tar-riħ. Il-foresti wkoll jagħmlu l-ħamrija li jikbru fuqha iżjed rikka u fonda[28] minħabba l-għeruq tagħhom ħorox u fini, li jżiedu d-degradazzjoni mill-elementi tal-blat u li din id-degredazzjoni tagħhom hija sors maġġuri tal-materja organika tal-ħamrija (SOM), u b'hekk jikkontribwixxu għall-fertilità tal-ħamrija, il-produttività u s-sekwestru tal-karbonju. L-isforzi fl-afforestazzjoni u l-forestazzjoni mill-ġdid, li jwasslu għal żona tal-foresta li qed tikber ġewwa l-UE, kif ukoll ir-reġenerazzjoni naturali, iż-żieda fl-oqsma ta' foresti mħalltin u makkinarju tal-ħsad li ma jagħmilx ħsara lill-ħamrija, ilkoll jappoġġaw din il-funzjoni. Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta' intensifikazzjoni bħat-tqassir tar-rotazzjonijiet u l-użu tar-residwi tal-injam imqatta' tal-foresti, il-biċċiet taz-zkuk tal-qiegħ tas-siġar u l-għeruq, jistgħu jagħmlu ħsara u jagħmlu l-ħamrija dgħajfa, u jikkawżaw iktar emissjonijiet GHG taħt ċerti kondizzjonijiet tas-sit[29] u skont is-sitwazzjoni lokali. Il-foresti jirregolaw il-provvista tal-ilma ħelu Il-foresti għandhom rwol importanti fil-ħżin, il-purifikazzjoni u r-rilaxx tal-ilma lill-korpi tal-ilma tal-wiċċ u l-akwiferi ta' taħt il-wiċċ. Ir-rwol ta' purifikazzjoni tagħhom, inkluż dak tal-ħamrija tal-foresta[30], jinkludi t-tkissir jew l-assorbiment ta' ħafna mis-sustanzi niġġiesa tal-arja li jinġarru mix-xita. Il-ħamrija tagħhom tilqa' kwantitajiet kbar ta' ilma, u b'hekk jonqos l-għargħar. Ħafna mill-SM jagħmlu użu mir-rwol li għandhom il-foresti fir-regolazzjoni tal-ilma fil-forniment tal-ilma tax-xorb. Fil-Belġju, l-ilma miż-żona tal-foresta tal-Ardennes huwa s-sors prinċipali tal-provvista għal Brussell u l-Fjandri. Fil-Ġermanja, żewġ terzi tal-" Wasserschutzgebiete "[31] għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb ta' kwalità għolja qiegħed taħt il-kopertura tal-foresta. Fi Spanja, il-foresti fin-naħa ta' fuq tax-xmajjar ingħataw status ta' konservazzjoni speċjali minħabba l-kapaċità tagħhom li jtejbu l-kwalità tal-ilma. Il-foresti jikkonservaw il-bijodiversità Il-foresti huma komponent ewlieni tan-natura Ewropea u jospitaw l-ikbar għadd ta' vertebrati fil-kontinent. Diversi speċijiet tas-siġar dominanti (eż. il-fagu Ewropew u l-balluta) huma virtwalment ristretti għall-Ewropa, u b'hekk jagħtu natura distintiva lill-foresti Ewropej. Eluf ta' speċijiet ta' insetti u invertebrati kif ukoll bosta pjanti huma ristretti għall-ħabitats tal-foresti li huma primarjament kostitwiti minn dawn is-siġar. Il-konservazzjoni tal-bijodiversità (mill-ġenetika għall-iskali tal-pajsaġġ) ittejjeb ir-reżistenza tal-foresta u l-kapaċità ta' adattament tagħha[32]. It-tipi ta' ħabitat tal-foresti li ġew nominati bħala siti tan-Natura 2000 ikopru 14-il miljun ettaru, li jikkostitwixxu kważi 20% tan-netwerk terrestri kollu tan-Natura 2000. Il-foresti li mhumiex mittiefsa mill-bniedem[33][34], huma madwar 9 miljun ettaru minn dawn, madwar 5% taż-żona totali tal-foresta fir-reġjun taż-ŻEE[35]. Dawn l-ħabitats tal-foresti huma s-sors ta' ħafna mill-pjanti kkultivati, frott selvaġġ, u mediċini li jintużaw illum u għandhom ikomplu jissodisfaw dik il-funzjoni għall-ġenerazzjonijiet tal-futur. Il-foresti fix-Xlokk tal-Ewropa, iż-żona Fenno-Scandia u dik Baltika huma l-ħabitat ta' karnivori kbar bħal-lupu, l-ors u l-linċi, li fi bnadi oħrajn fl-UE kważi m'għadhomx jeżistu. Il-ġestjoni attiva tal-foresti tista' toħloq iktar strutturi tal-ħabitat diversi, billi timita d-disturbi naturali, li min-naħa tagħhom jistgħu jiffavorixxu iktar diversità tal-ispeċijiet[36], meta mqabbla ma' sitwazzjoni mingħajr ġestjoni. Il-valutazzjoni tal-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats l-iktar vulnerabbli fl-Ewropa u l-ispeċijiet protetti skont id-Direttiva dwar l-Ħabitats[37] li saret reċentament mill-Kummissjoni, tindika li tipi tal-ħabitat tal-mergħa, tal-art mistagħdra u tal-kosta qegħdin taħt l-iktar pressjoni, filwaqt li terz mill-ħabitats tal-foresta li huma ta' interess għall-Komunità[38] qegħdin fi status ta' konservazzjoni favorevoli. Imma din is-sitwazzjoni tvarja ħafna minn reġjun għall-ieħor u x-xejriet ġenerali mhumiex evidenti. Ir-Rappurtar dwar il-mira tal-bijodiversità tal-UE fl-2010 jindika li ċerti popolazzjonijiet tal-għasafar tal-foresti, issa stabilizzaw wara li kienu naqsu, filwaqt li l-injam niexef għadu taħt il-livelli ottimi mill-perspettiva tal-bijodiversità f'ħafna mill-pajjiżi Ewropej[39]. Ġie innutat ukoll li xi sfidi għall-bijodiversità tal-foresti jistgħu joriġinaw barra mis-settur forestali. Monitoraġġ riċenti tal-bijodiversità tal-foresti fil-livell tal-UE[40] pprovda linjabażi b'tagħrif armonizzat u komparabbli dwar ir-rikkezza tal-ispeċijiet tas-siġar, l-istruttura tas-siġar li għadhom jikbru, it-tipi ta' foresti, l-injam niexef u l-veġetazzjoni tal-art. Ir-riżultati jinkludu l-fatt li ħafna mill-foresti li pparteċipaw fl-istudju għandhom età ta' bejn 60 u 80 sena u magħmulin l-iktar minn speċi waħda jew tnejn ta' siġar, u kultant jilħqu iktar minn 10 speċijiet. Madankollu, wieħed għandu jqis ukoll li l-bijodiversità kumplessiva hija magħrufa li tiddependi mhux biss fuq l-ispeċijiet tas-siġar imma wkoll fuq l-istruttura tas-siġar li għadhom jikbru u l-kondizzjonijiet tad-dawl li jirriżultaw. Rwol tal-foresti fir-regolazzjoni tal-klima Il-foresti bħala reċipjenti u sorsi tal-karbonju Il-foresti huma ħolqa essenzjali fiċ-ċiklu globali tal-karbonju minħabba l-kapaċità tagħhom li jneħħu id-CO2 mill-atmosfera u jaħżnuh fil-bijomassa u l-ħamrija tagħhom u b'hekk għandhom ir-rwol ta' reċipjent. It-tkabbir tagħhom jaħdem ta' kontrapiż għall-konċentrazzjonijiet tal-GHG fl-atmosfera. Min-naħa l-oħra, id-degredazzjoni tal-foresta u/jew il-konverżjoni għall-użu ieħor tal-art jistgħu jikkawżaw emissjonijiet sostanzjali tal-GHG minħabba n-nirien, it-tħassir tal-bijomassa u/jew il-mineralizzazzjoni tas-SOM, li jwassal biex il-foresti jsiru sors tad-CO2. L-inventarji nazzjonali tal-foresti (NFI) huma l-iżjed sorsi ta' dejta importanti għall-istima ta' jekk il-foresti humiex reċipjenti jew sorsi tad-CO2. Fil-preżent, in-NFIs jindikaw li ż-żieda fil-foresti tal-UE hija ogħla mill-qtugħ. Abbażi ta' dan, il-foresti tal-UE jakkumulaw il-karbonju u għalhekk "l-art tal-foresta" attwalment taġixxi ta' reċipjent nett tal-karbonju[41]: Din tneħħi madwar 0.5 Gt ta' CO2 fis-sena, meta mqabbel mal-emissjonijiet GHG industrijali tal-UE-27 ta' 5 GT ta' CO2 ekwivalenti fis-sena[42]. Madankollu, l-effetti kumbinati tat-tibdil fil-klima (eż. frekwenza ikbar ta' maltempati b'saħħithom ħafna[43]), il-prevalenza ta' siġar li għadhom jikbru eqdem u l-possibblità ta' żidiet mhux previsti fil-ħsad tal-injam jistgħu jkollhom impatt fuq din il-kapaċità bħala reċipjent. F'dan il-kuntest, huwa importanti li l-foresti jkunu jistgħu jipprovdu materjali u enerġija li jiġġeddu li jistgħu jintużaw bħala sostitut għall-prodotti u sorsi tal-enerġija b'aktar karbonju. Iktar karbonju fl-injam mis-siġar li għadhom jikbru u l-prodotti tal-injam kif ukoll inqas utilizzazzjoni ta' karburanti fossili jfisser inqas GHG fl-atmosfera. Fil-medda t-twila ta' żmien, strateġija għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti mmirata biex jinżammu jew jiżdiedu l-ħażniet ta' karbonju tal-foresti, filwaqt li jiġi prodott rendiment annwali sostnut ta' injam, fibra jew enerġija, ser toħloq l-akbar benefiċċju sostnut ta' mitigazzjoni[44]. Il-foresti bħala regolaturi tat-temp lokali u reġjonali It-traspirazzjoni bl-evaporazzjoni li ssir mill-veġetazzjoni kollha hija responsabbli għal madwar 2/3 (żewġ terzi) tal-ammont totali ta' ilma li jgħaddi mill-art għall-arja[45]. Il-foresti mhux biss jaħżnu imma wkoll jevaporaw ammonti kbar ta' ilma, u b'hekk jikkumplimentaw il-fluss tal-indewwa oċeanika li tkun dieħla l-ġewwa fuq l-art[46]. Il-foresti għalhekk għandhom rwol prinċipali fiċ-ċirkulazzjoni atmosferika u fiċ-ċiklu tal-ilma[47] fuq l-art u jista' jkollhom rwol fil-mitigazzjoni tal-klima reġjonali, id-deżertifikazzjoni u l-problemi bis-sigurtà tal-ilma. Id-deforestazzjoni għandha impatt dirett fuq ir-riħ u l-mudelli globali u lokali tat-temp permezz tal-modifikazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ilma. Madankollu, f'ċerti żoni nexfin, il-foresti jistgħu jżidu n-nuqqasijiet tal-ilma permezz ta' traspirazzjoni bl-evaporazzjoni ogħla minn tipi ta' veġetazzjoni alternattivi. Dan huwa partikolarment veru għall-speċijiet ta' siġar li jridu ħafna ilma u jikbru malajr u varjetajiet miżrugħin f'siti mhux adattati[48]. It-tagħrif disponibbli dwar l-influwenza tal-foresta fuq il-mudelli tat-temp huwa internazzjonali iktar milli Ewropew. Ikunu mixtieqa investigazzjonijet li jiffukaw fuq dawn l-influwenzi fl-Ewropa. Xorta waħda, mhux se jkun possibbli li jiġi deċiż liema parti tat-tibdiliet tirriżulta mit-tibdil fil-klima mingħajr osservazzjoni fuq medda ta' żmien twil. Mistoqsija 1: Taħseb li ż-żamma, il-bilanċ u t-titjib tal-funzjonijiet tal-foresta għandhom jingħataw iktar attenzjoni? Jekk iva, fuq liema livell għandha tittieħed l-azzjoni, l-UE, nazzjonali u/jew oħra? Kif għandha ssir? IMPATTI TAT-TIBDIL FIL-KLIMA FUQ IL-FORESTI Il-foresti żviluppaw flimkien mal-klima li b'mod naturali dejjem tinbidel matul il-millenji. Hekk kif il-klima inbidlet bil-mod, u l-ambjent naturali ma tantx ippreżenta xkiel, l-ispeċijiet u l-komunitajiet setgħu jadattaw u jevolvu iktar faċilment[49]. Il-parti l-kbira tal-ġestjoni tal-UE tal-foresti hija mmirata lejn l-iżvilupp ta' foresti li huma adattati sew għall-kondizzjonijiet tat-tkabbir lokali. Madankollu r-rata rapida tat-tibdil fil-klima mqanqal mill-bniedem issa issa qiegħda tegħleb il-kapaċità naturali li għandhom l-ekosistemi biex jadattaw. Ir-rata taż-żieda fit-temperaturi hija mingħajr preċedent. Pajsaġġ frammentat, kompożizzjoni tal-foresta spiss simplifikata u struttura u pressjonijiet bħall-mewt ta' siġar u pjanti tal-foresta, pesti ġodda u maltempati, ilkoll jagħmlu l-adattament awtonomu tal-foresta ħafna iktar diffiċli. Għalhekk, x'aktarx ikun meħtieġ intervent akbar min-naħa tal-bniedem rigward l-għażla tal-ispeċijiet u t-tekniki tal-ġestjoni biex tinżamm kopertura vijabbli tal-foresta u l-kontinwità tal-funzjonijiet kollha tal-foresta. Xi reġjuni jistgħu jesperjenzaw kondizzjonijiet iżjed favorevoli għat-tkabbir tal-foresta fuq medda ta' żmien medju. It-temperaturi medji fl-Ewropa issa telgħu b'iktar minn 1°C[50] f'dan l-aħħar seklu u huma mistennija li jogħlew iżjed, fejn l-iżjed xenarju ottimist jipprevedi żieda ta' 2°C sal-2100. Bidla ta' dan il-kobor tikkorrispondi mad-differenza fit-temperatura ottima tat-tipi ta' foresti li huma daqstant differenti bħall-foresta tal-arżnu u dik tal-fagu jew siġar għadhom jikbru tal-fagu u dawk tal-ballut. B'hekk reġjuni sħaħ jsiru aktar xierqa għal ċerti tipi ta' foresti milli għal oħrajn, u tiġi sfurzata bidla fid-distribuzzjoni naturali tal-ispeċijiet u twassal għall-tibdiliet fit-tkabbir tas-siġar għadhom jikbru eżistenti. Barra minn hekk l-avvenimenti estremi (maltempati, nirien tal-foresta, nixfiet u mewġ tas-sħana) huma mistennija li jsiru ħafna iktar komuni[51] u/jew severi. Anke mingħajr tibdil fil-klima, il-kapaċità tal-foresti biex jiżvolġu l-funzjonijiet tagħhom dejjem kienet taħt pressjoni minn diversi perikli naturali. Filwaqt li huwa ċar li ġeneralment it-tibdil fil-klima jħeġġeġ dawn l-perikli, huwa impossibbli li wieħed jikkwantifika b'mod korrett kemm mill-impatt huwa minħabba t-tibdil fil-klima meta mqabbel mal-livelli storiċi. Għal din ir-raġuni, l-impatti fuq il-funzjonijiet tal-foresta kemm minn kawżi endemiċi u minħabba t-tibdil fil-klima huma kkunsidrati kumplessivament. Bidla fil-kondizzjonijiet ambjentali u l-mewt tas-siġar u l-pjanti Kumplessivament, il-projezzjonijiet tal-effetti netti tat-tibdil fil-klima fuq il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-foresti tal-UE fil-medda ta' żmien medja huma kumplessi[52]: Fil-Majjistral tal-Ewropa, fejn il-provvista tal-ilma hija tipikament, inqas limitatanti, ir-rati ta' tkabbir x'aktarx li jitjiebu b'kombinazzjoni ta' livelli ta' dijossidu tal-karbonju li qed jiżdiedu fl-atmosfera, staġun tat-tkabbir itwal u iżjed disponibbiltà tan-nutrijenti b'riżultat tad-depożizzjoni atmosferika u iżjed mineralizzazzjoni tal-ħamrija. Fin-Nofsinhar tal-Ewropa, fejn il-provvista tal-ilma hija fattur kritiku, iżjed nixfa fis-sajf tista' twassal għal inqas produttività u flessibbiltà għal kundizzjonijiet estremi. Wara n-nixfiet u l-mewġ tas-sħana, ġie osservat it-tnaqqis fil-foresti matul l-aħħar ftit għexieren ta' snin fil-pajjiżi tal-Mediterran bil-mewt tas-siġar u l-pjanti u l-mewt ta' diversi speċijiet tal-arżnu u tal-ballut[53], ġeneralment attribwiti għall-kondizzjonijiet[54] klimatiċi iżjed nexfin u sħan u spiss marbuta ma' fatturi bijotiċi (pesti tal-insetti u mard). Il-projezzjonijiet fuq medda ta' żmien itwal huma iktar inċerti u jiddependu mir-reżistenza tax-xitwa u r-reżistenza tas-sajf tat-tipi ta' foresta u speċijiet milquta. Bħala eżempju, it-telf tal-abitat Alpin li huwa xieraq għall-arżnu Arolla f'elevazzjonijiet iżjed baxxi, jkun daqs dak li jinkiseb x 2.4 minħabba l-bidla lejn distribuzzjoni altitudinali ogħla[55]. Il-klima li qed tinbidel għandha l-probabbiltà wkoll li[56]: - iżżid il-livelli ta' ħsara kkawżata mill-patoġeni forestali u l-pesti domestiċi; - iġġib infestazzjonijiet eżotiċi ġodda, irrispettivament jekk ġewx introdotti mill-bniedem jew permezz ta' migrazzjoni naturali; - tibdiliet fid-dinamiki tal-popolazzjoni. Maltempati qerrieda Sabiex issir valutazzjoni adegwata tar-riskju għas-settur tal-foresti se tkun meħtieġa iktar riċerka fil-futur għaliex is-serjejiet taż-żminijiet storiċi dwar il-ħsara mill-maltemp fl-UE mhix kompleta. Madankollu, fl-aħħar 10 snin, kien hemm okkorrenza iktar frekwenti fl-Ewropa tal-maltempati kbar li jagħmlu ħafna ħsara. Il-maltempati saru l-fattur uniku li jagħmel l-iżjed ħsara fl-Ewropa li normalment għandha klima moderata, u fil-preżent it-telf mill-maltempati jaqbeż il-50% tat-tipi kollha ta' ħsara marbutin mal-foresti[57]. F'Jannar tal-2005 kien hemm maltempata severa ("Gudrun") fl-fit-Tramuntana tal-Ewropa, li ħassret kważi l-ħsad kollu mill-uċuħ tar-raba' (75 miljun m³) għal sena sħiħa għall-Iżvezja kollha. Fl-2007, il-maltempata "Kyrill" ikkawżat ħsara estensiva madwar l-Ewropa tal-artijiet il-baxxi tal-Majjistral. Fl-2009, maltempata kbira oħra, "Klaus", kissret żoni enormi ta' pjantaġġuni ta' foresti fil-Lbiċ ta' Franza u t-Tramuntana ta' Spanja. Apparti mill-impatti ambjentali negattivi ta' dawn il-maltempati, hemm konsegwenzi soċjali u ekonomiċi marbutin maċ-ċaqliq ta' kwantitajiet enormi ta' injam imwaqqa' li ħafna minnu jkun imkisser, maqsum, imqaċċat u minħabba f'hekk tonqos il-probabbiltà tal-bejgħ tiegħu. Sabiex ikollu ċans li jibqa' tajjeb u li jinbiegħ, l-injam irid jinqata' f'biċċiet kemm jista' jkun malajr, anke sabiex jonqos ir-riskju ta' iktar ħsara, eż. mill-attakki mill-insetti, it-tħassir mill-moffa u t-tnixxif differenzjali. Filwaqt li fuq skala żgħira, l-operazzjonijiet ta' salvataġġ jistgħu temporanjament joħolqu opportunitajiet ta' xogħol lokali, il-ħsara li tirriżulta mill-maltempati kbar tkun teħtieġ ċaqliq tal-persunal minn oqsma differenti bħall-ippjanar, il-ħsad tal-uċuh, it-trasport, il-kummerċ u l-ħżin ta' ammonti kbar ta' injam. Dan mhux biss jiddisturba s-swieq tal-injam għal ċerti gradi ta' injam, imma wkoll l-operazzjonijiet tal-foresta li kienu ippjanati. Il-ħsara mill-maltemp tista' twassal ukoll manutenzjoni li tiswa ħafna flus u tiswijiet tal-infrastrutturi tat-traffiku u tal-ekoloġija. Nirien kbar It-tibdil fil-klima huwa previst li jikkawża, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa, iżjed nixfa, temperaturi ogħla u iktar perjodi bir-riħ. Dan se jżid il-probabbiltà u s-severità tan-nirien, kif indikat fit-tabella t'hawn taħt, li turi korrelazzjoni b'saħħitha bejn il-medja taż-żoni maħruqin u l-gradazzjoni ta' severità tal-periklu min-nirien kull xahar (MSR)[58] tal-periklu min-nirien fl-Istati Membri esposti[59]. Dan ifisser li l-kondizzjonijiet tat-temp fil-futur fir-reġjun tal-Meditteran fl-UE x'aktarx iwasslu għal żieda fil-periklu tan-nirien jiġifieri żieda fiż-żoni maħruqin. [pic] Fil-preżent, jinħarqu medja ta' 500,000 ettaru ta' foresta fis-sena fl-UE, bl-emissjonijiet tad-CO2 assoċjati, gassijiet oħrajn u partiċelli[60]. Kull sena jaqbdu iktar minn 50,000 nar tal-foresti fl-iżjed SM affettwati għalkemm dan l-għadd naqas fl-aħħar għaxar snin, meta mqabbel mas-snin ta' qabel. Ir-riskju ikbar tan-nirien u d-daqs tan-nirien forestali rriżultaw f'żoni kbar maħruqin fil-Portugall fl-2003 (iktar minn 400,000 ettaru) u l-2005, u fi Spanja, fl-1985, l-1989 u l-1994. Fil-Greċja fl-2007, meta t-temperatura laħqet is-46ºC, ħames nirien kbar ħarqu 170,000 ettaru fir-Reġjun ta' Peloponnesus biss. Apparti li jikkawżaw korrimenti u mwiet tal-bnedmin, jagħmlu l-ħsara lill-proprjetà u jnaqqsu l-fertilità tal-ħamrija minħabba t-telf ta' materja organika, in-nirien kbar ixekklu l-konservazzjoni tal-bijodiversità. Matul is-sajf tal-2009, tal-inqas 30% taż-żoni maħruqa[61] kienu f'siti tan-Natura 2000 ġewwa l-Bulgarija, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, Spanja u l-Isveżja. Il-foresti fis-siti tan-Natura 2000 li ġew affettwati b'mod sever qed jaffaċċaw sfida kbira biex jirkupraw għall-kondizzjoni li kienu fiha qabel in-nirien, partikolarment fir-rigward tal-bijodiversità. L-isforzi tal-UE u l-SM biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-prevenzjoni tan-nirien tal-foresti kienu sinifikanti u ffokaw fuq it-taħriġ, ir-riċerka, it-tqajjim ta' kuxjenza u l-prevenzjoni strutturali. Dawn se jkun jeħtiġilhom li jiżdiedu b'konsegwenza tat-tibdil fil-klima. Teżisti wkoll korrelazzjoni ċara bejn il-ġestjoni attiva tal-foresti u t-tnaqqis fir-riskji tan-nirien: suq tal-bijoenerġija li jiffunzjona sew, li spiss ikun imxekkel min-nuqqas ta' amministrazzjoni xierqa minħabba sjieda frammentata tal-foresta, jista' jkollu rwol tal-prevenzjoni tan-nirien sinifikanti billi jagħti inċentiv ekonomiku biex titneħħa l-bijomassa li fil-preżent qed isservi ta' materjal li jħeġġeġ in-nirien selvaġġi fil-foresti abbandunati. Impatti fuq il-funzjonijiet tal-foresta Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-white paper riċenti tal-Kummissjoni "L-Adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni" enfasizzaw il-ħtieġa li l-adattament għandu jiġi inkorporat fil-politiki rilevanti kollha billi tiżdied, inter alia, il-flessibbiltà tal-foresti għall-kondizzjonijiet estremi. Dawn komplew jenfasizzaw il-ħtieġa biex titjieb il-valutazzjoni tal-impatti tat-tibdil fil-klima fis-setturi rilevanti kollha u rrikonoxxew ir-rwol tas-SFM fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-foresti għat-tibdil fil-klima. Il-konklużonijiet tal-Kunsill ħadu nota wkoll tar-rapport[62] tal-2009 tal-Unjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjonijiet ta' Riċerka tal-Foresti li stqarr: "It-tibdil fil-klima f'dan l-aħħar nofs seklu diġà kellu effett fuq l-ekosistemi forestali u se jkollu iżjed effetti fuqhom fil-futur. Is-servizzi forestali li jirregolaw il-karbonju qegħdin f'riskju li jintilfu kompletament sakemm l-emissjonijiet preżenti tal-karbonju mhumiex se jonqsu sostanzjalment; dan ikun jirriżulta fir-rilaxx ta' kwantitajiet enormi ta' karbonju fl-atmosfera, li jkompli jiggrava t-tibdil fil-klima". L-effetti kombinati tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti, inkluż il-bidla fil-kondizzjonijiet ambjentali, il-mewt tal-veġetazzjoni, il-maltempati u n-nirien se jinħassu fl-Ewropa kollha għalkemm f'livelli differenti ta' intensità. Dawn se jkollhom impatti fuq il-funzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali. L-isfidi li issa huma marbutin ma' reġjuni partikoli x'aktarx li jinfirxu lil hinn mill-konfini tradizzjonali tagħhom kif inhu diġà evidenti min-nirien u l-maltempati. Din id-dimensjoni dejjem tikber tal-UE kollha[63] tqajjem mistoqsijiet dwar kif l-UE tista' tagħti l-aħjar kontribut sabiex tiżgura li l-foresti jistgħu jkomplu jiżvolġu l-funzjonijiet tagħhom kollha. Mistoqsija 2: - Sa fejn huma lesti l-foresti tal-UE u s-settur tal-foresti biex jindirizzaw in-natura u d-daqs tal-isfidi li qed jirriżultaw mit-tibdil fil-klima? - Tikkunsidra reġjuni partikolari, jew ċerti pajjiżi iżjed esposti/vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima? Fuq liema sorsi ta' tagħrif tibbaża r-risposta tiegħek? - Tara ħtieġa għall-azzjoni bikrija fil-livell tal-UE sabiex tiżgura li l-funzjonijiet kollha tal-foresta jinżammu? - L-UE kif tista' tikkontribwixxi sabiex iżżid il-valur għall-isforzi rispettivi tal-SM? GħODOD DISPONIBBLI GħALL-PROTEZZJONI TAL-FORESTA Illum, l-SM għandhom ħafna għodod għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw il-protezzjoni tal-foresti. Il-prinċipji tal-MCPFE, l-SM u l-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti, is-sistemi ta' tagħrif dwar il-foresti u l-prattiki tas-SFM fis-seħħ ilkoll jistgħu jikkontribwixxu. Barra minn hekk, il-Kumitat Permanenti tal-Forestrija, il-Grupp ta' Konsulenza dwar il-Forestrija u s-Sufra, il-Kumitat ta' Konsulenza dwar l-FBI u l-Grupp ta' Esperti dwar in-Nirien tal-Foresti, li l-presidenza tiegħu hija f'idejn il-Kummissjoni, jipprovdu skambji regolari ta' opinjonijiet bejn il-partijiet interessati, l-SM u l-Kummissjoni. Politiki nazzjonali li jsawru l-użu u l-ġestjoni tal-foresti L-SM kollha tal-UE għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali (u xi kultant reġjonali) dwar il-ġestjoni tal-foresti. Din testendi minn leġiżlazzjoni forestali speċifika għall-komponenti marbutin mal-foresti, ta' leġiżlazzjonijiet oħrajn. L-istrumenti li ssoltu jinsabu fil-pajjiżi differenti jew reġjuni tal-UE huma: - Programmi Nazzjonali tal-Foresti; - Standards Operazzjonali tal-Foresterija; - Inventarji Nazzjonali tal-Foresti (NFI) inklusivi u sistematiċi; - Sistemi tar-reġistrazzjoni tal-art, għodda importanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-funzjonijiet forestali u restrizzjoni għall-konverżjoni illegali tal-foresti; - Immappjar (katalogar) tal-funzjonijiet tal-foresti u l-ippjanar tagħhom fil-livelli tal-pajsaġġ u dak reġjonali; - Rekwiżiti tal-ġestjoni tal-foresti, inkluż il-pjanijiet ta' ġestjoni u xi kultant inkluż obbligi ta' ġestjoni speċifiċi marbutin ma' ċerti funzjonijiet tal-foresti; - Rekwiżiti dwar il-produzzjoni u l-użu tal-materjal ta' propagazzjoni; - Pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni taħt is-CBD jew l-UNCCD; - Skemi ta' appoġġ biex jassistu lis-sidien privati tal-foresti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom; - Dispożizzjonijiet legali u inċentivi biex tonqos il-frammentazzjoni tas-sjieda, xi kultant abbinati ma' inċentivi għall-kooperazzjoni fost is-sidien tal-foresti; - Reġimi tal-liċenzjar li permezz tagħhom il-ħsad tal-injam jkun jiddependi fuq l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti; - Restrizzjonijiet fuq il-konverżjoni tal-art forestali għal użi oħrajn. F'ċerti każi, l-għodod imsemmija hawn fuq huma mandatorji, u f'oħrajn volontarji. Politiki tal-UE li jsawru l-użu u l-ġestjoni tal-foresti Barra mill-SF tal-UE, il-PAF tal-UE u l-Kommunikazzjoni dwar Industriji bbażati fuq il-Foresti Innovattivi u Sostenibbli [64] li huma l-uniċi għodod ta' politika tal-UE speċifiċi għall-foresta, għadd ieħor ta' politiki tal-UE huma rilevanti imma mhux speċifikament marbutin mal-foresti u l-forestrija. Ħafna azzjonijiet ewlenin fil-PAF tal-UE jirreferu għal dawn il-politiki, li qegħdin spjegati fil-qosor hawn taħt. - Fin-netwerk tan-Natura 2000, il-ħabitats tal-foresta jikkostitwixxu kważi 20% tas-siti terrestri ddeżinjati. - Il-politika tal-UE dwar il-klima tirrikonoxxi li biex tikseb il-miri globali tagħha, is-setturi kollha, inkluż l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), jridu jagħtu kontribuzzjoni[65]. Id-Deċiżjoni tal-Qsim tal-Isforzi[66] u d-Direttiva tal-ETS[67] jinkludu dispożizzjonijiet sabiex il-Kummissjoni tivvaluta l-għażiet biex tinkludi l-LULUCF fl-impenn tal-UE għat-tnaqqis tal-GHG. - Ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali (2007-2013[68]) huwa l-istrument prinċipali għall-finanzjament tal-miżuri tal-foresta u jinkludi dispożizzjonijiet għall-kofinanzjament tal-afforestazzjoni, il-pagament għaż-żoni tan-Natura 2000, il-prevenzjoni u r-restawr u miżuri ambjentali oħrajn tal-foresta kif ukoll medda kbira ta' investimenti fil-ġestjoni tal-foresti u l-ipproċessar tal-injam. Il-miżuri marbutin mal-użu tas-servizzi ta' konsulenza mis-sidien tal-foresti jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-foresti, iqajmu l-kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima, iħeġġu l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni u jassistu s-sidien tal-foresti fil-miżuri ta' adattament. Il-mekkaniżmu tal-kundizzjonalità jista' wkoll ikollu effett fuq il-ġestjoni tal-foresti, speċjalment wara l-modifikazzjoni tal-Verifika tas-Saħħa li introduċiet il-ġestjoni tal-ilma fil-qafas tal-Kondizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba (GAEC) bl-istandard il-ġdid "Stabbiliment ta' strixxi ta' lqugħ matul il-mogħdijiet tal-ilma" li se jsiru mandatorji sa mhux aktar tard mill-2012. L-istrixxi ta' lqugħ permezz tas-siġar jistgħu jinħolqu jew jiġu ppreservati fi ħdan l-implimentazzjoni ta' din il-politika. - Id-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (RES-D)[69] tistipula għall-UE mira li torbot sabiex tikseb parti ta' 20% ta' enerġija li tiġġedded sal-2020, fejn l-ikbar kontribuzzjoni hija mistennija li tiġi mill-bijomassa mill-agrikoltura, il-forestrija u ż-żejjed mill-ġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija kif ukoll il-fjuwil tat-trasport. - Il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli (SCP/IP), jimmiraw lejn it-titjib tal-enerġija u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti. Parti minn dan il-pjan hija l-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku għall-korpi pubbliċi u Ekotikketta riveduta tal-UE[70]. - Ir-Reġim Komunitarju tas-Saħħa tal-Pjanti (CPHR[71]) jimmira għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-ispeċijiet forestali aljeni jew ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-foresti. Ir-reviżjoni attwali tagħha tista' tintroduċi iżjed flessibbiltà rigward il-limitazzjonijiet fuq l-użu u l-kummerċ tal-materjal riproduttiv tal-foresta u/jew tlaħħaq mal-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-pesti u l-mard kif ukoll l-vetturi (vectors) tagħhom. - Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar it-tqegħid fuq is-suq ta’ materjali riproduttivi tal-foresti [72] tirrikonoxxi li l-għażla tal-materjal riproduttiv tal-foresta hija importanti għall-iskopijiet tal-forestrija u li dan il-materjal għandu jkun ġenetikament xieraq għad-diversi kondizzjonijiet tas-sit u jkun ta' kwalità għolja. - Is-Seba' (7) Programm Kwadru għar-riċerka (FP7) vara l-kunċett ta' Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija f'oqsma fejn il-kompetittività Ewropea, it-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja jiddependu minn riċerka importanti u l-progress teknoloġiku. Il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija jiġbru flimkien lill-partijiet interessati sabiex, taħt tmexxija industrijali, jiddefinixxu u jimplimentaw Aġenda ta' Riċerka Strateġika. - L-FP7 jagħti wkoll fondi għar-riċerka kollaborattiva dwar il-produzzjoni sostenibbli u l-ġestjoni ta' riżorsi bijoloġiċi mill-foresti u dwar it-tbassir tat-tibdil ekoloġiku li ġej. - Il-JRC (Ċentru Konġunt tar-Riċerka) tal-Kummissjoni jaħdem fuq it-teleditezzjoni (remote sensing), it-tibdil fil-klima, il-monitoraġġ tal-foresti, il-frammentazzjoni tal-foresti, in-nirien u s-sistemi ta' tagħrif tal-foresti. Il-proġetti COST indirizzaw iż-Żoni Forestali Protetti u n-NFIs. - Il-Politika ta' Koeżjoni preżenti tappoġġa l-investimenti fl-enerġija li tiġġedded u tinvesti fil-kofinanzjament ta' programmi li jippreservaw u jippromwovu ż-żoni naturali u l-bijodiversità. - Il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE[73] jassisti lill-SM jlaħħqu mal-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali maġġuri, fosthom il-maltempati u n-nirien forestali. - Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE jipprovdi qafas għall-organizzazzjoni tal-assistenza reċiproka bejn l-SM biex jirrispondu għad-diżastri maġġuri, fosthom in-nirien forestali u l-maltempati, fejn il-kapaċitajiet tar-rispons tal-SM milquta ma jkunux biżżejjed[74]. - L-approċċ tal-UE dwar id-diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem[75] riċentament approvat mill-Kunsill[76] jieħu approċċ ta' perikli multipli lejn il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju u jidentifika n-nirien tal-foresta bħala prijorità importanti għall-ħidma tal-UE fuq il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji. - Sabiex tkun żgurata l-koerenza, il-grupp bejn is-servizzi dwar il-forestrija fi ħdan il-Kummissjoni jiltaqa' regolarment sabiex jiddiskuti kwistjonijiet rilevanti marbutin mal-foresti. Mistoqsija 3: - Tikkunsidra li l-politiki tal-UE u l-SM huma suffiċjenti biex jiżguraw li l-UE tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-foresti, inkluż il-preparazzjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima u l-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-foresti? - F'liema oqsma, jekk hemm, taħseb li tista' tkun meħtieġa iktar azzjoni? Din kif tista' tiġi organizzata, taħt qafas ta' politika eżistenti jew lil hinn minnu? Ġestjoni u użu tal-foresti Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresta, ibbażata fuq il-prinċipji tal-MCPFE, il-politiki u r-rekwiżiti tal-SM u appoġġata mill-UE partikolarment permezz tal-iżvilupp rurali tipprovdi mezz importanti fil-livell tal-foresta għat-trasferminet tal-politika għall-prattika. Fost il-prattiċi tas-SFM li jappoġġaw il-protezzjoni tal-foresta hemm: - L-afforestazzjoni, il-ħolqien ta' foresti ġodda sabiex jitjib is-sekwestru tal-karbonju u titjib il-bijodiversità fuq l-artijiet approprijati, biex jiġur protetti l-insedjamenti umani u l-pajsaġġi kulturali filwaqt li jiżdiedu r-riżultati produttivi fuq medda twila ta' żmien; - Il-miżuri ta' prevenzjoni tan-nirien bħall-ġestjoni tal-materjal kombustibbli, l-istabbiliment u ż-żamma tat-toroq għat-twaqqif tan-nar (firebreaks), il-passaġġi tal-foresta, il-punti ta' provvista tal-ilma, l-għażla adattata tal-ispeċijiet tas-siġar, il-faċilitajiet permanenti tal-monitoraġġ tan-nirien tal-foresti u t-tagħmir ta' komunikazzjoni għall-prevenzjoni tal-firxa tan-nirien katastrofiċi. - L-ippjanar forestali xieraq li jista' jappoġġa l-adattament tal-kompożizzjoni tal-ispeċijiet tal-foresti billi jiffavorixxi speċijiet u razez ta' siġar iktar adattati jew, fi ħdan speċi, varjabbiltà ġenetika ogħla. - Il-mobilizzazzjoni sostenibbli u l-ħsad tal-injam kif ukoll l-investimenti fl-operazzjonijiet tal-forestrija biex tiżdied l-istabbiltà u r-reżistenza tal-foresti kontra t-tibdil fil-klima, inkluż it-tnaqqis tar-riskji tan-nirien tal-foresta, il-pesti u l-maltempati. - Tiġi ffavorita b'mod attiv il-kompożizzjoni ta' speċijiet ta' siġar x'aktarx li jadattaw aħjar għas-sit u l-kondizzjonijiet tat-tkabbir taħt il-kondizzjonijiet tat-tibdil fil-klima inkluż, inter alia, bl-użu ta' riġenerazzjoni naturali fejn jixraq u huwa possibbli. - Preservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi endemiċi u l-għażla ta' dawk l-elementi tal-pool tal-ġeni eżistenti li jadattaw l-aħjar għall-kondizzjonijiet tat-tkabbir mistennija fil-futur. Dan jista' jinvolvi wkoll l-użu ta' varjetajiet u speċijiet ġodda. - Il-prevenzjoni tal-introduzzjoni permezz tal-kummerċ internazzjonali ta' pesti u mard ġdid, kif ukoll l-vetturi tagħhom ( eż. in-nematodu tal-injam tal-arżnu fil-Portugall). Mistoqsija 4: Kif tista' l-implimentazzjoni prattika tas-SFM tiġi aġġornata sabiex iżżomm l-funzjonijiet produttivi u protettivi tal-foresti u l-vijabbiltà kumplessiva tal-forestrija, kif ukoll ittejjeb ir-reżistenza tal-foresti tal-UE fid-dawl tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità ? - X'passi huma meħtieġa sabiex ikun żgurat li l-pool tal-ġeni tal-materjal riproduttiv tal-foresta jista' jiġi kkonservat b'suċċess fid-diversità u l-adattament tiegħu għat-tibdil fil-klima? Tagħrif dwar il-Foresti It-tagħrif dwar ir-riżorsi u l-kondizzjoni tal-foresti huwa essenzali biex jiżgura li d-deċiżjonijiet li jittieħdu rigward il-foresti jirriżultaw fl-ikbar benefiċċji f'termini soċjoekonomiċi u ekoloġiċi fil-livelli kollha. Barra minn hekk, l-UE għandha l-obbligi ta' rappurtar lejn l-UNFCCC u s-CBD li t-tnejn jeħtieġu sistemi ta' tagħrif affidabbli u konsistenti dwar il-foresti. Fil-preżent, it-tagħrif li jikkonċerna l-foresti jinsab fuq diversi livelli differenti: - Inventarji tal-foresti : L-inventarji nazzjonali tal-foresti (NFIs) għandhom l-ikbar ammont tat-tagħrif meħtieġ dwar ir-riżorsi tal-foresti. Dan it-tagħrif mhuwiex armonizzat u għalhekk għandu użu limitat fil-livell tal-UE. Permezz ta' proġetti varji, il-Kummissjoni qed tinvestiga l-possibbiltà: - li tespandi l-ambitu tas-sistemi tal-inventarji tal-foresta lil hinn mill-aspetti tal-produzzjoni tal-injam sabiex tinkludi l-indikaturi imtejba tas-SFM u l-kriterji mħaddna mill-MCPFE[77], kif ukoll it-tagħrif soċjoekonomiku. - li tarmonizza n-NFI[78] sabiex tagħmilhom komparabbli. - Is-sistema integrata tal-amministrazzjoni u l-kontroll (IACS, kofinanzjata mill-fond tal-iżvilupp rurali tal-UE) tintuża għall-ġestjoni u l-kontroll mhux biss tal-pagamenti diretti, imma wkoll ċerti miżuri bbażati skont il-qasam tal-politika tal-iżvilupp rurali (eż. miżuri tal-forestrija agriambjentali). - Monitoraġġ tal-kondizzjoni tal-foresta : Taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE, mill-1987 sal-2006, meta skada r-Regolament tal-Fokus fuq il-Foresta[79], l-SM għamlu monitoraġġ tal-kondizzjoni tal-foresta skont l-"iskema tal-monitoraġġ fuq skala kbira u intensiva"[80]. Mill-2007 'l hawn ma hemmx bażi legali tal-UE għall-monitoraġġ imma l-proġett "FutMon" taħt il-Life+[81] qed jiġi appoġġat bil-ħsieb li jiġu żviluppati kunċetti tal-monitoraġġ għall-futur. - Monitoraġġ tan-nirien tal-forest : Is-Sistema Ewropea ta' Tagħrif dwar in-Nirien tal-Foresti (EFFIS) għandha approċċ volontarju, rikonoxxuta mill-SM, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew bħala għodda essenzjali għall-monitoraġġ tan-nirien tal-foresti fl-Ewropa. - Klassifikazzjoni tal-foresti : L-EEA żviluppat tipoloġija[82] tal-foresti li eventwalment tkun tista' tintuża għall-valutazzjonijiet fil-livell Ewropew tal-foresti fuq bażi ekoloġika imma s'issa kienu biss il-ftit SM li ppruvawha fis-sistemi ta' tagħrif dwar il-foresti tagħhom. L-adozzjoni tagħha xorta se tkun teħtieġ ħidma teknika u riżorsi konsiderevoli. Iċ-Ċentru Ewropew tad-Dejta dwar il-Foresti (EFDAC) żviluppat mill-Kummissjoni, jikkapitalizza fuq tagħrif eżistenti dwar il-foresti u l-monitoraġġ tal-bażijiet tad-dejta fl-UE, jintegra l-Pjattaforma Ewropea tat-Tagħrif dwar il-Foresti u l-Komunikazzjoni (EFICP)[83], u jibni fuq diversi inizzjattivi tal-Kummissjoni[84]. L-EFDAC jimmira li jsir il-punt fokali tat-tagħrif dwar il-foresti fl-Ewropa. Bħalissa jinkludi d-dejta spazjali kollha dettaljata miġbura taħt regolamenti tal-UE tal-passat u r-riżultati tal-proġetti tal-passat. Il-Eurostat jipprovdi statistika annwali dwar il-produzzjoni tal-injam u l-kummerċ fl-injam u l-prodotti tal-injam għall-pajjiżi tal-UE u tal-EFTA. Dan jaħdem flimkien mal-UNECE, il-FAO u l-ITTO (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali) bħala parti minn eżerċizzju mifrux madwar id-dinja, li juża kwestjonarju konġunt uniku għall-parteċipanti kollha bbażat fuq sett ta' definizzjonijiet armonizzati. Din id-dejta tista' tikkontribwixxi għall-immudeller tal-karbonju li jinsab fl-ammonti ta' njam li jitneħħew kull sena mill-foresta u li jkun maħżun fil-prodotti tal-injam. Il-Eurostat jipprovdi wkoll l-indikaturi ekonomiċi annwali għall-forestrija, it-tqattigħ u l-FBI. Id-dejta aggregata dwar il-ħsara fil-foresti, ħlief fil-każ tan-nirien, ma tipprovdi l-ebda kejl tal-livell attwali tal-ħsara. Fil-preżent ma teżistix sistema għall-monitoraġġ tifqigħat tal-pesti fl-UE imma tista' tkun meħtieġa meta wieħed jikkunsidra l-impatti mistennija tat-tibdil fil-klima fuq id-distribuzzjoni tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' tagħrif komparabbli u verifikabbli wassal għal stampa inkompluta dwar il-bilanċi tal-GHG fl-operazzjonijiet forestali u l-impatt tagħhom fuq il-bijodiversità tal-foresta. Il-ħtieġa għal tagħrif iktar armonizzat, affidabbli u komprensiv dwar il-foresti qed issir dejjem iżjed rikonoxxuta mill-Kummissjoni, l-SM u ħafna operaturi ekonomiċi. Ir-reviżjoni riċenti ta' nofs it-term[85] tal-PAF tal-UE sejħet għal titjib fis-sistemi eżistenti ta' tagħrif dwar il-foresti. Filwaqt li xi SM jista' jkollhom tagħrif dwar il-foresti li jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom, kumplessivament dan jista' ma jkunx it-tagħrif li jkun ta' għajnuna fil-livelli tal-UE jew dawk globali. Ir-rapportar armonizzat fuq sett iżjed komplut ta' indikaturi jista' jkun mod effettiv lejn tagħrif aħjar dwar l-użu tal-foresta, il-funzjonijiet tal-foresta u fl-aħħar mill-aħħar, il-protezzjoni tal-foresti. It-tagħrif aħjar dwar il-karbonju tal-foresti u s-sekwestrazzjoni tal-karbonju fil-prodotti tal-injam maħsud huwa essenzjali wkoll biex jagħti appoġġ lill-foresti u l-forestrija biex ikomplu jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Id-diffikultajiet konsiderevoli li qamu reċentament fil-formulazzjoni tas-sottomissjonijiet tal-UE għall-proċessi internazzjonali, bħall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Klima għamlu dan in-punt ċar ħafna. Mistoqsija 5: Billi wieħed iqis id-diversi livelli rilevanti tal-politika, it-tagħrif disponibbli dwar il-foresti llum huwa suffiċjenti biex jivvaluta b'korrettezza u konsistenza suffiċjenti: - Is-saħħa u l-kondizzjoni tal-foresti tal-UE? - Il-potenzjal produttiv tagħhom? - Il-bilanċ tal-karbonju tagħhom? - Il-funzjonijiet protettivi tagħhom (ħamrija, ilma, regolazzjoni tat-temp, bijodiversità)? - Il-provvista ta' servizzi lis-soċjeta u l-fuzjoni soċjali tagħhom? - Il-vijabbiltà globali tal-forestrija? Jekk insuffiċjenti, kif għandu jitjieb it-tagħrif dwar il-foresti? L-isforzi lejn il-ġbir armonizzat [86] tad-dejta dwar il-foresti huma suffiċjenti? X'tista' tagħmel l-UE biex tkompli tiżviluppa u / jew ittejjeb is-sistemi ta' tagħrif dwar il-foresti? PASSI LI JMISS Ħafna foresti madwar l-Ewropa se jkollhom sfida dejjem akbar mit-tibdil fil-klima. L-aħjar mod biex ikun żgurat li l-foresti jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom kollha huwa li jkun hemm preparazzjoni issa għal dawn l-isfidi. L-iskop ta' din il-Green Paper huwa li tħeġġeġ dibattitu pubbliku wiesa' mal-Ewropa kollha u biex tiżgura l-perċezzjoni fuq il-futur tal-protezzjoni tal-foresta u l-politika tat-tagħrif, kif ukoll biex tipprovdi elementi għall-possibbiltà ta' aġġornament tal-Istrateġija Forestrarja tal-UE dwar l-aspetti marbutin mal-klima. L-istituzzjonijiet Ewropej u dawk kollha interessati – organizzazzjonijiet jew individwi privati – huma mistiedna jressqu il-kummenti tagħhom dwar il-mistoqsijiet stipulati fil-Green Paper kif ukoll dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-protezzjoni tal-foresti u tagħrif li jixtiequ jitkellmu dwaru. Il-proċess ta' konsultazzjoni se jkun artikulat kif ġej: Konsultazzjoni pubblika fuq l-internet se tkun miftuħa sal-31 ta’ Lulju 2010. Il-Kummissjoni se torganizza sessjoni ta' ħidma u laqgħa għall-partijiet interessati dwar din il-Green Paper fi Brussell f'Ġunju tal-2010. Il-Kummissjoni se tippubblika il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati fuq l-internet u se tipprovdi r-reazzjonijiet tagħha dwar ir-riżultati prinċipali tal-konsultazzjoni. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jkomplu jiffurmaw ix-xogħol tal-futur tal-Kummissjoni rigward il-kontribuzzjoni li l-UE tista' tagħmel għall-protezzjoni tal-foresti fi klima li qed tinbidel, inkluż it-tagħrif meħtieġ biex jinkiseb dan. L-SM u l-partijiet interessati konċernati huma ġentilment mitluba jippreżentaw it-tweġibiet tagħhom għall-Green Paper sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2010. It-tweġibiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej: Bil-posta: European Commission Directorate General for Environment Unit B1: Forest, Soil and Agriculture BU-9 04/029 B-1049 Brussels, Belgium Bil-posta elettronika: ENV-U43-sector-forest@ec.europa.eu Huwa importanti li wieħed jaqra l-istqarrija speċifika dwar il-privatezza mehmuża ma' din il-konsultazzjoni għal tagħrif dwar kif id-dejta personali u l-kontribuzzjoni tiegħek se jiġu trattati. L-organizazzjonijiet professjonali huma mistiedna jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummissjoni għar-Rappreżentanti Interessati (http://:ec.europa.eu/transparency/regrin). Dan ir-reġistru sar fil-qafas tal-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza bl-għan li l-Kummissjoni u lill-pubbliku ġenerali jkunu pprovduti b'tagħrif dwar l-għanijiet, il-fondi u l-istrutturi tar-rappreżentanti interessati. [1] COM(2009)147 [2] L-Artikolu 5 tat-Trattat tal-UE [3] Rapport tal-UNCED (Rio de Janeiro, 1992), Anness III, 2b [4] http://www.cbd.int/forest/pow.shtml [5] COM (2003) 251 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 [6] COM (2008) 645 [7] http://www.mcpfe.org [8] Liżbona MCPFE (1998) Vjenna MCPFE (2003) [9] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill (ĠU 1999/C 56/01) [10] COM (2006)302 [11] http://www.unece.org/timber/fra/definit.htm [12] Ir-rata ta' deforestazzjoni globali hija madwar 13 miljun ettaru fis-sena ara http://www.fao.org/DOCREP/008/a0400e/a0400e00.htm għal ċifri aġġornati. [13] G. R. van der Werf et al: CO2 emissions from forest loss , Nature Geoscience (2), 2009 [14] Falinski, J.-B.; Mortier, F., Revue forestière française XLVIII, 1996. [15] TBFRA 2000 - http://www.unece.org/timber/fra/welcome.htm [16] SEC(2009)387, taqsima 10.2 "Foresti" [17] http://www.cepf-eu.org [18] SEC(2009)1111: [19] http://www.unece.org/timber/efsos/ [20] http://www.unece.org/timber/efsos/ [21] COM(2008)113 [22] Häglund, B.: The role of European forests in welfare creation, STORA ENSO presentation , 2003 [23] COM (2006)848 [24] www.unece.org/timber/docs/dp/dp-41.pdf [25] Hetsch S. et al (2008): Wood resources availability and demands II -future wood flows in the forest and energy sector. European countries in 2010 and 2020,Geneva [26] MCPFE "L-istat tal-foresti Ewropej 2007" [27] http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/external/forest_products [28] SOM tvarja bejn 0,71% fl-art agrikola niexfa għall-6,65%fl-umdità (Vallejo, R. et al (2005) MMA – Spanja) [29] http://www.forestry.gov.uk/website/forestresearch.nsf/ByUnique/INFD-623HXH [30] Ir-Rapport EEA Nru 8/2009 [31] "Żoni ta' Protezzjoni tal-Ilma" Bayerischer Agrarbericht 2008 [32] http://ec.europa.eu/environment/nature/info/pubs/docs/nat2000/n2kforest_en.pdf [33] TBFRA 2000-http://www.unece.org/trade/timber/fra/welcome.htm). [34] "Stat tal-Foresti tal-Ewropa fl-2007" mill-MCPFE [35] L-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Isvizzera, il-Liechtenstein u t-Turkija [36] Tomialojc and Wesolowski (2000). Biogeography ecology and forest bird communities [37] COM (2009)358 [38] L-Artikolu 17 HD tar-Rapport 2009 - http://ec.europa.eu/environment/nature/ [39] Ir-Rapport tal-EEA Nru 4/2009 [40] Proġett tal-BioSoil / "Fokus fuq il-Foresti" [41] Ciais, P. et al. (2008): http://www.nature.com/ngeo/journal/v1/n7/full/ngeo233.html [42] L-Inventarju Annwali tal-Komunità Ewropea dwar il-Gassijiet Serra 1990-2007 u r-Rapport dwar l-Inventarju 2009 [43] Lindroth, A. et al f'Global Change Biology 2009-15 [44] http://www.ipcc.ch/pdf/assessment-report/ar4/wg3/ar4-wg3-chapter9.pdf [45] Menenti, M.; Verstraete, M; Peltoniemi, J. (2000): Observing land from space: science, customers, and technology. Kluwer Academic [46] Makarieva, A. et al.: Precipitation on land versus distance from the ocean: Evidence for a forest pump of atmospheric moisture, in: Ecological Complexity, Volume 6, Issue 3, 09/2009 [47] Murdiyarso, D.; Sheil, D.: How Forests Attract Rain: An Examination of a New Hypothesis., in: BioScience 59, 2009 [48] http://melbournecatchments.org [49] Barra minn hekk avvenimenti naturali bħal xi era glaċjali xi kultant ikkawżaw iktar tibdiliet radikali fl-okkorenza u d-distribuzzjoni tal-ispeċijiet. [50] 4AR tal-IPCC, WG 1 www.ipcc.ch [51] http://www.fao.org/docrep/011/i0670e/i0670e10.htm [52] Rapport tal-EEA Nru 4/2008 / SEC(2009)387 [53] Colinas, C.; De Dios, V.; Fischer, Ch.: Vol. 33, Nru 1, 01/2007 [54] Gonzales, C (2008): Analysis of the oak decline in Spain "la seca". Thesis, SLU Uppsala [55] Casalegno, S. et al., 2010 Forest Ecology and Management (qed jiġi ppubblikat) [56] BOKU, EFI, IAFS, INRA (2008): Impacts of Climate Change on European forests and options for adaptation [57] Lindner et al. 2008 http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/external/euro_forests/full_report_en.pdf [58] Ir-Gradazzjoni ta' Severità Kull Xahar tispjega il-periklu min-nirien abbażi tal-kondizzjonijiet meteoroloġiċi [59] Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka – IES: Is-Sistema Ewropea ta' Tagħrif dwar in-Nirien tal-Foresti, in-Nirien tal-Foresti fl-Ewropa 2008 [60] Westerling, A.L. et al: ġewwa: Science, Vol. 313. nru 5789 (08/2006) [61] Bulettin tal-EFFIS Settembru tal-2009 [62] "Nagħmlu l-foresti adattati għat-Tibdil fil-Klima, ħarsa globali lejn l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti u n-nies u l-għażliet għall-adattament", 2009. [63] Winkel, G. et al (2009): http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/ifp_ecologic_report.pdf [64] COM(2008)113 [65] COM(2007)2 / COM(2005)35 [66] Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE [67] Id-Direttiva 2009/29/KE [68] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 [69] Id-Direttiva 2009/28/KE [70] http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/index_en.htm [71] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE [72] ĠU L 011, 15/01/2000, [73] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 [74] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE [75] COM(2009) 82 [76] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 http://www.consilium.europa.eu/uedocs/NewsWord/en/jha/111537.doc [77] http://www.mcpfe.org/system/files/u1/List_of_improved_indicators.pdf [78] Rapport tal-COST E43. http://www.metla.fi/eu/cost/e43/ [79] Ir-Regolament (KE) Nru 2152/2003 [80] http://www.icp-forests.org/ [81] Ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 [82] http://www.eea.europa.eu/publications/technical_report_2006_9 [83] EFICP http://eficp.jrc.ec.europa.eu/EFICP/ [84] INSPIRE, SEIS u GMES [85] http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/euforest/index_en.htm [86] F'dan il-kuntest, "armonizzat" trid tiftiehem fis-sens li s-sistemi ta' tagħrif ikollhom l-informazzjoni komparabbli u kompatibbli, u mhux li fil-qasam jsiru proċeduri uniformi.