This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE0106
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council concerning measures to safeguard security of gas supply and repealing Directive 2004/67/EC’ COM (2009) 363 final — 2009/0108 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE COM(2009) 363 finali – 2009/0108 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE COM(2009) 363 finali – 2009/0108 (COD)
ĠU C 339, 14.12.2010, p. 49–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 339/49 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE
COM(2009) 363 finali – 2009/0108 (COD)
(2010/C 339/11)
Relatur: is-Sur SANTILLÁN CABEZA
Nhar l-4 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE
COM(2009) 363 finali.
Nhar id-29 ta’ Settembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-459 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-20 u l-21 ta’ Jannar (seduta tal-20 ta’ Jannar) li jaħtar lis-Sur Santillán Cabeza bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’173 vot favur u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Is-sostituzzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali sabiex tiġi ggarantita l-provvista tal-gass naturali hija parti mill-pakkett ta’ miżuri urġenti li qegħdin jiġu adottati fid-dawl tal-konsegwenzi gravi tal-interruzzjonijiet fil-provvista.
1.2 Il-KESE japprova l-proposta għal Regolament biex tiġi ggarantita l-provvista tal-gass naturali fl-UE.
1.3 L-istrument legali magħżul biex jissostitwixxi d-Direttiva 2004/67/KE dwar il-miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali (1) huwa adatt billi jwassal għal applikazzjoni iktar rapida u uniformi. Minħabba l-urġenza u l-gravità tal-problema, jeħtieġ li tittieħed azzjoni mill-iktar fis possibbli għall-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jiġu evitati l-interruzzjonijiet fil-provvista.
1.4 Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv il-proposta għall-ispeċifikazzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jieħdu l-partijiet responsabbli (infrastrutturi, miżuri ta’ prevenzjoni u pjani ta’ emerġenza għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi), li jnaqqsu l-marġni ta’ flessibbiltà li toħloq id-Direttiva tal-2004.
1.5 Billi l-allokazzjoni tal-kompetenzi mhijiex espliċita biżżejjed fil-proposta tal-Kummissjoni, il-Kumitat jissuġġerixxi li ssir distinzjoni ċara bejn il-kompiti tal-awtoritajiet pubbliċi (Kummissjoni u Awtoritajiet Kompetenti nazzjonali) u dawk tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet privati.
1.6 Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-drittijiet tal-konsumaturi, li ma tqisux biżżejjed fl-abbozz, fir-rigward ta’ aspetti bħar-riperkussjoni tal-prezz tal-miżuri fuq it-tariffi, kjarifika tal-kunċetti ta’ “klijent domestiku” u “klijent protett”, id-dritt għall-informazzjoni f’każ ta’ emerġenza, eċċ.
1.7 Hekk kif propost fil-punt 5.3, jeħtieġ li jitfasslu sanzjonijiet għall-Istati Membri li ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista.
1.8 Il-KESE jappella għal protezzjoni speċjali għall-klijenti domestiċi u l-konsumaturi ż-żgħar tal-gass f’każijiet ta’ emerġenza.
1.9 Fil-fehma tal-KESE, il-provvedituri kollha tas-servizzi jrid ikollhom livell ta’ responsabbiltà ugwali fil-provvista, b’konformità mal-kapaċità tagħhom, u dan mingħajr eċċezzjonijiet.
1.10 Il-proġetti ta’ pipelines alternattivi (bħal Nord Stream jew Nabucco) jirrappreżentaw soluzzjonijiet sostenibbli fuq perijodu medju u twil iżda, sa ma l-miżuri previsti fir-Regolament ikunu daħlu fis-seħħ għal kollox, jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni sabiex tiġi evitata kriżi oħra bħal dik ta’ Jannar 2009.
1.11 Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa importanti li l-miżuri tat-Tielet Pakket tal-Enerġija jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr, inklużi l-istabbiliment ta’ Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, l-indipendenza tal-korpi ta’ regolazzjoni u l-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli.
1.12 Il-KESE jemmen li għandu jinfetaħ dibattitu dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija, li s’issa kienet politika ċentrali tal-UE, billi din ma ssodisfatx l-għan tad-diversifikazzjoni tas-sorsi u tas-sigurtà tal-provvista. Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni wasslet għal telf kbir ta’ impjiegi kkwalifikati.
1.13 Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-effikaċja tal-abbozz ta’ Regolament, bħall-miżuri l-oħra li ġew approvati, tiddependi fondamentalment mis-solidarjetà u l-volontà ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE.
1.14 Huwa wkoll importanti li jissaħħu l-poteri tal-Kummissjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-miżuri f’każ ta’ emerġenza, sabiex jiġu evitati d-deċiżjonijiet unilaterali li jdgħajfu l-kapaċità tal-UE meta mqabbla ma’ pajjiżi terzi.
2. L-għan tal-proposta għal Regolament
2.1 Il-gass jirrappreżenta kwart tal-enerġija totali kkunsmata fl-UE. 58 % minn dan il-gass huwa importat u 42 % minnu jiġi mir-Russja. Madwar 80 % tal-importazzjonijiet Ewropej tal-gass Russu jgħaddu mill-Ukraina (bejn 300 u 350 miljun metru kubu kuljum). Il-gass Russu jirrappreżenta medja ta’ 77 % tal-bżonnijiet tat-tmien Stati Membri l-ġodda tal-Ewropa tal-Lvant (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2009) 977 finali). Minħabba d-dipendenza qawwija minn sorsi esterni, is-sigurtà tal-provvista tal-gass ilha li saret sors ta’ tħassib għall-UE. Id-Direttiva tal-2004 (1) indirizzat dan it-tħassib. Fl-2006 konflitt bejn Gazprom (ir-Russja) u Naftogaz (l-Ukraina) wassal għal interruzzjoni qasira tal-provvista.
2.2 Fit-13 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ppublikat Komunikazzjoni (COM(2008)769) dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-2004, li fiha ġibdet l-attenzjoni għall-bżonn ta’ modifiki.
2.3 Fl-1 ta’ Jannar 2009, fl-eqqel tax-xitwa, għal darb’oħra Gazprom qatgħet il-provvista tal-gass mill-Ukraina, u ħolqot sitwazzjoni gravi fi 18-il pajjiż Ewropew. Għalkemm fil-prinċipju kienet kwistjoni ta’ konflitt kummerċjali dwar il-prezz tal-gass, minħabba l-konsegwenzi tagħha u l-fatt li affettwat lil bosta Stati Membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea kellha tieħu azzjoni. Il-konflitt intemm bl-iffirmar ta’ ftehim bejn il-kumpaniji (19 ta’ Jannar 2009) iżda t-tul tiegħu, il-ħsara kbira kkawżata u d-dipendenza qawwija tal-Ewropa mill-gass Russu taw l-allarm.
2.4 Wara s-“Summit tal-Gass” (“Il-Gass naturali għall-Ewropa: sigurtà u kooperazzjoni”, Sofia, April 2009), li laqqa’ lir-rappreżentanti ta’ pajjiżi mir-reġjuni tal-Baħar Kaspju, l-Asja Ċentrali, il-Baħar l-Iswed, il-Balkani, l-Istati Uniti, ir-Russja u l-UE, il-proposta għal Regolament li hija s-suġġett ta’ din l-opinjoni qiegħda tipprova ssib soluzzjoni għall-problemi li qamu, bħan-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri jew in-nuqqas ta’ definizzjoni tal-obbligi tad-diversi entitajiet responsabbli. Għaldaqstant, minflok ma jiġu introdotti emendi parzjali, ittieħdet deċiżjoni favur is-sostituzzjoni totali tad-Direttiva tal-2004.
3. Kontenut tal-proposta ta’ Regolament
3.1 Monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista
3.1.1 Fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-entitajiet responsabbli huma l-intrapriżi tal-gass naturali, l-Awtorità Kompetenti maħtura minn kull Stat Membri, il-konsumaturi industrijali tal-gass u l-Kummissjoni (Art. 3(1)). Għandu jkun hemm livell ta’ kooperazzjoni għoli bejniethom kollha.
3.1.2 Fi żmien tnax-il xhar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Awtorità Kompetenti ta’ kull Stat Membri għandha tistabbilixxi – wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali l-oħra u l-Kummissjoni – Pjan ta’ Azzjoni Preventiva u Pjan ta’ Emerġenza. Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni tal-Gass (“ENTSO-G”) u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”), tista’ wkoll tirrakkomanda l-istabbiliment ta’ pjan konġunt fil-livell transnazzjonali.
3.1.3 Il-miżuri biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass għandhom ikunu ddefiniti sew, trasparenti, proporzjonati, mhux diskriminatorji u verifikabbli, u m’għandhomx jgħawwġu bla bżonn il-kompetizzjoni u l-funzjonament effikaċi tas-suq intern (Art. 3(5)).
3.2 Pjan ta’ Azzjoni Preventiva
3.2.1 Il-Pjan ta’ Azzjoni Preventiva għandu jinkludi miżuri dwar l-infrastruttura, valutazzjoni tar-riskju, miżuri biex jiġu indirizzat r-riskji identifikati u informazzjoni dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku rilevanti. Il-Pjan għandu jiġi aġġornat kull sentejn (Art. 5).
3.2.2 Infrastruttura ta’ provvista. F’każ ta’ problema fl-istruttura prinċipali tal-provvista, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-bqija tal-infrastrutturi jkollhom il-kapaċità li jwasslu l-volum neċessarju ta’ gass biex tiġi koperta d-domanda totali għall-gass taż-żona, ikkalkulata matul perijodu ta’ sittin jum ta’ domanda eċċezzjonalment għolja għall-gas matul l-iksaħ perijodu rreġistrat statistikament f’dawn l-aħħar snin (Art. 6(1)). L-indikatur N-1 jiddeskrivi l-kapaċità tal-infrastruttura tal-gass biex tforni l-gass għad-domanda massima f’żona kkalkulata f’każ ta’ xkiel fl-akbar infrastruttura (Anness 1 tal-proposta).
3.2.3 Miżuri biex tiġi żgurata l-provvista. L-Awtorità Kompetenti trid tiggarantixxi l-provvista lill-klijenti protetti mill-Istati (klijenti domestiċi, skejjel, sptarijiet, eċċ.) u tevita d-diskriminazzjoni u l-ispejjeż inġusti għall-parteċipanti l-ġodda tas-suq u l-intrapriżi ż-żgħar (Art. 7).
3.2.4 Valutazzjoni tar-Riskju. Ser tkun obbligatorja għall-awtoritajiet fuq il-bażi ta’ kriterji determinati (Art. 8).
3.3 Il-Pjan ta’ Emerġenza u l-livelli tal-kriżi
3.3.1 Il-kontenut tal-pjan huwa deskritt fil-proposta (inklużi, fost affarijiet oħra, id-definizzjoni tar-rwol ta’ kull entità responsabbli, tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ ta’ kriżi, il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-Istati, eċċ.). Il-pjan ser ikun ibbażat fuq il-livelli ta’ kriżi: it-twissija bikrija, l-alert u l-emerġenza (Art. 9(1) u 9(2)).
3.3.2 Il-Kummissjoni għandha kompetenza wiesgħa, billi tista’ tivverifika “jekk id-dikjarazzjoni ta’ Emerġenza hijiex iġġustifikata u jekk timponix piż bla bżonn fuq l-impriżi tal-gass naturali u fuq il-funzjonament tas-suq intern”. Għandha wkoll is-setgħa li titlob lill-awtorità komptenti timmodifika jew saħansitra tneħħi l-miżura jekk din tirrappreżenta piż eċċessiv jew ma tkunx iġġustifikata (Art. 9(6)).
3.3.3 Il-Kummissjoni ser tkun tista’ tiddikjara Emerġenza Komunitarja fuq it-talba ta’ Awtorità Kompetenti (fost ċirkustanzi oħra), u tispeċifika l-ambitu ġeografiku tal-miżura. Il-missjoni prinċipali tagħha hija l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti u għal dan ser ikollha l-assistenza tal-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass (Art. 10(1)).
3.4 Il-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass
3.4.1 Imwaqqaf mid-Direttiva tal-2004, il-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass ser ikun magħmul minn rappreżentanti tal-Awtoritajiet Kompetenti, l-ACER, l-ENTSO-G u “entitajiet rappreżentattivi tal-industrija konċernata u klijenti rilevant”. Il-Kummissjoni ser tiddeċiedi dwar l-għamla tal-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass u l-Presidenza tiegħu (Art. 11).
3.4.2 Ir-rwol tal-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass huwa li jimplimenta l-miżuri stipulati fir-Regolament.
3.5 Skambju tal-informazzjoni
3.5.1 F’każ ta’ emerġenza nazzjonali, l-Awtorità Kompetenti għandu jkollha aċċess għal informazzjoni disponibbli kuljum dwar aspetti bħall-flussi tal-gass fis-siegħa fil-punti kollha ta’ dħul u ta’ ħruġ transkonfinali. F’każ ta’ Emerġenza Komunitarja, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ titlob informazzjoni mingħand l-Awtorità Kompetenti dwar għadd ta’ aspetti, fost oħrajn l-informazzjoni li jkollha din l-awtorità (Art. 12(1) sa 12(5)).
3.5.2 Il-Kummissjoni għandha wkoll tkun infurmata dwar il-ftehimiet intergovernattivi u l-kuntratti kummerċjali ta’ provvista milħuqa ma’ pajjiżi terzi (Art. 12(6)). Huwa stipulat ukoll li għandu jiġi ppubblikat rapport annwali (Art. 13).
4. Kummenti ġenerali
4.1 Is-sostituzzjoni tad-Direttiva tal-2004 hija parti minn grupp ta’ miżuri adottati sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista, fost oħrajn id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE; ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, u l-hekk imsejjaħ “Tielet Pakkett” tas-suq intern tal-enerġija (2). Huwa kruċjali li l-miżuri kollha jiġu implimentati b’mod strett u fiż-żmien stabbilit.
4.2 Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Regolament, li, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hija essenzjali. Jemmen li Regolament huwa l-istrument legali t-tajjeb billi dan jidħol fis-seħħ malajr u għandu applikazzjoni uniformi.
4.3 Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-proposta ttejjeb konsiderevolment il-koordinazzjoni fir-risposta għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u tnaqqas id-diskrepanzi attwali. Il-proposta ssaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni u din hija ħaġa ferm pożittiva.
4.4 Iqis ukoll b’mod favorevoli l-istabbiliment dettaljat tal-pjani u l-miżuri fir-rigward ta’ diversi sitwazzjonijiet kritiċi, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tagħhom ser teħtieġ sforz konsiderevoli f’termini ta’ riżorsi umani u materjali għall-entitajiet responsabbli differenti.
4.5 Aspett pożittiv ieħor huwa d-definizzjoni tal-obbligi tad-diversi entitajiet responsabbli fil-qasam tal-infrastruttura, fuq il-bażi ta’ periklu konkret (prinċipju N-1). Fl-istess ħin, wieħed irid jinnota n-nefqa għolja li ser ikollhom iġarrbu ċerti Stati Membri għall-infrastruttura li ser ikollha tinbena għall-implimentazzjoni tar-Regolament.
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Il-Kumitat jikkunsidra li trid issir distinzjoni bejn ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 3(1) u dawk tal-intrapriżi u l-korpi privati, u għalhekk jipproponi test ġdid li jiċċara li:
— |
is-sigurtà tal-provvista tal-gass hija responsabbiltà tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri tal-Kummissjoni, fi ħdan l-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom. |
— |
l-intrapriżi tal-gass naturali u l-konsumaturi industrijali tal-gass għandhom jikkooperaw u japplikaw il-miżuri stipulati mill-awtoritajiet responsabbli. |
5.2 Il-KESE jqis li l-abbozz ta’ Regolament (u, jekk rilevanti, l-applikazzjoni ta’ dan f’kull Stat Membru) għandhom jagħtu importanza ikbar lid-drittijiet tal-konsumaturi, mill-inqas fir-rigward ta’ wħud minn dawn l-aspetti:
a) |
it-tariffi: billi l-ispejjeż tal-miżuri jistgħu jaqgħu fuq il-konsumaturi permezz tat-tariffi, ta’ min ifakkar li fis-soċjetajiet demokratiċi l-awtoritajiet iridu jżommu f’moħħhom il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-utenti meta jasal il-waqt li jadottaw id-deċiżjonijiet dwar dan. |
b) |
kjarifika tal-kunċetti ta’ “klijent domestiku” u “klijent protett”, li huma biss deskritti b’mod ġenerali fl-abbozz (fil-kunsiderazzjoni 18, fejn jissemmew l-iskejjel u l-isptarijiet). Għandha tiġi inkluża lista iktar iddettaljata, anke jekk din ma tkunx eżawrjenti. |
c) |
id-dritt għall-informazzjoni. Il-konsumaturi għandhom jirċievu l-informazzjoni f’waqtha dwar il-miżuri adottati mill-awtoritajiet, previżjonijiet dwar il-progess tas-sitwazzjoni, entitajiet li għandhom jikkuntattjaw, eċċ. Dawn l-aspetti ma jissemmewx fl-abbozz. |
5.3 Il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġi żgurat li hekk kif speċifikat fl-abbozz ta’ Regolament, l-Istati Membri kollha jkunu f’kundizzjoni li jiggarantixxu l-provvista lill-klijenti finali tagħhom sal-2014. Għal dan il-għan, iridu jippjanaw jew joħolqu netwerk N-1 jew jipprovdu l-kapaċità ta’ ħżin meħtieġa. L-Istati Membri ser ifasslu rapporti fis-snin 2011 u 2014 dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex jilħqu dan il-livell. F’każ li Stat Membri ma jilħaqx dan il-livell, l-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li joffru provvisti ta’ gass f’każ ta’ skarsezza fil-provvista.
5.4 Fil-fehma tal-KESE, il-klijenti domestiċi u l-konsumaturi ż-żgħar għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali f’każ li jkun hemm interruzzjoni fil-provvista. Għal din ir-raġuni l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiggarantixxu l-provvista tal-gass u tat-tisħin skont ir-regoli applikabbli.
5.5 Il-KESE jqis li f’każ ta’ provvista skarsa, il-provvedituri kollha ta’ servizzi tal-gass għandu jkollhom l-obbligu li jadottaw il-miżuri ta’ emerġenza meħtieġa. Hekk biss tista’ tiġi ggarantita, fuq perijodu twil, kompetizzjoni ugwali u mingħajr diskriminazzjoni fis-suq tal-gass tal-UE. L-eċċezzjonijiet imsemmija fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-parteċipanti l-ġodda tas-suq u l-intrapriżi ż-żgħar (Artikolu 7(3)) għandhom jitħassru.
5.6 Qegħdin jitħejjew proġetti ta’ pipelines alternattivi li jirrappreżentaw soluzzjonijiet fit-tul u fuq perijodu medju. Fil-5 ta’ Novembru 2009, il-gvernijiet tal-Isvezja u l-Finlandja (u qabilhom il-gvern tad-Dinamarka) taw l-awtorizzazzjoni tagħhom biex jinbena n-“Nord Stream”, żewġ pipelines paralleli li ser iwasslu l-gass mir-Russja għall-Ġermanja mill-Baħar Baltiku. Huwa ppjanat li dan il-proġett jibda jaħdem fl-2011 jew 2012. Il-proġett “Nabucco”, immexxi mill-konsorzju Awstrijaku OMV u li huwa appoġġjat mill-UE u l-Istati Uniti, għandu l-għan li jwassal il-gass lejn l-Ewropa mir-reġjuni tal-Baħar Kaspju, l-Asja Ċentrali u l-Lvant Nofsani u Qarib, mingħajr ma jgħaddi mir-Russja. Jikkompeti mas-“South Stream” (Gazprom – ENI) li jwassal il-gass Russu lejn il-Bulgarija u żoni oħra tal-Ewropa. Madankollu, billi l-miżuri stipulati fl-abbozz ta’ Regolament mhux ser jidħlu fis-seħħ sal-2011, hemm lok għal tħassib fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-futur immedjat, fuq kollox fix-xitwa. Il-KESE jittama li l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali ser jaġixxu b’mod preventiv sabiex jevitaw li jkun hemm kriżi oħra bħal dik ta’ Jannar 2009. Jista’ jiġi kkunsidrat li jitwaqqaf grupp ta’ kriżi bil-kapaċità li jadotta l-miżuri malajr.
5.7 B’rabta mal-objettiv ta’ din il-proposta, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ftehim UE-Russja dwar ir-twissija bikrija (early warning system) f’każ ta’ problema ta’ provvista, iffirmat f’Moska fis-16 ta’ Novembru 2009, kif ukoll il-volontà ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fil-qasam tal-enerġija miftiehma fis-Summit ta’ Stokkolma tat-18 ta’ Novembru 2009.
5.8 Il-miżuri approvati fit-Tielet Pakkett tas-suq intern tal-enerġija huma komplementari għal dawk ippjanati fil-proposta għal Regolament, u għalhekk huwa importanti li jiġu applikati. Fosthom ta’ min isemmi: l-istabbiliment tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija bħala kontribut għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, l-indipendenza tal-korpi regolaturi u l-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli, bil-projbizzjoni ta’ interruzzjoni fil-perijodu kritiċi.
5.9 Il-KESE jqis li l-entitajiet politiċi rilevanti tal-UE għandhom jirrevedu l-politika tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass billi qiegħda tmur kontra s-sigurtà tal-provvista. F’dan il-kuntest, Evert Faber van der Meulen (EU Studies Coordinator, Leiden University), jikkritika x-“xeħta liberali” tal-Kummissjoni u jistqarr li l-liberalizzazzjoni għandha biss tiġi kkunsidrata bħala objettiv “fuq perijodu twil”. Ara “Gas Supply and EU-Russia Relations”. Ċerti esperjenzi wrew li d-deregolazzjoni tas-swieq ma wasslitx għal investimenti fl-enerġiji nodfa u lanqas ma tejbet id-diversifikazzjoni tal-provvista. Pereżempju, il-każ tar-Renju Unit: “The call for a U-turn on two decades of government policy thas has created one of the most liberal energy markets came as the Commitee on Climate Change, chaired by Lord Turner, concluded that deregulated markets did not produce the needed investment in low carbon energy and a diversity of supply”. (U-turn urged on UK energy policy, Financial Times, 12 ta’ Ottubru, 2009). Il-proċess ta’ liberalizzazzjoni u privatizzazzjoni tas-settur enerġetiku wassal għal telf kbir ta’ impjiegi kkwalifikati. Huwa stmat li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku wasslet għal telf ta’ 34 % tal-impjiegi fl-UE-15 (eżempji ta’ telf fl-Istati Membri: 34 % fil-Ġermanja, 40 % fl-Italja, 39 % fil-Pajjiżi l-Baxxi, 34 % fi Spanja, 33 % fl-Isvezja), filwaqt li fil-każ tal-gass, fi 12-il Stat Membru (CZ, DK, DE, ES, IT, LV, LT, HU, AT, PT, SI, FI) it-telf kien ta’ 12 % f’erba’ snin biss. (Hermann, C. and R. Atzmüller (2008) “Liberalisation and Privatisation of Public Services and the Impact on Employment, Working Conditions and Labour Relations”. Transfer, Summer 2008, Volume 14, Number 2, p. 303.
5.10 Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-kumplessità kbira tas-suġġett u n-natura strateġika tiegħu jitolbu li l-Istati Membri jieħdu deċizjonijiet fundamentali dwar is-sigurtà tal-provvista li jkunu komplementari għal dawk ta’ din il-proposta, pereżempju dawk dwar in-netwerks ta’ trasport, l-enerġiji rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija. Il-kriżi tal-2009 ġabet fid-dieher il-bżonn li tittejjeb is-solidarjetà u l-kooperazzjoni fi ħdan l-UE f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Dan ir-Regolament jirrappreżenta pass importanti f’din id-direzzjoni iżda l-effikaċja tiegħu tiddependi minn jekk jiġix applikat b’mod strett u fiż-żmien stabbilit.
Brussell, 20 ta’ Jannar 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU L 127, 29.4.2004, p. 92.
(2) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.