EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC1001(05)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel

ĠU C 236, 1.10.2009, p. 29–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 236/29


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel

2009/C 236/12

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“AGLIO DI VOGHIERA”

Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0638-30.07.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   L-isem:

“Aglio di Voghiera”

2.   L-Istat Membru jew il-Pajjiż Terz:

L-Italja

3.   Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   It-tip ta' prodott (l-Anness II):

Kategorija 1.6:

Frott u ħaxix u ċereali friski u pproċessati

3.2.   Id-deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem ta' (1):

Id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Aglio di Voghiera” hija riżervata għall-ekotip Aglio di Voghiera Din hija pjanta bil-basliet bojod ileqqu u uniformi, u ftit li xejn strixxat bir-roża. Il-qxur ta' madwar is-sinnniet huma bojod u ximindaqqiet bi strixxi rosa pjuttost skuri. Il-forma tal-basla ġejja fit-tond, regolari u kumpatta, kemmxejn ċatta fit-tarf fil-punt fejn tingħaqad mal-għeruq. Il-basla magħmula minn għadd varjabbli ta' sinniet magħqudin sew bejniethom bit-tondjatura karatteristika min-naħa ta' barra u mqiegħda perfettament ħdejn xulxin. Meta jinħareġ għall-konsum l-Aglio di Voghiera għandu jidher kif ġej: il-basliet iridu jkunu mingħajr sinjal ta' taħsir; mingħajr parassiti; nodfa; magħqudin; ħielsa minn ħsara mill-ġlata jew mix-xemx; mingħajr nebbieta li jkunu viżibbli minn barra; ħielsa minn indewwa esterna annormali; ħielsa minn kwalunkwe riħa u/jew togħma estranja. Għandu jiġi rikonoxxut bħala “Aglio di Voghiera” DPO biss it-tewm li jappartjeni għall-kategoriji “Extra” tad-daqs minimu ta' 45 mm u “Prima” tad-daqs minimu ta' 40 mm. L-Aglio di Voghiera jinħareġ fis-suq b'dawn il-karatteristiċi li ġejjin: TEWM FRISK/AĦDAR b'zokk aħdar li huwa iebes madwar l-għonq, u bil-qoxra ta' barra tal-basla għadha friska; basla bajda jew il-lewn tal-avorju fl-abjad u possibbilment bi strixxi rosa; bl-għeruq jagħtu fl-abjad. TEWM SEMINIEXEF: biz-zokk mhux kompletament niexef b'lewn li jvarja minn aħdar għal pjuttost abjad u ta' konsistenza mhux daqshekk iebsa madwar l-għonq; bil-qoxra ta' barra mhux kompletament niexfa, il-basla bajda u avorju fl-abjad u possibbilment bi strixxi rosa, bl-għeruq jagħtu fl-abjad. TEWM NIEXEF: b'żokk niexef jagħti fl-abjad, ta' konsistenza delikata, bil-qoxra ta' barra u l-qoxra ta' madwar kull sinna kompletament niexfa, basla bajda li fiha jidhru s-sinniet, bl-għeruq tal-lewn tal-avorju.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti proċessati biss):

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Il-fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

L-operazzjonijiet kollha tal-produzzjoni għandhom isiru neċessarjament fiż-żona tal-produzzjoni minħabba li l-karatteristiċi speċifiċi tal-Aglio di Voghiera huma doviuti kemm għall-għarfien tal-produtturi kif ukoll għall-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona u t-tipi tal-ħamrija li jinsabu hemmhekk.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Il-prodott aħdar/frisk għandu jinħareġ għall-konsum fiż-żmien bejn il-jum meta jinqata' sal-ħames jum wara l-qtugħ; il-prodott seminiexef bejn mis-6 u l-10 jum u dak niexef mill-11-il jum wara l-qtugħ. Il-prodotti kollha jinħarġu għall-konsum fl-għamla tat-TRECCIA (MALJA): magħmula minn qatet ta' bejn 5 u 18 basla u tal-piż bejn 400 g. u 900 g. TRECCIA EXTRA : ta' bejn 8 u 80 basla u l-piż tagħhom bejn 1 u 5 Kg; RETINO (XIBKA ŻGĦIRA): numru varjabbli ta' basal tal-piż bejn 100 g u 500 g; XKEJJER: numru varjabbli ta' basal tal-piż bejn 1 u 5 Kg; TRECCINA (MALJA ŻGĦIRA): ta' bejn 3 u 5 basliet u l-piż tagħhom bejn 150 g u 500 g; BULBO SINGOLO (BASLA INDIVIDWALI) tal-piż: bejn 50 g u 100 g li tiġi ppakkjata f'xibka, fl-injam, fil-plastik, fil-kartun, fil-karta u f'materjali naturali magħmula mill-pjanti. Il-kontenituri jridu jkunu ssiġillati b'mod li ma jħallix li l-kontenut ikun jista' jinħareġ mingħajr ma jinkiser l-ippakkjar. Iz-zkuk u l-għeruq għandhom jitneħħew kompletament mill-basliet individwali. L-ippakkjar għandu jsir b'attenzjoni biex jiġi evitat li t-trasport u l-manipulazzjoni eċċessiva jipprovokaw il-ksur tal-irjus tal-basal u fuq kollox il-frammentazzjoni tal-qoxra li jiġġenera r-riskju ta' moffa u ta' ħsara fil-prodott.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Kull imballaġġ għandu jkollu, bil-kitba fuq l-istess naħa, leġibbli u li ma titħassarx, l-indikazzjonijiet li jidentifikaw l-imballaġġatur jew it-trasportatur. Il-kontenituri għandhom juru wkoll l-isem “Aglio di Voghiera” u l-kliem “denominazzjoni protetta tal-oriġini” jew l-akronimu “DPO” f'karattri li jkunu akbar minn kull indikazzjoni oħra li tidher fuq l-imballaġġ, u l-logo Komunitarju. Fuq il-biċċiet individwali għandu jkun hemm it-tikketta bl-isem “Aglio di Voghiera” kif ukoll l-ittri DPO, il-lowgo Komunitarju u l-isem tal-produttur. Il-logo f'forma ta' ċirku bl-isfond ċelesti ċar jikkonsisti minn disinn li jirrappreżenta nofs sinna tewm maqtugħa fiċ-ċentru tagħha bl-ittra V. Is-sinna tewm hija tal-lewn isfar bi strixxi tad-dell aktar skuri. Fiċ-ċirku, f'pożizzjoni mmejla hemm miktub bl-iswed il-kliem Aglio di Voghiera Fuq, u dejjem ġewwa ċ-ċirku jidhru l-ittri bl-iswed D.O.P (DPO). Għal finijiet biss ta' pubbliċità tista' tintuża verżjoni bl-abjad u iswed, u f'dak il-każ il-logo ċirkolari jkun imdawwar b'linja sewda. Il-lowgo, meta jiġi ttimbrat fuq it-tikketta, għandu jkun terz mid-daqs meta mqabbel mad-dimensjoni totali tat-tikketta.

4.   Id-definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tal-Aglio di Voghiera hija kkostitwita minn dawn il-muniċipalitajiet li jinsabu fil-provinċja ta' Ferrara: Voghiera, Masi Torello, Portomaggiore, Argenta u Ferrara.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-kultivazzjoni tal-Aglio di Voghiera hija żona ta' pjanura, li tinsab f'ambjent tad-delta u f'wied mim b'ilmijiet tax-xmajjar li joffru klima ideali għat-tkabbir ta' dan il-prodott. Il-ħamrija fil-biċċa l-kbira hija taflija, taflija bis-sediment, ramlija bis-sediment. Minħabba l-preżenza abbundanti ta' ramel ġej mix-xmajjar għandha kapaċità kbira għad-drenaġġ tal-ilma taħt l-art; din il-kapaċità tiffavorixxi t-tkabbir u l-iżvilupp tat-tewm filwaqt li tippreżervah mill-ħsara. Il-klima hija kkaratterizzata minn xita inqas minn ta' żoni oħra tal-pjanura, b'frekwenza tax-xita aktar spisas fix-xhur tar-rebbiegħha milli waqt ix-xhur tas-sajf. Is-sjuf sħan u xemxin jgħinu x-xogħol tal-ħsad u, flimkien mal-kundizzjonijiet ta' umdità, li huma tipiċi għaż-żona tal-Ferrara, jiffavorixxu l-inxif gradwali tal-Aglio di Voghiera.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristiċi partikolari tal-“Aglio di Voghiera” huma l-lewn abjad ileqq tiegħu, id-daqskbir tal-basla ġejja fit-tond u regolari, magħmula minn sinniet perfettament magħqudin bejniethom u, fuq kollox, u li l-konservazzjoni tiegħu ddum fit-tul. Il-kompożizzjoni kimika tiegħu tesibixxi bilanċ perfett bejn żjut volatili b'komposti tal-kubrit, enżimi, vitamini B, imluħ minerali u flavonojdi. Karatteristika oħra, mhux anqas importanti, hija l-identità ġenetika speċifika li dehret permezz tat-tekniki tal-amplifikazzjoni tad-DNA, il-frott ta' selezzjoni naturali li seħħet permezz tal-metodi tal-għażla li ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP):

Il-karatterstiċi tal-Aglio di Voghiera jirrizultaw mir-rabta qawwija li hemm mal-ambjent kif ukoll minħabba fatturi umani. Il-karatteristiċi tipiċi tal-prodott imsemmija fil-punt 5.2 huma dovuti għall-artijiet fejn jiġi kkultivat. Il-ħamrija taflija, taflija bis-sediment, u ramilija bis-sediment li fiha ramel li joriġina mix-xmara tiffavorixxi l-iskular taħt l-art tal-ilmijiet, tagħti lill-prodott il-konservazzjoni fit-tul tal-basal, it-tkabbir qawwi tagħhom, il-lewn abjad luminuż u fuq kollox il-forma regolari u kompatta li tikkaraterizzah. Permezz tar-riproduzzjoni tas-sinniet, bil-propagazzjoni veġetali, u billi jintużaw dawk ġejjin minn fost l-aqwa basal, jinkiseb il-bilanċ perfett bejn enżimi, vitamini u mluħ minerali li jagħtu lil dan it-tewm l-identità ġenetika speċifika tiegħu. Kif diġà ssemma, rabta qawwija oħra li jagħmel l-Aglio di Voghiera daqshekk speċjali hija r-rabta umana. Huwa fil-fatt il-bniedem li minn dejjem kien jagħti kas partikolari għat-tekniki ta' irrigazzjoni matul il-perjodu taż-żrigħ u tal-ħsad, li b'kapaċità miksuba matul is-snin u li għaddiet minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, jagħżel b'idejh minn fost il-kultivazzjoni ta' qabel l-aħjar basal mnejn jittieħed il-materjal għaż-żrigħ, filwaqt li jara li dawn ikunu kbar u b'saħħithom. B'teknika esperta, jaħdem u jħejji b'idejh il-basal fis-sura ta' malji, malji żgħar u basal individwali, u li fl-aħħar mill-aħħar jgħaddi riċetti tant tajbin. Ix-xhieda arkeoloġika ta' dan l-aħħar kif ukoll tal-imgħoddi tal-Voghenza l-antika jikkonfermaw ir-rwol predominanti li dan iċ-ċentru kien ikollu għad-Delta tal-Po u li ilu mill-anqas mis-seba′ seklu wara Kristu. Fi tmiem il-perjodu medjevali nofsani kienu l-Estensi, is-sinjuri ta' Ferrara, li reġgħu taw il-ħajja lit-territorju ta' Voghiera. Id-dominju tal-familja Este inkoraġġixxa l-kultivazzjonijiet kollha possibbli fl-artijiet taż-żona, b'attenzjoni partikolari għall-pjanti tal-kċina, l-insalati, pjanti aromatiċi u fuq kollox it-tewm. Wara t-tluq tal-familja Este fl-1598, l-esperjenza miksuba fil-kamp agrikolu ma ntilfet xejn għaliex proprjetarji ċelebri oħrajn indunaw bil-valur ta' dawn l-artijiet fertili tul il-passaġġ tax-xmara antika Po li sal-lum qiegħda tħeġġeġ il-kultivazzjoni ta' produzzjoni speċjalizzata ħafna bħat-tewm.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-DPO “Aglio di Voghiera” fil-“Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana” Nru 124 tat-30 ta' Mejju 2007.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab disponibbli fuq dan il-link:

 

http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm? txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew

 

billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.


Top