Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0383

    L-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal- 21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi (COM(2005)0661 – C7-0048/2010 – 2005/0254(COD))
    P7_TC1-COD(2005)0254 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil- 21 ta’ Ottubru 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi
    ANNESS

    ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 211–220 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 70/211


    Il-Ħamis 21 ta’ Ottubru 2010
    L-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi ***I

    P7_TA(2010)0383

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi (COM(2005)0661 – C7-0048/2010 – 2005/0254(COD))

    2012/C 70 E/33

    (Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (KUMM(2005)0661),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bl-isem “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (KUMM(2009)0665),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0048/2010),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0273/2010),

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

    2.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


    Il-Ħamis 21 ta’ Ottubru 2010
    P7_TC1-COD(2005)0254

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta’ Ottubru 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea m'għandhiex dispożizzjonijiet armonizzati jew prattika uniformi dwar l-immarkar tal-oriġini fl-Unjoni, ħlief għal ċerti każijiet speċifiċi fis-settur agrikolu.

    (2)

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti industrijali importati, esklużi prodotti tas-sajd u akwakultura kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta'Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti tas-sajd u l-akwakultura (2), u esklużi wkoll il-prodotti ta’ l-ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari u li jistipula l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (3).

    (3)

    Illum ħafna kumpaniji fl-Unjoni diġà jużaw b'mod volontarju l-marka tal-oriġini.

    (4)

    L-assenza ta’ regoli tal-Unjoni u d-differenzi bejn is-sistemi fis-seħħ fl-Istati Membri, rigward l-indikazzjoni ta’ ċerti prodotti dwar il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, wasslet għal sitwazzjoni fejn f'għadd ta’ setturi, parti ewlenija tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi u distribwiti fi ħdan is-suq tal-Unjoni jinsabu mingħajr l-ebda tagħrif jew li għandhom tagħrif qarrieqi rigward il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom. Dawn id-differenzi qed iwasslu wkoll għal sitwazzjoni fejn it-traffiku ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi qed juri t-tendenza li jmur lejn punti ta’ dħul partikulari tal-Unjoni li jaqblu l-aktar għall-pajjiż tal-esportazzjoni.

    (5)

    Ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni mal-partijiet interessati ġenerali (li inkludew l-industrija, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, it-trejdjunjins) dwar l-iżvilupp possibbli ta’ Regolament tal-Unjoni dwar il-marka tal-oriġini jindikaw li l-perċezzjoni tal-konsumaturi Ewropej tar-relevanza tal-marka tal-oriġini sabiex tgħarrafhom dwar sikurezza u kwistjonijiet soċjali u ambjentali hija ġeneralment għolja.

    (6)

    Ir-regolamentazzjoni tal-Unjoni dwar il-marki tal-oriġini tinħass miċ-ċittadini Ewropej li hi marbuta mill-qrib mal-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tagħhom.

    (7)

    Fl-Aġenda ta’ Lisbona, l-UE stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv tat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Unjoni permezz, inter alia, tat-titjib tal-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni fl-ekonomija dinjija u l-istrateġija UE 2020 hija impenjata li tibni fuq din il-ħtieġa li titjieb il-kompetittività; għal ċerti kategoriji ta’ prodotti ta’ konsum, il-kompetittività taf tinstab fil-fatt li l-produzzjoni tagħhom fl-UE hija assoċjata ma’ reputazzjoni ta’ kwalità u ta’ standards ta’ produzzjoni għoljin.

    (8)

    Regoli tal-Unjoni dwar il-marki tal-oriġini isaħħu l-kompetittività tal-kumpaniji tal-Unjoni u tal-ekonomija tal-Unjoni b'mod ġenerali billi ċ-ċittadini u l-konsumaturi jkunu jistgħu jaslu biex jagħżlu b'mod mgħarraf.

    (9)

    Is-sinifikat ekonomiku tal-marka ta’ l-oriġini għad-deċiżjoni tal-konsumatur u għall-kummerċ huwa rikonoxxut mill-prassi ta’ sħab kummerċjali ewlenin oħrajn li daħħlu r-rekwiżiti obbligatorji tal-marka ta’ l-oriġini. L-esportaturi fl-Unjoni jridu jkunu konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti u għandhom jimmarkaw l-oriġini fuq il-prodotti li jixtiequ jesportaw lil dawn is-swieq.

    (10)

    Kien hemm bosta każijiet ta’ inċidenti dwar is-saħħa u s-sikurezza li rriżultaw minn prodotti importati fl-UE minn pajjiżi terzi. Indikazzjoni ċara tal-oriġini tagħti liċ-ċittadini tal-UE aktar tagħrif u aktar kontroll fuq l-għażliet tagħhom, u b'hekk toffrilhom protezzjoni milli jixtru bla ma jkunu jafu prodotti ta’ kwalità possibilment dubjuża.

    (11)

    L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jagħmlu verifiki u kontrolli fil-fruntieri dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ proċedura armonizzata unika biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

    (12)

    Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament ikun effettiv u jimponi biss piżijiet amministrattivi ħfief filwaqt li jagħti flessibilità massima lill-kumpaniji tal-Unjoni, huwa għandu jkun f'konformità ma’ skemi eżistenti “Made in” fid-dinja kollha.

    (13)

    L-Unjoni għandha titqiegħed fuq termini indaqs ma’ l-imsieħba kummerċjali billi jħejju leġiżlazzjoni ekwivalenti li tkun tista' tikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni ta’ klejms ta’ l-origini foloz jew qarrieqa ta’ ċerti prodotti importati.

    (14)

    Skond id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li tikkonċerna prassi kummerċjali inġusta bejn in-negozji u l-konsumaturi fis-suq intern (4), il-konsumaturi jistgħu jorbtu valur kummerċjali mat-tagħrif dwar l-oriġini ġeografika ta’ prodott. Skond dik id-Direttiva, fejn tagħrif falz jew qarrieqi dwar l-oriġini ġeografika jwassal biex konsumatur jixtri prodott li ma kienx bi ħsiebu jixtri, dan jista' jikkostitwixxi prassi kummerċjali inġusta. Dik id-Direttiva ma tagħtix mandat li t-tagħrif dwar l-oriġini ġeografika tal-merkanzija għandu jkun ipprovdut, u lanqas ma tiddefinixxi l-kunċett ta’ oriġini.

    (15)

    Skema tal-marka tal-oriġini tippermetti li ċ-ċittadini jidentifikaw prodotti bl-istandards soċjali, ambjentali u ta’ sikurezza ġeneralment assoċjati mal-pajjiż tal-oriġini.

    (16)

    Il-ħolqien ta’ definizzjoni komuni ta’ l-oriġini għall-għanijiet ta’ mmarkar, ta’ regoli ta’ l-immarkar, u ta’ regoli komuni dwar kontrolli għandu għalhekk joħloq bilanċ ġust, jiffaċilita l-għażla għall-konsumatur fis-setturi koperti, u jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-livelli ta’ klejms qarrieqa dwar l-oriġini.

    (17)

    It-tnedija ta’ marka ta’ l-oriġini tista tikkontribwixxi biex l-istandards esiġenti tal-Unjoni jaħdmu favur l-industrija tal-Unjoni, speċjalment l-intrapriżi zgħar u ta’ daqs medju li ta’ sikwit jagħmlu sforz ġenwin fir-rigward tal-kwalità tal-prodotti tagħhom u jżommu wkoll xogħlijiet u metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali u tas-snajja, iżda li huma esposti ħafna għall-kompetizzjoni globali li ma għandhiex regoli biex tkun tista' ssir distinzjoni bejn il-metodi ta’ produzzjoni . Għandha tgħin ukoll biex tħares ir-reputazzjoni ta’ l-industrija tal-Unjoni milli tiċċappas bi klejms ta’ oriġini mhux eżatti. Titjib fit-trasparenza kif ukoll tagħrif lill-konsumatur dwar l-oriġini tal-prodotti għandhom għalhekk jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ l-aġenda ta’ Liżbona u għal- dawk tal-Istrateġija UE 2020 .

    (18)

    L-Artikolu IX tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 jistipula li l-membri tad-WTO jistgħu jadottaw u jinfurzaw liġijiet u regolamenti li għandhom x'jaqsmu mal-marka ta’ l-oriġini ta’ l-importazzjonijiet, notevolment biex iħarsu lill-konsumaturi kontra indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa.

    (19)

    Ir-regoli dwar il-marki tal-oriġini jipprovdu wkoll ħarsien effettiv kontra l-falsifikazzjoni u l-kompetizzjoni żleali, u jtejbu l-effettività tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinstab li tkun kisret dawk id-drittijiet (5) filwaqt li jipprovdu strument importanti ieħor għall-ħarsien u t-titjib tal-produzzjoni tal-Unjoni.

    (20)

    Taħt il-Ftehimiet bejn il-Komunità tal-Unjoni u ▐ u t-Turkija, u l-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa meħtieġ li jiġu esklużi l-prodotti li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi mill-ambitu tar-Regolament attwali.

    (21)

    Il-regoli ta’ l-oriġini mhux preferenzjali tal-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (6) u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (7). Ikun aħjar li wieħed joqgħod fuq dawn ir-regoli ta’ l-oriġini biex jiddetermina l-oriġini tal-merkanzija importata għall-għan ta’ dan ir-regolament. L-użu ta’ kunċett li miegħu l-operaturi u l-amministraturi kummerċjali huma familjari sew għandu jiffaċilita aktar l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu. Ir-regoli ta’ l-oriġini mhux preferenzjali għandhom jiġu applikati għall-għanijiet kollha ta’ politika kummerċjali mhux preferenzjali. Id-duplikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u dokumentazzjoni għandha tiġi evitata.

    (22)

    Sabiex il-piż fuq l-industrija, l-kummerċ u l-amministrazzjoni jkun limitat, l-immarkar ta’ l-oriġini għandu jsir obbligatorju għal dawk is-setturi li għalihom il-Kummissjoni, fil-każijiet ta’ konsultazzjoni li saret qabel, sabet li kien hemm il-valur miżjud. ▐ Għandha ▐ tingħata attenzjoni għall-eżenzjoni ta’ prodotti speċifiċi għal raġunijiet tekniċi ▐ jew fejn il-marka ta’ l-oriġini mhijiex għaldaqstant meħtieġa għall-għan ta’ dan ir-Regolament. Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari fejn il-marka ta’ l-oriġini tista tħassar il-prodotti kkonċernati, jew fil-każ ta’ ċerti materji prima.

    (23)

    Għandha tingħata attenzjoni li d-data dwar l-oriġini tal-prodotti iġġenerata u/jew ivverifikata matul il-kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti tista' tiġi skambjata, inkluż ma’ l-awtoritajiet u ma’ persuni u organizzazzjonijiet oħrajn, li għalihom l-Istati Membri jipprevedu rwol ta’ infurzar skond id-Direttiva 2005/29/KE. Għandhom jitqiesu l-ħarsien tad-data personali, is-segretezza kummerċjali u industrijali, u l-kunfidenzjalità professjonali u amministrattiva.

    (24)

    Skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu stabbiliti minn qabel permezz ta’ regolament adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri implementattivi konferiti fuq il-Kummisjoni jibqgħu japplikaw, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju li mhix applikabbli  (8).

    (25)

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tiddetermina l-każijiet fejn il-marka fuq il-pakkett tista' tiġi aċċettata minflok marka fuq il-prodott innifsu, jew fejn il-prodotti ma jkunux jistgħu jew ma jkunx hemm għalfejn jiġu mmarkati minħabba raġunijiet tekniċi, kif ukoll miżuri biex tiddetermina regoli oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa meta jinstab li prodott ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament jew biex taġġorna l-Anness tiegħu meta tinbidel il-valutazzjoni fir-rigward tal-ħtieġa tal-marka tal-oriġini għal settur speċifiku.

    (26)

    Oġġetti fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi għall-użu personali għandhom jiġu eżentati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-limiti stipulati fir-rigward ta’ eżenzjoni mid-dazju doganali, u jekk ma hemmx indikazzjonijiet li juru li l-oġġetti huma parti mit-traffiku kummerċjali. Għandha tingħata attenzjoni li s-sitwazzjonijiet l-oħrajn koperti wkoll mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali (verżjoni kodifikata) (9) jistgħu ukoll jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti għall-konsumatur aħħari għajr għas-sajd u l-prodotti ta’ akwakultura kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000, u għal prodotti ta’ l-ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

    2.    Il-prodotti għall-konsumatur aħħari li jeħtieġu l-marka huma dawk destinati għall-konsumatur aħħari u li huma imniżżla fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, u dawk importati minn pajjiżi terzi, għajr prodotti li joriġinaw fit-Territorju tal-Unjoni , fit-Turkija, u fil-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim taż-ŻEE.

    Il-prodotti għall-konsumatur aħħari jistgħu jiġu eżentati mill-marka ta’ l-oriġini, meta, għal raġunijiet tekniċi ▐, jidher li jkun impossibbli li jiġu mmarkati.

    Il-prodotti li għalihom għandu japplika dan ir-Regolament huma limitati għal prodotti għall-konsumatur aħħari. L-ambitu ta’ dan ir-Regolament jista' jiġi estiż mill-Kummissjoni, suġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    “Prodotti għall-konsumatur aħħari” tfisser, fir-rigward tat-tessuti u oġġetti tat-tessuti (kapitoli 50 sa 63), tax-xedd tas-saqajn, gettijiet u bħalhom (kapitolu 64), tal-oġġetti tal-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ u oġġetti oħra tal-fer, fer artifiċjali u oġġetti magħmula minnu (kodiċijiet NM 4303/4304), tal-affarijiet tal-ġilda maħduma jew mhijiex, oġġetti ta’ sarraġ u xedd, oġġetti għas-safar, boroż tal-idejn u kontenituri simili, oġġetti tal-korda tal-musrana (għajr tad-dudu tal-ħarir) (kodiċijiet NM 4104 41 / 4104 49 / 4105 30 / 4106 22/ 4106 32 / 4106 40 / 4106 92 / minn 4107 sa 4114 / 4302 13 / ex 4302 19 (35, 80)), il-prodott lest u/jew il-prodott semi-pproċessat li għandu jkun sottopost għal fażijiet ta’ pproċessar ulterjuri fl-Unjoni qabel ma jitqiegħed fis-suq.

    3.   It-termini “oriġini” u “li joriġinaw” għandhom jirreferu għall-oriġini mhux preferenzjali skond l-Artikoli 22 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

    4.   “It-tqegħid fuq is-suq” għandu jfisser tagħmel disponibbli fis-suq Komunitarju prodott individwali intenzjonat għall-użu aħħari, bil-ħsieb ta’ tqassim u/jew użu, sew jekk bi ħlas jew mingħajr.

    5.   “Awtoritajiet kompetenti” għandha tfisser l-awtoritajiet involuti fil-kontroll tal-prodotti jew fil-waqt ta’ l-importazzjoni jew meta dawn it-tali prodotti jitpoġġew fuq is-suq.

    6.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal prodotti ta’ natura mhux kummerċjali li jinstabu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi fi ħdan il-limiti stipulati fir-rigward ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali, u kemm-il darba ma jkunx hemm indikazzjonijiet materjali li jissuġġerixxu li l-prodotti huma parti mit-traffiku kummerċjali.

    Fejn il-merkanzija importata tingħata eżenzjoni mid-dazji ta’ l-importazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1186/2009, u ma hemm l-ebda indikazzjonijiet materjali li jissuġġerixxu li l-merkanzija hija parti mit-traffiku kummerċjali, din il-merkanzija għandha wkoll tiġi eskluża mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

    7.     Dan ir-Regolament għandu jkun konformi mal-iskemi “Made in” diġà eżistenti fid-dinja kollha biex tiġi żgurata regolamentazzjoni effettiva b'piżijiet amministrattivi ħfief u aktar flessibilità għall-kumpaniji tal-Unjoni.

    Artikolu 2

    L-importazzjoni jew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti għandha tkun suġġetta għall-marka ta’ l-oriġini taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    1.   Il-pajjiż ta’ l-oriġini għandu jiġi mmarkat fuq dawn il-prodotti. Fil-każ fejn il-prodotti huma ppakkeġġjati, il-marka għandha wkoll tkun indikata separatament fuq il-pakkett.

    Il-Kummissjoni tista' tadotta permezz ta’ atti delegati, miżuri biex tiddetermina każijiet fejn il-marka fuq il-pakkett għandha tiġi aċċettata minflok ma ssir marka fuq il-merkanzija nnifisha. Dan għandu, b'mod partikolari, ikun il-każ meta l-merkanzija normalment tilħaq il-konsumatur finali jew l-utenti meta tkun ippakkeġġata bħas-soltu. Miżuri bħal dawn u kull reviżjoni tagħhom għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 7.

    2.   Il-kliem “magħmula fi” flimkien ma’ l-isem tal-pajjiż ta’ l-oriġini għandu jndika l-oriġini tal-merkanzija. Il-marka tista tiġi indikata fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tinftiehem faċilment mill-klijent finali fl-Istat Membru li fih il-merkanzija se titpoġġa fuq is-suq jew bl-Ingliż, bl-użu tal-kliem “Made in” u l-isem bl-Ingliż tal-pajjiż tal-oriġini.

    3.   Il-marka ta’ l-oriġini għandha tidher f'karattri ċari li jinqraw u li ma jitħassrux, għandha tkun tidher waqt il-maniġġ normali, distinta b'mod ċar minn tagħrif ieħor, u tkun preżenti b'tali mod li ma jkunx qarrieqi jew li jista' joħloq impressjoni falza rigward l-oriġini tal-prodott.

    Il-marka ma tistax issir b'ittri differenti minn dawk tal-alfabett Latin fil-każ ta’ prodotti kummerċjalizzati f'pajjiżi fejn il-lingwa tinkiteb b'dak l-alfabett.

    4.   Il-merkanzija għandu jkollha l-marka mitluba ma’ l-importazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda skond l-Artikolu 5 (3), il-marka ma tistax titneħħa jew tiġi mbagħbsa sakemm il-merkanzija tkun inbiegħet lill-konsumatur jew lill-utent finali.

    Artikolu 4

    1.    Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2), b'mod partikolari, biex:

    tidditermina il-forma fid-dettal u l-modalitajiet tal-marka ta’ l-oriġini;

    tistabbilixxi lista ta’ termini fil-lingwi kollha tal-Unjoni ewropea li jesprimu b'mod ċar il-ħsieb li l-merkanzija toriġina fil-pajjiż indikat fuq il-marka;

    tiddetermina l-każijiet fejn taqsiriet użati ta’ spiss jindikaw b'mod li ma jistax iwassal għal żbalji il-pajjiż ta’ l-oriġini u jistgħu jintużaw għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

    2.     Il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz ta’ atti delegati, miżuri biex:

    tiddetermina l-każijiet fejn il-merkanzija ma tistax jew m'għandhiex għalfejn tiġi mmarkata għal raġunijiet tekniċi ▐;

    tiddetermina regoli oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa meta l-merkanzija tinstab li ma tkunx konformi ma’ dan ir-regolament;

    taġġorna l-Anness ta’ dan ir-Regolament fejn l-evalwazzjoni inbidlet rigward jekk il-marka ta’ l-oriġini hijiex meħtieġa għal settur speċifiku.

    Miżuri bħal dawn u kull reviżjoni tagħhom għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 7.

    Artikolu 5

    1.   Il-merkanzija mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament, jekk:

    m'għandhiex marka ta’ l-oriġini;

    il-marka ta’ l-oriġini ma tikkorrispondix ma’ l-oriġini tal-merkanzija;

    il-marka ta’ l-oriġini tbiddlet jew tneħħiet, jew ġiet imbagħbsa, għajr fejn kienet meħtieġa l-korrezzjoni skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta aktar miżuri ta’ implimentazzjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2) rigward dikjarazzjonijiet u dokumenti rilevanti li jistgħu jitqiesu li huma konformi mar-Regolament preżenti.

    3.     Il-Kummissjoni għandha tipproponi standards minimi komuni għall-pieni applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi tal-istandards minimi komuni proposti mill-Kummissjoni, u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Il-penali li hemm provvediment dwarhom għandhom ikunu effettivi, propozjonati u disswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikaw dan mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li taffetwahom. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għall-inqas ikun hemm livell minimu ta’ armonizzazzjoni għas-sistemi ta’ pieni fl-Istati Membri biex id-diskrepanzi ma jwasslux biex l-esportaturi ta’ pajjiżi terzi jippreferu punti ta’ dħul fl-Unjoni iktar minn oħrajn.

    5.   Fejn il-merkanzija mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom flimkien ma’ dan, jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jitolbu lil sid il-merkanzija jew lil kull persuna oħra responsabbli għaliha li jimmarka din il-merkanzija skond ir-Regolament u għall-ispiża tiegħu/tagħha. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard … (10), u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

    6.   Fejn meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiskambjaw id-data riċevuta meta jikkontrollaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż ma’ l-awtoritajiet u ma’ persuni oħra jew ma’ organizzazzjonijiet li ġew mogħtija s-setgħa mill-Istati Membri skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/29/KE.

    Artikolu 6

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Marka ta’ l-Oriġini (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”). Dan il-kumitat għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-industriji u tal-assoċjazzjonijiet rilevanti.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

    Artikolu 7

    L-eżerċizzju tad-delega

    1.     Is-setgħat tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 3 u 4(2) għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.     Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    3.     Is-setgħat għall-adozzjoni ta’ atti delegati li jingħataw lill-Kummissjoni jkunu suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9.

    Artikolu 8

    Revoka tad-delega

    1.     Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 3 u 4(2) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

    2.     L-istituzzjoni li tibda proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk hijiex bi ħsiebha tirrevoka d-delega ta’ setgħa għandha tfittex li tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni aħħarija, filwaqt li tindika s-setgħat iddelegati li jistgħu jkunu soġġetti għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

    3.     Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett minnufih jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m'għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artkolu 9

    Oġġezzjonijiet għal atti delegati

    1.     Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika.

    Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn.

    2.     Jekk, meta jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data msemmija fih.

    L-att iddelegat jista' jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

    3.     Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan m'għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.

    Artikolu 10

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 2, 3 u 5 għandhom japplikaw għal 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni tista' testendi dan il-perjodu għaż-żmien meħtieġ għall-operaturi biex ipoġġu fil-prattika ir-rekwiżiti tal-marka ta’ l-oriġini stipulati mid-dispożizzijonijiet ta’ implimentazzjoni, li fl-ebda każ m'għandu jkun inqas minn sitt xhur.

    Sa mhux aktar tard minn … (11) il-Kummissjoni għandha tagħmel studju dwar l-effetti ta’ dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament jiskadi … (12). Sena qabel jiskadi, u abbażi ta’ proposta imressqa mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu jekk jestenduhx jew le.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010.

    (2)  ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

    (3)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

    (5)   ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7.

    (6)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

    (7)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

    (8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (9)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.

    (10)   Disa' xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (11)   Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (12)   Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Il-Ħamis 21 ta’ Ottubru 2010
    ANNESS

    Il-prodotti li għalihom ghandu japplika dan ir-Regolament huma ddefiniti bil-kodiċi tan-NM tagħhom.

    Kodiċi tan-NM

    Deskrizzjoni

    4011 92 00

    Tajers tal-lastiku ġodda, tat-tip użat għall-vetturi u inġenji agrikoli u forestali (minbarra dawk b'disinn ta’ xewka tal-ħut jew simili)

    4013 90 00

    Tubi interni tal-lastiku (barra dawk li jintużaw fil-karozzi, fosthom station wagons u karozzi tat-tlielaq, xarabanks, trakkijiet u roti)

    4104 41 / 4104 49 / 4105 30 / 4106 22 / 4106 32 / 4106 40 / 4106 92 / 4107 to 4114 / 4302 13 / ex 4302 19 (35, 80)

    Qoxra u Ġilda Maħduma Lesta

    4008 21 / 4008 11 / 4005 99 / 4204 / 4302 30 (25, 31)

    8308 10(00) / 8308 90(00) / 9401 90 / 9403 90

    Tkaken, Qigħan, Żagarelli, Partijiet, sintetiċi, oħrajn

    4201 / 4202 / 4203 / 4204/ 4205 / 4206

    Oġġetti ta’ sarraġ u xedd, oġġetti għas-safar, boroż ta’ l-idejn u kontenituri simili, oġġetti tal-korda tal-musrana (għajr musrana tad-dudu tal-ħarir)

    4303 / 4304

    Oġġetti ta’ l-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ u oġġetti oħra tal-fer, fer artifiċjali u oġġetti magħmula minnu

    Ch 50 - 63

    Tessuti u oġġetti tat-tessuti

    6401 / 6402 / 6403 / 6404 / 6405 / 6406

    Xedd tas-saqajn, gettijiet u bħalhom

    6904 / 6905 / 6907 / 6908 / 6911 / 6912 / 6913 / 6914 90 100

    Prodotti taċ-ċeramika

    7013 21 11 / 7013 21 19 / 7013 21 91 / 7013 21 99 / 7013 22 10 / 7013 31 10 / 7013 31 90 / 7013 91 10 / 7013 91 90

    Oġġetti tal-ħġieġ ta’ tip użati għall-mejda, kċina, twaletta, uffiċċju, tiżjin ta’ ġewwa jew għanijiet simili (għajr dawk ta’ titolu 7010 jew 7018) ta’ kristall taċ-ċomb maħdumin bl-idejn

    7113/7114/7115/7116

    Oġġetti ta’ ġojjelli u bċejjeċ tagħhom, ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż, Oġġetti ta’ arġentiera jew ta’ min jaħdem il-fidda u bċejjeċ tagħhom, ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż, Oġġetti oħra ta’ metall prezzjuż miksi b’metall prezzjuż, Oġġetti ta’ perli naturali jew kultivati, ħaġar prezzjuż jew semi-prezzjuż (naturali, artifiċjali jew rikostrutt)

    7318

    Viti, boltijiet, skorfini, coach screws (viti b’ras eżagonali biex jiddawwru bi spanner), ganċijiet bil-kamin, rivits, kavilji, ċavi, woxers (inklużi woxers molla) u oġġetti simili, ta’ ħadid jew azzar

    8201/ 8202/ 8203/ 8205/ 8207/ 8208/ 8209/ 8211/ 8212/ 8213/ 8214/ 8215

    Għodod, strumenti

    8302 20 00

    Castors bl-immuntar ta’ metall bażiku;

    8481

    Viti, cocks, valvi u tagħmir simili għal pajpijiet, qxur ta’ kaldaruni, tankijiet, btieti jew bħalhom, inklużi valvi biex inaqqsu l-pressa u valvi kkontrollatti b’mod termostatiku

    9307

    Xwabel, xablotti, bajonetti, lanez u armi simili, bċejjeċ tagħhom, inforor u għenut

    Ch. 94

    Għamara, friex, imtieraħ, kuxxini, lampi u tagħmir tad-dawl, sinjali tad-dawl u oħrajn bħalhom, bini pprefabbrikat

    9603

    Xkupi, pniezel ▐ kenniesa ta’ l-art mekkaniċi mħaddmin bl-idejn, mingħajr mutur, moppijiet u pniezel tat-tfarfir tar-rix; għoqod u trofof imħejjijin għall-manifattura ta’ xkupi jew pniezel; pads u rombli taż-żebgħa; squeegees (għajr squeegees bir-romblu)


    Top