Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0506(03)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel

ĠU C 104, 6.5.2009, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/21


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel

2009/C 104/09

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt li wieħed joġġezzjona għal applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu ghand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT WAĦDIENI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 510/2006

“WIŚNIA NADWIŚLANKA”

NRU TAL-KE: PL-PDO-0005-0586-04.01.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   L-isem

“Wiśnia nadwiślanka”

2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel

3.1.   It-tip ta’ prodott [kif imsemmi fl-Anness II]

Il-kategorija

1.6 Frott, ħxejjex u ċereali friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem li jinsab fil-punt 1

Il-frott tas-siġar taċ-ċirasa tat-tip sokówka li minnhom joħorġu r-rimjiet biss jista' jinbiegħ taħt l-isem protett ta’ “wiśnia nadwiślanka”.

Din id-denominazzjoni protetta tal-oriġini għandha x’taqsam mal-frott li tipproduċi s-siġra taċ-ċirasa tat-tip “wiśnia nadwiślanka”, li titkabbar kemm biex tintuża fl-industrija tal-ipproċessar kif ukoll, għall-konsum dirett minħabba t-togħma tajba ferm tagħha. Il-“wiśnia nadwiślanka” hija waħda mit-tipi ta’ siġar taċ-ċirasa li jipproduċu ċ-ċirasa għall-meraq u li minnhom joħorġu r-rimjiet, tat-tip sokówka, li jikbru fil-Polonja u li saru komuni tul ix-xmara Vistula (Wisla bil-Pollakk), b’hekk ħareġ dan l-isem (li jfisser “ċirasa minn tul ix-xmara Vistula”). Bil-Latin m’hemm l-ebda isem ekwivalenti għaliha. Din is-siġra taċ-ċirasa tnisslet b’mod selettiv mir-razza ta' ċirasa Ewropea li ma titwalx, li timmultiplika b’mod veġetattiv permezz ta’ rimjiet li jinqatgħu mill-għeruq. Hija magħrufa wkoll bħala ċ-ċirasa tal-isteppa (Prunus Fruticosa Pall.), u tagħmel parti mis-subġeneru taċ-ċirasa msejjaħ Cerasus (Mill.) li jagħmel parti mill-ġeneru tal-għajnbaqra msejjaħ Prunus L., u li jagħmel parti mis-subfamilja tal-Prunoideae li tagħmel parti mill-familja tar-Rosaceae Juss..

Xhieda tal-fatt li ċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” aktarx hija ġejja mill-Prunus fruticosa Pall. joħroġ ċar mill-metodu ta’ multiplikazzjoni tagħha, mid-daqs tal-frotta, mill-intensità tal-kulur u mill-fatt li, fiż-żona tat-tkabbir, kampjuni tal-Prunus fruticosa Pall. fil-forma primittiva tagħha issa għadhom jinstabu biss fi ftit żoni naturali.

Il-frott tal-“wiśnia nadwiślanka” huma relattivament iżgħar mill-varjetajiet ta' ċirasa kkultivati li ġejjin mill-Prunus avium L., mill-Prunus cerasus L jew minn siġar imnisslin minnhom.

It-terminu “sokówka” jfisser li l-frotta hija wżata primarjament biex isir il-meraq (“sok” bil-Pollakk), il-laħma taċ-ċirasa għandha kulur qawwi; l-għadma hija skura u l-kulur tagħha jixbah lil dak tal-laħma. It-terminu “odroślowa” jirreferi għall-fatt li, ħames snin minn meta jinżergħu, mis-siġar taċ-ċirasa ta’ dan it-tip jikbru rimjiet li jinqatgħu mill-għeruq li jintużaw sabiex jiġu mmultiplikati siġar oħrajn.

Il-frott għandu kulur qawwi, li jvarja minn aħmar skur għal aħmar fil-vjola, li jkun l-istess fuq il-qoxra kollha tal-frotta. Il-frotta hija tonda u kemm kemm oblata. L-età tas-siġar tiddetermina l-proporzjon tal-piż tal-għadma tal-frotta mal-frotta stess, li jvarja bejn 9.4 % u 11.3 %. Id-dijametru tal-frotta huwa ta’ bejn 12 u 20 mm u l-piż tagħha huwa ta’ bejn 1.6 u 3.3 g, skont l-età tas-siġra u l-lokalità fejn tinsab. L-għoti ta’ fertilizzant likwidu supplimentari direttament fil-weraq u l-kundizzjonijiet tajbin tat-temp jistgħu jipproduċu frott ikbar, b'dijametru ta’ 25 mm u li jiżnu sa 4 g. Il-laħma tal-frotta hija ta' kulur aħmar skur u li huwa l-istess mal-frotta kollha. Il-kulur qawwi jibqa’ hemm saħansitra anke wara l-ipproċessar. Il-frotta tfuħ, u t-togħma u r-riħa tagħha huma tipiċi taċ-ċirasa, b’togħma qawwija ħafna u kemm kemm qarsa.

Irrelevanti mill-użu intenzjonat tagħhom, iċ-ċirasa tat-tip “wiśnia nadwiślanka” għandha tkun b’saħħitha, bla sinjali ta’ tħassir u mingħajr sustanzi barranin viżibbli, ma għandhiex ikollha parassiti jew xi ħsara kkawżata mill-parassiti, u ma għandux ikollha umdità mhux naturali fuq barra u rwejjaħ jew togħmiet strambi.

Iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” li titkabbar bil-ħsieb li tiġi pproċessata għandha tinqata’ mingħajr iz-zkuk, meta l-qoxra tal-frotta tkun ħadet il-kulur rikk tagħha. Iċ-ċirasa jista’ jkollha diversi qisien u jista' jkun li tkun tidher imħassra minħabba li tkun ġiet esposta għal ħafna xemx jew minħabba s-silġ, jekk kemm-il darba jinżammu l-karatteristiċi tal-“wiśnia nadwiślanka”.

Iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” li titkabbar bil-ħsieb li tiġi kkunsmata b’mod dirett għandha tinqata’ bl-idejn. Il-frotta ma għandux ikollha ħsara u għandu jkollha dehra friska.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   L-ikel (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

3.5.   Il-passi speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata

Il-passi kollha tal-produzzjoni għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata. Il-ġonna fejn jinżergħu dawn is-siġar għandhom ikunu fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4, fuq ħamrija bil-ġir jew ħamrija bil-ġir u t-tafal. Il-materjal għat-tħawwil jinkiseb mir-rimjiet li jinqatgħu mill-għeruq minn ġonna produttivi li għandhom għall-anqas ħames snin, u li jinsabu fiż-żona ġeografika msemmija. L-ispazju għat-tħawwil ma għandux ikun iżgħar minn 4 m b’2 m, li jiġi żona ta' 8 m2 għal kull siġra. Il-fertilizzant għandu jintuża skont ir-regoli standard għall-użu tal-fertilizzanti fuq il-pjanti tal-frott.

Iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” li titkabbar bil-ħsieb li tiġi kkunsmata b’mod dirett għandha tinqata’ bl-idejn. Fil-ħsad ta’ Lulju l-frotta tinqata’ biz-zokk b’kollox, filwaqt li fil-ħsad li jsir iktar tard matul is-sena, tista’ tinqata' mingħajr iz-zokk.

Iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” li tasal f’impjant tal-ipproċessar fi żmien 24 siegħa ma għandhiex bżonn titkessaħ. Jekk din tinżamm għal iktar żmien, għandha titkessaħ b'mod adegwat.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

Iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” tiġi ppakkjata f'kaxxi xierqa direttament fil-post fejn tinqata’. Dan id-dmir inbeda sabiex tkun żgurata kwalità xierqa tal-prodott u sabiex tkun tista’ tiġi ssorveljata u kkontrollata l-oriġini. Iċ-ċirasa li titkabbar bil-ħsieb li tiġi kkunsmata b’mod dirett tiġi ppakkjata f’kaxxi ta’ bejn 0.5 u 5 kg.

Iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” li titkabbar bil-ħsieb li tiġi pproċessata tiġi ppakkjata f’kaxxi bil-kannizzati b’piż nett li ma jaqbiżx it-13-il kg jewinkella f'kaxxi tal-palit magħluqin minn taħt li jkollhom piż xieraq.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għall-ittikkettjar

L-ebda regola.

4.   It-tifsira fil-qosor taż-żona ġeografika

Iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” titkabbar f’żona ġeografika li tinkludi:

il-muniċipalitajiet ta’ Lipsko, Sienno u Solec nad Wisłą fid-Distrett ta’ Lipsko, fil-provinċja ta’ Mazowieckie,

il-muniċipalitajiet ta’ Ożarów u Tarłów fid-Distrett ta’ Opatów, fil-provinċja ta’ Świętokrzyskie,

il-muniċipalità ta’ Annopol fid-Distrett ta’ Kraśnik, fil-provinċja ta’ Lubelskie.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona li fiha titkabbar iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” tinsab max-xtut tax-xmara Vistula u hija kkaratterizzata minn kundizzjonijiet ambjentali li jaqblu magħha u b’saff taħt bil-ġir jew bil-ġir u tafli. Il-ħamrija tal-wiċċ ġeneralment ma tkunx fonda iktar minn 0.5 m, u taħtha jkun hemm blat iebes tal-franka. Il-kundizzjonijiet tal-klima fiż-żona deskritta huma influwenzati wkoll mill-lokalità tagħha tul l-ikbar xmara fil-Polonja, il-Vistula, li fejnha hemm mikroklima partikolari fil-viċinanzi immedjati. Fiż-żona fejn tikber iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka”, hemm it-tendenza li jkun hemm kesħa kbira waqt il-perjodu meta s-siġar ikunu qegħdin joħorġu n-nwar, u dan iwassal għal varjabbiltà f’dak li għandu x'jaqsam mal-formazzjoni tal-frott matul is-snin, imma l-effett ta’ dan jitnaqqas minħabba s-sħana li tarmi l-Vistula. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċirasa tista' tiġi kkultivata b’livell għoli ta’ affidabbiltà f’din iż-żona ġeografika.

Il-ħamrija taż-żona fejn tikber din iċ-ċirasa hija fil-biċċa l-kbira tagħha newtrali jew alkalina, u l-“wiśnia nadwiślanka” tidher li tiflaħ sew għall-pH ogħla minn 7.0, għall-kuntrarju tal-varjetajiet ikkultivati li l-aqwa valuri ta’ pH għalihom huma ta’ bejn 6.7 u 7.1. Il-valur għoli ta’ pH f’din il-ħamrija ġej mill-kontenut għoli tagħhom ta' kalċju (iktar minn 1 000 mg/l).

Aspett importanti tal-ispeċifiċità taż-żona huwa l-għarfien u l-ħila tal-produtturi lokali, li tgħallmu kif jikkultivaw ċirasa li hija tipika għal din iż-żona u kif jadattaw il-metodi ta’ kultivazzjoni għall-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima li huma predominanti. Dan huwa rifless fuq kollox fl-għażla t-tajba ta’ densità tat-tħawwil u tal-metodu ta’ kif jitneħħew ir-rimjiet skont it-tip ta’ ħamrija li din is-siġra taċ-ċirasa tkun imħawla fih, u fit-tneħħija tar-rimjiet li jinqatgħu mill-għeruq mill-ħames sena ta' kultivazzjoni ’l quddiem. F’każ li dawn ir-rimjiet ma jinqatgħux, is-siġar ma jinżabrux, il-kundizzjonijiet fitosanitarji tal-għelejjel u tad-daqs tal-frott imorru lura, u jkun hemm tnaqqis fir-rendiment. Fir-rigward tar-reżistenza iktar qawwija taċ-ċirasa “wiśna nadwiślanka” kontra l-mard, huwa importanti wkoll li jintgħażlu l-miżuri x-xierqa għall-protezzjoni tal-pjanti. Dan għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, mal-miżuri għall-kontroll tal-marda taċ-ċirasa kkaġunata mid-dubbien (Rhagoletis cerasi); meta jkun hemm rebbiegħa sħuna flimkien ma’ tinwir bikri ta’ din it-tip ta’ siġra taċ-ċirasa, dan jista’ jwassal għal attakki mid-dbieben il-kbar taċ-ċirasa li ġieli ma jkunux irreġistrati fil-każ ta’ varjetajiet kkultivati taċ-ċirasa.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-fatturi tipiċi tal-“wiśnia nadwiślanka” huma li ġejjin:

daqs tal-frott li huwa ferm iżgħar minn dak tal-frott tal-varjetajiet ikkultivati;

meraq ta’ kulur qawwi ħafna;

kontenut li fih ħafna antoċjanin; ta’ iktar minn 115-il mg/100 g (bl-użu tal-metodu HPLC)

indiċi rifrattometriku għoli minn 16 sa 23oBx,

kontenut għoli ta’ zokkor: iktar minn 13 %;

ħafna aċidità (il-kontenut ta’ aċidu organiku) ta’ mill-anqas 1.4 % espress f’aċidu tat-tuffieħ, f’każ ta’ pH ta’ 8.1.

L-antoċjanin li fiha ċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka” huwa tal-anqas 20 % ogħla minn dak li fiha ċ-ċirasa Łutówka, l-iktar varjetà ta’ ċirasa kkultivata popolari fil-Polonja u li hija magħrufa bħala l-iktar waħda adattata għall-ipproċessar; u d-differenza tista’ tlaħħaq il-100 %. Kemm tkun kbira d-differenza u l-kontenut attwali f'termini assoluti jiddependu mill-kundizzjonijiet tal-atmosfera f'sena partikolari u mil-lokalità.

Fattur speċifiku ieħor tal-“wiśnia nadwiślanka” huwa li, wara li jitneħħa z-zokk (l-iktar fl-ewwel ġimgħat tal-ħsad), ftit meraq jispiċċa jċarċar għal ġol-ispazju minn fejn joħroġ iz-zokk u jrabbi bħal ġèli, li jevita li jkun hemm ċarċir ieħor tal-meraq u b’hekk itawwal il-ħajja tal-frotta meta mqabbla mal-varjetajiet li huma kkultivati b'mod speċjali.

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Is-siġar taċ-ċirasa tat-tip sokówka li minnhom joħorġu r-rimjiet oriġinarjament kienu jitkabbru fiż-żona ta’ madwar Słupia Nadbrzeżna. Maż-żmien, infirxu mal-partijiet kollha matul il-Vistula fejn il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u dawk tal-klima huma l-istess. Minħabba li din tikber f’din iż-żona deskritta tul il-Vistula, iċ-ċirasa li ġejja minn dan is-siġar taċ-ċirasa tal-post tat-tip sokówka li minnhom joħorġu r-rimjiet jissejjaħ “wiśnia nadwiślanka”.

Meta jitkabbru fil-ħamrija alkalina li jkollha kontent ogħla tal-kalċju, is-siġar ma jgħixux wisq (bejn 20 u 25 sena) u l-frott ikun iżgħar, ifuħ iktar u b’kulur iktar qawwi. F’ħamrija taflija, fejn il-franka tkun iktar fil-fond, wieħed jista' jsib siġar li għandhom iktar minn 50 sena u li jkollhom frott ikbar, u li ma jfuħx daqshekk. Il-preżenza tal-kalċju fis-saff tal-ħamrija ta’ taħt twassal għal iktar kondensazzjoni tal-meraq, kif indikat mill-estratt relattivament għoli u mill-kontenut tal-pigment, u l-frotta għandha togħma eċċellenti u hija mfittxa ħafna mill-industrija tal-ipproċessar. Dawn il-karatteristiċi ma jistgħux jinkisbu jekk il-ħamrija jkollha valur ta' pH li jkun taħt il-livell newtrali u jekk ikollha kontenut baxx tal-kalċju.

Jekk ikun ittrasferit għal żoni ġeografiċi oħra, is-siġar taċ-ċirasa lokali tat-tip sokówka li minnhom joħorġu r-rimjiet ġeneralment jikbru sew imma jkollhom problemi konsiderevoli f’dak li għandu x’jaqsam mal-formazzjoni tal-frott. Dan jiġri minħabba l-perjodu relattivament bikri tat-tinwir u b’hekk il-ħsara kkawżata mit-temp kiesaħ tar-rebbiegħa, li ma jippermettux lis-siġar jagħtu rendimenti sodisfaċenti. Il-kundizzjonijiet mikroklimatiċi li jvarjaw minn dawk li hemm fiż-żona ġeografika ddefinita jwasslu għal frott ikbar li jkollu kontenut ogħla ta’ ilma u jkollu inqas estratt.

L-effett tal-ħamrija tal-post flimkien mal-qrubija tax-xmara mhux biss jinfluwenza t-tkabbir u t-twarrid imma jirriżulta wkoll f'livell għoli ta’ formazzjoni tal-frott u fi frott tal-ogħla kwalità li għandu l-karatteristiċi speċifiċi elenkati fil-punt 5.2. Il-kwalità hija marbuta mill-qrib u għal kollox ma’ fejn jinsabu l-ġonna u mal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima li hemm fil-post. Il-varjetajiet l-oħra kollha taċ-ċirasa ma tantx jikbru tajjeb u ma tantx jagħtu frott fil-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima li hemm fiż-żona deskritta.

Apparti l-ambjent speċifiku li fih tikber iċ-ċirasa “wiśnia nadwiślanka”, l-kwalità aħħarija tal-prodott tiddependi ħafna mill-ħiliet eċċezzjonali tal-produtturi tal-post kif deskritt fil-punt 5.1.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

L-Artikolu 5(7) tar-Regolamet (KE) Nru 510/2006

http://www.bip.minrol.gov.pl/strona/DesktopDefault.aspx?TabOrgId=1620&LangId=0


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top