Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0916(06)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 223, 16.9.2009, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/26


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 223/12

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni.

SOMMARJU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

PEMENTO DE OÍMBRA

Nru tal-KE: ES-PDO-0005-0486-20.07.2005

DPO ( ) IĠP ( X )

Dan is-sommarju jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, għal finijiet ta' tagħrif.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Subdirección General de Calidad y Agricultura ecológica — Dirección General de Industrias y Mercados Agroalimentarios — Secretaría General de Medio Rural del Ministerio de Medio Ambiente, y Medio Rural y Marino de España

Indirizz:

Paseo Infanta Isabel, 1

28071 Madrid

ESPAÑA

Tel.

+34 913475394

Fax

+34 913475410

Posta elettronika:

sgcaae@mapya.es

2.   Grupp:

Isem:

Hortoflor 2 SCG

Indirizz:

Barbantes-estación

32454 Cenlle (Ourense)

ESPAÑA

Tel.

+34 988280402

Fax

+34 988280399

Posta elettronika:

hortoflor@hortoflor.com

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi.1.6 –

Frott, ħaxix u ċereali fl-istat oriġinali jew ipproċessati.

4.   Speċifikazzjoni tal-prodott:

(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem il-prodott:

“Pemento de Oímbra”

4.2.   Deskrizzjoni:

Il-bżar “Pemento de Oímbra” li huwa protett permezz tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (I.Ġ.P) huwa l-frott li jappartieni għall-ispeċi Capsicum annuun, L, li bi tradizzjoni jitkabbar fiż-żona ta' produzzjoni, biex jittiekel mill-bniedem u li jitqiegħed fis-suq bħala ħaxix frisk, meta l-frott ikun għadu ma mmaturax.

Il-karatteristiċi tal-prodott huma dawn:

Karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi:

Forma: regolari, tawwali, b'perikarpu wieħed u 3 jew 4 buzzaturi, mingħajr nervaturi kbar,

Piż: bejn 100 g u 200 g kull wieħed,

Tul tal-frott: bejn 10 ċm u 20 ċm,

Wisa' tan-naħa ta' taħt tal-frotta: bejn 6 ċm u 8 ċm,

Sezzjoni trasversali bi 3 jew 4 lobi,

Forma tan-naħa ta' fuq tal-frotta: għall-ponta jew fit-tond,

Qoxra ta' barra: lixxa u tleqq, b'kulur ħadrani ċar u b'laqtiet sofor,

Ħxuna tal-qoxra tad-dawra jew tal-laħam tagħha: bejn 6 mm u 8 mm,

Togħma: togħma ħelwa, mingħajr ħruq minħabba li ma fihx kapsajċin, u b'riħa moderatament qawwija.

Karatteristiċi kimiċi (valuri medji):

Kompożizzjoni kimika: umdità (93 %), proteini (1.3 g/100 g tal-piż tal-frott fi stat frisk).

4.3.   Żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tikkonsisti mir-reġjun ta' Verín f'Ourense, li hija magħmula minn dawn il-muniċipalitajiet li ġejjin: Oímbra, Verín, Castrelo do Val, Monterrei, Cualedro, Laza, Riós u Vilardevós.

F'dan ir-reġjun jinsab il-wied tax-xmara Támega, li fih żona b'kundizzjonijiet klimatiċi u ħamrija tajbin ħafna għat-tkabbir ta' dan il-prodott.

4.4.   Prova tal-oriġini:

It-traċċabbiltà tal-prodott hija żgurata mill-identifikazzjoni tiegħu f'kull stadju ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni.

Sabiex jiġi vverifikat li r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni jkunu ġew issodisfati, l-organu ta’ spezzjoni se jieħu ħsieb reġistru ta' produtturi u ta' ġonot tar-raba', li jiġi aġġornat kostantement.

Il-bżar li jista' jiġi kopert mill-IĠP “Pemento de Oímbra” jrid ikun ġie kkultivat f'ġonot tar-raba' u minn produtturi mniżżla fir-reġistru, skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-regoli ta' speċifikazzjoni u fir-regoli komplementari tagħha.

Barra minn hekk, il-produtturi rreġistrati huma rikjesti li jiddikjaraw il-kwantità ta' bżar kopert mill-IĠP tabilħaqq ikkultivat u mqiegħed fis-suq permezz ta' dħul fir-reġistri maħluqa għal dan l-iskop. L-organu ta’ spezzjoni se jivverifika li l-kwantitajiet mqiegħda fis-suq minn min jippakkja jikkorrispondu mal-produzzjoni tal-bdiewa li jfornuhom u mal-produzzjoni meta mqabbla mar-rendiment agronomiku tal-ġonot tar-raba' rreġistrati.

Il-persuni naturali u ġuridiċi kollha mniżżla fir-reġistri, il-ġonot tar-raba', l-imħażen, l-impriżi tal-ipproċessar u l-prodotti ser ikunu soġġetti għal spezzjonijiet u verifiki mwettqa mill-organu ta’ spezzjoni bil-għan li jivverifika li l-prodotti protetti jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fir-regoli ta' speċifikazzjoni u fir-regoli komplementari tagħha. Il-kontrolli ser jitwettqu abbażi ta' spezzjoni tal-ġonot tar-raba', tal-imħażen u tal-impriżi tal-ipproċessar, abbażi ta' reviżjoni tad-dokumentazzjoni u ta' kontroll li l-parametri fiżiċi spjegati fil-punt 4.2 ta' dan id-dokument huma ssodisfati, u ta' kontroll li meta jinġabar, il-bżar ikun sħiħ, tajjeb, nadif u mingħajr ħsara u difetti. Barra min hekk huwa possibbli li jitwettqu analiżi ta' residwu multiplu biex jiġi vverifikat li ċ-ċifri miksuba għall-pestiċidi huma inqas mill-Limiti Massimi ta' Residwi (LMR) stabbiliti mil-leġiżlazzjoni attwali għal dan il-prodott.

4.5.   Metodu ta’ produzzjoni:

Il-proċess tal-għażla tal-pjanti u l-frott li jkunu se jintużaw biex minnhom tittieħed iż-żerriegħa għall-propogazzjoni jsir b'mod tradizzjonali mill-bdiewa stess, li bl-esperjenza tagħhom jagħżlu l-bżar li jkollu l-aħjar karatteristiċi (fid-daqs, forma u dehra) għat-tkabbir ta' bżar tal-aqwa kwalità.

Il-proċess li bih jinkiseb il-prodott huwa spjegat hawn taħt:

Propagazzjoni u tħawwil:

Iż-żerriegħa tittieħed mill-bżar matur (aħmar) wara li jitnixxef. Il-preparazzjoni taż-żrieragħ issir fil-bidu ta' Marzu. It-tħawwil fil-ġonot tar-raba' jibda jsir min-nofs ix-xahar ta' Mejju. Iż-żrigħ isir f'roqgħa ta' 50 cm × 40 cm. Ix-xtieli jiġu mingħand produtturi awtorizzati mniżżla fir-reġistru rilevanti.

Restrizzjonijiet fuq il-produttività:

Għall-protezzjoni tal-IĠP “Pemento de Oímbra” se jkun eleġibbli l-bżar ikkultivat kemm fil-beraħ kif ukoll mgħotti. Ir-rendiment massimu permess se jkun, b'mod ġenerali, 4.5 kg/m2.

Prattiki ta' tkabbir:

Biex ix-xitla tal-bżar tikber bl-aħjar mod possibbli, it-tisqija hija importanti ħafna u għandha ssir “fuq in-naħa ta' isfel” tax-xitla, peress li jekk issir b'mod ieħor tista' tagħmel ħsara liż-żahra jew lill-frotta.

Il-fertilizzazzjoni organika se tkun ikkonċentrata fuq ħamrija mdemmla bid-demel tal-bovini u tat-tiġieġ.

L-ilqugħ għall-parassiti u l-mard għandu jsir l-aktar billi jiġu applikati metodi ta' kultivazzjoni bħad-diżinfezzjoni taż-żerriegħa, it-trattament tal-mixtliet u permezz ta' inqas tisqija. Jekk ikun meħtieġ li jintużaw kimiċi fitosanitarji, il-materjali attivi użati għandhom ikunu dawk li għandhom inqas impatt ambjentali, aktar effikaċja, inqas tossiċità u inqas problemi ta' residwi, inqas effett fuq fawna sekondarja u l-inqas saħħa.

Il-ħsad:

Il-ħsad isir manwalment, meta l-frott ikun wasal f'nofs l-istadju ta' maturazzjoni tiegħu, u f'dak iż-żmien meta, skont l-esperjenza tal-bdiewa, ikunu preżenti l-kundizzjonijiet xierqa biex jitqiegħed fis-suq, skont il-karatteristiċi fiżiċi mniżżla fil-punt 4.2. Dan jikkonsisti fi proċess li jkollu jiġi ripetut skont il-ħtieġa, b'mezzi materjali (għodda, kaxxi jew kontenituri eċċ.) u mezzi umani sabiex il-prodott ma jitħassarx.

Trasport u ħażna:

Il-bżar jiġi trasportat f'kontenituri riġidi, biex ma jitgħaffiġx. Il-ħatt isir b'tali mod li l-prodott issirlu l-inqas ħsara possibbli meta jitwaqqa'. Iż-żoni ta' ħażna għandhom ikunu vventilati b'mod tajjeb.

Tqegħid fis-suq:

Il-prodott jitqiegħed fis-suq f'boroż immaljati li jesgħu bejn 1 kg u 5 kg, jew f'kaxxi tal-kartun li jesgħu bejn 5 kg u 10 kg. Għandu jintuża materjal li jkollu l-awtorizzazzjoni skont il-liġi alimentari li tkun fis-seħħ. Il-prodott imqiegħed f'kull kontenitur għandu jkun tal-istess kwalità, maturità u kulur. Jistgħu jiġu stabbiliti forom oħra ta' preżentazzjoni jekk jintwera li ma jaffettwax il-kwalità tal-prodott b'mod ħażin. Il-perjodu tat-tqegħid fis-suq għandu jkun bejn il-15 ta' Ġunju u l-15 ta' Ottubru; iżda dan jista' jinbidel meta l-karatteristiċi tal-bżar ikunu jeħtieġu li jsir hekk, minħabba li huwa prodott lokali li ilu jitkabbar minn żmien twil f'kundizzjonijiet tat-temp li jvarjaw skont l-istaġun.

4.6.   Rabta:

Dan il-bżar għandu rabta mal-bdiewa taż-żona ġeografika definita. B'riżultat tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni limitati tiegħu tul is-snin, il-kultivazzjoni tiegħu ma nfirxitx lil hinn minn din iż-żona ġeografika, li anki llum tibqa' l-uniku post li fih jiġi prodott dan il-bżar.

Minħabba l-isem u l-popolarità li kiseb dan il-bżar, fl-1998 bdiet issir il-“Feira do Pemento”, avveniment festiv annwali li jsir fil-bidu ta' Awwissu u li fih jiġu eżaltati l-virtujiet gastronomiċi tal-“Pemento de Oímbra”, u fejn, minbarra li jsir tidwiq u promozzjoni tal-prodott, jiġu organizzati wkoll kompetizzjonijiet gastronomiċi u konferenzi tekniċi għall-produtturi. Il-fama li kiseb dan il-bżar tidher fl-għadd kbir ta' restoranti tar-reġjun ta' Verín li fil-menù tagħhom jinkludu l-“Pemento de Oímbra”, u li fil-kwalitajiet kulinarji u d-diversi metodi possibbli għall-preparazzjoni tiegħu jaraw opportunità kummerċjali mill-aqwa.

Din ir-reputazzjoni hija frott ta' taħlita ta' diversi fatturi, li jinkludu l-materjal veġetali, l-art u l-mikroklima tal-widien li fihom jiġi kkultivat dan il-prodott.

Materjal veġetali

Il-prattiki tradizzjonali li jużaw il-bdiewa lokali biex iżommu u jagħżlu l-aħjar pjanti, filwaqt li jaddattaw it-tekniki ta' produzzjoni għall-kundizzjonijiet tat-territorju, iwasslu għal prodott b'karatatteristiċi speċifiċi u ta' kwalità li żiedu r-reputazzjoni tal-bżar ta' Oímbra bil-kbir.

Karatteristiċi pedoloġiċi

Il-karatteristiċi pedoloġiċi jkomplu jagħmlu lil dan it-territorju xieraq għat-tkabbir tal-bżar, minħabba li fih hemm ħafna ħamrija tal-ġir ta' għamla ġeblija u ramlija u b'kontenut għoli ta' materjali organiċi, bi struttura li tiffavorixxi l-infiltrazzjoni, li tippermetti t-tisqija ta' spiss (din il-pjanta hija sensittiva ħafna għan-nuqqas ta' ilma, u għalhekk, il-ħamrija għandha tinżamm fi stat umdu), iżda tevita li l-ħamrija tinfaqa' bl-ilma (li jista' jwassal għall-asfissja jew għat-tħassir apikali tal-frott).

Karatteristiċi klimatiċi

Il-karatteristiċi klimatiċi taż-żona delimitata huma tassew adegwati għat-tkabbir tal-ekotip Oímbra u minħabba f'hekk, it-tradizzjoni tat-tkabbir tiegħu infirxet ħafna f'din iż-żona filwaqt li l-karatteristiċi partikolari tiegħu baqgħu l-istess.

Il-“Pemento de Oímbra”, bħall-biċċa l-kbira tal-bżar ta' togħma ħelwa, hija pjanta li teħtieġ ħafna dawl, li fiż-żona ta' produzzjoni huwa favorevoli minħabba l-espożizzjoni ta' din iż-żona għal-Lbiċ, u t-temperatura li hija fattur ambjentali li, fiż-żona delimitata, tilħaq l-aħjar valuri għal kull fażi tat-tkabbir tal-pjanta.

Il-ġerminazzjoni teħtieġ temperatura minima ta' 13 °C, li f'din iż-żona tibda sseħħ mix-xahar ta' April; filwaqt li l-aħjar temperaturi għall-iżvilupp tagħha jvarjaw bejn l-20 u l-25 °C (matul il-jum) u bejn 16 u 18 °C (matul il-lejl), li f'din iż-żona jseħħu fiż-żgur fil-perjodu ta' bejn Lulju u Awwissu. Għall-biċċa l-kbira tas-snin, fix-xahar ta' Settembru, it-temperaturi ta' bil-lejl (b'medja ta' 14.4 °C) ikunu baxxi wisq għat-tkabbir fil-beraħ tal-bżar ħelu ta' kwalità, li jiġġustifika l-użu tal-għata tal-prodott, użu li nfirex sew f'dan is-settur.

4.7.   Organu ta’ spezzjoni:

Isem:

Instituto Galego da Calidade Alimentaria (INGACAL)

Indirizz:

Rúa Fonte dos Concheiros, 11 bajo

15703 Santiago de Compostela

ESPAÑA

Tel.

+34 881997276

Fax

+34 981546676

Posta elettronika:

ingacal@xunta.es

INGACAL huwa korp pubbliku li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Consellería do Medio Rural de la Xunta de Galicia.

4.8.   Tikkettar:

Il-bżar li jitqiegħed fis-suq bil-protezzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pemento do Oímbra” jrid ikollu t-tikketta kummerċjali li tikkorrispondi għall-isem tad-ditta ta' kull manifattur/min jippakkja u tikketta fuq wara b'kodiċi alfanumeriku b' numerazzjoni korrelattiva, bl-awtorizzazzjoni mill-korp ta' kontroll, bil-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta. Il-kliem “Indicación Geográfica Protegida ‘Pemento de Oímbra’ ” għandhom jidhru kemm fuq it-tikketta ta’ quddiem kif ukoll fuq dik ta’ wara.


Top