Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010BP0405

    Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Drenthe, Diviżjoni 18/l-Olanda Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta’ Novembru 2010 dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2009/030 NL/Drenthe Diviżjoni 18 mill-Olanda) (COM(2010)0531 – C7-0310/2010 – 2010/2226(BUD))
    ANNESS

    ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 131–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 99/131


    It-Tlieta 23 ta’ Novembru 2010
    Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Drenthe, Diviżjoni 18/l-Olanda

    P7_TA(2010)0405

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2009/030 NL/Drenthe Diviżjoni 18 mill-Olanda) (COM(2010)0531 – C7-0310/2010 – 2010/2226(BUD))

    2012/C 99 E/28

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0531 – C7-0310/2010),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (1), (Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikolari l-Punt 28 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament FEAG),

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0321/2010),

    A.

    billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

    B.

    billi l-ambitu tal-FEAG twessa' għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

    C.

    billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni fis-17 ta’ Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

    D.

    billi r-Renju tal-Olanda talab għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 140 sensja f'żewġ intrapriżi li qegħdin joperaw fid-Diviżjoni 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u r-riproduzzjoni ta’ media rrekordjata) fir-reġjun NUTS II ta’ Drenthe;

    E.

    billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti mir-Regolament tal-FEAG,

    1.

    Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG;

    2.

    Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, li jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista' jwettaq fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensja;

    3.

    Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni f'impjieg ta 'ħaddiema individwali li ngħataw is-sensja; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehim kollettiv, u lanqas miżuri ta’ ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

    4.

    Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata valutazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu, inkluż evalwazzjoni tal-effetti li dawn is-servizzi temporanji u personalizzati għandhom fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fuq medda twila ta’ żmien fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema sensjati;

    5.

    Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta’ approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intuża, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

    6.

    Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlas se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b'mod sinifikanti l-ħtieġa ta’ appoġġ bħal dan;

    7.

    Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ eżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013;

    8.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, tanalizza l-kriterji ta’ eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

    9.

    Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

    10.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    11.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


    It-Tlieta 23 ta’ Novembru 2010
    ANNESS

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    ta’ l-xxx

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (applikazzjoni EGF/2009/030 NL/ Drenthe Diviżjoni 18 mill-Olanda)

    Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (1), u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

    (2)

    L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema sensjati b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3)

    Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4)

    Fit-30 ta’ Diċembru 2009, ir-Renju tal-Olanda ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta’ sensji f’żewġ intrapriżi li qegħdin joperaw fid-Diviżjoni 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u r-riproduzzjoni ta’ media rrekordjata) fir-reġjun NUTS II ta’ Drenthe (NL13) u ssupplimentaha b’informazzjoni addizzjonali sas-6 ta’ Mejju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta’ EUR 453 632.

    (5)

    Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Olanda.

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2010, għandha tiġi mobilizzata somma ta’ EUR 453 632 f' approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ ħlas taħt l-intestatura tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 139 of 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


    Top