Dit document is overgenomen van EUR-Lex
Document 52009XR0176
Resolution of the Committee of the Regions on climate change: the road to Copenhagen adopted on 18 June 2009
Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-bidla fil-klima: it-triq lejn Kopenħagen adottata fit- 18 ta' Ġunju 2009
Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-bidla fil-klima: it-triq lejn Kopenħagen adottata fit- 18 ta' Ġunju 2009
ĠU C 211, 4.9.2009, blz. 61–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 211/61 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-bidla fil-klima: it-triq lejn Kopenħagen
adottata fit-18 ta' Ġunju 2009
(2009/C 211/09)
L-ISFIDA TAL-BIDLA FIL-KLIMA GĦALL-AWTORITAJIET LOKALI U REĠJONALI
Il-Kumitat tar-Reġjuni:
1. |
ifakkar li l-bidla fil-klima hija waħda mill-aktar sfidi politiċi importanti li qed jiffaċċja l-bniedem. Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, aktar u aktar minħabba l-fatt li huma jbatu l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi involuti; |
2. |
jenfasizza li l-kriżi ekonomika m'għandhiex twassal biex jitnaqqsu l-isforzi, iżda biex tiżdied l-azzjoni kontra l-bidla fil-klima. Il-kriżi ekonomika għandha tkun opportunità sabiex jissaħħaħ l-għarfien tekniku u jiġu żviluppati l-attivitajiet maħsuba biex jindirizzaw il-bidla fil-klima; |
3. |
jisħaq li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali diġà qed jagħtu kontribut ewlieni għas-suċċess tal-inizjattivi tal-politika Ewropea tal-klima u l-enerġija, u qed jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki rispettivi bis-saħħa ta' miżuri fl-oqsma tat-trasport pubbliku, it-traffiku u l-infrastruttura tal-enerġija, id-djar, l-ippjanar tal-art, l-effiċjenza tal-enerġija u l-komunikazzjoni pubblika; |
4. |
jagħmel enfasi fuq il-vulnerabbiltà tar-reġjuni Ewropej għall-bidla fil-klima u l-fatt li l-kapaċità tagħhom li jadattaw għaliha tvarja ħafna, l-aktar minħabba d-differenzi fl-iżvilupp soċjoekonomiku, il-kundizzjonijiet naturali u d-densità tal-popolazzjoni. Iż-żoni kostali, l-aktar reġjuni mbiegħda, il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ħafna żoni nofshom niexfa fil-baċin tal-Mediterran huma fost l-aktar reġjuni vulnerabbli għall-impatt negattiv tal-bidla fil-klima; |
5. |
jinsab konvint li l-ispejjeż tal-miżuri biex titnaqqas il-bidla fil-klima ser ikunu ħafna anqas mill-ispejjeż stmati tal-bidla fil-klima; |
6. |
jemmen li politika tal-klima effettiva tista' twaqqaf l-inugwaljanzi soċjali li jirriżultaw mill-bidla fil-klima; |
7. |
jenfasizza li t-tranżizzjoni għal ekonomija mingħajr karbonju tirrappreżenta pass importanti lejn it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod speċjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
IL-PASSI LI JMISS FIN-NEGOZJATI INTERNAZZJONALI DWAR IL-KLIMA
8. |
iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea żżid l-isforzi tagħha fl-ogħla livell politiku bil-għan li ssaħħaħ il-koalizzjoni internazzjonali kontra l-bidla fil-klima u li tiggarantixxi ftehim għal wara l-Protokoll ta' Kjoto li jkun imsejjes fuq objettivi ta' tnaqqis ambizzjużi, trasparenti u vinkolanti; |
9. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-KtR ikun rappreżentat fid-delegazzjoni tal-UE fil-konferenza tal-UNFCCC COP 15 ġewwa Kopenħagen f'Diċembru 2009 bħala l-vuċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej; |
10. |
jinsab imħasseb minħabba l-fatt li l-aħħar abbozz ta' dokument dwar in-negozjati li ħejja l-grupp ta' ħidma ad hoc dwar l-azzjoni ta' kooperazzjoni fit-tul fil-kuntest tal-Konvenzjoni (AWG-LCA), filwaqt li jagħraf l-importanza tal-isforzi sottonazzjonali fl-adattament għall-bidla fil-klima, ma jgħid xejn fuq ir-rwol tal-mitigazzjoni u fuq kwalunkwe viżjoni fit-tul biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima; |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA ĠENERALI
11. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-iżvilupp u n-negozjati ta' politika ġdida għall-kwistjonijiet marbuta mal-bidla fil-klima li kapaċi jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini tagħhom, u jiżguraw li jkun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani meta r-responsabbiltajiet jitqassmu fost il-livelli differenti; |
12. |
jenfasizza l-bżonn li jitnedew kampanji attivi ta' sensibilizzazzjoni bl-appoġġ sħiħ tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li għandhom linja ta' komunikazzjoni diretta maċ-ċitadini; |
13. |
għaldaqstant, jilqa’ l-impenn tal-UE li toħloq sinerġija tal-isforzi maħsuba biex itaffu l-bidla fil-klima u jgħinu fl-adattament għaliha b'konformità mal-Aġenda ta' Liżbona u l-Ftehima ta' Göteborg, però jisħaq li l-Istrateġija ta' Liżbona għal wara l-2010 għandha tmur 'l hinn mill-pożizzjoni attwali li tikkonsisti minn tliet proċessi paralleli. Għandu jkun hemm qafas ta' żvilupp wieħed li jkopri l-azzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali tal-Unjoni Ewropea; |
14. |
jirrakkomanda li jsiru investimenti konsistenti fir-rigward tal-infrastruttura ekoloġika: użu iktar mifrux tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) fl-amministrazzjoni; ir-restawr għall-użu effiċjenti tal-enerġija tal-bini pubbliku u privat qadim; mezzi ġodda ta' trasport. L-użu ta' dawl, tisħin u tkessieħ li huwa effiċjenti fl-użu tal-enerġija għandu jitħeġġeġ. Jeħtieġ ukoll li jintuża l-akkwist pubbliku ekoloġiku kif ukoll li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; |
15. |
jaħseb li l-adattament u l-mitigazzjoni għandhom isiru objettiv espliċitu f'kull qafas ta' politika tal-UE, bħall-politiki tal-iżvilupp ambjentali u rurali, li jinkludu l-evitar tad-deforestazzjoni, it-trasport, il-bijodiversità u l-ġestjoni tal-iskart u l-ilma, u l-programmi ta' finanzjament f'oqsma bħall-politika ta' koeżjoni; |
16. |
iħeġġeġ li l-baġit, il-programmi u l-politiki tal-UE u speċjalment il-leġiżlazzjoni ewlenija ta' wara l-2013 jiġu riveduti fid-dawl tal-parametri li qed jinbidlu minħabba l-bidla fil-klima; |
17. |
jirrakkomanda li sabiex jiġu żviluppati tweġibiet politiċi adatti għall-bidla fil-klima, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk għandhomx jiġu żviluppati indikaturi ġodda li jkejlu s-sostenibbiltà; u dawn l-indikaturi l-ġodda għandhom jitqiesu bħala parametri fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Fondi Strutturali; |
18. |
jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija, l-iżvilupp, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-bidla fil-klima; |
19. |
itenni l-appoġġ politiku sħiħ tiegħu għall-Patt tas-Sindki – li tnieda mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni – bħala t-tweġiba tal-bliet għat-tisħin globali. Fih il-bliet iwiegħdu b'mod formali li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom aktar mill-miri tal-UE għall-2020. Il-Kumitat iħeġġeġ li l-Patt jinfetaħ għall-awtoritajiet sottonazzjonali rilevanti kollha. Jinkoraġġixxi li l-Patt tas-Sindki jkompli jiġi żviluppat, u li jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu żviluppati l-għarfien espert u l-istrateġiji li huma mfassla b'mod speċifiku għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali; |
ADATTAMENT
20. |
jirrakkomanda li l-qafas tal-baġit tal-Komunità jitħejja b'tali mod li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej kollha jkollhom l-istess strumenti biex jiffaċċjaw il-bidla fil-klima u jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jevitaw il-kawżi tagħha u jadattaw ruħhom għall-konsegwenzi tagħha, b'mod partikolari għall-benefiċċju tal-aktar nies u atturi ekonomiċi milquta; |
MITIGAZZJONI
21. |
jemmen li l-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” għandu jiġi applikat għall-politiki Komunitarji kollha li jikkonċernaw il-ħarsien tal-ambjent u l-klima permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali marbuta mal-prodotti u s-servizzi; |
22. |
japprova l-prinċipju tal-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri li ġie introdott fl-iskema l-ġdida tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (EU ETS) bejn pajjiżi li huma teknoloġikament aktar avvanzati (b'setturi industrijali aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija) u pajjiżi anqas żviluppati (li għandhom ekonomiji b'konsum ogħla ta' enerġija u li għandhom bżonn iżidu r-rati ta' tkabbir tagħhom); |
23. |
jidhirlu li minkejja l-progress li sar, jeħtieġ li tkompli tiżdied it-trasparenza u l-affidabilità fit-tul tal-EU ETS, u li wieħed joqgħod attenti għar-riperkussjonijiet soċjali u ambjentali li ser ikollhom il-miżuri proposti, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali; |
24. |
jirrakkomanda li t-talbiet tal-politiki tal-iżvilupp reġjonali jiġu kkunsidrati b'mod xieraq, u jinnota li, sabiex jitħeġġeġ suq tal-karbonju aktar trasparenti u effettiv, tista' ssir ristrutturazzjoni sħiħ ta' numru ta' impjanti industrijali bil-għan li l-anqas impjanti effiċjenti jew dawk li diġà jinsabu fi kriżi jitneħħew mis-sistema produttiva. Fl-istess kuntest, jitlob li jiġi appoġġjat il-proċess ta' tiġdid industrijali u taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema kkonċernati; |
25. |
jinnota li, flimkien mal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet, fadal ħafna xi jsir, l-aktar sabiex issir bidla għal mezzi ta' trasport li jirrispettaw l-ambjent. Iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali jespandu l-infrastruttura tat-trasport bil-ferrovija u fuq l-ilma, u jippromovu t-trasport intermodali b'mod ġenerali; |
26. |
fid-dawl tal-fatt li s-settur tat-trasport Ewropew jiddependi ħafna miż-żejt, jiddispjaċih li t-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija ma tressaq l-ebda proposta dwar l-effiċjenza fil-qasam tat-trasport b'mod parallel mal-pakkett ta' miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija, f'oqsma bħat-trasport bil-ferrovija u mezzi oħra ta' trasport pubbliku, vetturi effiċjenti fl-użu tal-enerġija, l-użu konġunt tal-karozzi, l-ekosewqan, iż-żieda fl-użu tar-roti, eċċ. |
27. |
jemmen li l-politika tal-enerġija u l-politika tal-ħarsien tal-klima huma relatati u għandhom jiġu kkoordinati peress li 80 % tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-Ewropa ġejjin mill-produzzjoni tal-enerġija; |
28. |
jiddispjaċih li ma ġietx introdotta mira vinkolanti dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-pakkett tal-enerġija u l-bidla fil-klima tal-2008 għaliex din hija l-ħolqa nieqsa fil-katina meħtieġa għat-tnaqqis tas-CO2; |
29. |
jiġbed l-attenzjoni għar-rati differenti ta' progress li sar fil-bliet u r-reġjuni tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija matul dawn l-aħħar snin. Għandhom jiġu kkunsidrati l-livelli differenti tal-intensità fil-konsum u l-ġenerazzjoni tal-enerġija kif ukoll tas-sitwazzjoni tal-gassijiet b'effett ta' serra bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom, b'mod partikolari bejn iż-żoni rurali u urbani; |
30. |
jaħseb li l-pjanijiet reġjonali tal-azzjoni għall-klima u/jew il-pjanijiet tal-enerġija sostenibbli jistgħu jkunu l-ħolqa li tgħaqqad l-inizjattivi lokali u nazzjonali li jridu jintroduċu strumenti prattiċi sabiex jinkisbu l-miri; għandu jkun hemm ukoll finanzjament xieraq; |
31. |
jirrakkomanda li jiġu pprovduti riżorsi u miżuri addizzjonali, minbarra l-Fondi Strutturali Ewropej, bħala mezzi utli li jinkoraġġixxu l-politika ta' adattament u miżuri maħsuba għall-mitigazzjoni, bħall-iffrankar tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Dan ikun jista' jżid l-appoġġ għall-politika Ewropea tal-klima; |
32. |
isejjaħ għal iktar fondi għar-riċerka tat-teknoloġiji għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju li għandhom jintużaw flimkien mal-miżuri l-oħra ta' mitigazzjoni sabiex jinkiseb it-tnaqqis konsiderevoli meħtieġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; |
33. |
jixtieq jiżgura li l-iskemi ta' appoġġ ikunu aċċessibbli għall-produtturi tal-enerġija rinnovabbli fil-livelli kollha, inklużi l-impjanti ż-żgħar; u jemmen li sabiex tinżamm il-konsistenza l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli għandu jkun immirat lejn it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili; |
PROTEZZJONI TA' ĊITTADINI VULNERABBLI
34. |
jemmen li permezz tal-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli u tal-użu effiċjenti tal-enerġija, il-Patt tas-Sindki jista' jħeġġeġ il-bliet u r-reġjuni jimplimentaw bidliet li jħarsu lill-aktar ċittadini vulnerabbli – speċjalment dawk bi dħul baxx u fiss – mill-effetti tal-prezzijiet għalja tal-enerġija u mill-faqar marbut mal-użu tal-karburanti. L-isforzi għandhom jitfasslu b'tali mod li jiġi evitat is-sussidju tal-użu tal-enerġija, u li jippermettu inċentivi ekonomiċi kbar sabiex l-enerġija tintuża b'mod aktar effiċjenti u, jekk ikun possibbli, jitnaqqas l-użu tal-enerġija; |
35. |
jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa li jitħarsu l-aktar ċittadini vulnerabbli fis-soċjetà miż-żieda li jista' jkun hemm fil-prezzijiet tas-sorsi tal-enerġija, b'mod partikolari l-elettriku. Dan jinkludi l-azzjonijiet biex iċ-ċittadini kkonċernati jiġu megħjuna jagħmlu d-djar tagħhom aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jitlob lill-President tiegħu jressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-Presidenza Ċeka u dik Żvediża, quddiem il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri kif ukoll quddiem il-kontropartijiet tan-NU. |
Brussell, it-18 ta' Ġunju 2009.
Il-President
tal-Kumitat tar-Reġjuni
Luc VAN DEN BRANDE
APPENDIĊI
Lista tal-opinjonijiet reċenti tal-KtR b'rilevanza diretta jew indiretta għall-kwistjoni tal-bidla fil-klima
— |
“Pjan Ewropew għall-irkupru ekonomiku u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali” CdR 12/2009 fin |
— |
“L-enerġija: analiżi strateġika u prestazzjoni tal-bini” CdR 8/2009 fin |
— |
“Il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali” CdR 274/2008 fin |
— |
“Il-Ħames Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali” CdR 273/2008 fin |
— |
“Kif ir-Reġjuni jagħtu kontribut għall-ksib tal-objettivi Ewropej dwar il-Bidla fil-Klima u l-enerġija b'attenzjoni partikolari għall-Patt tas-Sindki” CdR 241/2008 fin |
— |
“Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni” CdR 254/2008 |
— |
“L-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi” CdR 245/2008 |
— |
“Il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni b'riżultat tal-komunikazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni” CdR 162/2008 fin |
— |
“L-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet” CdR 161/2008 fin |
— |
“Il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli” CdR 160/2008 |
— |
“Il-kontribut tal-awtoritajiet reġjonali u lokali għall-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli” CdR 85/2007 fin |
— |
“Politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea” CdR 22/2008 fin |
— |
“Is-swieq Ewropej fil-qasam tal-elettriku u l-gass: it-tielet pakkett leġiżlattiv” CdR 21/2008 fin |
— |
“Ir-riforma tal-baġit, il-bidla tal-Ewropa” CdR 16/2008 fin |
— |
“Li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea” CdR 313/2007 fin |
— |
“Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni” CdR 309/2007 fin |
— |
“Il-Green Paper dwar it-Trasport Urban” CdR 236/2007 fin |
— |
“L-evalwazzjoni tal-istat ta' saħħa tal-Politika Agrikola Komuni” CdR 197/2007 fin |
— |
“Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – Alternattivi Għall-Azzjoni tal-UE” CdR 118/2007 fin |
— |
“Il-Pakkett tal-Enerġija” CdR 111/2007 fin |
— |
“Il-limitazzjoni tal-bidla klimatika globali għal 2 gradi Celsius u l-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet” CdR 110/2007 fin |