Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0105

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew”

    ĠU C 267, 1.10.2010, p. 52–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.10.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 267/52


    IL-85 SESSJONI PLENARJA FID-9 U L-10 TA’ ĠUNJU 2010

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew”

    (2010/C 267/11)

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Prinċipji u kummenti ġenerali

    1.   jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju distint mill-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO u r-‘Rotot Kulturali Ewropej’ tal-Kunsill tal-Ewropa.

    2.   iqis li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, jinsisti fuq kemm huwa importanti li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali huma u jintgħażlu l-applikazzjonijiet fil-livell nazzjonali u fl-għażla finali fil-livell Ewropew. Is-suċċess ta’ din l-inizjattiva jiddependi wkoll mir-rieda Ewropea li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali daqs kemm jiddependi mill-għażla tas-siti, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet.

    3.   jenfasizza li l-għan ta’ dan iċ-ċertifikat huwa li jiġbed attenzjoni lejn il-wirt kulturali komuni tal-Istati Membri b’rispett lejn id-diversità nazzjonali u reġjonali, li jagħraf il-varjetà kulturali tat-territorji sabiex iqarreb l-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha u li jagħti valur lis-siti u lill-konoxxenzi reġjonali u lokali sabiex jissaħħaħ l-ispirtu ta’ appartenenza fl-Unjoni Ewropea.

    4.   jinsisti fuq l-importanza ta’ din l-inizjattiva kemm sabiex tissaħħaħ l-identità lokali u reġjonali kif ukoll biex tiġi promossa l-integrazzjoni Ewropea.

    5.   jiddispjaċih li l-inizjattiva hija miftuħa biss għall-Istati Membri tal-Unjoni filwaqt li l-inizjattiva governattiva tal-bidu li fuqha huwa bbażat dan iċ-ċertifikat kienet tinkludi wkoll l-Isvizzera u li fil-Kapitali Ewropej tal-Kultura setgħu jipparteċipaw ukoll l-Istati kandidati. Barra minn hekk l-integrazzjoni Ewropea tmur lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea u timplika Stati Ewropej terzi.

    6.   ifakkar li ċ-ċertifikat għandu jorbot is-siti mal-istorja tal-bini tal-Ewropa b’rispett lejn il-valuri stabbiliti fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali.

    7.   jifraħ bil-fatt li permezz ta’ dan iċ-ċertifikat, il-bliet u r-reġjuni Ewropej jistgħu jsiru iktar attraenti u li dan jista’ jiffavorixxi wkoll it-tkabbir u l-impjieg fil-livell lokali u reġjonali.

    8.   jinsisti fuq il-bżonn tat-trażmissjoni tal-aħjar prattika permezz tal-ħolqien ta’ netwerk tas-siti ċertifikati u jitlob lill-Unjoni Ewropea għal impenn ta’ riżorsi umani u finanzjarji li jista’ jqanqal l-interess lokali u reġjonali.

    9.   jindika li dan iċ-ċertifika huwa partikolarment adatt għas-siti transkonfinali li huma simbolu tal-memorja Ewropea. Il-ġestjoni ta’ siti bħal dawn tista’ tagħmel parti mill-programmi ta’ ħidma tal-korpi eżistenti bħar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT).

    Rilevanza tal-proġett fil-livell lokali u reġjonali

    10.   jinnota li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għas-siti li jistgħu jikkwalifikaw għal dan iċ-ċertifikat.

    11.   jiddispjaċih li fil-governanza f’diversi livelli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex involuti iktar fil-proċess ta’ selezzjoni.

    12.   jemmen fil-bżonn li jiġu involuti l-awtoritajiet territorjali huma u jintgħażlu s-siti transnazzjonali.

    13.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ħafna drabi ser ikunu dawk prinċipalment responsabbli mill-ġestjoni u l-finanzjament tas-siti ċertifikati u għalhekk ser ikollhom ikopru l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-ksib taċ-ċertifikat u l-funzjonament tas-siti.

    14.   ifakkar li l-identità Ewropea, li hija bbażata fuq il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt, għandha tinbena fuq il-diversità tal-partijiet li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea u ċ-ċertifikat Ewropew għandu jirrifletti din id-diversità b’mod iktar viżibbli u tanġibbli għaċ-ċittadini kollha.

    Titjib tat-test

    15.   wara l-ewwel evalwazzjoni tat-test jemmen li l-proposta għandha tinfetaħ għall-Istati Ewropej terzi b’mod partikolari fil-qafas tal-politika tat-tkabbir u tal-viċinat sabiex tinħoloq il-bażi neċessarja għall-bini tal-Ewropa lil hinn mill-interessi ekonomiċi jew ġeostrateġiċi.

    16.   fid-dawl tar-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tmexxija u l-appoġġ tal-patrimonju, jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni jkun jista’ jipparteċipa fil-proċess tas-selezzjoni finali fil-livell tal-Unjoni permezz tan-nomina ta’ membru fil-ġurija Ewropea hekk kif sar fil-Kapitali Ewropej tal-Kultura.

    17.   jirrakkomanda li fid-dawl tad-diversità bejn it-tipi differenti ta’ siti eliġibbli għaċ-ċertifikat għandu jkun hemm sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ siti monumentali, arkeoloġiċi, transnazzjonali u kontemporanji ċertifikati.

    18.   jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tibda minn issa tinforma lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-iżvilupp tal-implimentazzjoni tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni u kontroll tas-siti, b’mod partikolari il-linji gwida li jiddeterminaw il-proċeduri ta’ selezzjoni; jixtieq li jiġi infurmat ukoll dwar l-evalwazzjoni esterna u indipendenti tal-azzjoni relatata maċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew li ser issir mill-Kummissjoni Ewropea.

    19.   jissuġġerixxi li sabiex jiġi rispettat il-poter diskrezzjonali tal-ġurija Ewropea, kull Stat Membru jippreżenta tliet siti sabiex tinħoloq kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

    20.   jilqa’ b’mod favorevoli l-fatt li l-ġurija Ewropea ser tkun magħmula minn esperti indipendenti nominati mill-istituzzjonijiet Ewropej u b’mandat li jiġġedded perjodikament li jipparteċipaw fil-ħidma involuta u fis-selezzjoni finali tas-siti u r-rebbieħa.

    21.   jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ġenerali tal-iżvilupp sostenibbli fejn jidħlu l-konservazzjoni, il-ġestjoni tal-beni kulturali u n-netwerking bejn il-bliet li kull ċittadin għandu jkollu aċċess għalihom.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL EMENDA

    Emenda 1

    Artikolu 4

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-azzjoni għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Din il-parteċipazzjoni għandha tkun fuq bażi volontarja.

    L-azzjoni għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Din il-parteċipazzjoni għandha tkun fuq bażi volontarja.

    Raġuni:

    Jekk il-parteċipazzjoni tiġi estiża għall-pajjiżi terzi, il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali u l-pajjiżi qraba tal-UE, għandhom jissaħħu l-għanijiet ġenerali tal-azzjoni kulturali b’mod ġenerali u l-konservazzjoni tal-patrimonju b’mod partikolari fil-livell Ewropew.

    Emenda 2

    Artikolu 5

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kumplimentarjetà taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew ma’ inizjattivi oħrajn fil-qasam tal-wirt kulturali, bħal-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO u r-“Rotot Kulturali Ewropej” tal-Kunsill tal-Ewropa.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kumplimentarjetà taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew ma’ inizjattivi oħrajn fil-qasam tal-wirt kulturali, bħal-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO u r-“Rotot Kulturali Ewropej” tal-Kunsill tal-Ewropa. .

    Raġuni:

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiskoraġġixxu d-“duplikazzjoni tal-isforzi” li jdgħajfu l-valur miżjud tal-inizjattiva.

    Emenda 3

    Artikolu 7, punt 1, l-ewwel sentenza

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-kandidati għaċ-ċertifikat għandu jkollhom valur Ewropew simboliku u għandhom ikunu lagħbu rwol ewlieni fl-istorja u fit-tiswir tal-Unjoni Ewropea.

    Il-kandidati għaċ-ċertifikat għandu jkollhom valur Ewropew simboliku u għandhom ikunu lagħbu rwol ewlieni fl-istorja fit-tiswir tal- Ewropa.

    Raġuni:

    Din l-emenda ssegwi fuq dik ta’ qabilha biex it-test ikun inqas iffokat fuq l-Unjoni Ewropea u iktar fuq il-valuri tat-tiswir (nota: forsi fil-bqija tad-okument tuża tiswir minflok bini, għall-konsistenza?) tal-Ewropa.

    Emenda 4

    Artikolu 8, punt 2

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-bord Ewropew għandu jkun jikkonsisti minn 12-il membru. Erbgħa mill-membri għandhom jiġu nnominati mill-Parlament Ewropew, erbgħa mill-Kunsill u erbgħa mill-Kummissjoni. Il-bord għandu jaħtar il-president tiegħu.

    Il-bord Ewropew għandu jkun jikkonsisti minn 1-il membru. Erbgħa mill-membri għandhom jiġu nnominati mill-Parlament Ewropew, erbgħa mill-Kunsill, erbgħa mill-Kummissjoni . Il-bord għandu jaħtar il-president tiegħu.

    Raġuni:

    Il-kompożizzjoni tal-bord għandha tirrifletti l-fatt, hekk kif inhu l-każ tal-bord tal-azzjoni Kapitali Ewropej tal-Kultura, li t-Trattati jirrikonoxxu d-dimensjoni lokali u reġjonali tal-politika kulturali b’mod ġenerali u l-ħarsien tal-patrimonju. Vantaġġ addizzjonali tal-inklużjoni tal-KtR fil-bord huwa li b’hekk in-numru ta’ membri jiżdied għal numru farrad.

    Emenda 5

    Artikolu 8, punt 4

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-membri tal-bord Ewropew għandhom jiġu nnominati għal tliet snin. Permezz ta’ deroga, fl-ewwel sena li matulha tkun fis-seħħ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu nnominati erba’ esperti mill-Kummissjoni għal sena waħda, erbgħa mill-Parlament Ewropew għal sentejn u erbgħa mill-Kunsill għal tliet snin.

    Il-membri tal-bord Ewropew għandhom jiġu nnominati għal tliet snin. Permezz ta’ deroga, fl-ewwel sena li matulha tkun fis-seħħ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu nnominati erba’ esperti mill-Kummissjoni għal sena waħda, erbgħa mill-Parlament Ewropew għal sentejn u erbgħa mill-Kunsill għal tliet snin.

    Raġuni:

    Segwitu tal-emenda 4.

    Emenda 6

    Artikolu 10, punt 2

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jagħżel minn qabel sa massimu ta’ żewġ siti kull sena b’konformità mal-kalendarju fl-Anness. Il-proċedura tal-għażla mgħandhiex issir fis-snin iddedikati għall-proċedura tal-monitoraġġ.

    Kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jagħżel minn qabel siti kull sena b’konformità mal-kalendarju fl-Anness. Il-proċedura tal-għażla mgħandhiex issir fis-snin iddedikati għall-proċedura tal-monitoraġġ.

    Raġuni:

    Iż-żieda fin-numru ta’ siti li Stati Membri jkollu l-possibbiltà li jagħżel minn qabel tikkonforma mal-ispirtu tal-kompetittività li l-Kummissjoni Ewropea tixtieq toħloq bejn is-siti fil-livell tal-Unjoni iżda li l-mekkaniżmu ta’ selezzjoni previst imur kontra dan.

    Emenda 7

    Artikolu 11, punt 2

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-bord Ewropew għandu jevalwa l-applikazzjonijiet tas-siti magħżula minn qabel u għandu jagħżel sa massimu ta’ sit wieħed għal kull Stat Membru. Jekk ikun hemm bżonn, tista’ tintalab aktar informazzjoni u jistgħu jiġu organizzati żjarat fis-siti.

    Il-bord Ewropew għandu jevalwa l-applikazzjonijiet tas-siti magħżula minn qabel u għandu jagħżel sa massimu ta’ sit wieħed għal kull Stat Membru. Jekk ikun hemm bżonn, tista’ tintalab aktar informazzjoni u jistgħu jiġu organizzati żjarat fis-siti.

    Raġuni:

    Segwitu tal-emenda 6.

    Emenda 8

    Artikolu 13, punt 1

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni għandha tinnomina uffiċjalment lil dawk is-siti li sejrin jingħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew matul is-sena wara l-proċedura tal-għażla, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-bord Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Il-Kummissjoni għandha tinnomina uffiċjalment lil dawk is-siti li sejrin jingħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew matul is-sena wara l-proċedura tal-għażla, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-bord Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill .

    Raġuni:

    Id-dmir li jiġi infurmat il-KtR għandu valur miżjud ċar għall-promozzjoni taċ-ċertifikat u għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni.

    Emenda 9

    Artikolu 17, punt 2

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien sitt xhur minn meta jiġu ffinalizzati dawn l-evalwazzjonijiet.

    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill fi żmien sitt xhur minn meta jiġu ffinalizzati dawn l-evalwazzjonijiet.

    Raġuni:

    L-istess raġuni tal-emenda preċedenti.

    Brussell, 9 ta’ Ġunju 2010

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    Top