Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XX0429(01)

    Aġġornament tan-notifika mil-Litwanja skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 , li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) – Il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti

    ĠU C 98, 29.4.2009, p. 10–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 98/10


    Aġġornament tan-notifika mil-Litwanja skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

    Il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti

    2009/C 98/05

    LITWANJA

    L-emenda tal-informazzjoni mressqa mil-Litwanja u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 18 tal-24 ta’ Jannar 2008).

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali Litwana ma tistabbilixxi ebda obbligu biex wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti l-ħin kollu.

    Madanakollu, skont il-Liġi dwar l-Istatus Legali tal-Barranin (l-Artikolu 3(4)), iċ-ċittadini barranin għandhom jippreżentaw dokument ta' identifkazzjoni personali (dokument tal-ivvjaġġar, permess ta' residenza jew simili), kif ukoll dokumenti oħra li jispeċifkaw l-għan u l-kunduzzjonijiet tal-preżenza tagħhom fir-Repubblika tal-Litwanja li juru l-legalità taż-żjara tagħhom, meta dawn ikunu mitlubin li jagħmlu hekk minn puliżija jew uffiċjali oħra li jinforzaw il-liġi.

    Barra minn hekk, il-Liġi dwar il-Fruntieri Nazzjonali u l-Protezzjoni tagħhom (l-Artikolu 17(5)) u atti leġiżlattivi oħra jistabbilixxu li persuni li ma jkollhomx dokumenti ta' identifkazzjoni personali ma jistgħux jidħlu f'ċerti żoni soġġetti għal regolamenti tal-fruntieri. Ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja u ta' Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u persuni minn 16-il sena 'l fuq li għandhom id-dritt Komunitarju ta' moviment ħieles u li ma jġorrux fuqhom dokumenti ta' identifikazzjoni personali ma jistgħux jidħlu f'żoni ta' fruntiera. Ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja u ta' Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u persuni ta' inqas minn 16-il sena li għandhom id-dritt Komunitarju ta' moviment ħieles u li ma jġorrux fuqhom ċertifkat tat-twelid, dokument tal-ivvjaġġar tat-tfal jew dokumenti oħra ta' identifikazzjoni personali ma jistgħux jidħlu f'żoni ta' fruntiera. Persuni oħra ma jistgħux jidħlu f'żoni ta' fruntiera jekk ma jkunux fil-pussess ta' passaport ta' ċittadin ta' pajjiż terz validu jew dokument tal-ivvjaġġar ekwivalenti, passaport ta' ċittadin barrani jew dokument ieħor ta' identifkazzjoni personali u dokument li juri l-legalità taż-żjara tagħhom fir-Repubblika tal-Litwanja.

    Persuni jistgħu jidħlu f'żoni ta' fruntiera nazzjonali mgħassa biss meta jkunu fil-pussess ta' permess ta' darba jew permanenti maħruġ mis-Servizz ta' Gwardjani tal-Fruntiera Statali, flimkien mad-dokumenti msemmija hawn fuq. Dawn il-permessi mhux meħtieġa fil-każ ta' persuni li jidħlu f'żona ta' fruntiera nazzjonali mgħassa bl-art, bil-baħar jew bl-ajru biex jaqsmu l-fruntiera skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġijiet jew leġiżlazzjoni oħra tar-Repubblika tal-Litwanja.


    Top