Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC1006(03)

Avviż ippubblikat skont l-artikolu 27(4) tar-regolament tal-kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każ COMP/B-1/39.351 – interkonnetturi żvediżi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 239, 6.10.2009, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/9


Avviż ippubblikat skont l-artikolu 27(4) tar-regolament tal-kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każ COMP/B-1/39.351 – interkonnetturi żvediżi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 239/04

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1/2003 (1), il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi – f'każijiet fejn tkun bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li tintemm infrazzjoni u li l-partijiet ikkonċernati joffru li jimpenjaw ruħhom li jindirizzaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha – li torbot lill-impriżi b'dawk l-impenji. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi addottata għal perjodu speċifiku u għandha tikkonkludi li m'għadx hemm aktar raġuni għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   SOMMARJU TAL-KAŻ

(2)

Fil-25 ta’ Ġunju 2009 il-Kummissjoni addottat valutazzjoni preliminari skont l-Artikolu 9 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 rigward infrazzjoni allegat tal-operatur Żvediż tas-sistema ta’ trażmissjoni Svenska Kraftnät (“SvK”) fis-suq Żvediż tar-trażmissjoni tal-elettriku.

(3)

Skont il-valutazzjoni preliminari l-SvK hija dominanti fis-suq Żvediż tat-trażmissjoni tal-elettriku. Il-valutazzjoni prelimari esprimiet it-tħassib li l-SvK setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha skont l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE. L-SvK setgħet għamlet dan partikolarment meta antiċipat konġestjoni interna fi ħdan is-sistema Żvediża ta’ trażmissjoni billi naqqset il-kapaċità tal-interkonnessjoni għall-kummerċ bejn l-Iżvezja u l-Istati Membri ġirien tal-UE u ż-ŻEE biex b’hekk iddiskriminat bejn servizzi ta' trażmissjoni tal-elettriku domestiċi u tal-esportazzjoni u rragruppat is-suq intern mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.

3.   IL-KONTENUT PRINĊIPALI TAL-IMPENJI OFFRUTI

(4)

L-SvK ma taqbilx mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu offriet impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) 1/2003, li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. L-elementi ewlenin tal-impenji jistgħu jitqassru kif ġej:

(5)

L-SvK se taqsam is-sitema Żvediża ta’ trażmissjoni f’żewġ taqsimiet jew aktar ta’ offerti u tħaddem is-sistema Żvediża tat-trażmissjoni fuq din il-bażi mill-1 ta' Lulju tal-2011 l-aktar tard. Il-konfigurazzjoni tat-taqsimiet tal-offerti se tkun flessibbli biżżejjed li tkun tista’ tiġi mmodifikata malajr kemm jista’ jkun biex tadatta għal tibdiliet ippjanati u mhux ippjanati fil-mudelli futuri tal-fluss fis-sistema Żvediża tat-trażmissjoni. Mid-data meta t-taqsimiet tal-offerti jibdew jaħdmu, l-SvK se tiġġestixxi l-konġestjoni fis-sistema Żvediża tat-trażmissjoni mingħajr ma tillimita l-kapaċità kummerċjali fuq l-interkonnetturi.

(6)

Se jkun hemm eċċezzjoni waħda għal dan il-prinċipju tal-ġestjoni tal-konġestjoni interna: din hi l-konġestjoni fil-kuritur tal-Kosta tal-Punent. Madankollu, l-SvK hi impenjata li ssaħħaħ it-taqsima tal-Kuritur tal-Punent billi tibni u topera linja ta’ trażmissjoni ġdida ta’ 400 kV bejn Stenkullen u Strömma-Lindome sat-30 ta’ Novembru 2011.

(7)

Waqt il-perjodu interim, jiġifieri l-perjodu bejn in-notifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-impenn u d-data li fiha t-taqsimiet tal-offerta jkunu bdew jaħdmu, l-SvK tikkommetti ruħha li tiġġestixxi kull konġestjoni li tista’ tantiċipia fis-sistema Żvediża ta’ trażmissjoni, bl-eċċezzjoni tal-konġestjoni fil-Kuritur tal-Kosta tal-Punent, billi tikkunsidra r-riżorsi regolatrji xierqa għal kummerċ bi tpartit biex tindirizza din il-konġestjoni. Fil-prattika, fil-fażi tal-ippjanar, ladarba tkun antiċipat konġestjoni u għalhekk tidentifika ħtieġa korrispondenti ta’ twaqqif (MW), l-SvK tikkommetti ruħha li tidentifika kull riżorsa regolatorja xierqa għal kummerċ bi tpartit li hi tistenna li tkun disponibbli fil-fażi operazzjonali biex tindirizza konġestjoni bħal din. L-SvK sussegwentement se tqassam dawn ir-risorsi skont l-ordni tal-mertu tagħhom u tagħżel dawk li jkunu orħos li jammontaw għall-volum ta’ twaqqif identifikat. Minn dawn ir-riżorsi magħżula l-SvK se tagħżel ukoll dawk li jinsabu fl-Iżvezja u tgħoddhom flimkien biex tgħaqqad ammont (MW). L-SvK tikkommetti ruħha li tnaqqas dan l-ammont mill-ħtieġa ta’ tnaqqis li kien antiċipat fil-bidu. Jekk bħala riżultat ta’ dan it-tnaqqis, xorta jibqa’ ammont ta’ qtugħ, l-SvK tikkommetti ruħha li tnaqqas l-ammont ta’ qtugħ fuq il-kapaċitajiet kummerċjali tal-interkonnetturi relevanti. Fil-fażi operazzjonali, l-SvK tikkommetti ruħha li tuża kull riżorsa regolatorja xierqa disponibbli biex tindirizza l-konġestjoni sabiex tiggarantixxi l-kapaċitajiet kummerċjali tal-interkonnetturi li tkun tat lis-suq. Il-volum reali ta' kummerċ bi tpartit meħtieġ jista' jkun akbar jew iżgħar mill-volum identifikat mistenni fil-fażi ta' tħejjija.

(8)

Dawn l-impenji jinsabu ppubblikati bl-Ingliż fuq il-websajt tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fuq: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

4.   STEDINA BIEX JITRESSQU KUMMENTI

(9)

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li, soġġett għall-ittestjar tas-suq, tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li tiddikkjara r-rabtiet li jinsabu fis-sommarju hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, bħala vinkolanti.

(10)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impenji proposti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni titlob lill-Partijiet interessati biex jikkummentaw b’mod partikolari fuq l-esklużjoni tal-Kuritur tal-Kosta tal-Punent mill-impenn biex jiġu introdotti t-taqsimiet tal-offerti. Il-kummenti kollha għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati huma wkoll mitluba jissottomettu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, fejn għandhom jitħassru s-sigrieti kummerċjali u siltiet kunfidenzjali oħrajn u jiġu ssostitwiti kif meħtieġ b'sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”. Talbiet leġittimi ser ikunu rispettati.

(11)

L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni taħt in-numru ta' referenza COMP/B-1/39.351 – Interkonnetturi Żvediżi, jew bl-e-mail (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), bil-faks (+32 22950128) jew bil-posta f'dan l-indirizz:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Antitrust

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIE


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, paġni 1.


Top