This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009XC1218(07)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
ĠU C 308, 18.12.2009, p. 51–56
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/51 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2009/C 308/14
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni.
SOMMARJU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“PEMENTO DE HERBÓN”
Nru tal-KE: ES-PDO-0005-0509-15.11.2005
DPO ( X ) IĠP ( )
Dan is-sommarju jagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal finijiet ta' tagħrif biss.
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:
Isem: |
Subdirección General de Calidad Agroalimentaria y Agricultura Ecológica — Dirección General de Industrias y Mercados Agroalimentarios — Secretaría General de Medio Rural del Ministerio de Medio Ambiente, y Medio Rural y Marino de España |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel |
+34 913475394 |
|||
Fax |
+34 913475410 |
|||
Posta elettronika: |
sgcaae@mapya.es |
2. Grupp:
Isem: |
S.A.T. PIMERBÓN y otro. |
Indirizz: |
Herbón s/n- Padrón (A Coruña) |
Tel |
+34 981810803 |
Fax |
— |
Posta elettronika: |
— |
Kompożizzjoni: |
produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( ) |
3. Tip ta' prodott:
Klassi 1.6 – |
Frott, ħaxix u ċereali fl-istat oriġinali jew ipproċessati. |
4. Speċifikazzjoni tal-prodott:
(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.1. Isem il-prodott:
“Pemento de Herbón”
4.2. Deskrizzjoni:
Il-bżar kopert mid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini (DPO) “Pemento de Herbón” huwa l-frott tal-ispeċi Capsicum annuun, L, li ġej mill-ekotipi lokali tal-varjetà “Padrón”, minn ġonot tar-raba' mniżżla fir-reġistru korrispondenti, li jieħu ħsiebu l-organu ta’ spezzjoni. Il-frott jinġabar qabel ma jkun misjur (daqs kummerċjali) biex jitqiegħed fis-suq frisk, bil-karatteristiċi li ġejjin:
— |
Forma: frotta qasira (tat-tip C4 tal-klassifikazzjoni Pochard), tawwalija bi tliet lobi jew erbgħa mal-apiċi. |
— |
Piż approssimattiv: bejn 3,5 u 4,5 g kull frotta. |
— |
Tul approssimattiv tal-frotta: bejn 3,5 u 5,5 ċm. |
— |
Djametru massimu (wisa'): bejn 1,5 u 2 ċm. |
— |
Apiċi: mixrub. |
— |
Tul taz-zokk: bejn 3,5 u 6 ċm. |
— |
Qoxra ta' barra: lixxa u tleqq, lewn aħdar ftit ċar. |
— |
Ħxuna tal-ħajt ta’ ġewwa jew tal-laħam: irqiq, ta’ madwar 1,5 mm. |
— |
Sezzjoni lonġitudinali: trapeżojdali. |
— |
Proporzjon bejn il-piż tal-frotta u l-piż taż-żerriegħa: 3,2 (valur medju). |
— |
Togħma: aroma pjuttost intensa, b'togħma ħelwa, kultant ftit pikkanti. |
Fost il-karatteristiċi organolettiċi li jispikkaw, mhux kull frotta tal-“Pemento de Herbón” tkun pikkanti iżda wħud biss (“uns pican e outros non” (xi wħud jaħarqu u oħrajn le, skont l-espressjoni popolari b'referenza għal dan il-prodott)), u dawk il-frottiet li huma pikkanti ma jaħarqux ħafna, għax il-produtturi jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħżlu u jeliminaw l-frottiet bl-aktar togħma pikkanti u intensa. Il-mod ta’ kif din is-selezzjoni saret possibbli, minn varjetà oriġinali li kienet pikkanti, huwa aktarx l-aktar element importanti li jixhed ir-rabta bejn il-prodott u l-għarfien prattiku tal-produtturi tar-reġjun (ara t-taqsima 4.6 - Rabta).
— |
Espressi f'g/100 g ta’ piż frisk: ilma (91), glukożju (0,85), fruttożju (0,75), sukrożju (ma jinstabx), lamtu (0,81), fibra (2,2), pektin (0,73). |
— |
Espressi f'g/100 g ta’ piż frisk: aċidu ċitriku (28), aċidu fumariku (1,1), aċidu maliku (208), aċidu ossaliku (140), vitamina C (24), klorofilla a (7,9), klorofilla b (3,4), lutein (1,6), β-keratina (0,92). |
4.3. Żona ġeografika:
Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-ippakkjar tad-DPO “Pemento de Herbón” hija magħmula mill-muniċipalitajiet li ġejjin: Padrón, Dodro u Rois, fid-distrett ta' O Sar, li jinsab fin-Nofsinhar tal-provinċja ta' A Coruña; Pontecesures u Valga, fid-distrett ta' Caldas, li jinsab fit-Tramuntana tal-provinċja ta' Pontevedra.
Din iż-żona tax-xatt Atlantiku tal-Galicia hija magħmula minn sensiela ta’ widien baxxi, delimitati mix-xmajjar Ulla u Sar, u protetta minn sriebet ta' muntanji u mill-peniżola ta' Barbanza, li jaqtgħu ż-żona mill-madwar u jipprovdu kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima tassew xierqa għat-tkabbir ta’ dan il-bżar. Skont id-deskrizzjoni ta’ Abel Bouhier (“La Galice. Essai geographique d’analyse et d’interpretation d’un vieux complèxe agraire”. La Roche-Sur_Yvon. 1979. Vol. I), din iż-żona tikkostitwixxi sistema “openfield” tat-tip Atlantiku, li fiha struttura oriġinali ta’ sined u għelieqi (“agras”) fl-1960 kienet diġà qiegħda tneħħi n-newba obbligatorja biex tevolvi lejn sistema ta' tkabbir speċjalizzat. L-isem tad-denominazzjoni, “Herbón”, huwa t-toponimu tal-parroċċa (suddiviżjoni muniċipali tipika tal-Galicia) tal-muniċipalità ta’ Padrón fejn jinsab il-kunvent ta' San Antonio de Herbón. Dan il-kunvent kellu sehem fl-introduzzjoni ta' dan il-bżar mill-Amerika.
4.4. Prova tal-oriġini:
It-traċċabbiltà tal-prodott hija żgurata mill-identifikazzjoni tiegħu f'kull stadju ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni.
Sabiex jiġi vverifikat li r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni jkunu ġew issodisfatti, l-organu ta’ spezzjoni jieħu ħsieb żewġ reġistri, li jiġu aġġornati kostantement: reġistru ta’ produtturi u ġonot tar-raba', u reġistru ta’ mħażen u impjanti tal-ippakkjar.
Il-bżar li jista' jiġi kopert mid-DPO “Pemento de Herbón” irid ikun biss dak li jkun tkabbar skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-ispeċifikazzjoni u regoli oħra addizzjonali, f'ġonot tar-raba' u minn produtturi mniżżla fir-reġistru korrispondenti. Bl-istess mod, il-DPO “Pemento de Herbón” tista' tinkiseb biss mill-bżar li jkun ġie pproċessat u ppakkjat f'impjanti mniżżla fir-reġistru korrispondenti.
Barra minn hekk, il-produtturi rreġistrati għandhom jiddikjaraw il-kwantità ta' bżar kopert mid-DPO realment ikkultivat u mqiegħed fis-suq, permezz ta' dħul fir-reġistri maħluqa apposta għal dan il-għan. L-organu ta’ spezzjoni jivverifika li l-kwantitajiet mqiegħda fis-suq mill-impjanti tal-ippakkjar jikkorrispondu mal-produzzjoni tal-bdiewa li jfornuhom, u jivverifika wkoll li tali produzzjoni tikkorrispondi mar-rendiment agronomiku tar-raba' rreġistrat.
Il-persuni kollha legali jew naturali sidien ta’ proprjetà mniżżla fir-reġistri, il-ġonot tar-raba', l-imħażen, l-impjanti tal-ippakkjar u l-prodotti, għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet u verifiki mwettqa mill-organu ta' spezzjoni bil-għan li jivverifika li l-prodotti protetti jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-ispeċifikazzjoni u standards addizzjonali oħra. Il-kontrolli għandhom jissejsu fuq l-ispezzjoni tal-ġonot tar-raba', tal-imħażen u tal-impjanti tal-ippakkjar, ir-reviżjoni tad-dokumentazzjoni, u spezzjoni tal-konformità tal-parametri fiżiċi (piż, tul, ħxuna tal-laħam) deskritti fit-taqsima 4.2 ta' dan id-dokument, biex ikun żgurat li l-bżar miġbur ikun sħiħ, tajjeb, nadif u mingħajr ħsarat jew ġrieħi. Barra minn hekk, tista' ssir analiżi multi-residwali biex jiġi żgurat li l-livelli ta' pestiċidi huma inqas mill-limiti massimi ta' residwi (LMR) stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ għat-tkabbir ta' dan il-bżar.
Il-produzzjoni kollha titqiegħed fis-suq f'pakketti li jkollhom it-tikketta ta’ identifikazzjoni nnumerata tad-DPO.
L-ippakkjar tal-bżar għandu jsir fiż-żona ġeografika definita, obbligu li jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-ħarsien tal-karatteristiċi speċjali u l-kwalità tal-“Pemento de Herbón”. Ir-raġuni hi li dan il-bżar fih ħajt irqiq li huwa sensibbli ferm għat-tnixxif, u għalhekk jeħtieġ li jiġi ppakkjat u kkummerċjalizzat mingħajr wisq dewmien wara l-ħsad. L-ippakkjar u d-distribuzzjoni kummerċjali s-soltu jsiru f'24 siegħa, u rari fi 48 siegħa, minn qtugħ il-bżar. Biex tiġi garantita l-kwalità tal-prodott, huwa kruċjali li jiġu evitati l-ġarr u l-ħżin bla meħtieġa.
Raġuni oħra l-għaliex il-bżar għandu jiġi ppakkjat fil-post tal-oriġini tiegħu hija li dan huwa prodott delikat li jitlob l-akbar kura fil-manipulazzjoni tiegħu. L-ippakkjar isir f'boroż ħfief (400 g) biex il-bżar ma jitħassarx u biex il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu ma jintlaqtux.
Fl-aħħar nett, raġuni oħra li tiġġustifika l-ippakkjar fil-post tal-oriġini hija l-proċess tal-għażla wara l-ħsad: waqt il-proċess tal-ippakkjar, il-produtturi jwarrbu dak il-bżar li, skont l-esperjenza u l-għarfien tradizzjonali tagħhom, ma għandux jiġi kkummerċjalizzat bid-denominazzjoni tal-oriġini, fuq kollox dak li jkun pikkanti wisq, li jintgħaraf permezz ta’ lewnu (inqas karg), minn kif jinħass mal-mess (ġilda stirata li tinqasam kif tagħfasha), u mill-għamla (iktar imgħawġa mis-soltu). Din il-prattika, li hija fundamentali biex tinżamm il-kwalità tal-prodott, tista' ssir biss jekk l-ippakkjar jitwettaq fiż-żona tal-produzzjoni.
4.5. Metodu ta’ produzzjoni:
Fost il-prattiċi ewlenin fil-manipulazzjoni tal-“Pemento de Herbón” li jippermettu l-ksib ta' prodott distint, tispikka speċjalment l-għażla kkurata li ssir mill-agrikolturi taż-żona, kemm għall-ksib taż-żerriegħa għat-tixrid, kif ukoll, fuq kollox, għas-selezzjoni tal-bżar tal-aqwa kwalità għat-tqegħid fis-suq.
Il-metodu ta’ produzzjoni huwa kif ġej:
Kull sena tas-suq, bl-esperjenza u bis-sengħa, l-agrikolturi taż-żona definita jagħżlu waħda waħda x-xtieli l-aktar xierqa biex jipproduċu żrieragħ għall-istaġun li jmiss. L-ewwel nett issir spezzjoni viżiva, li fiha jitqiesu diversi kriterji għall-għażla tal-aqwa xtieli (li jridu jkunu f'saħħithom, bi struttura tajba, u b'frott ta’ 3 lobi mingħajr ħżuż jew deformazzjonijiet). Wara dan, isir tidwiq ta’ kampjuni fuq il-post, ta' bżar mhux misjur mix-xtieli li jkunu għaddew mill-ewwel għażla, sabiex jiġi ddeterminat kemm huwa pikkanti (il-livell ta’ kapsiċina) bil-għan li tinkiseb it-togħma sottili mfittxa. Uħud mill-frottiet li jkunu ftit pikkanti jiġu aċċettati, ladarba din hija karatteristika organolettika ewlenija tal-“Pemento de Herbón”, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fil-każ ta’ prodotti minn żoni oħra, fejn il-proporzjon ta’ kapsiċina jkun ħafna ogħla u aktar ġenerali.
Malli l-frott magħżul ikun sar (b'lewn aħmar), jinqata' u jitqiegħed fl-ilma sabiex iż-żrieragħ jinqalgħu mill-plaċenta. Iż-żrieragħ miksuba jitnixxfu malajr sabiex ma tintlaqatx il-kapaċità ta’ ġerminazzjoni tagħhom. Iż-żrieragħ jew in-nebbieta għandhom jiġu minn agrikolturi mniżżla fir-reġistru ta’ produtturi u ġonot tar-raba'. Il-preparazzjoni tal-ħammiela u taż-żrieragħ tibda f'Ottubru u tkompli f'Novembru, Diċembru u Jannar.
It-tkabbir jista' jsir kemm fil-miftuħ kif ukoll mgħotti għall-protezzjoni. Fit-tkabbir mgħotti ma jintuża la tisħin u lanqas dawl artifiċjali, billi l-għan ta’ dawn l-istallazzjonijiet huwa biss li jipproteġu x-xtieli mis-silġ u l-ġelu, u jippermettu li l-produzzjoni ssir aktar kmieni fis-sena u ddum ftit ġimgħat oħra fi dħul il-ħarifa. Din il-prattika ma twassal għall-ebda tibdil apprezzabbli fil-kundizzjonijiet ambjentali li fihom il-bżar jikber b'mod naturali. It-tħawwil taħt l-għatu jsir dejjem direttament mal-art, fi Frar u Marzu, sabiex il-ħsad tal-frott jinbeda f'Mejju. It-tħawwil fil-miftuħ isir matul ix-xhur ta’ April u Mejju, u l-ħsad jibda f'Ġunju jew Lulju. Id-densità tat-tħawwil taħt l-għatu tkun ta’ bejn żewġt ixtieli u erbgħa kull metru kwadru. Ix-xtieli sikwit ikunu mirfuda f'għoli differenti bi ħbula tar-raffja. Fil-miftuħ, id-densità tkun ta’ bejn tliet ixtieli u ħamsa għal metru kwadru.
Id-DPO “Pemento de Herbón” ikopri kemm il-bżar imkabbar fil-miftuħ kif ukoll dak imkabbar taħt l-għatu ta’ protezzjoni. Ir-rendimenti massimi permessi huma ta’ 3.5 kg/m2 fil-miftuħ u 6 kg/m2 taħt l-għatu.
It-tisqija għandha importanza doppja fit-tkabbir tal-“Pemento de Herbón”: minn naħa, it-tisqija għandha influwenza kbira fl-iżvilupp fiżjoloġiku tax-xtieli, u għandha ssir “fil-qiegħ”, b'mod li ma jagħmilx ħsara liż-żahra jew lill-frotta stess. Min-naħa l-oħra, it-tisqija hija fundamentali biex jiġi evitat l-istress idriku, billi t-temperaturi għoljin (ta' 'l fuq mit-30 °C) flimkien ma' umdità baxxa tal-ambjent u tal-ħamrija jwasslu għal żieda konsiderevoli fil-livelli ta' kapsiċina tal-frott. Il-fertilizzazzjoni għandha tkun mill-aqwa possibbli bil-għan li jinżamm il-bilanċ bejn in-nutrijenti fil-ħamrija u fil-pjanta, b'mod li jitqiesu l-estrazzjonijiet mix-xtieli, l-istat ta' nutrizzjoni tal-pjanta, il-livell ta' fertilità tal-ħamrija, u l-kontribut minn fatturi oħra (l-ilma, il-materjal organiku, eċċ.).
Il-kontroll tal-pesti u/jew tal-mard isir bl-użu ta' metodi ta’ prevenzjoni, bħad-diżinfezzjoni taż-żrieragħ jew it-trattament tal-ħmiemel. Jekk ikun meħtieġ l-użu ta’ prodotti fitosanitarji, il-materjali attivi mħaddma għandhom ikunu dawk bl-inqas impatt fuq l-ambjent, bl-ikbar effikaċja, bl-inqas tossiċità u l-inqas problemi ta' residwi, bl-inqas effett fuq il-fawna awżiljari u l-inqas problemi ta’ reżistenza.
Il-ħsad isir bl-idejn, kuljum matul il-ġimgħat ta’ produzzjoni ewlenija. Il-frott jinqata' qabel ma jkun sar, fil-mument li, skont il-fehma u l-esperjenza tal-bdiewa taż-żona, ikunu preżenti l-kundizzjonijiet l-aktar xierqa biex il-prodott jitqiegħed fis-suq, b'konformità mal-karatteristiċi fiżiċi mniżżla fil-punt 4.2. Il-proċess jittenna skont il-ħtieġa, għall-ksib ta’ frott mill-aqwa kwalità, bil-mezzi materjali (għodda għall-qtugħ, kaxxi, kontenituri eċċ.) u bil-mezzi umani meħtieġa biex jiġi evitat id-deterjorament tal-prodott.
Il-bżar jinġarr f'kontenituri riġidi biex ma jitgħaffiġx. Il-ħatt isir b'mod li jiġu evitati kemm jista' jkun il-ħsarat jekk jitwaqqa' l-prodott. Il-postijiet tal-ħżin għandhom ikunu ventilati sew, f'kundizzjonijiet ambjentali kemm jista' jkun qrib dawk ideali għall-konservazzjoni tal-prodott, f'temperatura ta’ bejn 7 u 13 °C u umdità relattiva ta' bejn 90 u 95 %.
Mill-ġdid, hija l-esperjenza proprja tal-bdiewa taż-żona li tikkmanda fil-għażla tal-aqwa bżar għall-kummerċjalizzazzjoni, filwaqt li jitwarrab il-bżar li mhux xieraq. Dan il-proċess jibda waqt il-ħsad, iżda l-aktar parti importanti ssir qabel l-ippakkjar. B'dan il-mod, il-produtturi jagħżlu bl-idejn biss dak il-frott li jilħaq ir-rekwiżiti stretti fir-rigward tal-lewn (jintgħażel il-frott b'lewn inqas karg), ta' kif jinħass mal-mess (ma għandux jinfaqa' meta jingħafas, il-ġilda ma għandhiex tkun stirata, u jitwarrab il-bżar bi proporzjon baxx bejn il-piż taż-żerriegħa u l-piż tal-frott), u tal-għamla (kurvatura minima). Bis-saħħa tas-selezzjoni individwali tal-frott b'dawn il-parametri, skont l-għarfien tradizzjonali mgħoddija minn ġidd għal ġidd, il-produtturi jifilħu jagħżlu l-aqwa bżar bil-karatteristiċi li jagħmluh uniku. Il-bżar li ma jaqbilx ma' dawn il-parametri ma jistax jitqiegħed fis-suq bid-denominazzjoni tal-oriġini.
Il-kummerċjalizzazzjoni ssir f'boroż b'piż ta’ madwar 400 g, ta’ materjal xieraq għall-konservazzjoni tal-ikel, awtorizzat mil-leġiżlazzjoni alimentari fis-seħħ. Jistgħu jiġu stabbiliti forom oħra ta' preżentazzjoni jekk jintwera li ma jolqtux ħażin il-kwalità tal-prodott. Il-perjodu tat-tqegħid fis-suq huwa bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Ottubru. Dan il-perjodu jista' jinbidel meta jkun meħtieġ minħabba kundizzjonijiet klimatiċi tal-istaġun li jolqtu l-karatteristiċi tal-prodott.
4.6. Rabta:
L-oriġini tat-tkabbir ta’ dan il-bżar fil-Galicia ġej miż-żrieragħ li waslu mir-reġjun Messikan ta' Tabasco, miġjuba mill-irhieb Franġiskani tal-kunvent ta’ Herbón (raħal tal-muniċipalità ta' Padrón) fis-seklu 17. Il-bżar niexef u mitħun diġà kien jinstab fis-suq ta' Herbón fi tmiem is-seklu 18, perjodu li fih kien sors importanti ta' dħul (Archivo General de Simancas. Catastro de la Ensenada. Respuestas Generales. Provincia de Santiago. Libro 253, fol. 1). Il-metodu tal-għażla tal-varjetajiet u l-prattiċi ta’ ħsad bikri bdew f'dak iż-żmien, u ngħaddew mill-komunità tal-irhieb għall-bdiewa taż-żona tal-influwenza tagħha. B'hekk evolviet sistema ta’ produzzjoni speċjalizzata ħafna, li fiha ż-żrieragħ kienu jintirtu bħala parti mid-dota, u qatt 'il barra miż-żona ta’ produzzjoni. Il-kundizzjonijiet speċjali tal-ġeografija, tal-ħamrija u tal-klima taż-żona, flimkien mal-iżolament ġenetiku b'konsegwenza tal-awtofertilizzazzjoni u l-prattiċi partikulari tal-għażla mnissla mill-għarfien tradizzjonali tal-bdiewa, wasslu għal prodott mill-aktar distint, imfittex ħafna fis-suq, u limitat għal dik l-istess żona ġeografika matul is-sekli, kif jixhdu awturi bħal A. Bouhier (ikkwotat aktar 'il fuq), li fis-snin 60 saħaq fuq “it-tkabbir tal-bżar, speċjalizzat u mill-aktar għammiel, tas-settur żgħir ta’ Herbón-Padrón”.
L-altitudni relattivament baxxa, l-ilqugħ mill-muntanji li jdawru l-widien tal-produzzjoni, u d-distanza qasira mix-xatt iġibu magħhom karatteristiċi klimatiċi partikulari, b'ħafna xita (preċipitazzjoni medja annwali ta’ madwar 1 500 mm), irjieħ dominanti mil-Lbiċ u mit-Tramuntana, temperaturi moderati u varjazzjoni termika limitata, b'temperaturi medji annwali ta’ 15 °C li qajla jinżlu taħt it-3 °C fix-xhur l-aktar kesħin. Din il-mikroklima hija mingħajr dubju element importanti biex jinkisbu l-karatteristiċi speċifiċi tal-“Pemento de Herbón”.
Il-karatteristiċi tal-ħamrija huma kundizzjonati minn żewġ fatturi: it-tip tal-blat oriġinali u l-klima, li jipprovdu ħamrija aċiduż bis-saħħa kemm tal-alterazzjoni fil-blat tal-granit kif ukoll tas-sedimenti mix-xmajjar. Barra minn hekk, din il-ħamrija hija ta’ natura konsiderevolment sfiqa, bi ftit ġebel fil-wiċċ, b'konsistenza mrammla ħafifa u infiltrazzjoni tajba, karatteristiċi li jagħmluha xierqa ħafna għat-tkabbir ta’ dan il-bżar.
B'dan il-mod, it-temperaturi moderati, il-varjazzjoni termika limitata, kif ukoll il-ħamrija taż-żona u l-prattiċi tradizzjonali ta’ tkabbir jinfluwenzaw direttament il-karatteristiċi morfoloġiċi u organolettiċi tal-bżar, b'mod partikulari l-lewn u l-proporzjon bejn il-piż tal-frott u dak taż-żerriegħa, b'valur medju ta' 3,2, li huwa ħafna inqas minn dak ta’ żoni oħra ta’ produzzjoni. Dan jikkontribwixxi wkoll, min-naħa tiegħu, għal-livell baxx ta' kapsiċina fil-laħam tal-frott (0,114 mg ta’ kapsiċina/g ta’ piż niexef fl-istadju kummerċjali tal-frott). Għadd ta’ studji xjentifiċi jikkonfermaw li hija ċara d-distinzjoni bejn il-bżar ta’ Herbón imkabbar fiż-żona definita u dak tal-istess varjetà mkabbar fi klimi aktar sħan (fejn infirxet il-produzzjoni tiegħu), mhux biss bis-saħħa tal-karatteristiċi morfoloġiċi u organolettiċi msemmija, iżda wkoll permezz ta' tul il-frottt (bejn 3,5 u 5,5 ċm) u l-kontenut ta’ sterol imsejjaħ stigmasterol, li jilħaq valur medju ta’ 1,304 % għall-“Pemento de Herbón” imqabbel mal-valur medju ta' 5,164 % misjub fi bżar tal-varjetà kummerċjali ta' bżar Padrón imkabbra fin-Nofsinhar ta' Spanja. Id-determinazzjoni ta' dan il-perċentwal ta' stigmasterol tippermetti d-distinzjoni mingħajr żball tal-bżar ta’ Herbón minn dak ta' latitudnijiet oħrajn.
Il-prattiċi tradizzjonali tal-bdiewa lokali fil-manutenzjoni u l-għażla tal-aqwa xtieli, flimkien mal-adattament tat-tekniki ta' produzzjoni għall-kundizzjonijiet tat-territorju, irriżultaw fi prodott marbut b'mod partikulari ħafna mal-ambjent tiegħu, u bi kwalitajiet eċċellenti għat-tisjir. Huwa ta’ importanza speċjali wkoll il-fatt li dan ix-xogħol ta’ konservazzjoni u ta’ għażla varjetali kontinwa ssarraf fl-użu ta’ żerriegħa li tinxtered waħedha, u li ġejja biss minn bdiewa taż-żona definita. Ma tintuża prattikament xejn il-varjetà kummerċjali “Padrón”, li nfirxet f'żoni ġeografiċi oħra. Din l-għażla speċjali, kemm tal-materjal ta’ tixrid kif ukoll tas-selezzjoni tal-frott wara l-ħsad, jagħtu lid-DPO “Pemento de Herbón” il-kwalità partikulari u l-karattru distint tiegħu. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-“Pemento de Herbón” għadda minn fenomenu simili għal ta’ ċerti varjetajiet ta’ għeneb: ir-reġistrazzjoni tal-varjetà kummerċjali “Padrón” wasslet biex din il-varjetà titkabbar f'żoni ġeografiċi li jinsabu 'l bogħod ħafna miż-żona oriġinali tal-produzzjoni tagħha, iżda dak il-bżar ma żammx il-karatteristiċi organolettiċi ta’ dak li jitkabbar fiż-żona tal-oriġini.
L-użu, għal għexieren ta’ snin, ta’ sistemi ta’ tkabbir taħt għatu mill-bdiewa taż-żona huwa xhieda tal-adattament tat-tekniki ta' produzzjoni, mingħajr ma dawn jinvolvu tnaqqis fl-interazzjoni bejn l-ambjent u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott. Dawn is-sistemi jikkonsistu f'mini tal-plastik, li fihom ma jsirx kontroll veru tal-kundizzjonijiet ambjentali tat-tkabbir tax-xtieli billi dawn jibqgħu esposti għall-fatturi naturali tal-ambjent: l-istrutturi bil-għatu ma fihomx tisħin jew dawl artifiċjali, u t-tkabbir isir direttament mal-art.
4.7. Organu ta’ spezzjoni:
Isem: |
Instituto Galego da Calidade Alimentaria (INGACAL) |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel |
+34 881997276 |
|||
Fax |
+34 981546676 |
|||
Posta elettronika: |
ingacal@xunta.es |
INGACAL huwa korp pubbliku li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Consellería do Medio Rural de la Xunta de Galicia.
4.8. Tikkettar:
Il-bżar li jitqiegħed fis-suq bid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Pemento de Herbón” irid ikollu t-tikketta kummerċjali li tikkorrispondi għall-isem tad-ditta ta' kull produttur/pakkjatur, kif ukoll tikketta b'kodiċi alfanumeriku b'numerazzjoni korrelattiva, bl-awtorizzazzjoni mill-organu ta' spezzjoni, u bil-logo tad- Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini. Kemm fit-tikketta kummerċjali kif ukoll f'dik tad-denominazzjoni, għandu jidher b'mod obbligatorju il-kliem “Denominación de Origen Protegida Pemento de Herbón”. Barra minn hekk, fit-tikketta kummerċjali għandha tintwera l-varjetà tal-bżar bl-espressjoni “variedad Padrón”.