Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0112

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-politika tal-UE u l-politika Internazzjonali fil-qasam tal-bijodiversità wara l-2010”

    ĠU C 267, 1.10.2010, p. 33–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.10.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 267/33


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-politika tal-UE u l-politika Internazzjonali fil-qasam tal-bijodiversità wara l-2010”

    (2010/C 267/08)

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    A.   Kummenti ġenerali

    1.   jemmen li l-ħarsien tal-bijodiversità huwa essenzjali għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem, direttament u indirettament minħabba s-servizzi li toffrilna l-ekosistema. Kulħadd għandu d-dritt li jgawdi ambjent b’saħħtu u sostenibbli, u dan jirrikjedi l-preżervazzjoni tal-bijodiversità b’użu sostenibbli, u li jirrispetta r-rwol essenzjali li għandha fil-livell dinji fil-ġlieda kontra l-ġuħ u favur is-sigurtà tal-ikel. Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi serji għall-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni minħabba t-telf tal-bijodiversità li qiegħed dejjem jikber fl-ekosistemi, kemm għal raġunijiet etiċi kif ukoll biex jiġi rikonoxxut il-valur intrinsiku tal-bijodiversità, tiġi żgurata l-istabbiltà ekonomika u soċjali, jittaffa t-tibdil fil-klima u jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;

    2.   jappoġġja l-fatt li, barra milli jiġi enfasizzat il-valur intrinsiku tan-natura bħala l-wirt tal-umanità, tiġi avvanzata l-ħidma fuq il-valutazzjoni ekonomika tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistema u li tiġi inkorporata fit-tfassil tal-politika. Jilqa’ b’sodisfazzjan il-fatt li, bis-saħħa tal-istudju nazzjonali dwar “L-Ekonomija tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità” (TEEB), qed jinftiehem dejjem iktar il-valur ekonomiku tal-bijodiversità u l-fatt li nuqqas ta’ azzjoni jirrappreżenta piż finanzjarju wisq kbir li ma nifilħux għalih. Il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-dimensjoni lokali u reġjonali ser tiġi indirizzata b’mod speċifiku fit-TEEB “Rapport D2 għall-Amministraturi”;

    3.   jinnota li l-miri internazzjonali u tal-UE għall-2010 kienu essenzjali biex jiġġeneraw azzjoni ta’ ġid favur il-bijodiversità fil-livelli lokali u reġjonali mad-dinja kollha. Nistgħu nsibu ħafna eżempji ta’ prattiki tajbin fl-Unjoni Ewropea kollha. Minkejja dan, il-Kumitat huwa mħasseb serjament li la l-miri tal-UE u lanqas dawk dinjija għall-2010 ma ntlaħqu, għax kien hemm diverġenza ċara bejn il-wegħdiet li saru u l-azzjonijiet li ttieħdu verament;

    4.   jaħseb li sabiex jintlaħqu l-miri dwar il-ħarsien tal-bijodiversità, huwa essenzjali li s-setgħat pubbliċi, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, isibu bilanċ tajjeb bejn politiki ta’ żvilupp u objettivi ta’ bijodiversità u li jinkoraġġixxu l-użu ta’ inċentivi biex tiġi promossa l-konservazzjoni tal-bijodiversità;

    Is-sehem tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’governanza u komunikazzjoni aktar effettivi

    5.   jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u biex jistabbilixxu strateġiji għall-ħarsien tal-bijodiversità fl-awtoritajiet reġjonali u lokali rispettivi tagħhom. Dan għandu jitqies fid-dawl tas-sejbiet reċenti tas-sondaġġ tal-Ewrobarometru li nħarġu f’Marzu 2010 dwar l-imġiba tal-Ewropej fil-konfront tal-bijodiversità; minn dan is-sondaġġ ħareġ li 38 % biss tal-Ewropej huma konxji mis-sinifikat tat-terminu u 17 % biss iħossuhom milqutin b’mod dirett mit-telf tal-bijodiversità. Għal dan il-għan, il-KtR itenni r-rieda tiegħu li jippromovi proġetti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u li jagħti sehmu biex iqanqal l-interess taċ-ċittadini fil-livell lokali u reġjonali u biex joħloq sinerġiji bejn il-partijiet interessati u l-awtoritajiet pubbliċi u f’dan ir-rigward jixtieq jorganizza avvenimenti kemm matul l l-OPEN DAYS 2010;

    6.   jenfasizza li jekk trid tinżamm il-bijodiversità madwar id-dinja, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikollhom ir-riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi adegwati, skont il-livell ta’ responsabbiltà li għandhom u bil-għan li dawn ikunu ta’ għajnuna biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jappoġġjaw lill-komunitajiet lokali fil-konservazzjoni tal-ambjent lokali tagħhom kif ukoll biex jappoġġjaw lill-korpi volontarji li jispiraw u jinvolvu lill-pubbliku fil-konservazzjoni tal-ambjent naturali. Responsabbiltajiet rilevanti oħra jinkludu l-edukazzjoni, is-saħħa u l-benesseri, l-ippjanar tal-użu tal-art u s-sjieda tal-art. Il-KtR iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkunu huma l-ewwel li jagħtu l-eżempju;

    7.   jemmen li s-Sena Internazzjonali għall-Bijodiversità 2010 tan-Nazzjonijiet Uniti ser issaħħaħ l-impenn politiku fil-livell tal-UE u dak internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi globali tal-bijodiversità filwaqt li tħeġġeġ is-sehem attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    8.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-proġetti li nedew ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-bijodiversità, pereżempju proġetti għall-ħolqien ta’ żoni naturali protetti u għall-bini mill-ġdid ta’ ambjenti naturali li tkun saritilhom il-ħsara, u l-konservazzjoni ta’ artijiet mistagħdra (wetlands) u ekosistemi oħra, il-ħolqien ta’ green belts u l-ippjanar tal-ibliet permezz tal-użu ta’ kriterji dwar il-konservazzjoni tal-bijodiversità, u biex jissensibilizzaw aktar liċ-ċittadini tagħhom dwar il-bijodiversità, bħalma huma l-kompetizzjonijiet għall-aħjar ġonna u spazji ħodor fiż-żoni urbani. Il-ġonna residenzjali jipprovdu kenn vitali għall-għasafar u l-annimali u huma essenzjali biex jiffriskaw u jiffiltraw l-arja u jaħżnu l-karbonju;

    B.   Lejn Strateġija UE 2020 dwar il-Bijodiversità

    9.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-viżjoni għall-2050 u l-mira ġdida u ambizzjuża għall-2020 biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020, u sa fejn jista’ jkun jissaħħu mill-ġdid, filwaqt li jiżdied il-kontribut tal-UE biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità dinji, skont il-ftehim li ntlaħaq mill-Kunsill tal-Ambjent tal-15 ta’ Marzu 2010 li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew fil-25/26 ta’ Marzu 2010. Dan huwa xhieda tal-impenn imġedded tal-UE li tikseb riżultati tanġibbli;

    10.   iżda, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li fi ħdan l-għan tal-istrateġija UE 2020 għat-tkabbir sostenibbli, il-bijodiversità tibqa’ ta’ importanza sekondarja meta mqabbla mat-tendenzi tat-tkabbir ekonomiku u t-tiftix ta’ ekonomija msejsa fuq livelli baxxi ta’ karbonju minflok ma titqies bħala għan ewlieni fiha nnifisha;

    11.   jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li s-servizzi tal-ekosistemi tqiesu fil-mira għall-2020, kif ġie rrakkomandat qabel mill-KtR, bil-għan li tinbidel it-tendenza attwali u jerġgħu jibdew jintużaw. Madankollu, f’dan il-kuntest jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jispeċifikaw kif il-limitazzjoni tal-għan tar-“restawr tagħhom safejn hu possibbli” għandu jiġi interpretat fil-livell lokali u reġjonali;

    12.   jaqbel mal-Kunsill li hemm bżonn li tittieħed azzjoni urġenti u effettiva issa biex jiġu evitati konsegwenzi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali serji;

    13.   jagħraf li dan huwa pass importanti biex jintwera l-impenn tal-UE li tieħu azzjoni u “tkun hi l-ewwel li tagħti eżempju” fl-10 laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 10) tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) f’Ottubru 2010 f’Nagoya;

    14.   jappoġġja s-sejħa tal-Kunsill lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq Strateġija UE 2020 dwar il-Bijodiversità li tqis ir-riżultati tal-COP 10 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

    15.   jinsisti li din l-Istrateġija UE 2020 dwar il-Bijodiversità mhux ser tkun tista’ tilħaq il-miri tal-UE u dawk globali għal wara l-2010 dwar il-bijodiversità fil-prattika jekk ma tappoġġjax bis-sħiħ l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-sidien jew utenti tal-artijiet oħrajn. L-istrateġija teħtieġ tindirizza l-fatt li bħalissa mhux qed jintefqu biżżejjed fondi strutturali fuq kwistjonijiet marbuta mal-ambjent u l-bijodiversità u tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki biex l-awtoritajiet reġjonali u lokali jingħataw is-setgħa li jieħdu azzjoni prattika. Il-promozzjoni tal-prattiki tajbin fost l-awtoritajiet u l-ħolqien ta’ forum fejn jiġu identifikati problemi komuni u jsir skambju tas-soluzzjonijiet għall-bijodiversità ser jgħinu biex tinbena l-kapaċità fi ħdan l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

    16.   bi pjaċir jinnota li t-talba tiegħu għat-twaqqif ta’ “infrastruttura ekoloġika” (1) għaddiet mill-Kunsill (2) u t-triq infetħet biex il-Kummissjoni Ewropea tfassal Strateġija tal-Unjoni Ewropea dwar l-infrastruttura ekoloġika wara l-2010. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, strateġija bħal din għandha tinkludi dimensjoni territorjali u tippermetti li l-inizjattivi eżistenti, b’mod partikolari dawk fil-livell lokali u reġjonali, jiġu integrati f’qafas koerenti;

    Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tal-istrateġija UE 2020 dwar il- bijodiversità

    17.   jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida UE 2020 tirnexxi biss jekk l-atturi u l-partijiet interessati kollha jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-politika u l-implimentazzjoni skont mudell reali ta’ governanza f’diversi livelli. Huwa importanti li l-partijiet interessati kollha involuti jingħaqdu lkoll għall-ħarsien tal-bijodiversità u l-ekosistemi, inklużi l-esperti xjentifiċi, is-sidien ta’ pjani ta’ azzjoni għall-bijodiversità, l-NGOs u l-awtoritajiet tal-edukazzjoni;

    18.   jisħaq fuq il-ħtieġa li d-direttivi dwar l-għasafar u l-ambjenti naturali jiġu implimentati kompletament fil-livell reġjonali u lokali wkoll, li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tan-Netwerk Natura 2000 u li dan jiżviluppa b’mod sħiħ, li jiġu allokati fondi adegwati, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-bijodiversità hija mifruxa b’mod irregolari fit-territorju tal-UE, u billi jitqiesu ċerti miżuri effettivi ta’ ġestjoni u restawrazzjoni;

    19.   f’dan ir-rigward jilqa’ l-appell li għamel il-Kunsill tal-Ambjent tal-15 ta’ Marzu 2010 għal approċċi parteċipattivi li ser jiġġeneraw inizjattivi meħtieġa u komplementari, b’approċċ minn isfel għal fuq, minn dawk li jieħdu sehem dirett fil-ġestjoni tal-art u tal-baħar, u b’mod partikolari, il-komunitajiet lokali;

    20.   jenfasizza r-rwol kruċjali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jissensibilizzaw liċ-ċittadini dwar l-importanza tal-bijodiversità u jappella għal aktar appoġġ mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea u nazzjonali;

    21.   iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jfasslu programmi għall-bijodiversità u jinkludu għanijiet għall-bijodiversità fl-ippjanar u l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-art tagħhom, jippromovu t-twessigħ taż-żoni ħodor (green areas), jevitaw id-degradazzjoni tal-ħamrija, il-ħsara lill-ekosistemi u l-frammentazzjoni tal-pajsaġġi u l-ambjenti naturali, inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u jfittxu opportunitajiet biex il-bini mill-ġdid jew il-bini ta’ ambjenti naturali jingħaqad ma’ inizjattivi għall-użu tal-ispazju u tal-art; min-naħa l-oħra, jinnota li fil-każ ta’ żoni li ma tantx jgħixu fihom nies u żoni li għandhom aċċess tajjeb għal żoni ħodor, b’żoni kbar iddedikati għall-konservazzjoni tan-natura, il-kwalità tal-ħarsien tal-ambjent għandha tkun definita b’mod aktar preċiż u aktar effettiv, u għandha tittejjeb ukoll il-koordinazzjoni ma’ tipi oħra ta’ użu tal-art;

    22.   huwa tal-fehma li l-fatt li l-Kunsill għaraf il-bżonn li jiġi żviluppat l-iskambju tal-aħjar prattiki biex jiġi żgurat li jsir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità jfisser li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri qed isaħħu l-appoġġ tagħhom għal dan l-iskambju bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    23.   jappoġġja l-inizjattivi u n-netwerks – bħal pereżempju l-proġett LIFE + tal-“bliet kapitali Ewropej tal-bijodiversità”– li jgħinu biex jitwettqu l-impenji li daħlu għalihom l-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq bażi volontarja u li jiżguraw it-tixrid tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew;

    L-integrazzjoni tal-ħarsien tal-bijodiveristà f’oqsma prinċipali

    24.   josserva li l-ħarsien tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi huwa tema li tolqot lil ħafna affarijiet oħra u li teħtieġ approċċ sistematiku fejn l-atturi differenti kollha fil-livelli kollha jaħdmu flimkien;

    25.   itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għas-settur li huma inklużi fl-opinjoni tiegħu “Impetu ġdid għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità” (1) u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħarsien effettiv u b’saħħtu tal-bijodiversità jista’ jseħħ biss jekk jiġi inkorporat fi strateġiji u politiki usa’ li jindirizzaw l-oqsma ewlenin li huma responsabbli għall-qerda tal-ambjenti naturali, il-frammentazzjoni u d-degradazzjoni kkawżati mit-tibdil fl-użu tal-art, it-tniġġis, eċċ. Dawn jinkludu l-biedja/forestrija, l-enerġija, it-trasport, it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp reġjonali/l-ippjanar tal-ispazju; bl-istess mod, kull trattativa marbuta mal-kummerċ internazzjonali li tinvolvi lill-UE għandha tqis u ttaffi t-telf tal-bijodiversità;

    26.   jiġbed l-attenzjoni għat-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jirrevedu s-sistemi fiskali tagħhom favur il-bijodiversità, pereżempju bi tnaqqis fir-rati tal-VAT għall-prodotti minn agrikoltura organika jew għall-prodotti li jinħarġu minn siti ta’ Natura 2000 u sabiex ineħħu t-taxxi u s-sussidji li jħeġġu l-imġiba li tolqot ħażin lill-bijodiversità;

    27.   jenfasizza li l-ħarsien u t-tisħiħ mill-ġdid tal-bijodiversità jipprovdu ċerti opportunitajiet kosteffettivi biex jittaffa t-tibdil fil-klima jew isir adattament għalih, pereżempju fil-ħolqien ta’ kurituri ħodor maħsuba għall-iżvilupp u l-bini mill-ġdid tal-artijiet mistagħdra, fin-naturalizzazzjoni mill-ġdid tax-xmajjar u fil-promozzjoni ta’ “soqfa ħodor” u biex bijotopi importanti jintrabtu flimkien;

    It-twaqqif ta’ sottomiri u indikaturi tajbin u miżuri kosteffettivi biex dawn jintlaħqu

    28.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tiffoka fuq għadd limitat ta’ sottomiri li jwasslu l-istrateġija f’lingwaġġ ċar u sempliċi u li permezz tagħhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jkejlu l-kontribut tagħhom stess u jdaħħlu miżuri korrettivi f'waqthom. Dawn il-miri għandhom bżonn jinbidlu minn miri marbuta mal-istatus, li huma diffiċli li jitkejlu, għal miri “marbuta mal-pressjoni”. L-għadd ta’ sottomiri għandu jkun limitat għal 5 jew 6 u jinkludu l-biedja, is-sajd u l-ambjenti marittimi, l-użu tal-art u l-qerda u l-frammentazzjoni tal-ambjenti naturali;

    29.   jirrakkomanda li ssir definizzjoni bir-reqqa tas-sottomira dwar l-użu tal-art u l-ippjanar tal-ispazju, fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jiġu indirizzati l-pressjonijiet tal-qerda u l-frammentazzjoni tal-ambjenti naturali. L-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol vitali x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-kunċett tan-netwerks ekoloġiċi u jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex iqisu l-ħtiġijiet differenti ta’ żoni kkonċentrati b’popolazzjoni numeruża jew żoni wesgħin li fihom jgħixu ftit nies. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu kontributuri ewlenin għal mira bħal din;

    30.   jenfasizza l-importanza ta’ bażi ta’ referenza ċara li għandha tiġi stabbilita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent sa Ġunju ta’ din is-sena, billi jiġi żgurat il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ kostanti dwar is-sottomiri u l-indikaturi għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u t-tisħiħ mill-ġdid tal-ekosistemi. It-twettiq ta’ azzjoni pożittiva teħtieġ data bażika ta’ kwalità tajba u monitoraġġ kontinwu, u biex dan jinkiseb ser ikun hemm bżonn ta’ żieda sinifikanti fil-fondi. Wieħed mill-modi kif dan jista’ jinkiseb huwa billi jkun hemm obbligi għall-iżviluppaturi, iżda jekk l-UE u l-Istati Membri ma jaqblux fuq żieda fil-fondi għal dan il-għan, il-mezzi finanzjarji disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex dan isir mhumiex ser ikunu biżżejjed;

    31.   jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jintroduċu l-kunċett ta’ ekosistemi fil-bażi ta’ referenza u fl-indikaturi tagħhom. Eżempju ta’ dan huwa l-ewwel sett ta’ mapep bijofiżiċi ta’ servizzi tal-ekosistemi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

    Fondi biex tinkiseb il-mira l-ġdida

    32.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-baġit attwali allokat għall-ħarsien tal-bijodiversità mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri, inklużi dawk ta’ Natura 2000, u jappella li ssir żieda sinifikanti fil-mezzi finanzjarji fil-baġits tal-UE wara l-2013; fl-ippjanar ta’ direttivi u programmi ta’ għajnuna ġodda għandha tingħata attenzjoni biex ma jingħatawx fondi għal miżuri li jistgħu jfixklu l-bijodiversità;

    33.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tuża kemm jista’ jkun il-benefiċċji tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari billi jiġi indirizzat il-fatt li mhux qed jintefqu fondi strutturali biżżejjed fl-oqsma tal-bijodiversità u l-ambjent u biex tagħmel il-mudell integrat aktar effettiv għall-iffinanzjar tal-bijodiversità u Natura 2000;

    34.   itenni l-appelli tiegħu (3) għall-applikazzjoni ta’ sistema ta’ ekokundizzjonalità biex jiġi regolat l-aċċess għall-għajnuna pubblika, b’mod partikolari għall-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd; barra minn hekk, jitlob lill-Istati Membri jħabirku biex jiżguraw li s-setturi individwali tal-ekonomija jagħmlu kontribut ġust għall-ispejjeż marbuta mat-twaqqif mill-ġdid tas-servizzi tal-ekosistemi;

    35.   fid-dawl tal-konklużjonijiet reċenti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (4), jirrakkomanda li ssir riforma tal-politika agrikola komuni b’tali mod li tkun tista’ tiġi appoġġjata aħjar l-agrikoltura ta’ Valur Naturali Għoli;

    36.   jitlob lill-Kummissjoni Ewropea twaqqaf mekkaniżmi ta’ ffinanzjar adegwati biex l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu “jibnu l-kapaċità” għall-waqfien tat-telf u l-ħarsien tal-bijodiversità taż-żoni tagħhom u għall-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn ir-reġjuni;

    Speċijiet invażivi

    37.   jinnota li l-ispeċijiet invażivi mhux indiġeni huma rikonoxxuti bħala theddida għall-bijodiversità fuq skala globali u dwar din il-kwistjoni ħarġu deċiżjonijiet mill-aħħar ħames konferenzi tal-partijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD);

    38.   jinnota l-Istrateġija Ewropea dwar l-Ispeċijiet Eżotiċi Invażivi żviluppata fl-2003 fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Bern. L-Objettiv 5 tal-“Pjan ta’ Azzjoni tal-UE sal-2010 u Lil hinn” (5) jappella lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali dwar l-ispeċijiet eżotiċi invażivi. F’dan ir-rigward, il-KtR itenni l-appell tiegħu (1) lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Strateġija tal-UE dwar l-ispeċijiet invażivi;

    39.   jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-fatturi li jwasslu għal estensjonijet tal-firxiet tal-ispeċijiet u dan ser ikompli fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, filwaqt li jipprovdi l-potenzjal biex aktar speċijiet isiru invażivi;

    40.   jiddispjaċih li l-pubbliku m’għandux għarfien biżżejjed dwar it-theddid mill-ispeċijiet invażivi mhux indiġeni. Huwa importanti ħafna li biex il-pubbliku jkun involut aktar, ikun aktar konxju u jkun mgħarraf aktar, u b’hekk ikun jista’ jbiddel l-imġiba tiegħu biex jgħin fit-tnaqqis tal-probabbiltà li jiddaħħlu speċijiet invażivi u tar-riskju li jiġi ffaċilitat it-tixrid tagħhom, kif ukoll li jkun hemm għajnuna biex dawn jinstabu u jiġu ssorveljati. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jinvolvu lill-pubbliku ġenerali fil-livell lokali, u għalhekk jitjieb l-għarfien u s-sehem tal-pubbliku;

    41.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet reġjonali u lokali wkoll għandhom rwol x’jaqdu permezz tal-edukazzjoni u bħala s-sidien tal-art. Barra minn hekk, il-persunal speċjalizzat tagħhom jista’ jgħin lill-organizzazzjonijiet tal-gvern nazzjonali jindirizzaw l-ispeċijiet invażivi bi sħab ma’ gruppi ta’ interess ewlenin mhux governattivi, billi jsir l-aħjar użu tal-kapaċità u r-riżorsi disponibbli biex jitjiebu l-kapaċitajiet ta’ kif dawn jinsabu u tal-monitoraġġ;

    C.   Il-kontribut tal-KtR għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) tan-Nazzjonijiet Uniti u l-10 Konferenza tal-Partijiet tagħha (COP 10)

    42.   jagħraf li l-kwistjonijiet tal-bijodiversità ma jiqfux fil-fruntieri nazzjonali u għalhekk jitlob li tittieħed azzjoni koerenti mhux biss fil-livell tal-UE iżda wkoll f’kuntest internazzjonali;

    43.   jenfasizza l-importanza li tiġi ppreservata u tiġi stabbilita mill-ġdid il-bijodiversità, inklużi s-servizzi tal-ekosistemi, f’livell dinji sabiex isir kontribut għall-qirda tal-faqar, għas-sigurtà tal-ikel u għall-iżvilupp lokali fid-dinja kollha. Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) hija kontribut essenzjali biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, b’mod partikolari l-għan numru 7 dwar is-sostenibbiltà ambjentali;

    44.   jappella lill-UE u lill-Kummissjoni Ewropea jeżaminaw il-possibbiltà li l-KtR jsir osservatur għad-delegazzjonijiet tal-UE għall-COP 10 sabiex jiġi żgurat li leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkun irrappreżentat b’mod adegwat mhux biss fid-delegazzjonijiet nazzjonali, iżda wkoll fid-delegazzjoni tal-UE (6);

    45.   joffri li jikkontribwixxi għall-proċess tas-CBD u l-COP 10 tiegħu billi jippromovi kooperazzjoni deċentralizzata fl-iżvilupp bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u dawk ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità u tal-ekosistemi;

    46.   iħeġġeġ lill-COP 10 tadotta l-Pjan Strateġiku rivedut u aġġornat għall-Konvenzjoni tal-perijodu 2011-2020 sabiex jiġi żgurat li l-ippjanar strateġiku tas-CBD jibqa’ għaddej wara l-2010;

    47.   jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza li saret fl-abbozz tal-Pjan Strateġiku li ż-żamma u l-bini mill-ġdid tal-ekosistemi ġeneralment jipprovdi modi kosteffettivi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima għalhekk jiftaħ għadd ta’ opportunitajiet għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli;

    48.   jaqbel li hemm bżonn ta’ konverġenza akbar fil-livelli internazzjonali u nazzjonali fl-isforzi biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u l-bijodiversità b’mod li jkun ipprovdut appoġġ reċiproku, biex b’hekk isir l-aħjar użu milll-opportunitajiet fil-proċessi globali li għaddejjin fi ħdan il-Konvenzjonijiet ta’ Rio;

    49.   jagħraf li l-azzjonijiet li ttieħdu s’issa għall-implimentazzjoni tas-CBD ma kinux biżżejjed biex tinkiseb il-mira internazzjonali għall-2010;

    50.   jappoġġja l-għanijiet strateġiċi u sekondarji u l-miri importanti għall-2020 li jistgħu kemm jintlaħqu aktar kif ukoll jitkejlu aħjar, u li jiġi pprovdut qafas aktar effettiv permezz ta’ miri nazzjonali, u b’mod partikolari sottonazzjonali. Huwa jissuġġerixxi t-tnaqqis fl-għadd ta’ miri sabiex l-istrateġija tkun tinftiehem aktar u tkun iffukata aktar;

    51.   iħeġġeġ mira primarja ġdida li tgħid b’mod espliċitu li sal-2020, il-Partijiet kollha tas-CBD ser ikunu involvew lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Din l-assoċjazzjoni għandha tittratta b’mod partikolari r-reviżjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjani ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-bijodiversità u l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fil-livell reġjonali u lokali;

    52.   iħeġġeġ lill-COP 10 jadotta deċiżjoni speċifika ddedikata għall-awtoritajiet sottonazzjonali u jieħu nota tal-“Abbozz ta’ Deċizjoni tas-CBD għall-COP 10 dwar il-Bliet, l-Awtoritajiet Lokali u l-Bijodiversità”, u l-“Abbozz ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar il-bliet, l-awtoritajiet lokali u l-bijodiversità 2011–2020” (7) miġbur fih. Pjan ta’ Azzjoni daqstant koerenti huwa meħtieġ sabiex jissaħħaħ u jiġi enfasizzat il-kontribut sostanzjali tal-awtoritajiet sottonazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tas-CBD għall-2011–2020. F’dan ir-rigward, il-KtR jirrikonoxxi “Is-Sħubija Globali dwar il-Bliet u l-Bijodiversità” u l-programm tal-assoċjazzjoni ICLEI “Azzjoni Lokali għall-Bijodiversità (LAB)”;

    53.   jieħu nota tal-Indiċi ta’ Singapor dwar il-Bijodiversità tal-Bliet (CBI) li għandu jiġi ppreżentat fil-COP 10. Dan l-indiċi għandu jiġi żviluppat aktar sabiex ikun jista’ jiġi applikat b’mod volontarju lil awtoritajiet oħra.

    Brussell, 10 ta’ Ġunju 2010.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    (1)  CdR 22/2009 fin.

    (2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tal-15 ta’ Marzu 2010.

    (3)  CdR 22/2009 fin, CdR 218/2009 fin.

    (4)  Rapport tekniku tal-EEA Nru 12/2009 “Distribution and targeting of the CAP budget from a biodiversity perspective”.

    (5)  Dokument SEC(2006) 621, anness mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sal-2010 – u lil hinn”, COM(2006) 216 finali.

    (6)  Fl-4 ta’ Frar 2010, is-Segretarju Eżekuttiv tas-Segretarjat tas-CBD bagħat avviż lill-partijiet kollha tas-CBD, li fih stedinhom jinnominaw sindki u awtoritajiet lokali bħala parti mid-delegazzjoni tagħhom għall-COP 10.

    (7)  Dokument tas-27 ta’ Jannar 2010, http://www.cbd.int/authorities/doc/CBD%20Plan%20of%20Action_2010_01_draft.doc.


    Top