Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XX0617(02)

    Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-każ COMP/38695 – Sodium Chlorate (skont Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat- 23 ta' Mejju 2001 fuq it-termini ta' riferenza tal-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni – ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21 )

    ĠU C 137, 17.6.2009, p. 5–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 137/5


    Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-każ COMP/38695 – Sodium Chlorate

    (skont Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat-23 ta' Mejju 2001 fuq it-termini ta' riferenza tal-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni – ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21)

    2009/C 137/05

    L-abbozz tad-deċiżjoni f'dan il-każ jagħti lok għall-osservazzjonijiet li ġejjin:

    Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet u Aċċess għall-fajl

    Wara tliet applikazzjonijiet għall-klemenza u investigazzjoni sussegwenti, il-Kummissjoni ħarġet, fis-27 ta' Lulju 2007, Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (SO) lill-partijiet li ġejjin li tikkonċerna ksur tal-Artikolu 81 tat-Trattat u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

    EKA Chemicals AB (“EKA”) u l-kumpanija parent finali tagħha Akzo Nobel NV; Finlandiż Chemicals OY (“Finnish Chemicals”) u l-kumpanija parent finali tagħha Erikem Luxembourg SA (“Erikem”); Arkema France SA (qabel imsejħa Atofina SA, minn hawn ′il quddiem “Atofina”) u l-kumpanija parent tagħha Elf Aquitaine SA (“Elf Aquitaine”) u Aragonesas Iridustrias y Energia SAU (“Aragonesas”) u l-kumpanija parent tagħha Uralita SA (“Uralita”).

    Il-partijiet rċevew aċċess għall-fajl permezz ta' DVD li rċevew bejn il-31 ta' Lulju 2007 u t-2 ta' Awwissu 2007. Il-partijiet irċevew aċċess għad-dikjarazzjonijiet orali ta' EKA Chemicals fil-bini tal-Kummissjoni fit-2 ta' Awwissu 2007 (Uralita u Aragonesas); fl-14 ta' Awwissu 2007 (Finnish Chemcials) u fl-11-12 u kif ukoll fid-19-20 ta' Settembru 2007 (Atofina).

    Il-partijiet ma indirizzawx xi kwistjonijiet dwar l-aċċess għall-fajl.

    Id-destinatarji tal-SO oriġinarjament ingħataw limitu ta' 6 ġimgħat sabiex jagħtu l-kummenti tagħhom lill-SO mid-data ta' meta rċevew il-fajl tal-Kummissjoni fil-forma ta' DVD. Fuq talbiet motivati tagħhom, tajt estensjonijiet ta' bejn ġimagħtejn u xahar, filwaqt li rrifjutajt talba għal estensjoni li ma kenitx motivata biżżejjed. Il-partijiet kollha rrispondew fil-ħin.

    Is-smigħ orali

    Il-partijiet kollha fil-proċedimenti minbarra Aragonesas eżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu fi smigħ orali, li sar fl-20 ta' Novembru 2007.

    Fis-Smigħ, Elf Aquitaine qalet li l-Kummissjoni ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża billi għamlet allegazzjonijiet fir-rigward tal-kontroll tagħhom fuq Altofina fl-SO mingħajr ma l-ewwel semgħet lil Elf Aquitaine. Jien irrifjutajt dan l-ilment għaliex skont l-Artikolu 27, para 1, Reg 1/2003 l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi l-opportunità li jinstemgħu “qabel ma tieħu d-deċiżjonijiet”. Għaldaqstant, id-Dritt li tinstema' oralment u wkoll li tagħmel dikjarazzjonijiet bil-kitba huwa intrinsikament marbut mal-allegazzjonijiet konkreti kif espressi mill-SO. Mhux rikonoxxut fil-fażi tal-investigazzjoni qabel mal-Kummissjoni tkun ifformulat l-oġġezzjonjiet tagħha.

    Il-kwistjoni sostantiva ewlenija diskussa fis-Smigħ kienet tirrigwarda, lil hinn mill-perjodu tal-ksur u l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi, il-kwistjoni tar-responsabbiltà parentali. Erikem Luxembourg, Elf Aquitaine u Uralita kollha kkontestaw l-applikazzjoni fuq il-prinċipji tar-responsabbiltà parentali u ressqu interpretazzjonijiet fundamentalment differenti dwar il-ġurisprudenza tal-Qrati u dawk tal-Kummissjoni.

    L-abbozz ta' deċiżjoni finali

    Fil-fehma tiegħi, l-abbozz jittratta biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-veduti tagħhom.

    Fid-dawl ta’ dak li ssemma' hawn fuq, jiena nikkunsidra li f’dan il-każ id-drittijiet tal-partijiet li jinstemgħu ġew irrispettati.

    Brussell, id-9 ta' Ġunju 2008.

    Karen WILLIAMS


    Top