Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0610(10)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 131, 10.6.2009, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 131/25


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 131/16

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ARZÚA-ULLOA”

Nru tal-KE: ES-PDO-0005-0497-27.09.2005

DPO ( X ) IĠP ( )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem

:

Subdirección General de Calidad Agroalimentaria y Agricultura Ecológica. Dirección General de Industrias Agroalimentarias y Alimentación. Secretaría General de Medio Rural del Ministerio de Medio Ambiente, y Medio Rural y Marino de España

Indirizz

:

Paseo Infanta Isabel, 1

28071 Madrid

ESPAÑA

Tel.

:

+34 913475394

Feks

:

+34 913475410

Posta elettronika

:

sgcaae@mapya.es

2.   Grupp:

Isem

:

D. Xosé Luís Carrera Valín (Quesería «Arqueixal») u oħrajn

Indirizz

:

Alba s/n. Palas de Rei (Lugo)

Tel.

:

+34 981507653

Feks

:

+34 981507653

Posta elettronika

:

queixo@arzua-ulloa.org

Kompożizzjoni

:

Produtturi/Proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.3.

Ġobon.

4.   Speċifikazzjoni:

(sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem il-prodott:

“Arzúa-Ulloa”

4.2.   Deskrizzjoni:

Ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra nej jew pasturizzat li, wara proċess ta' produzzjoni li jinkludi l-istadji ta' koagulazzjoni, it-tqattigħ u l-ħasil tal-baqta, l-iffurmar, l-ippressar, it-tmelliħ u l-maturazzjoni, jikseb il-karatteristiċi li ġejjin skont it-tip ta' ġobon prodott:

 

Arzúa-Ulloa: Il-perjodu ta' maturazzjoni tiegħu huwa ta' mill-inqas sitt ijiem. Għandu forma konvessa mal-ġnub jew ċilindrika, bi xfarijiet għat-tond, b'dijametru ta' bejn 100 u 260 mm u għoli ta' bejn 50 u 120 mm. L-għoli qatt ma jista' jkun iktar mir-radju. Il-piż ivarja bejn iż-0,5 u t-3,5 kg. Il-qoxra hija fina u elastika, ta' kulur isfar medju jagħtifl-iskur l-iskur, tleqq, nadifa u lixxa. Tista' tkun miksija b'emulsjoni kontra l-moffa, trasparenti u bla kulur. Il-pasta hija ta' kulur uniformi, bejn bajda lewn l-avorju u isfar pallidu, b'dehra brillanti, bla xquq, xi kultant bi ftit toqob żgħar, angolati jew ittondjati u mferrxin b'mod irregolari.

L-aroma hija tal-ħalib, li tfakkar fir-riħa tal-butir u tal-jogurt, bi sfumaturi tal-vanilla, krema u ġewż, ta’ intensità baxxa. It-togħma tiegħu hija bażikament tal-ħalib, kemm kemm mielħa u b'aċidità medja lejn baxxa. Il-konsistenza hija fina, ftit jew medjanament umda, mhix iebsa wisq u b'elastiċità medja. Fil-palat għandu ebusija medja, jinħall, huwa solubbli u jimmolla medjanament fil-ħalq.

Il-karatteristiċi analitiċi tal-prodott lest huma: Xaħam: minimu 45 % kkalkulat fuq il-materja xotta; Proteina: minimu 35 % kkalkulat fuq il-materja xotta; pH: bejn 5,0 u 5,5; Materja xotta: minimu ta’ 45 %; u perċentwal ta' ilma f'materja mhix imxaħħma: minimu ta' 68 % u massimu ta' 73 %.

Arzúa-Ulloa de granja (tar-razzett): Isir mill-ħalib tal-baqra li jiġi prodott kollu kemm hu mill-baqar tal-azjenda li tipproduċi l-ġobon. Il-karatteristiċi fiżiċi u analitiċi jaqblu ma' dawk deskritti fil-paragrafu preċedenti.

 

Arzúa-Ulloa curado (immaturat): Il-perjodu ta' maturazzjoni tiegħu huwa ta' sitt xhur mill-inqas. Għandu forma konvessa mal-ġnub jew ċilindrika, u jista' jkollu l-wiċċ tan-naħa ta' fuq b'forma konkava, b'dijametru ta' bejn 120 u 200 mm u għoli ta' bejn 20 u 100 mm. Il-piż tiegħu jista' jvarja bejn 0,5 u 2 kg. B'qoxra li ma tvarjax, ta' kulur isfar qawwi ħafna, ileqq u b'dehra mxaħħma, li tista' tkun miksija b'emulsjoni kontra l-moffa, trasparenti u bla kulur. Il-pasta hija ta' kulur isfar qawwi, iktar pallidu lejn in-nofs, kompatta ħafna, u jista' jkollha xi ftit toqob.

L-aroma tiegħu hija qawwija ħafna, tat-tip tal-ħalib, li minnha toħroġ riħa qawwija ta' butir kemm kemm imranġat. Ir-riħa hija penetranti u pikkanti. It-togħma hija mielħa, b'aċidità baxxa u bi mrar medju lejn baxx. Tfakkar l-iktar fil-butir, bi ħjiel ħafif ta' vanilla u frott niexef, bejn il-qoxra u l-qalba. Tispikka r-riħa pikkanti. Iħalli togħma morra, ta' butir u vanilla.

Il-konsistenza hija iebsa, ma tinqatax faċilment, tista' turi xquq, l-iktar lejn il-ġnub, fejn tkun iktar niexfa. Meta tmissha tinħass omoġenja u kompatta ħafna. Il-kompożizzjoni tagħha hija mxaħħma ħafna u b'umdità baxxa ħafna.

Il-karatteristiċi analitiċi tal-prodott lest ikunu: Xaħam: minimu 50 % kkalkulat fuq il-materja xotta; pH: bejn 5.1 u 5,4; Materja xotta: minimu ta’ 65 %.

4.3.   Żona ġeografika:

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-ħalib u tal-ġobon koperti bid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Arzúa-Ulloa” tikkonsisti fiż-żona ġeografika tal-muniċipalitajiet li ġejjin:

Il-provinċja ta’ A Coruña: Arzúa, Boimorto, Pino (O), Touro, Curtis, Vilasantar, Melide, Santiso, Sobrado, Toques, Frades, Mesía, Ordes, Oroso, Boqueixón u Vedra.

Il-provinċja ta’ de Lugo: Antas de Ulla, Monterroso, Palas de Rei, Carballedo, Chantada, Taboada, Friol, Guntín u Portomarín.

Il-provinċja ta’ Pontevedra: Agolada, Dozón, Lalín, Rodeiro, Silleda, Vila de Cruces u Estrada (A).

Il-kundizzjonijiet edafoklimatiċi taż-żona msemmija huma eċċellenti għall-iżvilupp ta' mergħat naturali u kultivazzjonijiet ta' foraġġi, li tradizzjonalment kienu post importanti għat-trobbija tal-bhejjem u li llum il-ġurnata huma ddedikati l-iktar għall-produzzjoni tal-ħalib.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Biex tkun żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni u tal-manwal tal-kwalità, l-awtorità tal-kontroll iżżomm reġistri għall-monitoraġġ tal-azjendi tat-trobbija tal-bhejjem, l-ewwel xerrejja (intermedjarji bejn l-azjendi tat-trobbija tal-bhejjem u l-fabbriki tal-ġobon), il-fabbriki tal-ġobon u l-postijiet fejn dan jimmatura. Il-ħalib li jinkiseb mill-azjendi tat-trobbija tal-bhejjem imniżżla fir-reġistru rilevanti biss ikun jista' jintuża biex isiru l-ġobnijiet koperti mid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Arzúa-Ulloa”. Bl-istess mod, dawk il-ġobnijiet li jsiru u jimmaturaw fil-postijiet li huma mniżżlin fir-reġistri rilevanti biss jista’ jkollhom id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Arzúa-Ulloa”.

. Il-persuni naturali jew ġuridiċi kollha li għandhom assi mniżżla f’dawn ir-reġistri, kif ukoll l-istabbilimenti u l-prodotti tagħhom, ikunu soġġetti għal dan il-proċess ta’ kontroll sabiex jiġi vverifikat li l-prodotti bid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Arzúa-Ulloa” jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni.

Il-kontrolli jkunu bbażati fuq spezzjonijiet ta’ bhejjem u stabbilimenti, reviżjoni tad-dokumentazzjoni u analiżi tal-materja prima u tal-ġobnijiet.

Fil-każ li l-materja prima jew il-ġobon ma jkunux ġew prodotti skont ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni, jew jekk il-ġobon ikollu xi difett jew tibdil sinifikattiv, dan ma jistax jitqiegħed fis-suq bid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Arzúa-Ulloa”.

Il-ġobnijiet koperti mid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini jkollhom it-tikketta ta' wara numerata, li tkun ikkontrollata mill-awtorità ta' kontroll skont ir-regoli stipulati fil-manwal ta' kwalità.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni:

Fil-produzzjoni ta’ dan il-ġobon jintuża ħalib naturali u mhux xkumat, miksub mill-baqar tar-razez Galician Blond, Brown Swiss u Friesian jew mit-taħlit bejniethom, li jiġu minn azjendi rinnovati mniżżlin fir-reġistri tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini. Fil-maġġoranza tiegħu, l-għalf tal-bhejjem jiġi prodott fl-azjenda stess, u meta t-temp jippermetti l-bhejjem jirgħuh direttament. L-għalf ikkonċentrat ta' oriġini veġetali, li ġeneralment jinkiseb barra mill-azjenda, jintuża biss bħala suppliment għall-bżonnijiet ta’ enerġija tal-bhejjem u, safejn possibbli, ikun joriġina miż-żona msemmija.

Il-ħalib ma fihx la kolostru u lanqas konservanti u, ġeneralment, irid jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Dan il-ħalib, li ma jista' jgħaddi mill-ebda proċess ta' standardizzazzjoni, għandu jkun konservat f'temperatura ta' mhux aktar minn 4 °C biex ma jiżviluppawx mikro-organiżmi.

Il-produzzjoni tal-ġobon tinkludi l-proċessi li ġejjin:

 

Il-koagulazzjoni: Dan isir bl-użu tat-tames tal-annimali jew enżimi ta' koagulazzjoni li huma awtorizzati fil-Manwal tal-Kwalità, f'temperatura ta' bejn 30 u 35 °C, għal ħin li jvarja skont il-kundizzjonijiet tal-ħalib u tat-tames, bejn 30 u 75 minuta.

 

It-tqattigħ u l-ħasil tal-baqta: It-tqattigħ tal-baqta jsir b'mod li l-partikuli jkollhom id-daqs ta' żerriegħa tal-qamħirrrum (dijametru ta' 5-10 mm). Wara jsir il-ħasil b'ilma ħelu biex titbaxxa l-aċidità tal-baqta b'mod li l-pH fil-prodott ma tkunx inqas mill-valuri indikati fil-paragrafu 4.2.

 

L-iffurmar: Dan isir permezz ta' forom ċilindriċi b'daqs li jippermetti l-iffurmar ta' ġobon bil-qisien u l-piżijiet indikati fil-paragrafu 4.2.

 

L-ippressar: It-tul ta' żmien meħtieġ ivarja skont il-pressa applikata u d-daqs tal-ġobon.

 

It-tmelliħ: Dan isir f'barmil fuq il-baqta u/jew billi jiddaħħal il-ġobon fis-salmura. Din tinżamm imkessħa biex jiġi evitat tibdil mikrobioloġiku mhux mixtieq. Il-ġobon m'għandux jibqa' fiha għal iktar minn 24 siegħa.

 

Il-maturazzjoni: Din issir f'postijiet fejn ikun hemm umdità relattiva ta' bejn 75 u 90 % u temperatura ta'; inqas minn 15 °C.

Il-perjodu ta' maturazzjoni jkun ta' mill-inqas sitt ijiem minn meta jitlesta l-ippressar, jew minn meta jitlesta t-tmelliħ jekk dan isir fis-salmura. Fil-każ tal-ġobnijiet immaturati, il-perjodu minimu ta' maturazzjoni ikun ta' sitt xhur. Matul dan iż-żmien ta' maturazzjoni, il-ġobnijiet jinqalbu u jitnaddfu kif xieraq sabiex jiksbu l-karatteristiċi partikolari.

Sabiex ikunu protetti l-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodott, il-ġobon protett għandu jitqiegħed fis-suq ġeneralment bħala ġobniet sħaħ u fil-pakketti awtorizzati.

Madankollu, it-tqegħid fis-suq f’porzjonijiet, inkluż meta jkunu mqattgħin fil-ħanut, jista' jkun awtorizzat jekk tiġi stabbilita sistema xierqa ta’ monitoraġġ għal dan il-għan li tiggarantixxi l-oriġini u l-kwalità tal-prodott, kif ukoll il-konservazzjoni perfetta tiegħu filwaqt li tiġi evitata l-possibbiltà ta’ konfużjoni.

4.6.   Rabta:

Ir-rabta storika

Il-ġobon Arzúa-Ulloa huwa wieħed mill-aqwa ġobnijiet tal-Galicia u jinstab f'firxa kbira madwar iż-żona ċentrali kollha tal-Galicia, għalkemm oriġinarjament, kien isir l-iktar fil-muniċipalitajiet li jinsabu fix-Xlokk ta' A Coruña, fil-Punent ta' Lugo u fil-Majjistral ta' Pontevedra, imsejjaħ b'ismijiet differenti skont iż-żona u ż-żmien storiku, fost l-oħrajn: queso de Arzúa, del Ulla, de A Ulloa, de Curtis, de Chantada, de Friol jew de Lugo.

Fl-“Inventario español de productos tradicionales”, ippubblikat mill-Ministeru tal-Agrikultura, is-Sajd u l-Ikel fis-sena 1996, tinstab deskrizzjoni tal-ġobon ta' Arzúa, ta' kif isir, għal xiex jintuża, eċċ.

F'pubblikazzjonijiet oħrajn tal-Ministeru, bħall- “Catálogo de quesos españoles” tal-1973, jew “Alimentos de España. Denominaciones de Origen y de Calidad” tal-1993, hemm referenzi għal dan il-ġobon.

Ir-rabta naturali

Il-kundizzjonijiet edafoklimatiċi taż-żona ġeografika ta' produzzjoni tal-ġobon Arzúa Ulloa huma eċċellenti għall-iżvilupp ta' mergħat naturali u kultivazzjonijiet ta' foraġġi, li tradizjonalment kienu post importanti għat-trobbija tal-bhejjem, u li llum il-ġurnata huma ddedikati l-iktar għall-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll, b'inqas importanza, għall-produzzjoni tal-laħam.

Bħala konsegwenza tal-produttività għolja f'dan is-settur agrikolu, żviluppa wkoll settur importanti agroindustrijali speċjalizzat fil-produzzjoni tal-għalf, prodotti tal-laħam u tal-ħalib, li fosthom jispikka r-rwol tal-produzzjoni tal-ġobon.

Rabta kawżali bejn l-ambjent ġeografiku u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott

Iż-żona ġeografika fejn issir il-produzzjoni tal-ġobon “Arzúa-Ulloa” hija kkaratterizzata minn għadd kbir ta' widien b'inklinazzjoni dgħajfa fejn il-mergħat u l-art għall-għalf huma elementi importanti tal-pajsaġġ. Dawn jinsabu fiż-żoni ċentrali tal-Galicia, fuq livell ta' elevazzjoni konsiderevoli peress li parti kbira mit-territorju tinsab 'il fuq minn 300 metru fuq il-livell tal-baħar.

F'dawn iż-żoni taċ-ċentru ġeografiku tal-Galicia t-temperaturi medji jkunu kemm kemm inqas minn 12 °C. Minħabba l-inżul tax-xita li jkun ta' madwar 1 200 sa 1 700 mm fis-sena, flimkien ma' dak li ġie deskritt sa issa, iż-żona ta' produzzjoni ta' dan il-ġobon hija ideali għal mergħat permanenti, għalf u d-diversi kultivazzjonijiet bażiċi għad-dieta tal-bhejjem, li jeħtieġu xita abbundanti.

Dan l-ambjent ġeografiku uniku jimmarka l-karatteristiċi distintivi tal-ġobon “Arzúa-Ulloa” permezz ta' fatturi differenti:

(a)

L-ewwelnett, kif diġà ssemma, l-ambjent ġeografiku huwa favorevoli għat-tkabbir tal-għalf abbundanti ta' kwalità għolja, li jikkonsisti fi flora awtoktona ta' Gramineae (ħaxix) (Phleum pratense, holcus, żwien u sikrana) u Leguminosae (legumi) (lotus, silla u nifel) adattati għall-kundizzjonijiet moderati u umdi taż-żona.

(b)

Barra minn hekk, il-produzzjoni tal-ħalib hija bbażata f’azjendi żgħar tal-familja, bl-użu ta’ metodi tradizzjonali tal-ġestjoni tal-merħla, bi preżenza għadha importanti ta' razez bovini awtoktoni, u li l-għalf tagħhom fundamentalment jiġi mill-foraġġi mkabbra fl-istess ażjenda, fejn jirgħu l-bhejjem meta it-temp ikun jippermetti.

L-għalf ikkonċentrat ta' oriġini veġetali, li ġeneralment jinkiseb barra mill-azjenda, jintuża biss bħala suppliment għall-bżonnijiet ta’ enerġija tal-bhejjem u, safejn possibbli, jiġi miż-żona msemmija. Dan il-mudell tradizzjonali, fejn l-użu ta’ prodott minn barra mill-ażjenda huwa limitat ħafna, jiffaċilita l-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn l-irziezet żgħar tal-familja.

Il-karatteristiċi ta’ dawn l-azjendi jirriżultaw fil-produzzjoni ta’ ħalib b’kundizzjonijiet ta' kwalità eċċellenti għall-produzzjoni tal-ġobon. Huwa pprovat xjentifikament li dawn is-sistemi iktar naturali ta' produzzjoni u metodi ta' għalf għall-bhejjem itejbu l-kwalitajiet ta’ nutrizzjoni tal-ħalib billi jżidu il-kontenut tal-aċidu linolejku konġugat (CLA) u tal-aċidu mxaħħam omega-3 fil-profil tal-lipidi, peress li filwaqt li l-baqar jikkonsmaw iktar l-għalf, jiżdied il-kontenut ta’ dawn ix-xaħmijiet li huma tajbin għad-dieta, li mbagħad jaffettwaw il-kwalitajiet tal-ġobon prodott.

(c)

Fl-aħħarnett, il-produtturi ta' dawn iż-żoni jgawdu minn tradizzjoni twila tal-produzzjoni ta' dan it-tip ta' ġobon, bil-karatteristiċi assolutament uniċi tiegħu, u magħrufa lil hinn mis-suq lokali, filwaqt li l-prodott irnexxielu jikseb il-prestiġju li jistħoqqlu fost il-konsumaturi. Huwa prodott li oriġina mill-ħtieġa tar-raħħala li jikkonservaw sors ta' ikel –il-ħalib– abbundanti f'dan it-territorju, imma li malajr jaqta'. Permezz tiegħu kienu jipprovaw, minn banda, jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-awtokonsum, u mill-banda l-oħra, jiksbu prodott li jista' jinġarr b'iktar faċilità u li jdum għal iktar żmien u b'iktar valur għaliex il-bejgħ tiegħu kien sors ta' dħul għall-ekonomija tal-familja. Għall-kuntrarju ta' dak li jiġri f'żoni oħra ta' produzzjoni tal-ġobon, f'din il-parti ċentrali tal-Galicia, fejn l-ambjent naturali huwa tajjeb ħafna għall-produzzjoni tal-foraġġi, il-produzzjoni tal-ħalib hija garantita matul is-sena kollha u l-perjodi ta' skarsezza huma qosra. Minħabba f'hekk it-teknika ta' produzzjoni tal-ġobon kienet x'aktarx tfittex sistemi b'perjodi ta' maturazzjoni qosra, ta' bejn wieħed u ieħor ġimgħa, iż-żmien meħtieġ biex il-prodott jiżviluppa qoxra li ttih il-konsistenza meħtieġa biex jiflaħ għat-trasport sas-suq, iżda li kienet tobbliga lill-konsumatur jiekol il-prodott qabel ma jgħaddu tlieta jew erba' ġimgħat mill-produzzjoni, biex dan seta' japprezza l-kwalitajiet tiegħu bl-aħjar mod, fosthom il-kremosità, l-umdità għolja u l-aroma u t-togħma ta' ħalib tiegħu. Dawn il-karatteristiċi huma marbuta mal-proċess ta' produzzjoni, li matulu t-tqattigħ tal-baqta ssir f'biċċiet mhux daqstant żgħar (5 sa 10 mm) b'tali mod li t-tqattir ma jkunx intensiv. Din it-teknika tista' twassal għall-kisba ta’ ġobon b'wisq aċidità dovuta għall-kontenut għoli tal-lattożju fit-taħlita, problema li l-kapaċità tan-nies ta' dan it-territorju solvew permezz tal-ħasil tal-baqta. Din it-teknika qatt ma ntużat f'żoni ġirien tal-produzzjoni tal-ġobon, u barra minn hekk, isservi biex tevita fermentazzjonijiet sekondarji mhux mixtieqa li jistgħu jaqtgħu l-proċess ta' maturazzjoni tal-ġobon.

In-nies tal-post għarfu wkoll kif isolvu l-problemi marbuta mal-istaġuni tal-produzzjoni tal-ħalib, b'tali mod li l-iskarsezza u l-kwalità inferjuri tal-ħalib matul is-Sajf kienet tissolva bil-produzzjoni tal-ġobon Arzúa-Ulloa mmaturat, magħmul mill-fdalijiet tal-ħalib fl-aħħar tal-Ħarifa u tax-Xitwa. Dan kien jitpoġġa fi proċess twil ta' maturazzjoni, itwal minn sitt xhur, li kien jippermetti lir-raħħala jkollhom ikel b'kontenut għoli ta' enerġija u nutrijenti fis-Sajf, li kien iż-żmien tas-sena meta dan kien ikun apprezzat ħafna għax ix-xogħol f'dan iż-żmien kien jinvolvi sforzi fiżiċi ikbar.

Għalhekk din iż-żona speċjalizzat fil-produzzjoni ta' tip ta' ġobon adattat ħafna għaċ-ċirkostanzi tal-mument u tal-post: bil-fdalijiet tal-ħalib ta' kuljum ir-raħħala kienu jagħmlu ġobon li wara kienu jbigħu fis-swieq li kien ikun hemm fiż-żona, ġeneralment kull ġimgħa, kull ħmistax jew kull xahar.

4.7.   Struttura ta' kontroll:

Isem

:

Instituto Galego da Calidade Alimentaria (INGACAL)

Indirizz

:

Rúa Fonte dos Concheiros, 11 bajo

15703 Santiago de Compostela

ESPAÑA

Tel

:

+34 881997276

Feks

:

+34 981546676

Posta elettronika

:

ingacal@xunta.es

L-INGACAL hija entità pubblika li tiddependi mill-Consellería del Medio Rural de la Xunta de Galicia.

4.8.   Tikkettar

Il-ġobnijiet kummerċjalizzati taħt id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini arzúa-Ulloa, wara li jkun ċċertifikat li jaqblu mal-kundizzjonijiet u r-regoli ta' din l-ispeċifikazzjoni, għandu jkollhom tikketta tad-denominazzjoni tagħhom, b’kodiċi alfanumerika korrelattiva, approvata mill-awtorità ta' kontroll u bil-logo uffiċjali tad-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini.

Kemm fit-tikketta kummerċjali kif ukoll f'dik tad-denominazzjoni tiegħu għandu jidher b'mod obbligatorju i-kliem “Arzúa-Ulloa”. Barra minn hekk, fit-tikketta kummerċjali jkun hemm dikjarat b'liema tip ta' ħalib, nej jew pasturizzat, sar il-ġobon. Mill-banda l-oħra, fil-każ tal-ġobnijiet “Arzúa-Ulloa” tat-tipi “de granja” (tar-razzett) u “curado” (immaturat), tista' tiġi ddikjarata din-iċ-ċirkostanza fuq it-tikketta.


Top