Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0611(01)

Komunikazzjoni mill-kummissjoni li tagħti gwida dwar għajnuna mill-Istat għal kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 132, 11.6.2009, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/6


Komunikazzjoni mill-kummissjoni li tagħti gwida dwar għajnuna mill-Istat għal kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 132/06

1.   AMBITU

Din il-Komunikazzjoni tittratta dwar l-eliġibbiltà tal-maniġers tal-ekwipaġġ u dawk tekniċi ta' bastimenti fir-rigward tat-tnaqqis tat-taxxa tal-kumpaniji jew inkella l-applikazzjoni tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ skont it-Taqsima 3.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2004) 43 – Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (“il-Linji Gwida”) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (1). Ma tittrattax dwar għajnuna mill-Istat għal maniġers kummerċjali ta' bastimenti. Din il-Komunikazzjoni tapplika għall-ġestjoni tal-ekwipaġġ u għall-ġestjoni teknika irrispettivament minn jekk jingħatawx individwalment jew flimkien lill-istess bastiment.

2.   INTRODUZZJONI

2.1.   Il-kuntest ġenerali

Il-Linji Gwida jipprovdu għall-possibbiltà li l-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jikkwalifikaw għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ jew arranġamenti fiskali oħra għal kumpaniji tat-tbaħħir (Taqsima 3.1). Madanakollu, l-eliġibbiltà hija ristretta għall-forniment konġunt kemm ta' ġestjoni teknika kif ukoll ta’ ġestjoni tal-ekwipaġġ għall-istess bastiment (“ġestjoni sħiħa”), filwaqt li dawn l-attivitajiet mhumiex eliġibbli għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ jew għal arranġamenti fiskali oħra meta jingħataw fuq livell individwali.

Il-Linji Gwida jistipulaw li l-Kummissjoni se teżamina l-effetti tal-Linji Gwida fuq il-ġestjoni tal-bastimenti wara tliet snin (2). Din il-Komunikazzjoni tippreżenta r-riżultati ta' din il-valutazzjoni l-ġdida kif ukoll konklużjonijiet dwar l-eliġibbiltà tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għall-għajnuna mill-Istat.

2.2.   Il-ġestjoni tal-bastimenti

Il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti huma entitajiet li jipprovdu servizzi differenti lis-sidien tal-bastimenti, bħalma huma r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-ekwipaġġ, il-ġestjoni tal-ekwipaġġ u l-operat tal-vapur. Hemm tliet kategoriji prinċipali ta' servizzi tal-ġestjoni tal-bastimenti: il-ġestjoni tal-ekwipaġġ, il-ġestjoni teknika u l-ġestjoni kummerċjali.

Il-ġestjoni tal-ekwipaġġ tikkonsisti, b'mod partikolari, fit-trattament tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ekwipaġġ, bħall-għażla u r-reklutaġġ ta' baħħara kkwalifikati kif xieraq, il-ħruġ tas-salarji, l-iżgurar tal-adegwatezza tal-għadd ta' ħaddiema fuq il-bastimenti, il-kontroll taċ-ċertifikati tal-baħħara, il-provvediment għal poloz tal-assigurazzjoni li jkopru l-baħħara kontra l-inċidenti u d-diżabilità, provvediment għall-arranġamenti għall-ivvjaġġar u għall-viżi, it-trattament ta' talbiet mediċi, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-baħħara u f'ċerti każijiet, it-taħriġ tagħhom. Il-ġestjoni tal-ekwipaġġ tirrappreżenta bil-qabda l-akbar parti tal-industrija tal-ġestjoni tal-bastimenti madwar id-dinja kollha.

Il-ġestjoni teknika tikkonsisti fl-iżgurar li l-bastiment ikun tajjeb għall-baħar u l-konformità sħiħa mar-rekwiżiti tekniċi kif ukoll ta' sikurezza u sigurtà. B'mod partikolari, il-maniġer tekniku huwa responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta' bastiment. Il-ġestjoni teknika tirrappreżenta parti sinifikanti mill-industrija tal-ġestjoni tal-bastimenti għalkemm parti ħafna iżgħar mill-ġestjoni tal-ekwipaġġ.

Il-ġestjoni kummerċjali tikkonsisti fil-promozzjoni u l-iżgurar fil-bejgħ tal-kapaċità tal-bastimenti, permezz tan-noleġġ tal-bastimenti, teħid ta' riżervazzjonijiet għat-tagħbija jew passiġġieri, l-iffaċilitar tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ħatra ta' aġenti. Il-ġestjoni kummerċjali tirrappreżenta parti żgħira ħafna mill-industrija tal-ġestjoni tal-bastimenti. Sal-lum il-Kummissjoni ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha dwar il-ġestjoni kummerċjali. Il-ġestjoni kummerċjali għalhekk mhix qed tiġi indirizzata f'din il-Komunikazzjoni.

Bħal kwalunkwe attività marittima, il-ġestjoni tal-bastimenti hija min-natura tagħha stess negozju dinji. Fin-nuqqas ta' liġi internazzjonali li tirregola l-ġestjoni tal-bastimenti minn partijiet terzi, l-istandards f'dan il-qasam ġew konklużi fi ħdan il-qafas ta’ ftehimiet tal-liġi privata (3).

Fil-Komunità, il-ġestjoni tal-bastimenti fil-biċċa l-kbira tagħha ssir f'Ċipru. Madanakollu, jeżistu kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti fir-Renju Unit, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Belġju u l-Olanda. Barra l-Komunità, il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti huma stabbiliti l-aktar f'Hong Kong, Singapore, l-Indja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Istati Uniti tal-Amerika.

2.3.   Ħarsa lejn il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà għall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti

Mill-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida f'Jannar 2004, daħlu għadd ta' pajjiżi marittimi fil-Komunità, fosthom Ċipru, li għandha l-akbar industrija tal-ġestjoni tal-bastimenti fid-dinja.

L-adeżjoni ta' Ċipru u l-ħidma preliminari tiegħu biex jikkonforma mal-Linji Gwida, kif ukoll studju li sar minn konsorzju għall-amministrazzjoni ta' dan l-Istat Membru (4), ikkontribwixxew għal għarfien aktar sħiħ dwar din l-attività u l-evoluzzjoni tagħha. Żdied aktar għarfien b'mod partikolari fir-rigward tar-rabta bejn il-ġestjoni teknika u tal-ekwipaġġ fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra t-tbaħħir, kif ukoll dwar il-possibbiltà li l-maniġers tekniċi u/jew tal-ekwipaġġ jistgħu jgħinu fil-ksib tal-għanijiet tal-Linji Gwida.

3.   VALUTAZZJONI TAL-ELIĠIBBILTÀ TAL-KUMPANIJI TAL-ĠESTJONI TAL-BASTIMENTI

B’differenza mis-servizzi relatati mal-baħar, il-ġestjoni tal-bastimenti hija attività ta’ qofol standard għat-trasportaturi marittimi, li normalment tingħata minnhom stess. Il-ġestjoni tal-bastimenti hija waħda fost l-attivitajiet l-aktar karatteristiċi tal-operaturi tal-bastimenti. Illum, madankollu, f'ċerti każijiet din tinħareġ b’kuntratt lil kumpaniji ta’ partijiet terzi għall-ġestjoni tal-bastimenti. Huwa minħabba r-rabta bejn il-ġestjoni tal-bastimenti u t-tbaħħir li l-kumpaniji ta’ partijiet terzi għall-ġestjoni tal-bastimenti jkunu operaturi professjonali bl-istess bażi ta’ esperjenza bħas-sidien tal-bastimenti, għalkemm imqassma skont l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, u li joperaw fl-istess ambjent kummerċjali. Is-sidien tal-bastimenti huma l-uniċi klijenti tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti.

Fuq dan l-isfond il-Kummissjoni tqis li l-għoti tal-ġestjoni tal-bastimenti f'idejn partijiet terzi ma għandux jiġi ppenalizzat fiskalment fir-rigward tal-ġestjoni tal-bastimenti fi ħdan il-kumpanija stess, sakemm il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti ma jilħqux l-istess rekwiżiti li huma applikabbli għas-sidien tal-bastimenti u sakemm il-forniment tal-għajnuna lil dawk ta' qabel ma jikkontribwixxix għall-ksib tal-għanijiet tal-Linji Gwida bl-istess mod bħall-forniment tal-għajnuna lis-sidien tal-bastimenti.

B'mod partikolari l-Kummissjoni tqis li, proprju minħabba l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom u minħabba n-natura tal-kummerċ prinċipali tagħhom, il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jistgħu jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-ksib tal-għanijiet tal-Linji Gwida, b'mod partikolari l-ksib ta' “trasport marittimu effiċjenti, sikur u li jiffavorixxi l-ambjent” u l-“konsolidazzjoni tar-raggruppament marittimu stabbilit mill-Istati Membri” (5).

4.   ESTENSJONI TAL-ELIĠIBBILTÀ GĦALL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT LILL-KUMPANIJI TAL-ĠESTJONI TAL-BASTIMENTI

Abbażi ta' dak li ġie spjegat fit-Taqsima 3 hawn fuq, il-Kummissjoni se tawtorizza skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, rifużjoni fiskali għall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti, kif imsemmi fit-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida, fir-rigward tal-ġestjoni teknika jew tal-ekwipaġġ konġunta jew separata, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet 5 u 6 ta' din il-Komunikazzjoni jiġu sodisfatti.

5.   KUNDIZZJONIJIET TA' ELIĠIBBILTÀ APPLIKABBLI KEMM GĦALL-MANIĠERS TEKNIĊI KIF UKOLL GĦALL-MANIĠERS TAL-EKWIPAĠĠ

Sabiex jikkwalifikaw għall-għajnuna l-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għandhom juru rabta ċara mal-Komunità u l-ekonomija tagħha, f'konformità mat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida. Barra minn hekk, għandhom jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Linji Gwida, kif huma stabbiliti fit-Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida. Il-maniġers tekniċi u tal-ekwipaġġ huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat, sakemm il-bastimenti ġestiti minnhom jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha ppreżentati fit-Taqsimiet 5.1 sa 5.4 ta' din il-Komunikazzjoni. Attivitajiet eliġibbli għandhom iseħħu kompletament fit-territorju tal-Komunità.

5.1.   Kontribut għall-ekonomija u impjiegi fi ħdan il-Komunità

Ir-rabta ekonomika mal-Komunità ġiet ippruvata minħabba l-fatt li l-ġestjoni tal-bastimenti ssir fit-territorju ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri u li persuni l-aktar tan-nazzjonalità tal-Komunità huma impjegati f'attivitajiet ibbażati fuq l-art jew fuq il-bastimenti.

5.2.   Rabta ekonomika bejn il-bastimenti ġestiti u l-Komunità

Il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta' bastimenti li jiġu ġestiti kompletament mit-territorju tal-Komunità, irrispettivament minn jekk il-ġestjoni tiġix ipprovduta mill-kumpanija stess jew inkella tinħariġx parzjalment jew kompletament lil kumpanija jew kumpaniji oħrajn tal-ġestjoni tal-bastimenti.

Madanakollu, peress li l-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti ma jkollhomx kontroll sħiħ fuq il-klijenti tagħhom, ir-rekwiżit imsemmi jitqies li jiġi sodisfatt biss jekk talanqas żewġ terzi tat-tunnellaġġ tal-bastimenti ġestiti jiġi mmexxi mit-territorju tal-Komunità. It-tunnellaġġ li jaqbeż dak il-perċentwal li ma jkunx ġestit kompletament mill-Komunità jitqies bħala mhux eliġibbli (6).

5.3.   Konformità mal-istandards internazzjonali u tal-Komunità

Il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti huma eliġibbli jekk il-bastimenti u l-ekwipaġġi ġestiti minnhom jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja, b'mod partikolari dawk relatati mas-sigurtà, is-sikurezza, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara, il-prestazzjoni ambjentali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord.

5.4.   Ir-rekwiżit dwar is-sehem ta’ reġistrazzjoni tal-Istati (rabta tal-bandiera)

Ir-rekwiżit dwar is-sehem ta’ reġistrazzjoni tal-Istati, kif stipulat fit-tmien paragrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida japplika għall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti. Is-sehem tal-bandieri Komunitarji li għandu jitqies bħala l-punt ta' referenza huwa dak tad-data li fiha din il-Komunikazzjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għal kumpaniji ġodda l-punt ta' referenza għandu jiġi kkalkulat sena wara d-data li fiha bdew l-attività tagħhom.

6.   REKWIŻITI ADDIZZJONALI GĦALL-MANIĠERS TAL-EKWIPAĠĠ

6.1.   Taħriġ tal-baħħara

Maniġers tal-ekwipaġġ huma eliġibbli għal għajuna mill-Istat sakemm il-baħħara kollha li jaħdmu abbord il-bastimenti ġestiti jiġu edukati, imħarrġa u jkollhom ċertifikat ta' kompetenza skont il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Sorveljanza għall-Baħħara, 1978 kif emendata (STCW), u lestew b'suċċess it-taħriġ għas-sikurezza personali abbord il-bastimenti. Barra minn hekk, il-maniġers tal-ekwipaġġ ikunu eliġibbli jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-STCW u tal-liġi Komunitarja dwar responsabbiltajiet tal-kumpaniji.

6.2.   Kondizzjonijiet soċjali

Sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat, il-maniġers tal-ekwipaġġ għandhom jiżguraw li min iħaddem il-baħħar jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“MLC”) (7) fuq il-bastimenti kollha ġestiti, kemm jekk dan ikun is-sid tal-bastiment u kemm jekk ikunu l-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti. Il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għandhom jiżguraw, b'mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tal-MLC li jikkonċernaw il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara (8), it-telf tal-bastiment jew l-għarqa (9), kura medika (10), ir-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment inkluż il-ħlas ta' salarji f'każ ta' inċident jew mard (11), u ripatrijazzjoni (12) jiġu applikati b'mod xieraq.

Il-maniġers tal-ekwipaġġ għandhom jiżguraw ukoll li l-istandards internazzjonali dwar sigħat tax-xogħol u ta' serħan ipprovduti fl-MLC jiġu rispettati bis-sħiħ.

Fl-aħħar nett, sabiex ikunu eliġibbli, il-maniġers tal-ekwipaġġ għandhom ukoll jipprovdu sigurtà finanzjarja biex jiżguraw kumpens fil-każ tal-mewt jew id-diżabbiltà fit-tul tal-baħħara minħabba korriment fuq ix-xogħol, mard jew periklu.

7.   IL-KALKOLU TAT-TAXXA

Fil-każ ukoll tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti l-Kummissjoni se tapplika l-prinċipju li hemm fil-Linji Gwida, skont liema, biex tiġi evitata distorsjoni, se tapprova biss skemi li jwasslu għall-istess piż tat-taxxa madwar l-Istati Membri għall-istess attività jew għall-istess tunnellaġġ. Dan ifisser li eżenzjoni totali jew skemi ekwivalenti mhux se jkunu awtorizzati (13).

Il-bażi tat-taxxa li għandha tintuża għall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti ovvjament ma tistax tkun l-istess bħal dik applikata għas-sidien tal-bastimenti, għaliex fir-rigward ta' bastiment partikolari, id-dħul tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti huwa ħafna aktar baxx minn dak tas-sid tal-bastiment. Skont l-istudju imsemmi fit-Taqsima 2.3, kif ukoll skont in-notifiki li daħlu fl-imgħoddi, il-bażi tat-taxxa li għandha tiġi applikata fuq il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-batimenti għandha tkun bejn wieħed u ieħor 25 % (f'termini ta' tunnellaġġ jew profitt teoretiku) tal-ammont li jkun japplika għas-sid tal-bastiment għall-istess bastiment jew tunnellaġġ. Għaldaqstant il-Kummissjoni, tirrikjedi li taħt l-iskemi tat-taxxa tat-tunnellaġġ għall-ġestjoni tal-bastimenti jiġi applikat perċentwal ta' mhux anqas minn 25 % (14).

Fil-każ li l-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jidħlu f'attivitajiet li ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat skont din il-Komunikazzjoni, għandhom iżommi kontijiet separati għal dawn l-attivitajiet.

Fil-każ li kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti joħorġu b’subkuntratt parti mill-attività tagħhom lil partijiet terzi, dawn tal-aħħar ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat.

8.   APPLIKAZZJONI U REVIŻJONI

Il-Kummissjoni se tapplika l-gwida pprovduta f'din il-komunikazzjoni mill-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-għajnuna mill-Istat lil kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti se tkun inkluża fir-reviżjoni ġenerali tal-Linji Gwida kif previst fit-Taqsima 13 ta' dawn tal-aħħar.


(1)  ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3.

(2)  Ara n-Nota nru 3 f'qiegħ il-paġna 7 tal-ĠU C 13, 17.1.2004.

(3)  Eżempju partikolari huwa l-“BIMCO's Standard Ship Management Agreement SHIPMAN 98” li ta' sikwit jintuża fir-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti u s-sidien tal-bastimenti.

(4)  Study on Ship Management in Cyprus and in the European Union tal-31 ta' Mejju 2008, li twettaq mill-gvern Ċiprijott b'konsorzju taħt id-direzzjoni tal-Vienna University of Economics and Business Administration.

(5)  Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida.

(6)  Għalkemm il-fatt ta' nuqqas ta' konformità mar-regola taż-żewġ terzi (2/3) fih innifsu ma jaffettwax l-eliġibbiltà tal-kumpanija tal-ġestjoni tal-bastimenti.

(7)  Ta' min wieħed ifakkar li s-sħab soċjali Ewropej adottaw ftehim li jadotta l-parti relevanti tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006 li ddaħħlet fil-liġi Komunitarja b'Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet Ewropej tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30).

(8)  Ir-Regolament 2.1 u l-Istandard A2.1 (Ftehim dwar l-Impjieg tal-baħħara) tat-Titlu 2 tal-MLC.

(9)  Ibid., Ir-Regolament 2.6 u l-Istandard A2.6 (Kumpens għall-baħħar għat-telf tal-bastiment jew għarqa) tat-Titolu 2.

(10)  Ibid. Ir-Regolament 4.1 u l-Istandard A4.1 (Kura medika abbord bastiment u fuq l-art u r-Responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti fuq l-art); Ir-Regolamenti 4.3 u A4.3 (Ħarsien tas-saħħa u tas-sikurezza u prevenzjoni ta' inċidenti); Ir-Regolament 4.4 (Aċċess għal faċilitajiet ta' kura soċjali bbażati fuq l-art) tat-Titlu 4.

(11)  Ibid. Ir-Regolament 4.2 u l-Istandard A4.2 (Responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti) tat-Titlu 4.

(12)  Ibid. Ir-Regolament 2.5 u l-Istandard A2.5 (Ripatrijazzjoni) tat-Titlu 2.

(13)  Il-Kummissjoni tieħu din l-opportunità f'din il-Komunikazzjoni biex tenfasizza li l-mekkaniżmu li ntuża għall-kalkolu tat-taxxa li għandha titħallas kemm mill-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti kif ukoll mis-sidien tal-bastimenti ma għandu l-ebda relevanza fih innifsu; b'mod partikolari, hija irrelevanti jekk tiġix applikata sistema bbażata fuq profitt teoretikuNone

(14)  Is-sid tal-bastiment, jekk eliġibbli, jibqa' responsabbli għat-taxxa tat-tunnellaġġ kollha kemm hi.


Top