EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0164

Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika ambjentali tal-ġejjieni”

ĠU C 15, 18.1.2011, p. 4–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/4


Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika ambjentali tal-ġejjieni”

2011/C 15/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol akbar fit-tfassil tal-politika ambjentali tal-UE peress li l-involviment tagħhom jiggarantixxi implimentazzjoni u sjieda aħjar. Il-metodi innovattivi ta' governanza f’diversi livelli, inkluż l-użu ta' netwerks u pjattaformi eżistenti, ser jippromovu l-impenn proattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-Patt tas-Sindki jista’ jitqies bħala punt ta' riferiment f’dan ir-rigward u l-kunċett tiegħu jista jiġi estiż għal oqsma ewlenin oħra tal-politika ambjentali tal-UE;

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora l-possibbiltà li b’mod konġunt jiġi organizzat forum annwali biex jiġu indirizzati problemi u soluzzjonijiet reġjonali u lokali fl-applikazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE u jistieden lill-Parlament Ewropew biex jinvolvi lill-KtR fid-dibattiti tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali Ewropea;

jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi rispettata d-distribuzzjoni interna tal-kompetenzi u li jiġu stabbiliti l-proċeduri adatti għall-konsultazzjoni, inkluż it-twaqqif ta' “gruppi ta' traspożizzjoni” magħmula minn esperti mill-amministrazzjoni nazzjonali, ir-reġjuni u l-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali biex dawn jaħdmu flimkien matul il-proċess kollu tal-politika;

jappoġġja qafas ġenerali u vinkolanti dwar spezzjonijiet ambjentali. Id-dettalji tal-forma u l-kontenut tal-ispezzjonijiet għandhom jiġu regolati mill-pajjiż u żviluppati fil-livell lokali u reġjonali, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-UE u f’livelli aktar baxxi ta' gvern;

jenfasizza li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ser ikun pilastru ewlieni tal-Istrateġija tal-UE għall-2020 u huwa meħtieġ biex jartikola l-implikazzjonijiet tiegħu għall-politika ambjentali. Għandu jistabbilixxi miri u skedi ċari, kif ukoll iżomm strateġija tematika komuni dwar il-ħarsien tal-ħamrija li tinkludi l-għan li tiġi adottata Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija.

Relatur

:

Is-Sinjura Paula Baker (UK/ALDE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta' Basingstoke u Deane

Dokument ta' referenza

:

Konsultazzjoni tal-Presidenza Spanjola

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Kummenti ġenerali

1.

japprezza l-fatt li ġie ikkonsultat fil-politika maħsuba biex timplimenta strumenti aħjar għall-ambjent, kif ukoll fil-ħidma lejn is-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent, peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tal-politika ambjentali u fil-ksib ta' riżultati tanġibbli;

2.

ifaħħar il-ħidma eċċellenti dwar kwistjonijiet ambjentali li diġà twettqet minn bosta awtoritajiet lokali u reġjonali u jixtieq ikompli jħeġġiġhom;

3.

jifhem li l-applikazzjoni effettiva hija ostakolu. Fl-2008, 23,5 % (481) tal-ksur kollu tal-leġislazzjoni tal-UE kien relatat mal-ambjent (1), li jindika d-dannu kontinwu lill-ambjent u x-xkiel fil-kompetizzjoni;

4.

f’din l-opinjoni qed jimmira li jenfasizza l-opportunitajiet biex tiżdied l-effettività tal-protezzjoni ambjentali fil-livelli kollha ta' governanza u fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp ta' politika;

B.   Tissaħħaħ il-koordinazzjoni u l-governanza

5.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol akbar fit-tfassil tal-politika ambjentali tal-UE. L-involviment tagħhom jiggarantixxi implimentazzjoni u sjieda aħjar. Il-kunċett tal-KtR tal-governanza f’diversi livelli għandu jiġi applikat għall-politika ambjentali tal-UE u għandha tiġi estiża l-ħidma pilota fuq kuntratti tripartiti bejn l-UE, l-Istati Membri u l-livelli reġjonali jew lokali (2). Dan jippermetti kondiviżjoni ġenwina tar-responsabbiltajiet bejn il-livelli differenti ta' governanza sabiex jinkisbu l-objettivi miftehma;

6.

jemmen li l-metodi innovattivi ta' governanza f’diversi livelli, inkluż l-użu ta' netwerks u pjattaformi eżistenti, ser jippromovu l-impenn proattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, minflok ma wieħed jiddependi fuq l-infurzar sempliċi tal-liġi tal-UE min-naħa tal-Istati Membri. Hemm bosta eżempji fir-reġjuni u l-bliet Ewropej fejn l-awtoritajiet lokali ħadu azzjoni ambizzjuża f’każi fejn Stat Membru ma kienx qed jaġixxi bħall-Aġenda Lokali 21 li ħarġet mill-Earth Summit tal-1992. Il-Patt tas-Sindki jista’ jitqies bħala punt ta' riferiment f’dan ir-rigward;

7.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex teżamina jekk dan il-kunċett jistax jiġi estiż għal oqsma ewlenin oħra tal-politika ambjentali tal-UE, bħalma huma l-bijodiversità, l-iskart u t-tniġġis tal-ilma, tal-ħsejjes u tal-arja u tal-użu tal-art, billi jittieħed approċċ integrat b’koordinazzjoni intersettorjali;

8.

jiddispjaċih li minkejja li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompiti preċiżi fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, il-leġislazzjoni ambjentali tal-UE tindirizza lill-Istati Membri u titlob li tinħatar “awtorità kompetenti” waħda biss (rari jissemmew “awtoritajiet”) u ssemmi l-kooperazzjoni biss b’mod eċċezzjonali (3);

9.

jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' enfasi fuq azzjonijiet li jappoġġjaw il-governanza lokali u reġjonali tajba fil-pjani tal-Kummissjoni Ewropea sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-liġijiet ambjentali tal-UE (4);

10.

juri li l-Artikolu 11 tat-Trattat ta' Lisbona jimponi djalogu u konsultazzjoni aktar b’saħħithom mill-istituzzjonijiet Ewropej. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jemmnu li din id-dispożizzjoni ġdida toffri opportunitajiet biex dawn jiżviluppaw ir-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-UE. Barra minn hekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa estiż għal-livelli reġjonali u lokali u l-Artikolu 5 tal-Protokoll tas-Sussidjarjetà jgħid li l-abbozz tal-atti leġislattivi għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-impatt finanzjarju u l-implikazzjonijiet tal-proposta sabiex ir-regoli jiddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri, inkluża l-leġislazzjoni reġjonali;

11.

jemmen li l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi estiza għal-livell lokali u reġjonali fejn l-analiżi tal-impatt territorjali ssir il-prattika normali;

12.

jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaffettwa emendi u modifiki għal proposti leġislattivi li għandhom impatt notevoli fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jkunu soġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt simili għal dik li ssir mill-proposta inizjali;

13.

jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali ta' spiss teħtieġ impenn amministrattiv u finanzjarju sinifikanti u kompetenzi fejn jidħlu l-kontenut u l-ħiliet involuti, kif ukoll impenn politiku. L-identifikazzjoni tal-impatt fuq strutturi istituzzjonali lokali u reġjonali tista’ tgħin biex jiġu ġustifikati aktar inċentivi finanzjarji kif ukoll l-appoġġ Ewropew u nazzjonali meħtieġ;

14.

jemmen li huwa indispensabbli li l-Kummissjoni Ewropea jkollha strumenti komuni biex tipprovdi riżorsi suffiċjenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti;

15.

jinsisti li tinħtieġ komunikazzjoni aħjar fil-livelli kollha ta' governanza waqt il-fażijiet kollha tal-iżvilupp tal-politika, inkluż l-investiment f’sistemi ta' informazzjoni u għodod tal-internet li jagħmlu l-informazzjoni ambjentali trasparenti għall-pubbliku u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Il-pressjoni fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jitħejjew rapporti tista’ titnaqqas permezz tal-ICT mingħajr ma jiġi affettwat l-impatt tal-leġislazzjoni;

16.

jissuġġerixxi li l-ministri nazjonali għall-ambjent għandhom iwaqqfu “gruppi ta' ħidma” vertikali magħmula minn esperti mill-amministrazzjoni nazzjonali, ir-reġjuni u l-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali biex dawn jaħdmu flimkien matul il-proċess kollu tal-politika;

17.

jixtieq li jara promozzjoni intensa tal-Programm LIFE+ tal-UE fir-reġjuni kollha tal-Ewropa sabiex tingħata spinta ’l quddiem lill-azzjonijiet innovattivi lokali, u biex jiżdiedu l-impatt u l-viżibbiltà tal-komponent tal-Politika Ambjentali u l-Governanza ta' dan il-programm;

18.

jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni Ewropea li jiġu stabbiliti netwerks permanenti ta' implimentazzjoni li jinvolvu persunal mill-Kummissjoni Ewropea u punti ta' kuntatt fl-Istati Membri (5). Il-punti ta' kuntatt fl-Istati Membri għandhom jiġu appoġġjati minn gruppi ta' implimentazzjoni nazzjonali li jinvolvu amministraturi lokali u reġjonali;

19.

iħeġġeġ biex mingħajr aktar dewmien ikun hemm segwitu fil-Kunsill tal-proposta għal Direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata mill-Parlament Ewropew fl-2004. Din ser timplimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Aarhus u tikkontribwixxi biex ikun hemm infurzar aħjar u aktar konsistenti tal-liġi ambjentali;

20.

iħeġġeġ li jkun hemm skambju ta' għarfien bejn is-sistemi ġudizzjarji li jittrattaw każijiet ta' ksur u ta' nonkonformità tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE;

21.

jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew għal qafas ġenerali u vinkolanti dwar spezzjonijiet ambjentali, il-ħolqien ta' forza ta' spezzjoni ambjentali tal-UE, kif ukoll it-tisħiħ tan-Network Ewropew għall-Implementazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi tal-Ambjent (IMPEL) (6). Strument vinkolanti għall-ispezzjonijiet jista’ jnaqqas il-kompetizzjoni inġusta bejn ir-reġjuni u l-bliet tal-UE minħabba skemi differenti ta' spezzjoni, kif ukoll jiżgura azzjoni legali standardizzata. Madankollu, id-dettalji tal-forma u l-kontenut tal-ispezzjonijiet għandhom jiġu regolati mill-pajjiż u żviluppati fil-livell lokali u reġjonali, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-UE u f’livelli aktar baxxi ta' gvern;

22.

itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu għal netwerk IMPEL estiż għal-livelli lokali u reġjonali fl-Istati Membri kollha li jkun jista’ jinkludi l-iżvilupp ta' netwerks nazzjonali IMPEL b’saħħithom li jiddisseminaw fil-wisa’ r-riżultati IMPEL (7);

C.   Jiġu stabbiliti rabtiet aktar effettivi bejn il-politiki

23.

jilqa’ l-ħidma reċenti bejn DĠ REGIO u d-DĠ ENV biex ikun żgurat li l-azzjonijiet tad-DĠ REGIO jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti ambjentali u jemmen li din il-koerenza hija meħtieġa madwar id-dipartimenti kollha. L-aġenda ħolistika mniżżla fl-istrateġija tal-UE għall-2020 ġiet milqugħa, iżda din teħtieġ dimensjoni territorjali b’saħħitha;

24.

jinsisti li l-koerenza tal-politika u l-impatti ambjentali għandhom jitqiesu fir-reviżjoni tal-baġit tal-UE għall-perijodu ta' wara l-2013 u tal-fondi kollha tal-UE għall-koeżjoni u l-agrikoltura;

25.

jenfasizza li jeżistu kontradizzjonijiet mhux intenzjonali bejn l-elementi differenti tal-leġislazzjoni ambjentali. Pereżempju, l-imminimizzar tal-iskart għandu jiġi regolat kemm fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart kif ukoll fid-Direttiva dwar il-Prodotti. Is-semplifikazzjoni għal leġislazzjoni ċara, mhux ambigwa u li tiffoka fuq ir-riżultat ser tagħmel ir-regolamenti aktar immirati, kif ukoll aċċettati u applikati aħjar;

26.

jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkonsulta l-awtoritajiet lokali u reġjonali meta tkun qed tfassal jew tirrevedi leġislazzjoni Ewropea. L-esperjenza prezzjuża tagħhom tista’ tgħin biex jiġu identifikati minn kmieni kwalunkwe inkonsistenza ma' politika oħra jew l-impatti negattivi, kif ukoll biex tiżdied l-effettività tal-leġislazzjoni;

27.

ifittex li jkun hemm trattib tar-regoli fuq ix-xkiel tas-suq fejn dawn huma ta' ostoklu għall-akwist pubbliku ekoloġiku;

28.

jinsisti li leġislazzjoni li tindirizza s-sors ta' impatt ambjentali hija kruċjali biex jinkisbu l-objettivi ambjentali u jkunu żgurati l-obbligi ta' konsistenza fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Pereżempju, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jistgħux jinfluwenzaw l-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi iżda jridu jissodisfaw il-miri tal-kwalità tal-arja tal-UE;

29.

jippromovi l-użu ta' strumenti bbażati fuq mekkaniżmi tas-suq li jirriflettu l-ispiża sħiħa ta' prodott jew servizz, li jrendu viżibbli għall-konsumatur l-impatti ambjentali tal-ħajja tal-prodott jew is-servizz fil-ħin li qed jinxtraw, kif ukoll jenfasizzaw ir-responsabbiltà tal-produttur;

D.   Kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jwettqu aktar ħidma fil-qasam ambjentali

Kwistjonijiet ta' governanza

30.

jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi rispettata d-distribuzzjoni tal-kompetenzi fil-livell nazzjonali u li jiġu stabbiliti l-proċeduri adatti għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Kollaborazzjoni tajba, b’mod partikolari permezz ta' “gruppi ta' traspożizzjoni” magħmula minn amministratturi nazzjonali, reġjonali u lokali tappoġġja l-fehim reċiproku u l-implimentazzjoni b’suċċess tal-leġislazzjoni (8);

31.

jenfasizza r-rwol prinċipali li jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-ġbir tad-data ambjentali. Sabiex ikun żgurat li r-rapporti u l-indikaturi relatati mal-qagħda tal-ambjent tal-UE huma konsistenti, effettivi u affidabbli, jinħtieġu responsabbiltajiet korretti, riżorsi u flussi ta' informazzjoni bejn il-muniċipalitajiet, ir-reġjuni u l-Istati Membri;

32.

iħeġġeġ it-trasparenza tal-funzjonijiet, b’mod partikolari bejn id-dipartimenti li jinfurzaw il-liġi tal-UE u dawk li jissupplixxu s-servizzi jew l-infrastruttura ambjentali u l-ippjanar tal-ispazju;

L-iskambju tal-informazzjoni

33.

iħeġġeġ lill-ministri u l-aġenziji ambjentali nazzjonali u reġjonali, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw dokumenti ta' gwida, inklużi proposti speċifiċi għal strumenti, benchmarks u mudelli għall-proċeduri li għandhom jiġu implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; Fl-istess waqt għandhom jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jagħtu spinta lill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE li jiffaċċjaw problemi ambjentali komparabbli;

34.

japprova l-valur tal-iskambjar ta' prattika tajba bejn l-awtorità lokali u reġjonali, inklużi l-modi biex jingħelbu l-isfidi tal-aċċess u l-viżibbiltà tal-informazzjoni jew id-differenzi fil-lingwa;

L-impenn u l-involviment taċ-ċittadini

35.

jifraħ lil dawk l-awtoritajiet li jispiraw u jinvolvu liċ-ċittadini biex jiżviluppaw viżjonijiet komuni u fit-tul tal-kwalità tal-ħajja għaż-żoni tagħhom, li jorbtu flimkien kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

36.

iħeġġeġ l-appoġġ għall-edukazzjoni u r-riċerka biex jissaħħu r-rabtiet bejn iċ-ċittadini u l-ambjent fejn jgħixu. Iċ-ċittadini mhumiex konxji bis-sħiħ tar-rwol li l-ambjent għandu f’ħajjithom (9). Peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar livell qrib tal-komunitajiet lokali, dawn jistgħu jħeġġu sensibbilizzazzjoni akbar fost iċ-ċittadini ta' kull età;

37.

jemmen li l-awtoritajiet għandhom jintroduċu proċeduri għat-tixrid tal-informazzjoni, preferibbilment permezz tal-internet, u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Aarhus (10), li tagħti aċċess għall-ġustizzja ambjentali, timpenja lill-pubbliku fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni lokali tal-politika ambjentali tal-UE u tistabbilixxi l-għodod adatti għal demokraziija parteċipattiva u sjieda lokali;

38.

jemmen li d-Direttivi SEA u EIA huma strumenti ewlenin għall-politika ambjentali lokali u reġjonali u l-parteċipazzjoni pubblika (11) sabiex ikun żgurat li jitqies l-għarfien lokali, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż u l-ħiliet;

39.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw mekkaniżmi pubbliċi għall-kontroll ambjentali li jkunu sempliċi u koordinati, li jiffaċilitaw ir-rispett tal-obbligi stabbiliti mil-leġislazzjoni u li jippromovu r-relazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-pubbliku fuq il-bażi tal-prinċipji tal-effettività, it-trasparenza u r-responsabbiltà kondiviża;

Il-finanzi u l-integrazzjoni orizzontali

40.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jintegraw l-ambjent fl-oqsma kollha ta' attività, pereżempju billi jiġu appoġġjati negozji ekoloġiċi lokali permezz ta' kapital ta' riskju, investituri informali (business angels) u mikrokrediti, inkluż il-parir dwar l-akkwist ekoloġiku;

41.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu “xerrejja ekoloġiċi”. L-akkwisti pubbliċi jammontaw għal 16 % tal-PDG tal-UE u għandhom jiżguraw l-aħjar valur ambjentali; għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon is-sit elettroniku dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (http://ec.europa.eu/environment/gpp);

42.

jappoġġja l-użu sħiħ tal-għażliet tal-irkupru tal-ispiża previst mill-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, biex ikun hemm inċentivi għall-iffrankar tal-flus u l-effiċjenza, u l-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart sabiex l-ispejjeż ambjentali jsiru viżibbli għall-utent, u jitlob għall-inklużjoni ta' strumenti ekonomiċi simili fil-proposti futuri;

43.

japprova, mingħajr ħsara għas-sistemi eżistenti ta' ppjanar nazzjonali (inkluża l-ġestjoni sostenibbli tat-territorju), l-alinjament mill-qrib tal-ippjanar mal-manifattura u d-distribuzzjoni sabiex jiġu promossi l-iżvilupp b’livell baxx ta' karbonju, il-produzzjoni sostenibbli, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-enerġija rinnovabbli bil-għan li jinħolqu impjiegi ekoloġiċi u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli filwaqt li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika;

44.

jitlob li, meta fil-ġejjieni jitfasslu politiki fil-qasam tal-ġestjoni tal-ambjent fir-reġjuni konfinali u fiż-żoni li jmissu ma' xulxin bi xmajjar komuni jew ilmijiet oħra fil-fruntiera, isir użu aħjar mill-programmi ta' sħubijiet bħall-Ewroreġjuni fil-livell lokali biex jiġi influwenzat il-pajjiż ġar u biex jitfasslu u jiġu implimentati programmi ta' ħarsien ambjentali komuni;

E.   Kif jista’ jikkontribwixxi l-KtR

Fil-fażi tal-iżvilupp ta' politika

45.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu approċċ aktar proattiv billi tirrikjedi kontribut bikri mill-KtR għat-tfassil ta' politika billi titlob għal opinjonijiet ta' prospettiva;

46.

jimpenja ruħu li jkompli għaddej bil-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea fil-valutazzjoni tal-impatt ta' ċerti proposti dwar l-awtoritajiet lokali u reġjonali (valutazzjonijiet tal-impatt territorjali) permezz tan-netwerks speċifiċi tal-KtR, in-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tal-KtR u l-Pjattaforma ta' Monitoraġġ tal-UE 2020;

Kemm fil-fażi tal-iżvilupp ta' politika kif ukoll fil-fażi tat-teħid tad-deċiżjonijiet

47.

jimpenja ruħu li jinkludi l-esperjenza lokali mill-amministraturi lokali u reġjonali fl-abbozzar tal-opinjonijiet tiegħu. Dan jinkludi konsultazzjonijiet immirati tan-netwerks speċifiċi tal-KtR, in-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tal-KtR u l-Pjattaforma ta' Monitoraġġ tal-UE 2020, kif ukoll seduti organizzati mal-assoċjazzjonijiet lokali u reġjonali u ma' partijiet interessati ewlenin;

Fil-fażi tat-teħid ta' deċiżjoni

48.

jenfasizza li t-Trattat ta' Lisbona saħħaħ ir-rwol tal-KtR fit-teħid ta' deċiżjoni dwar il-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima billi introduċa konsultazzoni obbligatorja espliċita tal-KtR; ikompli jilqa’ d-dispożizzjoni tat-Trattat ta' Lisbona għal dritt ta' konsultazzjoni mill-ġdid jekk il-proposta leġislattiva inizjali tiġi modifikata sostanzjalment fil-proċess leġislattiv, billi tippermetti lill-KtR iħejji opinjonijiet riveduti;

49.

jixtieq isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-koleġislaturi – il-Parlament Ewropew u l-Kunsill – dwar il-kwistjonijiet ambjentali. Il-Kumitat ENVI tal-Parlament Ewropew jista’ jesplora l-possibbiltà li jinżammu seduti konġunti u jistieden lir-relaturi tal-KtR biex jippreżentaw opinjonijiet ewlenin tal-KtR. L-Istati Membri jistgħu jistiednu lill-KtR biex sistematikament jipparteċipaw fil-laqgħa informali tal-Kunsill tal-ministri għall-ambjent (12);

Fit-titjib tal-implimentazzjoni

50.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora l-possibbiltà li b’mod konġunt jiġi organizzat forum annwali biex jiġu indirizzati problemi u soluzzjonijiet reġjonali u lokali fl-applikazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE f’setturi speċifiċi, bħalma huma l-ilma, il-bijodiversità, l-istorbju, l-arja jew l-iskart;

51.

jistieden lill-Parlament Ewropew biex jinvolvi lill-Kummissjoni ENVE tal-KtR fid-dibattiti speċifiċi tal-Kumitat ENVI mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali Ewropea;

52.

jissuġġerixxi l-iżvilupp tal-Premju Ewropew għall-Kapitali Ambjentali, u jenfasizza x-xewqa tiegħu li jkun involut fil-ġurija tal-Premju. Għal dan il-għan, jipproponi:

riżorsi baġitarji biex ir-rebbieħa jkunu jistgħu jippromovu l-valur miżjud tal-UE fiċ-ċerimonja tal-premjazzjoni, bħalma jiġri fil-Premju tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura;

jiġu massimizzati l-benefiċċji u l-wirt li dawn il-bliet jesperjenzaw bħala Kapitali Ambjentali Ewropej; inkluż in-netwerking tar-rebbieħa għall-iskambju tal-għarfien u tal-aħjar prattika. Il-KtR jista’ juri l-appoġġ tiegħu billi jipprovdi faċilitajiet u riżorsi għat-tħejjija ta' avvenimenti, jew jirraporta dwar ir-riżultati lill-KtR u lill-Kummissjoni Ewropea;

li l-KtR jorjenta l-avvenimenti Ewropej, il-konferenzi u l-laqgħat tal-Kummissjonijiet tiegħu fil-Kapitali Ambjentali Ewropea rispettiva tas-sena partikolari sabiex jissaħħaħ iktar l-iskambju tal-għarfien espert u tal-aqwa prattika;

li l-Kapitali Ambjentali Ewropej jiġu mħeġġa jerġgħu jirrappurtaw wara xi snin dwar x’sar iktar fil-qasam tal-politika urbana sostenibbli. Għandhom jiġu mistiedna jaqsmu s-suċċessi u l-viżjonijiet ġodda tagħhom ma' bliet u partijiet interessati oħra waqt avvenimenti Ewropej ewlenin;

il-Premju għall-promozzjoni tal-involviment tal-pubbliku fid-demokrazija parteċipattiva u s-sjieda lokali, inkluża d-dimensjoni reġjonali billi tiġi involuta l-parti estrema tal-belt fl-attivitajiet tal-Premju Ewropew għall-Kapitali Ambjentali;

l-irfinar tal-proċess ta' selezzjoni, eż. l-opportunità għall-ġurija li jintervistaw ir-rappreżentanti ta' bliet li ġew minn ta' quddiem kif ukoll li jorganizzaw żjarat fihom;

biex tiżdied il-viżibbiltà tal-Premju, it-tħejjija għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju tista’ ssir ukoll b’mod konġunt mal-KtR;

F.   Lejn qafas ta' politika ambjentali futura

Il-ħtieġa għas-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent

53.

jemmen li s-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent kien strumentali għall-kisba tal-acquis ambjentali tal-UE s’issa, u li jinħtieġ is-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent;

54.

jenfasizza li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ser isaħħaħ l-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli u ser ikun pilastru ewlieni tal-Istrateġija futura tal-UE għall-2020, li tagħmel referenzi frekwenti għal tkabbir ekoloġiku u u t-transizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fir-rigward tar-riżorsi. Is-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent huwa meħtieġ biex jartikola x’inhu mifhum b’dawn it-termini u biex jittraduċi l-implikazzjonijiet tagħhom għall-politika ambjentali;

55.

jargumenta li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ser jibbenefika lin-negozji kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali billi jipprovdi qafas ta' ppjanar strutturat u fit-tul, inkluż dak għal investimenti importanti ta' infrastruttura;

56.

juri li l-politika ambjentali għandha tkun integrata fl-oqsma kollha tal-politika, li ma tistax issir permezz ta' leġislazzjoni dwar kwistjoni speċifika biss;

57.

jibża’ li jekk ma jiġix adottat Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ieħor malli jiskadi s-sitt wieħed, li kien l-ewwel Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent li jikkostitwixxi strument legali b’deċiżjonijiet vinkolanti, dan il-falliment ser jitqies bħala nuqqas ta' impenn politiku f’qasam li huwa meqjus miċ-ċittadini bħala wieħed importanti ħafna;

Elementi possibbli tas-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent

58.

jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' referenza espliċita għall-Kumitat tar-Reġjuni fis-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent u jħeġġeġ biex il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli fir-rigward tal-ambjent isir element importanti tas-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent;

59.

jemmen li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent huwa dokument tal-ippjanar strateġiku fit-tul li għandu jistabbilixxi miri u skedi ċari, jimxi minn miri relattivi għal miri assoluti (eż. CO2/per capita) għal tnaqqis ta' pressjonijiet speċifiċi fuq l-ambjent u jartikola riżultati ambjentali ċari bbażati fuq is-SOER 2010 (13);

60.

jinnota li l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent għandha tqis il-poteri tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-iskop politiku u amministrattiv;

61.

jemmen li dan għandu jinkludi reviżjoni fundamentali tal-ġestjoni u l-ġbir tad-data u jiżgura paraguni preċiżi tal-prestazzjoni u fehim aktar sinifikanti tal-aħjar prattika;

62.

jemmen lis-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent għandu jħeġġeġ aktar użu tal-istrumenti tas-suq flimkien mar-regolamentazzjoni. Is-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent jippromovi l-użu ta' strumenti ekonomiċi biex titjieb l-effiċjenza fir-rigward tar-riżorsi u jiġi mminimizzat l-impatt ambjentali. Fejn ġie użat dan l-approċċ, tnaqqas il-piż finanzjarju fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali u tjiebet l-implimentazzjoni;

63.

jappella biex, mill-2013, is-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent jipprevedi li r-reġjuni u l-bliet jibbenefikaw b’mod dirett mir-riżorsi finanzjarji ġġenerati mill-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra biex jiffinanzjaw programmi lokali li jiġġieldu t-tibdil fil-klima;

64.

jissuġġerixxi li l-programm il-ġdid ikun iħares sew ’il quddiem, mill-inqas sal-2020, peress li jeħtieġ li nippjanaw issa għall-2050, u li jkun akkumpanjat minn evalwazzjoni u monitoraġġ ta' nofs it-term, kif ukoll minn pjani direzzjonali b’miri intermedji;

65.

jissuġġerixxi approċċ sistematiku dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, inklużi miri u skedi speċifiċi għal tnaqqis kwantitattiv assolut fl-użu tar-riżorsi naturali u l-adozzjoni ta' definizzjoni ġdida tal-PDG li jikkunsidra l-impatt ambjentali;

66.

iħeġġeġ bis-sħiħ li jinżammu r-rabtiet bejn l-oqsma ta' politika differenti u li l-objettivi u r-rekwiżiti ambjentali jiġu integrati fis-setturi kollha, pereżempju l-użu tal-art u l-ippjanar urban, il-mobilità urbana, l-agrikoltura, il-foresterija, l-istorbju, it-tniġġis tal-arja u s-saħħa;

67.

iħeġġeġ l-integrazzjoni ta' objettivi ambjentali f’oqsma importanti tal-baġit bħalma huma l-Iżvilupp Rurali u l-Agrikoltura;

68.

jinnota li 75 % tal-popolazzjoni tal-UE jgħixu fi bliet u li dawn jiġġeneraw 75 % tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra, iżda li huma wkoll ċentri ta' edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm dimensjoni urbana ċara fis-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent kif ukoll mekkaniżmu biex il-bliet jimpenjaw ruħhom u biex dawn jingħataw aktar poteri;

69.

jirrikonoxxi li l-proċessi tad-degradazzjoni tal-ħamrija qed jikkompromettu l-objettivi komuni tal-UE fil-qasam tal-klima, is-sigurtà tal-ikel u l-bijodiversità. Għalhekk, strateġija tematika komuni dwar il-ħarsien tal-ħamrija li tinkludi l-għan li tiġi adottata Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija għandha tibqa’ parti mis-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent.

Brussell, 5 ta' Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2009) 304 finali, is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea “Statistics on environmental infringements” (Statistika dwar il-ksur ambjentali – mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  CdR 89/2009 fin, COM(2002) 709 finali.

(3)  Brussels Environment (IBGE) Study 2010 “The Regional Dimension in EU Environmental Regulations and Directives”, http://www.eapdebate.org/files/files/study-regionaldimension.pdf.

(4)  COM(2008) 773/4

(5)  COM(2008) 773/4.

(6)  Riżoluzzjoni tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi kriterji minimi applikabbli għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri.

(7)  CdR 36/2001 fin.

(8)  CdR 199/2009 fin, CdR 89/2009 fin, studju tal-EIPA 2009 “The institutional impacts of EU legislation on local and regional governments” (Mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Skont l-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar attitudnijiet pubbliċi fir-rigward tal-ambjent (biodiversity 2010, climate change 2009, environment 2008), ara http://ec.europa.eu/environment/working_en.htm (Mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Il-Konvenzjoni NU/KEE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali.

(11)  CdR 38/2010 fin.

(12)  CdR 89/2009 fin.

(13)  Rapport taż-ŻEE dwar il-qagħda ambjentali, mistenni għal Novembru 2010


Top