Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0011

Mekkaniżmu tar-reverse charge: oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi * Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Frar 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront ta' fornimenti ta' ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi (COM(2009)0511 – C7-0210/2009 – 2009/0139(CNS))

ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 81–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 341/81


L-Erbgħa, 10 ta' Frar 2010
Mekkaniżmu tar-reverse charge: oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi *

P7_TA(2010)0011

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront ta' fornimenti ta' ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi (COM(2009)0511 – C7-0210/2009 – 2009/0139(CNS))

2010/C 341 E/18

(Proċedura leġislattiva speċjali - konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0511),

wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7–0210/2009),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Monetarji u Ekonomiċi (A7-0008/2010),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 4

(4)

Il-lista definita minn qabel, li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu minnha, għandha tiġi ristretta għall-fornimenti ta’ oġġetti u servizzi li, skont esperjenza reċenti, huma partikolarment suġġetti għall-frodi. Biex jiġi żgurat li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu bħal dan tista’ tiġi vvalutata b’mod effettiv u li l-impatt tiegħu jiġi ssorveljat bir-reqqa, l-Istati Membri għandhom ikunu limitati fl-għażla tagħhom.

(4)

Il-lista definita minn qabel, li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu minnha, għandha tiġi ristretta għall-fornimenti ta’ oġġetti u servizzi li, skont esperjenza reċenti, huma partikolarment suġġetti għall-frodi. Biex jiġi żgurat li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu bħal dan tista’ tiġi vvalutata b’mod effettiv u li l-impatt tiegħu jiġi ssorveljat bir-reqqa, l-Istati Membri għandhom ikunu limitati fl-għażla tagħhom għal oġġetti u servizzi f’dik il-lista definita minn qabel .

Emenda 2

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 4 a (ġdida)

 

(4a)

Meta jiġi biex jagħżlu liema oġġetti u servizzi għandhom ikunu soġġetti għall-mekkaniżmu, l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-iskambju tal-kwoti għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u massimu ta’ tnejn mill-kategoriji elenkati f’Parti A tal-Anness VIA.

Emenda 3

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 7

(7)

Biex jiġi vvalutat l-effett tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu fuq attivitajiet frawdolenti b’mod trasparenti, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri għandhom ikunu abbażi ta’ kriterji definiti minn qabel stabbiliti mill-Istati Membri . Kull evalwazzjoni bħal din għandha tivvaluta b’mod ċar il-livell ta’ frodi qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu u kull ċaqliq fix-xejriet ta’ attivitajiet frodulenti b’mod partikolari lejn fornimenti ta’ oġġetti u servizzi oħrajn, fornimenti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u fornimenti fi Stati Membri oħrajn.

(7)

Biex jiġi vvalutat l-effett tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu fuq attivitajiet frodulenti b’mod trasparenti, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri għandhom ikunu abbażi ta’ kriterji definiti minn qabel stabbiliti mill-Istati Membri. Bil-ħsieb li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta miżuri mfassla biex jispeċifikaw, fuq il-bażi tal-input mill-Istati Membri u filwaqt li jitqies il-parir tal-Kumitat tal-VAT, il-kriterji ta’ valutazzjoni li jkunu se jintużaw mill-Istati Membri meta jevalwaw l-effett tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront ta’ attivitajiet frodulenti. Dawn il-kriterji għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2010. Kull evalwazzjoni bħal din għandha tivvaluta b’mod ċar il-livell ta’ frodi qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu u kull ċaqliq fix-xejriet ta’ attivitajiet frodulenti b’mod partikolari lejn fornimenti ta’ oġġetti u servizzi oħrajn, fornimenti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u fornimenti fi Stati Membri oħrajn.

Emenda 4

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 8

(8)

Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll l-ispejjeż għall-konformità għall-persuni taxxabbli u l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni mġarrba mill-Istati Membri, inklużi dawk li jirriżultaw minn miżuri ta’ kontroll u ta’ verifika.

(8)

Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll l-ispejjeż għall-konformità għall-persuni taxxabbli u l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni mġarrba mill-Istati Membri, inklużi dawk li jirriżultaw minn miżuri ta’ kontroll u ta’ verifika, u xi tibdil li jista' jkun hemm fid-dħul mill-VAT minħabba l-mekkaniżmu rigward il-prodotti u s-servizzi elenkati fl-Anness VIA, magħżul u applikat mill-Istati Membri rispettivi .

Emenda 5

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 8 a (ġdida)

 

(8a)

Sal-1 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposti xierqa msejsa fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri, li jivvaluta l-effettività u l-effikaċja kollha tal-miżura billi japplika l-mekkaniżmu u l-proporzjon bejn in-nefqa u l-benefiċċju tal-miżura sabiex jiġi vvalutat mill-ġdid jekk l-estensjoni jew it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkunx xieraq.

Emenda 6

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 1 – subparagrafu 1

1.   L-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 2014 u għal perjodu minimu ta’ sentejn, jintroduċu u japplikaw mekkaniżmu li permezz tiegħu l-VAT dovut fuq il-fornimenti tal-kategoriji ta’ oġġetti u servizzi elenkati fl-Anness VI A tkun pagabbli mill-persuna li lilha jiġu fornuti dawk l-oġġetti u servizzi.

1.   L-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 2014 u għal perjodu minimu ta’ sentejn, jintroduċu u japplikaw mekkaniżmu li permezz tiegħu l-VAT dovut fuq il-fornimenti tal-kategoriji ta’ oġġetti u servizzi elenkati fl-Anness VI A tkun pagabbli mill-persuna taxxabbli li lilha jiġu fornuti dawk l-oġġetti u servizzi.

Emenda 7

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 1 – subparagrafu 2

Meta jintgħażlu liema oġġetti u servizzi għandhom ikunu soġġetti għal dak il-mekkaniżmu, l-Istati Membri huma limitati għal tlieta mill-kategoriji elenkati fl-Anness VI A li minnhom massimu ta’ tnejn għandhom ikunu kategoriji ta’ oġġetti.

Meta jintgħażlu liema oġġetti u servizzi għandhom ikunu soġġetti għal dak il-mekkaniżmu, l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-iskambju tal-kwoti għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u massimu ta’ tnejn mill-kategoriji ta’ oġġetti elenkati f’Parti A tal-Anness VI A .

Emenda 8

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 2 – punt b

(b)

jintroduċi obbligi ta’ rapportar xierqa u effettivi fuq kull persuna taxxabbli li tforni oġġetti jew servizzi li għalihom japplika dak il-mekkaniżmu, sabiex tkun possibbli, għal kull tranżazzjoni, l-identifikazzjoni ta’ dik il-persuna taxxabbli u l-persuna taxxabbli li jsirulha l-fornimenti, tat-tip ta’ oġġetti jew servizzi fornuti, u tal-perjodu tat-taxxa u tal-valur ta’ dawn il-fornimenti;

(b)

jintroduċi obbligi ta’ rapportar xierqa u effettivi fuq kull persuna taxxabbli li tforni oġġetti jew servizzi li għalihom japplika dak il-mekkaniżmu, sabiex tkun possibbli għal kull tranżazzjoni, fuq bażi perjodika, jew fuq il-bażi ta’ tranżazzjoni globali, l-identifikazzjoni ta’ dik il-persuna taxxabbli u l-persuna taxxabbli li jsirulha l-fornimenti, tat-tip ta’ oġġetti jew servizzi fornuti, u tal-perjodu tat-taxxa u tal-valur ta’ dawn il-fornimenti;

Emenda 9

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 2 – punt c

(c)

jimponi obbligi ta’ rrapportar abbażi tat-tranżazzjoni jew globali fuq kull persuna taxxabbli li tirċievi oġġetti jew servizzi li għalihom japplika dak il-mekkaniżmu għal raġunjijiet ta’ verifika ma’ informazzjoni mressqa mill-fornitur;

(c)

jimponi obbligi ta’ rrapportar perjodiku abbażi tat-tranżazzjoni jew globali fuq kull persuna taxxabbli li tirċievi oġġetti jew servizzi li għalihom japplika dak il-mekkaniżmu għal raġunijiet ta’ verifika ma’ informazzjoni mressqa mill-fornitur;

Emenda 10

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 2 – punt d

(d)

jintroduċi miżuri ta’ kontroll xierqa u effettivi biex jiġu ssorveljati u mnaqqsa forom attwali ta’ frodi, kif ukoll biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ attivitajiet frawdolenti rigward oġġetti jew servizzi oħrajn, fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew fi Stati Membri oħrajn.

(d)

jintroduċi miżuri ta’ kontroll xierqa u effettivi flimkien mal-ispezzjonijiet għal għarrieda diġà eżitstenti biex jiġu ssorveljati u mnaqqsa forom attwali ta’ frodi, kif ukoll biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ attivitajiet frodulenti rigward oġġetti jew servizzi oħrajn, fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew fi Stati Membri oħrajn.

Emenda 11

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 2 a (ġdid)

 

2a.    Stat Membru li jagħżel li jintroduċi l-mekkaniżmu, hemm dispożizzjoni dwaru fil-paragrafu 1, jista’ jimponi r-rekwiżit li jsiru rapporti speċifiċi bbażati fuq id-data għal kwalunkwe persuna taxxabbli li tirċievi oġġetti jew servizzi li għalihom japplika dan il-mekkaniżmu sabiex jiġi ċċarat jekk dawk l-oġġetti u s-servizzi jkunux qegħdin jintużaw għal skopijiet ta’ negozju normali jew għal skopijiet oħrajn.

Emenda 12

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 3 a (ġdid)

 

3a.    Fuq il-bażi tal-input mill-Istati Membri, l-kriterji ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3(b) għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni wara li tkun ikkonsultat mal-Kumitat tal-VAT.

Emenda 13

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 4 – punt f a (ġdid)

 

(fa)

xi tibdil li jista' jkun hemm fid-dħul mill-VAT minħabba l-mekkaniżmu rigward l-oġġetti u s-servizzi elenkati fl-Anness VI A, magħżul u applikat mill-Istati Membri rispettivi.

Emenda 14

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 2006/112/KE

Artikolu 199a – paragrafu 4 a (ġdid)

 

4a.     Sal-1 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposti xierqa msejsa fuq ir-rapporti tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 4, li jivvaluta l-proporzjon bejn in-nefqa u l-benefiċċju tal-miżura sabiex jiġi vvalutat mill-ġdid jekk l-estensjoni jew it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkunx xieraq.


Top