EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0374

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni: il-kompetittività u s-sostenibilità fix-xena prinċipali”

ĠU C 9, 11.1.2012, p. 29–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/29


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni: il-kompetittività u s-sostenibilità fix-xena prinċipali”

2012/C 9/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li s-suċċess ta’ politika industrijali Ewropea ġdida jiddependi minn politiki effikaċi f’oqsma bħall-governanza u l-kundizzjonijiet ekonomiċi, il-kompetittività, l-investimenti u l-istruttura tas-settur finanzjarju, l-innovazzjoni u r-riċerka, l-enerġija u r-riżorsi, l-aġenda diġitali, il-kwalifiki u impjiegi ġodda, eċċ;

jenfasizza li t-trasformazzjoni tal-industrija Ewropea għandha tagħti aktar flessibbiltà lin-negozji fl-istrateġiji tagħhom għar-reklutaġġ ħalli jkunu jistgħu joffru ħarsien adegwat li jipprovdi s-sigurtà tad-dħul finanzjarju għall-ħaddiema fis-setturi li jistgħu jintlaqtu, u għandha toffri għażliet ta’ impjieg ġdid, kwalifiki ġodda u appoġġ għall-impjieg indipendenti. It-tagħlim tul il-ħajja waqt li wieħed ikollu impjieg huwa kruċjali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ impjegabbiltà tal-ħaddiema u jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li wieħed idum qiegħed, u jipprovdi wkoll lin-negozji ġabra ġdida ta’ ħiliet biex jadattaw ruħhom malajr għall-bidliet fis-suq. Il-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-koordinazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jintuża aktar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għal dawn il-kwistjonijiet;

jitlob li l-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE jkollhom rwol akbar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fil-ksib tal-għanijiet li jinsabu fil-Komunikazzjoni. Ifakkar fir-rwol ewlieni tal-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE biex jixprunaw il-politika industrijali u biex jiżviluppaw l-ekonomija, bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħhom qrib iċ-ċittadini u l-għarfien dirett tagħhom dwar l-istruttura industrijali u l-problemi li jaffettwaw l-intrapriżi;

jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu patti territorjali fil-livell nazzjonali għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni fi sħubija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR), kif ukoll biex jevalwaw b’mod konġunt il-progress tagħhom bil-għan li jikkoordinaw u jiffokaw l-isforzi u l-aġendi politiċi tagħhom fuq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Mingħajr dubju ta’ xejn, dan jikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Relatur

Is-Sur Patxi LÓPEZ (ES/PSE), President tal-Gvern Bask

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali

COM(2010) 614 finali.

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn li l-Kummissjoni Ewropea ħadet fil-Komunikazzjoni bit-titolu “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali” (1), li hija waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li tinbena industrija Ewropea b’saħħitha, kompetittiva u orjentata lejn it-tkabbir sostenibbli biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku;

2.

jenfasizza li s-suċċess ta’ politika industrijali Ewropea ġdida jiddependi minn politiki effikaċi f’oqsma bħall-governanza u l-kundizzjonijiet ekonomiċi, il-kompetittività, l-investimenti u l-istruttura tas-settur finanzjarju, l-innovazzjoni u r-riċerka, l-enerġija u r-riżorsi, l-aġenda diġitali, il-kwalifiki u impjiegi ġodda, eċċ.;

3.

għaldaqstant, jitlob li l-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 ikunu aktar integrati u koordinati;

4.

jiddispjaċih li dawn is-seba’ inizjattivi ewlenin ġew proposti mingħajr ma tqisu l-impatt baġitarju tagħhom u l-ħtiġijiet għall-implimentazzjoni tagħhom;

5.

jinnota kemm hu importanti li wieħed jibbenefika mill-valur miżjud tal-azzjoni Ewropea biex jiġu ffaċċjati l-isfidi globali u jiġu indirizzati l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 b’mod li jitlaqqgħu flimkien l-isforzi u s-sinerġiji f’approċċ koordinat tal-politiki;

6.

jinnota li l-bidliet strutturali li qed isiru fid-dinja wrewna li jeżistu problemi u sfidi ta’ natura globali, li qed jespandu b’mod mgħaġġel, u li jaffettwaw lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, f’kuntest aktar miftuħ u interdipendenti. Dan jindika l-ħtieġa li jitnedew strumenti ta’ prospettiva strateġika u teknoloġika biex jiġu żviluppati risposti rapidi u koordinati;

7.

ifakkar li l-parametri l-ġodda tal-kompetittività xeħtu d-dubju fuq ir-rwol tal-ekonomija tal-UE fid-dinja, u li għandu jingħata inkoraġġiment qawwi lill-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex l-ekonomija fl-UE tirkupra l-pożizzjoni tagħha. F’dan il-proċess l-industrija għandha taqdi rwol prinċipali bħala xprun tat-tkabbir;

8.

huwa favur il-kunċett ta’ sostenibbiltà integrali li tinkludi b’mod bilanċjat il-varjabbli ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-protezzjoni u r-riġenerazzjoni ambjentali, l-enerġija, il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi kif ukoll il-ħtiġijiet soċjali relatati mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-kura tal-persuni dipendenti għandhom potenzjal importanti li jkunu dinamiċi mil-lat ekonomiku. Il-promozzjoni ta’ industrija kompetittiva f’livell globali għandha tkun kompatibbli mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jirrispetta l-ambjent;

9.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tpoġġi enfasi akbar fuq il-livelli differenti ta’ żvilupp u fuq il-korrezzjoni tal-iżbilanċi li għadhom jippersistu fi ħdan l-UE. F’dan ir-rigward, il-politika industrijali hija wieħed mill-istrumenti li għandhom jintużaw. Il-pożizzjonijiet relattivi tal-Istati Membri kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-ħames għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ivarjaw b’mod konsiderevoli, u l-impatt tal-kriżi qed jaffettwahom b’intensità differenti;

10.

jenfasizza li t-trasformazzjoni tal-industrija Ewropea għandha tagħti aktar flessibbiltà lin-negozji fl-istrateġiji tagħhom għar-reklutaġġ ħalli jkunu jistgħu joffru ħarsien adegwat li jipprovdi s-sigurtà tad-dħul finanzjarju għall-ħaddiema fis-setturi li jistgħu jintlaqtu, u għandha toffri għażliet ta’ impjieg ġdid, kwalifiki ġodda u appoġġ għall-impjieg indipendenti. It-tagħlim tul il-ħajja waqt li wieħed ikollu impjieg huwa kruċjali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ impjegabbiltà tal-ħaddiema u jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li wieħed idum qiegħed, u jipprovdi wkoll lin-negozji ġabra ġdida ta’ ħiliet biex jadattaw ruħhom malajr għall-bidliet fis-suq. Il-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-koordinazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jintuża aktar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għal dawn il-kwistjonijiet;

11.

jitlob li l-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE jkollhom rwol akbar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fil-ksib tal-għanijiet li jinsabu fil-Komunikazzjoni. Jeżistu gvernijiet lokali u reġjonali b’kompetenzi kbar li wrew li għandhom l-esperjenza fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku u industrijali kif ukoll f’politiki oħra relatati direttament mal-kompetittività. Bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħhom qrib dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u qrib il-protagonisti tal-attività ekonomika, huma aktar effiċjenti fil-ġestjoni tal-politiki pubbliċi;

12.

jappoġġja, f’dan il-kuntest, il-konklużjoni ta’ patti territorjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri bil-għan li jadottaw impenji biex jilħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-allinjament tal-għanijiet, tal-istrateġiji komuni u tal-finanzjament fil-qasam tal-politika industrijali ser jagħti kontribut pożittiv biex jinkiseb aktar tkabbir ekomomiku;

13.

jirrikonoxxi r-rwol li jaqdu l-partijiet interessati li jippromovu l-ekonomija tal-prossimità (2) marbutin mar-reġjuni u l-bliet bħala fatturi dinamiċi għall-industrija. L-azzjoni tagħhom hija fundamentali sabiex l-intrapriżi, l-atturi soċjali u ċ-ċittadini jiġu involuti aktar fil-politika industrijali tal-UE;

14.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal programm speċifiku għal kull waħda mill-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni bil-għan li tiġi ffaċilitata s-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-politika industrijali l-ġdida;

15.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, twettaq proċedura ta’ segwitu u evalwazzjoni kull tant żmien dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-politika industrijali sabiex jinħolqu s-sinerġiji u jinqasmu r-riżorsi għall-istess għan. F’dan il-kuntest jappella li jiġu żviluppati miżuri kwalitattivi u kwantitattivi għall-evoluzzjoni tal-politika industrijali bl-inklużjoni ta’ aspetti bħall-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli jew il-progress tal-innovazzjoni;

L-industrija Ewropea fil-kuntest tal-isfidi l-ġodda tal-kompetizzjoni. Xena ekonomika ġdida li tinvolvi bidliet ta’ natura strutturali

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol prinċipali li l-inizjattiva tagħti lill-industrija fil-mudell il-ġdid tat-tkabbir Ewropew bħala settur deċiżiv għall-ekonomija tagħna u fid-dawl tal-impatt kbir li għandha fuq l-attivitajiet ekonomiċi l-oħra;

17.

jirrikonoxxi li l-kunċett stess ta’ “industrija” evolva u wasal f’fażi ekonomika fejn il-kunċett ta’ “industrija mxerrda” jew “industrija ġdida” kiseb rwol akbar, u l-iżvilupp tagħha qed jesiġi servizzi ta’ valur miżjud għoli;

18.

jinnota li l-politika industrijali għandha tmur lil hinn mill-approċċ settorjali u ssir politika tal-kompetittività li tinkludi approċċ usa’ ta’ appoġġ attiv għall-intrapriżi, hekk kif qed jirrikjedi l-kuntest ġdid tal-bidla industrijali;

19.

jenfasizza li l-UE għandha tinvesti f’dawk l-oqsma bl-akbar potenzjal soċjoekonomiku, u jitlob li ssir enfasi akbar fuq l-iżvilupp intelliġenti ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-UE, kif ukoll fuq l-investiment strateġiku fir-riċerka u l-iżvilupp, it-taħriġ iffokat fuq ix-xjenza u t-teknoloġija jew l-innovazzjoni mhux teknoloġika, fost affarijiet oħrajn;

20.

josserva li l-industrija tal-UE tiddependi ħafna mill-materja prima u mir-riżorsi tal-enerġija, li qed isiru dejjem aktar għaljin u skarsi u li jiddependu mill-qagħda politika internazzjonali;

21.

itenni li wieħed mill-għanijiet prinċipali għandu jkun id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku minn maż-żieda fl-użu tar-riżorsi;

22.

jemmen, għaldaqstant, li l-iżvilupp ta’ proċess għall-ġestjoni aktar effiċjenti ta’ dawn ir-riżorsi, is-sostituzzjoni tal-materja prima, kif ukoll il-progress fil-konsolidazzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, għandhom jitfasslu bħala prijoritajiet strateġiċi tal-politika industrijali tal-UE;

23.

ifakkar li d-demografija ser tibqa’ assoċjata ma’ mudelli ġodda tal-konsum. It-tixjiħ tal-popolazzjoni fil-pajjiżi żviluppati ser ikollu bżonnijiet ġodda fil-qasam tas-servizzi soċjali, iżda ser ikun ukoll sors ta’ opportunitajiet għall-industrija u s-servizzi. L-espansjoni tal-klassi medja fil-pajjiżi emerġenti tista’ tkun sors ieħor ta’ opportunitajiet għall-iżvilupp u l-innovazzjoni;

24.

jagħraf ir-rwol tal-pajjiżi emerġenti fil-mappa ġeoekonomika l-ġdida li qed titfassal bħalissa. Il-pajjiżi emerġenti qed jiksbu rwol ġdid bħala swieq attraenti bi tkabbir qawwi, iżda wkoll bħala atturi tal-flussi l-ġodda ta’ investiment dirett u ż-żieda fid-domanda għat-teknoloġija u għar-riċerka u l-iżvilupp;

25.

għalhekk, jaqbel li hemm bżonn urġenti li jsiru riformi strutturali minħabba l-bidliet radikali li jaffettwaw il-kuntest intraprenditorjali u li jissoponu l-adozzjoni ta’ mudell ġdid tal-kompetizzjoni fil-livell dinji li fih, flimkien mal-ħruġ ta’ pajjiżi emerġenti ġodda, jiksbu importanza deċiżiva wkoll it-teknoloġija u l-kompetenzi assoċjati mal-ICTs (teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni) kif ukoll it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

26.

jappella biex jitneħħew l-ostakli li jillimitaw it-tkabbir intraprenditorjali u jirrakkomanda li jinsabu soluzzjonijiet u formoli ta’ kollaborazzjoni u ta’ assoċjazzjoni bejn l-intrapriżi. L-isfidi assoċjati mal-internazzjonalizzazzjoni, l-innovazzjoni jew is-sostenibbiltà ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod iżolat jew skonness;

27.

jenfasizza li għandhom jinħolqu l-opportunitajiet sabiex l-intrapriżi jiksbu dimensjoni effiċjenti f’oqsma speċjalizzati speċifiċi. B’hekk ikun possibbli li l-UE jkollha SMEs multinazzjonali f’oqsma speċjalizzati. Fil-fatt, l-ispeċjalizzazzjoni hija wieħed mill-aspetti strateġiċi u determinanti għall-kompetittività tal-intrapriżi, li ser jeħtiġilhom jiżviluppaw prodotti u servizzi aktar sofistikati u b’enfasi fuq segmenti tas-suq aktar speċifiċi b’valur miżjud akbar;

28.

jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jitħarrġu l-persuni u jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, kif ukoll li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli u attraenti biex in-nies jaħdmu fl-industrija tal-għarfien. Dan għaliex bħalissa jeżistu l-problemi biex jinsabu n-nies għal impjiegi f’oqsma strateġiċi għall-futur, bħar-riċerka u x-xjenza, l-inġinerija, is-saħħa jew il-matematika. Bl-istess mod, il-kompetenzi, il-ħiliet u l-għarfien tal-ħaddiema għandhom jiġu aġġornati b’mod permanenti u jkunu ffokati fuq id-domandi tat-teknoloġiji u s-setturi l-ġodda, għaliex dan hu ta’ benefiċċju għall-industrija kif ukoll għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom, sabiex jadattaw ruħhom mill-ġdid malajr għal setturi u teknoloġiji ġodda;

29.

barra minn hekk, jinnota li hu importanti li jsir progress fil-versatilità u l-multidixxiplinarjetà, flimkien ma’ approċċ iffokat fuq il-kompetenzi personali bħax-xogħol f’tim jew il-predispożizzjoni għall-bidla, sabiex ikun hemm adattament akbar għall-ħtiġijiet tas-settur industrijali;

30.

jemmen li hemm bżonn li l-industriji tagħna jiżviluppaw “rifless tal-globalizzazzjoni”, u jadattaw ruħhom għall-kuntest ġdid ta’ kompetizzjoni, li diġà hu internazzjonali u li, min-natura tiegħu stess, qiegħed jinbidel. Il-globalizzazzjoni żiedet il-kompetizzjoni hekk kif is-swieq infetħu għal kompetituri ġodda, li jibbenefikaw minn possibbiltajiet ġodda biex jiċċaqilqu u jiksbu l-informazzjoni;

31.

jinnota li l-internazzjonalizzazzjoni hija sfida komuni tas-soċjetà kollha u mhux tal-intrapriżi biss. Sabiex l-intrapriżi Ewropej jiffokaw b’mod deċiżiv fuq l-internazzjonalizzazzjoni u jkunu kompetittivi fil-livell internazzjonali, jeħtieġ ukoll li l-persuni, l-universitajiet, iċ-ċentri tat-taħriġ jew is-sistemi xjentifiċi u teknoloġiċi jinkludu l-kultura u d-dimensjoni internazzjonali fl-istrateġija tagħhom;

32.

jenfasizza li l-katina tal-valur ġiet frammentata, u b’hekk ġew enfasizzati l-vantaġġi speċifiċi tal-lokalizzazzjoni li għandu kull territorju fir-rigward tal-kompiti differenti involuti fil-manifattura jew il-forniment ta’ prodott jew servizz partikolari;

33.

huwa favur li jittejbu l-aċċess u d-disponibbiltà tal-kreditu, jappoġġja l-użu tal-Forum dwar il-Finanzi tal-SMEs, u jenfasizza wkoll l-importanza tal-funzjoni li jaqdu l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji bħala intermedjarji li jaġixxu b’mod responsabbli u trasparenti u li jiggarantixxu rabta aħjar bejn l-ekonomija finanzjarja u l-ekonomija reali;

34.

iħeġġeġ ukoll li jittejjeb il-funzjonament tas-swieq finanzjarji permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri effikaċi u billi tissokta l-ħidma mibdija fl-UE biex dawn is-swieq jiġu regolati b’mod adegwat. B’hekk ikunu jistgħu jiġu miġġielda l-ispekulazzjoni u l-vulnerabbiltà tas-sistemi bankarji, bil-għan li jitneħħew ir-riskji sistematiċi, filwaqt li jkun hemm bilanċ u stabbiltà akbar u tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies f’kuntest ta’ negozji b’saħħithom;

35.

huwa favur kollaborazzjoni akbar bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE sabiex jittejjeb l-appoġġ għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni fil-livell lokali u reġjonali;

It-triq lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Politika industrijali ambizzjuża ġdida għat-tmexxija tal-ekonomija tal-ġejjieni.

36.

jipproponi li jiġi definit u mniedi pjan tal-kompetittività fil-livell tal-UE li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet qafas tal-UE fil-qasam tal-politika industrijali;

37.

itenni li l-kompetittività mhix biss sfida tad-dinja intraprenditorjali, iżda wkoll tas-soċjetà kollha u ta’ kull sistema involuta fl-iżvilupp ekonomiku. Il-kompetittività taffettwa lill-persuni, l-universitajiet, iċ-ċentri teknoloġiċi, is-servizzi tas-saħħa, eċċ., kif ukoll is-setturi u l-attivitajiet kollha tal-produzzjoni;

38.

għaldaqstant, huwa favur l-iżvilupp ta’ approċċ sistematiku tal-politika industrijali, li jinkludi l-politiki differenti li jikkontribwixxu għall-kompetittività. Dan l-approċċ għandu jiġi ttrasferit ukoll għal-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Sabiex l-industrija Ewropea ttejjeb l-effiċjenza u l-produttività tagħha, jeħtieġ li titjieb ukoll il-pożizzjoni tal-UE f’aspetti bħat-trasport, il-ħarsien soċjali u tal-konsumatur, l-intermedjazzjoni finanzjarja, l-enerġija, l-ambjent kif ukoll is-suq uniku u l-politiki kummerċjali, u li dawn kollha jiġu koordinati bħal ħoloq f’“katina tal-kompetittività”;

39.

għalhekk, jemmen li l-politika industrijali l-ġdida għandha tippromovi approċċ transsettorjali. Matul l-aħħar snin żdid l-użu tal-formoli kollha li jħeġġu l-kooperazzjoni intraprenditorjali permezz ta’ proġetti clusters jew interclusters, li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħhom hu li jirraggruppaw u jgħaqqdu l-funzjonijiet kollha tal-katina tal-valur fl-istess tip ta’ inizjattivi li jkunu maħsuba bħala qafas effikaċi fil-katina kollha tal-valur li ma jintervjenix fid-deċiżjonijiet intraprenditorjali. Barra minn hekk, fid-dawl tar-rabta diretta tal-clusters mat-territorju tagħhom, huwa importanti li fid-definizzjoni tal-politika industrijali l-ġdida titqies id-dimensjoni reġjonali prominenti tagħhom;

40.

itenni li l-irkupru tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi jiddependi b’mod sostanzjali mit-titjib tal-produttività kemm fis-settur tal-manifattura kif ukoll, b’mod speċjali, f’dak tas-servizzi assoċjati mal-intrapriżi;

41.

jenfasizza r-rwol importanti tal-SMEs fl-UE, li huma responsabbli għal żewġ terzi tal-impjiegi industrijali. Huwa għal din ir-raġuni li l-politiki pubbliċi fl-UE għandhom jiġu indirizzati mill-perspettiva tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” (think small first), sabiex jitwieġbu b’mod speċifiku l-ħtiġijiet tal-SMEs bħala atturi ekonomiċi fundamentali għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. Aħna nistgħu nkunu kompetittivi biss jekk l-SMEs tagħna jkunu kompetittivi;

42.

jappella, għalhekk, li jkun hemm komunikazzjoni aktar integrata dwar ir-rwol prinċipali tal-atturi tal-promozzjoni ekonomika marbutin mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jipprovdu “b’mod kapillari” servizzi ta’ appoġġ fundamentali sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jikkompetu;

43.

jirrakkomanda li jintużaw il-mezzi neċessarji li jiggarantixxu l-applikazzjoni effikaċi tas-Small Business Act, u jenfasizza li l-aħħar reviżjoni tiegħu tinsisti li tingħata prijorità lill-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs u lil-leġislazzjoni intelliġenti;

44.

jaqbel li hemm bżonn jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-intrapriżi jkollhom aċċess għall-aħjar servizzi possibbli. Dan jiddetermina b’mod konsiderevoli l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, u għalhekk il-kompetittività tagħhom. Għandha tingħata preferenza lill-miżuri li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u għall-kompetizzjoni fost dawk li jipprovdu s-servizzi lill-intrapriżi;

45.

jappoġġja l-użu ta’ miżuri li jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-innovazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-ġestjoni fl-intrapriżi, speċjalment fl-SMEs, billi jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u leġislattivi li jaffettwaw il-kompetittività tal-intrapriżi, u billi jikkontribwixxu, pereżempju, biex il-kontrolli tal-kwalità (fitness checks) jiġu estiżi għall-qasam tal-politika industrijali, kif ukoll billi jestendu u jiġġeneralizzaw l-applikazzjoni tagħhom f’oqsma oħra relatati ma’ din il-politika;

46.

jenfasizza kemm huwa importanti li l-politika industrijali Ewropea, fid-dawl tal-impatt u d-dimensjoni territorjali li għandha, tadatta l-għanijiet tagħha għall-kundizzjonijiet differenti tal-bidu, għaliex dan huwa fundamentali għall-iżvilupp bilanċjat u koeżiv. Jisħaq li għandu jkun hemm koerenza bejn il-Komunikazzjoni diskussa f’din l-opinjoni u l-linji gwida li jinsabu fil-Komunikazzjoni bit-titolu “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” (3) u f’dik intitolata “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020” (4);

47.

jaqbel li hemm bżonn isir progress fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti biex tiġi promossa l-kompetittività tan-nisġa industrijali, u huwa favur li l-gvernijiet reġjonali u lokali jinkoraġġixxu l-oqsma speċjalizzati tagħhom tal-innovazzjoni. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti hija l-ħolqa li tgħaqqad il-Komunikazzjoni dwar il-politika industrijali mal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”;

48.

jemmen li hemm bżonn titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-istrumenti li jippromovu l-clusters fl-UE filwaqt li jiġi żviluppat approċċ uniku ffokat fuq it-tkabbir u l-kompetittività li, lil hinn mill-iskambju tal-esperjenzi, jinkoraġġixxi proġetti konkreti ta’ natura konġunta u kollaborattiva. F’dan il-każ, l-UE tkun fattur ewlieni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transnazzjonali li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ clusters f’livell dinji;

49.

jinnota l-ħtieġa li jibqgħu jiġu żviluppati proġetti strateġiċi fil-livell tal-UE b’rabta ma’ aspetti konkreti u b’effett ta’ lieva sostanzjali f’termini ta’ trasferiment ta’ teknoloġija u ħolqien ta’ sinerġiji, bħall-iżvilupp industrijali tal-“Vetturi Ekoloġiċi”, il-“Bini Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija” u l-“Fabbriki tal-Futur”. Hemm bżonn li l-inizjattivi ta’ dan it-tip, li juru l-valur miżjud tal-UE, jiġu estiżi u approfonditi b’viżjoni fit-tul;

50.

jaħseb li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw ukoll effett ta’ lieva importanti fuq il-kompetittività tal-intraprapriżi permezz tal-akkwisti pubbliċi innovattivi. B’dan il-mod, il-kriterji tas-sejħiet għall-offerti pubbliċi jinċentivaw l-innovazzjoni tal-intrapriżi kontraenti billi jagħtu prijorità lill-prodotti jew servizzi innovattivi u sostenibbli. Dan itejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi. Madankollu għandu jiġi evitat il-piż amministrattiv addizzjonali, għax jekk le, ma jibqax attraenti għall-intrapiżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jipparteċipaw fl-akkwisti pubbliċi;

51.

jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti biex jagħmlu progress fil-promozzjoni tal-kultura intraprenditorjali fis-soċjetà Ewropea, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Is-sistemi edukattivi għandhom jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ li jinkludu l-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali, it-teħid tar-riskji, ir-rwol ta’ mexxejja u l-kreattività fost il-kompetenzi ewlenin tan-nies;

52.

jinnota li l-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ profili relatati mal-globalizzazzjoni hija importanti immens. Hawnhekk jaqdu rwol kruċjali l-għarfien tal-lingwi, ir-rieda tal-mobilità professjonali internazzjonali, u l-iżvilupp ta’ mentalità miftuħa għar-relazzjonijiet ma’ persuni ta’ kulturi differenti;

53.

jipproponi li l-istrateġiji tat-teknoloġija u tal-internazzjonalizzazzjoni jiġu integrati aktar fil-Komunikazzjoni. L-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-internazzjonalizzazzjoni huma tliet kunċetti li jikkontribwixxu wieħed għall-ieħor u bejniethom teżisti relazzjoni reċiproka; għalhekk għandu jsir sforz biex jiġu definiti politiċi konġunti f’dan il-qasam;

54.

jitlob li t-tħejjija li jmiss tal-istrateġija ta’ appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs tkun ambizzjuża u konkreta biżżejjed. Din l-istrateġija għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u lill-iżvilupp tal-interrelazzjonijiet, kif ukoll lill-ħolqien ta’ rabtiet intersettorjali;

55.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tapplika b’mod effettiv il-miżuri inklużi fil-Komunikazzjoni bit-titolu “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija. Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (5), speċjalment fir-rigward tal-aġenda ta’ negozjati fl-istituzzjonijiet internazzjonali kif ukoll fl-approfondiment tal-kollaborazzjonijiet strateġiċi. F’dan il-każ, l-azzjoni fil-livell tal-UE hija fundamentali sabiex tiżdied l-influwenza tal-industrija Ewropea fid-dinja;

56.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-importanza strateġika li għandha l-politika tal-kompetizzjoni għall-kompetittività tal-industrija tal-UE u għall-kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet fis-suq intern. Kuntest ta’ kompetizzjoni ġusta, li jiffavorixxi l-kundizzjonijiet indaqs, jistimola lill-intrapriżi jtejbu lilhom innifishom biex ikunu kompetittivi u jiżviluppa l-inizjattiva privata. Huwa essenzjali li l-Istati Membri, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiggarantixxu l-funzjonament u l-applikazzjoni tagħha b’mod adegwat;

57.

madankollu, itenni r-rwol ġdid tas-settur pubbliku, li għandu jfittex forom ta’ kooperazzjoni pubblika-privata għall-finanzjament tal-infrastrutturi strateġiċi u l-investimenti produttivi kbar. Il-kooperazzjoni pubblika-privata għandha tintuża wkoll għall-iżvilupp ta’ politika industrijali, filwaqt li jitfittex l-allinjament tal-interessi u jinbdew il-proġetti konkreti b’dimensjoni Ewropea; dan isaħħaħ l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Barra minn hekk, il-forom ta’ kooperazzjoni pubblika-pubblika bejn il-livelli differenti ta’ gvern u l-istituzzjonijiet pubbliċi ser jikkontribwixxu għat-titjib tal-koordinazzjoni tal-politiki u għat-tnaqqis tal-ineffiċjenzi;

Il-ġejjieni industrijali tagħna jiddependi mit-trasformazzjoni f’industrija bbażata fuq l-innovazzjoni u l-għarfien.

58.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-viżjoni tal-innovazzjoni bħala element ċentrali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-pożizzjoni strateġika tagħha permezz tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”. Il-prijorità tat-“tkabbir intelliġenti” tiffoka, bir-raġun, fuq tkabbir ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni bħala wieħed mit-tliet pilastri bażiċi għat-tkabbir ekonomiku tal-UE fil-futur;

59.

jinnota l-importanza li jiġi estiż u approfondit il-kunċett tal-innovazzjoni, filwaqt li ssir enfasi fuq il-ħtieġa li l-industrija tikkombina l-innovazzjoni msejsa fuq l-esperjenza tagħha stess, jiġifieri l-hekk imsejjaħ approċċ tal-“azzjoni, użu u interazzjoni” (DUI: Doing, Using and Interacting), mal-approċċ tax-“xjenza, teknoloġija u innovazzjoni” (STI: Science, Technology and Innovation), fuq il-bażi tal-għarfien espliċitu ta’ natura xjentifika u teknoloġika;

60.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tatx importanza akbar lill-innovazzjoni mhux teknoloġika bħala sors ta’ vantaġġ kompetittiv. Il-bidliet intraprenditorjali ta’ veru, ħafna drabi, jiġu mill-innovazzjoni fil-ġestjoni intraprenditorjali u organizzattiva f’oqsma bħall-istrateġija, il-proċessi, il-marketing, l-ogranizzazzjoni industrijali jew ir-relazzjoni mal-fornituri. L-għażla tal-innovazzjoni mhux teknoloġika ppermettiet lil ħafna reġjuni u territorji li jimxu ’l quddiem b’rabta mal-kompetittività;

61.

għalhekk, jipproponi li fl-evalwazzjonijiet tal-politika industrijali jiddaħħlu indikaturi tal-innovazzjoni mhux teknoloġika;

62.

jemmen li l-għarfien u l-kreattività huma l-bażi tal-innovazzjoni, u li l-intrapriżi għandhom jinkluduhom u jimmaniġġjawhom b’mod sistematiku fl-attivitajiet kollha tagħhom;

63.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tinkludix l-importanza deċiżiva tan-nies fil-politika industrijali l-ġdida, jekk din trid verament tpoġġi s-sisien effettivi biex jiġi żgurat it-tkabbir bilanċjat fit-tul. F’industrija bbażata fuq l-għarfien, in-nies huma l-protagonisti tat-trasformazzjonijiet u tal-vantaġġi kompetittivi tal-intrapriżi;

64.

jaħseb li r-riċerka fl-universitajiet u fiċ-ċentri teknoloġiċi u tar-riċerka, flimkien mar-riċerka teoretika, għandha tkun miftuħa u tiffoka aktar fuq il-ħtiġijiet tas-suq u l-użu prattiku tas-sejbiet tar-riċerka;

65.

jemmen li hemm bżonn koordinazzjoni akbar bejn ir-riċerka u l-industrija, sabiex isir progress fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tat-territorji fil-qasam tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali, bħan-nanoteknoloġija, il-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-bijoteknoloġija industrijali, il-fotonika, il-materjali avvanzati u t-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura, kif ukoll sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ netwerks transnazzjonali u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;

66.

jindika li l-iżvilupp ta’ industrija Ewropea bbażata fuq l-innovazzjoni u l-għarfien għandha twassal biex l-intrapriżi Ewropej jiksbu numru akbar ta’ privattivi. F’dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li l-intrapriżi u l-inventuri jkollhom sistema effettiva għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, liema sistema tkun tinvolvi inqas spejjeż tal-aċċess u tiżgura protezzjoni legali akbar fil-każ ta’ falsifikazzjoni u piraterija. Għaldaqstant, huwa indispensabbli li tiġi ssemplifikata u mnaqqsa l-proċedura biex jinkisbu l-privattivi u li tiġi armonizzata l-validazzjoni awtomatika tagħhom fl-Istati Membri kollha, b’konformità mal-proposta għal privattiva Ewropea unika;

67.

jinnota li l-ICTs saru fattur determinanti sabiex tiżdied il-produttività tal-intrapriżi u, għalhekk, jaqbel li hemm bżonn jiġi promoss l-użu tagħhom fost l-SMEs. L-adattament u l-integrazzjoni tal-ICTs ser jinfluwenzaw il-potenzjal kompetittiv tal-intrapriżi Ewropej fir-rigward tal-kompetituri minn pajjiżi terzi. Dawn it-teknoloġiji jippromovu l-ħidma kollaborattiva, l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni u ideat, kif ukoll aċċess aktar dirett għas-suq u għall-klijenti;

68.

jenfasizza li huwa importanti ħafna li titjieb l-interrelazzjoni bejn l-atturi differenti u li jiġi adottat il-kunċett ta’ “ekosistemi reġjonali tal-innovazzjoni” fl-istrateġiji tal-iżvilupp reġjonali. L-“ekosistemi reġjonali tal-innovazzjoni” jirrikjedu l-iżvilupp ta’ netwerks u flussi ta’ skambju ta’ għarfien, korpi stabbiliti sew fit-territorju u mudelli organizzattivi flessibbli;

69.

jirrakkomanda li jiġi żviluppat approċċ li jqis aktar il-ħtiġijiet tal-SMEs fid-definizzjoni tal-linji gwida li ser jiggwidaw il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku li jmiss, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti konġunti Ewropej;

70.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħti iktar importanza lid-dimensjoni reġjonali fid-definizzjoni tal-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Iżvilupp, li ser jinkludi l-Programm Qafas u l-Programm CIP kif ukoll it-tkomplija tal-azzjoni pilota “Reġjuni tal-Għarfien” (Regions of Knowledge), biex jissaħħaħ il-potenzjal ta’ riċerka tar-reġjuni Ewropej permezz ta’ clusters transnazzjonali;

71.

itenni l-ħtieġa li jiġi żviluppat kuntest favorevoli biex jiżdied l-impenn tal-kapital privat b’investimenti produttivi relatati mal-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp. Dan jirrikjedi li jiġu żviluppati arranġamenti finanzjarji bħall-kapital ta’ riskju jew l-investituri privati (business angels);

72.

jappella, madankollu, għal sistema ta’ indikaturi u għanijiet aktar preċiżi li, minbarra l-persentaġġ tal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp min-naħa tal-intrapriżi, tkun tista’ tinkludi wkoll aspetti kwalitattivi relatati mat-titjib tal-kompetittività u l-produttività, jiġifieri li tkun orjentata lejn il-kejl tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp;

Nibbenefikaw mill-aspetti b’saħħithom tal-UE u mill-opportunitajiet ġodda sabiex nibnu mudell aktar responsabbli u nagħmlu progress fis-sostenibbiltà

73.

jemmen li l-UE għandha tenfasizza l-aspetti b’saħħtihom li żviluppat għall-benefiċċju tal-kompetittività tal-industrija Ewropea: għandna bażi teknoloġika u xjentifika importanti u universitajiet ta’ livell dinji kif ukoll ħaddiema kkwalifikati u speċjalizzati; żviluppajna suq intern li jelimina l-ostakli għall-kummerċ u għall-moviment liberu tal-ħaddiema; barra minn hekk, ġew żviluppati clusters u netwerks ta’ kooperazzjoni b’saħħithom, u l-UE kienet fost il-pijunieri fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet ekoloġiċi;

74.

jinnota li, minkejja l-progress li sar minn mindu nħoloq is-suq uniku, għadhom ma ntużawx bis-sħiħ il-possibbiltajiet tiegħu kollha b’rabta mat-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Is-suq uniku huwa l-mutur ekonomiku tal-UE u t-twettiq sħiħ tiegħu huwa essenzjali biex jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività tal-industrija tagħna;

75.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakli u n-nuqqasijiet li qed iwaqqfu l-potenzjal ta’ tkabbir tas-suq uniku. F’dan is-sens, jirrikonoxxi li bis-saħħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi tneħħew uħud mill-ostakli li jippersistu fis-suq intern għall-forniment ta’ servizzi u l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli taħdem f’din id-direzzjoni, filwaqt li tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali billi dawn huma atturi fundamentali fis-suq tas-servizzi;

76.

jemmen li t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-konservazzjoni tal-ambjent huma tlieta mill-isfidi prinċipali li ser tiffaċċja l-UE fis-snin li ġejjin;

77.

għalhekk, jinnota li s-sostenibbiltà għandha titqies bħala opportunità ewlenija għall-ġejjieni tal-industrija Ewropea li, mingħajr dubju ta’ xejn, ser tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u negozji u ta’ impjiegi u negozji ġodda li jkunu ta’ natura deċiżament innovattiva u kompetittiva;

78.

jilqa’ b’mod pożittiv ir-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tinkoraġġixxi r-rabtiet u l-konsistenza bejn l-esiġenzi ambjentali u l-għanijiet tal-politika industrijali, filwaqt li jsir progress fit-transizzjoni lejn ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi fl-industrija kollha. Il-fatt li r-riżorsi enerġetiċi strateġiċi u l-materja prima qed isiru aktar skarsi u għaljin jobbliga lill-industrija tużahom b’mod aktar razzjonali. Dan il-proċess għandu jinvolvi l-effiċjenza fil-konsum, ir-riċiklaġġ kif ukoll is-sostituzzjoni b’materjali alternattivi;

79.

itenni li l-konsolidazzjoni tal-“ekonomija ekoloġika” tirriżulta kemm mill-ħtieġa li l-enerġija tintuża b’mod effiċjenti kif ukoll, b’mod speċjali, minn sensibilizzazzjoni dejjem akbar dwar il-bżonn li jkun hemm aktar ekoinnovazzjoni. B’hekk jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi innovattivi, minn enerġiji rinnovabbli sa materjali ġodda, bil-għan li jsir kontribut għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

80.

madankollu, jemmen li hemm bżonn li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti jiżviluppaw ukoll konsumaturi responsabbli, iggwidati minn konsum etiku u selettiv li jinvolvi esiġenzi akbar ta’ kwalità, informazzjoni u trasparenza għall-intrapriżi. B’hekk il-konsumaturi jaqdu rwol importanti biex jistimolaw il-potenzjal kompetittiv tal-intrapriżi u l-adozzjoni ta’ politiki responsabbli;

81.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-integrazzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala fattur li jikkontribwixxi wkoll għall-kompetittività u r-rwol ta’ mexxejja tal-industrija fil-livell internazzjonali; dan huwa enfasizzat fil-Komunikazzjoni;

82.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jafu l-kundizzjonijiet partikolari ta’ kull territorju u għandhom il-kompetenzi biex ixerrdu valuri ġodda u biex jagħmlu progress fir-responsabbiltà soċjali korporattiva. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tinkoraġġixxi dan il-kunċett u tistrieħ fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali, li huma dawk inkarigati mill-applikazzjoni tiegħu fil-livell lokali. F’dan ir-rigward, huwa fundamentali li l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-ġestjoni tal-politiki jsiru mill-aktar livell ta’ gvern effikaċi u qrib iċ-ċittadini;

83.

huwa favur l-integrazzjoni ta’ mudelli ġodda għall-ġestjoni fl-intrapriżi, li fihom tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala fattur prinċipali biex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċessi industrijali kollha, u għalhekk, tal-kompetittività, kif ukoll biex jiġi evitat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol isiru prekarji fil-kuntest ta’ bidla industrijali;

84.

jinnota, madankollu, li fl-istess ħin jeħtieġ li jsir progress fil-flessibbiltà interna tal-industrija. Id-diversi gruppi ta’ interess għandhom jirreaġixxu u jadattaw lilhom innifishom għal kuntest ekonomiku li qed jinbidel. Dan jimplika li l-organizzazzjoni tal-produzzjoni għandha tiġi adattata għall-fluttwazzjonijiet fid-domanda u għat-tibdil teknoloġiku;

85.

f’dan il-kuntest, jappella għal flessibbiltà akbar fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri fuq il-bażi tad-djalogu bejn l-imsieħba soċjali. Din il-flessibbiltà għandha tkun akkumpanjata minn sistemi siguri tal-protezzjoni soċjali, li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-koeżjoni soċjali b’aktar impjiegi u b’impjiegi aħjar. Ir-regolazzjoni tas-swieq tax-xogħol għandha tiżgura t-transizzjoni bejn il-perjodi ta’ qgħad u l-perjodi ta’ reklutaġġ, u toffri garanziji tas-sigurtà ekonomika kif ukoll possibbiltajiet ta’ taħriġ u ta’ direzzjoni professjonali sabiex tissaħħaħ il-kapaċità għall-impjieg;

L-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba strateġiċi biex tiġi xprunata l-industrija Ewropea

86.

ifakkar fir-rwol ewlieni tal-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE biex jixprunaw il-politika industrijali u biex jiżviluppaw l-ekonomija, bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħhom qrib iċ-ċittadini u l-għarfien dirett tagħhom dwar l-istruttura industrijali u l-problemi li jaffettwaw l-intrapriżi;

87.

jitlob li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, flimkien mal-gvernijiet lokali u reġjonali, javvanzaw fit-triq lejn koordinazzjoni akbar u approċċ integrat fit-tfassil ta’ politika industrijali ambizzjuża u ffokata fuq il-kompetittività, li tibbenefika mis-sinerġiji mal-bqija tal-inizjattivi ewlenin inklużi fl-Istrateġija Ewropa 2020;

88.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-governanza tal-politika industrijali, filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jingħataw rwol aktar importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika industrijali. Il-fatt li huma qrib ir-realtà tal-intrapriżi u li għandhom ċerti kompetenzi, anke leġislattivi, fil-qasam tal-politika industrijali jagħmilhom atturi ewlenin fl-iżvilupp ekonomiku. Għalhekk, dan il-qasam huwa ideali biex jintuża aktar l-approċċ ta’ politika minn isfel għal fuq (bottom-up);

89.

jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu patti territorjali fil-livell nazzjonali għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni fi sħubija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR), kif ukoll biex jevalwaw b’mod konġunt il-progress tagħhom bil-għan li jikkoordinaw u jiffokaw l-isforzi u l-aġendi politiċi tagħhom fuq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Mingħajr dubju ta’ xejn, dan jikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

90.

jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isir progress fil-koeżjoni territorjali u fit-tnaqqis tad-differenzi ekonomiċi u soċjali, billi huma atturi ewlenin fl-iżvilupp ta’ approċċ kapillari li jikkontribwixxi għall-istrutturar tal-politika industrijali fil-livell territorjali Ewropew.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2010) 614 finali

(2)  Partijiet interessati li jippromovu l-ekonomija tal-prossimità: aġenziji tal-iżvilupp reġjonali, aġenziji tal-iżvilupp lokali, ċentri teknoloġiċi u tar-riċerka, ċentri tat-taħriġ, universitajiet u servizzi tal-impjieg.

(3)  COM(2010) 553 finali

(4)  COM(2011) 17 finali

(5)  COM(2010) 612


Top