This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009TA1215(01)
Report on the annual accounts of the Community Fisheries Control Agency for the financial year 2008, together with the Agency’s replies
Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija
Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija
ĠU C 304, 15.12.2009, p. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 304/1 |
RAPPORT
dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija
2009/C 304/01
WERREJ
|
Paragrafu |
Paġna |
INTRODUZZJONI… |
1-2 |
2 |
ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI… |
3-12 |
2 |
KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA… |
13-14 |
3 |
KWISTJONIJIET OĦRAJN… |
15-17 |
3 |
Tabella… |
4 |
|
Ir-risposti tal-Aġenzija… |
5 |
INTRODUZZJONI
1. |
L-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”), li tinsab f’Vigo, twaqqfet permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (1) tas-26 ta’ April 2005. Il-kompitu prinċipali tal-Aġenzija huwa li torganizza l-koordinazzjoni operazzjonali tal-attivitajiet tal-kontroll tas-sajd u l-attivitajiet ta’ spezzjoni mill-Istati Membri sabiex tiżgura applikazzjoni effettiva u uniformi tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. L-Aġenzija kisbet l-indipendenza finanzjarja tagħha fil-11 ta’ Novembru 2007 (2). |
2. |
Il-baġit tal-Aġenzija għall-2008 ammonta għal 9,5 miljun euro meta mqabbel ma’ 5 miljun euro s-sena ta’ qabel. L-għadd tal-persunal impjegat mill-Aġenzija fi tmiem is-sena kien 48 meta mqabbel ma’ 25 is-sena ta’ qabel. |
ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI
3. |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248 tat-Trattat il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet. |
4. |
Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6). |
Ir-responsabbiltà tad-Direttur
5. |
Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprijazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (8) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari. |
Ir-responsabbiltà tal-Qorti
6. |
Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. |
7. |
Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari. |
8. |
Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u t-tagħrif fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-verifika inkluża l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta tagħmel dawk l-evalwazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali. |
9. |
Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt. |
L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet
10. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali (11) tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2008 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha. |
L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet
11. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari. |
12. |
Il-kummenti li ġejjin ma jpoġġux f’diskussjoni l-opinjonijiet tal-Qorti. |
KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA
13. |
Il-proċeduri għall-preparazzjoni tal-baġit ma kinux rigorużi biżżejjed u wasslu għal għadd sinifikanti ta’ trasferimenti tal-baġit (12). Xi wħud minn dawn it-trasferimenti wasslu għal żidiet u tnaqqis suċċessivi fl-istess linji tal-baġit. Din is-sitwazzjoni turi nuqqasijiet fl-ipprogrammar tal-attivitajiet tal-Aġenzija u ma kinitx konformi mal-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni. Kuntrarju għar-regoli fis-seħħ, il-Bord Amministrattiv ma kienx mitlub jawtorizza t-trasferimenti meta kien meħtieġ (13) jew ma kienx infurmat dwarhom. |
14. |
F’erba’ każijiet, l-impenji legali twettqu qabel l-impenji tal-baġit korrispondenti (14) u fi tmiem is-sena 0,2 miljun euro fir-rigward ta’ operazzjonijiet li kienu skadew inġiebu ’l quddiem mingħajr ġustifikazzjoni. F’seba’ każijiet, impenji legali ma kinux koperti minn impenji tal-baġit (15). |
KWISTJONIJIET OĦRAJN
15. |
L-Aġenzija ma tippreparax programm multiannwali ta’ ħidma. Abbozz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni huwa ffissat b’mod ġenerali u fuq bażi annwali, minkejja li l-Aġenzija ddiskutiet dwar objettivi fuq medda ta’ żmien twil li jeħtieġu ppjanar sinifikanti tar-riżorsi kemm fuq bażi baġitarja u kif ukoll fuq bażi umana tul bosta snin. Għad hemm bżonn ta’ dokument ta’ programmar multiannwali sabiex jorganizza l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Aġenzija u l-għanijiet tagħha. |
16. |
L-objettivi tal-Aġenzija tal-2008 ma ġewx iffissati b’mod preċiż u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tagħha jibqa’ informali. Bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ baġitjar ibbażata fuq l-attività kieku jkun aktar faċli li tiġi stabbilita rabta ċara bejn il-programm ta’ ħidma u l-previżjonijiet finanzjarji. |
17. |
Fl-2008, ir-reklutaġġ tal-persunal sar b’pass aktar mgħaġġel minn dak mistenni fil-bidu. Peress li din is-sitwazzjoni ma ġietx ikkunsidrata fil-previżjonijiet għall-baġit tal-2009 (16), dan tal-aħħar għamel sottostima ta’ aktar minn 35 % (madwar 1,3 miljun euro) tal-approprijazzjonijiet meħtieġa għan-nefqa fuq is-salarji. Is-sorveljanza tat-twettiq tal-baġit tiġi mtejba. |
Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2009.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA
President
Tabella
L-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (Vigo)
Oqsma ta’ kompetenzi Komunitarja stipulati fit-Trattat |
Kompetenzi tal-Aġenzija kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 |
Tmexxija |
Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2008 |
Attivitajiet u servizzi mogħtija fl-2008 |
|||||||||||||||||||||||||
L-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. L-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-politika komuni tas-sajd, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kontroll, spezzjoni u infurzar effettiv tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd u li jikkoperaw bejniethom u ma’ pajjiżi terzi għal fini ta’ dan l-għan. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd. |
Objettivi Ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd, li l-għan tagħha huwa li torganizza koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni tas-sajd mill-Istati Membri u tgħinhom jikkoperaw sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u uniformi tagħha. |
Missjoni u Kompiti Missjoni
|
1 – Bord Amministrattiv Jikkonsisti f’rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u sitt rappreżentanti tal-Kummissjoni. 2 – Direttur Eżekuttiv Maħtur mill-Bord Amministrattiv minn lista ta’ mill-anqas żewġ kandidati proposti mill-Kummissjoni. 3 – Verifika esterna Il-Qorti tal-Awdituri. 4 – Awtorità ta’ Kwittanza Il-Parlament jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
Baġit Titolu I— 4,5 miljun euro Titolu II— 1,6 miljun euro Titolu III— 2,4 miljun euro (Inkluż 1,2 miljun euro ta’ dħul assenjat) Riżorsi Umani Fil-31.12.2007 l-Aġenzija impjegat 25 membru tal-persunal li żdiedu b’rata regolari għal 48 membru tal-persunal sa tmiem l-2008 – 40 aġent temporanju u 8 aġenti kuntrattwali. |
Pjanijiet ta’ Eżerċizzju Konġunti (JDP), sabiex tiġi organizzata l-koordinazzjoni operazzjonali tal-attivitajiet għall-kontroll tas-sajd tal-Istati Membri, twettqu fl-industriji tas-sajd tal-Komunità li ġejjin:
Ingħata taħriġ lill-ispetturi tal-Istati Membri marbut mal-attivitajiet operazzjonali, sabiex tittejjeb l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-politika Komuni tas-Sajd fl-oqsma kollha koperti mill-JDP. |
||||||||||||||||||||||||
Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija. |
IR-RISPOSTI TAL-AĠENZIJA
13. |
L-Aġenzija ser tkompli bl-isforzi tagħha sabiex ittejjeb il-preparazzjoni u l-monitoraġġ tal-baġit u konsegwentement sabiex tnaqqas in-numru ta’ modifiki tal-baġit. L-Aġenzija tista’ temfasizza li minħabba l-bdil tas-sede l-post finali tas-CFCA, l-2008 kienet sena diffiċli b’mod partikolari għall-preparazzjoni tal-baġit. F’Jannar 2009 l-Aġenzija implimentat metodu ta’ rappurtar strutturat li jippermetti monitoraġġ aħjar tal-baġit. Barra minn hekk, rappurtar ta’ trasferimenti ser isir b’mod regolari lill-Bord Amministrattiv. |
14. |
L-Aġenzija ser tieħu miżuri addizzjonali sabiex issaħħaħ il-kontroll fuq l-impenji tal-baġit. Barra minn dan, l-Aġenzija ser tiddeċentralizza l-fluss finanzjarju, tipprovdi taħriġ addizzjonali għall-maniġers tal-proġett u persunal rilevanti ieħor u ser torganizza laqgħat dwar l-ippjanar u monitoraġġ tal-baġit b’mod regolari. |
15. |
Il-Programm ta’ Ħidma Annwali u l-ipprogrammar multiannwali ser jiġi żviluppat ulterjorament skont l-istrateġija fuq Żmien Medju tal-Bord Amministrattiv u meta wieħed jikkunsidra l-eżitu tad-dibattitu dwar ir-regolament ta’ Kontroll fuq livell tal-Kunsill. Is-CFCA qed tiżviluppa wkoll sistema ta’ evalwazzjoni għall-attivitajiet tagħha bbażata fuq l-“Indikaturi Prinċipali ta’ Prestazzjoni” li ġew introdotti għall-ewwel darba fil-Programm ta’ Ħidma tal-2009. |
16. |
L-Aġenzija bdiet tiżviluppa u timplimenta sistema ta’ ġestjoni bbażata fuq l-attività filwaqt li fl-istess ħin l-Aġenzija tisħaq fl-isforzi tagħha sabiex ittejjeb l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tagħha. |
17. |
L-Aġenzija saħħat b’mod ulterjuri l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-baġit tagħha. F’dan ir-rigward fl-2009 ġew introdotti rapporti ġodda dwar il-ġestjoni li jippermettu monitoraġġ kontinwu tal-eżekuzzjoni tal-baġit. |
(1) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.
(2) It-Tabella tagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Tiġi ppreżentata għal skopijiet ta’ informazzjoni
(3) Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.
(4) Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.
(5) Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.
(6) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(7) L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).
(8) L-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002.
(9) Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.
(10) Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).
(11) Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-30 ta’ Ġunju 2009 u rċevuti mill-Qorti fl-1 ta’ Lulju 2009. Il-Kontijiet Annwali Finali, konsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://cfca.europa.eu/
(12) 28 deċiżjoni ta’ trasferimenti ta’ approprijazzjonijiet fl-2008.
(13) Trasferiment wieħed li jaqbeż l-10 % tal-approprijazzjonijiet għas-sena ma kienx awtorizzat mill-Bord Amministrattiv.
(14) Valur totali: 1,4 miljun euro.
(15) Valur totali: 76 000 euro.
(16) Il-baġit tal-2009 li kien adottat fl-2008 kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet tal-2007 li qatt ma kienu rreveduti.