EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0807(03)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel

ĠU C 185, 7.8.2009, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 185/13


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel

2009/C 185/08

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“SEDANO BIANCO DI SPERLONGA”

Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0481-06.07.2005

DPO ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-istat membru:

Isem: Ministero Delle Politiche Agricole e Forestali

Indirizz:

Via XX Settembre n. 20

00187 Roma RM

ITALIA

Tel +39 0646655106

Feks +39 0646655306

posta elettronika: saco7@politicheagricole.gov.it

2.   Grupp:

Isem: Associazione produttori Sedano Bianco di Sperlonga

Indirizz:

Viale Europa

LT-04029 Sperlonga

LIETUVA/LITHUANIA

Tel +370 771556388

Feks +370 771556388

posta elettronika: —

Kompożizzjoni: Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6:

Frott, ħxejjex u ċereali pproċessati jew mhumiex.

4.   Speċifikazzjoni:

(sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Sedano Bianco di Sperlonga”

4.2.   Deskrizzjoni:

L-IĠP “Sedano Bianco di Sperlango” huwa riservat esklussivament għall-ekotip ta' karfus ta' Sperlonga li ġej mill-ispeċi Apium gravolens L. var dulce Mill, ekotip “Bianco di Sperlonga”, bi trufijiet bojod jew bajdanin. Il-kulur karatteristiku ċar huwa element intrinsiku tal-ekotip, li xorta waħda jista' jiġi enfasizzat minn densità ta' tiżrigħ aktar sfiqa. Mat-tqegħid fis-suq għal konsum is-“Sedano bianco di Sperlonga” tal-IĠP irid ikollu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ekotip lokali “Bianco di Sperlonga” li ġejjin: il-pjanta hi ta' daqs medju, b'forma kompatta, bejn 10 u 15-il werqa ta' kulur aħdar ċar; il-weraq iż-żgħir huwa ta' kulur abjad bi sfumaturi ħfief fl-aħdar ċar, ftit fibruż, karatterizzat minn vini ftit li xejn evidenti. Il-piż ivarja skont id-daqs: id-daqs medju – bejn 500 u 800 gramma; id-daqs kbir iktar minn 800 gramma. It-togħma hija ħelwa u aromatika moderata li jagħmluh partikolarment tajjeb għall-konsum frisk. Barra minn hekk, is-“Sedano Bianco di Sperlonga” għandu kontenut totali ta' aċidi organiċi ta' mhux inqas minn 135.00 mg/100 g; reżistenza għall-qsim ta' mhux inqas minn 20 N u kontenut totali ta' zokkor ta' mhux inqas minn 13.00 mg/g.

4.3.   Żona ġeografika:

Is-“Sedano Bianco di Sperlonga” Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) għandu jkun ikkultivat fit-territorju tal-Comune di Fondi u tal-Comune di Sperlonga.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Kull fażi tal-proċess ta' produzzjoni tiġi sorveljata billi jiġu ddokumentati d-dħul u l-ħruġ ta' prodotti f'kull fażi. B'dan il-mod, u permezz tar-reġistrazzjoni f'listi apposta, mmaniġġjati mill-organu ta’ spezzjoni, tal-ħbula tal-art li fuqha sseħħ il-kultivazzjoni, tal-produtturi, ta' min jaħdem fl-imballaġġ kif ukoll permezz tad-dikjarazzjoni staġjonali li ssir mal-istruttura ta’ spezzjoni tal-kwantitajiet prodotti, hija garantita t-traċċabbiltà tal-prodott (matul il-katina kollha tal-produzzjoni). Il-persuni kollha, fiżiċi jew ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, huma soġġetti għall-kontroll mill-organu ta' spezzjoni, skont kif previst tal-pjan ta' kontroll relatat.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni:

It-tiżrigħ għandu jsir mill-bidu tax-xahar ta' Lulju. Iż-żerriegħa tista' titpoġġa kif inhi jew fil-forma miksija f'kaxex (imferrex) jew f'kontenituri mtaqqbin. Sabiex iż-żerriegħa tnibbet, il-preżenza tad-dawl hija indispensabbli. Il-produzzjoni taż-żerriegħa, magħmula permezz tal-għażla fenotipika (jiġifieri l-kisba taż-żerriegħa mill-aħjar xtieli), isseħħ fl-impriżi u/jew fl-irziezet li jaqgħu fiż-żona ta' produzzjoni. Iż-żerriegħa prodotta minn impriżi u/jew irziezet bħal dawn, tista' tingħata lill-produtturi jew irziezet oħra li jaqgħu fiż-żona ta' produzzjoni, li min-naħa tagħhom jieħdu ħsieb il-produzzjoni tax-xtieli. Ix-xtieli prodotti fl-irziezet għandhom jingħataw lura jew jitpoġġew għad-disponibbiltà tal-impriżi li jaqgħu fiż-żona ta' produzzjoni.

Iż-żerriegħa prodotta mill-impriżi lokali individwali, li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 4.3, għandha tkun dik irreġistrata fir-Reġistru Reġjonali volontarju li jipproteġi l-bijodiversità fl-agrikoltura. Dan ir-reġistru huwa f'idejn l-Arsial (Impriża reġjonali għall-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-agrikoltura tal-Lazio). It-tħawwil tax-xtieli għandu jseħħ meta dawn ikunu laħqu tul ta' madwar 10 - 15-il ċm. L-ordni ta' tħawwil huwa ta' bejn 25 u 35 ċm bejn ir-ringieli u bejn 25 u 35 ċm fir-ringiela, bl-aħjar tħawwil ikun ta' bejn 10 u 12-il pjanta kull metru kwadru. Huwa permess tħawwil massimu ta' 14-il pjanta kull metru kwadru. Il-bżonn tal-ilma tal-kultivazzjoni tas-“Sedano Bianco di Sperlona” huwa assigurat permezz tal-irrigazzjoni. Huma permessi sistemi ta' irrigazzjoni bix-xita jew ta' mikroirrigazzjoni. Il-fertilizzazzjoni tal-kultivazzjoni tal-karfus għandha ssir b'riferiment lejn is-suċċessjoni taċ-ċikli ta' kultivazzjoni tas-sena sħiħa agrarja. B'mod partikolari, l-użu ta' nitroġenu għandu jkun kumplessivament inqas minn 155 Kg/ha. Il-protezzjoni mill-parassiti għandha ssir skont it-tekniki ta' kontroll integrat bl-għan li jkunu mnaqqsa sal-inqas possibbli jew eliminati r-residwi tas-sustanzi kontra l-parassiti fuq il-karfus.

Il-qtugħ tas-“Sedano Bianco dei Sperlonga”, isir bl-idejn, bil-qtugħ tal-pjanta minn taħt l-għonq. Ix-xtieli għandhom jitpoġġew fil-kontenitur, filwaqt li jiġi evitat li waqt din l-operazzjoni jkun hemm xi irritazzjoni bil-konsegwenza tal-qsim fit-tessuti u l-ħruġ ta' meraq ċellulari. Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-prodott għax-xemx wara li jinqata' trid tkun mill-inqas possibbli.

Il-kultivazzjoni u l-imballaġġ tas-“Sedano Bianco di Sperlonga” għandhom iseħħu fiż-żona msemmija fil-punt 4.3 sabiex il-kwalità tal-prodott ma tinbidilx u jkunu garantiti t-traċċabbiltà u l-kontroll.

4.6.   Rabta:

Is-“Sedano Bianco di Sperlonga” ġie introdott fiż-żoni ta' Fondi u Sperlonga lejn is-snin 60. Il-preżenza tal-kultivazzjoni fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 4.3 hija ppruvata minn għadd kbir ta' dokumentazzjoni fiskali li tmur lura għal bidu tas-snin 60, saż-żminijiet tal-lum, meta s-“Sedano Biano di Sperlona”, wara fażi inizjali ta' introduzzjoni, kiber fil-valur kummerċjali u fil-konsum b'mod rapidu fis-swieq ta' Ruma.

Iż-żona ta' produzzjoni tas-“Sedano Bianco di Sperlona” hija karatterizzata minn kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima favorevoli ħafna għall-kultivazzjoni tal-karfus. Il-ħamrija hija magħmula f'partijiet minn art bil-ġir u meżożojka u f'partijiet minn art alluvjali bit-tajn u l-ġir. Il-preżenza ta' art bis-saffi tal-ilma kważi għal kollox viżibbli 'l fuq mill-ilma hi tipika taż-żona tal-produzzjoni u tinsab bejn iż-żona ta' reklamazzjoni u l-baħar. U huwa fuq dawn l-artijiet, imsejħa “art mistgħadra”, jew aħjar żoni tal-għadajjar, li żviluppat il-kultivazzjoni tal-karfus, fil-bidu fiż-żona kollha u wara f'kultivazzjoni protetta. Fil-fatt l-artijiet huma karatterizzati minn soluzzjoni ta' ħamrija bi grad għoli ta' salinità li, flimkien mal-kundizzjonijiet klimatiċi partikoli, jagħtu lis-“Sedano bianco di Sperlonga” il-kwalitajiet organolettiċi partikolari, jiġifieri l-benna, it-togħma ħelwa u aromatika moderata, il-kontenut ta' aċidi organiċi, ir-reżistenza minuri għall-qsim tat-trufijiet u l-kulur ċar karatteristiku tagħhom, instrinsiku tal-ekotip.

Il-klima taż-żona konċernata mill-IĠP, hija ta' tip marittimu moderat karatterizzata minn: temperatura medja bejn is-17 u t-18 °C; temperatura medja kull xahar ta' inqas minn 10 °C, għal minn xahar sa 3 xhur; u medja tal-inqas temperaturi fix-xahar l-aktar kiesaħ ta' 6,9 °C; ammont ta' xita fis-sena b'medja minn 727 sa 1 133 mm, b'inżul ta' xita fis-sajf minn 61 sa 83 mm. B'mod partikolari fiż-żona fejn il-baħar hemm stat ta' nixfa kbira u jdum minn Mejju sa Awwissu.

Għalhekk l-artijiet u l-karatteristiċi klimatiċi jikkostitwixxu l-ambjent naturali magħżul għall-kultivazzjoni tas-“Sedano Bianco di Sperlonga”.

Mal-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima hemm ukoll rabta mal-ispeċjalizzazzjoni storika tal-bdiewa lokali li minbarra li adattaw tekniki b'impatt ambjentali baxx, kienu kapaċi jisfruttaw l-artijiet tal-għadajjar tipiċi, u b'hekk taw lok, grazzi għall-fatt li ż-żerriegħa tirriproduċi lilha nfisha permezz tal-għażla fenotipika, għall-konservazzjoni tal-ekotip “Bianco di Sperlonga” u ggarantixxu l-protezzjoni tat-teknika produttiva u tal-attitudnijiet tal-kultivazzjoni.

4.7.   Organu ta’ spezzjoni:

Isem: Agroqualità

Indirizz:

Via Montebello 8

00185 Roma RM

ITALIA

Tel +39 0647822463

Feks +39 0647822439

posta elettronika: —

4.8.   Tikkettar:

L-imballaġġ tal-karfus jista' jsir f'kontenituri li jkun fihom ringiela ta' bejn 4 u 5 karfusiet, għall-piż massimu ta' 5 Kg, jew b'kontenituri li jkun fihom żewġ ringieli ta' bejn 8 u 10 karfusiet, għall-piż massimu ta' 10 Kg. Fejn ikun hemm l-imballaġġ ta' minn 1 sa 3 karfusiet, huwa obbligatorju li kull zokk tal-karfusa jkollha tikketta. Il-pakkett għandu jkollu b'mod obbligatorju fuq it-tikketta b'karattri stampati b'mod ċar u li jinqara, barra mis-simbolu grafiku komunitarju u l-kliem relattiv, l-indikazzjonijiet ulterjuri li ġejjin:

“Sedano Bianco di Sperlona” segwita mill-akronimu IĠP (Indikazzjoni Ġeografika Protetta), f'daqs ikbar mill-indikazzjonijiet l-oħra kollha fuq it-tikketta,

L-isem, l-isem tal-kumpanija, l-indirizz tal-impriża tal-produzzjoni u tal-imballaġġ.

Ma tista' tiżdied l-ebda kwalifikazzjoni li ma tkunx espressament prevista. Madankollu, huwa permess l-użu ta' ismijiet li jagħmlu riferiment għal ditti privati, sakemm dawn ma jkollhomx sinfikat ta' tifħir jew ikunu b'mod li jingannaw il-konsumatur, tal-isem tal-impriża li l-prodott ikun ġej mill-artijiet tagħha, kif ukoll ta' riferimenti veri oħra u li jistgħu jkunu sostnuti b'dokumentazzjoni li huma permessi mil-leġislazzjoni fis-seħħ u li ma jkunux f'kunflitt mal-għanijiet u l-kontenut ta' din is-sinteżi.

Il-kliem “Sedano Bianco di Sperlonga” ma jistax jiġi tradott.

Il logo bl-isem “Sedano Bianco di Sperlona” huwa magħmul minn rettangolu li fuq ġewwa tiegħu hemm kwadru bi xbieha ta' żewġ karfusiet li min-naħa tagħhom qegħdin fuq erba' mewġiet.

Image


Top