Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0424

Għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi * Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta’ Novembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (COM(2010)0372 – C7-0296/2010 – 2010/0220(NLE))

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 178–184 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 99/178


It-Tlieta 23 ta’ Novembru 2010
Għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi *

P7_TA(2010)0424

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (COM(2010)0372 – C7-0296/2010 – 2010/0220(NLE))

2012/C 99 E/45

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0372),

wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3(e)) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0296/2010),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0324/2010),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tadatta l-proposta tagħha skont dan;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal regolament

Kunsiderazzjoni 1

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 107(3)(e) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 107(3)(e) u l-Artikolu 109 tiegħu,

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 1

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010.

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010 u fin-nuqqas ta’ qafas leġiżlattiv ġdid li jippermetti ċerti tipi speċifiċi ta’ għajnuniet mill-istat għall-industrija tal-faħam, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuniet biss fil-limiti li dwarhom jiddisponu r-regoli ġenerali dwar l-għajnuniet mill-istat li japplikaw għas-setturi kollha .

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 1 a (ġdida)

 

(1a)

Il-faħam jintuża mhux biss bħala karburant iżda wkoll bħala materja prima għall-industrija kimika, rwol li se jikseb aktar importanza fil-futur.

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 1 b (ġdida)

 

(1b)

Il-kapaċità ta’ produzzjoni fl-industrija tal-minjieri tal-faħam tal-UE li tintilef minħabba għaleuq tal-minjieri se tkun ikkumpensata mill-importazzjoni ta’ faħam fl-Unjoni, bil-konsegwenza li jkunu pajjiżi terzi li jfornu l-faħam lill-Unjoni.

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 2

(2)

Il-kontribuzzjoni żgħira tal-faħam issussidjat lejn it-taħlita enerġetika ġenerali ma għadhiex tiġġustifika ż-żamma ta’ tali sussidji bil-għan li tkun żgurata l-provvista tal-enerġija fuq il-livell tal-Unjoni .

(2)

Il-kontribuzzjoni żgħira tal-faħam issussidjat lejn it-taħlita enerġetika ġenerali tal-UE tfisser li s-sussidji għall-estrazzjoni tal-faħam jistgħu jibbilanċjaw l-interruzzjonijiet li jista' jkun hemm fil-provvista tal-enerġija biss sa punt limitat . Madankollu, il-livell tal-għajnuna mill-istat fis-settur tal-faħam illum hija hekk baxxa li ma jistax ikollha effett distorsiv fuq il-kompetizzjoni. Minimu ta’ produzzjoni ta’ faħam fil-livell tal-Unjoni jżomm aċċess għal depożiti indiġeni fl-interessi tal-ħolqien ta’ riserva strateġika.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 2 a (ġdida)

 

(2a)

L-iskadenza tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 se ġġiegħel lil xi wħud mill-Istati Membri jagħlqu l-minjieri tal-faħam tagħhom mil-lum għall-għada u jġarrbu l-konsegwenzi soċjali u reġjonali kbar ta’ dan l-għeluq.

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 2 b (ġdida)

 

(2b)

Fid-dawl tal-impatt soċjoekonomiku estremament serju tal-għeluq tal-minjieri, b'mod partikolari fir-reġjuni bi ftit popolazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat appoġġ immirat mill-fondi strutturali tal-UE fil-baġits tal-ġejjieni, anki jekk ir-reġjuni milquta jkunu jinsabu fi Stati Membri bi problemi ekonomiċi anqas severi.

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 2 c (ġdida)

 

(2c)

Skont l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddeterminaw huma stess il-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom, li jagħżlu bejn riżorsi differenti tal-enerġija u li jiddeterminaw l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħhom.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Premessa 3

(3)

Il-politiki tal-Unjoni li jinkoraġġixxu enerġija rinnovabbli u l-użu ta’ karburant fossili b'inqas karbonju għall-ġenerazzjoni tal-enerġija ma jiġġustifikawx is-sostenn indefinit tal-minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi . Il-kategoriji ta’ għajnuna permessi mir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 għalhekk ma għandhomx jitkomplew indefinittivament .

(3)

F'dak li jirrigwarda l-politiki tal-Unjoni li jgħinu l-użu ta’ enerġija rinnovabbli u l-użu ta’ karburant fossili b'inqas karbonju għall-ġenerazzjoni tal-enerġija , l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan ta’ miżuri bil-għan li jtaffu l-impatt ambjentali tal-użu tal-faħam, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, tal-enerġija rinnovabbli jew fil-qbid u l-ħżin tal-karbonju . Dan japplika għal kull tip ta’ faħam u kull tip ta’ riżorsi. Għandu jkun rikonoxxut li s-sostituzzjoni tal-faħam sussidjat b'dak mhux sussidjat m'għandu l-ebda impatt benefiku fuq l-ambjent.

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 3 a (ġdida)

 

(3a)

Minħabba li s-sorsi tal-enerġija fl-Unjoni huma skarsi, l-appoġġ għall-industrija tal-minjieri tal-faħam huwa ġustifikat skont il-politika tal-Unjoni li tinkorġġixxi l-karburanti rinovabbli u dawk fossili b'anqas karbonju għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Il-kategoriji ta’ għajnuna permessi bir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 ma għandhomx jinżammu indefinittivament. Madanakollu, fi kwalunkwe każ, għandha tinżamm l-għajnuna mill-istat maħsuba biex tnaqqas l-effett ta’ tniġġis tal-faħam. Minjieri li jistgħu jkunu kompetittivi imma jibqgħu jirrikjedu għajnuna mill-istat għal investimenti tat-teknoloġija ambjentali wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 10 snin għandhom ikunu eżentati minnn tali qtugħ tas-sussidji.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 5

(5)

Mingħajr ħsara għar-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex itaffu l-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-għeluq ta’ dawk il-minjieri, jiġifieri l-istralċ ordnat tal-attivitajiet fil-kuntest ta’ pjan ta’ għeluq irrivokabbli u/jew il-finanzjament tal-kosti eċċezzjonali, partikolarment ir-responsabbiltajiet li jintirtu.

(5)

Mingħajr ħsara għar-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex itaffu l-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-għeluq possibbli ta’ dawk il-minjieri, jiġifieri l-istralċ ordnat tal-attivitajiet fil-kuntest ta’ pjan ta’ għeluq irrivokabbli u/jew il-finanzjament tal-kosti eċċezzjonali, partikolarment ir-responsabbiltajiet li jintirtu.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 5 a (ġdida)

 

(5a)

Għandu jinħaseb immedjatament għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema milquta mill-pjanijiet ta’ għeluq u għal dak il-għan għandhom jiġu esplorati l-possibilitajiet kollha ta’ finanzjament reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Premessa 5 b (ġdida)

 

(5b)

Se jeħtieġ li jissokta lil hinn mill-2014 l-finanzjament ta’ miżuri ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ kosts relatati mal-għeluq tal-minjieri fit-tul. Tmiem prematur tas-sussidji tal-Istati Membri lill-industrija tal-faħam iwassal għal tħarbit ekoloġiku u finanzjarju serju fir-reġjuni kkonċernati u fl-aħħar mill-aħħar jiġi jiswa ħafna aktar flus mit-tneħħija gradwali ta’ dawn is-sussidji.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 6

(6)

Dan ir-Regolament jimmarka t-tranżizzjoni tas-settur tal-faħam minn regoli speċifiċi għas-settur għar-regoli ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat li huma applikabbli għas-setturi kollha.

imħassar

Emenda 15

Proposta għal regolament

Premessa 7

(7)

Sabiex jimminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern li jirriżultaw minn għajnuna, tali għajnuna għandha tkun digressiva u strettament limitata għall-unitajiet ta’ produzzjoni li huma ppjanati għal għeluq irrevokabbli.

(7)

Sabiex ikunu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern li jirriżultaw minn għajnuna, tali għajnuna għandu jkollha xejra 'l isfel u għandha tkun limitata għall-unitajiet ta’ produzzjoni li huma ppjanati għal għeluq irrevokabbli , għajr fejn dawk l-unitajiet ikunu srau kompetittivi sad-data skedata għall-għeluq .

Emenda 16

Proposta għal regolament

Premessa 7 a (ġdida)

 

(7a)

Ir-riabilitazzjoni ta’ siti fejn qabel kien hemm minjieri tal-faħam tirrikjedi għadd ta’ miżuri bħalma huma t-tneħħija ta’ tagħmir minerarju mill-minjiera u li din tinġieb fi stat ta’ sikurezza, it-tindif tas-sit u t-tneħħija tal-ilma tal-iskart. il-finanzjament ta’ din ir-riabilitazzjoni jirrikjedi ppjanar fit-tul.

Emenda 17

Proposta għal regolament

Premessa 8

(8)

Sabiex jittaffa l-impatt ambjentali negattiv ta’ għajnuna għall-faħam, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan ta’ miżuri xierqa, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, enerġija rinnovabbli u l-ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

imħassar

Emenda 18

Proposta għal regolament

Premessa 8 a (ġdida)

 

(8a)

Livell minimu ta’ produzzjoni tal-faħam flimkien ma’ miżuri oħra, b'mod partikolari għall-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, se jgħinu biex tinżamm proporzjon ta’ sorsi primarji indiġeni tal-enerġija, li tista' tagħti spinta sinifikanti lis-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni. Barra minn hekk, proporzjon tas-sorsi primarji indiġeni se sservi wkoll biex tippromwovi miri ambjentali fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli. Fil-kuntest tal-ispinta tas-sorsi primarji indiġeni tal-enerġija fl-Unjoni biex tiġi kontrobilanċjata id-dipendenza sinfikanti tagħha fuq l-importazzjoni, għandha tkun ikkunsidrata l-kompletazzjoni tas-sorsi indiġeni mhux fossili b'sorsi fossili, u l-faħam huwa l-uniku sors tal-enerġija fossili f'xi Stati Membri.

Emenda 19

Proposta għal regolament

Premessa 8 b (ġdida)

 

(8b)

Fin-netwerks ta’ impjanti għall-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam, il-faħam indiġenu x'aktarx li jiġi ssostitwit b'faħam impurtat, u b'hekk kosts sostanzjali ta’ trasport u impatt negattiv tal-karbonju bla ma jinbidel fir-realtà l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mill-produzzjoni tal-elettriku.

Emenda 20

Proposta għal regolament

Premessa 8 c (ġdida)

 

(8c)

F'termini tal-ġeoloġija, il-kundizzjonijiet għall-estrazzjoni tal-faħam ivarjaw skont is-sit, u f'termini tal-istandards soċjali, ta’ sikurezza u ambjentali (relatati maċ-ċediment tal-artijiet u danni ambjentali oħra) li jiddependu miċ-ċirkustanzi politiċi. L-effett ta’ dawn il-varjazzjonijiet iwassal għal żvantaġġi kompetittivi, b'mod partikolari bejn l-Unjoni u l-faħam importat, li wasslu gal miżuri sostanzjali ta’ ristrutturar fl-industrija tal-faħam tal-Unjoni li ġab miegħu tnaqqis maġġuri tal-attività f'dawn l-aħħar għexieren ta’ snin.

Emenda 21

Proposta għal regolament

Premessa 8 d (ġdida)

 

(8d)

Livell minimu ta’ produzzjoni ta’ faħam issussidjat se jgħin ukoll biex tinżamm il-posizzjoni prominenti tas-settur minerarju tal-Unjoni u tat-teknoloġija għal faħam nadif, b'tali mod li dik it-teknoloġija, b'mod partikolari, tista' tiġi ttrasferita lejn l-inħawi prinċipali li jipproduċu l-faħam f'pajjiżi terzi u b'hekk tagħti kontribut għal tnaqqis dinji sinifikanti fl-emissjonijiet niġġiesa u tal-gassijiet serra..

Emenda 22

Proposta għal regolament

Premessa 8 e (ġdida)

 

(8e)

Fil-preżent l-użu prinċipali tal-faħam fl-Unjoni huwa għall-produzzjoni tal-enerġija u, f'livell anqas, għall-produzzjoni ta’ faħam kokk għall-azzar. Għal raġunijiet ambjentali, il-produzzjoni tal-enerġija mill-faħam għandha tieqaf mill-aktar fis possibbli biex inflokha tidħol iol-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija. Fl-industrija tal-azzar, madankollu, il-faħam x'aktarx li jibqa; indispensabbli fil-ġejjieni prevedibbli. Fid-dawl tat-tnaqqis fir-riżorsi taż-żejt (“peak oil”) il-faħam x'aktarx se jikseb importanza dejjem ikbar bħala materja prima ta’ sostitut għall-industrija kimika. Fit-tul, għaldaqstant, m'għandux jiġi eskluż l-issuktar tal-aċċess għad-depożiti tal-faħam tal-Unjoni bil-għan li jinżamm, għal raġunijiet tekniċi, livell minimu ta’ produzzjoni tal-faħam li ma jikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk tali ssuktar tal-aċċess ikun jeħtieġ perjodu twil ta’ għajnuna mill-istat.

Emenda 32

Proposta għal regolament

Premessa 9 a (ġdida)

 

(9a)

L-impriżi, f'konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u l-ħtieġa tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, għandhom ikunu obbligati li jkopru l-ispejjeż tar-rimedjar ta’ kwalunkwe ħsara ambjentali ta’ żmien qasir u/jew fit-tul ikkawżata mill-attivitajiet tagħhom.

Emenda 23

Proposta għal regolament

Premessa 10

(10)

Fit-twettiq tal-kompitu tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni jiġu stabbiliti, miżmuma u mħarsa. Fir-rigward ta’ iktar għajnuna lill-industrija tal-faħam, speċjalment għas-suq tal-elettriċità, din ma għandhiex tkun tali li taffetwa lilll-produtturi tal-enerġija fl-għażla tas-sorsi primarji ta’ provvista ta’ enerġija. Konsegwentament, il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-faħam għandhom ikunu maqbula liberament bejn il-partijiet kontraenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq dinji.

(10)

Fit-twettiq tal-kompitu tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni jiġu stabbiliti, miżmuma u mħarsa. Fir-rigward ta’ iktar għajnuna lill-industrija tal-faħam, speċjalment għas-suq tal-elettriċità, din ma għandhiex tkun tali li taffetwa lilll-produtturi tal-enerġija fl-għażla tas-sorsi primarji ta’ provvista ta’ enerġija. Konsegwentament, il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-faħam għandhom ikunu maqbula liberament bejn il-partijiet kontraenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq dinji. Fid-dawl taż-żieda prevedibbli fil-prezzijiet tal-enerġija, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżamni regolari tal-kontribut potenzjali tal-faħam tal-Unjoni għas-sigurtà tal-enerġija.

Emenda 24

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2

2.   L-għajnuna għandha tkopri biss kosti dwar faħam għall-produzzjoni tal-elettriċità, il-produzzjoni tas-sħana u l-elettriċità flimkien, il-produzzjoni tal-kokk u l-karburazzjoni tal-kalkari tal-blast fl-industrija tal-azzar, fejn tali użu jseħħ fl-Unjoni,

2.   L-għajnuna għandha tkopri kosti dwar faħam għall-produzzjoni tal-elettriċità, il-produzzjoni tas-sħana u l-elettriċità flimkien, il-produzzjoni tal-kokk, il-karburazzjoni tal-kalkari tal-blast fl-industrija tal-azzar u r-riċerka u l-investiment f'teknoloġiji mfassla biex inaqqsu l-emissjonijiet niġġiesa mill-faħam, fejn tali użu jseħħ fl-Unjoni.

Emenda 25

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a

(a)

l-operazzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati trid tkun tagħmel parti minn pjan ta’ għeluq li l-iskadenza tiegħu ma taqbiżx l-1 ta’ Ottubru 2014 ;

(a)

l-operazzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati trid tkun tagħmel parti minn pjan ta’ għeluq li l-iskadenza tiegħu ma taqbiżx il-31 ta’ Diċembru 2018 ;

Emenda 26

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt b

(b)

l-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati jridu jingħalqu definittivament skont il-pjan ta’ għeluq;

(b)

l-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati jridu jingħalqu definittivament skont il-pjan ta’ għeluq, sakemm ma jkunux saru kompetittivi sad-data stipulata f'dak il-pjan u sakemm il-ħtiġijiet tal-enerġija tal-Unjoni ma jirrikejdux l-isuktar tal-eżistenza tagħhom ;

Emenda 37

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt f

(f)

l-ammont globali tal-għajnuna għall-għeluq mogħtija minn Stat Membru għal kwalunkwe impriża partikolari jrid isegwi xejra 'l isfel , fejn it-tnaqqis bejn il-perjodi suċċessivi ta’ ħmistax-il xaħar ma jridx ikun inqas minn 33 fil-mija tal-għajnuna pprovduta fil-perjodu inizjali ta’ ħmistax-il xaħar tal-pjan ta’ għeluq ;

(f)

l-ammont globali tal-għajnuna għall-għeluq mogħtija minn Stat Membru jrid isegwi xejra 'l isfel;

Emenda 28

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt h

(h)

l-Istat Membru għandu jipprovdi pjan biex jieħu miżuri bil-għan li jittaffa l-impatt ambjentali tal-użu tal-faħam, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, enerġija rinnovabbli u l-ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju. L-inklużjoni ta’ miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) f'tali pjan hija mingħajr ħsara għall-obbligi ta’ notifika u ta’ waqfien imposti fuq l-Istat Membru permezz tal-Artikolu 108(3) TFUE fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, u għal kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq intern.“

imħassar

Emenda 29

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 2

2.   Jekk l-unitajiet ta’ produzzjoni li għalihom tingħata l-għajnuna skont il-paragrafu 1 ma jingħalqux fid-data stabbilita fil-pjanijiet ta’ għeluq awtorizzati mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija għall-perjodu kollu kopert mill-pjan ta’ għeluq.

2.   Jekk l-unitajiet ta’ produzzjoni li għalihom tingħata l-għajnuna skont il-paragrafu 1 ma jingħalqux fid-data stabbilita fil-pjanijiet ta’ għeluq awtorizzati mill-Kummissjoni jew ma jkunux saru kompetittivi sa dik id-data , l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija għall-perjodu kollu kopert mill-pjan ta’ għeluq.


Top