EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0508

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

/* KUMM/2009/0508 finali - CNS 2009/0136 */

52009PC0508

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) /* KUMM/2009/0508 finali - CNS 2009/0136 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.9.2009

KUMM(2009) 508 finali

2009/0136 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-Kuntest tal-proposta

• Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi għad-disponibbiltà tal-funzjonalitajiet il-ġodda tal-SIS II u għalhekk għaż-żamma ta' livell għoli ta' sigurtà fiż-żona ta' ġustizzja, libertà u sigurtà. Hija qed tfittex li tagħti lill-iżvilupp tal-SIS II impetu ġdid wara l-perjodu ta' analiżi u tiswija li matulu numru konsiderevoli ta' diffikultajiet u żbalji magħrufa ssewwew filwaqt li ġew jew imfassla jew implimentati soluzzjonijiet sabiex jirrimedjaw għalihom.

Din il-proposta, u proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istess suġġett, għandhom l-għan li jwaqqfu lir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 li jirregola l-migrazzjoni mis-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen fil-forma kurrenti tagħha (SIS 1+) għas-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) milli jiskadi qabel mal-migrazzjoni tkun saret teknikament fattibbli. Minbarra dan, din il-proposta tiżgura l-flessibbiltà legali għall-iżvilupp tal-SIS II permezz tax-xenarju tekniku alternattiv tal-SIS 1+ RE, fil-każ li ssir bidla favur dan ix-xenarju.

Fl-istess waqt, sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti tal-iżvilupp u l-migrazzjoni tal-SIS II, Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm (“GPMB”) qed jitwaqqaf bħala grupp ta' esperti għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni mtejba tal-programm globali SIS II u l-attivitajiet relatati b'mod ġenerali, flimkien mal-konsistenza bejn l-iżviluppi tas-sistemi ċentrali u nazzjonali. Din il-proposta hija konsistenti mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4-5 ta' Ġunju 2009 li stiednu lill-Kummissjoni sabiex, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miksuba, u mil-lezzjonijiet li ttieħdu, mill-approċċ tal-ġestjoni tal-programmi tal-SIS II globali stabbilit mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26-27 ta' Frar 2009 u f'konformità mal-qafas legali, tippreżenta approċċ ta' ġestjoni mtejjeb għall-istruttura tal-ġestjoni tal-proġetti tal-SIS II.

It-trasparenza tal-proċess tal-iżvilupp tal-SIS II għall-Parlament Ewropew qed tinżamm permezz tal-obbligu eżistenti ta' rappurtar.

• Kuntest Ġenerali

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Franza dwar l-abolizzjoni gradwali tal- kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (il-Konvenzjoni ta’ Schengen), u l-iżvilupp ulterjuri tagħha, SIS 1+, jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen kif inhu integrat fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea.

L-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tal-SIS (SIS II) ġie fdat f’idejn il-Kummissjoni b’mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 u mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/886/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II). L-SIS II se tieħu post l-SIS 1+. L-iżvilupp tal-SIS II jikkunsidra l-aħħar żviluppi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u jippermetti l-introduzzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda.

Dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu ta' SIS II huma mniżżla fir-Regolament (KE) Nru. 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1] tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu ta' Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI[2] tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II). Dawn l-istrumenti jipprevedu li jkunu applikabbli biss għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-SIS 1+ mid-dati li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-Membri tiegħu li jirrappreżentaw il-gvernijiet tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-SIS 1+. Imbagħad, dawn għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen li jirregolaw l-SIS 1+, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relevanti fil-Konvenzjoni ta’ Schengen.

Qabel ma jseħħ dan, l-utenti tas-sistema preżenti SIS 1+ se jkollhom jaqilbu għas-sistema SIS II. Għalhekk tfassal qafas legali għall-migrazzjoni mill-SIS 1+ għall-SIS II. Sabiex jonqsu r-riskji ta' interruzzjonijiet fis-servizz matul iż-żmien tal-migrazzjoni, arkitettura teknika provviżorja għall-operazzjonijiet tal-SIS 1+ se tippermetti li l-SIS 1+ u ċerti partijiet tekniċi tal-arkitettura tal-SIS II joperaw b'mod parallel għal perjodu ta' tranżizzjoni.

Iż-żmien previst għall-istrumenti kurrenti tal-migrazzjoni, u b'mod partikolari d-data li fiha jiskadu li hija fil-preżent stabbilita bħala mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010, ma jidhirx li għadu realistiku. Din il-proposta, għaldaqstant, għandha l-għan li twaqqaf milli jiskadi r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 qabel ma sseħħ il-migrazzjoni. Ir-rwol tal-GPMB jkun li jaġixxi bħala l-punt fokali bejn l-atturi u l-partijiet interessati involuti fl-iżvilupp tal-SIS II. B'mod partikolari, huwa jippermetti lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jikkoordinaw il-programm globali b'mod konsistenti mar-responsabbiltajiet u l-attivitajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-proġetti ċentrali u nazzjonali tal-SIS II.

Filwaqt li żżomm l-allokazzjoni bażika tar-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni, Franza u l-Istati Membri li qed jieħdu sehem, kif diġà hemm fl-istrumenti li għandhom jiġu emendati, din il-proposta tissimplifika l-proċessi tal-ġestjoni.

• Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tal-proposta

- Il-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Franza dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom[3] (il-Konvenzjoni ta’ Schengen);

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II)[4] kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1988/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006[5];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/886/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2001[6] dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS II) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1007/ĠAI tal-21 ta’ Diċembru 2006[7];

- Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) ;

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) ;

- Ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi[8];

- Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2007/170/KE u 2007/171/KE tas-16 ta’ Marzu 2007 li jistipulaw ir-rekwiżiti tan-netwerk għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II[9];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2008 tat-18 ta’ Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)[10];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)[11];

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[12];

- Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[13].

• Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

• Il-Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

L-esperti tal-Istati Membri huma involuti mill-qrib fl-iżvilupp tal-SIS II, b’mod partikolari fil-qafas tal-Kumitat tal-SIS-VIS. Minbarra dan, l-iżvilupp tal-SIS II diġà ġie diskuss fil-qafas tal-korpi ta' tħejjija tal-Kunsill u fil-laqgħa tal-Kunsill tal-4 ta' Ġunju 2009. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4-5 ta' Ġunju 2009 jistiednu lill-Kummissjoni sabiex tressaq mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn Ottubru 2009, proposti leġiżlattivi sabiex jiġu emendati l-istrumenti tal-migrazzjoni.

• Sommarju tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu

Din il-proposta tieħu f'kunsiderazzjoni r-riżultat ta' diskussjonijiet estensivi mal-Istati Membri, speċjalment fil-qafas tal-Kumitat tal-Artikolu 36 u fil-laqgħa tal-Kunsill tal-4 ta' Ġunju 2009.

• Ġbir u użu ta' għarfien espert

Ma ntużax għarfien espert estern għat-tħejjija ta’ din il-proposta.

• Valutazzjoni tal-impatt

L-ebda Valutazzjoni tal-Impatt mhi meħtieġa għal din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li mhix inkluża fil-Programm Annwali Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni (CLWP) u għaliex hija l-kontinwazzjoni ta' proġett tekniku mingħajr impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali identifikabbli b'mod ċar.

3. Elementi legali tal-proposta

• Taqsira tal-azzjoni proposta

L-għan tal-proposta preżenti huwa li ma jitħalliex jiskadi r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 qabel il-migrazzjoni, li tiġi żgurata l-flessibilità legali għal xenarju tekniku alternattiv sabiex jinkisbu l-funzjonalitajiet tal-SIS II fuq il-bażi tal-SIS 1+, fil-każ li jidħol fis-seħħ dan ix-xenarju, u sabiex il-ġestjoni tal-iżvilupp u l-migrazzjoni tal-SIS II, b'mod partikolari fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn il-proġetti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, ikunu effiċjenti kemm jista' jkun. Sabiex jinkiseb dan l-aħħar għan, qed jitwaqqaf il-GPMB bħala grupp ta' esperti fil-livell tal-programm globali.

• Bażi legali

Il-bażi legali għal dan ir-Regolament hija l-Artikolu 66 tat-Trattat tal-KE fejn din tirrigwarda miżuri li jiżguraw koperazzjoni bejn id-dipartimenti relevanti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, u wkoll bejn dawk id-dipartimenti u l-Kummissjoni għall-politiki relatati mal-moviment ħieles tal-persuni.

• Prinċipju tas-sussidjarjetà

F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE, l-għan prinċipali tal-azzjoni proposta, jiġifieri l-migrazzjoni mill-SIS 1+ għall-SIS II, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri individwalment.

• Prinċipju ta' proporzjonalità

Il-proposta preżenti ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha. Hija tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li l-attivitajiet tal-Kummissjoni huma ristretti għall-SIS II Ċentrali, għall-attivitajiet ta’ koordinazzjoni u għall-forniment ta’ għodda teknika li tippermetti l-iskambju b’suċċess tad-dejta tal-SIS 1+ bejn l-SIS 1+ u l-SIS II ('il-konvertitur'). Minbarra dan, il-GPMB diġà jeżisti bħala struttura ta' konsultazzjoni informali għall-finijiet tal-koordinazzjoni mitluba mill-istrumenti eżistenti. Il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija neċessarja sabiex jiġi żgurat is-suċċess globali tal-SIS II.

• Għażla tal-istrumenti

Regolament tal-Kunsill huwa l-unika forma legali disponibbli biex tippostponi d-data li fiha jiskadi r-Regolament (KE) 1104/2008 kif stabbilita oriġinarjament. Għall-bqija ta' din il-proposta, Regolament huwa l-aktar strument xieraq għall-azzjoni proposta fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu applikati regoli u proċessi uniformi għall-ġestjoni tal-iżvilupp u l-migrazzjoni tal-SIS II globali. Id-dispożizzjonijiet ippreżentati f'dan ir-Regolament huma preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u direttament applikabbli u, min-natura stess tagħhom, ma jitolbux azzjoni mill-Istati Membri sabiex jittrasponuhom fil-liġi nazzjonali.

Minħabba n-natura ta’ żewġ pilastri tal-SIS II, Deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikoli 30(1) (a) u (b), 34(2) (c) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea għandha tikkomplementa r-Regolament tal-Kunsill li qed jiġi propost hawn.

4. Implikazzjonijiet baġitarji

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/886/ĠAI dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni stabbilixxew li l-infiq involut fl-iżvilupp tal-SIS II għandu jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Bl-istess mod, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 u skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 533/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 l-ispejjeż għall-istabbiliment, għat-tħaddim u għall-manutenzjoni tal-SIS II Ċentrali u għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż għall-istabbiliment, it-tħaddim u ż-żamma ta’ kull N. SIS II għandhom jitħallsu mill-Istat Membru kkonċernat.

Taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI kif kienu fformulati s'issa, spejjeż addizzjonali għall-miżuri ta' migrazzjoni, l-ittestjar, il-manutenzjoni u l-iżvilupp fil-livell ċentrali (l-SIS II Ċentrali u l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni) kienu ġew allokati għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea wkoll. L-ispejjeż tal-ittestjar, tal-migrazzjoni, tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali, inkluż l-N.SIS II, komplew jitħallsu minn kull Stat Membru kkonċernat.

Il-proposta preżenti ma timmodifikax din l-istruttura bażika. Madankollu, hija se testendi l-bażi legali eżistenti li kienet diġà ġiet stabbilita fir-Regolament (KE) Nr 1104/2008 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI sabiex tkopri l-perjodu ta' wara t-30 ta' Ġunju 2010 sal-migrazzjoni. Minbarra dan, l-ispejjeż li jirriżultaw mil-laqgħat tal-GPMB li qed jiġi stabbilit minn din il-proposta, inklużi l-ispejjeż għall-membri u l-esperti li jattendu, jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet neċessarji sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mil-laqgħat tal-GPMB se jiġu mill-approprjazzjonijiet li huma bħalissa previsti fl-Ipprogrammar Finanzjarju 2010-2013 għas-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen (SIS II).

L-ispejjeż li jirriżultaw minħabba l-attivitajiet fuq il-livell tal-SIS 1+, inklużi l-attivitajiet supplementari ta' Franza, għan-nom tal-Istati Membri (tal-SIS 1+), għandhom jitħallsu skont l-Artikolu 119 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen. Dan l-Artikolu jistipula li l-ispejjeż tal-istallazzjoni u tat-tħaddim tal-funzjoni tal-appoġġ tekniku tal-SIS 1+, kif imsemmi fl-Artikolu 92 (3) tal-Konvenzjoni, inkluż l-ispejjeż tal-linji li jikkollegaw it-taqsimiet nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mal-funzjoni tal-appoġġ tekniku, għandhom jitħallsu b’mod konġunt mill-Istati Membri, filwaqt li l-ispejjeż sabiex tiġi stallata u titħaddem it-taqsima nazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru individwali.

Il-Kummissjoni ppreparat dikjarazzjoni finanzjarja li qed tkun annessa ma’ din il-proposta.

5. Informazzjoni addizzjonali

• Emenda tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta se tinvolvi l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1104/2008.

• Klawżola ta’ analiżi/reviżjoni/estinzjoni

Din il-proposta fiha klawżola ta’ estinzjoni modifikata. Id-data li fiha din tiskadi għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.

• Skeda

Dan ir-Regolament għandu jiġi adottat mhux aktar tard minn Ġunju 2010 sabiex jiġu żgurati l-kontinwità tal-preparazzjonijiet u t-twettiq f'waqtu tal-attivitajiet ikkonċernati.

2009/0136 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[14],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[15], Billi:

(1) Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[16] u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[17].

(2) Il-kundizzjonijiet, proċeduri u responsabbiltajiet applikabbli għall-migrazzjoni mill-SIS 1+ għall-SIS II huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[18] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[19]. Madankollu, dawn l-istrumenti se jiskadu mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010.

(3) Il-prekundizzjonijiet għall-migrazzjoni mhumiex se jiġu ssodisfati sat-30 ta' Ġunju 2010. Sabiex l-SIS II tkun tista' ssir operattiva kif mitlub mir-Regolament (KE) 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI għandhom għalhekk ikomplu japplikaw sakemm tkun tlestiet il-migrazzjoni.

(4) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkoperaw mill-qrib matul il-passi kollha tal-migrazzjoni sabiex il-proċess ikun jista' jitlesta. Għandu jitwaqqaf grupp ta' esperti sabiex iwieżen l-istruttura organizzattiva preżenti.

(5) Il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli għall-SIS II Ċentrali u għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha. Huwa meħtieġ li tinżamm u fejn ikun xieraq, li tkompli tiġi żviluppata, l-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha. L-iżvilupp addizzjonali tal-SIS II Ċentrali għandu jinkludi dejjem il-korrezzjoni tal-iżbalji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-koordinazzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet konġunti.

(6) Pjan tekniku ta' kontinġenza għall-kisba tal-funzjonalitajiet tal-SIS II għandu jkun previst. Id-deskrizzjoni tal-komponenti tekniċi tal-arkitettura tal-migrazzjoni għaldaqstant għandha tiġi adattata sabiex tagħmel possibbli soluzzjoni teknika oħra dwar l-iżvilupp tal-SIS II Ċentrali.

(7) L-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli għas-sistemi nazzjonali tagħhom (N.SIS II). Jibqa' meħtieġ li ssir il-manutenzjoni tal-N.SIS II u li, fejn ikun xieraq, dawn ikomplu jiġu żviluppati.

(8) Franza għandha tibqa' responsabbli għas-C.SIS.

(9) Peress li l-għanijiet tal-azzjoni li trid tittieħed, jiġifieri t-twaqqif ta’ arkitettura temporanja tal-migrazzjoni u l-migrazzjoni tad-dejta mill-SIS 1+ għall-SIS II, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell ta’ Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(10) F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l- acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat tal-KE, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jekk hix se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(11) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen[20] ; ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(12) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi disposizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen[21] ; l-Irlanda għalhekk mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(13) Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit u tal-Irlanda fl- acquis ta’ Schengen, kif definiti rispettivament bid-Deċiżjoni 2000/365/KE u bid-Deċiżjoni 2002/192/KE.

(14) Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta’ Schengen[22], li jaqgħu fil-qasam indikat fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999[23] dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(15) Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimetazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal- acquis ta’ Schengen[24], li jaqgħu fl-ambitu indikat fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[25] dwar il-konklużjoni ta' dak il-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea.

(16) Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal- acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE tat-28 ta’ Frar 2008 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal- acquis ta’ Schengen[26],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 4, il-frażi ta' introduzzjoni hija sostitwita b'dan li ġej:

“Sabiex tiġi żgurata l-migrazzjoni mill-SIS 1+ għall-SIS II, il-komponenti li ġejjin għandhom ikunu disponibbli safejn possibbli:”

(2) Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3. Safejn huwa meħtieġ, il-konvertitur għandu jaqleb id-dejta f’żewġ direzzjonijiet bejn is-C.SIS u l-SIS II Ċentrali u jżomm is-C.SIS u l-SIS II Ċentrali sinkronizzati.”

(3) Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-SIS 1+ għandhom jemigraw mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura temporanja għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni.

(4) L-Artikolu 17a li ġej qed jiġi miżjud:

"Artikolu 17a

Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm

1. Bla ħsara għar-responsabbiltajiet u l-attivitajiet rispettivi tal-Kummissjoni, Franza, u l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-SIS 1+, grupp ta' esperti tekniċi, imsejjaħ il-Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm (minn hawn 'il quddiem il-“GPMB”), huwa b'dan imwaqqaf. Il-GPMB għandu jipprovdi forum għall-koordinazzjoni tal-proġetti ċentrali u nazzjonali tal-SIS II.

2. Il-GPMB għandu jikkonsisti minn massimu ta' 10 esperti. Massimu ta' tmien esperti u numru ugwali ta' sostituti għandhom jiġu nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. Żewġ esperti u żewġ sostituti għandhom jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni minn fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni. L-uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-GPMB.

3. Il-GPMB jista' jistieden esperti oħra biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-GPMB kif xieraq sabiex ikun jista' jwettaq l-għan tiegħu kif stabbilit fil-paragrafu 1.

4. Il-GPMB għandu jiltaqa' fl-uffiċċji tal-Kummissjoni. Is-segretarjat tiegħu għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.

5. Il-GPMB għandu jistabbilixxi t-termini ta' referenza tiegħu stess. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ wara li tingħata opinjoni favorevoli mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni.

6. Bla ħsara għall-Artikolu 15(2), l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-GPMB għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, safejn dawn ma jkunux irrimborsati minn sorsi oħra. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-esperti fil-GPMB nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u esperti mistiedna skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li jirriżultaw b'konnessjoni mal-ħidma tal-GPMB, ir-'Regoli dwar ir-rimbors tal-ispejjeż li jsiru minn persuni minn barra l-Kummissjoni mistiedna sabiex jattendu laqgħat f'kapaċità ta' esperti' tal-Kummissjoni għandhom japplikaw.”

(5) Fl-Artikolu 19, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Din għandha tiskadi fid-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha f'konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1. L-ISEM TAL-PROPOSTA:

Din id-dikjarazzjoni takkumpanja żewġ proposti leġiżlattivi:

Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

2. QAFAS ABM / ABB

Qasam/Oqsma ta' Politika konċernat(i) u Attività/Attivitajiet assoċjata/i:

Titolu 18: Iż-żona tal-ħelsien, is-sigurtà u l-ġustizzja

Kapitolu 18 02: Solidarjetà – Fruntieri esterni, politika tal-viża u l-moviment liberu tan-nies

3. LINJI TAL-BAĠIT

3.1. Linji tal-Baġit (linji operattivi u linji ta’ assistenza teknika u amministrattiva relatati (ex-linji B..A) li jinkludu l-intestaturi:

18.02.04 01 – is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II)

3.2. Tul ta' żmien tal-azzjoni u tal-impatt finanzjarju:

Billi dawn l-istrumenti ta' emeda jestendu d-data tat-tmiem prevista fl-istrumenti li qed jiġu emendati, se jitqiesu biss l-ispejjeż ikkawżati miż-żieda fiż-żmien tal-fażi ta' żvilupp u migrazzjoni wara t-30 ta' Ġunju 2010. Dan jeskludi l-ispejjeż li għandhom jiġu impenjati sat-30 ta' Ġunju 2010.

L-ispejjeż operattivi ffinanzjati fuq bażi legali oħra, bħal b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar it-twaqqif, l-operat u l-użu tal-SIS II, huma esklużi wkoll.

L-approprjazzjonijiet għall-impenji li jirriżultaw min dawn l-istrumenti ta' emenda huma previsti għall-perjodu mit-30 ta' Ġunju 2010 sal-migrazzjoni, u għalhekk it-tmiem tal-istrumenti fil-pakkett ipprogrammat sabiex ikopri l-finanzjament tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira.

3.3. Il-karatteristiċi baġitarji (żid il-linji jekk meħtieġ) :

Linja tal-baġit | Tip ta’ nefqa | Ġdid | Kontribuzzjoni tal-EFTA | Kontribuzzjonijiet minn pajjiżi applikanti | Intestatura fil-perspettiva finanzjarja |

18 02 04 01 | Mhux obb. | Diff[27] | LE | LE | LE | 3a |

4. TAQSIRA TAR-RIŻORSI

4.1. Riżorsi finanzjarji

4.1.1. Ġabra fil-qosor tal-approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (AĦ)

EUR miljuni (sa tliet ċifri wara l-punt deċimali)

Tip ta’ nefqa | Taqsima nru | 2010 | 2011 | 2012 | Total |

Nefqa operattiva[28] |

Approprjazzjonijiet għall-Impenji (AI) | 8.1. | a | 6.566 | 6.284 | 0 | 12.850 |

Approprjazzjonijiet għall-Ħlasijiet (AĦ) | b | 4.924 | 6.355 | 1.571 | 12.850 |

Nefqa amministrattiva fi ħdan l-ammont ta' referenza[29] |

Assistenza teknika u amministrattiva (NDA) | 8.2.4. | c |

AMMONT TOTALI TA' REFERENZA |

Approprazzjonijiet għall-Impenji | a+c | 6.566 | 6.284 | 12.850 |

Approprjazzjonijiet għall-Ħlasijiet | b+c | 4.924 | 6.355 | 1.571 | 12.850 |

Nefqa amministrattiva mhux inkluża fl-ammont ta' referenza[30] |

Riżorsi umani u nefqa assoċjata (NDA) | 8.2.5. | d | 2.593 | 3.890 | 6.483 |

L-ispejjeż amministrattivi, minbarra r-riżorsi umani u l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu magħhom, mhux inklużi fl-ammont ta’ referenza (AMD) | 8.2.6. | e | 0.177 | 0.241 | 0.418 |

Total indikattiv tan-nefqa tal-intervent |

TOTAL tal-AI, inkluż l-infiq tar-Riżorsi Umani | a+c+d+e | 9.336 | 10.415 | 19.751 |

TOTAL tal-AĦ, inklużi l-ispejjeż tar-Riżorsi Umani | b+c+d+e | 7.694 | 10.486 | 1.571 | 19.751 |

Dettalji tal-kofinanzjament

Jekk il-proposta tipprevedi kofinanzjament min-naħa tal-Istati Membri, jew minn korpi oħrajn (jekk jogħġbok speċifika liema), għandha tiġi indikata stima tal-livell ta’ dan il-kofinanzjament fit-tabella hawn taħt (jistgħu jiżdiedu linji addizzjonali jekk jiġu previsti diversi korpi għall-għoti tal-kofinanzjament): M/A

- Il-kontribuzzjoni min-Norveġja 2.200081 % u mill-Iżlanda: 0,113386 % (ċifri tal-2007) għall-ispejjeż operattivi, ibbażati fuq l-Art 12 (1) it-tieni paragrafu tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36).

- Il-kontribuzzjoni mill-Iżvizzera: 2.402999 % (ċifri tal-2007), għall-ispejjeż operattivi, ibbażata fuq l-Art 11 (3) it-tieni paragrafu tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52).

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, il-proposta preżenti tibni fuq l- acquis ta’ Schengen, kif definit fl-Anness A tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta’ Schengen. L-Artikolu 12(1), l-aħħar paragrafu, ta' dan il-Ftehim jistipula li: “F’każijiet fejn l-ispejjeż operattivi jiġu attribwiti għall-baġit ġenerali tal-Komunità Ewropea, l-Iżlanda u n-Norveġja għandhom jaqsmu dawn l-ispejjeż billi jikkontribwixxu għal dan il-baġit somma annwali skont il-persentaġġ tal-prodott gross nazzjonali tal-pajjiżi tagħhom f’relazzjoni mal-prodott gross nazzjonali tal-Istati parteċipanti kollha”.

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta' Schengen. L-Artikolu 11(2) ta' dan il-Ftehim jistipula li: “Fir-rigward tal-ispejjeż għall-iżvilupp tas-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), l-Iżvizzera għandha tikkontribwixxi għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej somma annwali għas-snin finanzjarji relevanti li jibdew mis-sena finanzjarja 2002, ikkalkulata skont il-prodott gross domestiku tagħha bħala perċentwal tal-prodott gross domestiku tal-Istati parteċipanti kollha”.

4.1.2. Il-Kompatibbiltà mal-Ipprogrammar Finanzjarju

( Il-proposta hi kompatibbli mal-ipprogrammar finanzjarju eżistenti. L-approprjazzjonijiet neċessarji sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mil-laqgħat tal-GPMB se jiġu mill-approprjazzjonijiet li huma bħalissa previsti fl-Ipprogrammar Finanzjarju 2010-2013 għas-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen (SIS II).

( Din il-proposta teħtieġ programmar mill-ġdid tal-intestatura relevanti tal-perspettiva finanzjarja.

( Il-proposta tista’ teħtieġ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali[31] (jiġifieri strument ta’ flessibbiltà jew reviżjoni tal-perspettiva finanzjarja).

4.1.3. L-impatt finanzjarju fuq id-dħul

( Il-proposta ma għandhiex impatt finanzjarju fuq id-dħul

( Il-proposta għandha impatt finanzjarju – l-effett fuq id-dħul huwa dan li ġej:

Miljuni ta' EUR (sa ċifra deċimali waħda)

Qabel l-azzjoni [Sena n-1] | Il-qagħda wara l-azzjoni |

L-għadd totali tar-riżorsi umani | 50 | 50 |

5. KARATTERISTIĊI U GĦANIJIET

5.1. Ħtieġa li għandha tintlaħaq fi żmien qasir jew fit-tul

Il-proposta għandha l-mira li ttawwal il-bażi legali għall-migrazzjoni sakemm din tal-aħħar issir teknikament fattibli. Għandha wkoll l-għan li toħloq struttura tal-ġestjoni konformi mal-aħjar prattiki aċċettati internazzjonalment fil-qasam tal-ġestjoni. Minbarra dan, il-proposta tiżgura l-flessibbiltà legali għall-kisba tal-funzjonalitajiet tal-SIS II permezz ta' xenarju tekniku alternattiv ibbażat fuq l-SIS 1+, fil-każ li ssir bidla favur dan ix-xenarju. Il-proposta ma timmodifikax l-istruttura bażika tar-responsabbiltà, u lanqas ma tibdel l-istruttura bażika tal-finanzjament.

5.2. Il-valur miżjud tal-involviment Komunitarju, u l-koerenza tal-proposta ma’ strumenti finanzjarji oħrajn u s-sinerġiji possibbli

Fid-dawl tal-integrazzjoni tal- acquis ta' Schengen fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, u fid-dawl ukoll tal-fatt li l-SIS II tinvolvi kompetenzi kemm tal-Komunità u kif ukoll tal-Unjoni, il-proġett tal-ħolqien ta' sistema komuni tal-IT fuq skala kbira jitlob l-involviment tal-Komunità.

5.3. L-għanijiet, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi relatati mal-proposta fil-kuntest tal-qafas tal-ABM

L-għan ewlieni tal-proposta huwa li jiġi żgurat li l-SIS II tibda taħdem b'suċċess. Ir-riżultat mistenni ta’ din il-proposta huwa li tiġi żgurata l-migrazzjoni bla skossi tad-dejta mill-SIS 1+ għall-SIS II kif ukoll il-konverżjoni sħiħa għall-SIS II. L-indikatur huwa li l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw għandhom jemigraw b'suċċess id-dejta u s-sistemi tagħhom.

5.4. Metodu ta’ Implimentazzjoni (indikattiv)

( Ġestjoni Ċentralizzata

( direttament mill-Kummissjoni

( indirettament b’delega lill-:

( Aġenziji eżekuttivi

( entitajiet stabbiliti mill-Komunitajiet kif imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju

( entitajiet nazzjonali tas-settur pubbliku/entitajiet b'missjoni ta' servizz pubbliku

( Ġestjoni maqsuma jew deċentralizzata

( mal-Istati Membri

( mal-pajjiżi Terzi

( Ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (li għandhom jiġu speċifikati)

Kummenti relevanti: M/A

6. MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

6.1. Sistema ta’ monitoraġġ

Il-progress jiġi evalwat regolarment, filwaqt li l-prestazzjoni tiġi mkejla skont l-istandards meħtieġa u kriterji stabbiliti minn qabel. Dan huwa ttrattat partikolarment permezz ta' kuntrattur tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità.

6.2. Evalwazzjoni

6.2.1. Evalwazzjoni ex-ante

Ir-rapport ta' valutazzjoni u tqabbil dwar id-direzzjoni ulterjuri tal-SIS II ippreżentat lill-Kunsill mill-Presidenza u l-Kummissjoni jipprovdi evalwazzjoni ex ante . Fuq din il-bażi, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4-5 ta' Ġunju 2009 jinnutaw it-tmiem tal-perjodu ta' tiswija u analiżi tal-SIS II, li matulu numru konsiderevoli ta' kwistjonijiet u żbalji magħrufa ssewwew u jew tfasslu jew ġew implimentati soluzzjonijiet sabiex jirrimedjaw għalihom. Il-Kunsill ikkonkluda li l-iżvilupp tal-SIS II għandu jkompli fuq il-bażi tal-proġett kurrenti tal-SIS II u li l-SIS 1+RE jinżamm bħala pjan ta' kontinġenza.

6.2.2. Miżuri li jittieħdu wara evalwazzjoni intermedja/ex-post (tagħlimiet minn esperjenzi simili fil-passat)

Il-Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm qed jitwaqqaf mal-proposti preżenti, u dan iqis l-esperjenza mill-ġestjoni tal-iżvilupp tal-SIS II fuq il-bażi tal-istruttura operattiva kif kienet ġiet stabbilita mill-istrumenti li issa qed jiġu emendati.

6.2.3. Termini u frekwenza tal-evalwazzjoni futura

L-evalwazzjoni futura se ssir fuq il-bażi tal-“kisbiet importanti” ta' kull sitt xhur kif stabbiliti fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4-5 ta' Ġunju 2009.

7. Miżuri kontra l-frodi

Jekk ikunu meħtieġa xi kuntratti addizzjonali, il-proċeduri tal-Kummissjoni għall-għoti tal-kuntratti jiġu applikati, u dan jiggarantixxi l-konformità mal-liġi tal-Komunità dwar il-kuntratti pubbliċi.

8. DETTALJI TAR-RIŻORSI

8.1. Għanijiet tal-proposta f’termini ta’ spejjeż

Approprjazzjonijiet għall-impenji f’EUR miljuni (sa 3 ċifri wara l-punt deċimali)

(Għandhom jitniżżlu l-intestaturi tal-għanijiet, l-azzjonijiet u r-riżultati) | Tip ta’ riżultat | Spiża medja | Sena 2010 | Sena 2011 | TOTAL |

Sena 2010 | Sena 2011 |

L-uffiċjali jew il-persunal temporanju[32] (XX 01 01) | A*/AD | 24 | 24 |

B*, C*/AST | 9 | 9 |

Persunal iffinanzjat[33] permezz tal-art. XX 01 02 | 17 | 17 |

Persunal ieħor[34] iffinanzjat permezz tal-art. XX 01 04/05 |

TOTAL | 50 | 50 |

8.2.2. Deskrizzjoni tal-ħidmiet li jirriżultaw mill-azzjoni

- Koordinazzjoni tal-Programmi

- Ġestjoni tal-Proġetti

- Ġestjoni Teknika

- Evalwazzjoni u Rappurtar

- Ġestjoni tal-akkwisti pubbliċi, ġestjoni tal-kuntratti u ġestjoni finanzjarja

8.2.3. L-oriġini tar-riżorsi umani (statutorji)( Karigi li bħalissa huma allokati għall-ġestjoni tal-programm li għandu jinbidel jew jiġi estiż

( Karigi allokati minn qabel fl-eżerċizzju APS/PDB għas-sena n

( Karigi li se jintalbu fil-proċedura APS/PDB li jmiss

( Karigi li għandhom jitqassmu mill-ġdid bl-użu ta’ riżorsi eżistenti fi ħdan is-servizz ta’ tmexxija (riallokazzjoni interna)

( Karigi meħtieġa għas-sena n, iżda mhux previsti fl-eżerċizzju tal-APS/PDB tas-sena kkonċernata

8.2.4. Infiq amministrattiv ieħor inkluż fl-ammont ta’ referenza (XX 01 04/05 – Nefqa fuq ġestjoni amministrattiva)

M/A

8.2.5. L-ispejjeż tar-riżorsi umani u spejjeż relatati mhux inklużi fl-ammont ta’ referenza

EUR miljuni (sa tliet ċifri wara l-punt deċimali)

Tip ta’ riżorsi umani | Sena 2010 (pro rata mill-ewwel ta' Lulju) | Sena 2011 (pro rata saż-żmien previst tal-migrazzjoni) |

Uffiċjali u persunal temporanju (XX 01 01) | 2.013 | 3.020 |

Il-persunal iffinanzjat permezz tal-Artikolu XX 01 02 (il-persunal awżiljarju, l-SNEs, il-persunal b’kuntratt, eċċ.) (speċifika l-linja tal-baġit) | 0.580 | 0.870 |

Spiża totali tar-Riżorsi Umani u spejjeż assoċjati (MHUX fl-ammont ta' referenza) | 2.593 | 3.890 |

Kalkolu – Uffiċjali u aġenti temporanji |

AD/AST – 122,000 EUR kull sena * 33 persuna = 4.026 mEUR |

Kalkolu – Persunal iffinanzjat taħt l-art. XX 01 02 |

Persunal Kontrattwali (art 18 01 02 01 01): 64,000 EUR kull sena * 9 persuni = 0.576 mEUR |

Esperti nazzjonali (art 18 01 02 01 03): 73,000 EUR kull sena * 8 persuni = 0.584 mEUR |

8.2.6. Nefqa oħra amministrattiva mhux inkluża fl-ammont ta' referenza EUR miljuni (sa tliet ċifri wara l-punt deċimali) |

Sena 2010 | Sena 2011 | TOTAL |

XX 01 02 11 01 – Missjonijiet | 0.082 | 0.099 | 0.181 |

XX 01 02 11 02 – Laqgħat u Konferenzi | 0.095 | 0.142 | 0.237 |

2 Nefqa Oħra ta’ Ġestjoni Totali (XX 01 02 11) | 0.177 | 0.241 | 0.418 |

3 Nefqa oħra ta' natura amministrattiva (speċifika billi tinkludi r-referenza għal-linja tal-baġit) |

Nefqa amministrattiva totali, għajr għal riżorsi umani u spejjeż assoċjati (MHUX inkluża fl-ammont ta’ referenza) | 0.177 | 0.241 | 0.418 |

Il-missjonijiet jinkludu żjajjar għal 27 Stat li qed jipparteċipaw għal persuna waħda kull sena u vjaġġi ta' kull ġimgħa lejn Strasbourg għal żewġ persuni saż-żmien previst tal-migrazzjoni.

Il-ħtiġijiet għal riżorsi umani u amministrattivi għandhom ikunu koperti fi ħdan l-allokazzjoni li tista’ tingħata lid-DĠ responsabbli għall-ġestjoni fil-qafas tal-proċedura annwali ta' allokazzjoni fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji. [pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

[2] ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

[3] ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19 kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43).

[4] ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4.

[5] ĠU L 411, 30.12.2006, p. 1.

[6] ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1.

[7] ĠU L 411, 30.12.2006, p. 78.

[8] ĠU L 381, 28.12.2006, p. 1.

[9] ĠU L 79, 20.03.2007, p. 20 u ĠU L 79, 20.03.2007, p. 29.

[10] ĠU L 57, 1.3.2008, p. 1.

[11] ĠU L 57, 1.3.2008, p. 14.

[12] ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1.

[13] ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.

[14] ĠU C […], […], p. […].

[15] ĠU C […], […], p. […].

[16] ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

[17] ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

[18] ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1.

[19] ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.

[20] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[21] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

[22] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[23] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

[24] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[25] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

[26] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

[27] Approprjazzjoni differenzjata.

[28] Nefqa li ma taqax taħt il-Kapitolu xx 01 tat-Titolu xx konċernat.

[29] Nefqa fl-Artikolu xx 01 04 tat-Titolu xx.

[30] In-nefqa fil-Kapitolu xx 01 għajr għall-Artikoli xx 01 04 jew xx 01 05.

[31] Ara l-punti 19 u 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

[32] L-ispiża ta’ dawn MHIX koperta bl-ammont ta’ referenza.

[33] L-ispiża ta’ dawn MHIX koperta bl-ammont ta’ referenza.

[34] L-ispiża ta’ dawn hija inkluża fl-ammont ta’ referenza.

Top