This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009XG0124(01)
Conclusions of the Council concerning a European partnership for international scientific and technological cooperation
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Sħubija Ewropea għall- kooperazzjoni internazzjonali xjentifika u teknoloġika
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Sħubija Ewropea għall- kooperazzjoni internazzjonali xjentifika u teknoloġika
ĠU C 18, 24.1.2009, p. 11–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.1.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 18/11 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Sħubija Ewropea għall- kooperazzjoni internazzjonali xjentifika u teknoloġika
(2009/C 18/05)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
IFAKKAR dwar il-kuntest ġenerali tat-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) u partikolarment il-Green Paper tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2007 (1), il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2007 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnedija tal-“Proċess ta' Ljubljana” — lejn realizzazzjoni sħiħa taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (30 ta' Mejju 2008) (2), li fihom “twessigħ wiesa' tal-ERA għad-dinja” jikkostitwixxi wieħed mill-ħames inizjattivi identifikati f'dan il-kuntest, u FILWAQT LI JIRREFERI għall-“Viżjoni 2020 għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka” tiegħu (2 ta' Diċembru 2008) (3),
FILWAQT LI JIKKUNSIDRA li l-aċċelerazzjoni tal-globalizzazzjoni toħloq opportunitajiet biex tiżdied l-eċċellenza xjentifika u jintlaħaq l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli, u, partikolarment, li r-riżoluzzjoni tal-isfidi globali kbar (dawk diġà identifikati, fosthom it-tibdil fil-klima, il-faqar, il-mard infettiv, ir-riskji fl-enerġija, il-provvista tal-ilma, is-sigurtà fl-ikel, is-sigurtà tal-poplazzjoni, il-protezzjoni tal-bijodiversità, is-sigurtà tan-netwerks u l-lakuna diġitali, kif ukoll sfidi oħra li jistgħu jinqalgħu) tirrikjedi li l-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika għas-sħubiji globali tkun intensifikata;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRA li s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (PQ) jippermetti l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi u jinkludi diversi strumenti ġodda maħsubin biex iħeġġu l-koopeerazzjoni internazzjonali;
FILWAQT LI KKUNSIDRA li hemm fis-seħħ għadd kbir ta' ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-pajjiżi terzi, kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi; u FILWAQT li attwalment ma hemm l-ebda strateġija fil-livell Ewropew għall-iskambju ta' informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet li joriġinaw minn dawn id-diversu ftehimiet u, fejn meħtieġ, biex jiġi żgurat il-livell adegwat ta' koordinazzjoni fost dawn l-attivitajiet,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRA li l-aspirazzjoni tal-Ewropa — kif espressa fil-“Viżjoni 2020 għall-ERA” — hija li tkun tista' titkellem b'vuċi konsistenti mal-imsieħba prinċipali tagħha, kif ukoll fil-fora internazzjonali rilevanti, fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRA li l-attivitajiet għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija għandhom jiġu bbażati fuq prinċipji u prassi li jagħtu importanza lir-reċiproċità, t-trattament ġust, u l-vantaġġi reċiproċi kif ukoll l-protezzjoni adegwata tal-proprejtà intellettwali;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRA li l-attivitajiet għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp, il-kondiviżjoni u t-tixrid tal-għarfien madwar id-dinja u jikkostittwixxu mezz importanti biex tiġi promossa l-mobbiltà tar-riċerkaturi u ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ;
1. |
HUWA TAL-FEHMA li s-segwitu tal-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea jista' jissaħħaħ permezz ta' qafas strateġiku għall-koordinazzjoni adatta, mill-Unjoni Ewropea kollha, tal-attivitajiet differenti għall-kooperazzjoni fix-xjenza u fit-teknoloġija mal-pajjiżi terzi, filwaqt li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet differenti skont il-livell tal-iżvilupp xjentifiku u ekonomiku u l-karatteristiċi settorjali ta' dawn il-pajjiżi; |
2. |
JILQA' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija” (4), partikolarment bl-għan li ssaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-Unjoni Ewropea, li tiġi żviluppata l-kompetittività tal-industrija tagħha, kif ukoll tgħin sabiex jiġu trattati l-isfidi globali f'kuntest ta' “responsabbiltà globali”; |
3. |
JISSOTTOLINJA li din l-istrateġija hija maħsuba biex ittejjeb, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, il-koerenza u s-sinerġiji bejn l-attivitajiet differenti tal-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija li jsiru fl-Ewropa mill-Istati Membri u l-Komunità Ewropea; |
4. |
JISTIEDEN lill-Istati Membri, filwaqt li jiġu inkorporati kif adatt il-pajjiżi assoċjati mal-PK7, biex iħeġġu djalogu fil-livell Ewropew bil-ħsieb li jiġu kkoordinati l-linji politiċi u l-attivitajiet ta' kooperazzjoni X&T tagħhom, kif ukoll jappoġġaw il-qbil bejn il-partijiet interessati, inkluża l-industrija, bil-ħsieb li jiġu identifikati l-opportunitajiet, u jekk meħtieġ, l-ostakoli għall-iżvilupp tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni fix-X&T (xjenza u teknoloġija) bejn l-Unjoni Ewropea u l-kumplament tad-dinja; |
5. |
JISTIEDEN lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiffurmaw Sħubija Ewropea fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija (“kooperazzjoni X&T”) bl-għan tal-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija Ewropea; din għandha tkun ibbażata fuq il-konċertazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni b'mod flessibbli bil-ħsieb li jiġu identifikati l-prijoritajiet komuni li jistgħu jiġu indirizzati lejn l-inizjattivi kkoordinati jew konġunti; u JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkoordinaw l-attivitajiet u l-pożizzjonijiet fir-rigward ta' pajjiżi terzi u f'fora internazzjonali f'dawk l-oqsma li huma parti minn din l-istrateġija, bl-inkorporazzjoni, fejn adatt, tal-pajjiżi assoċjati tas-7 PK; |
6. |
F'dak il-kuntest, JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkollaboraw fi ħdan konfigurazzjoni ddedikata tal-CREST (minn issa 'l quddiem imsejħa “Forum strateġiku għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-X&T”) biex is-Sħubija Ewropea għall-kooperazzjoni fix-X&T titmexxa 'l quddiem, f'konformità mal-mandat imniżżel fl-Anness; |
7. |
JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkontribwixxu b'mod sħiħ għas-suċċess tas-Sħubija billi jpoġġu għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni u l-esperjenza adatta miksuba fil-qafas tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni rispettivi tagħhom, inkluż l-eżitu tal-evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt ta' kollaborazzjoni X&T ma' pajjiżi terzi; |
8. |
Fil-qafas tas-Sħubija, JISTIEDEN lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jikkoordinaw aħjar u jagħmlu l-attivitajiet tagħhom ta' kooperazzjoni fix-X&T aktar operattivi ma' reġjuni oħrajn fid-dinja, partikolarment bit-tisħiħ jew il-ħolqien ta' pjattaformi ta' djalogu ma' reġjuni oħra tad-dinja bil-ħsieb li jiġu identifikati b'mod konġunt il-prijoritajiet u l-azzjonijiet futuri fir-rigward tal-kooperazzjoni fix-X&T; |
9. |
JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex iżżid l-impatt tal-Ftehimiet fix-X&T, tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta' reċiproċità, trattament ġust u benefiċċji reċiproki kif imsemmija fil-ftehimiet tal-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi terzi fil-qasam xjentifiku u teknoloġiku; u JISTIEDEN lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-attivitajiet tagħhom ta' kooperazzjoni fix-X&T, jippromwovu, ma' pajjiżi terzi, fejn dan ikun adatt, il-prinċipji u l-prassi mniżżlin fil-Kodiċi ta' Prattika dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali fl-attivitajiet tat-trasferiment ta' għarfien (5), il-Karta Ewropea tar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi (6); |
10. |
JISSOTTOLINJA l-ħtieġa li jiġu żgurati l-koerenza u l-kumplimentarjetà meħtieġa bejn il-mezzi Ewropej u nazzjonali ta' appoġġ għar-riċerka u dawk ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fix-xjenza u fit-teknoloġija, u JISTIEDEN partikolarment lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rabta bejn il-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (PQ), l-Istrument ta' Assistenza Qabel l-Adeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-Istrument ta' Finanzjament ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI), kif ukoll il-mekkaniżmi l-oħra relevanti kollha; |
11. |
u f'dan il-kuntest, IFAKKAR dwar l-azzjoni diġà meħuda għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membru u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari s-Sħubija Strateġika UE-Afrika, u ma' dawn il-linji JIKKUNSIDRA l-esplorazzjoni ta' kooperazzjoni ulterjuri ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala parti mill-istrateġija globali tal-UE fis-X&T; |
12. |
JIKKUNSIDRA li l-proċeduri speċifiċi kollha għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għall-Kooperazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandhom ikunu eżaminati fil-qafas tal-approċċ ġenerali għat-titjib tal-governanza fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, kif previst fil-proċess ta' Ljubljana. |
(1) Dok. 8322/07 (COM(2007) 161).
(2) Dok. 10231/08.
(3) Dok. 16767/08
(4) Dok. 13498/08 (COM(2008) 588).
(5) Ara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill (30 ta' Mejju 2008), dok. 10323/08.
ANNESS
Mandat għall-CREST dwar forum strateġiku għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-X&T
Objettiv:
Jiġu ffaċilitati l-iżvilupp ulterjuri, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-dimensjoni internazzjonali tal-ERA bil-kondiviżjoni ta' informazzjoni u konsultazjoni bejn l-imsieħba (l-Istati Membri u l-Kummissjoni) bil-ħsieb li jiġu identifikati l-prijoritajiet komuni li jistgħu jiġu indirizzati lejn l-inizjattivi kkoordinati jew konġunti u jikkoordinaw l-azzjonijiet u l-pożizzjonijiet fir-rigward ta' pajjiżi terzi u fil-fora internazzjonali.
Metodi ta' Ħidma:
Il-CREST ser jiltaqa' f'konfigurazjoni ddedikata (“Il-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fix-X&T”) b'rappreżentanti ta' livell għoli tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Din il-konfigurazzjoni ddedikata tal-CREST tista' tiġi appoġġata minn grupp ta' ħidma adatt jekk jitqies meħtieġ. Huwa ser ikun ippresjedut minn wieħed mill-membri tiegħu li jirappreżenta Stat Membru maħtur għal perijodu ta' sentejn. Huwa ser ikun miftuħ, kif adatt, għall-pajjiżi assoċjati mal-PQ.
Attivitajiet Prinċipali:
— |
il-kondiviżjoni sistematika u l-istrutturar tal-informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-għanijiet tal-kooperazzjoni fix-X&T (li għaddejjin jew ippjanati) tal-imsieħba differenti, |
— |
il-kondiviżjoni tal-għarfien rilevanti li jikkonċerna l-pajjiżi terzi, partikolarment l-analiżi tar-riżorsi u l-kapaċitajiet tagħhom fix-X&T, |
— |
l-iżgurar ta' qbil regolari bejn l-imsieħba bil-ħsieb li jiġu identifikati l-għanijiet rispettivi u l-prijoritajiet komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni fix-X&T mal-pajjiżi terzi (“x'inhu u ma' min?”), |
— |
il-koordinazzjoni, fejn ikun meħtieġ, tal-attivitajiet ta' karattru simili implimentati mill-Istati Membri u mill-Komunità (b'ġeometrija varjabbli), |
— |
jekk ikun meħtieġ, il-proposta ta' inizjattivi għall-implimentazzjoni skont il-mezzi u r-riżorsi adatti, |
— |
sistema ta' netwerk tal-kunsilliera xjentifiċi tal-Istati Membru u tal-Kummissjoni f'pajjiżi priniċpali. |
Rappurtar:
Rapport annwali lill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-progress miksub fit-twettiq tal-objettivi tas-Sħubija, li għandu jinkludi kif rilevanti:
— |
analiżi tal-azzjonijiet tal-kooperazzjoni internazzjonali (li għaddejjin jew ippjanati) bejn l-UE u l-pajjiżi terzi; |
— |
analiżi tal-kamp ta' applikazzjoni, il-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-azzjonijiet differenti tal-UE; |
— |
Identifikazzjoni tal-prijoritajiet komuni u proposti għal azzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom; |
— |
valutazzjoni globali tal-impatt tal-azzjonijiet tal-UE dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil- qasam tax-X&T. |