Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0373

    It-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu ***I Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (COM(2008)0637 – C6-0340/2008 – 2008/0193(COD))
    P7_TC1-COD(2008)0193 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl- 20 ta’ Ottubru 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu u dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-ħaddiema sabiex jilħqu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjari

    ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 162–176 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 70/162


    L-Erbgħa 20 ta’ Ottubru 2010
    It-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu ***I

    P7_TA(2010)0373

    Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (COM(2008)0637 – C6-0340/2008 – 2008/0193(COD))

    2012/C 70 E/26

    (Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0637),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 137(2) u 141(3) tat-Trattat KE, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0340/2008),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

    [0]wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 153(2) u l-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE[0],

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 ta’ Mejju 2009 (1),

    wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 37, 55 u 175 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0267/2009),

    wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0032/2010),

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari ta’ hawn taħt;

    2.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


    (1)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 102.


    L-Erbgħa 20 ta’ Ottubru 2010
    P7_TC1-COD(2008)0193

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-20 ta’ Ottubru 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu u dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-ħaddiema sabiex jilħqu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjari

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 153(2) u 157(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 151 TFUE, l-Unjoni għandha tappoġġja u tikkumplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u għall-assigurazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol.

    (2)

    L-Artikolu 157 TFUE jistipula li l-Kunsill, waqt li jaġixxi skont il- il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta miżuri biex jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol.

    (3)

    Billi din id-Direttiva tindirizza mhux biss is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tqal, jew li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, iżda wkoll, minnha nnifisha, kwistjonijiet ta’ trattament ugwali, bħad-dritt li wieħed jerġa' lura fl-istess post tax-xogħol jew f'wieħed ekwivalenti, ir-regoli dwar it-tkeċċija u d-drittijiet tal-impjegati, jew dwar appoġġ finanzjarju aħjar matul il-lif, l-Artikoli 153 u 157 TFUE qed jingħaqdu biex jiffurmaw il-bażi legali għal din id-Direttiva.

    (4)

    L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u jitolbu li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha , inkluż fir-rigward tal-kisba ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata .

    (5)

    Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-promozzjoni ta’ tali ugwaljanza hija waħda mill-kompiti essenzjali tal-Unjoni. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 8 TFUE, il-Komunità għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha.

    (6)

    Fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2008 fil-Każ C-506/06 Mayr v Flöckner (3), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ sess isseħħ jekk ħaddiema mara tiġi żvantaġġata minħabba assenza b'rabta mat-trattament tal-fertiliżżazzjoni in vitro.

    (7)

    Id-dritt ta’ mara li tkun bil-liv tal-maternità li tmur lura fl-impjieg tagħha jew f'pożizzjoni ekwivalenti, wara li jintemm dan il-lif, huwa stipulat fl-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54/KE tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (4).

    (8)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE (5) timplimenta mizuri biex tinkoraġġixxi t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu.

    (9)

    L-objettivi stipulati fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza fil-Kunsill Ewropew f'Barċellona tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2002 iddikjaraw li l-Istati Membri għandhom jeliminaw id-diżinċentivi għall-involviment tan-nisa fis-suq tax-xogħol u għandhom jimmiraw biex, sal-2010, jipprovdu faċilitajiet ta’ kura tat-tfal għal tal-anqas 90 % tat-tfal f'età bejn it-tliet snin u l-età skolastika obbligatorja u tal-anqas 33 % tat-tfal ta’ taħt it-tliet snin, u dawn it-tfal għandu jkollhom l-istess aċċess għal faċilitajiet bħal dawn kemm fil-bliet kif ukoll fiż-żoni rurali.

    (10)

    L-Istrateġija globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tas-16 ta’ April 2002 dwar it-trejjiq tat-trabi u tat-tfal ta’ età żgħira ħafna, appoġġjata bir-Riżoluzzjoni 55.25 tal-55 Assemblea Dinjija dwar is-Saħħa, tgħid li treddigħ esklussiv matul l-ewwel sitt xhur fil-ħajja ta’ tarbija jiggarantixxi tkabbir u żvilupp ottimali. Fuq il-bażi ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-għoti ta’ liv maħsub għal dan l-għan.

    (11)

    Waħda mis-sitt prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Marzu 2006, intitolata “Pjan ta’ Azzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010” hija l-kisba ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u dik tal-familja. F'din il-konnessjoni l-Kummissjoni ħadet f'idejha l-impenn li tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bl-għan li timmodernizzaha, fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li biex ittejjeb il-governanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi, hija għandha “tirrevedi l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li mhijiex inkluża fl-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid tal-2005 bl-għan li taġġorna, timmodernizza u tfassal mill-ġdid fejn meħtieġ”. Id-Direttiva 92/85/KEE ma kinitx inkluża fl-eżerċizzju tat-tfassil mill-ġdid.

    (12)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Lulju 2008, intitolata “Aġenda Soċjali Mġedda: Opportunitajiet, aċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21”, il-Kummissjoni affermat il-ħtieġa għat-titjib tar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja privata u dik professjonali.

    (13)

    Il-ġenituri kollha għandhom id-dritt li jieħdu ħsieb uliedhom.

    (14)

    Id-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva fir-rigward tal-liv tal-maternità huma bla ħsara għar-regoli l-oħra tal-Istati Membri dwar il-liv tal-ġenituri, u din id-Direttiva m'għandhiex iddgħajjef dawk ir-regoli. Il-liv tal-maternità, il-liv tal-paternità u l-liv tal-ġenituri huma kumplimentari għal xulxin u meta jintużaw flimkien, jistgħu jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja.

    (15)

    Ħaddiema li tadotta tarbija għandu jkollha l-istess drittijiet daqs ġenitur naturali u għandha tkun intitolata tieħu l-liv tal-maternità bl-istess kundizzjonijiet.

    (16)

    Il-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal u tal-ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu tagħmilha neċessarja għalihom li jingħataw id-dritt ta’ liv tal-maternità ta’ mill-inqas 20 ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u tirrendi neċessarja n-natura obbligatorja tal-liv tal-maternità għal mill-inqas sitt ġimgħat, allokati wara l-ħlas.

    (17)

    Il-kura ta’ tfal b'diżabilità toħloq sfidi partikolari għall-ommijiet li jaħdmu, u dan għandu jkun rikonoxxut mis-soċjetà. Il-vulnerabilità żejda ta’ ommijiet li jaħdmu li jkollhom tfal b'diżabilità tfisser li dawn għandhom jingħataw liv tal-maternità addizzjonali. Din id-Direttiva għandha tistipula l-perjodu minimu għal tali lif.

    (18)

    Sabiex jitqies bħala liv tal-maternità skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva, il-liv marbut mal-familja li jkun disponibbli fil-livell nazzjonali għandu jiġi estiż lilhinn mill-perjodi previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 d dwar il-ftehim qafas fuq il-liv tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (6); għandu jkun rimunerat kif previst f'din id-Direttiva; u għandhom japplikaw il-garanziji ta’ din id-Direttiva rigward it-tkeċċija, ir-ritorn fl-istess impjieg jew impjieg ekwivalenti u d-diskriminazzjoni.

    (19)

    Il-Qorti Ewropea rrikonoxxiet konsistentement il-leġittimità, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-ħarsien tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul u wara t-tqala. B'żieda ma’ dan hija iddeċidiet konsistentement li kull trattament sfavorevoli tan-nisa relatat mat-tqala jew mal-maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni sesswali diretta.

    (20)

    Fuq il-bażi tal-prinċipju tat-trattament ugwali, il-Qorti rrikonoxxiet ukoll il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa għall-impjieg, b'mod partikolari d-dritt tagħhom li jerġgħu lura għall-istess xogħol jew għal ieħor ekwivalenti, b'kundizzjonijiet mhux anqas favorevoli, kif ukoll li jibbenefikaw minn kull titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol introdotti matul l-assenza tagħhom.

    (21)

    Pożizzjoni definita bħala “ekwivalenti” għandha tfisser pożizzjoni li tkun l-istess bħal dik ta’ qabel ma jkun ittieħed il-liv tal-maternità, fir-rigward kemm tas-salarju kif ukoll tal-kompiti li għandhom jitwettqu, jew, meta dan ma jkunx possibbli, pożizzjoni simili li tikkorrispondi għall-kwalifiki u s-salarju eżistenti tal-ħaddiema.

    (22)

    Fid-dawl tat-tendenzi demografiċi fl-Unjoni, huwa neċessarju li jkun hemm promozzjoni ta’ żieda fir-rata tat-twelid permezz ta’ leġislazzjoni u ta’ miżuri speċifiċi biex jinstab bilanċ bejn ix-xogħol, il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja b'mod aktar effettiv.

    (23)

    In-nisa għandhom għalhekk ikunu mħarsa mid-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta’ tqala jew ta’ liv tal-maternità, u għandu jkollhom il-mezzi xierqa ta’ ħarsien legali , sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tagħhom ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u bilanċ aħjar bejn il-ħajja tal-familja u x-xogħol .

    (24)

    Fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri għax-Xogħol u għall-Politika Soċjali, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-irġiel fil-ħajja tal-familja u tax-xogħol (7), l-Istati Membri tħeġġew jeżaminaw il-possibilità, għas-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jirrikonoxxu dritt individwali u mhux trasferibbli għal-liv tal-paternità għall-irġiel li jaħdmu, mingħajr ma jintilef ebda jedd tal-impjieg.

    (25)

    Sabiex il-ħaddiema jiġu megħjuna jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali u familjari tagħhom, huwa essenzjali li jingħata iktar liv tal-maternità u tal-paternità, inkluż f'każ ta’ adozzjoni ta’ trabi ta’ inqas minn 12-il xahar. Ħaddiem li jadotta tarbija ta’ inqas minn 12-il xahar għandu jkollu l-istess drittijiet daqs ġenitur naturali u għandu jkun jista' jieħu l-liv tal-maternità jew tal-paternità bl-istess kundizzjonijiet.

    (26)

    Sabiex il-ħaddiema jiġu megħjuna jirrikonċiljaw id-drittijiet u l-obbligi professjonali u familjari tagħhom, u biex tintlaħaq ugwaljanza reali bejn is-sessi, huwa essenzjali li l-irġiel ikollhom id-dritt għal-liv tal-paternità imħallas, li għandu jingħata fuq bażi ekwivalenti – minbarra fir-rigward tad-dewmien tiegħu – bħal-liv tal-maternità, bl-għan li jiġu stabbiliti gradwalment il-kundizzjonijiet meħtieġa. Dan id-dritt għandu wkoll jingħata lill-koppji mhux miżżewġa. L-Istati Membri huma mħeġġa jqisu jekk, skont is-sistemi legali rispettivi tagħhom, l-irġiel li jaħdmu jistgħux jingħataw dritt individwali mhux trasferibbli għal liv tal-paternità, mingħajr l-ebda telf tad-drittijiet relatati max-xogħol.

    (27)

    Fil-kuntest tal-popolazzjoni li qed tixjiħ tal-Unjoni u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2006 ntitolata “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta’ sfida f'opportunità”, se jkun hemm bżonn li jsir kull sforz biex jiġi żgurat ħarsien effettiv tal-maternità u tal-paternità.

    (28)

    Il-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Quddiem it-tibdiliet demografiċi, solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet” tirreferi għall-fatt li l-Istati Membri għandhom rata baxxa ta’ fertilità, li mhijiex biżżejjed għat-tiġdid tal-popolazzjoni. Jeħtieġ għalhekk li jittieħdu miżuri għat-titjib tal-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema qabel, matul u wara t-tqala. Huwa rakkomandat li jiġu segwiti l-aħjar prattiki ta’ dawk l-Istati Membri b'rati tal-fertilità għoljin u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni kontinwa tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

    (29)

    Fil-konklużjonijiet ta’ Diċembru 2007 tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) dwar “Rwoli bilanċjati tan-nisa u tal-irġiel għall-impjiegi, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali”, il-Kunsill irrikonoxxa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u tal-familja bħala qasam tal-akbar siwi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol.

    (30)

    Din id-Direttiva hija bla ħsara għad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, tat-taħriġ vokazzjonali u tal-promozzjoni, u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (8), kif imfassal mill-ġdid fid-Direttiva 2006/54/KE.

    (31)

    Il-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ta’ ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu għandhom ikunu ggarantiti u mhux imorru kontra l-prinċipji mniżżla fid-Direttivi li jikkonċernaw it-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa.

    (32)

    Biex ikun hemm titjib fil-ħarsien effettiv ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu dan l-aħħar jew li qed ireddgħu, ir-regoli dwar id-dmir tal-prova għandhom jiġu adattati fejn hemm każ prima facie ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija skont din id-Direttiva. Biex dawn id-drittijiet jiġu applikati b'mod effettiv, id-dmir tal-prova għandu jintrefa' mill-konvenut meta jkun hemm evidenza ta’ ksur bħal dan.

    (33)

    Dispożizzjoni dwar liv tal-maternità ma sservi l-ebda skop jekk ma tkunx akkumpanjata minn ħarsien tad-drittijiet kollha marbuta mal-kuntratt tal-impjieg, inkluża ż-żamma tal-paga sħiħa u drittijiet għal allowance ekwivalenti.

    (34)

    L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tirrikjedi ħarsien ġudizzjarju xieraq kontra l-vittimizzazzjoni.

    (35)

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni effettivi, proporzjonali u disswasivi f'każ ta’ kwalunkwe ksur tal-obbligi skont din id-Direttiva.

    (36)

    L-Istati Membri huma mħeġġa jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom miżuri biex jiżguraw kumpens jew riparazzjoni reali u effettiva, kif jitqies xieraq, għal kull ħsara kkawżata lil ħaddiema minħabba kwalunkwe ksur tal-obbligi skont din id-Direttiva, b'mod li jkun dissważiv, effettiv u proporzjonat għall-ħsara kkawżata lilha.

    (37)

    L-esperjenza turi li l-ħarsien kontra l-ksur tad-drittijiet garantiti permezz ta’ din id-Direttiva għandha tissaħħaħ billi tingħata kompetenza lill-korp jew korpi ta’ ugwaljanza f'kull Stat Membru li janalizzaw il-problemi involuti, li jikkunsidraw soluzzjonijiet possibbli u jipprovdu għajnuna prattika lill-vittmi. Għalhekk, għandu jkun hemm lok għal tibdil għal dan l-għan f'din id-Direttiva.

    (38)

    Il-vittmi ta’ diskriminazzjoni għandu jkollhom mezzi xierqa ta’ protezzjoni legali. Biex tiġi ggarantita protezzjoni aktar effikaċi, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet legali l-oħra għandu jkollhom il-possibilità li, skont kif jiddeterminaw l-Istati Membri, jieħdu sehem fi proċeduri f'isem il-vittmi jew biex jappoġġawhom, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ proċedura nazzjonali rigward ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati.

    (39)

    Se jkun neċessarju għall-Istati Membri li jinkoraġġixxu u jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali sabiex jiġi żgurat tagħrif aħjar għal dawk ikkonċernati u arranġamenti aktar effettivi. Permezz tal-inkoraġġiment tad-djalogu mal-korpi msemmijin hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu jiksbu rispons aħjar u għarfien aktar ċar dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-prattika u dwar il-problemi li jistgħu jinqalgħu, bil-għan li tinqered id-diskriminazzjoni.

    (40)

    Din id-Direttiva tistipula r-rekwiżiti minimi u għalhekk toffri lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex isservi biex tiġġustifika kwalunkwe rigress fir-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f'kull Stat Membru , b'mod partikolari l-liġijiet nazzjonali li, peress li jgħaqqdu l-liv tal-maternità u l-liv tal-paternità, jistipulaw intitolament għall-omm ta’ mill-inqas 20 ġimgħa ta’ liv allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u mħallas mill-inqas fil-livell stipulat f'din id-Direttiva .

    (41)

    L-Istati Membri għandhom iħeġġu djalogu bejn l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, sabiex isiru jafu bil-forom differenti ta’ diskriminazzjoni u jiġġildulhom.

    (42)

    Billi l-għanijiet tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri t-titjib tal-livell minimu ta’ ħarsien fir-rigward tan-nisa tqal u tal-ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu u t-titjib tal-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri fid-dawl tal-livelli ta’ ħarsien diverġenti tagħhom, u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar f'livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet imsemmija,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 92/85/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.     Din id-Direttiva timmira wkoll li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tqal u tal-ħaddiema li jkunu għadhom kemm welldu, li jibqgħu jew jirritornaw fis-suq tax-xogħol, u biex jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja professjonali, dik privata u l-ħajja tal-familja.”;

    (2)

    L-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘ħaddiema tqila’ għandha tfisser ħaddiema tqila b'kull tip ta’ kuntratt, inkluż f'xogħol domestiku, li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

    (b)

    ‘ħaddiema li welldet reċentement’ għandha tfisser ħaddiema b'kull tip ta’ kuntratt, inkluż f'xogħol domestiku, li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skont dik il-liġi u/jew prattika; għall-iskop ta’ din id-Direttiva għandha tfisser ukoll ħaddiema li tkun adottat tarbija reċentement;

    (c)

    ‘ħaddiema li qiegħda tredda’ tfisser ħaddiema b'kull tip ta kuntratt, inkluż f'xogħol domestiku, li qiegħda tredda' fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skont dik il-liġi u/jew prattika.”;

    (3)

    L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Linji Gwida

    1.     Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kummissjoni trid tfassal linji ta’ gwida dwar l-istima tal-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-saħħa riproduttiva tal-irġiel u tan-nisa li jaħdmu, u għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2. Dawn il-linji ta’ gwida għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid u, mill-2012, għandhom jiġu aġġornati tal-inqas kull ħames snin.

    Il-linji ta’ gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ukoll ikopru movimenti u qagħdiet, għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta’ stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2.

    2.     L-għan tal-linji ta’ gwida msemmija fil-paragrafu 1 huwa li jservu bħala bażi għall-istima mesmmija fl-Artikolu 4(1).

    Għal dan l-iskop l-Istati Membri għandhom iġibu dawn il-linji ta’ gwida għall-attenzjoni ta’ kull min iħaddem u l-ħaddiema nisa u rġiel, u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-imsieħba soċjali, fl-Istati Membri rispettivi tagħhom.”;

    (4)

    L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Stima, Informazzjoni u Konsultazzjoni

    1.     Għall-istima tar-riskji mwettqa f'konformità mad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jinkludi stima tar-riskji riproduttivi għall-ħaddiema rġiel u nisa. Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti inkluża fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul tal-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 u tal-ħaddiema nisa suxxettibbli li jsibu ruħhom f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE, sabiex:

    issir stima ta’ kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva u tal-ħaddiema nisa suxxettibli li jsibu ruħhom f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva,

    jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu.

    2.     Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva u ħaddiema li x'aktarx ikunu f'xi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva fl-impriża u/jew stabbiliment konċernat u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-imsieħba soċjali kkonċernati, għandhom jiġu infurmati bir-riżultati tal-istima msemmija fil-paragrafu 1 u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

    3.     Għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex ikun żgurat li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-intrapriża jew fl-istabbiliment ikkonċernat ikunu jistgħu jissorveljaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew jintervjenu fl-applikazzjoni tagħha, f'dak li jikkonċerna b'mod partikolari l-miżuri deċiżi minn min iħaddem li jissemmew fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għar-responsabilità li taqa' fuq min iħaddem għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

    4.     Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jitwettqu b'konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE.”;

    (5)

    Fl-Artikolu 5, paragrafi 2 u 3 huma mibdulin b'dan li ġej:

    “2.     Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.

    3.     Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.”;

    (6)

    il-punt li ġej jiżdied mal-Artikolu 6:

    “3.

    nisa tqal, barra minn hekk, m'għandhomx jintalbu jagħmlu xogħol bħalma huwa l-ġarr u l-irfigħ ta’ piżijiet tqal jew xogħol li jkun ta’ periklu jew li jgħajji jew li jkun ta’ riskju għas-saħħa.”;

    (7)

    L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Ix-Xogħol ta’ bil-Lejl u s-Sigħat Żejda

    1.     L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fit-tifsira tal-Artikolu 2 ma jkunux imġiegħla li jagħmlu xogħol ta’ bil-lejl u ma jkunux obbligati jaħdmu sigħat żejda:

    (a)

    matul l-10 ġimgħat qabel il-ħlas;

    (b)

    matul il-bqija tat-tqala jekk dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet ta’ saħħa tal-omm jew tat-tarbija li għandha f'ġufha;

    (c)

    matul il-perjodu kollu tat-treddigħ.

    2.     Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-possibilità, skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali, li:

    (a)

    taqleb għal xogħol paragunabbli bi nhar; jew

    (b)

    ikun hemm liv mix-xogħol jew estensjoni tal-leave tal-maternità meta dan it-trasferiment mhux teknikament u/jew oġġettivament fattibli.

    3.     Il-ħaddiema li jkunu jixtiequ jiġu eżentati mix-xogħol bil-lejl għandhom, f' konformita' mar-regoli stabbiliti mill-Istati Membri, jinformaw lil min iħaddimhom u, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1b, jipprovdu ċertifikat mediku lil min iħaddimhom.

    4.     Għall-ġenituri bla sieħeb u għall-ġenituri ta’ tfal b'diżabilità serja, il-perjodi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu estiżi b'konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri.”;

    (8)

    L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

    Artikolu 8

    Liv tal-maternità

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 jkunu intitolati għal żmien kontinwu ta’ liv tal-maternità ta’ mill-inqas 20 ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas.

    2.     Fir-rigward tal-aħħar erba' ġimgħat tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, skema ta’ liv relatat mal-familja li tkun disponibbli fil-livell nazzjonal tista' titqies bħala liv tal-maternità għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, bil-kundizzjoni li tkun tipprovdi protezzjoni ġenerali għall-ħaddiema skont it-tifsira tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, li tkun ekwivalenti għal-livell stabbilit f'din id-Direttiva. F'dan il-każ, il-perjodu totali ta’ liv mogħti jrid ikun itwal mill-perjodu ta’ liv tal-ġenituri previst fid-Direttiva 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-liv tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (9) .

    Ir-rimunerazzjoni għall-aħħar erba' ġimgħat ta’ liv tal-maternità ma għandhiex tkun anqas mill-allowance imsemmija fl-Artikolu 11(5) jew, alternattivament, tista' tkun il-medja tar-rimunerazzjoni għal-20 il ġimgħa tal-liv tal-maternità, li għandha tkun mill-anqas 75 % tas-salarju tal-aħħar xahar jew tas-salarju medju tax-xahar kif stipulat skont il-liġi nazzjonali, soġġett għal kull limitu massimu stabbilit skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw il-perjodi li matulhom is-salarji medji tax-xahar jiġu kkalkulati.

    Meta Stat Membru jkun ipprovda għal perjodu ta’ liv tal-maternità ta’ mill-inqas 18-il ġimgħa, dak l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li l-aħħar ġimagħtejn jittieħdu permezz tal-liv tal-paternità disponibbli fil-livell nazzjonali, bl-istess livell ta’ paga.

    3.   Il-liv tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi liv tal-maternità obbligatorju bis-salarju sħiħ ta’ mill-inqas sitt ġimgħat wara l-ħlas , bla ħsara għal-liġijiet nazzjonali eżistenti li jipprovdu għal perjodu ta’ liv tal-maternità obbligatorju qabel il-ħlas . Il-perjodu ta’ sitt ġimgħat għal-liv tal-maternità obbligatorju għandu japplika għall-ħaddiema nisa kollha irrispettivament mill-għadd ta’ ġranet li jkunu ħadmu qabel il-ħlas . L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 jkunu intitolati li jagħżlu liberament iż-żmien li fih jixtiequ jieħdu l-porzjon ta’ liv tal-maternità mhux obbligatorju, qabel jew wara l-ħlas , bla ħsara għal-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali eżistenti li jipprovdu numru massimu ta’ ġimgħat qabel il-ħlas .

    4.     Dan il-perjodu jista' jinqasam mal-missier, jekk il-koppja taqbel u titlob dan, skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

    5.     Fl-interess ta’ ħarsien saħħet l-omm u t-tarbija, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati nisa jkunu jistgħu jiddeċiedu liberament u bla pressjoni jekk jieħdux jew le l-porzjon tal-liv tal-maternità mhux obbligatorju ta’ qabel il-ħlas.

    6.     Il-ħaddiema għandha tindika l-perjodu li tkun għażlet għall-parti mhux obbligatorja tal-liv tal-maternità mill-inqas xahar qabel id-data ta’ bidu ta’ dan il-lif.

    7.     Għal twelid multiplu, il-porzjon tal-liv tal-maternità obbligatorju msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiżdied għal kull wild addizzjonali skont il-leġislazzjoni nazzjonali.

    8.   Il-porzjon ta’ liv tal-maternità ta’ qabel il-ħlas għandu jiġi estiż bi kwalunkwe perjodu li jaqbeż id-data preżunta u d-data proprja tal-ħlas, mingħajr ma jitnaqqas il-porzjon ta’ liv li jkun baqa'.

    9.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jingħata liv addizzjonali b'paga sħiħa fil-kaz ta’ ħlas qabel il-waqt, tfal li jeħtieġu kura fl-isptar mat-twelid, tfal b'diżabbiltà , ommijiet b'diżabbiltà, u twelid multiplu. It-tul ta’ żmien tal-liv addizzjonali għandu jkun proporzjonali u jakkomoda l-ħtiġijiet speċjali tal-omm u tat-tarbija/trabi. Il-perjodu sħiħ tal-liv tal-maternità għandu jiġi estiż b'mill-inqas tmien ġimgħat wara t-twelid fil-każ tat-twelid ta’ wild b'diżabbiltà. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll perjodu addizzjonali ta’ liv ta’ sitt ġimgħat fil-każ tat-twelid ta’ tarbija mejta.

    10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe perjodu ta’ liv għall-mard minħabba mard jew kumplikazzjonijiet li jinqalgħu minħabba t-tqala erba' ġimgħat jew iżjed qabel il-ħlas m'għandux iħalli impatt fuq it-tul ta’ żmien tal-liv tal-maternità.

    11.     L-Istati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet tal-ommijiet u l-missirijiet billi jiżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet speċjali marbuta max-xogħol biex jgħinu lill-ġenituri ta’ tfal b'diżabilità.

    12.     L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa għar-rikonoxximent tad-depressjoni ta’ wara t-twelid bħala marda serja, u għandhom jagħtu l-appoġġ tagħhom għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati biex tinxtered informazzjoni preċiża dwar din il-marda u biex jiġu korretti l-preġudizzji u l-possibilità ta’ stigmatizzazzjoni li l-marda għadha tista' ġġib magħha.

    (9)

    Għandhom jiddaħħal l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 8a

    Liv tal-paternità

    1.     L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema li s-sieħba stabbli tagħhom tkun welldet reċentement ikollhom id-dritt għal perjodu kontinwu ta’ liv tal-paternità mħallas mhux trasferibbli ta’ mhux inqas minn ġimagħtejn, mogħti fuq bażi ekwivalenti - apparti fir-rigward tat-tul tiegħu - għal-liv tal-maternità, li għandu jittieħed wara li l-konjuga jew is-sieħba tagħhom tkun welldet matul il-perjodu tal-liv tal-maternità.

    L-Istati Membri li għadhom ma introduċewx liv tal-paternità mħallas mhux trasferibbli, mogħti fuq bażi ekwivalenti - apparti fir-rigward tat-tul tiegħu - għal-liv tal-maternità, li għandu jittieħed matul il-perjodu tal-liv tal-maternità obbligatorju għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas ġimagħtejn wara l-ħlas tal-konjuga jew is-sieħba tal-ħaddiem huma mħeġġa bis-saħħa li jimplimentaw dan il-liv sabiex jippromwovu parteċipazzjoni indaqs taż-żewġ ġenituri biex jinstab bilanċ bejn id-drittijiet u r-responsabilitajiet familjari.

    2.     L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema li s-sieħba stabbli tagħhom tkun welldet reċentement jingħataw perjodu ta’ liv speċjali inkluż il-porzjon mhux użat tal-liv tal-maternità fil-każ tal-mewt jew l-inkapaċità fiżika tal-omm.

    Artikolu 8b

    Liv għall-adozzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva rigward il-liv tal-maternità u tal-paternità japplikaw ukoll f'każ ta’ adozzjoni ta’ tarbija ta’ inqas minn 12-il xahar.”;

    (10)

    L-Artikolu 10 jinbidel b'dan li ġej:

    Artikolu 10

    Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija

    Biex ikun garantit li l-ħaddiema, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-ħarsien għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom kif rikonoxxut skont dan l-Artikolu:

    1.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi pprojbita t-tkeċċija u t-tħejjijiet kollha ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, matul il-perjodu mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem mill-inqas sitt xhur wara il-liv tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1)għajr f'każijiet eċċezzjonali li m'għandhomx x'jaqsmu mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali u, fejn applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha.

    2.

    Jekk ħaddiema, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, titkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jikkwota raġunijiet ġustifikati għat-tkeċċija tagħha bil-miktub. ▐

    3.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex iħarsu l-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 mill-konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija illegali bis-saħħa tal-punti 1 u 2.

    4.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tqal fis-suq tax-xogħol billi jinħolqu opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, jekk dawn jilħqu r-rekwiżiti għall-pożizzjoni partikolari.

    5.

    Trattament inqas favorevoli ta’ mara li huwa relatat mat-tqala jew mal-liv tal-maternità fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva għandu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (10).

    6.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li waqt il-liv tal-paternità/ko-maternità, il-ħaddiema jgawdu mill-istess protezzjoni mit-tkeċċija prevista fil-punt 1 għall-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2.

    7.

    L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jadottaw miżuri li jiżguraw li l-ħaddiema jkunu jistgħu jagħżlu li jaħdmu part-time għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena, bi protezzjoni sħiħa mill-possibilità ta’ tkeċċija u tad-drittijiet kollha li jieħdu lura l-pożizzjoni u l-ħlas ta’ full-time tagħhom fi tmiem dan il-perjodu.

    (11)

    L-Artikolu 11 qed jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg

    Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f' dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

    1.

    fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta’ ħlas ta', u/jew l-intitolament għal benefiċċju ekwivalenti għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

    2.

    ħaddiema, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, li hija eskluża mix-xogħol minn min iħaddimha li jqisha bħala li mhijiex tajba għax-xogħol mingħajr indikazzjoni medika miġjuba mill-ħaddiema, tista' tikkonsulta tabib fuq inizjattiva tagħha stess. Jekk it-tabib jiċċertifika lil din il-mara bħala tajba għax-xogħol, jew min iħaddem irid jerġa' jimpjegaha bħala ħaddiema normali, jew hija għandha tirċievi pagament ekwivalenti għas-salarju sħiħ tagħha, sal-bidu tal-liv tal-maternità fit-tifsira tal-Artikolu 8(3) ;

    3.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tqal, partikolarment fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ergonomiċi, ħinijiet tax-xogħol (inkluż ix-xogħol bil-lejl u t-tibdil ta’ impjieg) u l-intensità tax-xogħol, kif ukoll billi jżidu l-protezzjoni kontra l-aġenti infettużi speċifiċi u r-radjazzjoni jonizzanti.

    4.

    fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, għandu jiġi żgurat dan li ġej:

    (a)

    id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f'punt (b) hawn taħt;

    (b)

    il-manteniment ta’ ħlas ta', u/jew intitolament, għal allowance ekwivalenti għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;

    (c)

    id-dritt tal-ħaddiema li qegħdin bil-liv tal-maternità biex awtomatikament jirċievu kull żieda fis-salarju, jekk tapplika, mingħajr ma jkollhom itemmu l-liv tagħhom tal-maternità temporanjament biex b'hekk jibbenefikaw miż-żieda fis-salarju;

    (d)

    id-dritt tal-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 li jerġgħu lura fuq xogħolhom jew f'impjieg ekwivalenti b'termini u kundizzjonijiet li mhumiex inqas favorevoli għalihom , bl-istess paga, fl-istess kategorija professjonali u bl-istess dmirijiet li kellhom qabel il-liv tal-maternità, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li huma kienu jkunu intitolati għalih matul l-assenza tagħhom; f'każijiet eċċezzjonali marbuta mar- ristrutturazzjoni jew organizzazzjoni mill-ġdid sostanzjali tal-proċess ta’ produzzjoni, li l-ħaddiema jkollha l-possibilità li tiddiskuti mal-persuna li tħaddimha dwar l-effett ta’ dan it-tibdil fuq is-sitwazzjoni professjonali, u indirettament, personali, tagħha;

    (e)

    iż-żamma għall-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 tal-opportunitajiet għall-iżvilupp tal-karriera permezz tal-edukazzjoni, flimkien ma’ taħriġ professjonali u addizzjonali kontinwu, bl-għan li jikkonsolidaw il-prospetti għall-karriera tagħhom;

    (f)

    perjodu ta’ liv tal-maternità m'għandux ikun ta’ xkiel għad-drittijiet tal-ħaddiema għall-pensjoni u għandu jingħadd bħala perjodu ta’ impjieg għal skopijiet ta’ pensjoni, u l-ħaddiema m'għandhomx isofru minn tnaqqis ta’ drittijiet tal-pensjoni minħabba l-fatt li jieħdu l-liv tal-maternità;

    5.

    l-allowance msemmija fil-punt 4(b) għandha titqies bħala ekwivalenti jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għall-aħħar salarju tax-xahar, jew salarju medju ta’ xahar. Il-ħaddiema fuq liv tal-maternità għandhom jitħallsu salarju sħiħ u l-allowance għandha tkun ekwivalenti għal 100 % tal-aħħar salarju ta’ xahar jew salarju medju ta’ xahar. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw il-perjodu li matulu s-salarju medju tax-xahar huwa kkalkolat;

    6.

    l-allowance li jirċievu l-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 ma tistax tkun inqas mill-allowance li jirċievu l-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 fil-każ ta’ waqfa mill-attività minħabba raġunijiet marbutin mal-qagħda tas-saħħa tagħhom;

    7.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema bil-liv tal-maternità jkunu intitolati biex awtomatikament jirċievu kull żieda fis-salarju, jekk tapplika, mingħajr ma jkollhom jispiċċaw il-liv tagħhom tal-maternità b'mod temporanju biex b'hekk jibbenefikaw miż-żieda fis-salarju;

    8.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, jistgħu, matul il-liv tal-maternità jew meta jerġgħu lura mil-liv tal-maternità, kif stipulat fl-Artikolu 8, jitolbu għal bidliet fil-ħinijiet u r-rutina tax-xogħol, u li min iħaddimhom ikun obbligat li jqis talbiet bħal dawn, filwaqt li jikkonsidraw il-ħtiġijiet tagħhom stess u tal-ħaddiema tagħhom;

    9.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħeġġu lil min iħaddem u biex jippromwovu d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali sabiex tiġi prevista l-integrazzjoni mill-ġdid u t-taħriġ għall-ħaddiema li jmorru lura x-xogħol wara l-liv tal-maternità, meta dan ikun meħtieġ u/jew rikjest mill-ħaddiema nnifisha u jkun konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali;

    10.

    Min iħaddem għandu jiżgura li l-ħin tax-xogħol ta’ mara tqila jieħu kont tal-ħtieġa għal visti mediċi regolari u staordinarji;

    11.

    L-Istati Membri għandhom jinkoraġixxu lil min iħaddem biex iwaqqaf faċilitajiet għall-kura tat-tfal għal ulied l-impjegati li jkollhom inqas minn 3 snin.”

    (12)

    Jiddaħħlu l-Artikolu li ġejjien:

    “L-Artikolu 11a

    Liv (time off) għat-treddigħ

    1.     Omm li qed tredda' t-tarbija tagħha għandha tkun intitolata għall-perjodu ta’ liv għal dak il-għan, li għandu jittieħed f'żewġ perjodi separati, li kull wieħed minnhom għandu jkun ta’ siegħa, sakemm ma kienx miftiehem xi arranġament ieħor ma’ min iħaddem, mingħajr ma titlef il-privileġġi marbuta mal-impjieg tagħha.

    2.     F'każ ta’ twelid multiplu, il-liv imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jizdied bi 30 minuta għal kull wild addizzjonali.

    3.     Jekk l-omm taħdem part-time, il-liv imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas proporzjonalment mas-sigħat normali ta’ ħidma, iżda ma jistax ikun ta’ inqas minn 30 minuta.

    4.     Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, il-liv għandu jittieħed għal perjodu li ma jkunx itwal minn siegħa, u, fejn applikabbli, għal perijodu ieħor li jkopri d-dewmien li jkun fadal, sakemm ma jiġix miftiehem arranġament ieħor ma’ min iħaddem.

    Artikolu 11b

    Prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u integrazzjoni tas-sessi

    L-Istati Membri għandhom, skont it-tradizzjonijiet nazzjonali u l-prattika tagħhom, jieħdu miżuri adegwati biex jippromwovu d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fil-livelli xierqa biex jieħdu miżuri effikaċi biex jiġu evitati d-diskriminazzjonijiet kontra n-nisa minħabba t-tqala, il-maternità jew il-liv tal-adozzjoni.

    L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxi lil min iħaddem, permezz ta’ konvenzjonijiet kollettivi jew ta’ prattiki, biex jieħdu miżuri effikaċi biex jevitaw diskriminazzjoni kontra n-nisa minħabba t-tqala, il-maternità jew il-liv għall-adozzjoni.

    L-Istati Membri għandhom iqisu b'mod attiv l-għan tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa meta jifformulaw u jimplimentaw liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi, politiki u attivitajiet fl-oqsma li jissemmew f'din id-Direttiva.”;

    (13)

    Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjien:

    “Artikolu 12a

    Vittimizzazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom miżuri bħal dawn skont kif meħtieġ biex iħarsu lill-individwi inklużi x-xhieda minn kwalunkwe trattament żvantaġġuż jew konsegwenza żvantaġġuża li jirrizultaw minn ilment li ressqu jew minn proċedimenti li nedew bl-għan li jinforzaw il-konformità mad-drittijiet mogħtija skont din id-Direttiva.

    Artikolu 12b

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu applikati. Il-pieni jistgħu jinvolvu l-ħlas ta’ kumpens ▐ u dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 12c

    Korp ta’ ugwaljanza

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp jew korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad- Direttiva 2006/54/KE għall-promozzjoni, l-analiżi, is-sorveljanza u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess ikunu kompetenti addizzjonalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-ambitu ta’ din id-Direttiva, fejn dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw l-ewwel u qabel kollox it-trattament ugwali u mhux biss is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għal ħaddiema minn dawk stipulati f'din id-Direttiva.

    2.     L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ prevenzoni għall-protezzjoni u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema tqal u l-ommijiet li welldu reċentement.

    3.   L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha taħt l-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi raġunijiet għal tnaqqis fil-livell ta’ ħarsien fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

    4.     Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jiddaħħlu fit-test tal-kuntratti tax-xogħol kollettivi fl-Istati Membri.

    Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn … (11). Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    2.   Il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif din ir-riferenza għandha ssir.

    Artikolu 4

    1.   L-Istati Membri u l-korpi nazzjonali ta’ ugwaljanza għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn … (12) u kull tliet snin wara dan, it-tagħrif kollu meħtieġ biex il-Kummissjoni tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/85/KEE kif emendata minn din id-Direttiva.

    2.   Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis, kif xieraq, l-opinjonijiet tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti. Skont il-prinċipju li titqies b'mod sistematiku l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, dan ir-rapport, għandu fost l-oħrajn jipprovdi stima tal-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq in-nisa u l-irġiel. Dan għandu jinkludi wkoll studju tal-impatt li janalizza l-effetti soċjali u ekonomiċi, fl-Unjoni kollha kemm hi, ta’ żieda supplimentari fid-dewmien tal-perjodu tal-liv tal-maternità u tal-implimentazzjoni tal-liv tal-paternità. Fid-dawl tat-tagħrif li wasal, dan ir-rapport għandu jinkludi, fejn meħtieġ, proposti għar-reviżjoni u l-aġġornament tad-Direttiva 92/85/KEE kif emendata b'din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 102.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010.

    (3)   ECR 2008, I-01017.

    (4)   ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

    (5)  ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

    (6)   ĠU L 145, 19.6.1996, p. 4.

    (7)   ĠU C 218, 31.7.2000, p. 5.

    (8)  ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15.

    (9)   ĠU L 145, 19.6.1996, p. 4.”

    (10)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.”

    (11)  Sentejn wara id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (12)  Tlett snin wara id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.


    Top