Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0170

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta’ azzjoni li jimplimenta l-programm ta’ Stokkolma”

    ĠU C 42, 10.2.2011, p. 49–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 42/49


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta’ azzjoni li jimplimenta l-programm ta’ Stokkolma”

    2011/C 42/10

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jixtieq jikkontribwixxi, fil-kuntest tal-governanza f’diversi livelli u b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, għal “kultura tad-drittijiet fundamentali” ħajja;

    jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-eqreb livell taċ-ċittadini, huma partikolarment marbutin li jimplimentaw il-prinċipji tal-parteċipazzjoni kif inhuma definiti fit-Trattat ta’ Lisbona kif ukoll fil-kostituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali, u għalhekk, fost affarijiet oħra, jitlob li jiġu analizzati il-possibbiltajiet globali li jeżistu għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet organizzati fl-Istat Membru fejn għandhom ir-residenza tagħhom;

    jiġbed l-attenzjoni għall-bini ta’ fiduċja u għarfien wiesa’ tas-sistemi legali ta’ Stati Membri oħra fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma, li għalih l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu wkoll permezz tas-sħubijiet ma’ bliet u reġjuni oħra;

    jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-prevenzjoni tal-kriminalità u jitlob li jiġu involuti minn kmieni fl-evalwazzjoni tan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità kif ukoll fit-twaqqif ta’ Osservatorju tal-Prevenzjoni tal-Kriminalità u fil-kunċett tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata permezz ta’ approċċ amministrattiv;

    fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-migrazzjoni relatata mal-faqar li qiegħda dejjem tikber, jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq, bi qbil mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, politika Ewropea dwar l-asil u l-immigrazzjoni msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà u r-responsabbiltà u għalhekk ikun favur il-ħolqien ta’ pożizzjoni ta’ responsabbli Ewropew għall-migrazzjoni, ir-refuġjati u l-integrazzjoni fil-Parlament Ewropew, li b’mod partikolari jieħu ħsieb il-problemi speċifiċi ta’ persuni minn pajjiżi terzi.

    Relatur

    :

    Holger Poppenhäger (DE/PSE), Ministru tal-Ġustizzja tal-Freistaat Thüringen

    Dokument ta’ referenza

    :

    Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta’ azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma

    COM(2010) 171 finali

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa’ l-fatt li permezz tal-pjan ta’ azzjoni l-Kummissjoni ppreżentat b’mod rapidu aġenda komprensiva għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. B’dan il-mod, l-atturi kkonċernati kollha jistgħu jipparteċipaw b’mod ippjanat u mmirat;

    2.

    jilqa’ l-għan tal-pjan ta’ azzjoni li tiġi promossa l-Ewropa tan-nies sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom bis-sħiħ;

    3.

    jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa li d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet jiġu rispettati bis-sħiħ anke fil-ħolqien ta’ Ewropa sigura;

    4.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-prattika l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà għandhom responsabbiltà essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, u għalhekk jemmen li, fil-qafas tal-governanza f’diversi livelli u b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, huma għandhom jiġu involuti b’mod wiesa’ sa mill-proċess preleġislattiv;

    5.

    ser jeżamina l-possibbiltà li tinħoloq bażi tad-data proprja fil-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), li tiġbor l-eżempji tal-aħjar prattiki mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

    Ewropa tad-drittijiet fundamentali

    6.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi li d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ kull persuna, irrispettivament miċ-ċittadinanza jew l-istatus ta’ residenza tagħha, huma indiviżibbli, u jenfasizza li r-rispett assolut, il-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ dawn id-drittijiet huma fost l-aktar kompiti importanti tal-korpi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE), tal-Istati Membri, tal-parlamenti u l-gvernijiet reġjonali kif ukoll ta’ dawk li għandhom mandat jew responsabbiltajiet muniċipali;

    7.

    jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-inizjattivi, li jittieħdu speċjalment mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, fil-ġlieda kontra l-esklużjoni, ir-razziżmu, l-anti-Semitiżmu, il-ksenofobija u l-omofobija;

    8.

    jitlob li tittejjeb il-protezzjoni tal-minoranzi u l-protezzjoni tal-gruppi u l-persuni fil-bżonn;

    9.

    jinkoraġġixxi lir-reġjuni u l-muniċipalitajiet sabiex jirrevedu bil-mod il-mod il-liġi attwali tagħhom, inkluża l-kostituzzjoni tagħhom, kif ukoll l-atti leġislattivi l-ġodda fid-dawl tal-Karta u tal-iżviluppi kostituzzjonali Ewropej, speċjalment id-dispożizzjonijiet Ewropej kontra d-diskriminazzjoni;

    10.

    jixtieq jikkontribwixxi, fil-kuntest tal-governanza f’diversi livelli u b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, għal “kultura tad-drittijiet fundamentali” ħajja, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tħejji rapport b’mod regolari għall-KtR ukoll dwar kif tkun ikkontribwixxiet mil-lat proċedurali għar-rispett effiċjenti tad-drittijiet fundamentali;

    11.

    jilqa’ l-kooperazzjoni trilaterali mibdija fl-2009 bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-KtR, u jħeġġeġ li din titfannad u tiġi estiża;

    Politika għaċ-ċittadini

    12.

    jassumi li d-dritt għal moviment liberu sħiħ u l-parteċipazzjoni politika attiva taċ-ċittadini huma aspetti prinċipali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

    13.

    jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-eqreb livell taċ-ċittadini, huma partikolarment marbutin li jimplimentaw il-prinċipji tal-parteċipazzjoni kif inhuma definiti fil-kostituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll fit-Trattat ta’ Lisbona;

    14.

    għaldaqstant, jinkoraġġixxi li tiġi eżaminata l-possibbiltà li d-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni jiġi estiż lil hinn mil-livell muniċipali u Ewropew;

    15.

    jappoġġja l-isforzi biex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu joqogħdu b’mod legali fl-Unjoni jingħataw il-possibbiltà, skont it-tul tal-perijodu ta’ residenza tagħhom, li jipparteċipaw fil-livell muniċipali;

    16.

    jaqbel mal-fehma tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew li l-inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini, stabbilita fit-Trattat ta’ Lisbona, ser issaħħaħ ukoll il-leġittimità demokratika tal-Unjoni;

    17.

    jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni politika attiva tagħhom; japprezza li kieku fl-Istati Membri wkoll jinħoloq aċċess sħiħ għall-informazzjoni u jitlob lill-membri tiegħu jaħdmu għal dan il-għan;

    Żona ġudizzjarja Ewropea – insaħħu l-fiduċja

    18.

    jilqa’ l-fatt li bit-Trattat ta’ Lisbona ż-żona ġudizzjarja Ewropea, permezz tal-progress deċiżiv fil-qasam tal-liġi ċivili u kriminali, saret verament viżibbli għaċ-ċittadini;

    19.

    jenfasizza li sabiex jiġi applikat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ġudizzjarji għandha tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, fost affarijiet oħra permezz tal-introduzzjoni ta’ standards minimi;

    20.

    jemmen li l-iskambju tal-imħallfin, prosekuturi pubbliċi u membri oħra tal-ġudikatura, speċjalment fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew iżda wkoll fuq il-bażi tas-sħubijiet eżistenti bejn il-bliet u r-reġjuni, jikkontribwixxi għal dan il-għan u għandu jiġi promoss aktar;

    21.

    jinkoraġġixxi l-iskambju intensiv tal-esperjenzi dwar il-forom alternattivi ta’ sanzjonijiet penali, dwar il-mudelli li diġà qed jintużaw bħas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR) u dwar is-sistemi differenti tat-taħriġ ġudizzjarju inizjali u kontinwu sabiex tkompli tiġi żviluppata l-kultura ġudizzjarja Ewropea;

    22.

    huwa tal-fehma li l-metodu tal-“qafas komuni ta’ referenza” għandu jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-Ewropanizzazzjoni tal-leġislazzjoni u l-infurzar aktar effettiv tagħha;

    23.

    ifakkar li fl-atti leġislattivi futuri għandha ssir valutazzjoni tal-impatt b’rabta mad-drittijiet fundamentali u, barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-konsegwenzi finanzjarji, ekonomiċi u soċjali fuq ir-reġjuni;

    Niggarantixxu Ewropa ħielsa u sikura

    24.

    jenfasizza r-responsabbiltà speċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għas-sigurtà tan-nies li jgħixu fil-lokalitajiet u r-reġjuni tagħhom u għall-iżvilupp ta’ kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, bħala l-aktar pass preventiv importanti kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

    25.

    jenfasizza l-importanza ċentrali, li hija rikonoxxuta fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-libertà ta’ assoċjazzjoni għal komunità demokratika, u fl-istess ħin huwa mħasseb fir-rigward tal-fatt li dan id-dritt fundamentali jista’ jintuża għal skopijiet ksenofobiċi, razzisti u estremisti;

    26.

    għalhekk jemmen li l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar prattiki li rnexxew għandhom jissaħħu u jittejbu minnufih sabiex jiġi ggarantit li d-dritt ta’ assoċjazzjoni jiġi eżerċitat b’mod ħieles;

    27.

    jilqa’ l-fatt li tħabbret l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni vjolenti, u jinkoraġġixxi li tiġi evalwata l-possibbiltà li jiddaħħlu standards minimi madwar l-Ewropa kollha rigward is-sanzjonijiet penali għall-atti politiċi estremisti;

    28.

    jilqa’ l-fatt li fil-pjan ta’ azzjoni tħabbar li ser jiġu evalwati l-miżuri tal-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jinnota li dan jeħtieġ kultura amministrattiva ta’ prevenzjoni kif ukoll livell għoli ta’ trasparenza fil-proċeduri amministrattivi;

    29.

    jenfasizza, bħalma jagħmel il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li l-protezzjoni tal-privatezza għandha importanza kbira ferm fis-soċjetà globali tal-informazzjoni. Għaldaqstant, huwa kruċjali li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data jiġi applikat b’mod koerenti anke fil-proċeduri kriminali u fil-prevezjoni tal-kriminalità kif ukoll fir-relazzjonijiet internazzjonali;

    30.

    jemmen li, minħabba l-esperjenzi tagħhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti b’mod kontinwu u minn kmieni fl-iżvilupp tal-protezzjoni tad-data;

    31.

    jilqa’ r-reviżjoni mħabbra tad-Direttiva 2006/24/KE dwar iż-żamma tad-data, u jassumi li din ser issir ukoll fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

    32.

    jaqbel mal-ħsieb tal-Aġenda Diġitali li l-garanzija tal-protezzjoni u s-sigurtà tad-data – anke fil-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u fl-evalwazzjoni ta’ mudelli kummerċjali ġodda tal-ekonomija onlajn – issaħħaħ il-fiduċja tan-nies fl-għodod il-ġodda tal-komunikazzjoni u b’hekk telimina ostaklu essenzjali għall-iżvilupp tagħhom;

    33.

    jemmen li l-użu tas-sorveljanza bil-vidjo min-naħa ta’ operaturi pubbliċi u privati jeħtieġ reviżjoni kritika;

    34.

    jikkonferma l-fehma tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq il-minorenni, il-pornografija tat-tfal u t-traffikar tal-bnedmin kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati. Jirreferi b’mod partikolari għall-opinjoni tiegħu CdR 136/2006 fin u jenfasizza l-bżonn li jinħolqu strumenti ta’ finanzjament fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-minorenni mhux akkumpanjati sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni partikolari tal-minorenni u r-reġjuni li jinsabu fihom;

    35.

    jenfasizza l-bżonn li tiġi evalwata l-effiċjenza tal-miżuri tal-UE li ttieħdu s’issa, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tal-evalwazzjoni regolari mitluba mir-regolamenti tal-UE;

    36.

    itenni, fid-dawl tad-diżastri naturali transkonfinali li qed iseħħu bħalissa b’rabta mal-klima, bħall-għargħar iżda wkoll in-nirien, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol deċiżiv x’jaqdu fil-prevenzjoni tal-perikli;

    37.

    jirreferi għat-talba tiegħu li l-Unjoni toħloq approċċ ġenerali komuni bbilanċjat fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, li jkun flessibbli biżżejjed biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw il-prijoritajiet tagħhom;

    38.

    jistenna b’interess l-evalwazzjoni, imħabbra fil-pjan ta’ azzjoni, tal-Istrumenti ta’ Politika tal-UE dwar il-Protezzjoni Ċivili u l-Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE biex tirreaġixxi għad-diżastri, u jilqa’ bis-sħiħ il-proposti mħabbra għat-tiġdid tal-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili;

    39.

    jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-prevenzjoni tal-kriminalità u jitlob li jiġu involuti minn kmieni fl-evalwazzjoni tan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità kif ukoll fit-twaqqif ta’ Osservatorju tal-Prevenzjoni tal-Kriminalità u fil-kunċett tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata permezz ta’ approċċ amministrattiv;

    40.

    ifakkar li, fil-kuntest tal-miżuri proposti għall-istatistika tal-kriminalità, wieħed irid joqgħod partikolarment attent li tiġi żgurata l-validità ta’ dawn iċ-ċifri;

    Il-ħolqien ta’ politika Ewropea dwar l-asil u l-immigrazzjoni

    41.

    fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-migrazzjoni relatata mal-faqar li qiegħda dejjem tikber, jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq, bi qbil mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, politika Ewropea dwar l-asil u l-immigrazzjoni msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà u r-responsabbiltà;

    42.

    jaqbel mal-Parlament Ewropew li l-appoġġ attwali għar-reġjuni transkonfinali Ewropej mhux suffiċjenti, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex fil-Komunikazzjoni ppjanata dwar it-tisħiħ tas-solidarjetà fi ħdan l-UE tipproponi wkoll soluzzjonijiet possibbli għad-distribuzzjoni solidali tar-rifuġjati u miżuri immedjati biex jittaffa l-piż fuq ir-reġjuni milquta;

    Migrazzjoni

    43.

    huwa favur politika dwar l-immigrazzjoni mmirata lejn il-pajjiżi tal-oriġini u li, barra minn hekk, tikkunsidra wkoll l-eżiġenzi tas-suq tax-xogħol Ewropew u tal-iżvilupp demografiku;

    44.

    jitlob qafas legali aktar koerenti għar-riunifikazzjoni tal-familja u jemmen li hemm bżonn amministrazzjoni sensittiva tas-semplifikazzjonijiet l-oħra fil-qafas tal-ftehimiet dwar il-visa;

    45.

    fil-prinċipju, jilqa’ l-miżuri mħabbra fil-pjan ta’ azzjoni għall-prevenzjoni sostenibbli tal-immigrazzjoni illegali;

    46.

    jenfasizza li l-miżuri previsti m’għandhomx imorru kontra l-protezzjoni li jingħataw ir-rifuġjati fil-livell Ewropew u internazzjonali;

    47.

    jiddispjaċih li, rigward il-ħolqien ta’ approċċ ikkoordinat għall-persuni mingħajr permess ta’ residenza, fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni ma tħabbret l-ebda proposta jew inizjattiva li tikkunsidra d-drittijiet fundamentali Ewropej, u jistenna li l-interessi ta’ dan il-grupp jitqiesu kemm fir-reviżjoni mħabbra tad-Direttiva li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati kif ukoll fir-rapport dwar id-Direttiva li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali;

    48.

    huwa tal-fehma li, fil-prinċipju, il-programmi ta’ ritorn għandhom jiġu previsti biss fuq bażi volontarja u b’konformità mal-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u li r-ripatrijazzjoni għandha twassal għall-integrazzjoni soċjali sostenibbli tal-persuni kkonċernati;

    49.

    jiddispjaċih li s’issa l-pjan ta’ azzjoni ma jipprevedi l-ebda titjib rigward id-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni minn pajjiżi terzi;

    50.

    jenfasizza l-ħtieġa li, fir-rigward tal-miżuri mħabbra fil-pjan ta’ azzjoni għall-protezzjoni tad-data u għall-iskambju tad-data kif ukoll tar-reviżjoni tagħhom, jitqiesu r-regoli tal-protezzjoni tad-data anke fil-politika dwar l-asil u l-migrazzjoni;

    51.

    jilqa’ l-miżuri mħabbra għall-promozzjoni tal-integrazzjoni u jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi involut minn kmieni fit-tħejjija tal-Komunikazzjoni dwar aġenda tal-integrazzjoni għall-UE u fl-iżvilupp tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni mħabbar;

    52.

    ifakkar li fil-miżuri statistiċi mħabbra għandha tinżamm relazzjoni adegwata bejn l-għarfien miksub u l-ispejjeż marbuta miegħu;

    53.

    japprezza li kieku fi ħdan il-Parlament Ewropew jiġi stabbilit Rappreżentant Ewropew għall-migrazzjoni, ir-rifuġjati u l-integrazzjoni, li jindirizza b’mod partikolari l-problemi speċifiċi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

    Politika dwar l-asil

    54.

    jitlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill joħolqu minnufih kriterji u prinċipji komparabbli, kif tħabbar fil-pjan ta’ azzjoni, għad-deċiżjonijiet dwar l-asil;

    55.

    jemmen ukoll li jeħtieġ jinżammu standards minimi li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u tal-bniedem kemm fl-akkomodazzjoni tal-persuni li jkunu qed ifittxu l-asil kif ukoll fir-regoli dwar il-libertà ta’ moviment tal-applikanti għal asil;

    Ewropa globali – l-aspetti tal-politika esterna fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

    56.

    jilqa’ l-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona jippermetti li r-relazzjonijiet esterni tal-UE jitfasslu b’mod aktar effettiv filwaqt li jinkludu aktar l-objettivi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem u l-politika tal-iżvilupp;

    57.

    jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tassigura li, flimkien mar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi Presidenta tal-Kummissjoni, ser tieħu ħsieb li jkun hemm koerenza bejn ir-relazzjonijiet esterni u d-dimensjoni esterna tal-ġustizzja u l-affarijiet interni kif ukoll tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

    58.

    jilqa’ l-fatt li l-pjan ta’ azzjoni jindirizza wkoll l-interessi komuni b’rabta mal-migrazzjoni legali u illegali (immigrazzjoni, asil, kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri) u jikkunsidra l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità, il-prijoritajiet ġeografiċi f’ċerti oqsma, il-kundizzjonijiet qafas għall-iskambju tal-informazzjoni, is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem, it-trasparenza u l-aċċess ħieles għall-informazzjoni, il-protezzjoni tad-data kif ukoll is-salvagwardji tal-protezzjoni legali relatati magħhom għaċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

    59.

    iħeġġeġ li fid-diskussjoni dwar suġġetti li jikkonċernaw id-dimensjoni esterna taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jiġu inklużi l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill Ewropew, l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja, il-pjattaformi tas-Sħubija tal-Lvant u netwerks rilevanti oħra;

    60.

    jemmen li huwa importanti li jintuża u jissaħħaħ il-potenzjal kbir tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kooperazzjoni transkonfinali fir-rigward tal-kwisjonijiet relatati maż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod partikolari fil-kwistjonijiet tal-integrazzjoni tal-migranti u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-asil;

    61.

    jemmen li hemm bżonn isiru evalwazzjonijiet regolari anke f’dan il-qasam sabiex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ din il-politika esterna l-ġdida tal-UE jiġu implimentati b’mod effiċjenti u koerenti.

    Brussell, 2 ta’ Diċembru 2010.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    Top