Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XX0226(02)

    Rapport Finali ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ fil-każ COMP/39.168 — Prodotti tal-ħjata ibsin: Żippijiet

    ĠU C 47, 26.2.2009, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 47/5


    Rapport Finali (1) ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ fil-każ COMP/39.168 — Prodotti tal-ħjata ibsin: Żippijiet

    (2009/C 47/06)

    L-Isfond

    Fis-7 u t-8 ta' Novembru 2001 il-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet fil-bini ta' diversi produtturi Komunitarji ta' prodotti tal-ħjata ibsin u rotob, kif ukoll fil-bini ta' l-assoċjazzjoni Ġermaniża tat-teknoloġija taż-żippijiet, Fachverband Verbindungs — und Befestigungstechnik (VBT). Il-provi wrew li l-impriżi kellhom sehem f'numru ta' ftehimiet u/jew prattiċi miftiehma f'rabta ma' qfil biż-żippijiet u/jew “qfil ieħor” u/jew magni ta' twaħħil fl-UE. Skond il-Kummissjoni, il-ksur kien jifforma parti minn diversi skemi globali li l-għanijiet tagħhom kienu li jxekklu l-moviment normali tal-prezzijiet fis-suq ta' l-UE għal “qfil ieħor” u l-magni ta' twaħħil u ż-żippijiet relatati magħhom. L-iskemi kellhom l-għan li jirristrinġu l-kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali, ma' l-UE kollha u mad-dinja kollha, fil-każ ta' “qfil ieħor” u l-magni ta' twaħħil billi jallokaw swieq u jiskambjaw prezzijiet u jiffissaw prezzijiet minimi u mmirati.

    Dikjarazzjonijiet ta' Oġġezzjonijiet u Aċċess għall-fajl

    L-ewwel Stqarrija ta' Oġġezzjonijiet (SO) intbagħtet fis-17 ta' Settembru 2004 lis-sittax-il destinarju li ġejjin: A. Raymond Sarl; Berning & Söhne GmbH & Co. KG; [kumpanija A]; Coats Holdings Ltd; Éclair Prym Sarl (2); Fachverband Verbindungs-und Befestigungstechnik (“VBT”); Prym Fashion GmbH & Co. KG (3); [kumpanija B]; [kumpanija C]; Scovill Fasteners Europe SA; Scovill Fasteners Inc.; William Prym GmbH & Co. KG; [kumpanija D]; YKK Corp., il-Ġappun; YKK Holding Europe BV; and YKK Stocko Fasteners GmbH.

    Minħabba l-fatt li s-CD-ROM li jipprovdi aċċess għall-fajl intbagħat lill-partijiet ftit tard, fl-4 ta' Ottubru 2004, fuq talba/talbiet tal-partijiet, jien approvajt estenzjonijiet u/jew aktar estensjonijiet għall-iskadenza lil numru ta' partijiet biex jibagħtu t-tweġibiet tagħhom (A. Raymond Sarl, fis-6 ta' Diċembru 2004; [Berning u kumpanija A], fl-20 ta' Diċembru 2004, VBT, fl-20 ta' Diċembru 2004; it-tliet kumpaniji Prym, fl-20 ta' Diċembru 2004; iż-żewġ kumpaniji Svovill, fit-13 ta' Diċembru 2004; YKK Corp., il-Ġappun, fil-21 ta' Diċembru 2004; iż-żewġ kumpaniji YKK li fadal, fl-14 ta' Diċembru 2004).

    Il-partijiet kollha rrispondew fil-ħin.

    Applikazzjonijiet ta' klemenza ġodda, li pprovdew informazzjoni supplimentari, għenu lill-Kummissjoni biex toħroġ Stqarrija Supplimentari ta' Oġġezzjonijiet (SSO). Dan id-dokument intbagħat fit-8 ta' Marzu 2006 lill-istess destinatarji, ħlief għal [kumpanija C] u [kumpanija D] (4), bħala l-SO oriġinali. L-SSO kienet indirizzata wkoll lil Coats Holdings' German subsidiary Coats Deutschland GmbH, lil ma kinitx destinatarja ta' l-SO oriġinali.

    Fuq talba/talbiet tal-partijiet, jien approvajt l-estenzjonijiet li ġejjin u/jew aktar estenzjonijiet għall-iskadenza għat-tweġibiet tagħhom: [Berning u kumpanija A], fil-15 ta' Mejju 2006; it-tliet kumpaniji Prym, fil-15 ta' Mejju 2006; Scovill Fasteners Inc.; fid-19 ta' Mejju 2006; u t-tliet kumpaniji YKK, fis-16 ta' Mejju 2006.

    Il-partijiet kollha rrispondew fil-ħin.

    Intbagħat CD-ROM b'numru ta' kopji tad-dokumenti li qegħdin fil-fajl tal-Kummissjoni lill-partijiet fit-13 ta' Marzu 2006 f'rabta ma' l-SSO.

    L-involviment ta' partijiet terzi

    L-ebda parti terza ma kienet involuta fil-proċedura.

    Seduta verbali

    Is-seduta verbali saret fil-11 ta' Lulju 2006. Ħadu sehem il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta' l-assoċjazzjoni VTB u Scovill Fasteners Europe SA.

    Fil-bidu tas-seduta verbali kien aċċettat dokument bħala evidenza skond l-Artikolu 12(3) tal-mandat ta' l-Uffiċjali tas-Smigħ. YKK kienet talbet li dan id-dokument jinġieb bħala evidenza minħabba li kien instab riċentement u kien ikkunsidrat rilevanti peress li seta' juri ksur fil-kooperazzjoni tal-Prym taħt in-Notifika ta' Klemenza. Il-partijiet ingħataw l-opportunità biex jirrispondu bil-fomm jekk kienu jixtiequ jagħmlu hekk, jew sussegwentement bil-miktub.

    L-abbozz ta' Deċiżjoni

    l-abbozz tad-Deċiżjoni tkopri l-istess prodotti u l-ksur kemm bħala SO u l-SSO.

    Id-destinatarji ta' l-abbozz ta' Deċiżjoni, ħlief għal [kumpanija A] u [kumpanija B] (5) jibqgħu l-istess bħal dawk ta' l-SSO.

    It-tul ta' żmien tal-ksur kommess minn uħud mill-partijiet kien imnaqqas fl-abbozz tad-Deċiżjoni kif imqabbel ma' l-Istqarrijiet ta' Oġġezzjonijiet.

    L-oġġezzjonijiet fir-rigward ta' ċerti ftehimiet ma nżammux fl-abbozz tad-Deċiżjoni. Dawn huma: a) ftehim bilaterali bejn Prym u Berning dwar is-suq għal “żippijiet oħra” u magni ta' twaħħil; b) ftehim bilaterali bejn Coats u YKK dwar is-suq għal żippijiet; b) ftehim bilaterali bejn Prym u YKK dwar is-suq għal żippijiet.

    Dwar l-involviment fil-ksur għall-assoċjazzjoni VBT, aktar spjegazzjonijiet kienu pprovduti mill-abbozz ta' Deċiżjoni. Madanakollu, ma tinstab ebda evidenza fid-Deċiżjoni li ma kinitx diġà ġiet stabbilita fl-Istqarrija ta' Oġġezzjonijiet dwar l-involviment ta' VTB.

    L-abbozz ta' Deċiżjoni sottomess lill-Kummissjoni fih biss oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jgħarrfu l-opinjonijiet tagħhom.

    Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jiena nikkunsidra li f'dan il-każ kienu rrispettati d-drittijiet tal-partijiet li jkunu mismugħa.

    Brussell, it-12 ta' Settembru 2007.

    Karen WILLIAMS


    (1)  Skond l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, KEFA) tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza għall-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21).

    (2)  L-isem korrett tal-kumpanija “Éclair Prym Sarl” li għaliha ssir referenza fiż-żewġ Stqarrijiet ta' Oġġezzjonijiet kienet “Éclair Prym Group S.A.” sa mit-12 ta' November 2001, kif kien innotat fl-abbozz tad-Deċiżjoni.

    (3)  Mit-23 ta' Ottubru 2006, il-kumpanija “Prym Fashion GmbH & Co. KG” kienet imsemmija mill-ġdid u ngħatat l-isem “Prym Inovan GmbH & Co. KG”.

    (4)  [kumpanija C] u [kumpanija D] mhumiex id-destinatarji ta' l-abbozz ta' Deċiżjoni.

    (5)  [kumpanija A] u [kumpanija B], li kienu d-destinatarji ta' l-SSO, kienu mneħħija mill-abbozz tad-Deċiżjoni.


    Top